IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 10.7.2020
COM(2020) 307 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI
Rapport Annwali ta’ Sinteżi għas-sena 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-iskema ta’ liċenzjar FLEGT prevista fir-Regolament (KE) Nru 2173/2005 tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjonijiet ta’ injam fil-Komunità Ewropea
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI
Rapport Annwali ta’ Sinteżi għas-sena 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-iskema ta’ liċenzjar FLEGT prevista fir-Regolament (KE) Nru 2173/2005 tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjonijiet ta’ injam fil-Komunità Ewropea
1.
Introduzzjoni
Dan ir-rapport annwali ta’ sinteżi jippreżenta l-istatus tal-implimentazzjoni tal-iskema ta’ liċenzjar FLEGT għas-sena 2018. Dan tħejja skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 2173/2005 tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjonijiet ta’ injam fil-Komunità Ewropea (minn hawn ’il quddiem ir-Regolament FLEGT) u huwa bbażat fuq l-informazzjoni ppreżentata mill-Istati Membri fir-rapporti annwali tagħhom, f’konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament FLEGT.
Dan huwa t-tielet rapport
; jipprovdi analiżi tat-tieni sena sħiħa ta’ implimentazzjoni tal-iskema ta’ liċenzjar FLEGT (2018) madwar l-UE u jiddeskrivi l-konklużjonijiet u l-passi li jmiss. Fl-2018, l-Indoneżja kienet għadha l-uniku pajjiż li kellu fis-seħħ skema bħal din.
Analiżi iktar dettaljata tar-rapporti nazzjonali, imħejjija għall-Kummissjoni mill-UNEP-WCMC, hija disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni. Din tipprovdi l-metodoloġija għall-analiżi tad-data, iktar dettalji tas-settijiet tad-data ppreżentati mill-Istati Membri u l-kundizzjonijiet assoċjati li jirriżultaw mill-kompletezza u mill-kwalità differenti tas-settijiet tad-data nazzjonali.
Ġew analizzati r-rapporti annwali tat-28 Stat Membru kollha. Dawn ġew ippreżentati permezz ta’ mudell online ta’ rappurtar – stabbilit mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament FLEGT – b’xi taqsimiet mimlija minn qabel b’informazzjoni pprovduta f’rapporti annwali preċedenti.
2.Is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni
Ir-Regolament FLEGT jirrikjedi li l-Istati Membri jinnominaw Awtorità/Awtoritajiet Kompetenti u li jadottaw pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi biex jinfurzaw ir-Regolament.
Ir-rapporti nazzjonali huma mezz biex jiġu vvalutati l-istatus ta’ implimentazzjoni u l-livell ta’ konsistenza miksuba fl-Istati Membri kollha.
2.1In-nomina tal-Awtoritajiet Kompetenti
Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament FLEGT, l-Istati Membri kollha nnominaw Awtorità Kompetenti (AK) jew Awtoritajiet Kompetenti
u l-Istati Membri kollha li rrappurtaw ħlief wieħed (il-Portugall) ipprovdew informazzjoni dwar l-att leġiżlattiv li jinnomina l-AK.
Fi 11-il Stat Membru, l-awtorità doganali ġiet innominata bħala l-AK għal-liċenzjar FLEGT, jew bħala parti mill-AK. Fi 17-il Stat Membru, id-dwana u l-AK huma awtoritajiet separati. F’dawn is-17-il Stat Membru, huwa importanti li jkun hemm arranġamenti fis-seħħ biex jiżguraw li l-awtoritajiet ikunu jistgħu jikkooperaw b’mod effettiv fuq l-ipproċessar tal-liċenzji FLEGT, billi l-AK tkun tista’ tiddelega kompiti rilevanti lid-dwana u tikseb l-informazzjoni meħtieġa biex tivverifika li liċenzja FLEGT tkun tikkorrispondi ma’ vjeġġ partikolari. Din id-delega tal-kompiti ġiet stabbilita f’dawn l-Istati Membri kollha, jew bi ftehim jew b’Memorandum ta’ Qbil. Il-frekwenza u l-arranġament tal-iskambju tad-data varjaw minn Stat Membru għall-ieħor.
2.2Il-kwantitajiet ta’ injam importat u n-numru relatat ta’ Liċenzji FLEGT
In-numru ta’ liċenzji riċevuti mill-Istati Membri u n-numru ta’ liċenzji approvati mid-dwana
Fl-2018, l-Istati Membri kollha ħlief il-Lussemburgu rrappurtaw li rċevew liċenzji FLEGT. Ġew riċevuti total ta’ 31 785 liċenzja u aktar minn 99 % (31 605) minnhom ġew ivvalidati/approvati għall-importazzjoni mill-AK. In-Netherlands, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza u l-Belġju rċevew l-akbar numri (Illustrazzjoni 1a). Tnax-il Stat Membru rrappurtaw li rrifjutaw total ikkombinat ta’ 66 liċenzja FLEGT, bl-akbar numru (20) irrappurtat minn Franza.
L-Istati Membri rrappurtaw li fl-2018 ġew approvati 23 238 liċenzja għall-importazzjoni mid-dwana. Fost il-25 Stat Membru li rrappurtaw data doganali fil-livell tal-liċenzja FLEGT, in-Netherlands, il-Ġermanja u Franza approvaw l-akbar numru ta’ liċenzji (Illustrazzjoni 1b).
L-ispjegazzjonijiet għad-differenzi osservati bejn in-numru ta’ liċenzji FLEGT li rċevew l-AK u n-numru ta’ liċenzji approvati mid-dwana fl-2018 (Illustrazzjonijiet 1a u 1b), jinkludu: nuqqas ta’ kompletezza tas-settijiet tad-data doganali (ara n-nota 10 f’qiegħ il-paġna); il-kummerċ “fi tmiem is-sena”; oġġetti li ma jiġux irrilaxxati mid-dwana (eż. minħabba kontrolli fitosanitarji); l-importatur jiddeċiedi li ma jirrilaxxax l-oġġetti; jew l-oġġetti fil-punt tal-importazzjoni fl-UE ma jirrikjedux liċenzja FLEGT minħabba riklassifikazzjoni tal-kodiċi tas-SA mid-dwana.
Illustrazzjoni 1:
In-numru ta’ liċenzji FLEGT (a) li rċeviet l-AK għall-validazzjoni u (b) li ġew approvati mid-dwana fl-2018. * Id-data tal-liċenzji mir-Rumanija ma setgħetx tiġi inkluża peress li ma ġietx ippreżentata b’format xieraq. L-Italja u r-Rumanija ma pprovdewx data doganali, u r-Renju Unit ma assoċjax data doganali man-numri tal-liċenzji; id-data doganali għall-Greċja ma kinitx kompluta. ** In-numru totali pprovdut minn Spanja huwa stima, peress li d-data doganali assoċjata man-numri tal-liċenzji ma ġietx ipprovduta. *** Dan ma jinkludix il-liċenzji approvati permezz ta’ preżentazzjoni retrospettiva ta’ dikjarazzjonijiet doganali minn importaturi approvati speċifiċi, li d-data tagħhom ma kinitx assoċjata ma’ numri tal-liċenzji.
Il-kwantitajiet importati
L-Istati Membri rrappurtaw dwar il-kwantitajiet ta’ injam u prodotti tal-injam li fil-fatt ġew importati fl-2018 (jiġifieri l-kwantitajiet approvati mid-dwana), kif ukoll il-kwantitajiet korrispondenti skont il-liċenzji FLEGT li ġew riċevuti u vvalidati mill-AK. Fl-2018, iktar minn 694 miljun kg ta’ injam u ta’ prodotti tal-injam ġew irrappurtati fuq liċenzji FLEGT ivvalidati u aktar minn 2 993 miljun kg ta’ injam u ta’ prodotti tal-injam b’liċenzji FLEGT ġew irrappurtati bħala approvati għall-importazzjoni mid-dwana tal-UE, (Illustrazzjoni 2), li minnhom 2 470 miljun kg ta’ għamara li tintuża fil-kamra tas-sodda (SA 9403.50) ġiet irrappurtata mid-dwana tar-Renju Unit. Dan kien żewġ ordnijiet ta’ kobor akbar mill-kwantità għall-istess kodiċi SA rrappurtata fuq liċenzji FLEGT ivvalidati mill-Awtorità Kompetenti. Ir-Renju Unit ġie mistoqsi dwar dawn iċ-ċifri iżda ma pprovda l-ebda kjarifika. Skont id-data doganali, it-tipi ewlenin ta’ prodotti b’liċenzji FLEGT importati fl-UE skont il-piż jinkludu għamara għall-użu fil-kmamar tas-sodda (SA 9403.50), li tammonta għal kważi 2 472 miljun kg u li tammonta għal 83 % tal-importazzjonijiet; karta tal-kitba (SA 4802); għamara oħra (SA 9403.60 u 9401); xogħol tal-bennejja u tal-mastrudaxxi tal-injam (SA 4418); plywood, pannelli miksija bil-fuljetta u injam laminat simili (SA 4412); u injam iffurmat b’mod kontinwu (SA 4409) (il-kodiċijiet tas-SA tal-prodotti FLEGT importati fl-2018 huma elenkati fl-Anness A). L-Istati Membri importaturi ewlenin ta’ dawn il-prodotti kienu r-Renju Unit, il-Ġermanja u n-Netherlands.
Xi Stati Membri rrappurtaw ukoll importazzjonijiet fejn il-kodiċijiet tas-SA ma kinux jirrikjedu liċenzja FLEGT (inkluż xi kodiċijiet li jirrikjedu liċenzja V-legali), li jammontaw għal 2 099 rekord doganali u li jilħqu total ta’ 1,35 miljun kg ta’ prodotti tal-injam. Dan jista’ jkun parzjalment minħabba r-riklassifikazzjoni tal-oġġetti mid-dwana tal-UE.
Spjegazzjonijiet possibbli għad-diskrepanzi bejn il-kwantitajiet irrappurtati fil-liċenzji FLEGT u l-kwantitajiet irrappurtati mid-dwana (Illustrazzjoni 2) jistgħu jinkludu: b’mod partikolari data doganali nieqsa u l-kwalità varjabbli tas-settijiet tad-data nazzjonali ppreżentati; riklassifikazzjoni tal-oġġetti mid-dwana għal kodiċijiet tas-SA differenti; liċenzji riċevuti iżda għadhom ma ġewx approvati mid-dwana; kodiċijiet tas-SA rrappurtati b’numru differenti ta’ ċifri; jew kwantitajiet irrappurtati b’unitajiet ta’ kejl differenti.
Unitajiet tassonomiċi importati
L-informazzjoni dwar l-unitajiet tassonomiċi fil-kummerċ ġiet ipprovduta għal 84,6 % tal-injam b’liċenzji FLEGT ivvalidati. In-Netherlands ma pprovdewx dan il-livell ta’ informazzjoni għall-107 miljun kg ta’ injam b’liċenzji FLEGT ivvalidati li importaw. Barra minn hekk, iktar minn 32 000 kg ta’ prodotti tal-injam b’liċenzji FLEGT ivvalidati ġew irrappurtati mingħajr informazzjoni dwar l-unità tassonomika mir-Repubblika Ċeka, minn Franza, mill-Italja u mill-Iżvezja.
B’kollox, fl-2018, 204 speċijiet differenti u 80 unità tassonomika ogħla (eż. ġeneri) ġew irrappurtati b’liċenzji FLEGT ivvalidati, li jinkludu 235,5 miljun kg ta’ vjeġġi ta’ unitajiet tassonomiċi individwali, flimkien ma’ 351,7 miljun kg oħra ta’ vjeġġi ta’ unitajiet tassonomiċi mħallta. Fejn ġew speċifikati unitajiet tassonomiċi individwali, l-iktar unitajiet tassonomiċi nnegozjati skont il-piż kienu Acacia mangium (mangium), Shorea spp. (meranti) u Tectona grandis (tikk).
Ipproċessar ta’ liċenzji FLEGT
Is-sistema FLEGIT/TRACES intużat biex tipproċessa liċenzji FLEGT f’21 Stat Membru, filwaqt li seba’ Stati Membri użaw sistemi nazzjonali. Mill-21 Stat Membru li użaw FLEGIT/TRACES, 14-il Stat Membru rrappurtaw l-użu tagħha kemm mill-AK kif ukoll mid-dwana, ħames Stati Membri rrappurtaw l-użu tagħha mill-AK biss, u żewġ Stati Membri rrappurtaw l-użu tagħha mid-dwana biss. L-Istati Membri rrappurtaw ukoll dwar il-format li bih ġew ippreżentati l-liċenzji FLEGT; 14-il Stat Membru rrappurtaw li rċevew liċenzji FLEGT b’iktar minn format wieħed. B’kollox, 18-il Stat Membru rrappurtaw il-preżentazzjoni ta’ liċenzji bbażati fuq il-karta, 18 irrappurtaw liċenzji ppreżentati permezz ta’ FLEGIT/TRACES, ħamsa permezz ta’ email u tnejn b’sistemi elettroniċi nazzjonali.
In-numru ta’ jiem li l-Istati Membri ħadu biex ipproċessaw il-liċenzji seta’ jiġi analizzat għal 24 Stat Membru; 53 % tal-liċenzji ġew ivvalidati mill-AK fl-istess jum jew jum wara li ġew riċevuti, il-liċenzji ġew ivvalidati fi żmien tlett ijiem f’iktar minn 66 % tal-każijiet u fi żmien 21 jum f’97 % tal-każijiet.
Illustrazzjoni 2: Il-kwantitajiet tat-tipi ta’ prodotti ewlenin b’liċenzja FLEGT irrappurtati bil-kodiċi SA* b’liċenzji FLEGT ivvalidati u kif approvati mid-dwana (minbarra SA 9403.50**) fl-UE fl-2018, irrappurtati skont il-piż (kg)***. (Id-data tal-liċenzji mir-Rumanija ma setgħetx tiġi inkluża. L-Italja u r-Rumanija ma pprovdewx data doganali, u dik ipprovduta mill-Greċja ma kinitx kompluta). *Fejn possibbli, il-kodiċijiet SA ġew irrikonċiljati għal sitt ċifri; il-kodiċijiet SA b’erba’ ċifri jinkludu biss il-kummerċ irrappurtat mill-Istati Membri fil-livell ta’ erba’ ċifri. **Sabiex tiġi ffaċilitata l-viżwalizzazzjoni tad-data, l-2 472 miljun kg ta’ SA 9403.50 irrappurtati fid-data doganali tal-Istati Membri ġew esklużi minn din iċ-ċifra, peress li din kienet diversi ordnijiet ta’ kobor akbar mill-bqija tad-data. Ir-Renju Unit ġie mistoqsi dwar l-2 470 miljun kg ta’ SA 9403.50 irrappurtati bħala approvati approvata mid-dwana tar-Renju Unit peress li dan ma kienx rifless fuq liċenzji vvalidati b’mod komparabbli, iżda ma pprovda l-ebda kjarifika. ***Il-kwantità kienet irrappurtata skont il-piż f’>99 % tal-liċenzji FLEGT ivvalidati u f’97 % tad-data doganali, iżda dawn jistgħu ma jkunux rappreżentattivi tal-kummerċ kollu. Jekk jogħġbok innota li peress li d-dwana rrappurtat inqas prodotti skont il-piż, u iktar prodotti bħala volum (m3) jew numru ta’ oġġetti, il-kwantitajiet irrappurtati skont il-piż f’liċenzji FLEGT u mid-dwana mhumiex komparabbli għalkollox.
2.3Verifika ulterjuri tal-liċenzji FLEGT u tal-vjeġġi FLEGT
Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament FLEGT, l-AK għandhom jiddeċiedu dwar il-ħtieġa ta’ verifika ulterjuri ta’ vjeġġi bl-użu ta’ approċċ ibbażat fuq ir-riskju. F’21 Stat Membru kien hemm dispożizzjonijiet fis-seħħ biex jitwettqu kontrolli ulterjuri ta’ verifika fuq il-liċenzji FLEGT, u fi 22 Stat Membru biex jitwettqu iktar kontrolli ta’ verifika fuq vjeġġi FLEGT (Anness B, Tabelli 1 u 2). Fl-2018, total ta’ 1 782 liċenzja FLEGT sarulhom kontrolli ta’ verifika addizzjonali (pereżempju billi ġiet ikkuntattjata l-LIU, l-Unità Indoneżjana ta’ Informazzjoni dwar il-Liċenzjar, għal verifika ulterjuri), b’kontrolli mwettqa minn 19-il Stat Membru. Barra minn hekk, in-Netherlands irrappurtaw li wettqu kontrolli ta’ verifika addizzjonali kuljum, iżda ma rreġistrawx in-numru ta’ kontrolli sabiex jillimitaw il-piż amministrattiv.
L-Istati Membri rrappurtaw li użaw numru ta’ kriterji ta’ riskju biex jistabbilixxu kienx hemm ħtieġa ta’ verifika ta’ liċenzja jew ta’ vjeġġ FLEGT, inkluż f’każijiet ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-informazzjoni ta’ liċenzja FLEGT u dokumentazzjoni oħra (Anness B, Tabelli 1 u 2). Sbatax-il Stat Membru rrappurtaw li użaw is-SILK, is-Sistema Indoneżjana ta’ Informazzjoni dwar il-Legalità tal-Injam, biex ivverifikaw il-liċenzji FLEGT li rċevew mill-operaturi, inkluż erba’ Stati Membri li rrappurtaw li “xi kultant” użaw is-SILK.
Fl-2018, twettqu total ta’ 265 spezzjoni fiżika ta’ vjeġġi b’liċenzja FLEGT minn 18-il Stat Membru, bil-vjeġġ jaqbel mad-dettalji tal-liċenzja FLEGT f’94 % tal-każijiet.
2.4Dispożizzjonijiet għal pieni
L-Artikolu 5(8) tar-Regolament FLEGT jipprevedi li “kull Stat Membru għandu jistabbilixxi l-pieni li għandhom jiġu applikati għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. Tali pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.” 17-il Stat Membru għandhom dispożizzjonijiet fis-seħħ għal multi amministrattivi, 17 għal multi kriminali, 20 biex jimponu priġunerija, seba’ biex jissospendu l-awtorità li wieħed jinnegozja u disa’ għal avviżi ta’ azzjoni ta’ rimedju jew ittri ta’ twissija. Il-pieni massimi potenzjali għal priġunerija jvarjaw minn xahar sa 15-il sena (15-il Stat Membru rrappurtaw pieni massimi potenzjali minn sena sa ħames snin).
F’konformità mal-Artikolu 5(7) tar-Regolament FLEGT, id-dwana tista’ tissospendi r-rilaxx tal-prodotti tal-injam jew iżommhom meta jkollha raġuni biex temmen li l-liċenzja FLEGT tista’ ma tkunx valida. Erbgħa u għoxrin Stat Membru rrappurtaw li jistgħu jissekwestraw prodotti tal-injam, bid-disponiment tal-injam ikkonfiskat previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom (Illustrazzjoni 3). Fejn id-disponiment tal-injam ikkonfiskat huwa previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, disa’ Stati Membri rrappurtaw li dan huwa r-responsabbiltà tad-dwana, erba’ Stati Membri rrappurtaw li dan huwa r-responsabbiltà tal-AK, ħames Stati Membri rrappurtaw li istituzzjoni oħra kienet responsabbli flimkien mal-AK u/jew mad-dwana, u ħames Stati Membri rrappurtaw li kienet ir-responsabbiltà ta’ istituzzjoni oħra għajr l-AK jew id-dwana.
Illustrazzjoni 3: Stati Membri b’pieni li jinkludu s-sekwestru jew il-konfiska ta’ vjeġġi tal-injam.
2.5Pieni applikati
Żewġ Stati Membri (il-Bulgarija u Spanja) applikaw l-Artikolu 6(1) għal total ikkombinat ta’ 29 130 kg ta’ prodotti. Il-Bulgarija u n-Netherlands applikaw l-Artikolu 6(2); il-Bulgarija meta ġiet ippreżentata liċenzja FLEGT skennjata għall-validazzjoni (b’data ta’ validità li skorriet) u n-Netherlands għal vjeġġ li kien jinkludi speċi CITES mingħajr permess tas-CITES.
2.6Tariffi għall-ipproċessar ta’ liċenzji FLEGT
L-Istati Membri jistgħu jimponu tariffi għall-ipproċessar ta’ liċenzji FLEGT, skont l-Artikolu 5(6) tar-Regolament FLEGT. Sitt Stati Membri rrappurtaw li għamlu hekk, b’tariffi li varjaw minn madwar EUR 10 (GBP 9,60) sa EUR 105,90 (Anness B, Tabella 3).
2.7
Miżuri u sfidi oħra ta’ implimentazzjoni
Sitta u għoxrin Stat Membru pprovdew informazzjoni dwar miżuri u sfidi oħra marbuta mal-implimentazzjoni. Ħdax minnhom irrappurtaw li kkollaboraw ma’ AK oħrajn, u indikaw li dan kien ta’ benefiċċju, b’mod partikolari fir-rigward ta’ oġġetti li jaslu fi Stat Membru wieħed iżda li huma destinati għal bnadi oħra fl-Unjoni Ewropea. Disa’ Stati Membri rrappurtaw kollaborazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea jew appoġġ minnha u bosta rrappurtaw komunikazzjoni tajba mal-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tal-FLEGIT. Kien hemm diversi suġġerimenti li l-Istati Membri jenħtieġ li jingħataw aċċess għal-liċenzji FLEGT kollha fis-SILK, irrispettivament mill-pajjiż ta’ destinazzjoni fl-UE, biex tiġi ffaċilitata l-verifika tal-liċenzji.
It-tipi ta’ sfidi marbuta mal-implimentazzjoni li tqajmu minn Stat Membru wieħed jew iktar, kienu jinkludu: komunikazzjoni mal-Unitajiet ta’ Informazzjoni dwar il-Liċenzji tal-Indoneżja (għalkemm diversi Stati Membri rrappurtaw li l-ħinijiet ta’ rispons kienu tjiebu); każijiet ta’ nuqqas ta’ qbil ta’ informazzjoni bejn il-liċenzji FLEGT u d-dikjarazzjonijiet doganali, inkluż nuqqas ta’ qbil fil-kodiċijiet SA jew fil-kodiċijiet tal-pajjiżi; u liċenzji FLEGT maħruġa għal kodiċijiet SA barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament FLEGT u tal-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja (FSV) tal-Indoneżja.
3. Konklużjonijiet
It-tielet rapport dwar l-implimentazzjoni tal-iskema ta’ liċenzjar FLEGT juri li mxiet sew. Fl-2018 – it-tieni sena sħiħa ta’ implimentazzjoni tal-iskema ta’ liċenzjar FLEGT – ġew riċevuti 31 785 liċenzja, li minnhom iktar minn 99 % tal-liċenzji ġew ivvalidati/approvati għall-importazzjoni mill-AK; iktar minn 2 993 miljun kg ta’ injam u ta’ prodotti tal-injam ġew approvati mid-dwana u importati fl-UE. Ġiet irrappurtata kollaborazzjoni pożittiva bejn id-diversi AK u mal-Kummissjoni. It-tqabbil tad-data rrappurtata mill-Istati Membri dwar liċenzji FLEGT ivvalidati b’data approvata mid-dwana ffaċilita l-identifikazzjoni ta’ spjegazzjonijiet potenzjali għad-diskrepanzi osservati. Gwida addizzjonali lill-Istati Membri dwar l-istandardizzazzjoni u l-kontroverifika tad-data nazzjonali ġiet inkorporata fil-mudell ta’ rappurtar online.
Għad fadal xi sfidi, inkluż nuqqas ta’ qbil fl-informazzjoni bejn il-liċenzji FLEGT u d-dikjarazzjonijiet doganali, u aċċess ristrett tal-Istati Membri għad-data kollha fis-SILK.
4. Il-passi li jmiss
Il-Kummissjoni se tkompli taħdem f’kooperazzjoni mal-Istati Membri għall-applikazzjoni effettiva u konsistenti tar-Regolament FLEGT fl-UE kollha, inkluż billi tiżviluppa dokumenti ta’ gwida addizzjonali u billi tirrevedi l-Linji Gwida ta’ Implimentazzjoni tad-Dwana u l-FLEGT, meta jkun meħtieġ, fid-dawl tal-esperjenza miksuba sa issa. F’konformità mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (KE) 1024/2008, il-Kummissjoni se tkompli tipprovdi, meta jkun meħtieġ, lill-Istati Membri l-ismijiet u dettalji rilevanti oħra tal-Awtoritajiet tal-Liċenzjar innominati mill-Indoneżja, eżemplari awtentikati ta’ timbri u firem għal kull Awtorità tal-Liċenzjar, u eżemplari tal-mudell tal-liċenzja FLEGT li jintużaw mill-Indoneżja.
Il-Kummissjoni se tkompli wkoll taħdem f’kooperazzjoni mal-Istati Membri biex ittejjeb ir-rappurtar, inkluż billi tgħaddi r-rappurtar online lejn DECLARE, u b’hekk tħeġġeġ ir-rappurtar konsistenti tad-data tal-liċenzji FLEGT u tad-dikjarazzjonijiet doganali, l-użu konsistenti tal-unitajiet tal-kejl u t-titjib ulterjuri tal-format tar-rappurtar, filwaqt li tqis l-esperjenza miksuba. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli tħeġġeġ lill-Istati Membri li bħalissa ma jużawx FLEGIT/TRACES biex jagħmlu hekk, għaliex dan jiffaċilita, fost affarijiet oħra, ir-rappurtar. Finalment, il-Kummissjoni se tkompli taħdem fuq it-titjib ulterjuri tas-sistema FLEGIT/TRACES IT, filwaqt li tqis l-esperjenza u s-suġġerimenti mill-Istati Membri u se tkompli tikkoopera fl-iskambju tad-data ma’ Stati Membri li żviluppaw is-sistemi elettroniċi nazzjonali tagħhom stess.
B’mod parallel, il-Kummissjoni se tkompli taħdem mill-qrib mal-awtoritajiet Indoneżjani biex tindirizza l-kwistjonijiet u l-isfidi identifikati hawn fuq bħala parti mid-diskussjonijiet usa’ dwar l-implimentazzjoni tal-FSV dwar il-FLEGT bejn l-UE u l-Indoneżja u l-monitoraġġ tal-impatti tagħha. Il-ħidma pilota mal-Indoneżja dwar l-integrazzjoni tas-sistemi tal-IT rispettivi, jiġifieri FLEGIT/TRACES mas-SILK, lejn sistema ta’ liċenzjar b’bażi elettronika għalkollox fil-ġejjieni għadha għaddejja.
Finalment, il-Kummissjoni se twettaq kontroll tal-idoneità tar-Regolament FLEGT (flimkien mar-Regolament tal-UE dwar l-Injam) biex tirrieżamina l-funzjonament u l-effettività tar-Regolament, f’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament FLEGT. L-esperjenza bl-implimentazzjoni tar-Regolament FLEGT tista’ potenzjalment tagħti kontribut siewi għall-valutazzjoni ta’ miżuri addizzjonali min-naħa tad-domanda għal komoditajiet oħra, filwaqt li s-sejbiet preliminari tal-kontroll tal-idoneità se jitqiesu għall-valutazzjoni tal-miżuri min-naħa tad-domanda biex tiżdied it-trasparenza tal-katina tal-provvista u jiġi mminimizzat ir-riskju tad-deforestazzjoni u tad-degradazzjoni tal-foresti assoċjati mal-prodotti mqiegħda fis-suq tal-UE.