European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/3106

10.12.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/3106

tas-26 ta’ Novembru 2024

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul il-109 sessjoni tiegħu rigward l-adozzjoni ta’ emendi għall-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw Gassijiet jew Karburanti b’Punt ta’ Fjammabbiltà Baxx (il-Kodiċi IGF)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Jenħtieġ li l-għan tal-azzjoni tal-Unjoni fis-settur tat-trasport marittimu jkun li tittejjeb is-sikurezza marittima, u li jiġu protetti l-ambjent tal-baħar u saħħet il-bniedem.

(2)

Il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima (MSC) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), matul il-109 sessjoni tiegħu mit-2 sas-6 ta’ Diċembru 2024 (“MSC 109”), huwa mistenni jadotta emendi għall-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw Gassijiet jew Karburanti b’Punt ta’ Fjammabbiltà Baxx (il-Kodiċi IGF).

(3)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-MSC 109, peress li l-emendi previsti għall-Kodiċi IGF jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

(4)

L-emendi għall-Kodiċi IGF jikkonċernaw varjetà ta’ kwistjonijiet, inkluż bjar b’pompa li tiġbed bl-arja, skariku tal-valv ta’ sikurezza għall-ħruġ ta’ pressjoni żejda, kmamar għat-tħejjija tal-karburant, protezzjoni strutturali kontra n-nirien u ż-żoni perikolużi. Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa dawk l-emendi billi ser itejbu s-sikurezza tal-bastimenti, inkluż il-vapuri tal-passiġġieri, li jużaw il-gass naturali bħala karburant. Dawk l-emendi jipprovdu livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tas-sistema tal-pajpijiet u tal-bokka tat-tank mil-linji ta’ skariku tal-valv ta’ sikurezza għall-ħruġ ta’ pressjoni żejda waqt it-tħaddim normali u f’emerġenza. Barra minn hekk, jenħtieġ li dawk l-emendi jirrikonoxxu wkoll l-eżistenza ta’ bjar żgħar ta’ tankijiet tal-karburant tal-gass naturali likwifikat (LNG).

(5)

L-Unjoni la hija Membru tal-IMO, u lanqas parti kontraenti tal-Kodiċi IGF. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni fl-MSC 109.

(6)

Jenħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni jkun limitat għall-kontenut tal-emendi proposti, sa fejn ikunu jistgħu jaffettwaw regoli komuni tal-Unjoni u jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni ma taffettwax id-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) matul il-109 sessjoni tiegħu għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tal-emendi għall-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw Gassijiet jew Karburanti b’Punt ta’ Fjammabbiltà Baxx (il-Kodiċi IGF), kif tinsab fl-Anness 2 tad-dokument MSC 109/3 tal-IMO (l-“emendi”).

Artikolu 2

1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 1 tkopri l-emendi sa fejn l-emendi jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni u sa fejn kapaċi jaffettwaw ir-regoli komuni tal-Unjoni. Dik il-pożizzjoni għandha tiġi espressa mill-Istati Membri, li huma lkoll membri tal-IMO, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

2.   Jista’ jintlaħaq qbil dwar bidliet minuri fil-pożizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1 mingħajr deċiżjoni ulterjuri min-naħa tal-Kunsill.

Artikolu 3

L-Istati Membri huma b’dan awtorizzati jagħtu l-kunsens tagħhom li jintrabtu, fl-interess tal-Unjoni, bl-emendi, sa fejn l-emendi jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Novembru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

HANKÓ B.


(1)  Id-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/45/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/3106/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)