Brussell, 16.11.2020

COM(2020) 733 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru376/2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta' okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili


SOMMARJU EŻEKUTTIV

Dan ir-rapport jiġbor fil-qosor ir-rieżami tal-Kummissjoni tar-Regolament (UE) Nru 376/2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta’ okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili (ir-Regolament) 1 , kif previst fl-Artikolu 24(2) tar-Regolament. Dan ir-rieżami jipprovdi feedback dwar il-funzjonament attwali tar-Regolament ħames snin wara li dan daħal fis-seħħ. Huwa jpoġġi f’perspettiva l-objettivi ewlenin tar-Regolament u jenfasizza l-kisbiet tiegħu fit-titjib tal-kompletezza u tal-kwalità tar-rapporti ta’ okkorrenza, iżid l-għadd ta’ rapporti sottomessi u maħżuna, u jiffaċilita l-protezzjoni offruta lir-reporters. Min-naħa l-oħra, ir-rapport jenfasizza xi wħud mid-diffikultajiet li ġew iffaċċjati matul l-implimentazzjoni tar-Regolament, b’mod speċjali fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati ma’ “kultura ġusta”. Fl-aħħar nett, ir-rapport jiddiskuti l-kontribuzzjoni magħmula mir-Regolament f’termini tat-tnaqqis tal-għadd ta’ aċċidenti tal-inġenji tal-ajru u l-fatalitajiet relatati. Is-sejbiet ippreżentati f’dan ir-rapport huma appoġġati mid-data miġbura fi studju, li tqabbad mill-Kummissjoni, biex tiġi evalwata l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 376/2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta’ okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili 2 .

DAĦLA

L-aċċidenti tal-avjazzjoni spiss huma r-riżultat ta’ katina ta’ avvenimenti, li jfisser li ħafna drabi ma jkunux jistgħu jiġu attribwiti għal kawża waħda. Madankollu, dan ifisser ukoll li hemm bosta opportunitajiet biex dawn jiġu evitati qabel ma jseħħu u jekk titneħħa kwalunkwe ħolqa f’katina fatali bħal din, allura aċċident jista’ jiġi evitat.

Element kruċjali fil-prevenzjoni tal-aċċidenti tal-avjazzjoni huwa r-rappurtar u analiżi bir-reqqa tal-avvenimenti u l-fallimenti kollha, anke l-iżgħar, fl-operazzjonijiet ta’ kuljum, li jistgħu jindikaw l-eżistenza ta’ perikli għas-sikurezza li jistgħu jkunu potenzjalment serji li jistgħu jwasslu għal aċċidenti jekk ma jiġux ikkoreġuti.

Ir-rappurtar tal-okkorrenzi jieħu approċċ mifrux mas-sistema kollha u huwa xprunat mid-data għall-prevenzjoni tal-aċċidenti u jirrikonoxxi li, il-fatt li wieħed iħares lil hinn mill-ħtija, ħlief f’ċerti sitwazzjonijiet definiti, huwa essenzjali biex tittejjeb is-sikurezza b’mod proattiv – dawn l-ideat ġew ikkonfermati matul għexieren ta’ snin ta’ riċerka dwar is-sikurezza u l-fatturi umani.

Il-leġiżlazzjoni attwali dwar l-okkorrenzi hija r- Regolament (UE) 376/2014 . Ir-Regolament jiżgura li l-informazzjoni rilevanti dwar is-sikurezza relatata mal-avjazzjoni ċivili tiġi rapportata, tinġabar, tinħażen, titħares, tiġi skambjata, titqassam u tiġi analizzata u tittieħed azzjoni fuqha.

1.INTRODUZZJONI

L-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 376/2014 jirrikjedi li sas-16 ta’ Novembru 2020 il-Kummissjoni tippubblika u tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament.

Ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 huwa applikabbli mill-15 ta’ Novembru 2015. Hija għandha l-għan li tipprevjeni l-aċċidenti, l-inċidenti u l-fatalitajiet relatati tal-inġenji tal-ajru permezz ta’ feedback u tagħlimiet meħuda mill-okkorrenzi. Okkorrenza hi avveniment relatat mas-sikurezza li jipperikola jew li, jekk ma jiġix ikkoreġut jew indirizzat, jista’ jkun ta’ periklu għal inġenju tal-ajru, għall-okkupanti tiegħu jew għal xi persuna oħra. Ir-Regolament ifittex li jiżgura li l-informazzjoni rilevanti dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili tiġi rappurtata, tinġabar, tinħażen, titħares, tiġi skambjata, titqassam u tiġi analizzata. Dan imbagħad jiffaċilita l-elaborazzjoni ta’ miżuri xierqa ta’ mitigazzjoni mill-partijiet ikkonċernati fl-avjazzjoni u mill-awtoritajiet kompetenti sabiex tkun tista’ tittieħed azzjoni dwar is-sikurezza fil-ħin.

Dan il-proċess tal-ġestjoni tas-sikurezza jiddependi fuq id-disponibbiltà kontinwa tal-informazzjoni dwar is-sikurezza. Karatteristika ewlenija fl-iżgurar li l-professjonisti tal-avjazzjoni li jinsabu fuq quddiem jirrappurtaw okkorrenzi li jistgħu jippreżentaw riskju sinifikanti għall-avjazzjoni, hija l-assigurazzjoni tal-kunfidenzjalità tas-sors tar-rappurtar u tal-użu xieraq tal-informazzjoni. Għal dan il-għan, ir-Regolament jagħti, taħt ċerti kundizzjonijiet, protezzjoni lill-persuni li jirrapportaw l-okkorrenzi u lil persuni oħrajn imsemmija fir-rapporti tal-okkorrenzi u jiżgura li l-informazzjoni tintuża biss għal skopijiet ta’ titjib tas-sikurezza.

Dan l-approċċ proattiv u bbażat fuq l-evidenza huwa implimentat mill-awtoritajiet rilevanti tas-sikurezza tal-avjazzjoni tal-Istati Membri, minn organizzazzjonijiet, bħala parti mis-sistema ta’ ġestjoni tas-sikurezza tagħhom, u mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA).

Ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 huwa kkumplimentat b’Regolament ta’ Implimentazzjoni 3 li jistabbilixxi lista ta’ okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili li għandhom jiġu rapportati b’mod obbligatorju.

Ir-Regolament kien preċedut mid-Direttiva 2003/42/KE 4 , li kienet tirrikjedi li kull Stat Membru jistabbilixxi sistema obbligatorja ta’ rappurtar tal-okkorrenzi (MORS). L-Istati Membri kellhom jiġbru, jaħżnu, jipproteġu u jxerrdu bejniethom l-informazzjoni dwar ċerti inċidenti tal-avjazzjoni ċivili. Madankollu, id-Direttiva ma inkludietx dispożizzjonijiet relatati mal-analiżi tad-data miġbura, għall-benefiċċju tas-sikurezza tal-avjazzjoni. Il-kunsiderazzjoni ta’ rekwiżiti ta’ rappurtar oħrajn eżistenti b’mod parallel, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak internazzjonali, wasslet lill-Istati Membri biex jimplimentaw id-Direttiva 2003/42/KE f’approċċi pjuttost diverġenti. Dan imbagħad irriżulta, pereżempju, fl-eżistenza ta’ bażijiet tad-data multipli ta’ okkorrenzi fil-livell Ewropew.

Konsegwentement, il-Valutazzjoni tal-Impatt tal-2012 għall-proposta għar-regolament dwar ir-rappurtar tal-okkorrenzi 5 identifikat l-għanijiet speċifiċi li ġejjin tar-Regolament il-ġdid:

·Li jassiguraw li l-okkorrenzi kollha li jipperikolaw jew li jistgħu jipperikolaw is-sikurezza tal-avjazzjoni jinġabru u jipprovdu stampa kompleta u ċara tar-riskji tas-sikurezza fl-UE u fl-Istati Membri tagħha

·Li jiżguraw li r-rapporti ta’ okkorrenza maħżuna fil-bażijiet tad-data nazzjonali u fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew (ECR) jkunu kompleti u li fihom data ta’ kwalità għolja

·Li jiżguraw li l-informazzjoni kritika kollha dwar is-sikurezza maħżuna fl-ECR hija aċċessata b’mod adegwat mill-awtoritajiet kompetenti u li tintuża strettament għal skopijiet ta’ titjib tas-sikurezza

·Li jiżguraw li l-okkorrenzi rrappurtati jiġu analizzati b’mod effettiv, li jiġu identifikati, u jekk ikun neċessarju, jiġu indirizzati l-perikli għas-sikurezza, u li l-effettività dwar is-sikurezza tal-azzjonijiet meħuda tiġi mmonitorjata

L-għan ġenerali tar-Regolament huwa li jikkontribwixxi għat-tnaqqis fl-għadd ta’ aċċidenti u fatalitajiet tal-inġenji tal-ajru.

2.IMPLIMENTAZZJONI

L-istabbiliment ta’ sistemi ta’ rappurtar obbligatorji u volontarji – Artikoli 4 u 5

Id-dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ sistemi ta’ rappurtar obbligatorji (MORS) u volontarji (VORS), stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament, ġew implimentati kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-EASA. Fil-prattika, dan ifisser li kull Stat Membru stabbilixxa mekkaniżmi ta’ rappurtar kemm obbligatorji kif ukoll volontarji fil-livell tal-awtorità tal-avjazzjoni tiegħu. Għandu jiġi nnutat, madankollu, li l-Istati Membri diġà kienu obbligati li jkollhom sistemi obbligatorji ta’ rappurtar fis-seħħ skont id-Direttiva 2003/42/KE qabel ir-Regolament (UE) Nru 376/2014.

Bl-istess mod, l-EASA għandha sistema obbligatorja ta’ rappurtar li tiffunzjona f’konformità mar-rekwiżit stipulat fl-Artikolu 4(4) u r-rapporti volontarji jistgħu jiġu ppreżentati direttament lill-Aġenzija permezz tal-Portal Ewropew ta’ Rappurtar tal-Avjazzjoni stabbilit mis-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea. 6  

Ġew identifikati xi nuqqasijiet fl-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti mill-organizzazzjonijiet 7 . Qabel ir-Regolament (UE) Nru 376/2014, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/42/KE ma kienx ikopri l-organizzazzjonijiet. Għalhekk, hemm differenza bejn l-organizzazzjonijiet li diġà kellhom fis-seħħ sistemi ta’ rappurtar (bħala parti mis-sistemi ta’ ġestjoni tas-sikurezza rispettivi tagħhom) qabel l-implimentazzjoni tar-Regolament u dawk li kellhom jintroduċu sistemi bħal dawn wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament. Filwaqt li għal tal-ewwel, l-implimentazzjoni tar-Regolament kienet teħtieġ biss allinjament tas-sistemi eżistenti tagħhom mar-rekwiżiti l-ġodda, tal-aħħar kellha tiżviluppa mill-ġdid is-sistemi ta’ rappurtar. Konsegwentement, instab li xi organizzazzjonijiet kienu għadhom lura fl-iżvilupp ta’ sistemi ta’ rappurtar fil-livell tagħhom, u b’hekk dan irriżulta f’inqas rappurtar milli kieku kien iseħħ. Bl-istess mod, fil-qasam tar-rappurtar volontarju, xi organizzazzjonijiet indikaw li ma kellhomx sistema volontarja ta’ rappurtar fis-seħħ. Fl-aħħar nett, ġie nnutat li xi organizzazzjonijiet ma jagħmlux distinzjoni bejn sistemi ta’ rappurtar volontarji u obbligatorji, billi għandhom sistema ta’ rappurtar waħda biss fis-seħħ.

Bl-istess mod, il-maġġoranza tal-Istati Membri, filwaqt li stabbilixxew iż-żewġ sistemi ta’ rappurtar, ukoll ma jiddistingwux bejn ir-rapporti li jaslu permezz tal-VORS u l-MORS fil-bażijiet tad-data nazzjonali rispettivi tagħhom, peress li huma pjuttost jippreferu li l-organizzazzjonijiet jiġu mħeġġa jissottomettu r-rapporti kollha lilhom, irrispettivament mill-istatus tagħhom. Konsegwentement, kien diffiċli li jiġu ddeterminati n-numri rispettivi tar-rapporti obbligatorji u volontarji sottomessi, minħabba li ma hemmx mod faċli biex wieħed jiddistingwi minn liema sistemi ta’ rappurtar joriġinaw l-okkorrenzi maħżuna fl-ECR. Dan min-naħa tiegħu għamilha diffiċli li tinkiseb stampa ċara dwar kemm individwi u organizzazzjonijiet soġġetti għall-MOR issodisfaw ir-rekwiżiti tar-Regolament.

Billi minn dan ta’ hawn fuq jidher li hemm il-ħtieġa li l-Istati Membri jiżguraw implimentazzjoni effettiva mill-partijiet ikkonċernati tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament, madankollu, jista’ jiġi ddeterminat li wieħed mill-għanijiet ewlenin tar-Regolament - biex tiżdied id-data disponibbli dwar l-okkorrenzi - intlaħaq. Dan il-għan intlaħaq minħabba li l-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament irriżultat f’għadd akbar ta’ rapporti sottomessi u għalhekk f’ammont akbar ta’ informazzjoni disponibbli dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni. L-għadd totali ta’ rapporti ta’ okkorrenzi maħżuna fl-ECR żdied b’mod sinifikanti mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament. Kif jintwera fl-Illustrazzjoni 1 hawn taħt, fl-2015, kien hemm ftit aktar minn 200 000 rapport ta’ okkorrenza fl-ECR fis-sena partikolari. Fl-2019, l-għadd totali ta’ rapporti ttrasferiti lill-ECR f’sena waħda laħaq il-291 458. B’mod kumulattiv, in-numru ta’ rapporti ta’ okkorrenza li jinsabu fl-ECR żdied b’aktar mid-doppju matul dan il-perjodu: minn 1 125 264 rapport fi tmiem l-2014 għal 2 548 578 rapport fl-2019.

Illustrazzjoni 1: Għadd ta’ rapporti fl-ECR (sors: JRC overview of ECR-ECCAIRS content)

Il-ġbir, il-ħażna u l-iskambju ta’ informazzjoni – Artikoli 6 u 9

Ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-ġbir, il-ħażna u l-iskambju ta’ informazzjoni fl-Artikoli 6 u 9. L-Artikolu 6 għandu l-għan li jiżgura l-fluss tal-informazzjoni permezz tal-ġbir, l-evalwazzjoni, l-ipproċessar, l-analiżi u l-ħżin. B’mod aktar speċifiku, l-Artikolu 6 jistabbilixxi r-rekwiżit għall-organizzazzjonijiet, għall-awtoritajiet tal-Istati Membri u għall-EASA li jaħtru persuni u proċessi biex jiġbru, jevalwaw, jipproċessaw, janalizzaw u jaħżnu d-dettalji tal-okkorrenzi rrappurtati skont l-Artikoli 4 u 5. Instab li dawk ir-rekwiżiti ġew implimentati bis-sħiħ mill-organizzazzjonijiet kif ukoll mill-Istati Membri u mill-EASA, bil-persuni u l-proċessi maħtura f’kull livell.

L-Artikolu 9 jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, l-EASA u l-Kummissjoni permezz tal-ECR. Dan, fost l-oħrajn, jistabbilixxi rekwiżit li l-Istati Membri jittrasferixxu fi żmien 30 jum id-data dwar l-okkorrenzi mtella’ fil-bażijiet tad-data nazzjonali tagħhom. Instab li l-Istati Membri stabbilixxew il-mekkaniżmi għall-iskambju ta’ informazzjoni ma’ Stati Membri oħra u mal-EASA, u għat-trasferiment ta’ din l-informazzjoni fl-ECR fil-perjodu ta’ żmien meħtieġ.

Il-fluss tar-rapportar (jiġifieri min jirrapporta lil min u meta) ġeneralment jinftiehem sew mill-partijiet ikkonċernati kollha involuti, għalkemm ġew identifikati xi kwistjonijiet. Xi kultant id-dettalji tal-okkorrenzi jittellgħu fl-ECR minn Stat Membru wieħed mingħajr notifika lill-Istati Membri kkonċernati. Madankollu, hemm stennija ġenerali li s-software l-ġdid ECCAIRS 2 8 , diskuss hawn taħt f’aktar dettall, se jgħin f’dan l-aspett.

Il-kwalità u l-kontenut tar-rapporti ta’ okkorrenza – Artikolu 7

Ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi għall-proċessi standardizzati tad-dħul tad-data u għall-proċessi ta’ kontroll tal-kwalità. Il-maġġoranza ta’ dawk id-dispożizzjonijiet instabu li kienu implimentati mill-organizzazzjonijiet, mill-Istati Membri u mill-EASA. Madankollu, jidher li xi organizzazzjonijiet ma għandhomx fis-seħħ proċess formali ta’ verifika tal-kwalità, kif meħtieġ mill-Artikolu 7(3). Barra minn hekk, l-iżvilupp ta’ skema komuni Ewropea ta’ klassifikazzjoni tar-riskji, kif previst fl-Artikolu 7(5), ġie implimentat biss parzjalment. Filwaqt li l-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u mal-EASA, żviluppat l-iskema sal-iskadenza tal-15 ta’ Mejju 2017, kif previst fl-Artikolu 7(5), il-kompitu biex din l-iskema tiġi ddefinita skont l-Artikolu 7(6) għandu jiġi ffinalizzat, flimkien mal-arranġamenti ta’ implimentazzjoni tagħha.

Il-ġestjoni tar-Repożitorju Ċentrali Ewropew – Artikolu 8

L-ECR innifsu huwa kontribuzzjoni importanti tal-UE. Dan jaħżen ir-rapporti kollha tal-okkorrenza miġbura fl-UE. L-Istati Membri u l-EASA huma meħtieġa jittrasferixxu l-informazzjoni kollha relatata mas-sikurezza maħżuna fil-bażijiet tad-data rispettivi tagħhom lill-ECR fil-ħin. Id-data nazzjonali hija integrata fl-ECR u hija kkontrollata skont il-kriterji tal-kwalità. L-aċċess dirett għall-ECR huwa soġġett għal regoli stretti u huwa limitat għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, l-EASA u l-Kummissjoni 9 .

Mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament sa tmiem l-2020, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni pprovda s-servizzi operattivi relatati mal-interfaċċja ECR-ECCAIRS. Kif ikkonfermat mill-JRC, l-interfaċċja ECR-ECCAIRS ġie fornut b’data li toriġina mill-31 Stat kontribwent 10 , kif ukoll mill-EASA, kuljum.

Wara bidla fl-istrateġija u wara studju tal-impatt 11 , u bil-ħsieb li tittejjeb aktar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-pjattaforma attwali ECCAIRS tiġi sostitwita bi pjattaforma aktar moderna, imfassla kompletament mill-ġdid imsejħa ECCAIRS 2, u li mill-2020 ’il quddiem, l-ġestjoni tas-sett ECCAIRS mill-JRC tiġi trasferita lill-EASA.

Instab li r-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 8(2) għall-Istati Membri biex jaġġornaw regolarment l-ECR kien implimentat bis-sħiħ mill-Istati Membri kollha. Dan huwa wkoll il-każ fir-rigward tar-rekwiżiti tal-EASA, stipulati fil-paragrafu 3, fejn it-trasferiment tad-data lejn l-ECR iseħħ awtomatikament. Barra minn hekk, l-EASA għandha ftehim fis-seħħ mal-Kummissjoni għat-trasferiment ta’ data mis-Sistema Interna ta’ Rappurtar tal-Okkorrenzi (IORS) lejn l-ECR, biex tiżgura konformità u kopertura sħiħa.

Aċċess għal informazzjoni maħżuna fl-ECR – Artikoli 10, 11 u 12

L-Artikoli 10, 11 u 12 jistipulaw l-arranġamenti għall-aċċess għall-informazzjoni maħżuna fil-ECR. Dawk id-dispożizzjonijiet huma implimentati bis-sħiħ mill-Kummissjoni, li hija responsabbli għall-ipproċessar tad-data maħżuna fl-ECR, u mill-Istati Membri (l-hekk imsejħa “punti ta’ kuntatt”) li jassistu lill-Kummissjoni fir-rigward tat-talbiet għal informazzjoni maħżuna fl-ECR.

Mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament sal-31 ta’ Diċembru 2019, kien hemm total ta’ 86 talba għal informazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 11 tar-Regolament li sitta minnhom ġew rifjutati għal raġunijiet varji.

Analiżi tal-okkorrenza u segwitu – Artikoli 13 u 14

Simili għar-rekwiżiti għar-rappurtar, xi rekwiżiti għall-analiżi kienu diġà fis-seħħ qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament bħala parti mir-rekwiżiti tal-ġestjoni tas-sikurezza. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament, kif iddikjarat ukoll fil-materjal ta’ gwida għar-Regolament 12 , mhumiex maħsuba biex joħolqu rekwiżit ta’ analiżi ieħor flimkien mar-rekwiżiti tal-ġestjoni tas-sikurezza, iżda servew biex isaħħu l-ħtieġa li jitwettqu l-proċessi analitiċi. Għalhekk, is-sitwazzjoni ġenerali ma nbidlitx ħafna, ħlief għall-introduzzjoni ta’ skedi ta’ żmien stretti.

Fir-rigward tal-punt dwar skedi ta’ żmien stretti, ma hemm l-ebda evidenza li tissuġġerixxi li l-iskadenza ta’ 30 jum għall-analiżi preliminari tal-okkorrenzi mill-organizzazzjonijiet, stabbilita fl-Artikolu 13(4) u 13(5) ġeneralment mhijiex osservata. Madankollu, ħafna partijiet interessati tal-industrija nnutaw li l-iskeda ta’ żmien ta’ 30 jum biex tiġi pprovduta l-analiżi preliminari tal-okkorrenzi lill-awtorità kompetenti hija qasira wisq. Barra minn hekk, ir-Regolament jistabbilixxi wkoll skadenza ta’ tliet xhur mir-rapport inizjali għall-organizzazzjonijiet biex jippreżentaw l-analiżi finali tagħhom. Ir-Regolament, madankollu, jippermetti l-estensjoni possibbli ta’ dik l-iskadenza jekk tkun iġġustifikata kif xieraq 13 .

Fil-livell tal-Istati Membri, ir-Regolament jeħtieġ il-monitoraġġ tal-analiżi mill-organizzazzjonijiet li huma jissorveljaw, kif ukoll it-twettiq tal-analiżi tagħhom stess tal-okkorrenzi rrappurtati lilhom direttament. Abbażi tal-analiżi tagħhom, huma mistennija li jiddeterminaw kwalunkwe azzjoni korrettiva jew preventiva xierqa meħtieġa biex tittejjeb is-sikurezza tal-avjazzjoni, u jużaw l-informazzjoni miksuba mill-analiżi tar-rapporti tal-okkorrenzi biex jidentifikaw l-azzjoni ta’ rimedju. Simili għall-organizzazzjonijiet, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kollha għandhom proċessi fis-seħħ biex janalizzaw l-okkorrenzi. Madankollu, hemm differenzi fil-grad ta’ kif isiru l-analiżijiet u l-profondità tagħhom. Ir-raġunijiet ewlenin għal dan huma t-tħassib dwar iċ-ċarezza tar-rekwiżiti għall-analiżi fil-livell nazzjonali, kif ukoll in-nuqqas ta’ riżorsi. Barra minn hekk, ċerti Stati Membri osservaw livell ta’ “żbilanċ” bejn ir-rekwiżiti għall-analiżi stipulati fir-Regolament u l-livell tad-detalji inklużi fir-rekwiżiti għar-rappurtar, il-ġbir, l-ipproċessar u l-ħżin tal-okkorrenzi. Dan l-iżbilanċ iwassal għal livell għoli ta’ xogħol marbut mal-ġbir u mal-ipproċessar tar-rapporti dwar l-okkorrenzi u ftit iħalli ħin għall-analiżi u s-segwitu.

Fil-livell tal-UE, hemm żewġ flussi ta’ analiżi: L-analiżi tal-EASA tal-okkorrenzi rrappurtati direttament lill-Aġenzija minn organizzazzjonijiet li għalihom l-EASA taġixxi bħala awtorità kompetenti (abbażi tal-okkorrenzi maħżuna fil-bażi tad-data tal-EASA stess) u analiżi kollaborattiva mwettqa flimkien mal-Istati Membri. Dawk l-analiżijiet jirriżultaw fil-pubblikazzjoni tar-Rieżamijiet Annwali dwar is-Sikurezza tal-EASA u fl-iżvilupp tal-Portafolli tar-Riskju tas-Sikurezza (SRPs), li jintużaw fil-pubblikazzjoni tal-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EPAS).

Ir-Rieżami Annwali dwar is-Sikurezza tal-EASA isir mid-Dipartiment tal-Intelligence tas-Sikurezza u l-Prestazzjoni tal-EASA u huwa bbażat fuq id-data li tinsab kemm fil-bażi tad-data tal-okkorrenzi tal-EASA stess kif ukoll fuq id-data li tinsab fl-ECR. Bħala parti mill-proċess tal-ġestjoni tar-riskju tagħha, l-Aġenzija tiddefinixxi u timplimenta wkoll azzjonijiet xierqa, li huma soġġetti għal monitoraġġ kontinwu.

L-EASA taħdem ma’ firxa ta’ sħab kollaborattivi permezz ta’ żewġ pjattaformi ewlenin: in-Network ta’ Analisti (NoA) 14 u l-Gruppi ta’ Analiżi Kollaborattiva (CAGs) 15 . In-NoA huwa stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 376/2014 u jgħaqqad id-data minn Stati Membri differenti sabiex jikseb stampa aktar ġenerali tal-perikli għas-sikurezza li tiffaċċja l-UE kollha kemm hi. Is-CAGs huma gruppi ta’ esperti stabbiliti mill-EASA li huma responsabbli għall-analiżi tas-sikurezza tal-avjazzjoni Ewropea għal oqsma speċifiċi tal-avjazzjoni. Huma jirrevedu l-informazzjoni disponibbli dwar is-sikurezza, jorganizzaw analiżijiet fil-fond dwar is-sikurezza u jidentifikaw kwistjonijiet emerġenti. Huma jissorveljaw ukoll il-prestazzjoni tas-sikurezza tad-dominju tagħhom u jipprovdu feedback dwar l-effikaċja tal-azzjonijiet meħuda. Iż-żewġ sistemi huma kumplimentari minħabba li jipprovdu analiżi f’livelli differenti u jikkontribwixxu għall-Portafolli tar-Riskju tas-Sikurezza u għall-azzjonijiet tas-sikurezza li jistgħu jiġu adottati fl-EPAS.

Għalhekk jista’ jiġi determinat li l-implimentazzjoni tar-Regolament kellha rwol sinifikanti fit-tisħiħ tal-kapaċità analitika tal-okkorrenzi fl-Unjoni kollha, u konsegwentement ukoll fid-determinazzjoni ta’ miżuri xierqa ta’ mitigazzjoni fejn meħtieġ. Għalkemm ġie nnutat ħafna progress, il-proċess analitiku huwa wieħed li x’aktarx jibbenefika minn sforzi akbar fil-livell tal-Istati Membri u minn żviluppi teknoloġiċi ulterjuri.

Il-kunfidenzjalità u l-użu xieraq tal-informazzjoni u l-protezzjoni tas-sors tal-informazzjoni – Artikoli 15 u 16

L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament relatati ma’ “kultura ġusta” u l-protezzjoni u l-użu xieraq tas-sors tal-informazzjoni ġew analizzati mill-qrib. Filwaqt li nstab li l-Istati Membri kollha u l-maġġoranza tal-organizzazzjonijiet daħħlu fis-seħħ proċessi biex jiżguraw l-anonimizzazzjoni tar-rapporti ta’ okkorrenza, il-kwistjoni dwar it-traċċabilità – jiġifieri l-possibbiltà li l-persuni kkonċernati jiġu msemmija f’rapport ta’ okkorrenza bbażat fuq iċ-ċirkostanzi deskritti fir-rapport – tibqa’, speċjalment fl-organizzazzjonijiet iżgħar b’inqas impjegati.

L-Artikolu 16(11) jistipula obbligu għall-organizzazzjonijiet biex jadottaw regoli interni ta’ “kultura ġusta” 16 . L-informazzjoni disponibbli mhijiex konklużiva dwar jekk dan ir-rekwiżit ġiex implimentat b’mod sħiħ mill-organizzazzjonijiet kollha.

L-aktar nuqqas sinifikanti fl-implimentazzjoni tar-Regolament instab fir-rigward tal-obbligu stipulat fl-Artikolu 16(12) għall-Istati Membri biex jaħtru korp responsabbli għall-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-“kultura ġusta”. Abbażi tar-rieżamijiet li saru tar-rapporti dwar il-funzjonament tal-“korpi tal-kultura ġusta” ippreżentati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 16(13) u informazzjoni addizzjonali riċevuta miċ-ċittadini, il-Kummissjoni identifikat 11-il Stat Membru li naqsu milli jaħtru “korp tal-kultura ġusta” responsabbli għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 6, 9 u 11 tal-Artikolu 16. Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni fetħet każijiet ta’ ksur u bagħtet 10 Ittri ta’ Intimazzjoni u Opinjoni Motivata waħda lill-Istati Membri mhux konformi. 17 Il-Kummissjoni bagħtet ukoll għadd ta’ proġetti pilota tal-UE lill-Istati Membri li ddikjaraw fir-rapporti tagħhom li ħatru “korp tal-kultura ġusta” iżda fejn kien għad hemm dubji dwar jekk tali korp għandux il-kompetenzi biex iwettaq il-funzjoni prevista fir-Regolament.

Min-naħa l-oħra fil-livell tal-industrija, il-membri tal-kumitat ta' Djalogu Soċjali Settorjali għall-avjazzjoni ċivili, (CANSO, ETF, ATCEUC), qablu b’mod konġunt fuq is-“Sett ta’ għodod dwar il-kultura ġusta tal-ATM” 18 . Dan huwa mmirat lejn il-persunal u l-managers f’organizzazzjonijiet li jipprovdu servizzi tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru/ tan-navigazzjoni bl-ajru u jistabbilixxi prinċipji ta’ gwida għall-implimentazzjoni ta’ kultura ġusta u t-trawwim ta’ kultura ta’ rappurtar b’saħħitha u miftuħa.

3.KONTRIBUZZJONI GĦAT-TNAQQIS TAL-GĦADD TA’ AĊĊIDENTI TAL-INĠENJI TAL-AJRU U L-FATALITAJIET RELATATI

L-għan ġenerali tar-Regolament huwa li jikkontribwixxi għat-tnaqqis fl-għadd ta’ aċċidenti u fatalitajiet tal-inġenji tal-ajru permezz ta’ approċċ proattiv li jirriżulta mill-objettivi speċifiċi spjegati fit-taqsimiet preċedenti.

Il--grad sa fejn ir-Regolament ikkontribwixxa direttament għal tnaqqis reali fl-għadd ta’ aċċidenti u fatalitajiet fl-avjazzjoni ċivili irriżulta diffiċli biex jitkejjel, kemm kwantitattivament kif ukoll kwalitattivament.

Id-data rreġistrata mill-EASA turi li bejn l-2010 u l-2018 19 l-għadd ta’ aċċidenti li jinvolvu l-operaturi Ewropej naqas f’termini medji. It-tnaqqis huwa aktar evidenti meta jitqiegħed f’perspettiva biż-żieda kontinwa fit-traffiku tal-ajru fl-istess perjodu. Ir-rata tal-aċċidenti naqset b’mod kontinwu mill-2014, filwaqt li r-rata tal-inċidenti serji stabbilizzat ruħha wara massimu fl-2016.

L-analiżi ta’ xenarju kontrofattwali, jiġifieri x-xenarju fejn ir-Regolament ma kienx jiġi adottat, tissuġġerixxi li fin-nuqqas tar-Regolament, ir-rata tal-aċċidenti tal-avjazzjoni ċivili fl-Ewropa kienet issegwi xejra kostanti wara t-tielet kwart tal-2015 (wara li r-Regolament daħal fis-seħħ). Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament, kien hemm tnaqqis fir-rata tal-aċċidenti, minn 3,5 aċċidenti għal kull miljun titjira għal 1,3 aċċidenti għal kull miljun titjira wara l-intervent.

Madankollu, ma kienx possibbli li jsir tbassir retroattiv, b’ċertezza, tas-sitwazzjoni tas-sikurezza u tal-għadd ta’ aċċidenti u okkorrenzi oħrajn relatati mas-sikurezza li kienu jseħħu fin-nuqqas tar-Regolament. Għandu jiġi nnutat ukoll li l-elementi varji tas-sistema tas-sikurezza tal-avjazzjoni – li jimmiraw lejn il-prevenzjoni tal-aċċidenti u l-inċidenti serji – huma marbuta mill-qrib u għalhekk ikun diffiċli ħafna li wieħed jifhem l-effett ta’ karatteristika waħda biss tas-sistema – jiġifieri r-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta’ okkorrenza.

Madankollu, minħabba li r-Regolament ikkontribwixxa għaż-żieda fl-għadd ta’ rapporti ta’ okkorrenza maħżuna fl-ECR, li min-naħa tiegħu seta’ kkontribwixxa għat-titjib tal-għarfien dwar is-sikurezza u l-identifikazzjoni tar-riskji għas-sikurezza, jista’ jiġi aċċertat li r-Regolament x’aktarx ta ċertu kontribut għat-tnaqqis tal-għadd totali ta’ aċċidenti.

4.KONKLUŻJONI

B’mod ġenerali, is-suġġetti kollha tiegħu – jiġifieri l-Kummissjoni, l-EASA, l-Istati Membri tal-UE u l-organizzazzjonijiet – implimentaw ir-Regolament (UE) Nru 376/2014. Madankollu, ġew identifikati xi nuqqasijiet fl-implimentazzjoni ta’ xi wħud mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament. B’mod partikolari, porzjon sinifikanti tal-Istati Membri naqas milli jaħtar “korp tal-kultura ġusta” skont ir-Regolament, li rriżulta f’każijiet ta’ ksur mibdija mill-Kummissjoni.

Min-naħa l-oħra, l-implimentazzjoni b’suċċess tar-rekwiżiti tar-Regolament dwar l-istabbiliment ta’ sistemi obbligatorji u volontarji ta’ rappurtar tal-okkorrenzi rriżultat f’żieda notevoli fl-għadd ta’ okkorrenzi miġbura mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment u l-ġestjoni tar-Repożitorju Ċentrali Ewropew irriżultat f’bażi tad-data komprensiva li fiha rapporti dwar l-okkorrenzi mill-Istati Membri kollha tal-UE. Aktar rapporti ta’ okkorrenza li għandhom jiġu analizzati mbagħad ippermettew l-identifikazzjoni ta’ perikli potenzjali għas-sikurezza, b’mod partikolari fil-livelli tal-Istati Membri u tal-EASA. Konsegwentement, jista’ jiġi konkluż li r-Regolament, mid-dħul fis-seħħ tiegħu, sa ċertu punt ikkontribwixxa għat-tnaqqis ta’ aċċidenti u mwiet relatati fl-UE.

(1)      Ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta’ okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007, ĠU L 122, 24.4.2014, p. 18, http://data.europa.eu/eli/reg/2014/376/oj .
(2)      “Evalwazzjoni ex-post tar-Regolament (UE) Nru 376/2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta’ okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili – Rapport finali”, għadu mhux ippubblikat.
(3)      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1018 tad-29 ta’ Ġunju 2015 li jistabbilixxi lista ta’ klassifikazzjoni tal-okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili li għandhom jiġu rapportati b’mod mandatorju skont ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’rilevanza għaż-ŻEE), ĠU L 163, 30.6.2015, p. 1, http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/1018/oj .
(4)      Id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2003 dwar rapporti ta’ okkorrenza fl-avjazzjoni ċivili, ĠU L 167, 4.7.2003, p. 23, http://data.europa.eu/eli/dir/2003/42/oj.
(5)      DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI: Accompanying document to the Proposal for a Regulation of the European Parliament and the Council on occurrence reporting in civil aviation, SWD/2012/0441 final, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/ALL/?uri=CELEX:52012SC0441.
(6)      https://www.aviationreporting.eu/AviationReporting/.
(7)      “organizzazzjoni” tfisser kwalunkwe organizzazzjoni li tipprovdi prodotti tal-avjazzjoni u/jew li tħaddem, tqabbad jew tuża s-servizzi ta’ persuni li huma obbligati jirrappurtaw okkorrenzi f’konformità mal-Artikolu 4(6). Ir-Regolament (UE) Nru 376/2014, l-Artikolu 2(8).
(8)      Iċ-Ċentru Ewropew ta’ Koordinament għas-Sistemi ta’ Notifika tal-Aċċidenti u tal-Inċidenti tal-Avjazzjoni.
(9)      Ir-Regolament (UE) Nru 376/2014, l-Artikolu 8u 10.
(10)      L-Istati Membri tal-UE (inkluż ir-Renju Unit, sal-1 ta’ Frar 2020), in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Iżvizzera.
(11)      Bearing Point, “Impact Assessment of ECCAIRS transition from JRC to EASA”, 12 ta’ Ġunju 2017.
(12)      European Commission, “Guidance Material - Regulation (EU) No 376/2014 and its implementing rules” (2015) https://ec.europa.eu/transport/sites/transport/files/modes/air/safety/doc/guidancematerial376.pdf .
(13)      Ir-Regolament (UE) Nru 376/2014, l-Artikolu 13(4).
(14)      In-NoA jinkludi l-EASA, il-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri tal-EASA u osservatur. Inizjalment dan ġie ffurmat bħala network volontarju biex jappoġġja l-analiżi tad-data tas-sikurezza għall-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, li huwa l-predeċessur għall-EPAS, fl-2011. L-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 376/2014 ifformalizzat ir-rwol tan-NoA u enfasizzat l-importanza tal-analiżi tas-sikurezza fl-appoġġ tal-EPAS u fit-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni fl-Ewropa. Bħalissa n-NoA jiltaqa’ darbtejn fis-sena u fuq bażi ad hoc kull meta jkun meħtieġ. Sors: https://www.easa.europa.eu/easa-and-you/safety-management/safety-risk-management  
(15)      Is-CAGs jikkonsistu minn gruppi ta’ partijiet ikkonċernati industrijali tas-sħab regolatorji tal-EASA. Kull CAG jiltaqa’ sa tliet darbiet fis-sena. Bħalissa hemm sitt CAGs differenti: (1) l-immaniġġjar tal-ajrudrom u tal-art; (2) il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru; (3) il-blalen tal-arja; (4) l-ajruplani tat-trasport kummerċjali bl-ajru; (5) l-avjazzjoni ġenerali; (6) il-fatturi umani. Sors: https://www.easa.europa.eu/easa-and-you/safety-management/safety-risk-management
(16)      “kultura ġusta” tfisser kultura fejn l-operaturi fuq quddiem nett jew persuni oħrajn ma jiġux penalizzati għal azzjonijiet, omissjonijiet jew deċiżjonijiet li jkunu ħadu u li jkunu proporzjonati għall-esperjenza u għat-taħriġ tagħhom, iżda li fiha ma jiġux tollerati negliġenza gravi, ksur volontarju u atti distruttivi. Ir-Regolament (UE) Nru 376/2014, l-Artikolu 2(12).
(17)      L-Opinjoni Motivata ngħalqet minħabba li l-Istat ipprovda l-prova li l-korp tal-Kultura Ġusta nħatar bil-kompetenzi meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-funzjoni tiegħu skont l-Artikolu 16(12) tar-Regolament. Il-bqija tal-kawżi għadhom pendenti.
(18)      https://ec.europa.eu/social/BlobServlet?mode=dsw&docId=11897&langId=en.
(19)      EASA, “Annual Safety Review 2020” (2020) https://www.easa.europa.eu/sites/default/files/dfu/easa_asr_2020.pdf ;
EASA, “Annual Safety Review 2019” (2019)
https://www.easa.europa.eu/sites/default/files/dfu/Annual%20Safety%20Review%202019.pdf ;
EASA, “Annual Safety Review 2018” (2018)
https://www.easa.europa.eu/sites/default/files/dfu/218639_EASA_ASR_MAIN_REPORT_2018.pdf .