15.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 117/3


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2020/521

tal-14 ta’ April 2020

li jattiva l-appoġġ ta’ emerġenza skont ir-Regolament (UE) 2016/369 u li jemenda d-dispożizzjonijiet tiegħu filwaqt li jqis it-tifqigħa tal-COVID-19

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 122(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-kriżi tal-COVID-19, iddikjarata pandemija mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) fil-11 ta’ Marzu 2020, affettwat lis-soċjetà u lill-ekonomija tal-Unjoni b’mod drammatiku, filwaqt li ħtieġet li l-Istati Membri jadottaw sensiela ta’ miżuri eċċezzjonali.

(2)

Barra l-impatt ekonomiku u soċjali tal-pandemija, is-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri jinsabu dgħajfa ħafna minħabba l-kriżi. L-Istati Membri qed iħabbtu wiċċhom ma’ domanda li żdiedet b’mod partikolari għal tagħmir u provvisti mediċi, servizzi pubbliċi essenzjali u kapaċitajiet ta’ produzzjoni għal materjali bħal dawn.

(3)

Hemm bżonn ta’ miżuri rapidi u diversifikati biex l-Unjoni kollha kemm hi tkun tista’ tindirizza l-kriżi fi spirtu ta’ solidarjetà taħt ir-restrizzjonijiet ikkawżati mit-tixrid rapidu tal-virus. B’mod partikolari, tali miżuri jenħtieġ li jkollhom l-għan li jippreservaw il-ħajja, jipprevjenu u jtaffu s-sofferenza umana, u li jżommu d-dinjità tal-bniedem, kull fejn jinqala’ l-bżonn b’konsegwenza tal-kriżi attwali tal-COVID-19.

(4)

In-natura u l-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 huma ta’ skala kbira u transnazzjonali u, għalhekk, jeħtieġu rispons komprensiv. Il-miżuri previsti taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (“rescEU”) stabbiliti bid-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u strumenti eżistenti oħra tal-Unjoni huma limitati fl-iskala u għalhekk ma jippermettux rispons suffiċjenti u lanqas ma jagħmluha possibbli li jiġu indirizzati b’mod effettiv il-konsegwenzi fuq skala kbira tal-kriżi tal-COVID-19 fl-Unjoni.

(5)

Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi attivat l-appoġġ ta’ emerġenza skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/369 (2).

(6)

Sabiex jiġi garantit il-livell ta’ flessibbiltà meħtieġ biex jiġi żgurat rispons koordinat fit-tul f’ċirkostanzi mhux previsti kif inhu l-każ għall-kriżi tal-COVID-19, pereżempju, il-forniment ta’ provvisti mediċi u medikazzjoni, il-miżuri ta’ rkupru, ir-riċerka medika rilevanti, huwa meħtieġ li jiġi żgurat,b’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 114(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li l-impenji baġitarji li jsiru matul il-perijodu ta’ attivazzjoni jkunu jistgħu jintużaw għall-konklużjoni ta’ impenji legali matul id-durata kollha tal-perijodu ta’ attivazzjoni. Jenħtieġ li dan ikun mingħajr preġudizzju għall-obligu li jiġu koperti wkoll il-kostijiet tal-impenji legali korrispondenti li jkunu saru wara l-perijodu ta' attivazzjoni f'konformità mar-regola n+1 stabbilita f’dak is-subparagrafu. Jenħtieġ li l-kostijiet imġarrba skont dawn l-impenji legali jkunu eliġibbli għall-perijodu kollu tal-implimentazzjoni tagħhom.

(7)

Sabiex jiġi żgurat trattament ugwali u kundizzjonijiet ekwi għall-Istati Membri , huwa meħtieġ li tiġi prevista l-eliġibbiltà retroattiva tal-kostijiet mid-data tal-attivazzjoni tal-appoġġ ta' emergenza, inkluż għal azzjonijiet li diġà tlestew, dment li jkunu bdew wara dik id-data.

(8)

Sabiex tiġi ppreservata n-natura sussidjarja tal-appoġġ ta’ emerġenza skont ir-Regolament (UE) 2016/369, tali appoġġ jenħtieġ li jkun strettament komplementari għal kwalunkwe assistenza li ssir disponibbli taħt strumenti oħra tal-Unjoni.

(9)

Fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19, sar evidenti li huwa meħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/369 jiġi estiż biex jiġi pprovdut finanzjament li jkopri l-ħtiġijiet urġenti għal tagħmir u materjali mediċi, bħall-ventilaturi respiratorji u t-tagħmir protettiv, il-provvisti kimiċi għat-testijiet, il-kostijiet għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ medikazzjoni, provvisti u materjali oħra. Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li jiġu ffinanzjati azzjonijiet li jappoġġaw il-passi meħtieġa biex tinkiseb l-approvazzjoni għall-użu ta’ prodotti mediċi.

(10)

Biex tittaffa l-pressjoni akuta fuq il-forza tax-xogħol medika u fuq ir-riżorsi tal-Istat minħabba kapaċitajiet insuffiċjenti ta’ servizzi pubbliċi essenzjali, u biex tinżamm il-vijabbiltà tas-sistema tal-kura tas-saħħa, jenħtieġ li jkunu appoġġati l-infurzar temporanju u l-iskambju ta’ professjonisti mediċi, kif ukoll it-trattament ta’ pazjenti minn Stati Membri oħra, b’mezzi finanzjarji jew organizzattivi.

(11)

L-appoġġ finanzjarju jenħtieġ li jkopri wkoll it-taħriġ għall-professjonisti fil-kura tas-saħħa u l-loġistika fid-dawl tal-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-provvisti tal-kura tas-saħħa.

(12)

Fid-dawl tal-konsegwenzi fuq skala kbira tal-COVID-19, jenħtieġ li jkun hemm impenn rapidu u komprensiv tas-sħab rilevanti kollha, inkluż tal-awtoritajiet pubbliċi, tal-fornituri primarji pubbliċi u privati tal-kura tas-saħħa u tal-kura fl-isptarijiet u fid-djar tal-kura. Huma meħtieġa attivitajiet biex tittaffa l-pressjoni fuq l-infrastruttura tas-saħħa u biex jingħata appoġġ lil gruppi ta’ persuni vulnerabbli esposti għar-riskju.

(13)

Sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet ta’ provvista, jenħtieġ li jiġu appoġġati l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni għal prodotti mediċi essenzjali bħall-medikazzjoni, it-testijiet dijanjostiċi, il-provvisti tal-laboratorji,u t-tagħmir protettiv, u jenħtieġ li jiġi pprovdut finanzjament biex jinżamm stokk ta’ dawk il-prodotti.

(14)

Il-metodi ta’ ttestjar addizzjonali jew alternattivi biex tiżdied il-kapaċità u r-riċerka medika rilevanti jenħtieġ li jiġu assistiti b’mezzi finanzjarji u/jew organizzattivi.

(15)

L-awtoritajiet kontraenti mill-Istati Membri qed jiffaċċaw diffikultajiet legali u prattiċi konsiderevoli fix-xiri ta’ provvisti jew servizzi f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Sabiex l-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jieħdu l-akbar benefiċċju possibbli mill-potenzjal tas-suq intern f’termini ta’ ekonomiji ta’ skala u tal-kondiviżjoni tar-riskji u l-benefiċċji, huwa tal-akbar importanza li jiġu estiżi l-possibbiltajiet li l-Kummissjoni tixtri provvisti jew servizzi f’isem Stati Membri. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ twettaq il-proċeduri ta’ akkwist rilevanti. Meta awtorità kontraenti ta’ Stat Membru twettaq ċerti partijiet tal-proċedura ta’ akkwist, pereżempju l-ftuħ mill-ġdid tal-kompetizzjoni taħt ftehim qafas jew l-għoti ta’ kuntratti individwali bbażati fuq sistema dinamika ta’ xiri, dik l-awtorità kontraenti tkun responsabbli għall-istadji li tkun wettqet.

(16)

F’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, meta jkun meħtieġ li jitwettaq akkwist konġunt bejn il-Kummissjoni u awtorità kontraenti waħda jew aktar minn Stati Membri, jenħtieġ li jkun possibbli li l-Istati Membri jakkwistaw, jikru jew jieħdu b’lokazzjoni bis-sħiħ il-kapaċitajiet akkwistati b’mod konġunt.

(17)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni titħalla tixtri, taħżen, tbiegħ mill-ġdid u tagħti provvisti u servizzi, inkluż kirjiet, lil Stati Membri jew lill-organizzazzjonijiet sħab magħżula mill-Kummissjoni.

(18)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2016/369 jiġi emendat skont dan.

(19)

L-Istati Membri ddikjaraw, bħala partijiet għall-Ftehim ta' Akkwist Konġunt imsemmi fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-ftehim tagħhom għall-inklużjoni tal-proċeduri ta' akkwist konġunt li għaddejjin bħalissa skont dak l-Artikolu fil-proċedura ta' akkwist rapidu stabbilit b'dan ir-Regolament, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fih. It-tip ta' kontromiżuri mediċi li jridu jiġu akkwistati u d-distribuzzjoni tal-kontromiżuri lil Stati Membri jenħtieġ li jsegwu kwalunkwe ftehim milħuq skont dawk il-proċeduri li għaddejjin.

(20)

L-aġġudikazzjoni immedjata u l-eżekuzzjoni tal-kuntratti li jirriżultaw mill-proċeduri ta' akkwist imwettqa għall-finijiet ta' dan ir-Regolament huma ġġustifikati minħabba l-urġenza estrema tal-kriżi tas-saħħa attwali. Għal dan il-għan speċifiku, huwa meħtieġ li jkun hemm derogi mid dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 u tad-Deċiżjoni Nru1082/2013/UE filwaqt li jkunu debitament iddokumentati mill-awtorità kontraenti. Jenħtieġ li t tqassim ta' kontromiżuri mediċi taħt dawn il-proċeduri ta' akkwist jirrispetta kwalunkwe gwida għat-tqassim li seta' ntlaħaq qbil dwarha minn Stati Membri. L-Istati taż-ŻEE li huma firmatarji għall Ftehim ta' Akkwist Konġunt għall-akkwist ta' kontromiżuri mediċi jistgħu jaqblu li l parteċipazzjoni tagħhom f'akkwisti mmaniġġjati mill-UE ta' kontromiżuri mediċi ser tkun soġġetta kif rilevanti għar-regoli u l-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament. Billi dawn id-derogi huma introdotti bħala konsegwenza tal-kriżi attwali tal-COVID-19, jenħtieġ li jkunu temporanji u japplikaw għall-istess perijodu bħal dak tal-attivazzjoni tal-appoġġ ta' emerġenza skont dan ir-Regolament.

(21)

Dawk il-miżuri ser jiksbu l-potenzjal sħiħ tagħhom biss jekk il-kontromiżuri mediċi akkwistati skont il-proċeduri rapidi u konġunti jilħqu s-servizzi tal-kura tas-saħħa fi Stati Membri mingħajr dewmien. L-Istati Membri għalhekk jenħtieġ li jżommu l-flussi essenzjali tat-trasport għaddejjin, b'mod partikolari permezz ta' korsiji ta' prijorità deżinjati, korsiji ħodor, fil-punti ta' qsim tal fruntieri tul in-netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) u jiffaċilitaw l-operazzjonijiet tal merkanzija bl-ajru, matul it-tifqigħa tal-COVID-19. Jenħtieġ li jintuża kif meħtieġ il Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili. Għal dan l-għan speċifiku, jeħtieġ li tiġi prevista deroga mill-Artikolu 1(6) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE.

(22)

Minħabba s-sitwazzjoni relatata mal-kriżi tal-COVID-19, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza.

(23)

Sabiex jiġi żgurat trattament ugwali u kundizzjonijiet ekwi għall-Istati Membri u biex tingħata kopertura irrispettivament minn meta seħħet it-tifqigħa fi Stat Membru partikolari, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-1 ta’ Frar 2020,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-appoġġ ta’ emerġenza skont ir-Regolament (UE) 2016/369 huwa b’dan attivat biex jiffinanzja n-nefqa meħtieġa biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19 għall-perijodu mill‐1 ta’ Frar 2020 sal-31 ta’ Jannar 2022.

Artikolu 2

B'deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 114(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, l-impenji baġitarji globali li jwasslu għal nefqa għall-appoġġ skont ir-Regolament (UE) 2016/369 għandhom ikopru l-kostijiet totali tal-impenji legali korrispondenti li jkunu saru sa tmiem il-perijodu ta’ attivazzjoni msemmi fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għall-obbligu li li jiġu koperti wkoll il-kostijiet tal-impenji legali korrispondenti li jkunu saru wara l-perijodu ta' attivazzjoni f'konformità mar-regola n+1 stabbilita fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 114(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

In-nefqa għandha tkun eliġibbli mid-data tal-attivazzjoni tal-appoġġ ta' emergenza imsemmi fl-Artikolu 1.

B’deroga mill-Artikolu 193(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, jistgħu jingħataw għotjiet għal azzjonijiet li jkunu diġà tlestew qabel il-15 ta’ April 2020 sakemm l-azzjonijiet ikunu nbdew wara d-data tal-attivazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Ir-Regolament (UE) 2016/369 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikoli 3 u 4 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“Artikolu 3

Azzjonijiet eliġibbli

1.   L-appoġġ ta' emerġenza skont dan ir-Regolament għandu jagħti rispons ta' emerġenza bbażat fuq il-ħtiġijiet, li jikkomplimenta r-rispons tal-Istati Membri affettwati mmirat lejn il-preservazzjoni tal-ħajja, il-prevenzjoni u t-tnaqqis tas-sofferenza umana, u ż-żamma tad-dinjità tal-bniedem, kulfejn ikun meħtieġ minħabba xi diżastru msemmi fl-Artikolu 1(1). Mingħajr preġudizzju għall-perijodu ta’ attivazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 2(1), l-appoġġ ta' emerġenza jista’ jingħata wkoll bil-ħsieb li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet wara diżastru jew biex jiġi evitat li jerġa’ jfeġġ.

2.   L-appoġġ ta' emerġenza, kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, jista' jinkludi kwalunkwe azzjoni ta' għajnuna umanitarja li tkun eliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni skont l-Artikoli 2, 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 1257/96, u jista' konsegwentement jinkludi assistenza, sokkors u, fejn meħtieġ, operazzjonijiet ta' protezzjoni biex tiġi salvata u ppreżervata l-ħajja f'diżastri jew minnufih warajhom. Jista' jintuża wkoll biex tiġi ffinanzjata kull nefqa oħra marbuta direttament mal-implimentazzjoni tal-appoġġ ta' emerġenza skont dan ir-Regolament. B’mod partikolari, l-appoġġ ta' emerġenza jista’ jintuża biex jiġu ffinanzjati l-azzjonijiet stabbiliti fl-Anness.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, l-appoġġ ta' emerġenza skont dan ir-Regolament għandu jingħata u jiġi implimentat f'konformità mal-prinċipji umanitarji fundamentali tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza.

4.   L-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni jew minn organizzazzjonijiet sħab magħżula mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tista’ tagħżel, b’mod partikolari, bħala organizzazzjonijiet sħab, organizzazzjonijiet mhux governattivi, servizzi speċjalizzati ta' Stati Membri, awtoritajiet nazzjonali u korpi pubbliċi oħra, organizzazzjonijiet internazzjonali u l-aġenziji tagħhom u, fejn xieraq u meħtieġ għall-implimentazzjoni ta’ azzjoni, organizzazzjonijiet u entitajiet oħrajn li għandhom l-għarfien espert meħtieġ jew li huma attivi fis-setturi rilevanti għall-għajnuna f’każ ta’ diżastru, bħall-fornituri ta’ servizzi privati, il-manifatturi ta’ tagħmir kif ukoll ix-xjentisti u l-istituzzjonijiet ta’ riċerka. B'hekk, il-Kummissjoni għandha żżomm kooperazzjoni mill-qrib mal-Istat Membru milqut.

Artikolu 4

Tipi ta' intervent finanzjarju u proċeduri ta' implimentazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1). B'mod partikolari, il-finanzjament mill-Unjoni għal azzjonijiet ta' appoġġ skont dan ir-Regolament għandu jkun implimentat permezz ta' ġestjoni diretta jew indiretta f’konformità mal-punti (a) u (c), rispettivament, tal-Artikolu 62(1) ta’ dak ir-Regolament.

2.   L-appoġġ ta’ emerġenza skont dan ir-Regolament għandu jkun iffinanzjat mill-baġit ġenerali tal-Unjoni u mill-kontribuzzjonijiet li jistgħu jsiru mill-Istati Membri u minn donaturi oħra pubbliċi jew privati bħala dħul assenjat estern f’konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

3.   Il-finanzjament mill-Unjoni għal azzjonijiet ta’ appoġġ skont dan ir-Regolament li għandu jiġi implimentat permezz ta' ġestjoni diretta jista’ jingħata direttament mill-Kummissjoni mingħajr sejħa għal proposti, f'konformità mal-Artikolu 195 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Għal dan l-għan il-Kummissjoni tista' tidħol fi ftehimiet qafas ta' sħubija jew tibbaża fuq ftehimiet qafas ta' sħubija li diġà jeżistu u li ġew konklużi f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1257/96.

4.   Meta l-Kummissjoni timplimenta operazzjonijiet ta' appoġġ ta' emerġenza permezz ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi, il-kriterji li jikkonċernaw il-kapaċità finanzjarja u operazzjonali għandhom jitqiesu bħala ssodisfati fejn ikun hemm fis-seħħ ftehim qafas ta' sħubija bejn dik l-organizzazzjoni u l-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1257/96.

5.   L-appoġġ ta’ emerġenza skont dan ir-Regolament jista’ jingħata fi kwalunkwe waħda mill-forom li ġejjin:

(a)

akkwist konġunt ma' Stati Membri kif imsemmi fl-Artikolu 165(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 li bih l-Istati Membri jistgħu jakkwistaw, jikru jew jieħdu b’lokazzjoni b'mod sħiħ il-kapaċitajiet akkwistati b’mod konġunt;

(b)

akkwist mill-Kummissjoni f’isem Stati Membri abbażi ta' ftehim bejn il-Kummissjoni u Stati Membri.

(c)

akkwist mill-Kummissjoni, bħala bejjiegħ bl-ingrossa, permezz tax-xiri, l-istokkjar u l-bejgħ mill-ġdid jew l-għoti ta’ provvisti u servizzi, inkluż kirjiet, lil Stati Membri jew lill-organizzazzjonijiet sħab magħżula mill-Kummissjoni.

6.   Fil-każ ta’ proċedura ta’ akkwist kif imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 5, il-kuntratti li jirriżultaw għandhom jiġu konklużi minn wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

il-Kummissjoni, li permezz tagħha s-servizzi jew l-oġġetti jridu jingħataw jew jiġu kkonsenjati lil Stati Membri jew lill-organizzazzjonijiet sħab magħżula mill-Kummissjoni;

(b)

l-Istati Membri parteċipanti li permezz tagħhom huma jridu jakkwistaw, jikru jew jieħdu b’lokazzjoni l-kapaċitajiet akkwistati għalihom mill-Kummissjoni.

7.   Fil-każ ta’ proċeduri ta’ akkwist kif imsemmi fil-punti (b) u (c) tal-paragrafu 5, il-Kummissjoni għandha ssegwi r-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 għall-akkwist tagħha stess.

(*1)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).”;"

(2)

fl-Artikolu 5, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Il-finanzjament mill-Unjoni jista’ jkopri kwalunkwe kost dirett meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 3, inkluż ix-xiri, il-preparazzjoni, il-ġbir, it-trasport, il-ħażna u d-distribuzzjoni ta’ oġġetti u servizzi taħt dawk l-azzjonijiet kif ukoll kostijiet ta’ investiment ta’ azzjonijiet jew proġetti relatati direttament mal-kisba tal-objettivi tal-appoġġ ta’ emerġenza attivat f'konformità ma' dan ir-Regolament.;

2.   Il-kostijiet indiretti tal-organizzazzjonijiet sħab jistgħu jkunu koperti wkoll f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.”;

(3)

jiżdied l-Anness li ġej:

“ANNESS

Azzjonijiet eliġibbli

L-azzjonijiet li ġejjin jistgħu jiġu ffinanzjati fil-każ ta’ pandemiji li jkollhom effett fuq skala kbira:

(a)

it-tisħiħ temporanju tal-forza tax-xogħol medika, l-iskambju ta’ professjonisti mediċi, l-ospitar ta’ pazjenti barranin jew tip ieħor ta’ appoġġ reċiproku;

(b)

l-iskjerament ta’ faċilitajiet tal-kura tas-saħħa temporanji u l-estensjoni temporanja ta’ faċilitajiet tal-kura tas-saħħa eżistenti biex tittaffa l-pressjoni fuq l-istrutturi eżistenti u tiżdied il-kapaċità ġenerali tal-kura tas-saħħa;

(c)

attivitajiet biex tiġi appoġġata l-amministrazzjoni tal-applikazzjoni fuq skala kbira ta’ testijiet mediċi u biex jitħejjew l-istrateġiji u l-protokolli meħtieġa għall-ittestjar xjentifiku;

(d)

l-istabbiliment ta’ faċilitajiet ta’ kwarantina temporanji u miżuri oħra xierqa fil-fruntieri tal-Unjoni;

(e)

l-iżvilupp, il-produzzjoni jew l-akkwist u d-distribuzzjoni ta’ prodotti mediċi;

(f)

żidiet u konverżjonijiet tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni għall-prodotti mediċi kif imsemmi fil-punt (e) biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet ta’ provvista;

(g)

il-manutenzjoni tal-istokk ta’ prodotti mediċi kif imsemmi fil-punt (e) u r-rimi tagħhom;

(h)

azzjonijiet biex jiġu appoġġati l-passi meħtieġa biex tinkiseb l-approvazzjoni għall-użu tal-prodotti mediċi kif imsemmi fil-punt (e) jekk meħtieġ;

(i)

azzjonijiet biex jiġu żviluppati metodi xierqa għall-intraċċar tal-iżvilupp tal-pandemja u r-riżultati tal-miżuri implimentati biex jindirizzawha;

(j)

l-organizzar ta’ provi kliniċi ad hoc ta’ terapiji jew ta’ dijanjostika potenzjali skont l-istandards ta’ prova maqbula fil-livell tal-Unjoni;

(k)

il-validazzjoni xjentifika ta’ prodotti mediċi, inklużi metodi ġodda ta’ ttestjar potenzjali.

Il-lista ta’ hawn fuq mhijiex eżawrjenti.

.

Artikolu 4

1.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 1(6) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE, il-kapaċitajiet kollha tal Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili jistgħu jintużaw fil-kuntest tal-akkwist u t-twassil ta’ kontromiżuri mediċi skont il-proċeduri previsti f'dan ir-Regolament.

2.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 172(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, l-awtoritajiet kontraenti għandhom ikunu intitolati li jitolbu t-twassil tal-oġġetti u s-servizzi mid-data li jintbagħtu l abbozzi ta’ kuntratti li jirriżultaw mill-akkwist imwettaq għall-finijiet ta' dan ir-Regolament. L-abbozz ta’ kuntratti għandhom jintbgħatu mhux aktar tard minn 24 siegħa mill-aġġudikazzjoni.

3.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 172(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, il-Kummissjoni tista’ timmodifika l-kuntratti msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu kif meħtieġ biex tadatta għall-evoluzzjoni tal-kriżi tas-saħħa attwali.

4.   Permezz ta' deroga mill-punt 30 tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu 1 tal-Anness I għar-Regolament (UE,Euratom) 2018/1046, u għall-finijiet ta' aġġudikazzjoni tal-kuntratti msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-uffiċjal awtorizzanti jista' jgħaqqad il-kontenut tar-rapport ta’ evalwazzjoni u d-deċiżjoni ta' aġġudikazzjoni f'dokument uniku u jiffirmah. Il-firma elettronika msemmija fil-punt 30.1 tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu 1 tal-Anness I għar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 u l-firem tal-kumtratti li jirriżultaw jistgħu jiġu sostitwiti b'konferma permezz ta' email sigura jew sempliċiment firma skenjata.

5.   Kif rilevanti, id-derogi stabbiliti fil-paragrafi (1) sa (4) ta' dan l-Artikolu, kif ukoll id-derogi neċessarji għall Ftehim ta' Akkwist Konġunt imsemmi fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE, għandhom japplikaw għall-proċeduri kollha għall kontromiżuri mediċi, kemm jekk ġodda jew għaddejjin fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, bil-ħsieb li jiġu aġġudikati abbażi ta' offerti evalwati fi żmien skadenza ta' 24 siegħa.

6.   Id-derogi stipulati f'dan l-Artikolu għandhom japplikaw sal-31 ta' Jannar 2022.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Frar 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ April 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

G. GRLIĆ RADMAN


(1)  Id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‐17 ta’ Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/369 tal-15 ta’ Marzu 2016 dwar l-għoti ta' appoġġ ta’ emerġenza fl-Unjoni (ĠU L 70, 16.3.2016, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‐18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE (ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1).