KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

NORKUS

ippreżentati fit‑8 ta’ Mejju 2025 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑72/24 [Keladis I] u C‑73/24 [Keladis II] ( i )

HF (C‑72/24)

WI (C‑73/24)

vs

Anexartiti Archi Dimosion Esodon

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mid-Dioikitiko Protodikeio Thessalonikis (il-Qorti Amministrattiva tal-Ewwel Istanza ta’ Thessaloniki, il-Greċja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Il-Kodiċi Doganali tal-Komunità – Regolament (UE) Nru 952/2013 – Kodiċi Doganali tal-Unjoni – Importazzjonijiet ta’ merkanzija – Frodi li jirriżulta minn importazzjonijiet sottovalutati ta’ prodotti – Metodi sekondarji sabiex jiġi stabbilit il-valur doganali – Prattika amministrattiva li tuża l-‘prezz minimu aċċettabbli sabiex jiġi stabbilit il-valur doganali’”

I. Introduzzjoni

1.

Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mid-Dioikitiko Protodikeio Thessalonikis (il-Qorti Amministrattiva tal-Ewwel Istanza ta’ Thessaloniki, il-Greċja) skont l-Artikolu 267 TFUE jirrigwardaw l‑interpretazzjoni tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam doganali u kummerċjali, inkluż ta’ dispożizzjonijiet li jimplimentaw il-Ftehim Ġenerali dwar it‑Tariffi u l-Kummerċ.

2.

Dawn it-talbiet tressqu fil-qafas ta’ kawżi bejn żewġ persuni fiżiċi, HF, proprjetarju ta’ negozju ta’ prodotti tat-tessuti f’Grevena (il-Greċja), u WI, impjegat f’impriża ta’ importazzjoni, u l-Anexartiti Archi Dimosion Esodon (l-Awtorità Indipendenti għad-Dħul Pubbliku, il‑Greċja) fir-rigward ta’ diversi avviżi ta’ rkupru a posteriori relatati mas-sottomissjoni għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ta’ tranżazzjonijiet ta’ importazzjoni ta’ prodotti tat-tessuti mit‑Turkija. Permezz ta’ dawn l-avviżi, HF u WI, li huma allegatament involuti f’operazzjonijiet ta’ kuntrabandu, kienu suġġetti għal taxxi addizzjonali għar-reati hekk kommessi. Permezz tar-rikors tagħhom, HF u WI jitolbu l-annullament tal-imsemmija avviżi, billi jikkontestaw b’mod partikolari l-metodu li bih l-awtoritajiet doganali kkalkolaw il-valur doganali tal-merkanzija inkwistjoni, li jikkonsisti essenzjalment fl-użu ta’ ċerta data statistika.

3.

Il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-użu ta’ din id-data statistika sabiex jiġi stabbilit il-valur doganali hija l-kwistjoni ġuridika ċentrali li tqum f’dawn il-kawżi magħquda ( 2 ). Konsegwentament, b’konformità mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-konklużjonijiet tiegħi ser ikunu ffukati fuq din il-kwistjoni. Anki jekk il-ġurisprudenza eżistenti diġà tagħti ċerti punti ta’ riferiment, jidhirli li interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija meħtieġa fl-interess taċ-ċertezza legali, speċjalment peress li r-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju jista’ jkollha konsegwenzi finanzjarji kemm għall-persuni kkonċernati kif ukoll għall‑baġit tal-Unjoni. Tali interpretazzjoni għandha tiżgura wkoll applikazzjoni uniformi tal-metodi sabiex jiġi stabbilit il-valur doganali mill-awtoritajiet nazzjonali ( 3 ).

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt internazzjonali

4.

Fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi, huwa rilevanti l-Artikolu 7(2)(f) tal‑Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal‑1994 ( 4 ).

B. Id-dritt tal-Unjoni

5.

Fil-qafas ta’ dawn il-kawżi, huma rilevanti, l-Artikolu 85 tad‑Direttiva 2006/112/KE ( 5 ), l-Artikoli 29 sa 31 tal-Kodiċi Doganali tal‑Komunità ( 6 ), l-Artikoli 152 u 181a, u l-Anness 23 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 ( 7 ), l-Artikoli 70, 71 u 74 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ( 8 ), u l-Artikoli 140, 142 u 144 tar‑Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 ( 9 ).

C. Id-dritt Grieg

6.

L-Artikolu 29(1) u (6) tan-Nomos 2960/2001 – Ethnikos Teloniakos Kodikas (il-Liġi 2960/2001 dwar il-Kodiċi Nazzjonali Doganali) (FEK A’ 265, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”) jistipula:

“1.   Dejn doganali huwa l-obbligu ta’ kull persuna fiżika jew ġuridika lejn awtorità doganali li tħallas id-dazji doganali, it-taxxi, inkluż it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), u dazji u taxxi oħra imposti mill-Istat, li huma dovuti fuq merkanzija u li huma applikati għalihom skont id‑dispożizzjonijiet rilevanti.

6.   Huma responsabbli għad-dejn doganali, id-dikjarant, il-persuna li għan-nom tagħha hija ppreżentata dikjarazzjoni ta’ dazji tas-sisa u ta’ taxxi oħra, u kwalunkwe persuna oħra li hija responsabbli mid-dejn skont dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni doganali. […]”

7.

Skont l-Artikolu 33(1) tal-Kodiċi Doganali:

“Wara li jippreżentaha lill-awtorità doganali, il-proprjetarju tal‑merkanzija jew ir-rappreżentant legali tiegħu, fir-rigward tal‑leġiżlazzjoni fis-seħħ, għandu jippreżenta dikjarazzjoni sabiex din il‑merkanzija titpoġġa taħt kwalunkwe sistema doganali jew tiġi assenjata lil waħda mid-destinazzjonijiet doganali l-oħra, skont id‑dispożizzjonijiet speċifiċi tal-leġiżlazzjoni Komunitarja.”

8.

L-Artikolu 155 ta’ dan il-Kodiċi jistipula:

“1.   Tikkostitwixxi kuntrabandu:

[…]

b)

kwalunkwe azzjoni intiża sabiex iċaħħad lill-Istat Grieg jew lill-Unjoni Ewropea mid-dazji doganali, taxxi jew ħlasijiet finanzjarji oħra li huma dovuti lilhom minħabba merkanzija importata jew esportata, inkluż meta jkunu nġabru f’mument jew b’mod differenti minn kif previst mil-liġi. Ir‑reati msemmija f’dan il-paragrafu jagħtu lok għall-impożizzjoni ta’ dazji ogħla fuq l-awturi tagħhom skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il‑Kodiċi u dan, anki jekk l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw li l‑elementi li jikkostitwixxu kuntrabandu suġġett għal prosekuzzjoni ma humiex issodisfatti.

2.   Huma kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu kuntrabandu:

[…]

g)

ix-xiri, il-bejgħ u d-detenzjoni ta’ merkanzija importata jew imqiegħda għall-konsum b’mod li jikkostitwixxi reat ta’ kontrabandu;

[…];

i)

Is-sottovalutazzjoni jew il-valutazzjoni żejda ta’ merkanzija importata jew esportata, jekk tirriżulta f’telf ta’ drittijiet doganali, taxxi jew ħlasijiet finanzjarji oħra [punt i) kif issostitwit bl-Artikolu 1(60) tal‑Liġi 3583/2007].

[…]”

9.

L-Artikolu 35(3) tan-Nomos 2859/2000 – Kyrosi Kodika Forou Prostithemenis Axias (il-Liġi Nru 2859/2000 dwar il-Kodiċi tal-VAT) (FEK A’ 248/7.11.2000, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-VAT” jistipula:

“3. Għall-importazzjoni tal-merkanzija, il-persuna suġġetta għall-VAT hija l-persuna meqjusa bħala l-proprjetarja tal-oġġetti importati, skont id‑dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni doganali.”

III. Il-fatti li wasslu għall-kawżi, il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

A. Il-Kawża C‑72/24 (Keladis I)

10.

Fl‑2014, HF, fil-qafas tal-attività kummerċjali tiegħu, importa fil‑Greċja prodotti ta’ tessuti mit-Turkija.

11.

Id-dikjarazzjonijiet doganali ġew ippreżentati lill-awtoritajiet doganali skont il-proċedura ssimplifikata ta’ dikjarazzjoni prevista fl‑Artikolu 81 tal-KDK li jistipula li dawn l‑awtoritajiet jistgħu, fuq talba tad-dikjarant, jaqblu li dazji fuq l‑importazzjoni jiġu imposti fuq il-konsenja kollha skont il-klassifika tat‑tariffa tal-merkanzija li huma suġġetti għall-ogħla rata ta’ dazju fuq l‑importazzjoni.

12.

Skont id-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE‑Turkija tat‑22 ta’ Diċembru 1995 dwar l-implimentazzjoni tal-fażi finali tal-Unjoni Doganali (96/142/CE) (ĠU 2014, L 13, p. 74), dazji doganali ma jinġabrux fuq merkanzija mit‑Turkija. Konsegwentament, il-merkanzija ddikjarata mill‑kumpannija importatriċi kienet suġġetta biss għall-VAT fuq l‑importazzjoni, u bħala bażi ta’ tassazzjoni intuża l-valur doganali indikat minn din il-kumpannija fid-dikjarazzjonijiet ta’ importazzjoni tagħha.

13.

Fl‑2016, wara lment minħabba sottovalutazzjoni ta’ merkanzija importata, l-awtoritajiet doganali wettqu investigazzjoni li fi tmiemha rriżulta li kien hemm indizji fondati li jissuġġerixxu li l-valur doganali indikat f’diversi dikjarazzjonijiet doganali kienu ineżatti u li d‑destinatarju tal-merkanzija indikat f’dawn id-dikjarazzjonijiet ma kienx il-proprjetarju reali tal-merkanzija.

14.

Minħabba d-dubji tagħhom, l-awtoritajiet doganali pproċedew, fl‑14 ta’ Diċembru 2016, b’kontrolla posteriori tad-dikjarazzjonijiet doganali kollha li fi tmiemu huma kkonkludew li kien hemm sistema ta’ kontrabandu li minnha oriġinaw 289-il dikjarazzjoni ta’ importazzjoni falza. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet doganali sostnew li, permezz ta’ mekkaniżmu kumpless ta’ frodi, din is-sistema kienet tinvolvi d‑dikjarazzjoni ta’ valuri doganali sinjifikattivament inqas mill-valuri minimi kummerċjalment vijabbli.

15.

Madankollu, l-awtoritajiet doganali rrilevaw li, minħabba l‑impossibbiltà ta’ kontroll fiżiku a posteriori tal-merkanzija u d‑deskrizzjoni ġenerali tagħha fil-fatturi korrispondenti, huma ma kinux f’pożizzjoni li jikkostitwixxu mill-ġdid il-prezzijiet reali effettivament imħallsa għal din il-merkanzija lill-fornituri Torok.

16.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex jiġi stabbilit il-valur doganali tal‑merkanzija inkwistjoni, l-awtoritajiet doganali pproċedew billi stabbilixxew prezz minimu aċċettabbli (“lowest acceptable price”) (iktar ’il quddiem il-“PMA”) billi użaw għodda ta’ evalwazzjoni tar-riskji bbażata fuq data fil-livell tal-Unjoni, żviluppata mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF).

17.

L-ewwel nett, dan il-metodu jikkonsisti fil-kalkolu ta’ “prezz medju aġġustat” (“cleaned average price”) (iktar ’il quddiem il-“PMC”), imsejjaħ ukoll il-“prezz ġust” (“fair price” jew “fair value”). Il-PMC huma kkalkolati abbażi tal-prezzijiet ta’ kull xahar tal-importazzjoni tal‑prodotti kkonċernati mit-Turkija estratti mill-Comext, id-database ta’ riferiment għall-istatistika ddettaljata tal-kummerċ internazzjonali tal‑merkanzija ġġenerata mill-Eurostat. Dawn huma estimi statistiċi tal‑prezzijiet ta’ prodotti kkummerċjalizzati, ikkalkolati abbażi ta’ data li teskludi l-prezzijiet estremi.

18.

Fl-aħħar nett, jiġi kkalkolat valur li jikkorrispondi għal 50 % tal‑PMC, li jikkostitwixxi l-PMA. Dan tal-aħħar, espress ukoll bħala prezz għal kull kilogramma, huwa użat bħala profil jew livell ta’ riskju li jippermetti lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jidentifikaw il-valuri partikolarment baxxi ddikjarati fl-importazzjoni u, konsegwentament, l-importazzjonijiet li għandhom riskju sinjifikattiv ta’ sottovalutazzjoni.

19.

Fil-fatt, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri kollha għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom sistema ta’ komunikazzjoni, is-Sistema ta’ Informazzjoni għal Kontra l-Frodi (Anti-Fraud Information System – AFIS), li fiha jipparteċipa wkoll l‑OLAF. Permezz ta’ din is-sistema u bl-użu b’mod iktar speċifiku tal‑għodda ta’ sorveljanza awtomatizzata (Automated Monitoring Tool, iktar ’il quddiem l-“AMT”), huma jistgħu jidentifikaw il-każijiet ta’ sottovalutazzjoni.

20.

Fil-qafas ta’ din il-kawża, abbażi tal-PMA hekk ikkalkolat, l‑awtoritajiet doganali stabbilixxew il-“prezz tal-unità” fis-sens tal‑Artikolu 30(2)(c) tal-KDK. Dawn l‑awtoritajiet immotivaw din l-għażla fid-dawl tal-impossibbiltà li jibbażaw ruħhom, minn naħa waħda, fuq il-valur tat-tranżazzjoni fittizju tal-prodotti inkwistjoni, intenzjonalment sottovalutati, u, min-naħa l‑oħra, fuq il-valur tat-tranżazzjoni ta’ prodotti identiċi jew simili, fid‑dawl tad-deskrizzjoni inkompleta ta’ prodotti fil-fatturi annessi mad‑dikjarazzjonijiet doganali. Barra minn hekk, l-imsemmija awtoritajiet ma kinux f’pożizzjoni li jiċċekkjaw fiżikament il-merkanzija inkwistjoni a posteriori peress li din ma kinitx ġiet ikkonfiskata.

21.

F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet doganali jindikaw li ħadd mill-parteċipanti fin-netwerk ta’ allegat kontrabandu ma pprovda, fil‑qafas tal-ispjegazzjonijiet tiegħu, elementi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-valuri doganali użati kienu ferm ogħla mill-prezzijiet effettivament imħallsa.

22.

L-awtoritajiet doganali b’hekk ikkonstataw li l-ammont ta’ VAT li ma tħallasx b’mod frawdolenti kien jammonta, fir-rigward tal-merkanzija kollha li kienet suġġetta għal dikjarazzjoni frawdolenti bis-saħħa tas-sistema ta’ kontrabandu inkwistjoni, għal EUR 6 211 300.18.

23.

Fir-rigward tal-involviment ta’ HF f’din is-sistema ta’ kontrabandu, dan kellu, matul is-sena 2014, merkanzija suġġetta għal dikjarazzjoni falza ta’ valur doganali u għandu jagħti, minħabba f’hekk, skont id-dritt nazzjonali, il-VAT li ma tħallsitx dovuta fuq din il‑merkanzija.

24.

HF ippreżenta rikors kontra l-avviżi ta’ rkupru inkwistjoni quddiem id-Dioikitiko Protodikeio Thessalonikis (il-Qorti Amministrattiva tal-Ewwel Istanza ta’ Thessaloniki), il-qorti tar‑rinviju. Huwa sostna li d-determinazzjoni tal-valur doganali tal‑merkanzija abbażi tal-PMA hija illegali għaliex dawn tal-aħħar, bħala data statistika tal-prezzijiet tal-importazzjoni, jistgħu jiġu użati biss sabiex jiġi kkontestat il-valur iddikjarat iżda ma għandhomx jikkostitwixxu metodu sabiex jiġi stabbilit il-valur doganali. Barra minn hekk, huwa jqis li kien ġie definittivament meħlus mir-reat ta’ kontrabandu permezz ta’ sentenza tat-Trimeles Plimmeleiodikeio Grevenon (il-Qorti Kriminali komposta minn tliet imħallfin ta’ Grevena, il-Greċja).

25.

Preliminarjament, il-qorti tar-rinviju tqis li ma hijiex marbuta bis‑sentenza ta’ liberazzjoni definittiva mogħtija mit-Trimeles Plimmeleiodikeio Grevenon (il-Qorti Kriminali komposta minn tliet imħallfin ta’ Grevena) ħlief sa fejn l-avviżi ta’ rkupru imponew fuq HF dazji addizzjonali li huwa jitlob li jiġu annullati. Min-naħa l-oħra, hija tqis li HF jibqa’ dejjem responsabbli għall-VAT fuq l-importazzjoni li ma tħallsitx.

26.

Id-Dioikitiko Protodikeio Thessalonikis (il-Qorti Amministrattiva tal-Ewwel Istanza ta’ Thessaloniki) għandha dubji dwar il-konformità, mad-dritt tal-Unjoni, tal-użu ta’ prezzijiet ta’ limitu sabiex jiġi stabbilit il‑valur doganali. Għalhekk, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Il-valuri statistiċi msejħa ‘valuri ta’ limitu’ (threshold values) jew ‘prezzijiet ġusti’ (fair prices) – li huma bbażati fuq d-database statistika COMEXT tal-Eurostat u dderivati […] [mill-AFIS] […] tal-OLAF, li tagħha l-għodda ta’ sorveljanza awtomatizzata […] [AMT] tikkostitwixxi applikazzjoni, u li huma disponibbli għall-awtoritajiet doganali nazzjonali permezz tas-sistema elettronika speċifika għalihom – jissodisfaw il-kundizzjoni ta’ aċċessibbiltà għall-operaturi ekonomiċi kollha stabbilita fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑9 ta’ Ġunju 2022, FAWKES [(C‑187/21, EU:C:2022:458)]? Id‑data li tinsab fihom hija data purament aggregata, fis-sens tar‑Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Mejju 2009 dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma’ pajjiżi li mhumiex membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/95 [ĠU 2009, L 152, p. 23] u tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 113/2010 tad‑9 ta’ Frar 2010 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma’ pajjiżi li mhumiex membri, fir-rigward tal-kopertura kummerċjali, id-definizzjoni tad-dejta, il-kompilazzjoni tal-istatistika dwar il-kummerċ skont il-karatteristiċi tan-negozju u skont il-munita tal-fatturat, u movimenti jew oġġetti speċifiċi [ĠU 2010, L 37, p. 1], li kienu fis-seħħ fil-mument tal-fatti kontenzjużi?

2)

Fil-kuntest ta’ kontroll a posteriori, li matulu kontroll fiżiku tal‑merkanzija importata ma jkunx possibbli, l-awtoritajiet doganali nazzjonali jistgħu jużaw dawn il-valuri statistiċi tad-database COMEXT – fl-ipoteżi fejn dawn huma aċċessibbli għal kulħadd u ma fihomx data purament aggregata – biss bl-għan uniku li jiġġustifikaw id-dubji raġonevoli tagħhom dwar jekk il-valur indikat fid-dikjarazzjonijiet doganali jirrappreżentax il-valur ta’ tranżazzjoni, jiġifieri l-ammont effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għal din il-merkanzija, jew jistgħu wkoll jużaw dawn il-valuri statistiċi sabiex jiddeterminaw, abbażi tagħhom, il‑valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija bl-applikazzjoni tal‑metodu alternattiv previst fl-Artikolu 30(2)(ċ) tal-[KDK] – jew fl-Artikolu 7[4](2)(c) tal-[KDU] – imsejjaħ ‘metodu deduttiv’, jew, jekk ikun il-każ, b’metodu alternattiv ieħor? X’effett għandha l-impossibbiltà li jiġi vverifikat li dawn il-valuri statistiċi jikkonċernaw merkanzija identika jew simili u li kienet is-suġġett ta’ tranżazzjonijiet qrib fiż‑żmien, skont l-Artikolu 152(1) tar-[Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-KDK] fuq ir-risposta għal din id-domanda?

3)

Fi kwalunkwe każ, l-użu ta’ dawn il-valuri statistiċi sabiex jiġi ddeterminat il-valur doganali ta’ ċerta merkanzija importata, użu li jwassal għall-applikazzjoni ta’ prezzijiet minimi, huwa konformi mal-obbligi li jirriżultaw mill-ftehim internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar il-valutazzjoni doganali (imsejjaħ ukoll ftehim dwar l-implimentazzjoni tal‑Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal‑1994), li għalih l-Unjoni Ewropea hija parti, fid-dawl tal-fatt li dan il-ftehim jipprojbixxi espressament l-użu ta’ prezzijiet minimi?

4)

Bħala estensjoni tad-domanda preċedenti, ir-riżerva favur il‑prinċipji u d-dispożizzjonijiet ġenerali tal-ftehim internazzjonali ċċitat iktar ’il fuq dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VII tal‑Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994, li tirriżulta mill-Artikolu 31(1) tal-[KDK] fil-każ fejn jiġi applikat il-metodu ‘fall back’ (metodu ta’ riżerva) ta’ determinazzjoni tal-valur doganali u, b’mod korrispondenti, l‑esklużjoni tal-applikazzjoni ta’ valuri minimi, prevista fl‑Artikolu 31(2) tal-[KDK] (iżda li ma hijiex inkluża fid-dispożizzjoni korrispondenti tal-Artikolu 74(3) tal-[KDU...], japplikaw biss meta dan il‑metodu jiġi applikat, jew jirregolaw il-metodi alternattivi kollha għad-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali?

5)

Jekk jirriżulta li, waqt l-importazzjoni, intużat is-simplifikazzjoni permezz ta’ raggruppament ta’ intestaturi tariffarji, prevista fl‑Artikolu 81 tal-[KDU] (issa l‑Artikolu 177 tal-[KDU]), jista’ jiġi applikat il-metodu alternattiv previst fl-Artikolu 30(2)(ċ) tal-[KDK] (jew fl-Artikolu 70(2)(c) tal-[KDU], minkejja l-eteroġeneità tal-merkanzija ddikjarata taħt l-istess kodiċi TARIC fl-istess dikjarazzjoni doganali u l-valur fittizju hekk stabbilit għall-merkanzija li ma taqax taħt dan il-kodiċi?

6)

Fl-aħħar nett, indipendentement mid-domandi preċedenti, id‑dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Griega li jindikaw il-persuni responsabbli għall-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni huma preċiżi biżżejjed fid-dawl tar-rekwiżiti tad-dritt [tal-Unjoni], meta dawn jindikaw bħala persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa l-‘allegat proprjetarju tal-merkanzija importata’”?

B. Il-Kawża C-73/24 (Keladis II)

27.

Minbarra l-fatt li, minn naħa waħda, WI hija impjegata ta’ impriża tal-kummerċ bl-ingrossa ta’ prodotti ta’ tessuti mit-Turkija u li hija allegatament kienet taf bis-sistema ta’ kuntrabandu inkwistjoni peress li hija kienet inkarigata mill-parti l-kbira tal-ġestjoni ta’ din l-impriża u, min-naħa l-oħra, li d-dikjarazzjonijiet doganali inkwistjoni ġew ippreżentati bejn ix-xahar ta’ Marzu 2014 u x-xahar ta’ Diċembru 2016, il-fatti u l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑73/24 [Keladis II] huma analogi għal dawk fid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑72/24 [Keladis I].

28.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-Dioikitiko Protodikeio Thessalonikis (il‑Qorti Amministrattiva tal-Ewwel Istanza ta’ Thessaloniki) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, redatti f’termini analogi għal dawk użati fit-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑72/24 [Keladis I]:

“1)

Meta jitnisslu dubji fondati fuq il-kwistjoni dwar jekk il-valur iddikjarat għal skopijiet doganali ta’ merkanzija importata huwiex il-valur ta’ tranżazzjoni reali tagħha iżda li, waqt il-kontroll a posteriori, huwa impossibbli – għar-raġuni, minn naħa, li l‑merkanzija evitat is-sekwestru u għalhekk ma tistax tkun suġġetta għal kontroll fiżiku u min-naħa l-oħra, li d-deskrizzjoni tagħha fid‑dokumenti li jakkumpanjaw id-dikjarazzjoni ta’ importazzjoni ssir f’termini ġenerali u impreċiżi – li jiġi ddeterminat il-valur ta’ tranżazzjoni abbażi tal-metodi (valur ta’ tranżazzjoni ta’ prodotti identiċi u simili) imsemmija fl-Artikolu 30(2)(a) u (b) tal-[KDK] u fl-Artikolu 74(2)(a) u (b) tal-[KDU], prassi amministrattiva li tikkonsisti fit-teħid, bħala bażi tad-determinazzjoni tal-valur ta’ tranżazzjoni tal‑merkanzija, fil-kuntest tal-‘metodu deduttiv’ imsemmi fid‑dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, tal-‘prezzijiet ta’ limitu’ – li jinsabu fl-għodda ta’ sorveljanza awtomatizzata [..] fil-qosor ‘AMT’ […] [tal-AFIS] u li huma ddeterminati permezz ta’ metodi statistiċi – hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30(2)(ċ) tal-[KDK] u tal-Artikolu 74(2)(c) tal-[KDU]?

2)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-użu ta’ dawn il-‘prezzijiet ta’ limitu’ huwa awtorizzat fil-kuntest ta’ kwalunkwe metodu ieħor imsemmi fid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 30 u 31 tal-[KDK] u tal-Artikolu 74(1) sa (3) tal-[KDU]? Liema tkun b’mod iktar partikolari r-risposta, jekk tittieħed inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-flessibbiltà raġonevoli li għandha jkollha l-applikazzjoni tal‑‘metodu fall back’ (metodu ‘ta’ riżerva’) imsemmi fl‑Artikolu 31 tal-[KDK] u fl‑Artikolu 74(3) tal-[KDU] u, min-naħa l‑oħra, il-projbizzjoni espressa – prevista, għal dan l-istess ‘metodu fall back’, fl-Artikolu 31(2)(f) tal-[KDK] u fl-Artikolu 144(2)(f) tar-[Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-KDU] – li l-valur għal skopijiet doganali jiġi ddeterminat fuq il-bażi ta’ valuri minimi għal skopijiet doganali?

3)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għaż-żewġ domandi preċedenti, id‑dritt tal-Unjoni jippermetti li l-VAT evitata ma tiġix imputata lil importatur li sussegwentement ikun importa (barra minn hekk, b’mod sistematiku) merkanzija bi prezzijiet iktar baxxi minn dawk iddeterminati bħala l-prezzijiet minimi kummerċjalment vijabbli meta, waqt il-kontroll a posteriori, l-awtoritajiet doganali ma jkunux f’pożizzjoni li jiddeterminaw, permezz ta’ wieħed mill-metodi msemmija fl-Artikoli 30 u 31 tal-[KDK u fl-Artikolu 74(1) sa (3) tal-[KDU], il-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija importata, jew huwa permess f’tali każ, bħala l-aħħar għażla, li din l-imputazzjoni ssir fuq il-bażi tal-prezzijiet minimi aċċettabbli stabbiliti permezz ta’ metodi statistiċi, kif diġà ġie aċċettat fil-każ tal-imputazzjoni mill‑Kummissjoni tat-telf ta’ riżorsi proprji kontra Stat Membru li ma jkunx wettaq il-kontrolli doganali xierqa (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (Ġlieda kontra l-frodi tas-sottovalutazzjoni),C‑213/19, EU:C:2022:167)?

4)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni jew għat-tielet [domanda], il-valuri minimi ddeterminati permezz ta’ metodi statistiċi għandhom ikunu rappreżentattivi ta’ importazzjonijiet li seħħew fl-istess ħin jew kważi fl-istess ħin bħall-importazzjonijiet li huma s-suġġett tal-kontroll? Fil-każ ta’ risposta affermattiva, x’inhu l-intervall ta’ żmien massimu tollerabbli bejn l‑importazzjonijiet użati sabiex jinkiseb ir-riżultat statistiku u l‑importazzjonijiet li huma s-suġġett tal-kontroll (pereżempju, applikazzjoni b’analoġija tal-perijodu ta’ 90 jum imsemmi fl‑Artikolu 152(1)(b) tar-[Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-KDK] u fl‑Artikolu 142(2) tar-[Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-KDU])?

5)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għal waħda mill-ewwel tliet domandi, fir-rigward tal-użu tal-‘prezzijiet ta’ limiti’ għad‑determinazzjoni tal-valuri ta’ tranżazzjoni tal-merkanzija importata[,] fil-każ li hija l-proċedura ta’ simplifikazzjoni tad‑dikjarazzjonijiet doganali permezz tar-raggruppament tal‑merkanzija fi klassi tariffarja waħda – proċedura prevista fl‑Artikolu 81 tal-[KDK] u fl‑Artikolu 177 tal-[KDU] – li tkun ġiet segwita waqt l-importazzjoni, il-prinċipju tal-projbizzjoni li jinżammu valuri doganali arbitrarji jew fittizji jippermetti prassi amministrattiva li permezz tagħha l-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija kollha importata taħt kull dikjarazzjoni ta’ importazzjoni jiġi kkalkolat abbażi tal-“prezz ta’ limitu” stabbilit għall-prodott inkwistjoni, li l-klassi tariffarja tiegħu tkun ġiet inkluża fid-dikjarazzjoni ta’ importazzjoni, għar-raġuni li l-awtorità doganali tqis li hija marbuta – b’mod partikolari skont l‑Artikolu 222(2)(b) tar-[Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-KDU] – bir‑raggruppament imwettaq mill-importatur? Jew inkella l-prezz ta’ kull prodott għandu, għall-kuntrarju, jiġi ddeterminat abbażi tal‑intestatura tariffarja tiegħu stess, minkejja li l-kodiċi ma huwiex indikat fid-dikjarazzjoni ta’ importazzjoni, sabiex jiġi evitat ir‑riskju ta’ imputazzjoni ta’ dazji doganali u ta’ taxxi arbitrarji?”

IV. Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

29.

Id-deċiżjonijiet tar-rinviju fil-Kawżi C‑72/24 (Keladis I) u C‑73/24 (Keladis II), iddatati 30 ta’ Novembru 2023, waslu fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Jannar 2024.

30.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑25 ta’ Marzu 2024, il-Kawżi C‑72/24 (Keladis I) u C‑73/24 (Keladis II) ġew magħquda għall‑finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali u tas-sentenza.

31.

Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Grieg, dak Ċek, Spanjol u Franċiż, u l-Kummissjoni, ippreżentaw osservazzjonijiet bil‑miktub fit-terminu mogħti mill-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

32.

Waqt is-seduta tad‑29 ta’ Jannar 2025, ir-rappreżentanti ad litem tal-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Grieg, Ċek u Spanjol, u l‑Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet.

V. Analiżi legali

A. Rimarki preliminari

33.

Dawn il-kawżi magħquda jirrigwardaw, essenzjalment, l‑applikabbiltà tal-metodi differenti sabiex jiġi stabbilit il-valur doganali fil-każijiet fejn hemm riskju ta’ sottovalutazzjoni, iżda fejn kontroll fiżiku tal-merkanzija inkwistjoni ma huwiex possibbli peress li din ma kinitx ikkonfiskata mill-awtoritajiet doganali. Fid-dawl tal-impossibbiltà li jiġi stabbilit il-valur doganali reali, seta’ jkun opportun li jintużaw valuri statistiċi sabiex tersaq kemm jista’ jkun qrib il-valur doganali. Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar il-legalità ta’ tali approċċ, li ser neżamina f’dawn il-konklużjonijiet fid-dawl tar-regoli doganali applikabbli.

34.

Il-ħtieġa li tiġi kkjarifikata din il-kwistjoni tirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-funzjonament tal-Unjoni doganali jirrikjedi li jkun hemm kriterji uniformi sabiex jiġi stabbilit il-valur doganali tal-merkanzija importata minn pajjiżi terżi, għaliex dan huwa l-uniku mod biex tiġi żgurata politika kummerċjali komuni ( 10 ). L-uniformità ta’ dawn il-kriterji tevita d-distorsjonijiet li jistgħu jirrappreżentaw barrieri non-tariffarji għall-kummerċ, u tiżgura b’hekk fl-aħħar mill-aħħar konformità mar-regoli tas-sistema kummerċjali multilaterali ( 11 ).

35.

Preliminarjament, għandu jiġi nnotat li, bis-saħħa tal‑Artikolu 286(2) u tal-Artikolu 288(2) tal-KDU, il-KDK ġie ssostitwit mill-KDU, b’effett mill‑1 ta’ Mejju 2016. Madankollu, peress li l-fatti tal-kawża prinċipali fil-Kawża C‑73/24 (Keladis II) seħħew qabel u wara dik id-data, hemm lok li, sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula, tingħata interpretazzjoni tad‑dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ kodiċi. F’dan ir-rigward, l‑Artikoli 70 u 74 tal-KDU li jistipulaw ir-regoli sabiex jiġi stabbilit il‑valur doganali tal-merkanzija huma, essenzjalment, identiċi għar‑regoli previsti fl‑Artikoli 29 sa 31 tal-KDK. Għalhekk, il‑ġurisprudenza relatata mal-KDK hija, bħala regola, applikabbli għall‑KDU.

36.

Skont it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser ikunu ffukati fuq l-ewwel sar-raba’ domandi fil-Kawżi C‑72/24 (Keladis I) u C‑73/24 (Keladis II). Kif jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjonijiet tar-rinviju li minnhom oriġinaw żewġ kawżi magħquda, id-domandi preliminari differenti magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja jikkorrispondu ma’ diversi punti u jistgħu, minħabba f’hekk, jinġabru taħt tliet oqsma tematiċi. Dawn id-domandi jirrigwardaw, l-ewwelnett, il-possibbiltà li jintużaw valuri statistiċi meta l-valur doganali ma setax jiġi stabbilit skont l-Artikolu 29 tal-KDK u l-Artikolu 70 tal-KDU ( 12 ), it-tieni nett, il-kompatibbiltà tal-valuri ta’ limitu stabbiliti abbażi ta’ data statistika bil-projbizzjoni li jintużaw valuri doganali minimi ( 13 ) u, it-tielet nett l-intervall ta’ żmien massimu tollerabbli bejn l‑importazzjonijiet użati sabiex jinkiseb ir-riżultat statistiku u l‑importazzjonijiet li huma s-suġġett tal-evalwazzjoni ( 14 ). Ser nittratta d‑domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju fil-qafas ta’ espożizzjoni ta’ dawn it-tliet oqsma tematiċi.

B. Fuq il-metodi għall-kalkolu tal-valur doganali tal-merkanzija

37.

Madankollu, qabel ma jiġu eżaminati dawn l-aspetti, huwa importanti li tiġi spjegata r-rilevanza tal-valur doganali tal-merkanzija u bil-mod kif huwa kkalkolat mill-amministrazzjoni doganali. Il-valur doganali huwa użat sabiex jiġi stabbilit il-valur tal-merkanzija meta titpoġġa taħt sistemi doganali differenti. Huwa essenzjali wkoll sabiex jiġi stabbilit l‑ammont korrett ta’ dazji doganali li għandhom jitħallsu fuq il‑merkanzija rrilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera. Fl-Unjoni, il-valur doganali huwa użat ukoll għall-kalkolu tal-VAT ( 15 ). Fil-fatt, l-Artikolu 85 tad-Direttiva 2006/112 jistipula li “[r]igward l-importazzjoni ta’ merkanzija, l-ammont taxxabbli għandu jkun il-valur għal finijiet doganali, stabbilit skond id-disposizzjonijiet Komunitarji fis-seħħ.” L‑interpretazzjoni li dawn id-dispożizzjonijiet ingħataw fil‑ġurisprudenza għandha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni.

38.

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fil-ġurisprudenza tagħha ( 16 ), id‑dritt tal-Unjoni dwar l-evalwazzjoni doganali huwa intiż sabiex jistabbilixxi sistema ugwali, uniformi u newtrali li teskludi l-użu tal‑valuri doganali arbitrarji jew fittizji. Il-valur doganali għandu għalhekk jirrifletti l-valur ekonomiku reali ta’ merkanzija importata u, għaldaqstant, għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha ta’ din il‑merkanzija li għandhom valur ekonomiku ( 17 ). F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, skont l-Artikolu 29(1) tal-KDK ( 18 ), il-bażi sabiex jiġi stabbilit il-valur doganali għandu jkun il-“valur tat-tranżazzjoni” tal‑merkanzija importata, jiġifieri l-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija meta tinbiegħ għall-esportazzjoni lit‑territorju doganali tal-Unjoni, aġġustat jekk ikun il-każ skont l‑Artikoli 32 u 33 tal-KDK. Konsegwentament, sabiex jiġi stabbilit il‑valur doganali, għandha tingħata l-prijorità lill-“valur tat‑tranżazzjoni”. Il-metodu ta’ kalkolu tal-valur doganali tal-merkanzija bbażat fuq il-“valur tat-tranżazzjoni” huwa meqjus bħala l-iktar wieħed adattat u l-iktar wieħed użat ta’ spiss ( 19 ).

39.

Madankollu, f’ċerti każijiet, ma jkunx possibbli li l-valur doganali jiġi kkalkolat abbażi tal-valur tat-tranżazzjoni. L-Artikolu 181a tar‑Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-KDK jistipula li l-awtoritajiet doganali ma għandhomx neċessarjament jistabbilixxu l-valur doganali tal-merkanzija importata abbażi tal-valur tat-tranżazzjoni jekk huma għandhom dubju fondat li l-valur iddikjarat ma jirrappreżentax l-ammont totali mħallas jew li għandu jitħallas. F’dawn il-każijiet, huma jistgħu jirrifjutaw il-valur iddikjarat jekk id-dubji tagħhom jippersistu wara li jkunu talbu informazzjoni jew dokumenti supplementari u wara li jkunu taw lill-persuna kkonċernata opportunità raġonevoli sabiex issostni l‑perspettiva tagħha fir-rigward tar-raġunijiet li abbażi tagħhom huma fondati dawn id-dubji ( 20 ). Jekk l-importatur ma jasalx sabiex ineħħi d-dubji fondati tal-awtoritajiet doganali, jew jekk ma jissodisfax jew ma jipproduċix provi ġodda, l-awtoritajiet doganali jistgħu jiċħdu l-valur tat‑tranżazzjoni ddikjarat u japplikaw metodu ieħor sabiex jiġi stabbilit il-valur doganali. Jekk il-metodu tal-valur tat-tranżazzjoni ma jistax jiġi applikat jew jekk il-valur tat-tranżazzjoni ddikjarat huwa miċħud mill‑awtoritajiet doganali, il-valur doganali huwa stabbilit skont wieħed mill-metodi ta’ evalwazzjoni sekondarji. Dispożizzjoni simili tinsab fl‑Artikolu 140 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-KDU.

40.

F’dak li jirrigwarda l-validità tad-dubji dwar il-valur tat‑tranżazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-awtoritajiet doganali jistgħu jqisu li l-valur tat-tranżazzjoni ddikjarat tal-merkanzija importata huwa baxx b’mod mhux normali meta mqabbel mal-valur statistiku medju tal-importazzjoni ta’ merkanzija komparabbli. B’mod partikolari, meta l-prezz iddikjarat huwa iktar minn 50 % inqas mill-prezz statistiku medju, id-differenza tal-prezz tidher biżżejjed sabiex tiġġustifika d-dubji tal-awtoritajiet doganali u ċ-ċaħda tal-valur doganali ddikjarat. Din hija preċiżament is-sitwazzjoni li ppreżentat ruħha fil-kawżi inkwistjoni ( 21 ).

41.

Meta l-valur doganali ma jistax jiġi stabbilit, skont l-Artikolu 29 tal-KDK, permezz tal-valur tat-tranżazzjoni tal-merkanzija importata, l‑evalwazzjoni doganali ssir skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tal-KDK, bl-applikazzjoni, suċċessivament, tal-metodi previsti fil‑punti a) sa d) tal-Artikolu 30(2) tal-KDK ( 22 ). Fil-każ li lanqas huwa possibbli li jiġi ddeterminat il-valur doganali tal-merkanzija importata abbażi tal‑Artikolu 30 tal-KDK, l-evalwazzjoni doganali għandha ssir skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31 tal-KDK ( 23 ) skont il-metodu ta’ riżerva “fall back” ( 24 ).

42.

Kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, kemm mill-kliem tal‑Artikoli 29 sa 31 tal-KDK kif ukoll mill-ordni li skontha għandhom jiġu applikati l-kriterji ta’ determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali abbażi ta’ dawn l-artikoli, jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet huma marbuta bejniethom permezz ta’ rabta ta’ sussidjarjetà ( 25 ). Huwa biss meta l-valur għal skopijiet doganali ma jistax jiġi ddeterminat permezz ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjoni partikolari li jkun hemm lok li jsir riferiment għad-dispożizzjoni li tiġi immedjatament warajha fl‑ordni stabbilita ( 26 ). Għandu jiġi spjegat li, skont il-punt 2 tan-Noti Interpretattivi dwar il‑valur doganali tal-Anness 23 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-KDK dwar l-Artikolu 31(1) tal-KDK, “flessibilità raġjonevoli” fl-applikazzjoni ta’ dawn il-metodi hija konformi mal‑għanijiet u d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31(2) ta’ dan il-Kodiċi ( 27 ).

43.

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li fid-dawl tar-rabta ta’ sussidjarjetà li teżisti bejn id-diversi metodi ta’ determinazzjoni tal-valur doganali previsti fl-Artikolu 30(2)(a) sa (d) tal-KDK, l-awtoritajiet doganali għandhom ikunu diliġenti fl-implimentazzjoni ta’ kull wieħed mill‑metodi suċċessivi previsti f’din id-dispożizzjoni qabel ma jkunu jistgħu jikkonkludu li ma huwiex applikabbli ( 28 ). Għalhekk, meta l‑awtorità doganali twettaq id-determinazzjoni tal-valur doganali skont l‑Artikolu 30(2)(a) tal-KDK, hija għandha tibbaża l-valutazzjoni tagħha fuq elementi li jikkonċernaw merkanzija identika, esportata fl-istess mument jew kważi fl-istess mument bħall-merkanzija li għandha tiġi vvalutata ( 29 ).

44.

Meta l-awtorità doganali, wara li tkun ikkonstatat li dan il-metodu ma huwiex applikabbli, timpenja ruħha sabiex tistabbilixxi l-valur doganali skont l-Artikolu 30(2)(b) tal-KDK, hija għandha tibbaża l‑evalwazzjoni tagħha fuq elementi li jirrigwardaw merkanzija simili, esportata lejn l-Unjoni fl-istess żmien jew qrib l-istess żmien tal‑merkanzija li għandha tiġi evalwata. Fir-rigward tal-obbligu ta’ diliġenza impost fuqhom fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 30(2)(a) u (b) tal-KDK, l-awtoritajiet doganali huma obbligati jużaw l-informazzjoni u d-databases kollha għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex jiddefinixxu l‑valur doganali bl-iktar mod preċiż u kemm jista’ jkun realistiku ( 30 ).

45.

L-obbligu ta’ motivazzjoni li għandhom l-awtoritajiet doganali fil‑kuntest tal-implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għandu, minn naħa, jippermetti li jintwerew b’mod ċar u mhux ekwivoku r‑raġunijiet li wassluhom sabiex ma japplikawx metodu wieħed jew iktar ta’ determinazzjoni tal-valur doganali; min-naħa l-oħra, dan l-obbligu jimplika li dawn l-awtoritajiet huma obbligati li jesponu fid-deċiżjoni tagħhom li tistabbilixxi l-ammont tad-dazji fuq l-importazzjoni dovuti d‑data li abbażi tagħha ġie kkalkolat il-valur doganali tal-merkanzija, kemm sabiex id-destinatarju tagħha jkun jista’ jiddefendi d-drittijiet tiegħu fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u jiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal‑kunsiderazzjonijiet kollha involuti jekk huwiex utli li jippreżenta rikors kontra tiegħu, kif ukoll sabiex il-qrati jkunu jistgħu jeżerċitaw l‑istħarriġ tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni ( 31 ).

46.

F’dawn il-każijiet, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l‑awtoritajiet doganali Griegi ma applikawx il-metodi bbażati fuq il-valur tat-tranżazzjoni ta’ merkanzija identika jew simili msemmija fl‑Artikolu 30(2)(a) u (b) tal-KDK u fl-Artikolu 74(2)(a) u (b) tal-KDU għaliex dawn il-metodi ma setgħux jiġu applikati peress li l-merkanzija ma kinitx ġiet ikkonfiskata u d-deskrizzjoni tagħha fuq il-fatturi li kienu flimkien mad-dikjarazzjonijiet ta’ importazzjoni kienu magħmula f’termini ġenerali u impreċiżi.

47.

Huwa f’din il-perspettiva li l-qorti nazzjonali tistaqsi jekk huwiex possibbli li jintużaw, f’wieħed mill-metodi sekondarji ta’ evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 30(2) tal-KDK u fl-Artikolu 74(2) tal-KDU, il‑figuri kkalkolati b’mod statistiku li jinsabu fl-AMT. Din il-kwistjoni taqa’ taħt l-ewwel qasam tematiku, li jinkludi l-ewwel żewġ domandi preliminari fil-Kawża C‑72/24 (Keladis I) u l-ewwel tliet domandi preliminari fil-Kawża C‑73/24 (Keladis II) u ser tiġi eżaminata sussegwentament f’dawn il-konklużjonijiet.

C. Fuq il-possibbiltà li tintuża data statistika sabiex jiġi stabbilit il-valur doganali

1.   Natura tad-data li tinsab fl-AMT u limiti ta’ użu tad-data statistika skont il-ġurisprudenza

48.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja awtorizzat l-użu ta’ data statistika f’ċerti oqsma tal-attività tal‑awtoritajiet doganali. Għall-finijiet ta’ din il-kawża, jidhirli opportun li nfakkar il-każijiet li fihom l-użu ta’ data statistika ġie kkunsidrat bħala konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni. Dan jagħmilha possibbli li jiġu stabbiliti r-restrizzjonijiet li dan id-dritt jimponi fuq tali approċċ.

49.

Fis-sentenza tagħha tas‑16 ta’ Ġunju 2016, EURO 2004. Hungary (C‑291/15, EU:C:2016:455), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-valuri statistiċi disponibbli fl-AMT setgħu jiġu użati mill-awtoritajiet doganali sabiex jiċħdu l-valur tat-tranżazzjoni ddikjarat. B’mod iktar konkret, il-Qorti tal‑Ġustizzja qieset li meta l-prezz iddikjarat huwa inferjuri b’iktar minn 50 % tal-prezz medju statistiku, din id-differenza sinjifikattiva fil‑prezz hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika d-dubji li l-awtoritajiet doganali għandhom u ċ-ċaħda, minn dawn tal-aħħar, tal-valur għal skopijiet doganali ddikjarat tal-prodotti inkwistjoni ( 32 ).

50.

L-AMT jikkostitwixxi b’hekk għodda intiża għall-analiżi tar‑riskji, li jippermetti lill-awtoritajiet doganali jidentifikaw id‑dikjarazzjonijiet potenzjalment sottovalutati li jeħtieġu kontrolli doganali addizzjonali. Kif semmejt iktar qabel, l-awtoritajiet doganali Griegi użaw dan l-approċċ, u l-ebda waħda mill-partijiet ikkonċernati ma kkontestat il-legalità tiegħu. Madankollu, l-awtoritajiet doganali Griegi ma użawx din id-data statistifika biss sabiex jidentifikaw sottovalutazzjoni, iżda użaw din id-data sabiex jistabbilixxu l-valur doganali. Fl-opinjoni tiegħi, il-ġurisprudenza eżistenti sa issa toffri biss informazzjoni limitata sabiex tevalwa l-legalità ta’ tali użu ta’ data statistika.

51.

Fis-sentenza tagħha mogħtija fil-Kawża FAWKES, il‑Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, waqt id-determinazzjoni tal-valur doganali skont il-metodi sekondarji bbażati fuq il-valur tat-tranżazzjoni ta’ merkanzija identika jew simili msemmija fl-Artikolu 30(2)(a) u (b) tal-KDK, l-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni elementi bħall-karatteristiċi fiżiċi, il-kwalità, ir‑reputazzjoni, l-interkambjabbiltà tal-oġġetti kif ukoll il-livell kummerċjali tal-bejgħ ( 33 ).

52.

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll l-importanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni ( 34 ), imsemmi fil-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li sabiex ikun żgurat fil-konfront tal-operatur ekonomiku d-dritt li jkun informat bid‑data użata sabiex jiġi stabbilit il-valur doganali tal-merkanzija li huwa importa, dan l-operatur għandu jkollu l-informazzjoni li tippermettilu jikkontesta kwalunkwe inkoerenza bejn id-data ta’ referenza użata mill-awtorità doganali u l-importazzjonijiet tiegħu fid‑dawl tar-rekwiżiti li jinsabu rispettivament fl-Artikoli 30(2)(a) u (b) tal-KDK ( 35 ). Fi kliem ieħor, operatur ekonomiku għandu jkun jista’ jikkontesta l-paragun tal-importazzjonijiet tiegħu stess ma’ importazzjonijiet oħra reali użati għall-finijiet tal-applikazzjoni tal‑metodi kumplimentari sabiex jiġi stabbilit il-valur doganali, li ma huwiex, min-natura tiegħu, possibbli fil-każ ta’ valuri statistiċi, għaliex dawn ma jikkorrispondu ma’ l-ebda importazzjoni reali.

53.

Madankollu, għandu jiġi spjegat li l-Kawża FAWKES (C‑187/21) kienet tirrigwarda d-determinazzjoni tal-valur doganali abbażi biss tal‑Artikolu 30(2)(a) u (b) tal-KDK. Il-metodi previsti f’dawn id‑dispożizzjonijiet jirrikjedu effettivament il-paragun ta’ ċerti elementi bħal dawk li huma elenkati fil-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet ( 36 ).

54.

Il-valur statistiċi li jinsabu fl-AMT, minkejja li huma utli sabiex jiġu identifikati r-riskji ta’ frodi u l-importazzjonijiet sottovalutati, ma humiex adattati sabiex ikunu parti mill-motivazzjoni ta’ deċiżjoni doganali li tistabbilixxi l-valur doganali abbażi tad-dispożizzjonijiet użati fil-Kawża FAWKES (C-187/21).

55.

Fil-fatt, dawn il-valuri statistiċi ma fihomx informazzjoni preċiża biżżejjed fuq l-importazzjonijiet komparabbli, li hija neċessarja għall‑applikazzjoni tal-metodi addizzjonali sabiex jiġi stabbilit il-valur doganali skont l-Artikolu 30 tal-KDK u l-Artikolu 74(2) tal-KDU. Dan ġie kkonfermat mill-Kummissjoni, li fl-osservazzjonijiet tagħha spjegat li l-valuri statistiċi msejħa “prezzijiet ġusti” li jinsabu fl-AMT jikkostitwixxu biss data aggregata u ma jieħdux inkunsiderazzjoni karatteristiċi speċifiċi ta’ prodotti kkonċernati, bħall-kwalità tagħhom pereżempju. Barra minn hekk, dawn huma valuri iktar ġenerali u indiretti meta mqabbla mal-valuri ta’ tranżazzjoni.

56.

Fir-rigward tal-aċċessibbiltà tad-data li tinsab fl-AMT, il‑Kummissjoni tispjega fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li l‑prezzijiet kkalkolati b’mod statistiku, imsejħa “prezzijiet ġusti” u li jinsabu fl-AMT, jistgħu jiġu kkomunikati lill-operaturi ekonomiċi fil‑qafas tal-eżerċizzju tad-dritt għal smigħ. Hija kkonfermat dan l-aspett waqt is-seduta u l-ebda parti kkonċernata preżenti fis-seduta ma kkontestat dan. Min-naħa l-oħra, skont il-Kummissjoni, il-“prezzijiet ta’ limitu”, ikkalkolati mill-Istati Membri abbażi ta’ perċentwali tal-valuri statistiċi li jinsabu fl-AMT u li huma stabbiliti sabiex jgħinu lill‑awtoritajiet doganali jidentifikaw id-dikjarazzjonijiet li għandhom jiġu kkontrollati, għandhom ikunu kkunsidrati bħala informazzjoni li ma għandhiex tiġi żvelata lill-operaturi ekonomiċi “b’mod mhux ikkontrollat” sabiex jiġi evitat li tiġi kompromessa l-effiċjenza tas‑sistema ta’ ġestjoni ta’ riskji ( 37 ).

57.

F’din il-perspettiva, fid-dawl tal-karatteristiċi li jippreżentaw il‑valuri statistiċi li jinsabu fl-AMT, imsemmija fil-punti preċedenti, u l‑obbligu tal-awtoritajiet doganali “li jesponu fid-deċiżjoni tagħhom li tistabbilixxi l-ammont tad-dazji fuq l-importazzjoni dovuti d-data li abbażi tagħha ġie kkalkolat il-valur doganali tal-merkanzija” ( 38 ), il‑kwistjoni tqum dwar jekk il-motivazzjoni bbażata fuq data statistika aggregata tistax tissodisfa dawn ir-rekwiżiti. Ir-risposta għal din il‑mistoqsija tippresupponi qabelxejn il-ħtieġa li jiġi eżaminat jekk l-użu ta’ dan it-tip ta’ data jistax jiġi awtorizzat fil-qafas ta’ kwalunkwe metodu sekondarju sabiex jiġi stabbilit il-valur doganali.

58.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-Kawża C‑213/19, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (Ġlieda kontra l‑frodi tas-sottovalutazzjoni) (C‑213/19), dwar id-determinazzjoni tal‑ammonti ta’ telf ikkawżat lir-riżorsi proprji tal-Unjoni, il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li, fl-assenza ta’ data suffiċjenti dwar il-kwalità tal-merkanzija diġà rrilaxxata għal ċirkulazzjoni libera, meta ma jkunx għadu possibbli, minħabba ommissjonijiet min-naħa tal-awtoritajiet doganali li jieħdu l-miżuri meħtieġa (bħal kontrolli fiżiċi,, talbiet għal informazzjoni jew għal dokumenti jew ukoll it-teħid sistematiku ta’ kampjuni), li jiġi ddeterminat il-valur ta’ din il-merkanzija abbażi ta’ wieħed mill-metodi ta’ evalwazzjoni previsti fl-Artikoli 29 sa 31 tal-KDK, “huwa biss metodu statistiku wieħed li jista’ jintuża sabiex jiġi stmat il-valur tal-imsemmija merkanzija” ( 39 ). Fi kliem ieħor, il‑Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx li tali approċċ jista’, taħt ċerti ċirkustanzi, jiġi kkunsidrat bħala l-aħħar rimedju.

59.

Barra minn hekk, ma għandux jintesa li d-determinazzjoni korretta tad-dejn doganali hija dover imperattiv sabiex jiġi żgurat il-ġbir effettiv u integrali tar-riżorsi proprji tradizzjonali li jikkostitwixxu d-dazji doganali ( 40 ). B’mod iktar konkret, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, peress li teżisti rabta diretta bejn il-ġbir tad-dħul li ġej mid-dazji doganali u t‑tqegħid għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni tar-riżorsi korrispondenti, huma l-Istati Membri, konformement mal-obbligi tagħhom taħt l‑Artikolu 325(1) TFUE, li għandhom jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra l-frodi jew kull attività illegali oħra li tippreġudika dawn l-interessi, li għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiggarantixxu l-ġbir effettiv u sħiħ ta’ dawn id-dazji u, għaldaqstant, ta’ dawn ir-riżorsi ( 41 ). Huwa f’dan il-kuntest li l-użu ta’ valuri statistiċi ġie awtorizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’kawża li rriżultat minn proċedura ta’ ksur miftuħa mill-Kummissjoni kontra r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, minħabba li dan tal‑aħħar ma kienx wettaq l-obbligu tiegħu li jiġbor b’mod korrett ir‑riżorsi proprji tradizzjonali skont l-Artikolu 325 TFUE.

60.

Ċertament, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar il-legalità tal-użu, mill-Kummissjoni, ta’ valuri statistiċi, stabbiliti abbażi ta’ metodu żviluppat mill-OLAF ( 42 ), fil-qafas tal-kalkolu tal-ammonti tat-telf ta’ dawn ir-riżorsi proprji, u li l-Qorti tal‑Ġustizzja enfasizzat ukoll, diversi drabi, iċ-ċirkustanzi partikolari tal‑każ ( 43 ).

61.

Madankollu, dak li għandu jiġi rrilevat huwa li l-Qorti tal‑Ġustizzja aċċettat l-użu ta’ valuri statistiċi sabiex tistabbilixxi t-telf ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni f’sitwazzjoni fejn il-merkanzija kkonċernata ġiet irrilaxxata għal ċirkulazzjoni libera, filwaqt li din il-merkanzija ma setgħetx tinġieb lura għall-finijiet ta’ verifiki sabiex jiġi stabbilit il-valur reali tagħha ( 44 ), li jikkorrispondi, essenzjalment, għall-qafas fattwali deskritt mill-qorti tar‑rinviju f’dawn il-kawżi. Filwaqt li konxju mill-aspetti li jiddistingwu l-Kawża Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (Ġlieda kontra l‑frodi tas-sottovalutazzjoni) mill-kawżi inkwistjoni ( 45 ), jiena tal-opinjoni li l-użu ta’ valuri statistiċi, bħala regola, ma jistax jiġi eskluz bħala miżura adattata sabiex tissalvagwardja l-interessi finanzjarji tal‑Unjoni bħala strument ta’ l-aħħar għażla meta l-metodu l-oħra kollha jkunu fallew. Fil-fatt, jekk l-użu ta’ data statistika kien awtorizzat sabiex tiġi stabbilita l-portata tar-responsabbiltà ta’ Stat Membru għat‑telf tar-riżorsi proprji tal-Unjoni, iżda li huwa assolutament ipprojbit li jintużaw l-istess valuri sabiex jiġi stabbilit il-valur doganali tal‑merkanzija fir-rigward ta’ operatur ekonomiku, ikun hemm ir-riskju li d-dejn doganali ta’ operatur ekonomiku jiġi ttrasferit fuq Stat Membru u dan b’hekk joħloq nuqqas fis-sistema doganali.

62.

Għalkemm l-għanijiet ta’ prevenzjoni ta’ frodi u ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni huma importanti, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti preċedenti jirriżulta wkoll li t-tfittxija tagħhom ma tistax issir għad-dannu tad-drittijiet tal-operatur ekonomiku. Din hija r-raġuni li għaliha l-użu ta’ valuri statistiċi għandu jsir b’mod li jiżgura “bilanċ bejn, min-naħa, il-ħtieġa li l-awtoritajiet doganali jiżguraw li l‑leġislazzjoni doganali tkun applikata sew u, min-naħa l-oħra, id-dritt li l‑operaturi ekonomiċi jkunu trattati b’mod ġust”, min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill‑premessa 26 tal-KDU. B’mod partikolari, hemm lok li jiġi żgurat li ikun x’ikun il-metodu użat fil-każ, il-valuri doganali għandhom ikunu kemm jista’ jkun qrib il-valur ekonomiku reali tal-merkanzija importata.

63.

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li fis-sentenza tagħha fil-Kawża Baltic Master (C‑599/20), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset bħala ammissibbli l-użu tal-informazzjoni disponibbli fid-databases nazzjonali. B’mod iktar preċiż, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li data li tinsab f’database nazzjonali, li tirrigwarda merkanzija li taqa’ taħt l-istess kodiċi TARIC u li ġejja mill‑istess bejjiegħ bħall-merkanzija kkonċernata, tikkostitwixxi “data disponibbli fl-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 31(1) tal-KDK, li tista’ tintuża bħala bażi sabiex jiġi stabbilit il-valur doganali tal-merkanzija kkonċernata. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-riferiment għal din id-data huwa mezz sabiex jiġi stabbilit dan il-valur li huwa, kemm “raġjonevoli”, fis-sens tal-Artikolu 31(1) tal-KDK, u kompatibbli kemm mal-prinċipji kif ukoll mad-dispożizzjonijiet ġenerali tal-ftehimiet internazzjonali u tad-dispożizzjonijiet li għalihom jirreferi dan l-istess artikolu ( 46 ).

64.

Madankollu, il-konklużjonijiet li għandhom jiġu misluta minn din l-aħħar sentenza għal dawn il-kawżi huma ristretti minħabba, b’mod partikolari, il-fatt li l-użu ta’ databases nazzjonali kkunsidrati bħala legali mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża Baltic Master (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Baltic Master,C‑599/20, EU:C:2022:457) ma kienx limitat għad‑data statistika aggregata, iżda kien iktar iffukat (merkanzija li taqa’ taħt l-istess kodiċi TARIC u li ġejja mill-istess bejjiegħ bħall-merkanzija kkonċernata) milli fil-kawżi inkwistjoni. Minkejja dan, inqis li din is‑sentenza għandha tiġi kkunsidrata bħala rikonoxximent tal-użu tad‑databases kollha għas-servizz tal-awtoritajiet doganali, inkluż dawk li huma ġġestiti mill-Istati Membri stess. Din is-sentenza għandha tinqara flimkien mas-sentenza FAWKES iċċitata iktar ’il fuq, li fiha l-Qorti tal‑Ġustizzja rrilevat l-possibbiltà li għandhom l-Istati Membri, li jiksbu aċċess għal informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet doganali ta’ Stati Membri oħra u mill-istituzzjonijiet u s-servizzi tal-Unjoni ( 47 ).

2.   Konformità tal-approċċ statistiku mal-qafas regolatorju doganali

65.

Fil-kunsiderazzjonijiet segwenti, ser neżamina sa fejn valuri statistiċi jistgħu jintużaw fl-applikazzjoni ta’ metodi sekondarji ta’ determinazzjoni tal-valur doganali sabiex dan l-approċċ ikun jista’ jissodisfa r-rekwiżiti ġuridiċi msemmija fil-punt 63 ta’ dawn il‑konklużjonijiet. Ser nindika b’mod partikolari d-diffikultajiet inerenti għal kull wieħed minn dawn il-metodi, bil-għan li jiġi propost approċċ konformi mad-dritt tal-Unjoni. Ser nistruttura l-analiżi tiegħi skont l‑ordni ta’ sussidjarjetà bejn il-metodi differenti kif iddiskrevejthom f’dawn il-konklużjonijiet ( 48 ).

66.

Kif ser nuri f’dan l-eżami, huwa biss wieħed minn dawn il-metodi li jista’, fl-opinjoni tiegħi, jittieħed inkunsiderazzjoni bħala li jista’ jintuża għad-data statistika, jiġifieri dak imsejjaħ ta’ riżerva (“fall back”). Huwa għalhekk li jien ser nittratta l-metodi l-oħra fil-qosor. Preliminarjament, hemm lok li jiġi rrilevat li l-applikabbiltà ta’ dawn il‑metodi hija essenzjalment ostakolata minn żewġ fatturi, minn naħa, in‑nuqqas ta’ informazzjoni neċessarja fuq il-merkanzija inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-valuri statistiċi li jinsabu fl-AMT jikkostitwixxu biss data aggregata, mingħajr ma jieħdu inkunsiderazzjoni karatteristiċi speċifiċi tal-merkanzija kkonċernata.

a)   Valur tat-tranżazzjoni ta’ merkanzija identika jew simili

67.

B’riferiment għal dak li indikajt preċedentament ( 49 ), għandu jiġi nnotat li n-natura stess tal-valuri statistiċi hija r-raġuni li għaliha l-użu ta’ dawn il-valuri jidhirli li huwa eskluż fil-qafas ta’ applikazzjoni eventwali tal-metodu msemmi fl-Artikolu 30(2)(a) u (b) tal-KDK u fl‑Artikolu 74(2)(a) u (b) tal-KDU. Fil-fatt, sa fejn dan il-metodu jinkludi paragun bejn il-merkanzija kkunsidrata bħala identika (jew simili) u dik li d-determinazzjoni tal-valur doganali tagħha hija mitluba, ċerta informazzjoni hija indispensabbli sabiex jiġu evalwati sensiela ta’ kriterji, elenkati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, bħall‑karatteristiċi fiżiċi, il-kwalità, ir-reputazzjoni, l-interkambjabbiltà tal-oġġetti kif ukoll il-livell kummerċjali tal-bejgħ ( 50 ). Issa, id-data li tinsab fl-AMT ma tagħtix, minħabba l-karatteristiċi tagħha, informazzjoni preċiża sabiex isir tali paragun. F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li l-awtoritajiet Griegi wkoll ma applikawx dan il-metodu f’dan il-każ.

b)   Metodu deduttiv

68.

Il-metodu deduttiv imsemmi fl-Artikolu 30(2)(c) tal-KDK u fl‑Artikolu 74(2)(c) tal-KDU huwa bbażat fuq il-prezz tal-unità, li huwa l-prezz li bih il-merkanzija importata jew dik identika jew simili huma mibjugħa fl-Unjoni fl-istess mument jew bejn wieħed u ieħor fl-istess mument bħall-merkanzija li hija s-suġġett ta’ evalwazzjoni. Għall‑applikazzjoni ta’ dan il-metodu, l-awtoritajiet doganali għandu jkollhom ċerta informazzjoni dwar il-prodotti, bħall‑kummissjonijiet imħallsa jew maqbula, il-marġni użati għall-profitti u l-ispejjeż ġenerali, sabiex ikunu jistgħu jnaqqsuhom mill-prezz użat bħala valur doganali. F’dan il-każ, l-awtoritajiet doganali Griegi applikaw il‑metodu deduttiv minħabba l-impossibbiltà li jibbażaw ruħhom fuq il‑valur tat-tranżazzjoni tal-prodotti inkwistjoni, li kienu ġew intenzjonalment sottovalutati, jew fuq il-valur tat-tranżazzjoni ta’ prodotti identiċi jew simili, fid-dawl tad-deskrizzjoni inkompleta ta’ prodotti fil-fatturi annessi mad-dikjarazzjonijiet.

69.

Kif sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, hemm diversi raġunijiet li jwasslu sabiex tiġi eskluża l-applikabbiltà ta’ dan il‑metodu f’dan il-każ. B’mod partikolari, huwa diffiċli li jinftiehem kif prezz medju kkalkolat abbażi ta’ valuri għall-importazzjoni aċċettati fil‑passat jista’ jintuża sabiex jiġi applikat il-metodu deduttiv ibbażat fuq il-prezz ta’ bejgħ. Fil-fatt, sabiex jiġi applikat dan il-metodu, l‑awtoritajiet doganali għandhom jirreferu prezzijiet tal-unità speċifiċi kkalkolati skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 152(1)(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzojni tal-KDK u fl-Artikolu 142(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-KDU. Skont dawn ir-regoli, il-prezz tal-unità huwa dejjem iddeterminat abbażi tal-prezz ta’ bejgħ tal-merkanzija importata identika jew simili f’mument partikolari. Issa, kif indikat il-Kummissjoni, dawn il-prezzijiet ta’ bejgħ ma humiex disponibbli fl-AMT.

c)   Metodu tal-valur ikkalkolat

70.

Fir-rigward tal-valur ikkalkolat, għandu jiġi nnotat li l‑applikazzjoni tiegħu tippresupponi li l-awtoritajiet doganali għandhom informazzjoni speċifika dwar l-ispiża jew il-valur tal-materja prima u tal‑operazzjoni ta’ fabrikazzjoni użata għall-produzzjoni tal-prodotti, kif ukoll dwar l-ammont ta’ profitti u ta’ spejjeż ġenerali li huwa daqs dak li normalment jiġi kkunsidrat fil-bejgħ ta’ merkanzija tal-istess kategorija jew tal-istess natura bħall-merkanzija li għandha tiġi evalwata mmanifatturata mill-produtturi fil-pajjiż ta’ esportazzjoni lejn l-Unjoni.

71.

Madankollu, kif tispjega l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, il-valuri statistiċi li huma msejħa “prezzijiet ġusti” u li huma disponibbli fl-AMT ma jinkludux din l-informazzjoni. Konsegwentament, il-valuri statistiċi disponibbli fl-AMT ma jistgħux jintużaw sabiex jiġi kkalkolat il-valur doganali tal-merkanzija importata. Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li, f’każ bħal dak inkwistjoni fejn il-merkanzija ma kinitx ikkonfiskata u ma kinitx disponibbli għal kontroll fiżiku, id-data disponibbli fid-databases ta’ Stati Membri ma tippermettix lill-awtoritajiet doganali jiksbu tali informazzjoni. Għalhekk, l-applikazzjoni tal-metodu tal-valur ikkalkolat għandha titwarrab ukoll.

d)   Użu ta’ “prezzijiet ta’ limitu” fil-metodu ta’ riżerva

72.

L-aħħar metodu previst mil-leġiżlazzjoni sabiex jiġi stabbilit il‑valur doganali huwa l-metodu ta’ riżerva, imsemmi fl-Artikolu 31(2) tal-KDK u fl-Artikolu 74(3) tal-KDU, filwaqt li għandu jiġi spjegat li d‑dritt doganali tal-Unjoni jistipula żewġ modalitajiet differenti.

73.

Minn naħa, il-metodu ta’ riżerva jippermetti l-użu ta’ “flessibilità raġjonevoli”, skont il-punt 2 tan-Nota interprettativa tal-valur doganali relatata mal-Artikolu 31(1) tal-KDK ( 51 ). Il-kunċett ta’ “flessibilità raġjonevoli” jimplika b’mod partikolari li l-metodi sekondarji ta’ kalkolu tal-valur doganali għandhom jintużaw b’ċertu flessibbiltà fir-rigward tal‑kriterji ta’ applikazzjoni tiegħu ( 52 ).

74.

Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 31(1) tal-KDK u mill‑Artikolu 74(3) tal-KDU jirriżulta li valur doganali jista’ jiġi stabbilit permezz ta’ “mezzi raġonevoli”. Din l-aħħar dispożizzjoni għandha tinqara flimkien mal-Artikolu 144(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-KDU, li jistipula li“metodi xierqa oħrajn” jistgħu jintużaw sabiex jiġi stabbilit il-valur doganali. Minkejja li ma hemmx dispożizzjoni ekwivalenti fis-sistema tal-KDK, jiena nqis li tali approċċ huwa possibbli wkoll taħt is-sistema ta’ dan il-kodiċi peress li l-ebda dispożizzjoni ma tipprekludi espressament lill-awtoritajiet doganali milli jużaw tali “metodi adattati”. Fil-fatt, l-Artikolu 144(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-KDU jagħti biss xi spjegazzjonijiet dwar il‑portata tas-setgħat mogħtija lill-amministrazzjoni.

75.

Bħala regola, iż-żewġ modalitajiet joffru, fl-opinjoni tiegħi, il‑possibbiltà li tintuża statistika sabiex jiġi stabbilit il-valur doganali. Madankollu, it-tieni modalità, minħabba l-mod wiesa’ li bih id‑dispożizzjonijiet iċċitati iktar qabel huma abbozzati, tidher li hija l‑iktar adattata sabiex tkun il-bażi għal metodi innovattivi żviluppati mill‑amministrazzjoni. Barra minn hekk, minħabba n-natura sussidjarja tagħha, din il-modalità tkopri b’mod ċar strumenti tal-aħħar għażla f’sitwazzjonijiet ikkaratterizzati minn nuqqas ta’ informazzjoni dwar il‑merkanzija inkwistjoni.

76.

Minbarra d-differenzi li jikkaratterizzaw dawn iż-żewġ modalitajiet, huma għandhom fattur komuni li l-applikazzjoni tagħhom hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-metodi li ser jiġu użati ma jaqgħux f’waħda mill-projbizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 31(2)(a) sa (g) tal-KDK u fl-Artikolu 74(3) tal-KDU, moqrija flimkien mal-punti (a) sa (g) tal‑Artikolu 144(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-KDU. B’mod konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-ebda valur doganali ma għandu jiġi stabbilit, b’mod partikolari, abbażi ta’ valuri doganali minimi u ta’ valuri arbitrarji jew fittizji.

1) Kompatibbiltà mal-projbizzjoni tal-valuri doganali minimi

77.

Il-projbizzjoni li l-valur doganali jiġi stabbilit abbażi tal-valuri doganali minimi, li hija s-suġġett tat-tielet u tar-raba’ domandi preliminari fil-Kawża C‑72/24 (Keladis I) u tat-tieni u tat-tielet domandi preliminari fil-Kawża C‑73/24 (Keladis II) jikkostitwixxu t-tieni qasam tematiku li għandu jiġi eżaminat f’dawn il-konklużjonijiet.

78.

Din il-projbizzjoni hija speċifikament imsemmija fil-punt (f) tal‑Artikolu 31(2) tal-KDK u fil-punt (f) tal-Artikolu 144(2) tar‑Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-KDU. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 31(1) tal-KDK u l-Artikolu 74(3) tal-KDU jirreferu għall-prinċipji u dispożizzjonijiet ġenerali tal-Artikolu VII tal‑Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 u l-Ftehim relatat mal-Implimentazzjoni tal-Artikolu VII ta’ dan il-ftehim, u jintegraw, huma wkoll, il-projbizzjoni li jiġi stabbilit il-valur doganali abbażi ta’ valuri minimi. Id-dritt tal-Unjoni b’hekk jimplimenta dispożizzjonijiet tad-dritt tas-sistema kummerċjali multilaterali, li tipprjobixxi lill-partijiet kontraenti milli jistabbilixxu l-valuri doganali b’mod unilaterali sabiex jipproteġu l-industriji nazzjonali tagħhom ( 53 ).

79.

F’dan ir-rigward, jiena nqis, bħall-Kummissjoni, li l-użu tal‑“prezzijiet ta’ limitu” ibbażati fuq valuri statistiċi mill-awtoritajiet doganali sabiex jiġu stabbiliti l-valuri doganali jista’ f’ċerti kundizzjonijiet jikser din il-projbizzjoni. B’mod partikolari, dan ikun il‑każ jekk din il-prattika amministrattiva jkollha natura sistematika u l‑operatur ekonomiku ma jkollux il-possibbiltà li jiġġustifika l-prezzijiet baxxi indikati fid-dikjarazzjoni tiegħu. Fil-fatt, tali prattika, li teskludi l‑aċċettazzjoni ta’ valuri ta’ tranżazzjoni inqas mil-“limitu” u timplika aġġustament ’il fuq tal-valuri doganali ddikjarati, jiġifieri sal-“limitu” inkwistjoni, timplika fir-realtà sistema ta’ valuri minimi.

80.

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill‑osservazzjonijiet tal-partijiet waqt is-seduta, tali approċċ ma jikkorrispondix mal-prattika tal-awtoritajiet doganali. Għall-kuntrarju, fil-kawżi prinċipali, jidher li kien hemm diversi korrispondenzi bejn l‑awtoritajiet doganali Griegi u r-rikorrenti bil-għan li jiġi stabbilit kemm in-natura kif ukoll il-valur tal-merkanzija inkwistjoni. Għal din ir-raġuni, ma jistax jiġi sostnut li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kellhomx il‑possibbiltà li jagħtu informazzjoni addizzjonali fil-qafas tal-proċedura amministrattiva quddiem l-awtoritajiet doganali. Għalhekk ix-xenarju li dwaru wissiet il-Kummissjoni ma seħħx.

81.

Barra minn hekk, jiena m’iniex insensittiv għall-argument imressaq mill-Gvern Franċiż, li l-“prezzijiet ta’ limitu”, sa fejn ma joħorġux minn leġiżlazzjoni tal-Istat, ma jistgħux jitqabblu ma’ valuri doganali minimi. Kif ġie indikat preċedentament, il-projbizzjoni inkwistjoni tqis li tipprekludi lill-Istati milli jimponu b’mod unilaterali restrizzjonijiet kummerċjali fil-forma ta’ valuri minimi. Madankollu, huwa biss fil-każ limitat ħafna deskritt f’dawn il-konklużjonijiet li l‑“prezzijiet ta’ limitu” jistgħu eventwalment ikollhom effett simili, u dan, biss de facto.

82.

Minn dan isegwi li l-użu ta’ “prezzijiet ta’ limitu” ibbażati fuq il‑PMC disponibbli fl-AMT jikkostitwixxi, bħala regola, possibbiltà sabiex jiġi stabbilit il-valur doganali tal-merkanzija importata li tkun konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni. Dawn il-“prezzijiet ta’ limitu” jistgħu jkunu kkunsidrati bħala “data disponibbli [fl-Unjoni]”, skont l-Artikolu 31(1) tal-KDK u l-Artikolu 74(3) tal-KDU. L-użu ta’ “prezzijiet ta’ limitu” għalhekk ma jiksirx il-projbizzjoni tal-valuri doganali minimi.

83.

Dan jissodisfa d-domanda essenzjalment identika dwar jekk l-użu tal-“prezzijiet ta’ limitu” sabiex jiġi stabbilit il-valur doganali tal‑merkanzija huwiex konformi mal-Ftehim għall-Implimentazzjoni tal-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal‑1994, li għalih jirreferu l-Artikolu 31(1) tal-KDK u l‑Artikolu 74(3)(a) tal-KDU, minn perspettiva li dawn il-prezzijiet għandhom natura ta’ “prezzijiet minimi”.

84.

Minħabba l-fatt li l-użu ta’ valuri statistiċi huwa maħsub biss għall‑applikazzjoni tal-metodu ta’ riżerva, previst fl-Artikolu 31(2) tal‑KDK u fl-Artikolu 74(3) tal-KDU, ir-raba’ domanda preliminari fil-Kawża C‑72/24 (Keladis I) li tirrigwarda l-esklużjoni ta’ valuri minimi u r‑riżerva favur prinċipji u dispożizzjonijiet ġenerali tal-Ftehim dwar l‑Implimentazzjoni tal-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ, fl-applikazzjoni tal-metodi alternattivi kollha sabiex jiġi stabbilit il-valur doganali, titlef kull rilevanza u ma hemmx iktar lok li tingħata risposta.

2) Applikazzjoni indiretta u diretta ta’ prezzijiet statistiċi medji

85.

Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tadotta approċċ li permezz tiegħu ma huwiex maħsub li jintużaw prezzijiet statistiċi medji (“prezzijiet ġusti”) disponibbli fl-AMT ħlief sabiex jiġu identifikati dikjarazzjonijiet relatati ma’ merkanzija simili. Id-dikjarazzjoni li tintuża bħala punt ta’ riferiment tista’ tintuża iktar tard sabiex jiġi stabbilit il‑valur doganali tal-merkanzija importata. Kif tispjega l-Kummissjoni, il-metodi statistiċi ta’ valuri ma jiġux użati direttament bħala valuri li jissostitwixxu l-valuri doganali ddikjarati, iżda biss indirettament sabiex tintgħażel id-dikjarazzjoni li tirrappreżenta valur tat-tranżazzjoni ta’ merkanzija simili li jintuża sabiex jiġi stabbilit il-valur doganali sottovalutat. Il-Kummissjoni tqis li dan l-approċċ huwa kopert mill‑“flessibilità raġjonevoli” awtorizzata waqt l-applikazzjoni tal‑metodu tal-valuri ta’ tranżazzjoni ta’ prodotti simili.

86.

Il-vantaġġ ta’ dan l-approċċ jinsab fil-fatt li jirrifletti b’mod iktar leali l-valuri reali. Barra minn hekk, dan l-approċċ jidher konformi mal‑prinċipju li l-valuri doganali stabbiliti bl-applikazzjoni tad‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31(1) tal-KDK għandhom, kemm jista’ jkun, ikunu bbażati fuq valuri doganali stabbiliti minn qabel, kif jirriżulta mill-punt 1 tan-Nota interpretattiva fil-qasam tal-valur doganali relatat ma’ din id-dispożizzjoni. Dan il-prinċipju jirriżulta wkoll mill‑Artikolu 144(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-KDU li jipprevedi flessibilità raġjonevoli fl-applikazzjoni tal-metodi previsti fl‑Artikoli 70 u fl-Artikolu 74(2) tal-KDU.

87.

Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, il-possibbiltà li jintużaw valuri statistiċi b’mod indirett sabiex jiġu identifikati dikjarazzjonijiet relatati mal-merkanzija simili ma tissodisfax b’mod sħiħ l-ipoteżi magħmula mill-qorti tar-rinviju dwar l-assenza totali ta’ data li tirrigwarda l‑karatteristiċi tal-merkanzija importata, li tista’ tirrappreżenta ostakolu għall-identifikazzjoni tal-importazzjoni tal-merkanzija simili. L‑impossibbiltà li jiġi stabbilit il-valur doganali bl-applikazzjoni tal‑Artikolu 144(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-KDU hija prevista wkoll fl-Artikolu 144(2) ta’ dan ir-Regolament, li jwitti t-triq għall-użu ta’ “metodi xierqa oħrajn”. Bħall-Gvern Spanjol u dak Franċiż, nikkunsidra li, fiċ-ċirkustanza li ma hemm l-ebda data oħra iktar rilevanti disponibbli, minħabba b’mod partikolari l-assenza ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-operatur ekonomiku, li pprovda dikjarazzjoni doganali li fiha informazzjoni ineżatta jew insuffiċjenti, u l-impossibbiltà li jkun hemm kontroll fiżiku tal-merkanzija, l-użu ta’ data statistika aggregata miġbura fil-livell tal-Unjoni jidher bħala metodu “raġjonevoli” sabiex jiġi stabbilit il-valur doganali fis-sens tal-Artikolu 31(1) tal-KDK u tal‑Artikolu 74(3) tal-KDU, fin-nuqqas ta’ metodu alternattiv u jikkorrispondi għalhekk għal “metodi xierqa oħrajn” fis-sens tal‑Artikolu 144(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-KDU ( 54 ).

88.

Għad irid jiġi stabbilit jekk ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni tad‑deċiżjonijiet tal-awtoritajiet doganali previst fl-Artikolu 6(3) tal‑KDK u fl-Artikolu 22(2) tal-KDU, moqri flimkien mal-ġurisprudenza ppreżentata fil-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jistax jostakola l-użu ta’ data statistika sabiex jiġi stabbilit il-valur doganali. Il-Gvern Franċiż isostni li data bbażata fuq statistika aggregata ma tistax tintuża mill‑awtoritajiet doganali sabiex jiġi stabbilit il-valur doganali ta’ merkanzija ħlief jekk tista’ tinġieb għall-konjizzjoni tal-operatur ikkonċernat u b’hekk tagħmel parti mill-motivazzjoni rikjesta fl‑Artikolu 6(3) tal-KDK. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja espressament eskludiet mill-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 6(3) tal-KDK “elementi kunfidenzjali maħruġa minn database intiżi, permezz ta’ metodi ta’ esplorazzjoni statistika, sabiex jidentifikaw mudelli kummerċjali li jistgħu jikkostitwixxu każijiet ta’ frodi” ( 55 ).

89.

Madankollu, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun adattat għan-natura ta’ kull deċiżjoni doganali ( 56 ) li, fil-każ inkwistjoni, għandu jirrifletti l-użu tal-metodu ta’ riżerva sabiex jiġi stabbilit il-valur doganali. Kif spjegat il-Kummissjoni, il-prezzijiet ikkalkolati b’mod statistiku li jinsabu fl-AMT jistgħu jiġu kkomunikati lill-operaturi ekonomiċi ( 57 ). Barra minn hekk, ma huwiex eskluż li r-rekwiżit ta’ motivazzjoni jista’ jkun issodisfatt jekk data aggregata maħruġa minn databases kunfidenzjali jintużaw flimkien ma’ data oħra, bħal dik maħruġa minn databases nazzjonali li jistgħu jinġabu għall-konjizzjoni ta’ operatur ekonomiku. Għandha tiġi kkunsidrata wkoll il-possibbiltà mogħtija lil kull operatur ekonomiku li jiġġustifika valur doganali ieħor barra dak issuġġeriet mill-valuri statistiċi. Jekk l-awtorità doganali tiċħad id-data mogħtija minn operatur ekonomiku, hija għandha timmotiva tali ċaħda. Minkejja dan, l-assenza ta’ kooperazzjoni min-naħa ta’ operatur ekonomiku ma jistax ikollha l-effett li tpoġġi lill-awtorità doganali fl‑impossibbiltà li tissodisfa obbligi imposti fuqha mid-dritt tal-Unjoni. Għal din ir-raġuni, jidhirli li huwa ġġustifikat, fil-każ ta’ assenza ta’ kooperazzjoni, li l-awtorità doganali tkun awtorizzata timmotiva d‑deċiżjonijiet tagħha abbażi tal-valuri statistiċi li hija għandha ( 58 ).

D. Fuq l-intervall ta’ żmien massimu tollerabbli bejn l‑importazzjonijiet użati sabiex jinkiseb ir-riżultat statistiku u l‑importazzjonijiet li huma s-suġġett tal-evalwazzjoni

90.

It-tielet qasam tematiku l-ieħor li għandu jiġi eżaminat f’dawn il‑konklużjonijiet, li jirrigwarda speċifikament ir-raba’ domanda preliminari fil-Kawża C‑73/24 (Keladis II), jikkonċerna l-intervall ta’ żmien massimu tollerabbli bejn l-importazzjonijiet użat sabiex jinkiseb riżultat statistiku u l-importazzjonijiet li huma s-suġġett tal-evalwazzjoni, u b’mod partikolari, il-kwistjoni jekk it-terminu ta’ 90 jum previst fl‑Artikolu 152(1)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-KDK u fl‑Artikolu 142(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-KDU għandux japplika b’analoġija għal dan il-għan. L-eżami ta’ dawn il-mistoqsijiet jippresupponi loġikament l-użu possibbli tal-valuri statistiċi sabiex jiġi stabbilit il-valur doganali tal-merkanzija importata, li ġie kkonfermat fil-punti preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet.

91.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat qabelxejn li l-metodi sekondarji kollha jikkunsidraw l-element ratione temporis, peress li l‑eżistenza ta’ differenzi sinjifikattivi fiż-żmien tista’ taffettwa l-valur tal‑merkanzija u twassal għall-użu ta’ valuri li ma jikkorrispondux mar‑realità tal-operatur li għandha tiġi evalwata. Għalhekk, huwa neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-applikazzjoni tal-metodu ta’ riżerva msemmi fl-Artikolu 31 tal-KDK u fl-Artikolu 74(3) tal-KDU, peress li l-istess raġunijiet bħal dawk li jiġġustifikaw li tiġi stabbilita referenza ratione temporis qrib l-operazzjoni fil-kuntest ta’ metodi oħra huma applikabbli għaliha. Dan għandu jinftiehem mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jiġi applikat il-kriterju ta’ “flessibilità raġjonevoli” li ser nittratta sussegwentament f’dawn il-konklużjonijiet.

92.

Jidhirli li analiżi tal-ġurisprudenza tikkonferma r-rilevanza ta’ dan l-element ratione temporis. Fil-fatt, fis-sentenza mogħtija fil-Kawża FAWKES (C‑187/21), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li perijodu ta’ 90 jum, li minnhom 45 huma qabel u 45 huma wara l-isdoganament tal‑merkanzija li għandha tiġi vvalutata, jidher qrib biżżejjed tad-data tal‑esportazzjoni b’mod li jiġi evitat ir-riskju ta’ bidla sostanzjali tal‑prattiki kummerċjali u tal-kundizzjonijiet tas-suq li jaffettwaw il‑prezzijiet tal-merkanzija li għandha tiġi vvalutata ( 59 ). Madankollu, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-applikazzjoni ta’ tali terminu fil-każ inkwistjoni tistax tkun iġġustifikata legalment.

93.

Fl-opinjoni tiegħi, ir-risposta għal din id-domanda għandha tkun fl-affermattiv, b’mod partikolari jekk għandu jiġi kkunsiderat li dan it‑terminu jirrifletti “flessibilità raġjonevoli”. F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li fis-sentenza mogħtija fil-Kawża Oribalt Rīga, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-terminu ta’ 90 jum previst fl‑Artikolu 152(1)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-KDK jikkostitwixxi għalhekk eċċezzjoni għall-prinċipju stabbilit fl‑Artikolu 152(1)(a) ta’ dan ir-Regolament u għandu, għaldaqstant, jiġi interpretat b’mod strett ( 60 ).

94.

L-Anness 23 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-KDK, intitolat “Noti interprettativi dwar valur doganali”, jistipula, f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 31(1) tal-KDK, li l-metodi ta’ evalwazzjoni li għandhom jintużaw skont l-imsemmija dispożizzjoni għandhom ikunu dawk stipulati fl-Artikoli 29 sal-Artikolu 30(1) u (2), iżda li “flessibbiltà raġjonevoli” fl‑applikazzjoni ta’ dawn il-metodi hija konformi mal-għanijiet u mad‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31 tal-KDK ( 61 ). Dan l-anness jistipula ċerti eżempji bl-iskop li jintwera x’inhi t-tifsira ta’ “flessibilità raġjonevoli”. Għalhekk, f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-metodu deduttiv previst fl-Artikolu 30(2)(c) tal-KDK, huwa indikat li t-terminu ta’ 90 jum jista’ jiġi applikat bi flessibbiltà. L-istess għandu jkun għad‑dispożizzjonijiet tal-KDU.

95.

Konsegwentament, terminu ta’ 90 jum jidhirli li huwa adattat sabiex jiġu kkunsidrati r-rekwiżiti tal-kummerċ internazzjonali, kif jirriżultaw kemm mir-regoli fil-qasam tal-kummerċ internazzjonali kif ukoll mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq. Kif indikat il-Kummissjoni waqt is-seduta, tali terminu jidher adattat ukoll fl-applikazzjoni tat-tieni modalità tal-metodu ta’ riżerva msemmi fl-Artikolu 144(2) tar‑Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-KDU. Min-naħa l-oħra, nosserva li diversi partijiet interessati fl-osservazzjonijiet tagħhom urew li kienu kontra l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ erba’ snin, minħabba li tali terminu jkun eċċessiv ( 62 ). Jiena naqbel ukoll ma’ din il-perspettiva, peress li terminu daqstant twil jista’ jippreġudika l-għan li jiġi stabbilit il-valur doganali l-iktar preċiż u l-iktar qrib ir-realtà.

96.

Peress li l-awtoritajiet doganali għandhom josservaw ir-rekwiżiti ta’ proporzjonalità waqt l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-fatt li jiġi stabbilit terminu itwal ma għandux, fl-opinjoni tiegħi, ikun iġġustifikat ħlief b’mod eċċezzjonali u bħala l-aħħar rimedju, b’mod partikolari meta informazzjoni iktar affidabbli ma tkunx disponibbli u meta l-għan ġenerali li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, irrikonoxxut fl‑Artikolu 325 TFUE, ma jistax jintlaħaq b’mod ieħor, b’mod partikolari jekk jirrigwarda li tiġi żgurata l-perċezzjoni effettiva u integrali tar-riżorsi proprji tradizzjonali li jikkostitwixxu d-drittijiet doganali ( 63 ).

97.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li hemm lok li l‑Artikolu 31(1) tal-KDK u l-Artikolu 74(3) tal-KDU jiġu interpretati fis‑sens li ma jopponux l-applikazzjoni b’analoġija tat-terminu ta’ 90 jum previst fl-Artikolu 152(1)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-KDK u fl-Artikolu 142(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-KDU sabiex jiġi stabbilit l-intervall ta’ żmien massimu tollerabbli bejn l-importazzjonijiet użati sabiex jinkiseb ir‑riżultat statistiku u l-importazzjonijiet li huma s-suġġett tal-kontroll, peress li dan it-terminu jista’ jkun iktar flessibbli, iżda mingħajr elementi eċċessivi li jikkawżaw preġudizzju għall-għan li għandu jintlaħaq minn din ir-restrizzjoni ratione temporis.

E. Konklużjonijiet intermedjarji

98.

L-analiżi ta’ hawn fuq uriet li l-użu ta’ valuri statistiċi jikkostitwixxi, bħala regola, miżura xierqa sabiex jiġu ssalvagwardjati l‑interessi finanzjarji tal-Unjoni sa fejn din tippermetti lill‑amministrazzjoni tistabbilixxi d-dejn doganali u tipprevjeni l-frodi li jikkawża preġudizzju għall-interessi finanzjarji tagħha.

99.

L-użu ta’ valuri statistiċi sabiex jiġi stabbilit il-valur doganali huwa possibbli bħala miżura tal-aħħar għażla meta metodi oħra ma jippermettux li jintlaħaq dan l-għan. Tali approċċ huwa rilevanti b’mod partikolari f’ċirkustanzi kkaratterizzati minn assenza ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-operatur ikkonċernat, li jkun ta dikjarazzjoni doganali li fiha informazzjoni ineżatta jew insuffiċjenti, kif ukoll mill-impossibbiltà għall-awtoritajiet doganali li jipproċedu b’kontroll fiżiku tal-merkanzija. Madankollu, l-applikazzjoni tagħhom hija suġġetta għall-osservazzjoni ta’ ċerti rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni.

100.

Min-natura tagħhom stess, il-“prezzijiet ta’ limitu”, li huma bbażati fuq valuri kkalkolati b’mod statistiku disponibbli fl-AMT ma jistgħux jintużaw sabiex jiġi stabbilit il-valur doganali tal-merkanzija importata permezz ta’ wieħed mill-metodi sekondarji msemmija fl‑Artikolu 30(2) tal-KDK u fl-Artikolu 74(2) tal-KDU.

101.

Madankollu, bħala metodu tal-aħħar għażla previst fl-Artikolu 31 tal-KDK u fl-Artikolu 74(3) tal-KDU, u meta l-ebda data iktar speċifika ma hija disponibbli, data statistika aggregata miġbura fil-livell tal-Unjoni tista’ tintuża sabiex jiġi stabbilit il-valur doganali, sakemm id‑deċiżjoni ta’ awtorità doganali tissodisfa r-rekwiżit tal-motivazzjoni previst fl-Artikolu 6(3) tal-KDK u fl-Artikolu 22(6) tal-KDU.

102.

Barra minn hekk, l-analiżi tiegħi uriet li l-użu ta’ “prezzijiet ta’ limitu” ma jiksirx il-projbizzjoni li jiġi stabbilit il-valur doganali abbażi ta’ valuri minimi meta l-operatur ekonomiku għandu l-possibbiltà li jiġġustifika l-prezzijiet baxxi indikati fid-dikjarazzjoni.

103.

Fl-aħħar nett, ġie stabbilit li t-terminu ta’ 90 jum stabbilit fl‑Artikolu 152(1)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-KDK u fl‑Artikolu 142(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-KDU jista’ jiġi applikat b’analoġija sabiex jiġi stabbilit l-intervall ta’ żmien massimu tollerabbli bejn l-importazzjonijiet użati sabiex jinkiseb ir‑riżultat statistiku u l-importazzjonijiet li huma s-suġġett tal-kontroll, peress li dan it-terminu jista’ jkun iktar flessibbli, iżda mingħajr elementi eċċessivi li jikkawżaw preġudizzju għall-għan li għandu jintlaħaq minn din ir-restrizzjoni ratione temporis.

VI. Konklużjonijiet

104.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mid‑Dioikitiko Protodikeio Thessalonikis (il-Qorti Amministrattiva tal-Ewwel Istanza ta’ Thessaloniki, il-Greċja) bil-mod segwenti:

1)

L-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità u l-Artikolu 74(2) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li data statistika aggregata miġbura fil-livell tal-Unjoni tintuża minn awtoritajiet doganali sabiex jiġi stabbilit il-valur doganali ta’ merkanzija bl‑applikazzjoni tal-metodi sekondarji msemmija f’dawn l-artikoli.

2)

L-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 2913/92 u l‑Artikolu 74(3) tar-Regolament Nru 952/2013 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li, bl-użu tal-metodu ta’ riżerva msemmi f’dawn l-artikoli sabiex jiġi stabbilit il-valur doganali tal-merkanzija, awtoritajiet doganali jużaw data statistika aggregata miġbura fil-livell tal-Unjoni u jagħtuha lill-operaturi ekonomiċi sabiex jiżgurawlhom id-dritt għal smigħ bil-kundizzjoni li l-użu ta’ tali data jkun ta’ natura eċċezzjonali u jkun limitat għall‑każijiet li fihom l-awtorità doganali, wara li tkun eżawrixxiet il-proċeduri kollha ddefiniti mil-leġiżlazzjoni, ma hijiex f’pożizzjoni li tistabbilixxi valur doganali skont l-ebda metodu ieħor previst.

3)

L-użu ta’ data statistika aggregata miġbura fil-livell tal-Unjoni fil‑qafas tal-metodu ta’ riżerva msemmi fl-Artikolu 31 tar‑Regolament Nru 2913/92 u fl-Artikolu 74(3) tar‑Regolament Nru 952/2013 ma għandux ikun ikklassifikat bħala li huwa l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ prezzijiet minimi bil‑kundizzjoni li l-operatur ekonomiku jibbenefika mill-possibbiltà li jiġġustifika l-prezzijiet baxxi indikati fid‑dikjarazzjoni.

4)

It-terminu ta’ 90 jum previst fl-Artikolu 152(1)(b) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat‑2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d‑dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92, kif emendat bir‑Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 46/1999 tat‑8 ta’ Jannar 1999, u fl-Artikolu 142(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal‑24 ta’ Novembru 2015, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar‑Regolament (UE) Nru 952/2013, jista’ jiġi applikat b’analoġija sabiex jiġi stabbilit l-intervall ta’ żmien massimu tollerabbli bejn l‑importazzjonijiet użati sabiex jinkiseb ir-riżultat statistiku u l‑importazzjonijiet li huma s-suġġett tal-kontroll, peress li dan it‑terminu jista’ jkun iktar flessibbli, iżda mingħajr elementi eċċessivi li jikkawżaw preġudizzju għall-għan li għandu jintlaħaq minn din ir-restrizzjoni ratione temporis.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil‑proċedura.

( 2 ) Dan huwa suġġett diskuss fid-duttrina legali. D’Angelo, G., “Customs valuation adjustment in recent CJEU case law”, Aspects of customs control in selected EU member States, Bologna University Press, Bologna, 2023, p. 172, jindika li l-Qorti tal-Ġustizzja hija lesta li tawtorizza, f’ċerti ċirkustanzi, l-użu tal-metodu tal-valur statistiku li jippermetti lill‑Kummissjoni taġġusta l-valuri doganali ddikjarati, sabiex tirkupra mingħand Stati Membri r-riżorsi proprji tradizzjonali imputabbli għall-baġit tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, ma jidhirx ċar jekk u f’liema kundizzjonijiet, fil-qafas tal-metodu ta’ riżerva, l-awtoritajiet doganali nazzjonali jistgħu jużaw il-metodu tal-valur statistiku sabiex jaġġustaw il-valuri doganali ddikjarati mill-importaturi.

( 3 ) Lyons, T., (f’EU Customs Law, it-3 ed., Oxford University Press, Oxford, 2018, p. 160, jirrileva li l-għan stess ta’ dawn il-metodi huwa li tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tar-regoli li jistabbilixxu d-dazji doganali.

( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 205.

( 5 ) Direttiva tal-Kunsill tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60),).

( 6 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il‑Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4 p. 307), iktar ’il quddiem il-“KDK”.

( 7 ) Regolament tal-Kummissjoni tat‑2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d‑dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), kif emendat bir‑Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 46/1999 tat‑8 ta’ Jannar 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 65), iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-KDK”.

( 8 ) Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 287, p. 90u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2), iktar ’il quddiem il-“KDU”.

( 9 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal‑24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 343, p. 558, rettifika fil-ĠU 2016, L. 87, p. 35 u fil-ĠU 2017, L 101, p. 195), iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-KDU”.

( 10 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 1973, Massey-Ferguson (8/73, EU:C:1973:90, punt 3).

( 11 ) Fabio, M., Customs Law of the European Union, il-5 ed., Kluwer Law International, Alphen-sur-le-Rhin, 2020, p. 140.

( 12 ) Ara l-punt 48 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 13 ) Ara l-punt 77 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 14 ) Ara l-punt 90 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 15 ) Albert, J.-L., Le droit douanier de l’Union européenne, Kapitolu 3 (“l’espèce, l’origine, la valeur”), Bruylant, Brussell, 2019, p. 304 et seq.

( 16 ) Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2008, Carboni e derivati (C‑263/06, EU:C:2008:128, punt 60).

( 17 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Direktor na Teritorialna direktsiya Yugozapadna Agentsiya Mitnitsi (C‑76/19, EU:C:2020:543, punt 34).

( 18 ) Ara wkoll id-dispożizzjoni korrispondenti tal-Artikolu 70(1) tal-KDU.

( 19 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Christodoulou et (C‑116/12, EU:C:2013:825, punt 44).

( 20 ) Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2008, Carboni e derivati (C‑263/06, EU:C:2008:128, punt 52).

( 21 ) L-awtoritajiet doganali Griegi qiesu li l-metodu bbażat fuq il-valur tat-tranżazzjoni previst fl-Artikolu 29 tal-KDK għandu jiġi eskluż għaliex il-valuri doganali ddikjarati kienu baxxi wisq meta mqabbla mal-“prezzijiet ta’ limitu” ikkalkolati bħala perċentwali tal-“prezzijiet ġusti”. Dan il-fatt kien jiġġustifika, skont dawn l-awtoritajiet, id-dubji ġġustifikati dwar il-valuri ddikjarati u, konsegwentament, ir-rifjut ta’ dawn il-valuri.

( 22 ) Ara wkoll id-dispożizzjoni korrispondenti tal-Artikolu 74(1) tal-KDU.

( 23 ) Ara wkoll id-dispożizzjoni korrispondenti tal-Artikolu 74(3) tal-KDU.

( 24 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, EURO 2004. Hungary (C‑291/15, EU:C:2016:455, punt 28).

( 25 ) L-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona jispjega fil-punt 36 tal‑konklużjonijiet tiegħu tat‑23 ta’ Jannar 2025 fil-Kawża Tauritus (C‑782/23, EU:C:2025:30), li teżisti “ġerarkija”, imposta espressament mill-KDU nnifsu, bejn il-metodi ta’ valutazzjoni suċċessivi.

( 26 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, EURO 2004. Hungary (C‑291/15, EU:C:2016:455, punt 29).

( 27 ) Ara s-sentenzi tat‑28 ta’ Frar 2008, Carboni e derivati (C‑263/06, EU:C:2008:128, punt 60) u tad‑9 ta’ Marzu 2017, GE Healthcare (C‑173/15, EU:C:2017:195, punt 80).

( 28 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, FAWKES (C‑187/21, EU:C:2022:458, punt 35).

( 29 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, FAWKES (C‑187/21, EU:C:2022:458, punt 36).

( 30 ) Ara s-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2017, LS Customs Services (C‑46/16, EU:C:2017:839, punt 56), u tal‑20 ta’ Ġunju 2019, Oribalt Rīga (C‑1/18, EU:C:2019:519, punt 27).

( 31 ) Ara s-sentenzi tad‑9 ta’ Ġunju 2022, FAWKES (C‑187/21, EU:C:2022:458, punti 53 u 54) u tad‑9 ta’ Novembru 2017, LS Customs Services (C‑46/16, EU:C:2017:839, punti 44 u 45).

( 32 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, EURO 2004. Hungary (C‑291/15, EU:C:2016:455, punti 38 u 39).

( 33 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, FAWKES (C‑187/21, EU:C:2022:458, punt 48).

( 34 ) Sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, FAWKES (C‑187/21, EU:C:2022:458, punti 39, 51, 53 u 55).

( 35 ) Sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, FAWKES (C‑187/21, EU:C:2022:458, punt 54).

( 36 ) Sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, FAWKES (C‑187/21, EU:C:2022:458, punt 48).

( 37 ) Madankollu, il-Kummissjoni ma tispjegax xi tfisser “b’mod mhux ikkontrollat” u jekk, fl-opinjoni tagħha, l-aċċess għall-prezzijiet ta’ limitu fil-qafas ta’ proċedura ġudizzjarja jistax ukoll jikkomprometti l-effiċjenza tas-sistema ta’ ġestjoni tar-riskji.

( 38 ) Sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, FAWKES (C‑187/21, EU:C:2022:458, punt 54).

( 39 ) Sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (Ġlieda kontra l‑frodi tas-sottovalutazzjoni) (C‑213/19, EU:C:2022:167, punt 443). Korsiv miżjud minni.

( 40 ) Rijo, J., Customs Law in the European Union, Wolters Kluwer, Alphen-sur-le-Rhin, 2021.

( 41 ) Sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (Ġlieda kontra l‑frodi tas-sottovalutazzjoni) (C‑213/19, EU:C:2022:167, punt 346).

( 42 ) Dan huwa l-metodu OLAF‑JRC (Joint Research Center) (ara l-punt 53 tas-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (Ġlieda kontra l-frodi tas-sottovalutazzjoni) (C‑213/19, EU:C:2022:167, punt 53).

( 43 ) Sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (Ġlieda kontra l‑frodi tas-sottovalutazzjoni) (C‑213/19, EU:C:2022:167, punti 444 u 447).

( 44 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (Ġlieda kontra l-frodi tas-sottovalutazzjoni) (C‑213/19, EU:C:2022:167, punt 443).

( 45 ) L-eżami tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qafas tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (Ġlieda kontra l-frodi tas-sottovalutazzjoni)) tal-użu tal-metodu OLAF‑JRC għandu, essenzjalment, ifittex li jivverifika li dan il-metodu kien iġġustifikat fid-dawl tal‑karatteristiċi partikolari taċ-ċirkustanzi tal-każ u li huwa kien suffiċjentement preċiż u affidabbli sa fejn, b’mod partikolari, dan kien ibbażat fuq kriterji li la huma arbitrarji u lanqas ppreġudikati u li dan kien ibbażat fuq analiżi oġġettiva u konsistenti tad-data rilevanti kollha disponibbli, b’mod li ma jwassalx għal sopravalutazzjoni manifesta tal-ammont ta’ dan it-telf (ara sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (Ġlieda kontra l-frodi tas-sottovalutazzjoni) (C‑213/19, EU:C:2022:167, punt 452 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit), filwaqt li l-għan tad-determinazzjoni tal-valur doganali huwa sabiex dawn il-valuri jiġu stabbliti kemm jista’ jkun qrib il-valur ekonomiku reali tal-merkanzija importata).

( 46 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Baltic Master (C‑599/20, EU:C:2022:457, punti 54 sa 56).

( 47 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, FAWKES (C‑187/21, EU:C:2022:458, punti 56 u 57).

( 48 ) Ara l-punti 38 u 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 49 ) Ara l-punti 51 sa 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 50 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, FAWKES (C‑187/21, EU:C:2022:458, punt 48).

( 51 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Baltic Master (C‑599/20, EU:C:2022:457, punt 48).

( 52 ) Niestedt, M., EU-Außenwirthschaftsrecht und Zollrecht (Krenzler/Herrmann/Niestedt), Munich 2024, (ara wkoll l-punt 7 tal-Artikolu 74 tal-KDU, jispjega li l-applikazzjoni “flessibbli” tal-metodi l-oħra tista’ timplika li r-rekwiżiti individwali tal-metodi l-oħra jiġu ssodisfatti b’mod iktar wiesa’. Skont dan l-awtur, ir‑riżultati tal-osservazzjonijiet tas-suq fil-livell tal-Unjoni, ta’ statistiċi kummerċjali u ta’ investigazzjonijiet fuq il-prezzijiet jistgħu jintużaw bħala “metodi raġjonevoli”. Id-determinazzjoni tal-valur doganali permezz tal-metodu ta’ riżerva ma jirrikjedix li jiġi stabbilit prezz tas-suq. Dan huwa essenzjalment stima ta’ elementi differenti tal-valur doganali, li fiha huma aċċettati ineżattezi.

( 53 ) Rosenow, S./O’Shea, B., A Handbook on the WTO Customs Valuation Agreement, Cambridge University Press 2010, p. 127, jispjegaw li, qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim tad-WTO għall-Implimenteazzjoni tal-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal‑1994, ċertu numru ta’ pajjiżi (b’mod partikolari l-pajjiżi li qed jiżvilppaw) kienu jużaw valuri uffiċjali jew minimi sabiex jipproteġu l-industriji nazzjonali tagħhom, fost raġunijiet oħra. L-użu kontinwu ta’ valuri minimi mill‑pajjiżi li qed jiżviluppaw huwa suġġett għal riżervi u għall-Ftehim ta’ membri oħra tad-WTO. Fi kliem ieħor, dawn il-valuri minimi huma pprojbiti.

( 54 ) Ara l-punt 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 55 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, FAWKES (C‑187/21, EU:C:2022:458, punt 55).

( 56 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza relatata mal-Artikolu 296 TFUE, li tipprevedi li l-motivazzjoni rikjesta minn din id-dispożizzjoni għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ‑ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex rikjest li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti. Il-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni għandha tiġi evalwata fir-rigward tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tat‑30 ta’ April 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja u Wam, C‑494/06 P, EU:C:2009:272, punt 48). F’din il-perspettiva, inqis li l-metodu ta’ riżerva joffri l-flessibbiltà rikjesta sabiex jawtorizza l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni doganali bbażata fuq statistika.

( 57 ) Ara l-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 58 ) L-operatur ekonomiku li jirrifjuta li jikkoopera mal-awtoritajiet doganali billi jagħti informazzjoni insuffiċjenti fuq il-merkanzija li huwa ddikjara ma jistax jinvoka l‑illegalità ta’ deċiżjoni doganali għar-raġuni biss li l-informazzjoni insuffiċjenti tobbliga lil dawn l-awtoritajiet jibbażaw ruħhom fuq statistika. Tali aġir għandu jiġi kklassifikat bħala “venire contra factum proprium”.

( 59 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, FAWKES (C‑187/21, EU:C:2022:458, punt 71).

( 60 ) Sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, Oribalt Rīga (C‑1/18, EU:C:2019:519, punt 33). Korsiv miżjud minni.

( 61 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Baltic Master (C‑599/20, EU:C:2022:457, punt 48).

( 62 ) Waqt is-seduta, il-Kummissjoni spjegat li d-data statistika fid-database AMT issa tirreferi għal perijodu ta’ xahar minflok ta’ 48 xahar. Il-Kummissjoni sostniet ukoll li għalhekk ikun possibbli li tittieħed inkunsiderazzjoni data iktar preċiża minn perspettiva ratione temporis. Madankollu, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex informazzjoni preċiża dwar din il-modalità ta’ riċerka li ma hijiex, fi kwalunkwe każ, applikabbli fil-kawża prinċipali.

( 63 ) Ara l-punti 59 u 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet.