European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/6880

28.11.2024

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Strateġija komprensiva għall-bijodiversità fil-COP16: inressqu s-setturi kollha flimkien għal għan komuni

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(C/2024/6880)

Relatur:

Arnaud SCHWARTZ

Konsulent

Alexandros KASSAPIS (għar-relatur)

 

 

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

18.1.2024

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adozzjoni fis-sezzjoni

3.9.2024

Adozzjoni fis-sessjoni plenarja

19.9.2024

Sessjoni plenarja Nru

590

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

158/2/7

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Fit-tħejjija għall-COP16 tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB) tan-NU, il-KESE jixtieq iressaq il-punti li ġejjin:

1.2.

Il-bijodiversità tirrappreżenta l-istokk ta’ varjetà ġenetika, li hija l-aktar parti importanti tal-kapital naturali li l-umanità wirtet min-natura. Hija prekundizzjoni għas-sigurtà fit-tul tal-ikel u għall-prosperità ekonomika sostenibbli. L-eżistenza u l-prosperità tal-umanità se jiddependu mill-kapaċità tagħna li nikkooperaw u nirrispettaw il-limiti planetarji. L-UE għandha rwol ewlieni x’taqdi kemm fi ħdanha kif ukoll lil hinn mill-fruntieri tagħha, b’mod partikolari permezz tal-leġiżlazzjoni u l-ftehimiet kummerċjali tal-UE, sabiex jiġu evitati l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ ikel, prodotti u teknoloġiji ambjentalment u soċjalment mhux sostenibbli.

1.3.

Biex ikunu aktar effettivi, il-politiki li jrawmu l-bijodiversità jridu jsiru aktar koerenti u komprensivi fis-setturi kollha; ikunu integrati aħjar mal-aġendi klimatiċi, ambjentali u tas-sigurta tal-ikel fl-UE u globalment; ikopru mhux biss id-dimensjonijiet ambjentali iżda wkoll dawk soċjali u ekonomiċi; u jirċievu l-appoġġ finanzjarju meħtieġ.

1.4.

Huma meħtieġa aktar minn qatt qabel: appoġġ finanzjarju innovattiv u effettiv pubbliku, privat u mħallat għall-partijiet ikkonċernati l-aktar essenzjali u xi kultant vulnerabbli (inklużi bdiewa u sajjieda fuq skala żgħira, popli indiġeni, eċċ.); arkitettura finanzjarja globali b’mekkaniżmu ta’ rapportar standardizzat u metrika ġdida li jirrispetta l-limiti planetarji fil-qalba tiegħu; allinjament mill-ġdid tal-investimenti lejn ekonomiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u reżiljenti u ekosistemi b’saħħithom; kif ukoll appoġġ tal-UE għall-pajjiżi fin-Nofsinhar Globali fil-protezzjoni tal-bijodiversità.

1.5.

Fondi ddedikati, entità globali li tistabbilixxi l-istandards u tinforza l-integrità u t-trasparenza tal-istrumenti finanzjarji għall-bijodiversità, kif ukoll id-diżinvestiment minn “sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent” huma essenzjali biex jiġu ppremjati s-servizzi tal-bijodiversità u jikkumpensaw b’mod ġust it-telf finanzjarju li l-utenti tal-art jistgħu jġarrbu biex jiggarantixxu aktar bijodiversità, li fit-tul se twassal għal produzzjoni aktar sostenibbli, reżiljenti u aktar b’saħħitha.

1.6.

Is-saħħa tal-ekosistemi, tal-annimali u tan-nies hija interdipendenti, peress li huma parti mill-istess ekosistema naturali. Għalhekk għandu jiġi żviluppat approċċ ta’ “Saħħa Waħda” fl-Ewropa.

1.7.

Il-politiki ambjentali u klimatiċi m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala piż fl-irkupru mill-kriżi attwali, iżda pjuttost bħala parti mis-soluzzjonijiet fit-tul meħtieġa għall-futur. Diplomazija aktar b’saħħitha dwar il-klima u l-bijodiversità hija wkoll kruċjali biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali u biex flimkien nirnexxu fis-sostenn tal-ekosistemi, l-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna.

1.8.

Sabiex tiġi integrata l-bijodiversità u jiġu identifikati azzjonijiet klimatiċi pożittivi għan-natura, l-UE għandha ssegwi approċċ integrat, f’diversi livelli u b’diversi partijiet ikkonċernati li jikkonsisti f’riċerka xjentifika, żvilupp tal-politika, involviment tal-partijiet ikkonċernati, u kampanji ta’ sensibilizzazzjoni pubblika.

1.9.

L-implimentazzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali, bħal dawk dwar il-klima u l-bijodiversità, se tirrikjedi, fil-livelli kollha, mudell ta’ governanza b’diversi partijiet ikkonċernati aktar inklużiv li jinkludi l-parteċipazzjoni sistematika, deliberattiva (1), bikrija u konsistenti taċ-ċittadini u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-pubbliku, inklużi ż-żgħażagħ, is-settur privat, u l-akkademja, waqt li jiġu żgurati l-aktar mekkaniżmi effettivi ta’ responsabbiltà u aċċess ġust għall-ġustizzja u għad-data. Se jkunu meħtieġa wkoll il-konsolidazzjoni tad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv fil-protezzjoni tal-bijodiversità, kif ukoll l-involviment ċar tal-imsieħba soċjali.

1.10.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, il-KESE jinsab imħasseb li ma hemm l-ebda referenza għall-SDGs fil-linji gwida politiċi ġodda tal-Kummissjoni, u jtenni l-appell tiegħu għal strateġija integrata u olistika b’għanijiet u pjani ambizzjużi fit-tul – Aġenda tal-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli 2050 – biex tiżgura ekonomija tal-benesseri li topera fi ħdan il-limiti planetarji. Minflok tindirizza l-għanijiet u l-miri separatament, l-UE jeħtieġ tadotta approċċ sistemiku, transsettorjali u bbażat fuq il-futur biex tnaqqas il-kumplessità tal-politiki tagħha u tagħmilhom aktar effiċjenti (2).

1.11.

Kummissarju għall-Ġenerazzjonijiet Futuri, responsabbli għall-promozzjoni ta’ ħsieb fit-tul, olistiku u sistemiku, b’enfasi fuq l-integrazzjoni tal-indikaturi tal-benesseri u tal-bijodiversità u li jmur lil hinn mid-data dwar il-PDG, jista’ jkun ta’ għajnuna f’dan ir-rigward. Din hija r-raġuni għaliex il-KESE jappella għal dikjarazzjoni interistituzzjonali mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea biex tipprovdi qafas robust li jiggarantixxi l-protezzjoni u l-avvanz tad-drittijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni Ewropea għandha tistabbilixxi uffiċċju tal-Viċi President Eżekuttiv għall-Ġenerazzjonijiet Futuri.

2.   Kuntest

2.1.

Fil-kuntest tal-kriżi planetarja trippla attwali (it-tibdil fil-klima, it-tniġġis u t-telf tal-bijodiversità), qed isir dejjem aktar urġenti li nirriflettu mill-ġdid dwar ir-relazzjoni tagħna man-natura u li nipproteġu, u fejn meħtieġ nirrestawraw, l-ekosistemi naturali li minnhom jiddependu l-bnedmin u l-maġġoranza tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom, inklużi l-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd. Huwa stmat li aktar minn 50 % tal-PDG globali jiddependi min-natura (3) u madwar 40 % tal-impjiegi globalment jiddependu direttament minn ekosistemi b’saħħithom (4).

2.2.

B’mod partikolari, waqt li jenfasizza l-importanza tal-foresti tropikali għall-bijodiversità globali, il-KESE jindika l-importanza ugwali tal-bijodiversità fis-sistemi akkwatiċi u fil-ħamrija u l-importanza tal-agrobijodiversità fis-settur agrikolu, eż. il-varjetà ta’ għelejjel ikkultivati, għall-produzzjoni tal-ikel reżiljenti.

2.3.

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tqis it-tniġġis u d-degradazzjoni ambjentali bħala riskju mill-akbar għas-saħħa tal-bniedem (5). Ambjent nadif, f’saħħtu u sostenibbli huwa dritt fundamentali tal-bniedem (6). L-ankraġġ tad-dritt għal ambjent b’saħħtu fil-leġiżlazzjoni tal-UE (7) u l-iżvilupp ta’ approċċ “Saħħa Waħda” se jgħinu biex jiġi ssalvagwardjat futur sostenibbli għall-ġenerazzjoni attwali u għal dawk tal-futur.

2.4.

Ir-riskju sproporzjonat tat-telf tal-bijodiversità u d-deterjorament ambjentali għal ċerti komunitajiet u gruppi ta’ persuni fi ħdan l-istess pajjiż u f’pajjiżi differenti sar evidenti wkoll, u dan jenfasizza l-ħtieġa għal tranżizzjoni ġusta (8).

2.5.

Il-Qafas Globali tal-Bijodiversità ta’ Kunming-Montreal tal-2022, magħruf ukoll bħala l-Pjan dwar il-Bijodiversità għall-Ħajja fid-Dinja (Pjan dwar il-Bijodiversità) (9), adottat fil-COP15 għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB) jirrappreżenta kisba storika fil-mobilizzazzjoni kontra t-telf tal-bijodiversità. Abbażi tal-implimentazzjoni tal-SDGs, dan jistabbilixxi perkors biex tintlaħaq il-viżjoni globali ta’ dinja li tgħix f’armonija man-natura sal-2050. Fost l-elementi ewlenin tal-Pjan dwar il-Bijodiversità hemm erba’ miri għall-2050 u 23 mira għall-2030.

2.6.

Madankollu, il-valutazzjonijiet tal-iżviluppi juru li d-dinja mhijiex qed tagħti riżultati f’konformità mal-wegħdiet (10). Barra minn hekk, fl-UE l-progress għadu lura meta mqabbel mal-miri (eż. l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 (11)). Il-kawżi ewlenin tat-telf kontinwu tal-bijodiversità jibqgħu t-tibdil fil-klima, it-telf tal-ħabitats (minħabba l-użu tal-art għall-agrikoltura u l-urbanizzazzjoni), it-tniġġis u l-isfruttar żejjed tar-riżorsi naturali.

2.7.

Il-mekkaniżmi tas-suq waħedhom ma jofffrux beni pubbliċi jew sistema ekonomika globali sostenibbli. Il-beni pubbliċi jeħtieġu governanza u flus pubbliċi, u l-mekkaniżmi tas-suq jeħtieġu korrezzjonijiet u gwida mill-awtoritajiet pubbliċi biex jiżguraw li dawn jirriżultaw f’benesseri soċjali.

2.8.

Il-politiki ambjentali (leġiżlazzjoni, miżuri, finanzjament) jeħtieġu solidarjetà u kooperazzjoni internazzjonali b’saħħitha. Minkejja l-progress u s-suċċess tal-Konvenzjonijiet tan-NU fir-rigward tal-istabbiliment tal-miri, l-implimentazzjoni ma kinitx biżżejjed minħabba nuqqas ta’ kunsens politiku dwar il-miżuri u l-kondiviżjoni tal-piżijiet fil-livelli istituzzjonali kollha (12). Dan ipperikola r-reżiljenza ekoloġika tal-pjaneta, li, jekk ma titreġġax lura, se toħloq sfidi soċjoekonomiċi enormi u tpoġġi piż sproporzjonat fuq iż-żgħażagħ u l-ġenerazzjonijiet futuri, speċjalment fin-Nofsinhar Globali.

2.9.

It-tensjonijiet politiċi u d-diżinformazzjoni (13) dwar il-klima u l-bijodiversità, il-kunflitti li qed jeskalaw, il-migrazzjoni u ż-żieda fl-għoli tal-ħajja qed jipperikolaw l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Pjan dwar il-Bijodiversità, il-Ftehim ta’ Pariġi u l-Aġenda 2030 tan-NU. Waqt li dawn il-problemi multidimensjonali ħarġu fid-dieher il-fraġilità tas-sistema ekonomika tagħna, dawn jippreżentaw ukoll opportunità għal bidla trasformattiva lejn ekonomija tal-benesseri u narrattiva ġdida għan-nies u għall-pjaneta (14).

2.10.

Bl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u t-tiġdid tal-Kummissjoni, wasal iż-żmien li nagħtu prijorità lill-bijodiversità u għall-implimentazzjoni tal-acquis ambjentali permezz tal-politiki kollha tal-UE. Hemm ukoll ir-raġunijiet kollha biex l-UE tassumi r-responsabbiltà għall-bijodiversità globali u telimina gradwalment l-azzjonijiet li għandhom impatti negattivi fuq l-ekosistemi u l-komunitajiet f’pajjiżi terzi, speċjalment fin-Nofsinhar Globali.

2.11.

L-għan ta’ din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja huwa li:

—

tibni narrattiva ġdida għan-nies u għall-pjaneta, waqt li tenfasizza l-interkonnessjoni bejn ekosistemi reżiljenti u l-prosperità;

—

tiżviluppa strateġija komprensiva dwar il-bijodiversità li tinkludi d-dimensjonijiet ambjentali, ekonomiċi u soċjali, u rabtiet mal-aġendi dwar il-klima, l-ambjent u ta’ “Saħħa Waħda”, kif ukoll mas-setturi l-aktar dipendenti mill-bijodiversità u li jħallu impatt fuqha;

—

tidentifika l-ħtiġijiet u t-tħassib ta’ dawk is-setturi (inklużi l-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd u l-bijoekonomija) u tipproponi soluzzjonijiet biex tgħinhom jilħqu l-miri tal-bijodiversità tal-UE u globali;

—

tipproponi rakkomandazzjonijiet konkreti għall-aġenda tal-Kummissjoni l-ġdida u l-COP16 tal-KDB tan-NU;

—

iżżid is-sinerġiji bejn il-Konvenzjonijiet tan-NU dwar il-bijodiversità, il-klima u d-deżertifikazzjoni (KDB, UNFCCC u UNCDD).

3.   Finanzjament għall-bijodiversità

3.1.

Il-valutazzjonijiet globali jenfasizzaw il-ħtieġa li jiġu mobilizzati riżorsi finanzjarji sostanzjali għall-adattament u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u għall-konservazzjoni, il-preservazzjoni u r-restawr tal-bijodiversità, speċjalment fil-kuntest tal-UNFCCC u l-KDB tan-NU (15). Waqt li jirrikonoxxi li l-finanzi pubbliċi mhumiex biżżejjed, il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu mobilizzati l-investimenti tas-settur privat, inkluż potenzjalment permezz ta’ strumenti finanzjarji, bħal krediti tal-karbonju, skambji ta’ dejn-bijodiversità u bonds marbuta mal-SDGs. Madankollu, il-KESE jwissi li l-integrità ta’ dawn l-istrumenti għandha tiġi żgurata b’mod strett u li, b’mod partikolari, il-proposti għas-“swieq tal-bijodiversità” għandhom jiġu kkunsidrati bir-reqqa. L-UE għandha tippromovi f’forums internazzjonali, bħall-Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp, il-ħolqien ta’ kummissjoni globali biex tiżgura t-trasparenza u l-integrità tal-istrumenti finanzjarji għall-konservazzjoni tal-bijodiversità.

3.2.

Fid-dawl tat-telf evidenti tal-bijodiversità minħabba t-tibdil fil-klima, waqt li jappella għal eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili, il-KESE jilqa’ bi pjaċir ukoll l-identifikazzjoni ta’ “sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent” u jappella għal aktar identifikazzjoni u eliminazzjoni gradwali ppjanata tagħhom, billi jiġi żgurat li l-investimenti taħt it-tranżizzjoni ekoloġika u ġusta jkollhom gwadann nett għall-bijodiversità u l-ambjent.

3.3.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u jħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw aktar, jintroduċu u joperaw sistemi tat-taxxa armonizzati, ekoloġiċi u sostenibbli bbażati fuq il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, b’mod ġust u mhux rigressiv (16). Dan il-prinċipju għandu japplika wkoll għall-muniċipalitajiet u awtoritajiet lokali jew reġjonali oħra, u l-fondi li jirriżultaw jistgħu jiġu allokati għall-prevenzjoni tat-tniġġis.

3.4.

Il-KESE ddikjara f’Opinjonijiet diversi (17) li l-bdiewa, is-sajjieda u s-sidien tal-foresti ma jistgħux ikunu mistennija jġorru l-piż finanzjarju għall-protezzjoni tal-bijodiversità. Minflok, il-fatt li jipprovdu valur u beni pubbliċi għandha tkun opportunità interessanti ta’ sors ta’ introjtu għalihom, eż billi jiġu żviluppati ekoinċentivi. Il-KESE kkritika wkoll in-nuqqas ta’ finanzjament għall-miżuri Natura 2000 u appella għall-ħolqien ta’ fond Ewropew iddedikat għall-bijodiversità. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet issa jridu jiġu segwiti mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri.

3.5.

Il-KESE jirrimarka li l-fondi pubbliċi, inkluż il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), għandhom jingħataw prijorità għall-ġid pubbliku, u jitlob li tiġi żgurata l-koerenza bejn l-oqsma kollha ta’ politika (il-PAK, il-PKS, l-enerġija, it-trasport, il-politiki soċjali, eċċ.), il-finanzjament u s-sussidji li għandhom implikazzjonijiet għall-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità. F’dan ir-rigward, il-KESE jqis li l-PAK wara l-2027 trid tipprovdi qafas ta’ politika stabbli fit-tul immirat lejn il-produzzjoni sostenibbli tal-ikel u awtonomija strateġika miftuħa għall-UE, waqt li tipproteġi d-diversità tal-għelejjel u tat-tipi ta’ biedja fl-UE u l-ekosistemi tagħha (18).

4.   It-tisħiħ tal-bijodiversità u l-azzjonijiet klimatiċi pożittivi għan-natura: x’għandu u x’ma għandux isir

4.1.

It-tibdil fil-klima huwa wieħed mill-ixpruni ewlenin tat-telf tal-bijodiversità. Għalhekk, il-biċċa l-kbira tal-politiki kontra t-tibdil fil-klima huma wkoll ta’ benefiċċju għall-bijodiversità. Madankollu, ċerti soluzzjonijiet teknoloġiċi u diġitali għall-azzjoni klimatika jaf jagħmlu ħsara lill-bijodiversità jew lill-ambjent (eż. l-IA, l-enerġija nukleari, il-qbid u s-sekwestru tal-karbonju, eċċ). L-UE għandha ssegwi l-prinċipju ta’ prekawzjoni.

4.2.

Sabiex jissaħħu l-bijodiversità u l-azzjonijiet klimatiċi pożittivi għan-natura, il-KESE jirrakkomanda dan li ġej:

4.2.1.

Kooperazzjoni bejn ix-xjenzati f’oqsma differenti (l-aktar il-bijodiversità u l-klima), iżda wkoll bejn dawk li jfasslu l-politika u l-partijiet ikkonċernati. Il-KESE jappella għal workshops ġodda kosponsorjati mill-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (IPBES) u mill-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) biex jipprovdu gwida lill-komunità internazzjonali dwar it-trawwim ta’ din il-kooperazzjoni meħtieġa (19). Jappella wkoll għall-pilotaġġ ta’ soluzzjonijiet tal-bijodiversità b’diversi partijiet ikkonċernati fil-Missjonijiet Ewropej dwar il-Klima (eż. L-Adattament għat-Tibdil fil-Klima, u Bliet Newtrali għall-Klima u Intelliġenti).

4.2.2.

Integrazzjoni tal-bijodiversità fl-azzjoni klimatika u viċi versa. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tfassal politiki integrati għall-klima u l-bijodiversità kemm internament kif ukoll internazzjonalment. Għal dan l-għan, huma meħtieġa valutazzjonijiet tal-impatt tas-soluzzjonijiet klimatiċi u l-miżuri tal-bijodiversità.

4.2.3.

Monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar in-Natura, il-Liġi dwar ir-Restawr tan-Natura u s-segwitu għall-wegħdiet relatati mal-KDB tan-NU.

4.2.4.

Soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u l-ekosistemi li jindirizzaw simultanjament it-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità (20), bħall-protezzjoni tal-ħabitats naturali, ir-restawr tal-ekosistemi, il-foresti u l-artijiet mistagħdra, il-ġestjoni sostenibbli tal-art u l-prattiki agrikoli sostenibbli jipprovdu servizzi tal-ekosistema u fl-istess waqt inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u jirrispettaw id-drittijiet u l-kultura tan-nies ikkonċernati, bħall-komunitajiet lokali u l-popli indiġeni.

4.2.5.

L-inkorporazzjoni tal-ekonomija ċirkolari, li toffri qafas għal bidla trasformattiva lejn l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u ekonomija tal-benesseri li topera fi ħdan il-limiti planetarji. Il-benefiċċji ambjentali u soċjoekonomiċi tal-approċċi ċirkolari jistgħu jsiru fatturi ta’ suċċess għall-implimentazzjoni tal-politiki dwar il-bijodiversità u l-klima.

4.2.6.

Is-sensibilizzazzjoni pubblika u l-edukazzjoni għal kulħadd, u speċjalment fost dawk li jfasslu l-politika, iż-żgħażagħ u n-negozji, dwar l-interkonnettività tal-bijodiversità, it-tibdil fil-klima, l-istabbiltà tal-ekosistema u l-benesseri tal-bniedem.

4.2.7.

Il-mekkaniżmi ta’ inċentivi biex jippromovu prattiki li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u jiskoraġġixxu attivitajiet li jagħmlu ħsara lill-bijodiversità u lill-ambjent għandhom jinkludu skemi ta’ pagament għas-servizzi tal-ekosistema (eż. lill-bdiewa, lill-forestiera u lis-sajjieda), il-kontributi tan-natura lin-nies (21) u l-programmi ta’ ekoċertifikazzjoni. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ kumpens ekoloġiku bbażata fuq kriterji ċari għandha titqies bħala għażla tal-aħħar istanza. Pereżempju, proġetti ta’ kostruzzjoni li huma ta’ ħsara għan-natura jistgħu jiġu kkumpensati xi mkien ieħor. Ta’ min jikkunsidra wkoll il-ħolqien ta’ suq komuni għall-kumpens ekoloġiku.

4.2.8.

Id-diplomazija soċjali u ekoloġika internazzjonali għall-finanzjament u l-kondiviżjoni tal-għarfien immirati lejn in-Nofsinhar Globali u l-popli indiġeni, għandha tikkomplementa l-isforzi tal-UE u żżid is-sinerġiji bejn il-KBD tan-NU, l-UNFCCC u l-COPs tal-UNCDD.

4.3.

Il-KESE jipproponi wkoll li jinħatar Kummissarju għall-Ġenerazzjonijiet Futuri, responsabbli għall-promozzjoni ta’ ħsieb fit-tul, olistiku u sistemiku, b’enfasi fuq l-integrazzjoni tal-indikaturi tal-benesseri u tal-bijodiversità u li jmorru lil hinn mid-data dwar il-PDG.

5.   Il-bini ta’ narrattiva pożittiva għall-bijodiversità permezz ta’ parteċipazzjoni qawwija tas-soċjetà ċivili

5.1.

L-aspett interġenerazzjonali tal-politiki tal-bijodiversità u ambjentali jeħtieġ li jiġi rifless f’involviment sinifikanti b’saħħtu taż-żgħażagħ fl-istadji kollha tal-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, mill-istabbiliment tal-aġenda u l-abbozzar ta’ proposti leġiżlattivi, sal-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u s-segwitu (22) sabiex jiġi żgurat li jitqies l-impatt tal-politiki fuq il-ġenerazzjonijiet futuri (23).

5.2.

Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-governanza tal-bijodiversità hija kruċjali biex jintlaħqu l-miri tal-bijodiversità u jiġu integrati l-ħtiġijiet u t-tħassib tas-setturi kollha, inklużi l-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd. Il-KESE jipproponi li tiġi strutturata fuq skali lokali, Ewropej, internazzjonali u trażversali kif ġej:

5.2.1.

Fil-livell lokali u nazzjonali

—

L-inklużjoni tal-bijodiversità u l-ekoloġija fit-tagħlim tul il-ħajja u fis-sistemi edukattivi nazzjonali hija ta’ importanza kbira biex tinbena attitudni pożittiva lejn il-bijodiversità (24). L-Istati Membri għandhom jiżguraw aċċess għall-parks nazzjonali u ż-żoni naturali u programmi ta’ sensibilizzazzjoni dwarhom sabiex jitrawmu l-ġestjoni u l-benefiċċji ta’ meta n-nies jitqarrbu lejn in-natura. Programmi edukattivi bħal dawk organizzati mill-IUCN u l-Federazzjoni EUROPARC għandhom jiġu appoġġjati (25).

—

L-organizzazzjoni ta’ sessjonijiet ta’ ħidma lokali dwar il-bijodiversità ma’ rappreżentanti minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, komunitajiet lokali, żgħażagħ, popli indiġeni, akkademiċi, is-settur finanzjarju u setturi rilevanti bħall-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd.

—

L-iffaċilitar tal-proċessi parteċipattivi tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ azzjonijiet lokali għall-konservazzjoni tal-bijodiversità.

—

L-appoġġ għal inizjattivi fil-livell lokali u proġetti ta’ konservazzjoni bbażati fil-komunità li jagħtu l-mezzi lill-komunitajiet lokali biex jieħdu f’idejhom is-sjieda u l-ġestjoni tal-isforzi għall-konservazzjoni tal-bijodiversità u jippilotaw mudelli ġodda ta’ negozju għall-protezzjoni tal-bijodiversità (eż. l-ekoturiżmu, l-agrikoltura organika u riġenerattiva, eċċ.).

5.2.2.

Fil-livell tal-UE

—

It-tisħiħ tar-rappreżentanza tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-popli indiġeni fil-proċessi tat-tfassil tal-politika tal-bijodiversità tal-UE permezz tal-parteċipazzjoni effettiva tagħhom f’mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni, korpi konsultattivi u djalogi mal-partijiet ikkonċernati.

—

L-organizzazzjoni ta’ sessjonijiet ta’ ħidma bħal dawk imsemmija fil-Kapitolu 5 u s-sistematizzazzjoni tas-sħubijiet bejn diversi partijiet ikkonċernati għall-kooperazzjoni bejn is-soċjetà ċivili, l-aġenziji tal-gvern, l-istituzzjonijiet tar-riċerka u n-negozji biex jiġu implimentati miżuri ta’ konservazzjoni tal-bijodiversità b’mod effettiv.

5.2.3.

Fil-livell internazzjonali

—

Il-promozzjoni ta’ inklużjoni aħjar tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fil-forums internazzjonali dwar il-governanza tal-bijodiversità, bħal, iżda mhux biss, il-KDB tan-NU, is-CMS tan-NU (26), il-UNFCCC u l-COPs tal-UNCDD.

—

It-tisħiħ tar-rwol tal-NGOs, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u tal-popli indiġeni u atturi oħra tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-politiki u l-ftehimiet globali dwar il-bijodiversità, bħall-Pjan għall-Bijodiversità.

—

L-iffaċilitar tal-iskambju tal-għarfien u l-kollaborazzjoni fost l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f’pajjiżi u reġjuni differenti biex jippromovu l-aħjar prattiki fil-konservazzjoni tal-bijodiversità u jorganizzaw sessjonijiet ta’ ħidma deskritti fil-Kapitolu 5 li jinkluduhom.

5.2.4.

Fil-livell trażversali

—

It-trawwim tad-djalogu u l-kollaborazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, ix-xjenzati u setturi bħall-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet ta’ benefiċċju reċiproku.

—

L-appoġġ għal inizjattivi ta’ riċerka u innovazzjoni li jesploraw prattiki sostenibbli u soluzzjonijiet pożittivi għan-natura biex jappoġġjaw l-għajxien bi dħul ġust f’dawn is-setturi, waqt li jisfruttaw ukoll l-impatti pożittivi fuq il-klima.

—

Iż-żieda fl-appoġġ finanzjarju u l-bini tal-kapaċità għas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ li jaħdmu b’rabta mal-bijodiversità, inklużi dawk iffukati fuq l-appoġġ għall-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd sostenibbli u dawk li jaħdmu fil-qasam tal-litigazzjoni ta’ interess pubbliku dwar kwistjonijiet ambjentali, b’enfasi fuq dawk fin-Nofsinhar Globali.

—

Il-konsolidazzjoni tad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv fil-protezzjoni tal-bijodiversità u l-iżgurar ta’ involviment ċar tal-imsieħba soċjali.

5.3.

Il-KESE jappoġġja wkoll l-istabbiliment ta’ assemblea globali permanenti għaċ-ċittadini, kif issuġġerit mill-Fondazzjoni ISWE u appoġġjata min-Nazzjonijiet Uniti, li l-ħolqien tagħha se jitħabbar fis-Summit tal-Futur f’Settembru 2024 (27). Il-KESE jemmen ukoll li assemblea bħal din għandha taħdem fuq il-kwistjonijiet imsemmija f’din l-Opinjoni. Madankollu, jenfasizza li dan ma jirrappreżentax soluzzjoni suffiċjenti biex tiġi żgurata rappreżentanza adegwata tal-partijiet ikkonċernati fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

5.4.

Il-KESE jappoġġja l-infurzar adatt tad-drittijiet ambjentali tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus mill-Istati Membri tal-UE u l-bini tal-kapaċità adatt fost is-soċjetà ċivili biex jiġi żgurat li jkunu jafu kif jeżerċitawhom (28). Jappoġġja wkoll l-implimentazzjoni ta’ perkorsi legali biex tiġi żgurata n-natura, bħad-drittijiet tan-natura u d-dritt għal ambjent b’saħħtu, bi gwida mis-soċjetà ċivili (29).

5.5.

It-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili huwa l-aħjar mod kif jiġu integrati l-ħtiġijiet u t-tħassib tas-setturi kollha sabiex noħolqu narrattiva pożittiva għall-bijodiversità, nilħqu l-miri tagħna fuq l-iskali kollha u nindirizzaw kwistjoni “mill-agħar” b’mod effettiv.

5.6.

F’dan ir-rigward u b’konformità ma’ rapport (30) reċenti tar-relatur tan-NU dwar id-difensuri ambjentali, il-KESE jirrikonoxxi r-riskji li huma esposti għalihom, u jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw id-drittijiet tagħhom, inklużi iżda mhux limitati għal-libertà tal-espressjoni, l-għaqda paċifika u l-assoċjazzjoni, u jindirizzaw il-kawżi ewlenin tat-telf tal-bijodiversità.

Brussell, id-19 ta’ Settembru 2024.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Oliver RÖPKE


(1)  Il-parteċipazzjoni deliberattiva toħroġ mit-teoriji tad-demokrazija deliberattiva u t-twemmin li d-deċiżjonijiet politiċi għandhom ikunu r-riżultat ta’ diskussjoni miftuħa u dibattitu fost iċ-ċittadini. Eżempji ta’ parteċipazzjoni deliberattiva, SALTO.

(2)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-UE u l-Aġenda 2030: it-tisħiħ tal-implimentazzjoni tal-SDGs” (ĠU C, C/2024/876, 6.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/876/oj).

(3)   Study for a methodological framework and assessment of potential financial risks associated with biodiversity loss and ecosystem degradation (Studju għal qafas metodoloġiku u valutazzjoni tar-riskji finanzjarji potenzjali assoċjati mat-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tal-ekosistema [mhux disponibbli bil-Malti]), Kummissjoni Ewropea.

(4)   World Employment and Social Outlook 2018, (Prospettiva dinjija dwar l-impjieg u soċjali [mhux disponibbli bil-Malti]), ILO.

(5)   Estimating environmental health impacts, (Stima tal-impatti fuq is-saħħa ambjentali [mhux disponibbli bil-Malti]) WHO.

(6)  Riżoluzzjoni dwar The human right to a clean, healthy and sustainable environment (Id-dritt tal-bniedem għal ambjent nadif, b’saħħtu u sostenibbli [mhux disponibbli bil-Malti]), Assemblea Ġenerali tan-NU.

(7)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-dritt għal ambjent b’saħħtu fl-Unjoni Ewropea, speċjalment fil-kuntest tal-gwerra fl-Ukrajna” (ĠU C 228, 29.6.2023, p. 10), Rapport ta’ informazzjoni tal-KESE dwar Il-protezzjoni ambjentali bħala prerekwiżit għar-rispett tad-drittijiet fundamentali .

(8)  NAT/933 Lejn proposta leġiżlattiva għal tranżizzjoni ġusta u għodod ta’ politika tal-UE li jippermettu Patt Ekoloġiku Ewropew aktar soċjali (qed titħejja bħalissa), Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-iżvilupp tal-qafas ta’ politika tal-UE għal tranżizzjoni ġusta: il-passi meħtieġa” (ĠU C, C/2024/1576, 5.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1576/oj).

(9)   Biodiversity Plan for Life on Earth (Pjan dwar il-Bijodiversità għall-Ħajja fid-Dinja [mhux disponibbli bil-Malti]).

(10)   CBD Online Reporting Tool.

(11)   Dashboard tal-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijodiversità.

(12)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2030” (COM(2020)652 final — 2020/0300 (COD)) (ĠU C 123, 9.4.2021, p. 76), Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 — Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna” (COM(2020) 380 final) (ĠU C 429, 11.12.2020, p. 259), Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Rwol aktar kostruttiv għas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali” (ĠU C 47, 11.2.2020, p. 50), Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Implimentazzjoni tal-liġi ambjentali tal-UE: kwalità tal-arja, l-ilma u l-iskart” (ĠU C 110, 22.3.2019, p. 33), Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Implimentazzjoni tal-liġi ambjentali tal-UE: kwalità tal-arja, l-ilma u l-iskart” (ĠU C 283, 10.8.2018, p. 83).

(13)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Nissalvagwardjaw id-Demokrazija kontra d-Diżinformazzjoni (ĠU C, C/2024/4052, 12.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4052/oj).

(14)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Pjan ta’ Azzjoni għal Patt Ekoloġiku u Soċjali Ewropew, ibbażat fuq ekonomija tal-benesseri (ĠU C, C/2024/6879, 28.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6879/oj), Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-ekonomija sostenibbli li neħtieġu” (ĠU C 106, 31.3.2020, p. 1).

(15)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Il-finanzjament għall-klima: pjan direzzjonali ġdid għat-twettiq tal-ambizzjoni klimatika għolja u l-SDGs (ĠU C, C/2024/6881, 28.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6881/oj).

(16)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Rwol aktar kostruttiv għas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali” (ĠU C 47, 11.2.2020, p. 50).

(17)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-restawr tan-natura” (COM(2022) 304 final — 2022/0195 (COD)) (ĠU C 140, 21.4.2023, p. 46), Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 — Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna” (COM(2020) 380 final) (ĠU C 429, 11.12.2020, p. 259).

(18)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-promozzjoni tal-produzzjoni awtonoma u sostenibbli tal-ikel: strateġiji għall-Politika Agrikola Komuni wara l-2027” (ĠU C, C/2024/2099, 26.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2099/oj).

(19)   Biodiversity and Climate Change workshop report, (Rapport tal-workshop dwar il-bijodiversità u t-tibdil fil-klima [mhux disponibbli bil-Malti]), IPBES & IPCC.

(20)   IUCN Global Standard for Nature-based Solutions: first edition, (Standard Globali tal-IUCN għal Soluzzjonijiet ibbażati fuq in-Natura: l-ewwel edizzjoni [mhux disponibbli bil-Malti]) IUCN.

(21)   Nature’s Contributions to People (NCP) (Il-kontributi tan-natura għan-nies [mhux disponibbli bil-Malti]), IPBES.

(22)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lejn involviment strutturat min-naħa taż-żgħażagħ dwar il-klima u s-sostenibbiltà fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE” (ĠU C 429, 11.12.2020, p. 44).

(23)   Test taż-Żgħażagħ tal-UE, Fit for Future Generations.

(24)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-awtonomizzazzjoni taż-żgħażagħ biex jinkiseb żvilupp sostenibbli permezz tal-edukazzjoni” (ĠU C 100, 16.3.2023, p. 38).

(25)   Federazzjoni EUROPARC.

(26)   Il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċi Migratorji tal-Annimali Selvaġġi.

(27)   Assemblea taċ-ċittadini globali u permanenti, UN Foundation.

(28)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali” (COM(2020) 642 final — 2020/0289 (COD)) (ĠU C 123, 09/04/2021, p. 66).

(29)  Studju dwar Towards an EU Charter of the Fundamental Rights of Nature , (Lejn Karta tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali tan-Natura [mhux disponibbli bil-Malti]), KESE.

(30)   State repression of environmental protest and civil disobedience: a major threat to human rights and democracy (Ir-repressjoni tal-Istat tal-protesta ambjentali u d-diżubbidjenza ċivili: theddida maġġuri għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija [mhux disponibbli bil-Malti]), minn Michel Forst, Relatur Speċjali tan-NU dwar id-difensuri ambjentali taħt il-Konvenzjoni ta’ Aarhus.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6880/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)