52012DC0302

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Bulgarija għall-2012 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' konverġenza tal-Bulgarija għall-perjodu bejn l-2012 u l-2015 /* COM/2012/0302 final - 2012/ () */


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Bulgarija għall-2012 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' konverġenza tal-Bulgarija għall-perjodu bejn l-2012 u l-2015

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli°121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza tal-pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni tal-linji politiċi dwar l-ekonomija[1], u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi[2] makroekonomiċi, u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkonsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea[3],

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,[4]

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi,

Wara li kkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)       Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tvara strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn jeħtieġ azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)       Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010 adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri[5], li flimkien jagħmlu l-"linji gwida integrati". L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-linji politiċi nazzjonali tagħhom dwar l-ekonomija u dwar l-impjiegi.

(3)       Fit-12 ta' Lulju 2011, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Bulgarija għall-2011 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta' konverġenza aġġornat tal-Bulgarija għall-perjodu bejn l-2011 u l-2014.

(4)       Fit-23 ta' Novembru 2011, il-Kummissjoni adottat it-tieni Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li kien il-bidu tat-tieni Semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni integrata u ex ante ta’ politika, imsejjes fuq l-istrateġija Ewropa 2020. Fl-14 ta' Frar 2012, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija[6], li fih identifikat lill-Bulgarija bħala wieħed mill-Istati Membri li fil-konfront tagħhom kienet ser issir analiżi fil-fond.

(5)       Fit-2 ta' Marzu 2012, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet sabiex jiġu żgurati l-istabbiltà finanzjarja, il-konsolidazzjoni fiskali u l-azzjoni li tħeġġeġ it-tkabbir (f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta’ Diċembru 2011 u b'żieda mal-Istħarriġ Annwali tal-Kummissjoni dwar it-Tkabbir). Huwa enfasizza l-ħtieġa li ssir konsolidazzjoni fiskali differenzjata u li tkun favorevoli għat-tkabbir, biex jitreġġgħu lura l-kundizzjonali normali ta' self lill-ekonomija, għall-promozzjoni tat-tkabbir u l-kompetittività, għall-indirizzar tal-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u għall-immodernizzar tal-amministrazzjoni pubblika.

(6)       Fit-2 ta’ Marzu 2012, il-Kunsill Ewropew stieden ukoll lill-Istati Membri parteċipi fil-Patt Euro Plus biex jippreżentaw l-impenji tagħhom fil-ħin għall-inklużjoni fil-programmi ta’ stabbiltà jew ta’ konverġenza tagħhom u fil-programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom.

(7)       Fit-13 ta' April 2012, il-Bulgarija ppreżentat il-programm ta’ konverġenza tagħha, li jkopri l-perjodu bejn l-2012 u l-2015, u il-programm nazzjonali ta' riforma tagħha għall-2012. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt. Il-Kummissjoni vvalutat ukoll, permezz ta’ analiżi fid-dettall li saret f'konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, jekk il-Bulgarija hijiex milquta minn żbilanċi makroekonomiċi. Fl-analiżi ddettaljata tagħha[7] l-Kummissjoni kkonkludiet li l-Bulgarija qed taffaċċja żbilanċ makroekonomiku intern, għalkemm mhux wieħed eċċessiv.

(8)       Skont l-ewwel notifika li bagħtet il-Bulgarija fl-2012 rigward iċ-ċifri tad-defiċit u tad-dejn għas-snin bejn l-2008 u l-2011 għall-applikazzjoni tal-proċedura dwar żbilanċ eċċessiv (il-PŻE), fl-2011 id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika kien taħt it-3% tal-valur referenzjali tal-PDG li jagħti t-Trattat. Barra minn hekk, it-tbassir li l-Kummissjoni għamlet fir-Rebbiegħa 2012 jipprevedi li d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika se jibqa’ taħt il-valur referenzjarju tat-Trattat u li se jibqa’ jiċkien matul il-perjodu mbassar. Kaġun ta’ dan, u skont id-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, fit-30 ta’ Mejju l-Kummissjoni adottat rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill li tabroga d-deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv skont l-Artikolu 126(12) tat-Trattat.

(9)       Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tal-programm ta’ konverġenza tal-2012 skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-fehma li fejn għandu x’jaqsam il-perjodu bejn l-2012 u l-2013 ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-previżjonijiet baġitarji li fih il-programm huwa ottimist. F’dak il-perjodu, it-tkabbir annwali huwa mistenni jilħaq il-1.4% fl-2012 u t-2.5% fl-2013. It-tbassir li l-Kummissjoni għamlet fir-Rebbiegħa 2012 jipprevedi tkabbir ta’ 0.5% fil-PDG fl-2012 u ta’ 1.9% fl-2013. Wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fl-2011, l-objettiv tal-istrateġija baġetarja li huwa ppreżentat fil-programm huwa li sa tmiem il-perjodu tal-programm il-pajjiż jasal għal pożizzjoni baġetarja li tkun qrib il-bilanċ, f’termini kemm tal-bilanċ tal-baġit strutturali kif ukoll nominali. L-objettiv baġitarju ta’ terminu medju (OTM), kif definit f’termini strutturali, ġie rrivedut b’mod marġinali minn defiċit ta’ 0.6% tal-PDG għal defiċit ta’ 0.5% tal-PDG. L-OTM l-ġdid jirrifletti b'mod adegwat ir-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fuq il-bażi tad-defiċit strutturali (kkalkulat mill-ġdid)[8], il-Bulgarija għandha l-ħsieb li tilħaq l-OTM tagħha matul il-perjodu tal-programm. Fil-perjodu bejn l-2012 u l-2014, ir-rata tat-tkabbir tan-nefqa tal-gvern, meta wieħed iqis il-miżuri diskrezzjonali b’rabta mad-dħul, tkun tirrispetta l-valur referenzjarju li jagħti l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fir-rigward tan-nefqa, iżda ma jżommx miegħu fl-2015. Il-konsolidazzjoni fiskali ppjanata għandha quddiemha riskji kbar minħabba (i) inqas dħul kaġun tax-xenarju makroekonomiku ottimist kif ukoll tal-istruttura li tirfed it-tkabbir ekonomiku qed tiġġenera inqas dħul mit-taxxi u (ii) l-ineffiċjenzi fis-settur pubbliku, partikularment fis-servizzi tas-saħħa u fl-edukazzjoni, li jistgħu jwasslu għal pressjonijiet konsiderevoli fuq in-nefqa. Il-proporzjon tad-dejn huwa taħt is-60% tal-PDG u, skont il-programm, huwa mistenni jilħaq l-ogħla punt ta’ kważi 20% tal-PDG fl-2012, u mbagħad jiċkien matul il-perjodu tal-programm. Hemm spazju konsiderevoli għal titjib fl-infurzar tat-taxxa u jekk isir titjib f’dan il-qasam il-Bulgarija tkun tiflaħ tagħti aktar sostenn għal infiq li jixpruna t-tkabbir. Ġie adottat rekwiżit li d-defiċit tal-baġit jinżamm taħt it-2% u li n-nefqa tal-gvern ma taqbiżx l-40% tal-PDG fil-forma ta' modifika għal-Liġi Baġitarja Organika, u b’hekk issaħħet in-natura vinkolanti tal-qafas fiskali u tjiebet il-prevedibbiltà tal-ippjanar baġitarju. Madanakollu, għad baqa’ diversi sfidi fejn għandhom x’jaqsmu t-tkomplija tat-titijib tal-kontenuti tal-qafas baġitarju ta’ terminu medju u t-tisħiħ tar-rappurtar fuq il-bażi tad-dovuti.

(10)     Il-gvern Bulgaru wettaq progress konsiderevoli fuq uħud mill-miżuri għar-riforma tal-pensjonijiet, inklużi dawk dwar l-età tal-irtirar kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa, u dwar it-tul tas-servizz għall-impjegati fl-oqsma tal-armata u tal-pulizija.Madanakollu, li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fl-adegwatezza tal-għoti tal-pensjonijiet għadu sfida importanti fuq medda medja ta’ żmien. Il-bidliet ma jipprevedux passi biex l-età statutarja tal-irtirar issir l-istess għall-irġiel u għan-nisa. Lanqas ma jnaqqsu l-possibbiltajiet tal-impjegati biex jirtiraw kmieni. Sfida ewlenija tibqa’ l-inklużjoni ta’ dawk li ma jħallsux kontribuzzjonijiet, kif ukoll l-issikkar tal-kontrolli u tal-kriterji għall-allokazzjoni tal-pensjonijiet tal-invalidità.

(11)     Il-Bulgarija għandha l-ogħla rata fl-UE ta’ nies li jinsabu fir-riskju ta’ privazzjoni materjali serja, u l-aktar li huma milqutin huma x-xjuħ u t-tfal. Jeħtieġ li jittieħdu miżuri komprensivi. Il-prijorità għandha tingħata lill-ħidma biex it-trasferimenti soċjali jsiru aktar effettivi. Mir-Roma kollha li huma attivi ekonomikament, nofshom biss għandhom xogħol. L-istrateġija nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma, li ġiet adottata dan l-aħħar, għandha l-għan li tkisser diversi barrieri iżda biex tkun tista’ titħaddem fil-perjodu bejn l-2015 u l-2020 għad trid tiġi sostnuta minn pjan iddettaljat ta’ azzjoni.

(12)     Il-kriżi kellha impatt partikularment qawwi fuq il-ħaddiema bi ftit kompetenzi (li jirrappreżentaw kważi 70% ta’ dawk qiegħda) u għolliet b'mod sinifikanti l-qgħad fost iż-żgħażagħ. Barra minn hekk, mill-2009 ’l hawn, iż-żieda fil-qgħad fit-tul kienet sinifikattivament iktar mgħaġġla minn dik tal-bqija tal-UE u dan jirrifletti prinċipalment żieda fin-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet u tal-ġeografija, minħabba li t-tnaqqis tal-postijiet tax-xogħol kien ikkonċentrat fis-segment ta’ dawk bi ftit kompetenzi. Jeħtieġ li ssir analiżi tas-sistema li tiffissa l-livelli minimi għall-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, sabiex jitnaqqas ix-xogħol bla ktieb u jiġi żgurat li dawk bi ftit kompetenzi ma jiġux esklużi mis-suq tax-xogħol. Il-miżuri li ħa l-gvern biex jiffriża n-nefqa tal-pagi tas-settur pubbliku għall-perjodu bejn l-2010 u l-2012 kienu rispons rilevanti u adegwat, li jikkontribwixxu wkoll biex l-ispejjeż tax-xogħol jinġiebu eqreb lejn il-livelli tal-produttività. Ġiet varata inizjattiva nazzjonalibiex l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol tiġi indirizzata b’mod komprensiv. Is-servizzi pubbliċi tax-xogħol għad għandhom kwalità pjuttost baxxa u jeħtieġ li t-taħriġ tal-membri tal-persunal jiġi intensifikat, b’mod partikulari l-“medjaturi tar-Roma”. Jeħtieġ li jittieħdu miżuri oħrajn sabiex jitjiebu s-servizzi li għandhom x’jaqsmu mal-attivazzjoni, mat-tfittix għax-xogħol, mat-tlaqqigħ, mat-taħriġ mill-ġdid u mas-servizzi individwalizzati għal dawk li għandhom ftit kompetenzi.

(13)     Il-Bulgarija għandha l-ogħla proporzjon fl-UE ta’ studenti b’kapaċità baxxa għall-qari u għall-matematika u x-xjenza (skont il-PISA 2009), u dan jindika l-eżistenza ta’ xkiel strutturali konsiderevoli għall-iżgurar ta’ edukazzjoni ta’ kwalità. Ir-riżultati edukattivi baxxi huma marbutin mal-livelli baxxi ta’ aċċess għall-edukazzjoni li għandhom il-gruppi żvantaġġjati, b’mod partikulari l-popolazzjoni tar-Roma, mal-fatt li l-iskejjel m’għandhomx biżżejjed awtonomija, man-nuqqas ta’ inċentivi biex l-individwu jikseb riżultati aqwa, mal-inadegwatezza tas-sistema nazzjonali tal-valutazzjoni, u mal-fatt li mhemmx biżżejjed responsabbilizzazzjoni. Fl-edukazzjoni superjuri, il-progress għadu limitat ħafna, anki jekk dan l-aħħar saru xi sforzi li jippromettu. Jeħtieġ li l-modifiki li huma ppjanati għal-Att dwar l-Edukazzjoni Superjuri jiġu implimentati bħala prijorità ewlenija għat-tkabbir ekonomiku u li magħhom ikun hemm ukoll governanza adegwata, investiment u determinazzjoni politika.

(14)     Il-Bulgarija għandha libell baxx ta’ riċerka u innovazzjoni. Jeħtieġ li l-investiment fir-riċerka u fl-innovazzjoni jikber sabiex jilħaq il-mira tal-2020 u li tiġi stabbilita strateġija xierqa għall-innovazzjoni. L-amministrazzjoni tar-riċerka u tal-innovazzjoni fil-Bulgarija hija fframmentata. Jeħtieġ li l-Bulgarija ssaħħaħ lill-universitajiet tagħha u tiżviluppa strateġija sabiex tinvolvi lill-istituzzjonijiet edukattivi superjuri f’attivitajiet favur l-innovazzjoni. Ma jeżistux oqfsa li jinkuraġġixxu l-kollaborazzjoni bejn l-universitajiet u s-settur privat, u jeħtieġ li l-finanzjament jiġi allokat b’manjiera kompetittiva, imsejsa fuq il-merti u trasparenti. L-aċċess tal-kumpaniji li għadhom jibdew u tal-impriżi żgħar jew medji għall-finanzjament mill-banek għadu ristrett. L-istrumenti finanzjarji u garanziji pubbliċi għall-impriżi ġodda u innovattivi mhumiex effettivi biżżejjed biex jgħinu lill-impriżi żgħar u medji jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-fondi strutturali tal-UE u biex jiggarantixxu l-kofinanzjament meħtieġ permezz ta’ selfiet mill-banek.

(15)     Bħalissa, il-kapaċità amministrattiva tal-Bulgarija mhix biżżejjed biex jiġu ġestiti u mantnuti kif imiss proġetti infrastrutturali tat-toroq, tal-ferrovija u tal-ilma. Ir-riforma amministrattiva ffukat l-aktar fuq it-tnaqqis tal-persunal tas-settur pubbliku, u saru biss tentattivi limitati biex jitwarrbu għejun oħrajn ta’ ineffiċjenza. L-użu ta’ fondi tal-UE għadu baxx minkejja li fl-aħħar sentejn sar progress konsistenti. Ir-raġunijiet ewlenin huma l-eżistenza ta’ proċeduri amministrattivi kkumplikati u d-diffikultà li jsibu l-impriżi biex jiksbu l-kofinanzjament. Għad fadal ukoll sfidi sinifikanti għal dak li għandu x’jaqsam ma’ aktar titjib tal-ambjent tan-negozju u ta’ dak regolatorju u mat-twettiq ta' progress fil-ħidma biex tiżdied il-kapaċità amministrattiva tas-settur pubbliku. L-implimentazzjoni tal-gvern elettroniku ġiet ittardjata għal diversi drabi. Is-sistema tat-taxxi fil-Bulgarija hija kkaratterizzata minn evażjoni sinifikanti tat-taxxa u minn effiċjenza amministrattiva baxxa. L-ispejjeż amministrattivi għall-ġbir tat-taxxa huma kbar, u huwa kbir ukoll il-prezz f’termini ta’ ħin għan-negozji biex iħallsu t-taxxi.

(16)     Il-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar l-akkwist pubbliku hija pass importanti ’l quddiem lejn sistema aħjar għall-moniteraġġ, il-prevenzjoni u s-sanzjonament tal-irregolaritajiet. Jeħtieġ li dawn l-isforzi jiġu sostnuti minn żewġ aspetti: (i) jeħtieġ li s-sanzjonijiet previsti jiġu applikati b’mod effettiv u (ii) jeħtieġ li s-setgħat ex officio jingħataw f’idejn l-Aġenzija tal-Akkwist Pubbliku u l-Aġenzija Statali tal-Ispezzjoni Finanzjarja.

(17)     Minkejja li ngħata bidu għal riformi, il-Bulgarija għad għandha xi restrizzjonijiet għad-dħul f’setturi ta’ netwerks bħat-trasport bil-ferrovija, it-telekomunikazzjonijiet u l-enerġija. Il-funzjonament tas-swieq tal-enerġija, kemm tal-operaturi kif ukoll tal-konsumaturi, għadu problematiku. Fost l-oqsma li jqajmu tħassib partikulari u li jeħtieġu titjib hemm in-nuqqas ta’ skambji tal-elettriku u tal-gass u ta’ suq kumpensatorju li jiffunzjona, kif ukoll in-nuqqas ta’ regolamentazzjoni tal-prezzijiet għall-konsumaturi. Barra minn hekk, jeħtieġ li l-Bulgarija tiggarantixxi l-indipendenza regolatorja għas-sistema tat-trażmissjoni. Il-Bulgarija hija dipendenti bil-kbir fuq rotta waħda tal-enerġija u s-suq somestiku tagħha għall-enerġija ma jiffunzjonax sew. Dan jesponi lill-pajjiż għal riskji ta’ xokkijiet sinifikanti fil-provvista. Jeħtieġ li l-miżuri li jeżistu biex jindirizzaw il-kwistjoni tad-dipendenza għall-enerġija jitjiebu. S’issa, il-bini ta’ infrastruttura ġdida għall-gass imxiet b’pass kajman wisq. Għalkemm ġew adottati formalment xi riformi mixtiqin u l-proporzjon ta’ enerġija rinnovabbli żdied fl-2011, l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-riformi għadha mhix sodisfaċenti minħabba s-sistema tal-akkwist, minħabba li l-linji politiċi pubbliċi huma ostaġġi tal-interessi privati u minħabba l-ġestjoni ħażina tal-kumpaniji tal-enerġija li huma f’idejn l-Istat.

(18)     Il-Bulgarija daħlet għal għadd ta’ impenji fil-patt Euro Plus. Dawn l-impenji, u l-implimentazzjoni tal-impenji ppreżentati fl-2011, jikkonċernaw it-titjib tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, l-inkuraġġiment tal-ħolqien tax-xogħol, l-għoti ta’ spinta lill-kompetittività tas-settur pubbliku u r-rinfurzar tal-istabbiltà finanzjarja. Il-Kummissjoni evalwat l-implimentazzjoni tal-impenji tal-patt Euro Plus. Ir-riżultati ta’ din il-valutazzjoni ġew ikkunsidrati fir-rakkomandazzjonijiet.

(19)     Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-linja politika tal-Bulgarija dwar l-ekonomija. Hija vvalutat il-programm ta' stabbiltà u l-programm nazzjonali ta' riforma, u ppreżentat analiżi fid-dettall. Hija qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom biex fil-Bulgarija jkun hemm linja politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli, imma wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika ġenerali tal-Unjoni Ewropea billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjoni tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (7) aktar 'l isfel.

(20)     Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm ta' konverġenza tal-Bulgarija, u l-opinjoni tiegħu[9] hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta’ hawn taħt,

(21)     Fid-dawl tal-analiżi fid-dettall tal-Kummissjoni u ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm ta' riforma nazzjonali tal-Bulgarija għall-2012 u l-programm ta' konverġenza tal-Bulgarija. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi b’mod partikulari fir-rakkomandazzjonijiet (3) u (5) hawn taħt.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Bulgarija għandha tieħu azzjoni fil-perjodu bejn l-2012 u l-2013 sabiex:

1.           Tibqa’ għaddejja b’linji politiċi fiskali b’saħħithom bil-għan li sal-2012 tilħaq l-objettivi baġitarji li ġew iffissati għal medda medja ta’ żmien. Għal dan il-fini, timplimenta l-istrateġija baġetarja kif maħsub, b’mod li tiżgura konformità mal-valur referenzjarju tan-nefqa, u tkun għal-lest biex tieħu miżuri addizzjonali f’każ li jseħħu r-riskji li jeżistu għax-xenarju baġitarju. Issaħħaħ l-isforzi biex titjieb il-kwalità tal-infiq pubbliku, partikularment fl-oqsma tal-edukazzjoni u tas-saħħa, u timplimenta strateġija komprensiva biex jiġu rrispettati l-obbligi tal-ħlas tat-taxxa sabiex jiżdied id-dħul mit-taxxi, u tindirizza l-ekonomija moħbija. Tkompli ttejjeb il-kontenuti tal-qafas baġitarju ta’ terminu medju u l-kwalità tas-sistema tar-rappurtar.

2.           Tieħu passi biex tnaqqas ir-riskji li jeżistu għas-sostenibbiltà u biex ittejjeb l-adegwatezza tas-sistema tal-pensjonijiet billi tillimita l-aċċess għall-irtirar bikri u billi l-età statutarja tal-irtirar tagħmilha indaqs għall-irġeil u għan-nisa li ħallsu l-kontribuzzjonijiet matul il-karriera kollha tagħhom. Iddaħħal kriterji u kontrolli aktar stretti għall-allokazzjoni tal-pensjonijiet tal-invalidità.

3.           Tgħaġġel l-implimentazzjoni tal-inizjattiva nazzjonali favur ix-Xogħol għaż-Żgħażagħ. Tiżgura li l-livelli minimi għall-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ma jiskoraġġixxux ix-xogħol iddikjarat. Tikkonsolida l-isforzi biex is-servizzi pubbliċi tax-xogħol jagħtu riżultati aħjar. Bil-għan li tittaffa l-problema tal-faqar, ittejjeb l-effettività tat-trasferimenti soċjali u l-aċċess għal servizzi soċjali ta’ kwalità għat-tfal u għax-xjuħ u timplimenta l-istrateġija nazzjonali għall-inklużjoni tar-Roma.

4.           Tħaffef ir-ritmu tar-riforma tal-atti legali rilevanti dwar l-iskejjel u dwar l-edukazzjoni superjuri u tal-miżuri li jmorru magħhom billi tiffoka fuq il-modernizzazzjoni tal-kurrikuli, ittejjeb it-taħriġ tal-għalliema u tiggarantixxi li l-gruppi żvantaġġjati jkollhom aċċess għall-edukazzjoni. Ittejjeb l-aċċess tal-impriżi li għadhom jibdew u tal-impriżi żgħar u medji, b’mod partikulari dawk involuti f’attivitajiet innovattivi, għall-finanzjament.

5.           Tintensifika l-isforzi biex titjieb il-kapaċità amministrattiva u r-riformi billi jitnaqqsu l-burokrazija u l-prezz li wieħed irid iħallas biex jirrispetta l-obbligi tat-taxxi u l-kostijiet biex jinġabru, u ttejjeb l-assorbiment tal-fondi tal-UE, b’mod partikulari fit-trasport bit-triq u bil-ferrovija u fil-ġestjoni tal-ilma. Ittejjeb il-kwalità u l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja u tgħaġġel l-introduzzjoni tal-gvern elettroniku. Issaħħaħ il-kapaċità tal-amministrazzjoni pubblika fl-oqsma ewlenin tat-trasport u fl-awtoritajiet regolatorji.

6.           Tiżgura implimentazzjoni tajba tal-leġiżlazzjoni dwar l-akkwist pubbliku. Issaħħaħ il-prevenzjoni tal-irregolaritajiet u tapplika b’mod effettiv is-sanzjonijiet previsti mil-liġi dwar l-akkwist pubbliku u dawk tal-Liġi dwar il-Kunflitt ta' Interess.

7.           Tieħu miżuri biex tneħħi x-xkiel fis-suq, l-arranġamenti li jiggarantixxu l-qligħ u l-kontrolli tal-prezzijiet. Tiżgura l-indipendenza tal-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni; tikkompleta t-tfassil tas-suq, b'mod partikulari għall-iskambji tal-enerġija u għas-swieq kumpensatorji. Ittejjeb il-kumnikazzjonijiet tal-elettriku u tal-gass, tagħti spinta lill-effiċjenza enerġetika u ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li tkampa meta jkun hemm it-taħwid fis-sistema.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 209, 02.08.1997, p. 1

[2]               ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25

[3]               COM(2012) 302 finali

[4]               P7_TA(2012)0048 and P7_TA(2012)0047

[5]               Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/238/UE tat-26 ta' April 2012

[6]               COM (2012) 68 finali.

[7]               Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal (2012) 151 finali

[8]               Bilanċ nett, aġġustat għall-varjazzjonijiet ċikliċi, ta’ miżuri ta’ darba u temporanji, ikkalkulati mill-ġdid mis-servizzi tal-Kummissjoni fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta fil-programm, bl-użu tal-metodoloġija li dwarha ntlaħaq qbil komuni.

[9]               Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.