KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

RUIZ-JARABO COLOMER

ippreżentati fil-25 ta’ Ottubru 2007 ( 1 )

Kawża C-296/06

Telecom Italia SpA

vs

Ministero dell’Economia e delle Finanze

u

Ministero delle Comunicazioni

“Servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet — Direttiva 97/13/KE — Artikoli 6, 11, 22 u 25 — Taxxi u drittijiet applikabbli għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u għal-liċenzji individwali — Obbligu impost fuq impriża li qabel kienet detentriċi ta’ dritt esklużiv — Żamma temporanja”

I — Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, magħmula skond l-Artikolu 234 KE mit-Tribunale Amministrativo Regionale del Lazio (Tribunal Amministrattiv Reġjonali ta’ Lazio) (l-Italja) tirrigwarda suġġett magħruf sew mill-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm din il-kawża għandha sfumaturi ġodda meta mqabbla mal-ġurisprudenza fl-imgħoddi ( 2 ).

2.

F’ħames okkażjonijiet il-qorti Komunitarja ddikjarat li d-Direttiva 97/13/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-10 ta’ April 1997, dwar qafas komuni għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u l-liċenzji individwali fil-qasam tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet ( 3 ), tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jimponu fuq impriżi li għandhom liċenzji individwali taxxi li mhumiex stabbiliti fl-Artikolu 11 tagħha u tipprovdi li t-taxxi jkunu kkalkulati abbażi ta’ l-ispejjeż amministrattivi għall-ħruġ ta’ dawn il-liċenzji.

3.

L-ewwel darba tmur lura għas-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2003, Albacom u Infostrada ( 4 ), fejn il-Consiglio di Stato (Kunsill ta’ l-Istat) tar-Repubblika Taljana għamel domanda preliminari dwar kontribuzzjoni kkalkulata fuq id-dħul mill-bejgħ tal-kumpanniji tat-telekomunikazzjonijiet, deċiżjoni li ġiet riprodotta fid-digriet tat-8 ta’ Ġunju 2004, Telecom Italia Mobile et ( 5 ).

4.

Dejjem fil-kuntest ta’ l-ordinament ġuridiku Taljan, u b’risposta għall-istess Kunsill ta’ l-Istat, fis-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2006, Nuova Società di Telecomunicazioni ( 6 ), ġie ddikjarat li dan l-Artikolu 11 jipprojbixxi leġiżlazzjoni li tissuġġetta lid-detentur ta’ liċenzja individwali għat-tħaddim ta’ netwerk pubbliku ta’ telekomunikazzjonijiet għall-ħlas ta’ kontibuzzjoni addizzjonali fir-rigward ta’ l-użu privat tan-netwerk imsemmi.

5.

Wara, bis-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2006, i-21 Germany u Arcor ( 7 ), il-Qorti tal-Ġustizzja informat lill-Bundesverwaltungsgericht (Qorti Federali Amministrattiva Suprema Ġermaniża) li s-sistema tad-Direttiva 97/13 tipprojbixxi l-applikazzjoni ta’ taxxa kkalkulata b’kunsiderazzjoni ta’ l-ispejjeż amministrattivi ġenerali ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali fuq perijodu ta’ 30 sena.

6.

Ħdax-il xahar qabel, fis-sentenza ta’ l-20 ta’ Ottubru 2005, ISIS Multimedia u Firma 02 ( 8 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet wieġbet lill- Bundesverwaltungsgericht li din id-Direttiva tipprojbixxi li operaturi ġodda jkunu suġġetti għal ħlas ta’ drittijiet fir-rigward ta’ l-allokazzjoni ta’ numri tat-telefown li l-ammont tagħhom ikun ferm akbar mill-ispejjeż tal-konċessjoni tagħhom jekk l-impriża li jkollha pożizzjoni dominanti, u li kienet ħadet post il-monopolju preċedenti, tkun kisbithom mingħajr ħlas.

7.

Din id-domanda preliminari, li għaliha, bħal f’erbgħa mill-kawżi preċedenti, jiena mitlub inressaq il-konklużjonijiet tiegħi, tidħol f’kuntest kemxejn differenti; fil-fatt għandu jiġi stabbilit jekk, skond l-Artikolu 22 tad-Direttiva 97/13, l-Istati Membri jistgħux jestendu sa l-1 ta’ Jannar 1999 l-obbligu li jitħallas korrispettiv fi flus mill-konċessjonarji esklużivi l-qodma, obbligu li ħadd ma qiegħed jikkontesta li jmur kontra l-Artikolu 11 tad-direttiva msemmija.

II — Il-kuntest ġuridiku

A — Id-dritt Komunitarju: id-Direttiva 97/13

8.

Il-ftuħ tas-suq tat-telekomunikazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea seħħ fl-1 ta’ Jannar 1998 ( 9 ) u d-Direttiva 97/13 tidher bħala wieħed mill-istrumenti l-iktar effikaċi. Din irrikonċiljat il-kontroll indispensabbli ta’ l-Istat fuq dawn ir-riżorsi, eżerċitat permezz ta’ “awtorizzazzjonijiet”, mal-liberalizzazzjoni irriversibbli tas-settur, bl-iskop li jinħolqu kundizzjonijiet fejn il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi jiffavorixxu l-iżvilupp tal-kompetizzjoni. Għal dan l-iskop, id-Direttiva 97/13 tistabbilixxi kuntest uniformi, ibbażat fuq il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ trasparenza u ta’ non-diskriminazzjoni, fejn in-nuqqas ta’ restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet u għall-isfruttament tan-netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet huwa r-regola bażika. Il-leġiżlatur Komunitarju ried li dawn is-servizzi jitqassmu u jintużaw mingħajr ostakoli jew, skond il-bżonn, permezz ta’ “awtorizzazzjonijiet ġenerali” u li l-“liċenzji individwali” jingħataw biss eċċezzjonalment jew sabiex jikkompletaw l-awtorizzazzjonijiet ġenerali ( 10 ).

9.

L-Artikoli 6 u 11 tad-Direttiva 93/13 jagħmlu parti minn din l-idea li tiġi ffaċilitata l-kompetizzjoni fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet u li ma jiġux imposti fuq l-impriżi iktar restrizzjonijiet jew piżijiet milli meħtieġ, b’rispett lejn il-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 11 ). It-titoli tagħhom huma, rispettivament, “Taxxi u drittijiet għall-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni ġenerali” u “Taxxi u drittijiet għal-liċenzji individwali”.

10.

L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 97/13 jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jitolbu lill-impriżi detenturi ta’ liċenzji individwali taxxi oħra minbarra dawk intiżi sabiex ikopru l-ispejjeż amministrattivi marbuta mal-ħruġ, mal-ġestjoni, mal-kontroll u ma’ l-infurzar ta’ dawn il-liċenzji individwali, filwaqt li, skond l-Artikolu 11(2) ta’ din id-direttiva, meta jkunu involuti riżorsi skarsi, jistgħu jiġu imposti drittijiet mhux diskriminatorji sabiex jiġi assigurat l-aħjar użu tagħhom.

11.

Skond l-Artikolu 25 tad-Direttiva 97/13, l-Istati Membri kellhom jadottaw id-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkonformaw ruħhom mad-Direttiva sal-31 ta’ Diċembru 1997.

12.

Madankollu, l-Artikolu 22, bit-titolu “Awtorizzazzjonijiet li jeżistu fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva”, jistabbilixxi dan li ġej ( 12 ):

“1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-isforzi kollha meħtieġa biex l-awtorizzazzjonijiet eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet tagħha qabel l-1 ta’ Jannar 1999.

2.   Fil-każ li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva timplika emendi għall-kundizzjonijiet ta’ l-awtorizzazzjonijiet diġà eżistenti, l-Istati Membri jistgħu jestendu l-validità tal-kundizzjonijiet apparti minn dawk li jagħtu drittijiet speċjali jew esklużivi, li kienu tneħħew jew ser jitneħħew skond il-leġiżlazzjoni Komunitarja, sakemm dan ikun jista’ jsir mingħajr ma jiġu affettwati d-drittijiet ta’ impriżi oħrajn taħt id-dritt Komunitarju, inkluża din id-Direttiva. F’dawn il-każijiet, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miżuri meħudin għal dan l-iskop u għandhom jindikaw il-motivazzjonijiet wara dawn il-miżuri.

3.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti, l-obbligi li jikkonċernaw l-awtorizzazzjonijiet eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva li sa l-1 ta’ Jannar 1999 ma jkunux konformi ma’ din id-Direttiva għandhom ikunu mingħajr effett.

Meta jkun hemm ġustifikazzjoni, l-Istati Membri jistgħu, wara talba, jiksbu differiment ta’ din id-data mingħand il-Kummissjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

B — L-ordinament ġuridiku Taljan: id-drittijiet fuq il-liċenzji individwali

13.

Il-Codice postale e delle telecomunicazioni (il-Kodiċi Postali u tat-Telekomunikazzjonijiet) ta’ l-1973 ( 13 ) kien jirriżerva s-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet esklużivament għall-Istat Taljan (Artikolu 1), minkejja li kien jirrikonoxxi li dawn setgħu jiġu ġestiti indirettament permezz ta’ konċessjoni (Artikolu 4), bil-konċessjonarju obbligat li jħallas drittijiet annwali (Artikolu 188), proporzjonali mad-dħul kollu gross mill-attività, wara li jitnaqqas l-ammont imħallas lill-operatur tan-netwerk pubbliku ( 14 ).

14.

Meta fl-Unjoni Ewropea beda l-proċess ta’ liberalizzazzjoni tas-settur tat-telekomunikazzjonijiet, id-Digriet-Liġi Nru 545 tat-23 ta’ Ottubru 1996 ( 15 ) għamel il-leġiżlazzjoni Taljana konformi mad-dritt Komunitarju, li saret, wara xi emendi, il-Liġi Nru 650 tat-23 ta’ Diċembru 1996 ( 16 ).

15.

Il-leġiżlazzjoni l-ġdida eliminat id-drittijiet esklużivi u speċjali u rrikonoxxiet lil kull impriża l-fakultà li tipprovdi servizzi u tinstalla netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet bil-kundizzjoni li tkun kisbet awtorizzazzjoni amministrattiva. L-Artikolu 4(1) u (2) tal-Liġi Nru 249 tal-31 ta’ Lulju 1997 li stabbilixxiet l-Autorità per le garanzie nelle comunicazioni (l-Awtorità għall-garanzija fil-komunikazzjonijiet) u rregolat is-sistemi tat-telekomunikazzjonijiet u radjuteleviżivi ( 17 ), ikkonfermat din is-sistema.

16.

Id-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 318 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 318”) tad-19 ta’ Settembru 1997 ( 18 ), implementa dan l-adattament tal-leġiżlazzjoni Taljana mar-rekwiżiti ta’ dik Komunitarja. B’mod partikolari, dan id-digriet iffissa t-terminu finali għad-drittijiet speċjali u esklużivi preċedenti bħala l-1 ta’ Jannar 1998 (Artikolu 2(3)) u rriproduċa l-Artikolu 22 tad-Direttiva 97/13 (Artikolu 2(4) sa (6)).

17.

Barra minn dan, fl-Artikolu 6(20), id-Digriet Nru 318 stabbilixxa li l-ħlas mitlub mill-impriżi għal-liċenzji individwali għandu l-għan esklużiv li jkopri l-ispejjeż amministrattivi marbuta mal-ħruġ tagħhom ( 19 ), u b’hekk ħassar l-effett ta’ l-Artikolu 188 tal-Kodiċi Postali.

18.

Madankollu, sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni mis-sistema ta’ konċessjoni preċedenti għal dik ġdida, id-Digriet Nru 318 stabbilixxa miżuri tranżitorji li abbażi tagħhom id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 188 tal-Kodiċi Postali kellhom jibqgħu applikabbli sakemm l-Awtorità tqis opportun (Artikolu 21(2)). Din ir-regola kienet imbagħad ġiet imħassra mill-Artikolu 20(4) tal-Liġi Nru 448 tat-23 ta’ Diċembru 1998 fuq il-miżuri ta’ finanzi pubbliċi għall-istabbiltà u l-iżvilupp (liġi finanzjarja għall-1999) ( 20 ), li kkonfermat fl-Artikolu 20(3) li l-Artikolu 188 tal-Kodiċi Postali kien annullat fl-1 ta’ Jannar 1999, u b’hekk baqa’ fis-seħħ matul is-sena 1998 kollha.

III — Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

19.

Telecom Italia SpA, konċessjonarja esklużiva fl-Italja mill-1964 ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet għal użu pubbliku, hija bħalissa detentur ta’ liċenzja individwali għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet inerenti għal dawn is-servizzi u ħallset, għas-sena 1998, taxxa ta’ EUR 385896593 flimkien ma’ l-imgħaxijiet.

20.

Biex tikseb ir-rimborż ta’ din is-somma r-rikorrenti adixxiet it-Tribunale Amministrativo Regionale del Lazio li, b’deċiżjoni ta’ l-10 ta’ Mejju 2006, u b’referenza għas-sentenza Albacom u Infostrada, talab lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi “fuq l-interpretazzjoni u l-portata” ta’ l-Artikoli 11, 22 u 25 tad-Direttiva 97/13, partikolarment fuq il-kompatibbiltà tagħhom ma’ l-Artikolu 20(3) tal-Liġi 448/1998.

IV — Il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21.

Din id-domanda preliminari ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Lulju 2006. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni għamlu noti ta’ osservazzjoni u r-rappreżentanti tagħhom ittrattaw oralment fis-seduta ta’ l-4 ta’ Ottubru 2007.

V — Analiżi tad-domanda preliminari

A — Id-delimitazzjoni tal-kwistjoni

22.

Din mhijiex l-ewwel darba li t-Tribunale Amministrattivo del Lazio għamel domandi preliminari, iżda, fil-mument kruċjali, wera ruħu niexef fil-kliem, u għamel domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja iktar komplessa milli tagħti x’tifhem il-formulazzjoni tagħha.

23.

Il-qorti tar-rinviju, mingħajr ma speċifikat iżjed, għamlet sempliċement domanda dwar l-interpretazzjoni u l-portata ta’ l-Artikoli 11, 22 u 25 tad-Direttiva 97/13, biex jiġu kkonfrontati ma’ l-Artikolu 20(3) tal-Liġi Taljana Nru 448/1998. Din il-konċiżjoni, li mhijiex preċiżjoni, taħbi l-motivi awtentiċi tar-rinviju għal domanda preliminari u tagħmilha diffiċli li d-domanda tinftiehem sewwa. Fil-fatt, il-qofol ta’ din id-domanda preliminari huwa l-Artikolu 22 tad-direttiva msemmija filwaqt li r-rwol ta’ l-artikoli l-oħra huwa li jiddelimitaw din id-dispożizzjoni, rwol li mingħajr dubju huwa wieħed utli.

24.

Għall-finijiet tal-kawża prinċipali hemm bżonn li tingħata risposta għall-kwistjoni jekk, skond l-Artikolu 22 tad-Direttiva 97/13, obbligu ta’ ħlas li jmur kontra l-Artikolu 11 tagħha jistax jibqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 1998, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit għat-traspożizzjoni tad-Direttiva stabbilit fl-Artikolu 25 (jiġifieri l-31 ta’ Diċembru 1997) ( 21 ).

25.

Il-verifika tan-nuqqas ta’ konformità tat-taxxa mħallsa minn Telecom Italia (u tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jippreskrivuha) mas-sistema tad-Direttiva 97/13, partikolarment ma’ l-Artikolu 11 tagħha, hija meħtieġa qabel tinstab risposta għall-kwistjoni msemmija. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel din il-verifika filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħtiha biss il-kriterji ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju rilevanti, kif diġà għamlet fis-sentenzi Albacom u Infostrada, ISIS Multimedia u Firma 02, Nuova società di telecomunicazioni, u i-21 Germany u Arcor.

26.

Fi kwalunkwe każ, ir-risposta tidher ċara billi, skond din il-ġurisprudenza, il-piżijiet finanzjarji imposti bis-saħħa ta’ l-Artikolu 11 fuq l-impriżi detenturi ta‘ liċenzji individwali ta’ telekomunikazzjonijiet għandhom ikunu intiżi biss biex ikopru l-ispejjeż amministrattivi relatati mal-ħruġ u l-infurzar tal-liċenzji stess, sakemm ma jkunux jirrigwardaw ir-riżorsi skarsi, f’liema każ tkun permessa taxxa li tiggarantixxi l-aħjar użu tagħhom. Skond dan l-argument mhumiex konformi ma’ din is-sistema t-taxxa kkalkulata abbażi tat-tbassir ta’ l-ispejjeż ġenerali ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali matul perijodu ta’ tletin sena (sentenza i-21 Germany u Arcor), id-drittijiet ikkalkulati skond id-dħul mill-bejgħ tad-detenturi (sentenza Albacom u Infostrada) u l-kontribuzzjoni addizzjonali għall-użu privat tan-netwerk pubbliku ta’ telekomunikazzjonijiet li ngħatalhom, iffissata fuq kriterji li mhumiex previsti fl-Artikolu 11 (sentenza Nuova società di telecomunicazioni).

27.

M’hemmx dubju (ta’ l-anqas għall-qorti tar-rinviju u għall-partijiet f’din il-kawża) li l-istess jgħodd għall-kontribuzzjoni mitluba mingħand Telecom Italia għal-liċenzja tagħha matul l-1998, li l-ammont tagħha huwa kkalkulat fuq id-dħul gross mill-attivitajiet tagħha.

28.

Madankollu, apparti dawn il-konsiderazzjonijiet, jifdal il-kwistjoni jekk, minkejja n-nuqqas ta’ konformità tagħha mad-Direttiva 97/13, din it-taxxa għandhiex tiġi applikata għal sena oħra bis-saħħa ta’ l-Artikolu 22, li l-formulazzjoni tiegħu hija antiċipata mis-sitta u għoxrin u s-seba’ u għoxrin premessa ta’ l-istess direttiva.

B — L-iskop ta’ l-Artikolu 22 tad-Direttiva 97/13

29.

It-titolu tiegħu (“Awtorizzazzjonijiet li jeżistu fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva”), moqri flimkien mal-bidu tas-sitta u għoxrin premessa ( 22 ), jagħti lil wieħed x’jifhem li l-iskop ta’ l-Artikolu 22 huwa li jħares il-konċessjonijiet antiki li għadhom fis-seħħ taħt is-sistema armonizzata, sabiex jitħares valur komuni għal kull komunità tad-dritt, dak ta’ l-istabbiltà u tal-kontinwità tar-relazzjonijiet ġuridiċi. Għal dan l-iskop, l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 97/13 jippermetti lill-Istati Membri li jtawwlu l-validità ta’ l-awtorizzazzjonijiet ( 23 ) li huma milquta mis-sistema l-ġdida.

30.

Madankollu, din il-preokkupazzjoni li jiġi ppreżervat l-imgħoddi ( 24 ) għandha ċerti limiti. L-ewwel nett hemm limitu temporali ( 25 ), safejn l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 97/13 jobbliga lil-leġiżlaturi nazzjonali li jadattaw dawn l-awtorizzazzjonijiet mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva sa l-1 ta’ Jannar 1999, data mtennija fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 22(3), u minn liema data l-obbligi li jirriżultaw mill-awtorizzazzjonijiet li jkunu għadhom ma ġewx f’konformità jsiru mingħajr effett. Imma hemm limiti materjali wkoll; l-istess Artikolu 22(2) huwa ċar ħafna f’dan is-sens, billi jipprojbixxi li jinżammu l-kundizzjonijiet li jagħtu drittijiet speċjali jew esklużivi jew li jippreġudikaw lil terzi.

31.

L-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 97/13 jirreferi għall-“kundizzjonijiet” ta’ l-awtorizzazzjonijiet il-qodma, li l-validità tagħhom setgħet tiġi estiża sakemm ma kinux jagħtu “drittijiet speċjali jew esklużivi”, f’liema każ kienu jiskadu fil-31 ta’ Diċembru 1997. L-Artikolu 22(3) jirriferi għall-“obbligi” li jirriżultaw mill-awtorizzazzjonijiet li setgħu jibqgħu fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 1998. Dawn l-“obbligi” huma kategorija partikolari tal-kundizzjonijiet imsemmijin, kunċett li jista’ jinkludi kemm drittijiet u piżijiet. Safejn dan l-Artikolu 22(3) jibda bil-frażi “mingħajr ħsara għall-paragrafu 2”, l-“obbligi” marbutin ma’ “drittijiet speċjali jew esklużivi” ma jistgħux jiġu pprorogati sal-31 ta’ Diċembru 1998. Din l-interpretazzjoni sistematika tat-test ta’ l-Artikolu 22 twaqqa’ l-argument tal-Gvern Taljan, li ppropona interpretazzjoni iżolata taż-żewġ dispożizzjonijiet, daqslikieku kienu kompartimenti ssiġillati.

32.

Għaldaqstant, l-Istati Membri kellhom jadattaw l-ordinament ġuridiku tagħhom mad-Direttiva 97/13 sal-31 ta’ Diċembru 1997; madankollu, l-awtorizzazzjonijiet il-qodma setgħu jiġu estiżi b’sena, anki jekk kienu kontra d-Direttiva, sakemm ma kinux jagħtu drittijiet esklużivi u sakemm ma jikkawżawx danni patrimonjali lil terzi, f’liema każ id-data tal-31 ta’ Diċembru 1998 kienet tikkostitwixxi terminu assolut.

33.

Is-sitta u għoxrin premessa tad-Direttiva 97/13 tikkonferma dan l-argument meta tiddikjara mingħajr effett l-“awtorizzazzjonijiet li jmorru kontra l-leġiżlazzjoni Komunitarja, partikolarment dawk li jagħtu lid-detenturi drittijiet speċjali jew esklużivi, […] li huma mingħajr effett mid-data indikata fid-dispożizzjonijiet Komunitarji rilevanti; […] għal dak li jirrigwarda drittijiet oħrajn li ma jiksrux l-interessi ta’ impriżi oħrajn […], l-Istati Membri jistgħu jestendu l-validità tagħhom biex jiġu evitati talbiet għad-danni”.

34.

B’hekk jidher ċar, kif josserva r-rappreżentant ta’ Telecom Italia, li l-leġiżlatur ried jagħti terminu itwal għall-adattament tal-konċessjonijiet u ta’ l-awtorizzazzjonijiet li ma jagħmlux ħsara għall-kompetizzjoni ġusta minħabba li ma jqiegħdux f’riskju l-għanijiet ta’ l-armonizzazzjoni Komunitarja.

C — Fuq il-ħlas fil-konfront tal-konċessjoni l-qadima

35.

L-eżami tat-taxxa mħallsa minn Telecom Italia, li qed jintalab ir-rimborż tagħha fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxi t-tieni stadju f’din l-analiżi għaliex din it-taxxa, jekk jiġi deċiż li toħloq drittijiet esklużivi jew speċjali jew jekk iż-żamma tagħha tippreġudika lil terzi, ma tistax tibqa’ tapplika fl-1998.

36.

Neskludu mill-ewwel din it-tieni ipoteżi, billi l-proroga tranżitorja ta’ l-obbligu ta’ ħlas għal monopolju li spiċċa, mhux talli ma tippreġudikax lil terzi imma tagħtihom vantaġġ, billi jiġi impost piż ieħor fuq il-konċessjonarju preċedenti.

37.

Anki l-ewwel ipoteżi għandha tiġi eskluża, billi l-miżura kkontestata ma tagħtix “drittijiet speċjali jew esklużivi”, imma sempliċement tiżgura li jkun hemm remunerazzjoni. Madankollu, ikun assurd li d-diskussjoni tispiċċa hawnhekk, billi r-rimborż huwa marbut mill-qrib mas-sitwazzjoni ta’ privileġġ li s-sistema l-ġdida trid ittemm. Fi kliem ieħor, l-Artikolu 22 tad-Direttiva 97/13 jipprojbixxi li jiġi estiż wara l-31 ta’ Diċembru 1997 l-għoti ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet min-naħa ta’ impriża waħda jew iżjed li jkollhom drittijiet speċjali u din il-projbizzjoni tolqot ta’ bilfors l-obbligi korrispondenti.

38.

Għalhekk Telecom Italia għandha raġun tafferma li, peress li ma baqgħetx l-uniku operatur ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet fl-Italja fl-1 ta’ Jannar 1998, f’dik id-data ntemm anki l-obbligu tagħha li tħallas lill-Istat drittijiet fir-rigward tal-konċessjoni, u li xejn, de lege data jew de lege ferenda, ma kien jiġġustifika l-proroga ta’ dan l-obbligu. La t-test u lanqas l-ispirtu tad-Direttiva ma jindikaw il-kuntrarju.

39.

Id-Direttiva 97/13 tirrifletti l-għan tal-Komunità li jiġi lliberalizzat is-suq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u li tiġi ffaċilitata l-kompetizzjoni fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet billi ma jiġux imposti fuq l-operaturi iktar restrizzjonijiet u piżijiet minn dawk li huma strettament meħtieġa ( 26 ) u billi jiġi llimitat il-poter fiskali ta’ l-Istati Membri li huma pprojbiti milli japplikaw iktar piżijiet minn dawk previsti mil-leġiżlatur Komunitarju ( 27 ). Biex il-kompetituri jitpoġġew fuq l-istess livell, b’rispett lejn il-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ non-diskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità, fil-fażi l-iktar delikata, jiġifieri dik tad-dħul fis-settur u sabiex, b’hekk, jiġi mwarrab l-istatus quo ante ( 28 ), it-taxxa li tikkorrespondi mal-konċessjoni l-qadima tista’ tintalab biss mingħand Telecom Italia għall-1998 jekk dik l-impriża tieħu vantaġġ mis-sitwazzjoni u jekk il-ħlas tat-taxxa huwa l-uniku mod biex jiġi kkontrobilanċjat dan il-vantaġġ.

40.

Minkejja li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi f’dan ir-rigward, ma jirriżultax li f’dik id-data (l-1 ta’ Jannar 1998) l-impriża li kellha l-monopolju fl-Italja kellha pożizzjoni dominanti fir-rigward tal-kompetituri tagħha. Barra minn dan, fil-fehma tiegħi, anki f’każijiet bħal dawn, l-aħjar mod biex jiġu bbilanċjati mill-ġdid ir-relazzjonijiet reċiproċi mhuwiex li jinżamm wieħed mill-elementi (il-ħlas tat-taxxa) ta’ istituzzjoni (il-konċessjoni esklużiva) li l-ordinament ġuridiku Komunitarju ma jaċċettax ( 29 ), imma li wieħed jirrikorri għall-istrumenti l-oħrajn li dan l-ordinament jistabbilixxi biex wieħed jasal għall-bilanċ, bl-impożizzjoni ta’ obbligi speċifiċi (“asimmettriċi”, kif iddefinihom fis-seduta r-rappreżentant ta’ Telecom Italia) fuq l-impriżi dominanti. L-Artikolu 4a tad-Direttiva 90/338, emendat bid-Direttiva 96/19, joffri eżempju tajjeb f’dan s-sens, safejn huwa jobbliga lill-Istati Membri li jiggarantixxu li l-impriżi li għandhom drittijiet speċjali jew esklużivi jipprovdu l-interkonnessjonijiet mas-servizz tagħhom tat-telefonija bil-leħen u man-netwerk pubbliku tagħhom lill-impriżi l-oħrajn kollha awtorizzati għall-għoti ta’ dawn is-servizzi jew netwerks ( 30 ).

VI — Konklużjoni

41.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi lit-Tribunale Amministrattivo Regionale del Lazio b’dan il-mod:

 

“Id-Direttiva 97/13/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-10 ta’ April 1997, dwar qafas komuni għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u l-liċenzji individwali fil-qasam tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet, b’mod parikolari l-Artikoli 11, 22 u 25 tagħha, tipprojbixxi li l-Istati Membri japplikaw, sal-31 ta’ Diċembru 1998, fil-konfront ta’ konċessjonarju li qabel kien konċessjonarju esklużiv jew kellu drittijiet speċjali li llum ntemmu u li fil-preżent għandu liċenzja individwali, taxxi jew drittijiet oħra minbarra dawk stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 11”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Meta msejjaħ matul is-snin sabiex jinterpreta dispożizzjonijiet Komunitarji li jkunu s-suġġett ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari ta’ oriġini u b’bażi fattwali mill-iktar differenti, l-Avukat Ġenerali jixbah pittur li, wara li jkun pinġa xbiha fuq it-tila, jirtokkaha b’dettalji u sfumaturi ġodda, għaliex id-dawl ikun differenti jew l-ambjent ikun inbidel jew saħansitra l-burdata tiegħu ma tkunx baqgħet l-istess. Francisco de Goya bil-“majas” tiegħu, il-vestida u d-desnuda, joffri eżempju tajjeb f’dan is-sens. Lil hinn mid-differenza l-iktar evidenti, id-daqqiet tal-pinzell tal-“maja vestida”, li hija iżgħar, huma tqal u ħoxnin, donnu l-pittur għaġġel biex jagħti l-lewn lit-tila, differenti sew mill-perfezzjoni akkademika tal-“maja desnuda”, magħmula b’dettall kbir u b’delikatezza liema bħala, kif wieħed jista’ jinduna mid-daqqiet tal-pinzell użati għall-pultruna, l-imħadda u d-drapp, li jirriflettu mingħajr dubju l-passjoni ta’ l-imgħallem għal Cayetana de Silva y Álvarez de Toledo, it-Tlettax-il Dukessa ta’ Alba.

( 3 ) ĠU L 117, p. 15.

( 4 ) C-292/01 u C-293/01 (Ġabra p. I-9499).

( 5 ) C-250/02 sa C-253/02 u C-256/02 (mhux ippubblikati fil-Ġabra).

( 6 ) C-339/04 (Ġabra p. I-6917).

( 7 ) C-392/04 u C-422/04 (Ġabra p. I-8559).

( 8 ) C-327/03 u C-328/03 (Ġabra p. I-8877).

( 9 ) Għal analiżi iktar iddettaljata ta’ l-evoluzzjoni ta’ dan is-suq fil-Komunità, nirreferi għall-konklużjonijiet tiegħi tad-9 ta’ Diċembru 2004, fil-kawża ISIS Multimedia u Firma 02, punti 3 sa 5, u tas-27 ta’ Ottubru 2005, fil-kawża Nuova società di telecomunicazioni, punti 3 sa 6; nirreferi wkoll għall-konklużjonijiet tiegħi tas-27 ta’ Frar 2007, fil-kawża li wasslet għas-sentenza ta’ l-14 ta’ Lulju 2007, Telefonica 02 Czech Republic (C-64/06, Ġabra p. I-4887), punti 4 sa 7, u tat-28 ta’ Ġunju 2007, fil-kawża C-262/06, Deutsche Telekom, punti 5 u 6 (Ġabra p. I-10057).

( 10 ) Konklużjonijiet tat-12 ta’ Diċembru 2002, Albacom u Infostrada, punti 2 sa 4; Nuova società di telecomunicazioni, punti 7 sa 10; ISIS Multimedia u Firma 02, punti 7 u 8; u tas-16 ta’ Marzu 2006, i-21 Germany u Arcor, punti 6 sa 9.

( 11 ) Konklużjonijiet Albacom u Infostrada, punt 5; ISIS Multimedia u Firma 02, punt 9; Nuova società di telecomunicazioni, punt 11, u i-21 Germany u Arcor, punti 10 u 11.

( 12 ) Nota mhux rilevanti għall-verżjoni bil-Malti.

( 13 ) Adottat bid-digriet tal-President tar-Repubblika Nru 156, tad-29 ta’ Marzu 1973 (GURI Nru 13, tat-3 ta’ Mejju 1973, suppliment ordinarju, p. 2).

( 14 ) Dettalji fuq il-kalkolu tad-drittijiet mogħtija fid-deċiżjoni ta’ rinviju (paġni 6 u 7).

( 15 ) Disposizioni urgenti per l’esercizio dell’attività radiotelevisiva (Dispożizzjonijiet urġenti għall-eżerċizzju ta’ attività radjuteleviżiva) (GURI Nru 249, tat-23 ta’ Ottubru 1996, p. 33).

( 16 ) GURI Nru 300, tat-23 ta’ Diċembru 1996, p. 16.

( 17 ) Istituzione dell’Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni e norme sui sistemi delle telecomunicazioni e radiotelevisivo (Istituzzjoni ta’ l-Awtorità għall-garanziji fil-komunikazzjonijiet u regoli fuq is-sistemi tat-telekomunikazzjonijiet u radjuteleviżivi) (GURI Nru 177, tal-31 ta’ Lulju 1997, suppliment ordinarju, p. 5).

( 18 ) Regolamento per l’attuazione di direttive comunitarie nel settore delle telecomunicazioni (Regolament għall-implimentazzjoni tad-direttivi Komunitarji fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet) (GURI Nru 221, tat-22 ta’ Settembru 1997, suppliment ordinarju, p. 5).

( 19 ) Il-Ministro del Tesoro, del Bilancio e della Programmazione Economica (Ministru tat-Teżor, tal-Baġit u ta’ l-Ippjanar Ekonomiku), fid-digriet tal-5 ta’ Frar 1998 (GURI Nru 63, tas-17 ta’ Marzu 1998, p. 27), bl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6 tad-Digriet Nru 318, stabbilixxa li detentur ta’ liċenzja individwali għandu jagħmel lill-Istat: a) ħlas għall-verifika u l-ħruġ ta’ liċenzja, meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni (Artikolu 3); b) ħlas annwali għall-kontrolli u l-verifiki (Artikolu 4); ċ) ħlas annwali għall-użu ta’ riżorsi skarsi (Artikolu 5); u d) ħlas annwali għall-għoti tan-numri meħtieġa (Artikolu 6).

( 20 ) Legge sulle misure di finanza pubblica per la stabilizzazione e lo sviluppo (GURI Nru 302, tad-29 ta’ Diċembru 1998, suppliment ordinarju, p. 5).

( 21 ) B’mod koerenti ma’ l-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju li jwettaq il-liberalizzazzjoni tas-suq tat-telekomunikazzjonijiet sa l-1 ta’ Jannar 1998, espressa fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 90/338/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1990, dwar il-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet (ĠU L 192, p. 10), kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 96/19/KE tat-13 ta’ Marzu 1996 (ĠU L 74, p. 13). L-ewwel premessa tad-Direttiva 97/13 issemmi din l-intenzjoni, kif il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Albacom u Infostrada, punt 35) u jiena stess diġà kelli okkażjoni nosserva (konklużjonijiet Nuova società di telecomunicazioni, punti 45 u 46).

( 22 ) “[…] id-Direttiva tapplika kemm għall-awtorizzazzjonijiet eżistenti kif ukoll għal dawk tal-futur; […] xi liċenzji ngħataw għal perijodi li jmorru lil hinn mill-1 ta’ Jannar 1999 […].”

( 23 ) L-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 97/13 jiddefinixxi awtorizzazzjoni bħala “kull permess li jagħti drittijiet u obbligi speċifiċi għas-settur tat-telekomunikazzjonijiet u jippermetti lill-impriżi li jagħtu servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet u, jekk ikun il-każ, joħolqu u/jew jamministraw netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet meħtieġa għall-għoti ta’ dawn is-servizzi, taħt il-forma ta’ “awtorizzazzjoni ġenerali” jew ta’ “liċenzji individwali” […]”.

( 24 ) Din it-tensjoni fil-konfront ta’ l-imgħoddi tfakkarni fis-sentenza li biha tibda t-tetraloġija monumentali ta’ Thomas Mann “Ġużeppi u ħutu”: “Tief ist der Brunnen der Vergangenheit. Sollte man ihn nicht unergründlich nennen … wenn nur und allein das Menschenwesen es ist, dessen Vergangenheit in Rede und Frage steht: dies Rätselwesen, das unser eigenes natürlich-lusthaftes und übernatürlich-elendes Dasein in sich schließt und dessen Geheimnis sehr begreiflicherweise das A und O all unseres Redens und Fragens bildet, allem Reden Bedrängtheit und Feuer, allem Fragen seine Inständigkeit verleiht” (“Fond huwa l-bir ta’ l-imgħoddi. M’għandniex ngħidu li huwa bla qiegħ … anki, u forsi iktar u iktar, meta nitkellmu u nitħaddtu fuq l-imgħoddi tal-bniedem: fuq din il-ħlejqa enigmatika li tostor fiha l-eżistenza tagħna min-natura tagħha ferriħija, imma lil hinn min-natura miżera u mnikkta. Wieħed jifhem li l-misteru tiegħu jifforma l-alfa u l-omega tad-diskors kollu tagħna u tad-domandi kollha tagħna, u jkebbes u jistimula kull kelma tagħna u jenfasizza kull problema tagħna”).

( 25 ) Prorogabbli skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 22(3).

( 26 ) Konklużjonijiet Nuova società di telecomunicazioni, punt 11, ISIS Multimedia u Firma 02, punt 9, u i-21 Germany u Arcor, punt 10.

( 27 ) Punt 38 tas-sentenza Albacom u Infostrada u l-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża.

( 28 ) Konklużjonijiet ISIS Multimedia u Firma 02, punti 25 u 26.

( 29 ) Għal dan il-motiv, jidhru superfluwi r-riżervi tal-Kummissjoni li hemm bżonn li ssir eċċezzjoni għall-każijiet fejn il-qorti nazzjonali tikkonstata pożizzjoni dominanti ta’ l-impriża li, qabel id-Direttiva 97/13, kellha drittijiet esklużivi jew speċjali. Is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 1985, Mobistar u Belgacom Mobile (C-544/03 u C-545/03, Ġabra p. I-7723), mhijiex indikattiva f’dan is-sens, għaliex tirriferi għal imposta komunali fuq l-infrastrutturi ta’ telekomunikazzjonijiet (arbli, pylons u antenni għat-trażmissjoni tat-telefonija ċellulari) li fil-prinċipju hija legali għad-dritt Komunitarju, anki jekk tista’ f’xi każijiet tostakola l-kompetizzjoni u, b’hekk, tikser l-Artikolu 3c tad-Direttiva tal-Kummissjoni 96/2/KE tas-16 ta’ Jannar 1996, (ĠU L 20, p. 59), filwaqt li f’dan il-każ partikolari l-qorti ssib quddiemha taxxa li tikser manifestament id-dritt ta’ l-Unjoni Ewropea.

( 30 ) Is-“sistema l-ġdida” tat-telekomunikazzjonijiet fil-Komunità [Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta’ l-Aċċess); id-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni); id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Qafas); u d-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU L 108, paġni 7, 21, 33 u 51)] tipprevedi obbligi speċifiċi għall-kumpanniji li jiddominaw is-suq, inklużi l-impriżi li ġew wara l-monopolji.