Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament ewropew u lill-Kunsill - Implimentazzjoni ta’ Assistenza Finanzjarja Straordinarja lill-Armenja, il-Ġeorġja u t-Taġikistan {SEG(2004)1635} /* KUMM/2004/0793 finali */
Brussell, 10.12.2004 COM(2004)793 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Implimentazzjoni ta’ Assistenza Finanzjarja Straordinarja lill-Armenja, il-Ġeorġja u t-Taġikistan {SEG(2004)1635} INTRODUZZONI Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/787/KE tas-17 ta’ Novembru 1997 li tipprovdi assistenza finanzjarja straordinarja lill-Armenja u l-Ġeorġja, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/244/KE ta’ l-20 ta’ Marzu 2000 li testendi l-għajnuna għat-Taġikistan, tispeċifika fl-Artikolu 1 (3) li l-perijodu li matulu l-komponent ta’ l-għotja għall-assistenza jkun disponibbli għall-pajjiżi benefiċjarji f’porzjonijiet suċċessivi jispiċċa fl-2004. Barra minn hekk, fl-Artikolu 5 (2), id-Deċiżjoni tgħid li “ Qabel il-31 ta’ Diċembru 2004, il-Kunsill għandu jeżamina l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni sa dik id-data fuq il-bażi ta’ rapport dettaljat min-naħa tal-Kummissjoni li għandu jkun ippreżentat ukoll lill-Parlament Ewropew.” Ir-Rapport attwali kien ippreparat b’applikazzjoni tad-dispożizzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill. L-ISFOND U L-KARATTERISTIċI PRINċIPALI TAL-PROGRAMM TA’ L-EFA GħALL-ARMENJA, IL-ġEORġJA U T-TAġIKISTAN Il-programm ta’ assistenza finanzjarja straordinarja (EFA) favur l-Armenja, il-Ġeorġja u t-Taġikistan kien immirat lejn appoġġ finanzjarju lil dawn it-tliet pajjiżi li qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ ċerti sfidi ekonomiċi u soċjali, partikularment kritiċi, fl-ambitu tar-riformi u t-transizzjoni għall-ekonomija tas-suq implimentata bl-appoġġ ta’ l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (IFIs). Sakemm tlesta l-programm ta’ l-EFA, l-Armenja u l-Ġeorġja ġa kienu qegħdin jimplimentaw programmi dettaljati ta’ aġġustament u riforma bil-konċessjoni ta’ l- Enhanced Structural Adjustment Facility (ESAF) ta’ l-IFM. It-Taġikistan kien għadu fl-ewwel stadji tat-tħejjija ta’ programm simili. Fattur partikulari fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi kien l-eżistenza ta’ arretrati ta’ pagamenti esterni kbar dovuti lill-Komunità li oriġinaw mis-self li għamlet il-Komunità lit-tliet pajjiżi kmieni fid-Disgħinijiet. Bla dubju, dawn l-arretrati kellhom jitħallsu sabiex l-Armenja, il-Ġeorġja u t-Taġikistan setgħu jiddedikaw ir-riżorsi finanzjarji disponibbli kollha sabiex iseħħu r-riformi u sabiex jitnaqqsu d-diffikultajiet soċjali li nħolqu minħabba l-miżuri ta’ awsterità involuti. F’Novembru ta’ l-1997, il-Kunsill adotta l-ewwel deċiżjoni fuq programm ta’ l-EFA favur l-Armenja u l-Ġeorġja (Deċiżjoni tal-Kunsill 97/87/KE). B’din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni offriet pakkett finanzjarju liż-żewġ pajjiżi li kien jikkonsisti f’taħlita ta’ self fuq perijodu twil u għotjiet diretti. Il-komponent ta’ self ammonta għal massimu ta’ EUR 170 miljun, għal 15-il sena b’konċessjoni ta’ 10 snin. Il-komponent ta’ l-għotja kien jikkonsisti f’għotja sa EUR 85 miljun, li kellha titqassam matul il-perijodu ta’ l-1997-2002 f’porzjonijiet suċċessivi. L-Armenja u l-Ġeorġja kellhom jirċievu self u għotjiet ta’ EUR 28 u 110 miljun (self) u EUR 30 u 55 miljun (għotjiet), rispettivament. Meta ttieħdet id-Deċiżjoni dwar l-EFA favur l-Armenja u l-Ġeorġja, il-Kunsill qabel li jikkunsidra operazzjoni simili favur it-Taġikistan malli ċ-ċirkustanzi jippermettu. Għaldaqstant, meta, ftit wara, it-Taġikistan beda programm ta’ aġġustament u riforma bl-appoġġ ta’ l-IFIs (arranġament finanzjarju mal-IFM taħt l-ESAF kien approvat f’Ġunju ta’ l-1998), il-Kummissjoni għamlet proposta biex testendi l-programm lit-Taġikistan. F’Marzu ta’ l-2000, kienet adottata Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni 97/787/KE għal dan il-għan (Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/244/KE). It-Taġikistan ingħata assistenza finanzjarja totali sa EUR 95 miljun (self ta’ EUR 60 miljun u għotjiet ta’ EUR 35 miljun). L-istess Deċiżjoni tal-Kunsill ħasbet għaż-żieda ta’ l-ammont globali ta’ l-għoti ta’ assistenza lill-Ġeorġja għal EUR 65 miljun u tawwlet il-perijodu ta’ l-implimentazzjoni tal-programm sa l-2004. Il-programm ta’ l-EFA kien maħsub bħala finanzjament li jikkomplementa dak ta’ l-IFIs. Il-ħlasijiet saru bil-kondizzjoni li l-benefiċjarji setgħu juru li kienu qegħdin jimplimentaw l-arranġamenti finanzjarji tal-IFM b’mod sodisfaċenti. Fl-istess ħin, l-għan uniku tal-programm li jassigura s-sostenibbiltà finanzjarja u jħalli lill-benefiċjarji jnaqqsu d-dejn barrani tagħhom, kien rifless fil-konnessjoni bejn il-ħlasijiet ta’ assistenza u t-tnaqqis fid-dejn tal-benefiċjarji. Għalhekk, il-ħruġ tas-self u l-għotjiet f’perijodi suċċessivi saru wara li l-benfiċjarji kienu ħallsu l-ammonti kollha dovuti lill-Komunità. Il-ħlas suċċessiv ta’ l-ammonti ta’ għotjiet huwa marbut mar-rimborż antiċipat tad-dejn tal-benefiċjarji lill-Komunità, li oriġina mis-self mogħti taħt il-programm ta’ l-EFA. Wieħed mill-għanijiet tal-programm kien li jħalli lill-benefiċjarji jilħqu ċertu punt fi tmiem il-perijodu ta’ l-implimentazzjoni ta' l-EFA fejn l-obbligi finanzjarji lejn il-Komunità jixxejnu jew ikunu mnaqqsa sostanzjalment minn kif kienu fil-bidu. Il-ħlasijiet ta’ l-għotjiet f’porzjonijiet (barra l-ewwel kwota) huma kkondizzjonati wkoll mit-twettiq ta’ miżuri ta’ politika strutturali miftehma miż-żewġ partijiet. Il-kondizzjonijiet strutturali li jridu jitwettqu biex tingħata l-EFA huma bbażati fuq il-programmi ekonomiċi ta’ l-awtoritajiet u huma mmirati b’mod partikulari lejn it-titjib tas-sostenibbiltà barranija tal-benfiċjarji. Oqsma partikulari jaqgħu fil-mira tal-Kummissjoni minħabba l-kondizzjonijiet strutturali u fosthom insibu, ir-riformi fis-settur tal-finanzi pubbliċi, l-amministrazzjoni pubblika (inkluża l-ġlieda kontra l-korruzzjoni), is-settur finanzjarju, il-privatizzazzjoni, il-kontroll ta’ korporazzjoni, eċċ. Tista’ tinkludi ukoll miżuri speċifiċi li jirriflettu l-prijoritajiet tal-Komunità fir-relazzjonijiet bilaterali mal-benifiċjarji, eż., miżuri fl-oqsma tal-politika kummerċjali jew f’bosta oqsma ta’ kooperazzjoni ekonomika inklużi fil-ftehimiet ta’ kooperazzjoni bilaterali. Fit-tabella 1 ta’ l-Anness ta’ dan ir-Rapport hemm sommarju ta’ l-oqsma ta’ politika strutturali li qegħdin fil-mira tal-Kummissjoni permezz tal-kondizzjonijiet strutturali marbuta ma’ l-element ta’ l-għotja ta’ l-assistenza lit-tliet pajjiżi. IMPLIMENTAZZJONI TAD-DEċIżJONI TA’ L-1997/2000 3.1. Qafas Istituzzjonali Wara l-adozzjoni mill-Kunsill tad-Deċiżjoni dwar l-EFA lill-Armenja u l-Ġeorġja, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet taż-żewġ pajjiżi nnegozjaw it-termini u l-kondizzjonijiet ta’ l-operazzjoni. Il-parametri ġenerali ta’ l-operazzjonijiet, bħal, per eżempju, l-ammonti massimi u meta l-porzjonijiet annwali ta’ l-għotjiet jingħataw u r-rimborż antiċipat tad-dejn, kienu preskritti fil-Memoranda ta’ Ftehim konklużi, f’isem il-Komunità, mill-Kummissjoni u mill-Gvernijiet u l-Banek Ċentrali tal-benefiċjarji. Kondizzjonijiet finanzjarji speċifiċi relatati mas-self kienu preskritti fil-Ftehim ta’ Self konkluż fl-istess żmien. Eventwalment, l-Memoranda ta’ Ftehim, u l-Ftehim ta’ Self kienu ffirmati f’Diċembru ta’ l-1997 (mal-Ġeorġja) u f’Diċembru ta’ l-1998 (ma’ l-Armenja). Wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2000/244/KE, l-Memoranda ta’ Ftehim, u l-Ftehim ta’ Self bejn il-Kummissjoni u t-Taġikistan kienu konklużi f’Jannar ta’ l-2001. Sabiex ikunu jidhru l-estensjoni fit-tul tal-programm u ż-żieda fl-ammont totali tal-għotjiet lill-Ġeorġja, Memoranda ta’ Ftehim ġodda kienu ffirmati ma’ l-Armenja (f’Awwissu ta’ l-2001) u mal-Ġeorġja (Lulju ta’ l-2001). Fit-Tabella 2 ta’ l-Anness hemm imniżżla l-parametri bażiċi ta’ l-operazzjonijiet ta’ l-EFA favur it-tliet pajjiżi preskritti fil-Memoranda ta’ Ftehim (dawk riveduti għall-Armenja u l-Ġeorġja). Kien maħsub li sa tmiem l-implimentazzjoni tal-programm, l-Armenja ma kien ikollha l-ebda obbligi finanzjarji pendenti lejn il-Komunità u li l-obbligi finanzjarji tal-Ġeorġja u t-Taġikistan ikunu tnaqqsu sa livelli sostenibbli. L-implimentazzjoni tal-programm ta’ l-EFA bejn l-1998 (bidu tal-ħlasijiet lill-Armenja u l-Ġeorġja) u t-tielet kwart ta’ l-2004, flimkien ma’ l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni għall-bqija tas-sena kurrenti u l-bidu ta’ l-2005 huma spjegati hawn taħt. It-Tabelli 3 u 4 ta’ l-Anness jagħtu r-riżultati kwantitattivi tal-programm. 3.2. L-Armenja L-implimentazzjoni tal-programm ta’ l-EFA favur l-Armenja bdiet f’Diċembru ta’ l-1998, meta l-Armenja ħallset l-arretrati kollha li kellha mal-Komunità (EUR 51 miljun). Riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni setgħet toħroġ il-ħlasijiet tas-self il-ġdid (EUR 28 miljun) u l-ewwel kwota ta’ l-għotjiet (EUR 8 miljuni). Kwota oħra ta’ l-għotjiet (ta’ EUR 4 miljuni) tħallset lill-Armenja fl-1999-2000. Il-ħlas li sar f’Diċembru ta’ l-1999, kien ibbażat fuq ir-riżultati tal-verifika tal-kondizzjonijiet u kemm dawn kienu twettqu, li seħħet f‘Lulju ta’ l-1999. Min-naħa tagħha, l-Armenja kien irnexxielha tnaqqas id-dejn nett mal-Komunità b’EUR 5 miljuni. L-implimentazzjoni tal-programm kienet interrotta fl-2000 minħabba l-fatt li l-Armenja naqset milli tikkonkludi ftehim għal finanzjament ġdid mal-IFM wara l-għeluq tal-ftehim ta’ l-ESAF f’Diċembru ta’ l-1999. Din tkompliet fl-2001, wara l-approvazzjoni mill-bord tal-IFM ta’ programm ġdid ta’ tliet snin taħt il- Poverty Reduction and Growth Facility (PRGF – l-istrument li ħa post l-ESAF) f’Mejju ta’ l-2001. Dan l-ftehim kellu jagħlaq f’Diċembru ta’ l-2004. Taħt il-qafas ta’ politika stabbilit mill-programm tal-PRGF, il-Kummissjoni wettqet b’suċċess, tliet missjonijiet ta’ verifika li jikkorrispondu mat-tliet porzjonijiet annwali ta’ l-EFA – f’Ġunju ta’ l-2001, f’Ġunju ta’ l-2002 u f’Diċembru ta’ l-2003. Kull darba, l-ammonti tal-porzjonijiet u r-rimborż antiċipat kienu stabbiliti f’EUR 5.5 u 7 miljuni rispettivament. Il-pagamenti korrispondenti saru kmieni fl-2002, tard fl-2002 u f’Ġunju ta’ l-2004. Bħala riżultat ta’ dawn l-operazzjonijiet, id-dejn li l-Armenja għandha lejn il-Komunità tnaqqas b’EUR 2 miljuni. Il-ħlas ta’ l-aħħar kwota taħt il-programm ta’ l-EFA (EUR 1.5 miljuni) mistenni li jsir fl-2005, meta l-Armenja tkun ħallset lura l-aħħar parti tas-self li ngħatalha mill-Komunità fl-1998. B’dan il-mod, kmieni s-sena d-dieħla mistenni li l-programm ta’ l-EFA lill-Armenja jkun laħaq għal kollox l-għanijiet tiegħu kemm rigward il-ħlasijiet tal-għotjiet kif ukoll ir-rimborżi antiċipati tad-dejn (l-Armenja tkun ikkanċellat il-dejn kollu li kellha mal-Komunità). 3.3. Il-Ġeorġja L-implimentazzjoni tal-programm ta’ l-EFA favur il-Ġeorġja bdiet fl-Lulju 1998, meta l-Ġeorġja kienet ħallset l-arretrati li kellha mal-Komunità (EUR 131 miljun) u bħala konsegwenza l-Komunità tat is-self miftiehem ta’ EUR 110 miljuni u l-ewwel kwota ta’ l-għotja ta’ EUR 10 miljuni. It-tieni kwota ta’ l-għotja (EUR 9 miljuni) ingħatat f’Settembru ta’ l-1999, wara li l-Ġeorġja ħasbet biex tagħmel rimborż antiċipat ta’ EUR 10 miljuni biex tnaqqas mid-dejn li għandha mal-Komunità. L-implimentazzjoni tal-programm kienet interrotta fl-2000 minħabba l-fatt li l-awtoritajiet tal-Ġeorġja ma setgħux jilħqu ftehim mal-IFM dwar arranġament finanzjarju ġdid (l-ESAF ta’ l-1996 għalaq f’Awwissu ta’ l-1999) u kompliet biss f’Jannar ta’ l-2001. Minħabba li fir-riformi strutturali u l-effiċjenza makro-ekonomika l-Ġeorġja mhux dejjem kellha riżultati pożittivi, il-Kummissjoni ddeċidiet għalhekk, li tagħti parti biss tal-kwota għall-2001 (EUR 6 miljuni) u tagħti l-kumplament (EUR 5.5 miljuni) bil-kondizzjoni li jitwettaq progress fir-riformi strutturali. Qabel il-ħlas ta’ l-ewwel kwota parzjali f’Diċembru ta’ l-2001, il-Ġeorġja għamlet rimborż antiċipat lill-Komunità ta’ EUR 8 miljuni. Sussegwentement, minħabba d-deterjorament gravi tas-sitwazzjoni politika fil-Ġeorġja fit-tieni nofs ta’ l-2001, ftit li xejn kien hemm progress fir-riformi strutturali għal parti kbira ta’ dik is-sena. L-implimentazzjoni tal-programm ta’ l-EFA kienet imwaqqfa bosta drabi, iżda tkompliet fl-2004 wara l-bidla politika li seħħet fil-Ġeorġja f’Novembru ta’ l-2003. Il-gvern il-ġdid tal-Ġeorġja ta bidu għal serje ġdida ta’ aġġustamenti u riformi. L-istrateġija ta’ l-awtoritajiet il-ġodda tal-pajjiż irċeviet l-appoġġ ta’ l-IFIs – programm PRGF ġdid ta’ tliet snin u krediti ġodda ta’ aġġustament kienu approvati rispettivament mill-IFM u l-Bank Dinji f’Ġunju li għadda u mill-komunità internazzjonali tad-donaturi. Il-programm ta’ l-EFA ukoll reġa’ qabad minn fejn kien ħalla. L-ewwel pass ikun il-ħlas ta’ kwota tal-ħruġ ta’ EUR 6.5 miljuni, ibbażat fuq ir-riżultati tal-verifika tal-politika, li saret lejn it-tmiem ta’ l-2002, li iżda qatt ma ntemmet (ftit wara l-verifika, l-programm appoġġjat mill-IFM ma baqax miexi kif suppost u l-ħlas kien ikkanċellat). Qabel ma jsir il-ħlas ta’ l-għotja li jmiss, il-Ġeorġja jkollha tagħmel rimborż antiċipat ta’ somma identika ma’ dik tas-self li tatha l-Komunità fl-1998. Bħala riżultat ta’ din l-operazzjoni, il-ħlasijiet ta’ l-EFA lill-Ġeorġja sejrin jilħqu EUR 31.5 miljun ( minn ammont massimu ta’ EUR 65 miljun.) u l-Ġeorġja tkun naqqset id-dejn li għandha mal-Komunità bis-somma ta’ EUR 24.5 miljun. L-awtoritajiet tal-Ġeorġja jixtiequ li jieħdu vantaġġ minn dan l-ambjent favorevoli ta’ politika ekonomika biex tkompli tnaqqas il-pożizzjoni tagħha ta’ debitur nett lejn il-Komunità, u b’hekk tkun f’pożizzjoni aħjar li ttejjeb is-sostenibbiltà tad-dejn ta’ terminu medju. F’din il-prospettiva, l-istess awtoritajiet ġa talbu lill-UE biex titkompla l-implimentazzjoni ta’ l-EFA u jaħsbu li l-għajnuna finanzjarja mill-Komunità tista’ tgħin lill-pajjiż inaqqas id-dejn barrani tiegħu għal livelli aktar sostenibbli. 3.4. It-Taġikistan L-implimentazzjoni tal-programm fit-Taġikistan bdiet f’Marzu ta’ l-2001 meta l-Komunità ħarġet self ġdid (EUR 60 miljun) u ħallset l-ewwel kwota ta’ l-għotja (EUR 7 miljuni). Qabel ma t-Taġikistan setgħet tirċievi dawn il-ħlasijiet kellha tħallas ammont ta’ kważi EUR 79 miljun f’arretrati lill-Komunità. Kwota oħra ta’ EUR 7 miljuni ngħatat f’Diċembru ta’ l-2001. Ir-rimborż antiċipat lill-Komunità tad-dejn tal-pajjiż kien stabbilit f’EUR 8 miljuni, li huwa ħafna inqas mill-ammonti massimi ta’ rimborżi antiċipati stabbiliti fil-Memoranda ta’ Ftehim (EUR 12-miljun). Il-Kummissjoni sostniet li s-sitwazzjoni finanzjarja tat-Taġikistan iġġustifikat id-deċiżjoni li l-pożizzjoni ta’ debitur nett seta’ jitnaqqas b’ammonti iżgħar. Il-Kummissjoni wettqet żewġ programmi oħra ta’ verifika fit-Taġikistan – fl-2002 (Ġunju) u fl-2004 (Marzu u Ġunju). Il-ħlas tat-tielet kwota annwali sar kmieni fl-2003, wara l-approvazzjoni mill-IFM ta’ arranġament ġdid PRGF li ħa post il-programm preċedenti ESAF/PRGF li kien għalaq f’Diċembru ta’ l-2001. Dan l-arranġament il-ġdid jagħlaq f’Diċembru ta’ l-2005. Il-ħlas tar-raba’ kwota maħsub li jsir qabel it-tmiem ta’ l-2004. Iż-żewġ porzjonijiet jammontaw għal EUR 7 miljuni u jingħataw jekk isir rimborż antiċipat ta’ EUR 8 miljuni (ammonti li huma konsistenti mal-limitazzjonijiet tal-finanzjament tal-pajjiż). Kwota oħra ta’ EUR 7 miljuni mistennija li tingħata kmieni fl-2005. L-ammont tar-rimborż antiċipat korrispondenti jkun iddeterminat meta ssir il-verifika tal-programm. Bħala riżultat ta’ l-operazzjonijiet fl-2004 u kmieni fl-2005, l-ammont kollu ta’ l-għotja mmirata lejn it-Taġikistan tkun intużat. Id-dejn tat-Taġikistan mal-Komunità mistenni li jinżel għal EUR 28 miljun (jekk ir-rimborż antiċipat ikun għal darba oħra ta’ EUR 8 miljuni). Bħala prospettiva, jidher li t-Taġikistan sejjer ikompli bil-politika ta’ rimborżi antiċipati lill-Komunità bil-għan li jtejjeb is-sostenibbiltà tad-dejn ta’ terminu medju. Biex dan iseħħ, x’aktarx li trid titkompla l-EFA. RIżULTATI EKONOMIċI TAL-PROGRAMM TA’ L-EFA Il-programm ta’ assistenza finanzjarja straordinarja wassal ħafna benefiċċji lill-Armenja, il-Ġeorġja u t-Taġikistan billi għen fil-proċessi ta’ aġġustament u riforma fit-tliet pajjiżi f’kuntest wiesa’ ta’ appoġġ fiannzjarju mill-IFIs. Il-kontribuzzjoni ta' l-EFA x'aktarx kien l-aktar deċiżiv fl-ambitu ta' l-appoġġ li t-tliet pajjiżi rċevew biex inaqqsu d-dejn barrani u, għaldaqstant, itejbu s-sostenibbiltà finanzjarja barranija fuq perijodi twal u medji. Matul l-ewwel fażi ta’ l-implimentazzjoni (l-għoti ta’ self u l-ewwel porzjonijiet ta’ l-għotjiet), l-Armenja, il-Ġeorġja u t-Taġikistan setgħu jaqtgħu l-arretrati kbar li għandhom fuq il-krediti Komunitarji u b’dan il-mod jinnormalizzaw ir-relazzjonijiet finanzjarji ma’ l-Unjoni Ewropea u b’mod ġenerali, mal-komunità tad-donaturi. Permezz tal-ħlas ta’ għotjiet suċċessivi, it-tliet pajjiżi setgħu jkomplu jnaqqsu id-dejn li għandhom mal-Komunità u b’hekk, jilħqu pożizzjoni finanzjarja sostenibbli. Dan japplika l-iżjed għall-Armenja u t-Taġikistan. Meta nbeda l-programm, id-dejn li kellha l-Armenja mal-Komunità kien jaqbeż EUR 50 miljun, iżda bis-saħħa tiegħu mistenni li dan id-dejn jixxejjen għal kollox. Fil-każ tat-Taġikistan, id-dejn kien ilaħħaq EUR 80 miljun u issa mistenni li jonqos sa EUR 30 miljun. Ir-riżultati fil-każ tal-Ġeorġja huma aktar modesti; il-pajjiż xorta jkun jaf lill-Komunità aktar minn EUR 85 miljun (meta mqabbel mas-somma preċendenti ta’ ‘l fuq minn EUR 130 miljun fl-1998). Il-kontribuzzjoni ta’ l-EFA min-naħa tal-Komunità lill-komponenti l-oħra tal-proċessi ta’ aġġustament u riforma fil-paijjiżi benefiċjarji seħħet, prinċipalment, minħabba l-appoġġ mogħti lill-politiki strutturali partikulari fil-kuntest ta’ l-impożizzjoni ta’ kondizzjonijiet speċifiċi (ara ukoll is-sezzjoni 2 u Tabella 1 ta’ l-Anness). Din il-kontribuzzjoni trid tkun eżaminata fil-kuntest ta’ qafas aktar ġenerali tal-valutazzjoni tal-progress u r-riforma ekonomika matul is-snin ta’ l-implimentazzjoni tal-programm. Fl- Armenja , l-ekonomija kienet ġa bdiet tistejqer fl-1995 u kompliet permezz tal-ftehim ESAF/PRGF mal-IFM tas-snin 1996-1999. Kien proprju f’dan il-punt kruċjali fl-ekonomija ta’ l-Armenja li nbeda l-programm ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-EFA. Mill-1998, l-iżvilupp fl-Armenja laħaq medja ta’ 9% fis-sena u l-iżbilanċi makro-ekonomiċi tnaqqsu ħafna. L-Armenja rnexxielha ukoll timplimenta b’suċċess medda sħiħa ta’ riformi strutturali fl-oqsma tat-tassazzjoni u l-amministrazzjoni finanzjarja pubblika, ir-ristrutturar ta' l-intrapriżi, il-privatizzazzjoni u s-settur bankarju. Bosta riformi strutturali importanti rċevew l-appoġġ tal-Komunità permezz ta’ l-impożizzjoni ta’ kondizzjonijiet marbuta mal-ħlas ta’ l-għotjiet mill-EFA. Peress li uriet titjieb fir-riżultati makro-ekonomiċi u progress fir-riformi strutturali, l-Armenja issa x’aktarx li qiegħda f’pożizzjoni tajba li tkompli fit-triq ta’ l-iżvilupp sostenibbli u tkabbir ekonomiku. Għall-parti l-kbira tal-perijodu kopert mill-EFA, ir-riżultati milħuqa mill- Ġeorġja fl-implimentazzjoni ta’ politiki ta’ aġġustament u riforma, kienu diżappuntanti, minkejja xi suċċessi (eż. fir-regolazzjoni u s-superviżjoni bankarja). B’mod partikulari, wara l-ewwel mewġa ta’ riformi fil-perijodu kopert mill-ewwel programm ESAF/PRGF tal-IFM, ftit kien hemm titjib fil-kwalità tal-gvern u t-tmexxija makro-ekonomika (l-aktar fiskali). Mingħajr ambjent tajjeb ta’ politika, il-progress lejn l-irpiljar ekonomiku u s-sostenibbiltà fil-Ġeorġja mxew b'ritmu anqas mgħaġġel meta mqabbel ma' l-Armenja. Madankollu, is-sitwazzjoni issa hija pjuttost differenti. Wara l-bidla politika li seħħet fl-aħħar parti ta' l-2003, l-awtoritajiet il-ġodda tal-Ġeorġja taw bidu għal programm ta’ aġġustament u riforma qawwija li kien immirat prinċipalment lejn żewġ oqsma li minħabba fihom, fl-imgħoddi reċenti, il-pajjiż kien qala’ l-akbar kritika – il-kontroll u l-immaniġġjar fiskali. Matul dawn l-aħħar tnax-il xahar kien hemm progress sostanzjali f’dawn iż-żewġ oqsma. Matul l-aħħar erba’ snin ta’ implimentazzjoni tal-programm ta’ l-EFA fit- Taġikistan , il-pajjiż wera riżultati mill-aħjar. Is-sitwazzjoni ekonomika ġenerali mxiet ’il quddiem b’mod sostanzjali: żvilupp li kważi laħaq l-10% fis-sena, il-politika fiskali u monetarja ssaħħet, id-defiċit tal-kont kurrenti naqas u d-dejn barrani jinsab f’livelli aktar sostenibbli. Barra dan, ingħata bidu għal għadd konsiderevoli ta’ riformi strutturali ta’ l-ewwel ġenerazzjoni (eż., il-liberalizzazzjoni tal-prezzijiet u l-kummerċ, il-privatizzazzjoni). Il-Komunità appoġġat bosta politiki strutturali importanti permezz ta’ l-impożizzjoni ta’ kondizzjonijiet għall-assistenza finanzjarja tagħha. Fil-futur qarib, il-kondizzjonijiet ekonomiċi fit-Taġikistan mistennija jibqgħu favorevoli. Dan għandu jiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ ħafna mir-riformi strutturali li kienu antiċipati fil-programm PRSP u dak PRGF, dejjem jekk l-għajnuna finanzjarja mill-IFIs u l-komunità tad-donaturi ma titwaqqafx. L-iżviluppi u l-politiki speċifiċi għall-pajjiżi interessati matul dan il-perijodu, kemm fil-qasam ta’ l-immaniġġjar makro-ekonomiku u finanzjarju kif ukoll f’dak tar-riformi strutturali, huma deskritti fid-dettall fid-dokument ta’ ħidma tas-servizzi Komunitarji anness ma’ dan ir-rapport. KONKLUżJONI Fil-qofol, il-valutazzjoni tar-riżultati ta’ l-implimentazzjoni tal-programm mill-Kummissjoni tista’ tinġabar kif ġej. Bla dubju l-programm ta’ l-EFA għen lill-Armenja, il-Ġoerġja u t-Taġikistan jimxu lejn ir-riforma u s-sostenibbiltà finanzjarja. Madankollu, fil-każ tal-Ġeorġja, l-għanijet tal-bidu ma ntlaħqux għal kollox u l-istess jista’ jingħad għat-Taġikistan ukoll jekk mhux sa l-istess estrem. Minkejja xi titjib, l-obbligi finanzjarji ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi lejn il-Komunità jibqgħu konsiderevoli, u b’mod aktar ġenerali, is-sostenibbiltà tad-dejn fuq perijodi twal u medji ma ntlaħqitx. Il-proporzjon tad-dejn meta mqabbel mad-dħul u l-prodott gross domestiku (PGD) jibqa’ għoli wkoll jekk iż-żieda rapida fid-dħul tal-gvern rigward l-PGD hija assumibbli biss. Finalment, iż-żewġ pajjiżi jibqgħu jiddependu fuq l-assistenza barranija biex jimplimentaw riformi strutturali fil-kuntest tat-tnaqqis tal-faqar u l-istrateġiji li jwasslu għall-iżvilupp. Iżda, minħabba l-iżviluppi ekonomiċi favorevoli fil-Ġeorġja u t-Taġikistan u l-ambjent ta’ politika ekonomika mtejjeb fiż-żewġ pajjiżi, il-prospetti għall-kisba tal-progress fir-riformi u s-sostenibbiltà finanzjarja barranija tjiebu ħafna. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sostenn finanzjarju barrani għandu opportunitajiet għal suċċess akbar. Sabiex titkompla u tintemm l-aġenda tal-programm ta’ l-EFA, il-Kummissjoni bi ħsiebha tressaq proposti għal azzjonijiet supplimentari. L-għan ta’ tali azzjonijiet huwa biex isostnu t-tkomplija u t-tħaffif tar-riformi ekonomiċi u, b’mod partikulari biex jgħinu lill-Ġeorġja u t-Taġikistan jimplimentaw politiki aktar ambizzjużi biex inaqqsu d-dejn. Il-Kummissjoni tiddeċiedi jekk tressaqx proposti marbuta ma’ l-azzjonijiet supplimentari wara li tkun ikkunsidrat numru ta’ parametri, li jinkludu, minbarra l-ħtiġiet finanzjarji assoċjati mar-rimborżi antiċipati, il-kwalità ġenerali tal-politika ekonomika, l-impenn politiku ta’ l-awtoritajiet u l-konsistenza fl-appoġġ mill-Komunità biex jitnaqqas id-dejn bl-għajnuna wkoll tal-kredituri uffiċjali (fil-każ tal-Ġeorġja). Barra dan, il-Kummissjoni bi ħsiebha tintegra mill-viċin azzjonijiet supplimentari possibbli ta’ assistenza finanzjarja mal-pajjiżi tar-reġjun u l-appoġġ għar-riformi ekonomiċi u politiċi. ANNESS [pic] [pic] [pic] [pic]