|
Skeda ta’ Sommarju Eżekuttiv
|
|
Valutazzjoni tal-impatt dwar il-baġit fit-tul li jmiss tal-UE (QFP) – il-finanzjament tal-UE għall-kompetittività
|
|
A. Il-ħtieġa li tittieħed azzjoni
|
|
Għaliex? X’inhi l-problema li qed tiġi indirizzata?
|
|
Għal dawn l-aħħar 30 sena, kibret id-diskrepanza fil-produttività bejn l-UE u ekonomiji avvanzati oħra, u b’hekk l-UE saret inqas kompetittiva minn ekonomiji ewlenin oħra. L-UE qed taqa’ lura meta mqabbla ma’ ekonomiji ewlenin oħra f’diversi oqsma, fosthom l-iżvilupp teknoloġiku, il-prestazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni, id-dinamiżmu tas-suq, u l-kapaċità industrijali. Għalhekk, it-tisħiħ tal-kompetittività Ewropea sar prijorità kritika, kif indikat fir-Rapport ta’ Draghi.
Kif imfassal fil-Boxxla għall-Kompetittività tal-Kummissjoni Ewropea
, il-kompetittività Ewropea tinkludi l-kapaċità tal-UE li żżid it-tkabbir tal-produttività, l-istandards tal-għajxien għoljin, u l-awtonomija strateġika f’xenarju globali li qed jevolvi malajr. Dan il-kunċett jestendi lil hinn mill-kompetizzjoni tradizzjonali bbażata fuq il-kost, filwaqt li jenfasizza l-innovazzjoni, l-investiment, ir-reżiljenza, u s-saħħa industrijali, b’mod partikolari fis-setturi ekoloġiċi, diġitali u kritiċi ewlenin.
Il-Boxxla għall-Kompetittività tidentifika diversi fatturi meħtieġa biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-UE: (1) it-tnaqqis tad-diskrepanza fl-innovazzjoni, (2) id-dekarbonizzazzjoni, u (3) it-tnaqqis tad-dipendenzi eċċessivi u ż-żieda fis-sigurtà. Barra minn hekk, tenfasizza ħames faċilitaturi orizzontali: (1) is-simplifikazzjoni, (2) it-tneħħija tal-ostakli fis-Suq Uniku, (3) il-finanzjament, (4) il-ħiliet u l-impjiegi ta’ kwalità, (5) koordinazzjoni aħjar.
Is-simplifikazzjoni, il-finanzjament u l-koordinazzjoni aħjar se jkunu l-enfasi primarju tal-Fond Ewropew għall-Kompetittività.
L-indirizzar ta’ dawn il-problemi hu mistenni li jkollu impatt pożittiv, għalkemm indirett, fuq problemi oħra identifikati fil-Boxxla għall-Kompetittività bħad-diskrepanza fl-innovazzjoni kif ukoll it-tnaqqis tad-dipendenza tal-Ewropa fuq sorsi esterni għal teknoloġiji u riżorsi kritiċi, u b’hekk jissaħħu s-sigurtà u r-reżiljenza.
|
|
X’mistennija tikseb din l-inizjattiva?
|
|
L-objettiv ġenerali ta’ din l-inizjattiva hu li tiġi stabbilita kapaċità ta’ investiment biex tiġi appoġġata l-kompetittività Ewropea f’teknoloġiji u setturi strateġiċi, kif ukoll li jiġu sfruttati l-għodod ta’ finanzjament tal-baġit tal-UE.
B’mod aktar speċifiku, l-inizjattiva tippromwovi l-investimenti pubbliċi u privati matul il-vjaġġ kollu tal-investiment, b’mod partikolari fir-riċerka u l-innovazzjoni, u tisfrutta aħjar il-potenzjal biex jitneħħew ir-riskji tal-baġit tal-UE ħalli jiġi massimizzat il-valur miżjud tiegħu tal-UE. Barra minn hekk, tmexxi u tiffoka l-investimenti fuq it-teknoloġiji u s-setturi strateġiċi tal-UE bil-għan li tappoġġa d-dekarbonizzazzjoni, is-sigurtà u r-reżiljenza. Fl-aħħar nett, tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament tal-UE permezz ta’ proċeduri ċċentrati fuq l-utent, aktar rapidi, simplifikati u armonizzati, u ttejjeb il-koerenza tal-investimenti tal-UE u tal-Istati Membri.
|
|
X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE?
|
|
L-ewwel nett, permezz tat-tisħiħ tal-kollaborazzjoni u l-integrazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati u l-fruntieri, il-finanzjament tal-UE jneħħi l-ostakli nazzjonali u joħloq massa kritika biex jiġu indirizzati l-isfidi komuni. It-tieni, permezz tal-indirizzar tal-fallimenti tas-suq u l-kundizzjonijiet ta’ investiment subottimali, u tal-ġenerazzjoni ta’ impatt ekonomiku, l-UE ssaħħaħ ir-reżiljenza ekonomika, tisfrutta l-fondi privati, tattira l-kapital, tagħti spinta lill-produttività fl-UE kollha, u tappoġġa proġetti ta’ benefiċċju ekonomiku li altrimenti jistgħu ma jirnexxux. Tappoġġa l-kompetizzjoni fl-UE kollha, li din tippermetti li jintgħażlu l-aħjar ideat xjentifiċi u innovattivi mill-UE kollha. It-tielet, permezz tat-tisħiħ tad-direzzjonalità tal-investiment u tal-ġbir tar-riżorsi, l-UE tista’ tindirizza aħjar l-isfidi fl-UE kollha u tippromwovi prijoritajiet kondiviżi bħat-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi.
|
|
B. Soluzzjonijiet
|
|
X’għażliet ta’ politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi tqiesu? Hemm għażla ppreferuta jew le? Għaliex?
|
|
Tqiesu tliet għażliet ta’ politika differenti:
L-ewwel għażla hi “Żamma tal-istatus quo plus”, li fiha l-14-il programm iżommu r-regoli tagħhom stess, iżda l-Kummissjoni kieku tipprova tiżgura konsistenza aktar orizzontali fil-fondi kollha, filwaqt li tespandi fuq l-approċċ meħud mal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP, Strategic Technologies for Europe Platform) biex tgħin lil proġetti individwali jibbenefikaw minn finanzjament kumulattiv fil-qafas ta’ diversi programmi.
It-tieni għażla hi “Koordinazzjoni msaħħa bejn il-programmi u ġabra komuni tar-regoli”, li tmur lil hinn mill-ewwel għażla billi tarmonizza r-regoli bejn il-programmi, b’mod partikolari billi tallinja l-objettivi, il-fergħat u l-pilastri, kif ukoll l-għodod ta’ implimentazzjoni u d-dispożizzjonijiet legali orizzontali.
It-tielet għażla hi “Konsolidazzjoni tal-programmi f’Fond Ewropew għall-Kompetittività ġdid”, li tiġbor il-programmi rilevanti tal-UE f’fond wieħed bi tmexxija strateġika li tipprijoritizza aktar il-politika milli l-programmi. Din l-għażla toħloq kapaċità unika ta’ investiment biex tappoġġa s-setturi u t-teknoloġiji strateġiċi, l-innovazzjoni fixkiela u d-dekarbonizzazzjoni permezz ta’ vjaġġ tal-investiment bla xkiel mir-riċerka fundamentali sar-riċerka applikata, sal-użu, il-manifattura, is-servizzi u s-soluzzjonijiet. Din se tkun strutturata fuq għadd żgħir ta’ oqsma ta’ politika li huma kruċjali għall-kompetittività u r-reżiljenza tal-UE. Il-governanza tagħha tgħin lill-Fond jirreaġixxi malajr għal sfidi u prijoritajiet ġodda. It-tielet għażla toħloq bilanċ bejn il-prevedibbiltà meħtieġa għal investimenti fit-tul bħal pereżempju għar-riċerka u l-innovazzjoni, u l-flessibbiltà meħtieġa biex twieġeb għal prijoritajiet politiċi emerġenti.
L-għażla ppreferuta hi t-tielet għażla, peress li toffri sett komprensiv ta’ miżuri ta’ politika biex jingħelbu n-nuqqasijiet attwali fix-xenarju ta’ finanzjament tal-UE relatati mal-kompetittività deskritta hawn fuq. Biex tiżgura s-suċċess tal-għażla ppreferuta, l-UE se timplimenta miżuri bil-għan li timminimizza l-impatti negattivi potenzjali, inkluż billi tibbilanċja l-flessibbiltà mal-ħtieġa tal-prevedibbiltà.
|
|
C. Impatti tal-għażla ppreferuta
|
|
X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?
|
|
L-għażla ppreferuta tipprovdi redditu ogħla fuq l-investiment fuq perjodu ta’ 15-il sena, b’benefiċċju totali ta’ 15,74 % aktar għal kull Ewro li jintefaq meta mqabbel mal-ewwel għażla (“żamma tal-istatus quo plus”). . L-Unjoni Ewropea tesperjenza wkoll żieda fl-esportazzjonijiet li hi 58 % ogħla meta mqabbla mal-ewwel għażla, prinċipalment minħabba l-volum akbar ta’ investimenti. L-impatt ġenerali tal-għażla ppreferuta fuq il-produttività tal-UE x’aktarx li jkun pożittiv, xprunat mill-kapaċità tagħha li talloka r-riżorsi b’mod aktar effiċjenti u effettiv.
Din l-għażla hi mistennija wkoll li tnaqqas il-kostijiet amministrattivi għall-benefiċjarji billi tintegra l-punti ta’ aċċess u tintroduċi ġabra unika tar-regoli, tissimplifika l-proċess ta’ finanzjament u toħloq ambjent aktar effiċjenti u favorevoli għan-negozju, b’mod partikolari għall-benefiċċju tal-industriji b’rata għolja ta’ tkabbir, l-SMEs, l-istart-ups innovattivi, u l-proġetti li jeħtieġu appoġġ ta’ investiment fit-tul. Proċess ta’ applikazzjoni simplifikat u aġġornat iżid iċ-ċarezza għall-promoturi tal-proġetti u b’mod ġenerali jiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament.
L-għażla ppreferuta tikkonsolida wkoll il-proċessi ta’ finanzjament u twessa’ l-aċċess għall-għodod finanzjarji, li jippermettu lill-UE tisfrutta aħjar il-potenzjal tagħha biex timmobilizza l-kapital privat u żżid il-flessibbiltà baġitarja. L-għażla ssaħħaħ ukoll il-konnessjonijiet bejn ir-riċerka fundamentali u l-istadji avvanzati tar-riċerka, tal-innovazzjoni u tal-manifattura, filwaqt li tiżgura struttura ekonomika dinamika fl-UE u twassal aħjar l-ideat fis-suq.
Mil-lat tas-suq, qafas ta’ finanzjament unifikat għandu l-għan li jsaħħaħ il-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej billi jagħmel il-finanzjament aktar aċċessibbli u allinjat strateġikament. Jappoġġa wkoll l-awtonomija strateġika Ewropea u jnaqqas id-dipendenzi kritiċi.
Fl-aħħar nett, l-impatti soċjali jinkludu l-promozzjoni tal-ħolqien tal-impjiegi, it-tisħiħ tal-ħiliet, u t-tkabbir ekonomiku reġjonali, b’mod partikolari fis-setturi strateġiċi. L-impatti ambjentali ta’ din l-għażla huma marbuta mill-qrib mal-prijoritizzazzjoni tagħha tad-dekarbonizzazzjoni u tat-teknoloġija nadifa bħala setturi u teknoloġiji ewlenin. Din l-enfasi għandha twassal għal impatt pożittiv fuq il-klima u fil-perkors tal-UE lejn id-dekarbonizzazzjoni.
|
|
X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?
|
|
Jistgħu jimmaterjalizzaw xi kostijiet ta’ aġġustament għall-applikanti u l-benefiċjarji li diġà jibbenefikaw mill-fondi tal-UE. It-tranżizzjoni għal fond uniku u integrat tkun teħtieġ adattament minn organizzazzjonijiet midħla tal-istruttura attwali. Madankollu, għalkemm ikun meħtieġ adattament inizjali għall-fond il-ġdid, il-benefiċjarji jeħtieġu jgħaddu minn dan il-proċess ta’ tagħlim darba biss, minflok ripetutament għal diversi programmi. L-aċċessibbiltà ġenerali aktar faċli u t-tnaqqis tal-ostakli jnaqqsu b’mod sinifikanti l-kostijiet tal-applikazzjoni b’mod ġenerali, inkluż għal grupp usa’ ta’ applikanti. L-iżvilupp ta’ gateway unika, li tibni fuq l-esperjenza inizjali mill-Portal għall-Finanzjament u għall-Offerti u mill-Portal STEP jista’ jgħin biex jittaffa t-tfixkil, filwaqt li governanza robusta aġli u risponsiva u strutturi tan-network tal-partijiet ikkonċernati jistgħu jgħinu fil-ġestjoni tat-tranżizzjoni. Fl-aħħar mill-aħħar, struttura aktar sempliċi u li tista’ tinqara aħjar tista’ twessa’ l-aċċess għall-programmi ta’ finanzjament għal benefiċjarji ġodda, filwaqt li tistimula l-innovazzjoni fis-setturi kollha.
|
|
Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?
|
|
L-SMEs li diġà huma familjari mal-finanzjament tal-UE inizjalment se jġarrbu kostijiet ta’ aġġustament minħabba sforzi tranżitorji, pereżempju biex jaġġustaw regoli ġodda u jitgħallmu dwar is-sistema ta’ applikazzjoni konsolidata. Dawn il-kostijiet huma mistennija jkunu temporanji u limitati. Maż-żmien, l‑SMEs se jibbenefikaw minn kostijiet amministrattivi mnaqqsa għall‑identifikazzjoni ta’ opportunitajiet ta’ finanzjament rilevanti u għall‑applikazzjoni tagħhom. Il-vantaġġi ewlenin jinkludu portal ta’ applikazzjoni bi dħul wieħed, regoli simplifikati u armonizzati, u servizzi ta’ konsulenza u punt uniku ta’ servizz simplifikati, li jagħmlu l-finanzjament aktar aċċessibbli filwaqt li jnaqqsu l-kostijiet u l-kumplessità. L-appoġġ lill-SMEs jeħtieġ jiġi inkorporat fl-arkitettura tal-Fond għall-Kompetittività biex jiġi żgurat li jitwettqu dawn il-benefiċċji.
|
|
Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?
|
|
Le, peress li l-programm hu ġestit direttament mill-Kummissjoni fil-livell tal-UE, jew indirettament permezz tas-sħab ta’ implimentazzjoni tagħha, b’finanzjament mogħti lill-benefiċjarji.
|
|
Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra?
|
|
L-għażla ppreferuta se ttejjeb il-produttività u ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-katina tal-valur globali tal-UE, inkluż permezz ta’ innovazzjoni fixkiela li toħloq swieq ġodda. Billi tappoġġa l-innovazzjoni u l-manifattura, se tnaqqas id-dipendenzi u ttejjeb il-pożizzjoni tas-suq tad-ditti tal-UE. It-tmexxija strateġika u l-finanzjament iddedikat jiżguraw il-prevedibbiltà tal-finanzjament, mir-riċerka fundamentali sal-applikazzjoni tas-suq. L-SMEs se jibbenefikaw minn aċċess simplifikat għall-finanzjament, tnaqqis fil-kostijiet amministrattivi, u proċessi aktar rapidi ta’ żmien għall-għotjiet, li jtejbu l-kapaċità tagħhom li jaċċessaw il-kapital. L-inizjattiva tista’ ssaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tas-setturi strateġiċi u l-pożizzjoni tal-UE fit-teknoloġiji kritiċi u avvanzati. Permezz ta’ effetti konsegwenzjali, se jibbenefikaw setturi kontigwi, u b’hekk tiżdied il-produttività.
|
|
D. Segwitu
|
|
Meta se tiġi rieżaminata l-politika?
|
|
Din l-inizjattiva se tiġi mmonitorjata permezz tal-qafas ta’ prestazzjoni għall-baġit ta’ wara l-2027, li hu eżaminat f’valutazzjoni tal-impatt separata. Il-qafas ta’ prestazzjoni jipprevedi rapport ta’ implimentazzjoni matul il-fażi ta’ implimentazzjoni tal-programm, kif ukoll evalwazzjoni retrospettiva li għandha titwettaq f’konformità mal-Artikolu 34(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509. L-evalwazzjoni għandha titwettaq f’konformità mal-Linji Gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar u se tkun ibbażata fuq indikaturi rilevanti għall-objettivi tal-programm.
|