SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)
7 ta’ Mejju 2025 ( *1 )
“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ revoka – Trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea RTL – Assenza ta’ użu ġenwin tat-trade mark – Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament (UE) 2017/1001 – Produzzjoni ta’ fatti u ta’ provi għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell – Artikolu 95(2) tar-Regolament 2017/1001 – Artikolu 27(4) tar-Regolament Delegat (UE) 2018/625 – Abbuż ta’ dritt”
Fil-Kawża T‑1088/23,
RTL Group Markenverwaltungs GmbH, stabbilita f’Köln (il-Ġermanja), irrappreżentata minn W. Prinz u I. Leroux, avukati,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn A. Ringelhann, bħala aġent,
konvenut,
il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija
Marcella Örtl, residenti f’Selb (il-Ġermanja), irrappreżentata minn J. Pröll, avukat,
IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),
komposta minn K. Kowalik‑Bańczyk, Presidenta, E. Buttigieg (Relatur) u B. Ricziová, Imħallfin,
Reġistratur: R. Ūkelytė, Amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tal‑24 ta’ Ottubru 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, RTL Group Markenverwaltungs GmbH, titlob l-annullament jew ir-riforma tad-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tad‑19 ta’ Settembru 2023 (Każ R 86/2023‑2) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
2 |
Fis‑26 ta’ Mejju 2016, ir-rikorrenti kisbet mingħand l-EUIPO, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)), ir-reġistrazzjoni tat-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea rreġistrata bin-numru 14884911, irrappreżentata hawnhekk: |
|
3 |
Il-prodotti u s-servizzi li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark jaqgħu fil-klassijiet 3, 6, 8, 9, 12, 14, 16, 18, 20, 21, 24, 25, 28, 30, 32, 33, 35, 38, 41, 42, 43 u 45 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat. |
|
4 |
Fis‑7 ta’ Ġunju 2021, l-intervenjenti, Marcella Örtl, ressqet talba għar-revoka tat-trade mark ikkontestata abbażi tal-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament 2017/1001, minħabba li l-imsemmija trade mark ma kinitx is-suġġett ta’ użu ġenwin għall-prodotti u għas-servizzi li għalihom hija kienet ġiet irreġistrata matul perijodu kontinwu ta’ ħames snin. |
|
5 |
Fis‑27 ta’ Awwissu 2021, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u pproduċiet provi tar-reputazzjoni u tal-użu tat-trade mark ikkontestata. |
|
6 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Novembru 2022, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni laqgħet parzjalment it-talba għal revoka għal ċerti prodotti u servizzi li għalihom it-trade mark ikkontestata kienet ġiet irreġistrata. |
|
7 |
Fit‑13 ta’ Jannar 2023, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO fejn talbet l-annullament parzjali tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, sa fejn din tal-aħħar kienet iddikjarat ir-revoka tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti u għas-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 3, 9, 16, 24, 25, 32, 35, 41, 42 u 45 u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja:
|
|
8 |
In-nota li tesponi l-aggravji tal-appell waslet quddiem l-EUIPO fil‑15 ta’ Marzu 2023. L-intervenjenti ma ppreżentatx osservazzjonijiet dwar din in-nota. Fil‑15 ta’ Settembru 2023, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet addizzjonali. |
|
9 |
Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell, minn naħa, iddikjara t-talba għal revoka ammissibbli u, min-naħa l-oħra, annulla parzjalment id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni sa fejn din kienet iddikjarat ir-revoka tat-trade mark ikkontestata għall-“folji tal-memorja ottiċi”, li jaqgħu fil-klassi 9, is-servizzi ta’ “xandir ta’ reklamar permezz tat-televiżjoni, tar-radju u tal-mezzi tax-xandir elettroniċi”, li jaqgħu fil-klassi 35, u s-“servizzi ta’ networking soċjali online; servizzi online ta’ laqgħat soċjali”, li jaqgħu fil-klassi 45, u ċaħad il-kumplament tal-appell. |
It-talbiet tal-partijiet
|
10 |
Fid-dawl tal-preċiżjoni tat-talbiet tagħha magħmula waqt is-seduta, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
11 |
L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
12 |
L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
|
13 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi. L-ewwel, it-tieni u t-tielet motiv huma bbażati fuq ksur tal-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament 2017/1001, sa fejn il-Bord tal-Appell wettaq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni meta kkonferma r-revoka tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti u għas-servizzi li jaqgħu f’diversi klassijiet li għalihom din it-trade mark kienet ġiet irreġistrata, u, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 95(2) tar-Regolament 2017/1001, moqri flimkien mal-Artikolu 27(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/625 tal‑5 ta’ Marzu 2018 li jissupplimenta r-Regolament 2017/1001, u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) 2017/1430 (ĠU 2018, L 104, p. 1). Ir-raba’ motiv jirrigwarda, essenzjalment, ksur tal-Artikolu 63(1)(a) tar-Regolament 2017/1001, sa fejn il-Bord tal-Appell qies, b’mod żbaljat, li l-abbuż ta’ dritt allegatament imwettaq mill-intervenjenti minħabba t-tressiq tat-talbiet għal revoka ma kienx rilevanti fir-rigward tal-eżami ta’ dawn it-talbiet. |
|
14 |
Il-Qorti Ġenerali tqis opportun li teżamina, l-ewwel nett, ir-raba’ motiv, it-tieni nett, l-ewwel motiv u, fl-aħħar nett, flimkien, it-tieni u t-tielet motiv. |
Osservazzjonijiet preliminari
|
15 |
Skont l-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament 2017/1001, id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu ddikjarati bħala rrevokati, fuq talba mressqa quddiem l-EUIPO, jekk, għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin, ma jkunx sar użu ġenwin tat-trade mark fl-Unjoni Ewropea għall-prodotti jew għas-servizzi li għalihom hija kienet ġiet irreġistrata u jekk ma jkunx hemm raġunijiet validi għan-nuqqas ta’ użu tagħha. |
|
16 |
Trade mark tkun is-suġġett ta’ użu ġenwin meta tintuża, konformement mal-funzjoni essenzjali tagħha li hija li tiggarantixxi l-identità tal-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom tkun ġiet irreġistrata, sabiex jinħoloq jew jinżamm suq għall-bejgħ ta’ dawn il-prodotti u ta’ dawn is-servizzi, bl-esklużjoni ta’ użi ta’ natura simbolika li jkollhom l-uniku għan li jżommu d-drittijiet mogħtija mit-trade mark (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2019, Viridis Pharmaceutical vs EUIPO, C‑668/17 P, EU:C:2019:557, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
17 |
Barra minn hekk, minn qari flimkien tal-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament 2017/1001 u tal-Artikolu 58(2) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-prova tal-użu ġenwin għandha bħala prinċipju tirrigwarda l-prodotti jew is-servizzi kollha li għalihom trade mark ikkontestata tkun irreġistrata. Jekk il-prova tal-użu ġenwin tiġi prodotta biss għal parti mill-prodotti jew mis-servizzi li għalihom trade mark ikkontestata tkun irreġistrata u jekk il-kundizzjonijiet l-oħra previsti fl-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament 2017/1001 ikunu ssodisfatti, id-drittijiet tal-proprjetarju tagħha jistgħu jiġu ddikjarat li huma rrevokati għall-prodotti jew għas-servizzi li għalihom huwa ma jkunx ipproduċa l-prova ta’ użu ġenwin, jew saħansitra ma jkun ipproduċa ebda prova ta’ kwalunkwe użu (sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2016, August Storck vs EUIPO – Chiquita Brands (Fruitfuls), T‑367/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:615, punt 21). |
|
18 |
Jekk trade mark tkun ġiet irreġistrata għal kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi wiesgħa biżżejjed sabiex ikunu jistgħu jiġu distinti, fi ħdanha, diversi subkategoriji li jkunu jistgħu jiġu identifikati b’mod awtonomu, il-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark għal parti minn dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi tagħti protezzjoni biss għas-subkategorija waħda jew iktar li fiha jew fihom jaqgħu l-prodotti jew is-servizzi li għalihom it-trade mark effettivament intużat (sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 2005, Reckitt Benckiser (España) vs UASI – Aladin (ALADIN), T‑126/03, EU:T:2005:288, punt 45, u tat‑13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), T‑256/04, EU:T:2007:46, punt 23). |
|
19 |
L-evalwazzjoni tan-natura ġenwina tal-użu tat-trade mark għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha xierqa sabiex tiġi stabbilita r-realtà tal-użu kummerċjali tagħha, b’mod partikolari l-użu meqjus bħala ġġustifikat fis-settur ekonomiku kkonċernat sabiex jinżammu jew jinħolqu ishma mis-suq favur il-prodotti jew is-servizzi protetti mit-trade mark, in-natura ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, il-karatteristiċi tas-suq, il-firxa u l-frekwenza tal-użu tat-trade mark (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2004, Sunrider vs UASI – Espadafor Caba (VITAFRUIT), T‑203/02, EU:T:2004:225, punt 40; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2003, Ansul, C‑40/01, EU:C:2003:145, punt 43). |
|
20 |
Barra minn hekk, l-użu ġenwin ta’ trade mark ma jistax jintwera permezz ta’ probabbiltajiet jew preżunzjonijiet, iżda għandu jkun ibbażat fuq provi konkreti u oġġettivi ta’ użu effettiv u suffiċjenti tat-trade mark fis-suq ikkonċernat (sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2002, Kabushiki Kaisha Fernandes vs UASI – Harrison (HIWATT), T‑39/01, EU:T:2002:316, punt 47, u tas‑6 ta’ Ottubru 2004, Vitakraft-Werke Wührmann vs UASI – Krafft (VITAKRAFT), T‑356/02, EU:T:2004:292, punt 28). |
|
21 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat jekk kienx mingħajr ma wettaq żbalji ta’ liġi jew ta’ evalwazzjoni li l-Bord tal-Appell ikkonferma r-revoka parzjali tat-trade mark ikkontestata, fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 3, 9, 16, 24, 25, 32, 35, 41 u 42. |
|
22 |
F’dan il-każ, kemm id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kif ukoll il-Bord tal-Appell qiesu l-perijodu bejn is‑7 ta’ Ġunju 2016 u s‑6 ta’ Ġunju 2021 bħala l-perijodu ta’ ħames snin li fir-rigward tiegħu r-rikorrenti kellha turi użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata, fatt li hija ma tikkontestax. |
Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq abbuż ta’ dritt
|
23 |
Il-Bord tal-Appell qies, fil-punti 18 u 19 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Artikolu 63(1)(a) tar-Regolament 2017/1001 ma kienx jeżiġi li min iressaq talba għal revoka juri interess ġuridiku. Għalhekk, huwa rrileva li tali interess ġuridiku jew interess ekonomiku ma kinux rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ talba għal revoka. Barra minn hekk, fil-punti 20 u 21 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrileva li ebda indizju ma kien jippermetti li jiġi konkluż li l-intervenjenti kienet ressqet it-talba għal revoka b’mod li jikkostitwixxi abbuż ta’ dritt. |
|
24 |
Ir-rikorrenti tikkontesta din il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell u, filwaqt li tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza u fuq deċiżjoni mogħtija mill-Bord tal-Appell Estiż tal-EUIPO, issostni li, f’ċerti ċirkustanzi, in-natura abbużiva tat-talba għal revoka tista’ twassal għall-inammissibbiltà ta’ din tal-aħħar. Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li ma kinux jeżistu indizji li kienu jippermettu li jiġi konkluż li t-talba għal revoka kienet tressqet b’mod abbużiv. |
|
25 |
L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
26 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 63(1)(a) tar-Regolament 2017/1001, talba għar-revoka ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea tista’ titressaq quddiem l-EUIPO fil-każijiet iddefiniti fl-Artikoli 58 u 59 ta’ dan ir-regolament minn kull persuna fiżika jew ġuridika kif ukoll minn kull grupp ikkostitwit sabiex jirrappreżenta l-interessi ta’ manifatturi, ta’ produtturi, ta’ fornituri ta’ servizzi, ta’ negozjanti jew ta’ konsumaturi li, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli għalihom, ikollhom locus standi in judicio. |
|
27 |
Skont il-ġurisprudenza, filwaqt li r-raġunijiet relattivi għal rifjut ta’ reġistrazzjoni jipproteġu l-interessi tal-proprjetarji ta’ ċerti drittijiet preċedenti, l-għan tar-raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni u l-kawżi ta’ revoka huwa l-protezzjoni tal-interess ġenerali li fuqu huma bbażati, u dan jispjega għaliex l-Artikolu 63(1)(a) tar-Regolament 2017/1001 ma jeħtieġx li min iressaq it-talba juri li għandu interess ġuridiku (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2017, Carrera Brands vs EUIPO – Autec (Carrera), T‑419/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:812, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
28 |
Din l-analiżi hija kkorroborata mill-premessa 24 tar-Regolament 2017/1001, li tipprevedi l-protezzjoni tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea biss sa fejn dawn tal-aħħar ikunu effettivament użati. Fil-fatt, fid-dawl ta’ tali kunsiderazzjoni jidher l-għan tal-Artikolu 63(1)(a) tar-Regolament 2017/1001, li huwa li joffri l-possibbiltà li tiġi kkontestata trade mark tal-Unjoni Ewropea li ma kinitx is-suġġett ta’ użu ġenwin matul perijodu determinat lill-iktar firxa wiesgħa ta’ persuni, mingħajr ma jeżiġi li dawn juru interess ġuridiku (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2017, Carrera, T‑419/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:812, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
29 |
Sa fejn, skont l-Artikolu 63(1)(a) tar-Regolament 2017/1001, talba għal revoka tista’ titressaq “minn kull persuna fiżika jew ġuridika” abbażi ta’ assenza ta’ użu jew ta’ użu insuffiċjenti ta’ trade mark, il-kwistjoni tal-eżistenza possibbli ta’ abbuż ta’ dritt ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-analiżi tal-ammissibbiltà ta’ talba għal revoka mressqa konformement ma’ din id-dispożizzjoni (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, Peace United vs EUIPO – 1906 Collins (MY BOYFRIEND IS OUT OF TOWN), T‑699/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:528, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tad‑19 ta’ Jannar 2021, Leinfelder Uhren München vs EUIPO, C‑401/20 P, mhux ippubblikat, EU:C:2021:31, punt 21). |
|
30 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 63(1)(a) tar-Regolament 2017/1001 la jissuġġetta l-ammissibbiltà u lanqas il-fondatezza ta’ talba għal revoka għall-bona fide ta’ min iressaqha. Ir-revoka minħabba n-nuqqas ta’ użu ta’ trade mark matul il-perijodu ta’ ħames snin previst hija konsegwenza legali imposti mill-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament 2017/1001 u mill-Artikolu 64(2) ta’ dan ir-regolament, mingħajr ma l-proprjetarju tagħha jikseb id-dritt li jżomm ir-reġistrazzjoni tagħha minħabba l-fatt li min jitlob ir-revoka jirrikorri, barra minn hekk, għal atti ta’ kompetizzjoni żleali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tat‑2 ta’ Settembru 2020, DTE Systems vs EUIPO – Speed-Buster (PedalBox +), T‑801/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:383, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
Huwa minnu li, kif tirrileva r-rikorrenti, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-individwi ma jistgħux jinvokaw ir-regoli tal-Unjoni b’mod frawdolenti jew abbużiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Kratzer, C‑423/15, EU:C:2016:604, punt 37). |
|
32 |
Ir-rikorrenti tqis li, skont il-prinċipju stabbilit minn din il-ġurisprudenza, it-tressiq ta’ talba għal revoka jista’, f’ċirkustanzi eċċezzjonali u speċifiċi, bħalma kienu dawk li taw lok għall-każ li wassal għad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell Estiż tal‑1 ta’ Frar 2020 (Każ R 2445/2017-G, iktar ’il quddiem il-“każ Sandra Pabst”), jikkostitwixxi prattika abbużiva jew jaqa’ taħt tali prattika. |
|
33 |
Madankollu, kif irrileva ġustament il-Bord tal-Appell, essenzjalment, fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatti ta’ dan il-każ ma humiex paragunabbli ma’ dawk tal-każ Sandra Pabst, peress li dan tal-aħħar kien ikkaratterizzat minn ċirkustanzi eċċezzjonali, li ma jinsabux f’dan il-każ. Fil-fatt, l-ewwel nett, il-każ Sandra Pabst kien jikkonċerna kumpannija maħluqa artifiċjalment bl-għan uniku li tressaq diversi talbiet għal revoka, li ma huwiex il-każ tal-intervenjenti f’dan il-każ. It-tieni nett, l-imsemmi każ kien jikkonċerna t-tressiq kważi simultanju, minn kumpannija waħda, ta’ 37 talba għal revoka kontra l-istess parti kif ukoll diversi talbiet għal revoka quddiem l-EUIPO (850 talba fuq perijodu ta’ sentejn), filwaqt li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti tirreferi biss għaż-żewġ talbiet għal revoka mressqa quddiem l-EUIPO fir-rigward tat-trade marks tagħha. |
|
34 |
It-tielet nett, il-Bord tal-Appell Estiż irrileva, fil-każ Sandra Pabst, li wħud mid-diversi talbiet għal revoka kkonċernati kienu ddestinati li jfallu u kienu użati biss bl-għan li jeżerċitaw pressjoni jew bħala “miżura ta’ ritaljazzjoni” b’risposta għall-falliment tan-negozjati bl-għan li jinkisbu t-trade marks inkwistjoni mill-parti li ressqet it-talba għal revoka u għalhekk sabiex jinkiseb vantaġġ indebitu billi l-proprjetarju ta’ dawn it-trade marks jiġi mġiegħel jikkonkludi ftehim ta’ trasferiment tagħhom. Ir-rikorrenti ma turix li tali ċirkustanzi kienu jeżistu f’dan il-każ. Fil-fatt, l-għarfien mill-intervenjenti tal-użu tat-trade mark ikkontestata fis-settur tal-mezzi tax-xandir, invokat mir-rikorrenti, minħabba r-reputazzjoni tagħha, ma jippermettix li jintwera, waħdu, li t-talba għar-revoka ta’ din it-trade mark għall-prodotti u għas-servizzi li ma għandhomx rabta evidenti mas-settur tal-mezzi tax-xandir kienet iddestinata li tfalli u għalhekk kienet isservi biss sabiex timponi piż indebitu fuqha jew sabiex teżerċita xi tip ta’ pressjoni fuqha. Għall-kuntrarju, il-fatt li l-intervenjenti għandha l-intenzjoni li tuża trade mark li tista’ toħloq konfużjoni minħabba xebh mat-trade mark ikkontestata, li jirriżulta minn tilwima dwar l-oppożizzjoni tar-rikorrenti għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ippreżentata mill-intervenjenti quddiem id-Deutsche Patent- und Markenamt (l-Uffiċċju tal-Privattivi u tat-Trade Marks Ġermaniż), juri l-interess reali ta’ din tal-aħħar li r-reġistru tat-trade marks jiġi “aġġornat” fir-rigward tal-portata tal-monopolju tar-rikorrenti fuq it-trade mark ikkontestata, u dan konformement mal-premessa 24 tar-Regolament 2017/1001, li tiddikjara li huwa ġġustifikat li t-trade marks tal-Unjoni Ewropea jiġu protetti biss sa fejn dawn tal-aħħar ikunu effettivament użati. |
|
35 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ liġi jew ta’ evalwazzjoni meta ċaħad l-allegazzjoni tar-rikorrenti dwar l-inammissibbiltà tat-talba għal revoka minħabba l-allegata natura abbużiva ta’ din it-talba. Għalhekk, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament 2017/1001, f’dak li jirrigwarda r-revoka tat-trade mark ikkontestata għas-servizzi ta’ reklamar, ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ promozzjoni li ma humiex ix-“xandir ta’ reklamar permezz tat-televiżjoni, tar-radju u tal-mezzi tax-xandir elettroniċi”, li jaqgħu fil-klassi 35, u tal-Artikolu 95(2) ta’ dan ir-regolament
|
36 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament 2017/1001 meta kkonkluda li hija ma kinitx uriet l-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata għas-servizzi ta’ reklamar, ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ promozzjoni li ma humiex ix-“xandir ta’ reklamar permezz tat-televiżjoni, tar-radju u tal-mezzi tax-xandir elettroniċi”, li jaqgħu fil-klassi 35. |
|
37 |
F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti tikkontesta wkoll ir-rifjut, mill-Bord tal-Appell, li jieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet u l-provi li hija kienet ippreżentat quddiemu fil‑15 ta’ Settembru 2023 (ara l-punt 8 iktar ’il fuq). Ir-rikorrenti kkonfermat waqt is-seduta li dawn l-argumenti kellhom jinftiehmu, kif interpretahom l-EUIPO, bħala li huma intiżi li jsostnu ksur mill-Bord tal-Appell tal-Artikolu 95(2) tar-Regolament 2017/1001, kif ippreċiżat mill-Artikolu 27(4) tar-Regolament Delegat 2018/625. |
|
38 |
Qabel kollox, għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tal-konklużjoni tal-Bord tal-Appell intiża li teskludi mill-eżami tiegħu l-osservazzjonijiet u l-provi ppreżentati mir-rikorrenti fil‑15 ta’ Settembru 2023. |
Fuq ir-rifjut li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet u l-provi ppreżentati mir-rikorrenti fil‑15 ta’ Settembru 2023
|
39 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball proċedurali meta ma ħax inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet u l-provi li hija kienet ippreżentat quddiemu fil‑15 ta’ Settembru 2023, li kkompletaw il-provi diġà prodotti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u fin-nota li tesponi l-aggravji. B’mod partikolari, il-Bord tal-Appell ma eżerċitax is-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu f’dan ir-rigward. |
|
40 |
L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u jsostni li l-possibbiltà għall-Bord tal-Appell li jieħu inkunsiderazzjoni fatti u provi prodotti għall-ewwel darba quddiemu, fis-sens tal-Artikolu 27(4) tar-Regolament Delegat 2018/625, tirrigwarda neċessarjament biss id-dokumenti prodotti konformement, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 22, 24 u 26 ta’ dan ir-regolament delegat. Peress li r-rikorrenti pproduċiet l-osservazzjonijiet u l-provi inkwistjoni barra min-nota ta’ espożizzjoni tal-aggravji jew minn eventwali replika, il-Bord tal-Appell ma kienx obbligat jeżamina l-ammissibbiltà tagħhom konformement mad-dispożizzjonijiet rispettivi tal-Artikolu 95(2) tar-Regolament 2017/1001 u tal-Artikolu 27(4) tar-Regolament Delegat 2018/625. |
|
41 |
L-intervenjenti ssostni li, sa fejn l-osservazzjonijiet tal‑15 ta’ Settembru 2023 ġew ippreżentati barra mit-termini proċedurali stabbiliti sabiex isiru osservazzjonijiet, il-Bord tal-Appell ġustament ma ħadhomx inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni tiegħu. |
|
42 |
Il-Bord tal-Appell iddeċieda, fil-punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma kienx hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni n-nota tar-rikorrenti tal‑15 ta’ Settembru 2023, filwaqt li mmotiva din il-konklużjoni b’riferiment għall-Artikolu 95(2) tar-Regolament 2017/1001, għar-raba’ sentenza tal-Artikolu 68(1) ta’ dan ir-regolament u għall-Artikolu 26 tar-Regolament Delegat 2018/625. |
|
43 |
Minn din il-motivazzjoni jirriżulta, essenzjalment, kif ikkonferma l-EUIPO matul is-seduta bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, li l-Bord tal-Appell qies li, peress li ma kinitx ġiet prodotta fil-ħin (ara l-Artikolu 95(2) tar-Regolament 2017/1001), jiġifieri f’terminu ta’ erba’ xhur mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni (ara r-raba’ sentenza tal-Artikolu 68(1) tar-Regolament 2017/1001), jew, fuq talba motivata, f’replika għar-risposta tal-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell (ara l-Artikolu 26 tar-Regolament Delegat 2018/625), kien hemm lok li n-nota tal‑15 ta’ Settembru 2023 tiġi eskluża mill-eżami tiegħu. |
|
44 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 95(2) tar-Regolament 2017/1001 jipprevedi li l-EUIPO jista’ ma jiħux inkunsiderazzjoni provi li l-partijiet ma jkunux ipproduċew fil-ħin. |
|
45 |
Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li, bħala regola ġenerali u sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni li tipprovdi mod ieħor, il-produzzjoni ta’ fatti u ta’ provi mill-partijiet tibqa’ possibbli wara l-iskadenza tat-termini li għalihom hija suġġetta tali produzzjoni skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2017/1001 u li l-EUIPO bl-ebda mod ma huwa pprojbit milli jieħu inkunsiderazzjoni fatti u provi invokati jew prodotti tard (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2013, Centrotherm Systhemtechnik vs UASI u centrotherm Clean Solutions, C‑610/11 P, EU:C:2013:593, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
46 |
Billi jippreċiża li l-EUIPO “jista’” jiddeċiedi li ma jiħux inkunsiderazzjoni tali provi, l-Artikolu 95(2) tar-Regolament 2017/1001 jagħtih setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa sabiex jiddeċiedi, filwaqt li jagħti motivazzjoni għad-deċiżjoni tiegħu dwar dan il-punt, jekk hemmx lok jew le li joħodhom inkunsiderazzjoni (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2013, Centrotherm Systemtechnik vs UASI u centrotherm Clean Solutions, C‑610/11 P, EU:C:2013:593, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2018, EUIPO vs European Food, C‑634/16 P, EU:C:2018:30, punt 56). |
|
47 |
Eventwali teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali fatti u provi supplimentari bl-ebda mod ma jikkostitwixxi “favur” magħmul lil parti jew lil oħra, iżda għandu jkun ir-riżultat ta’ eżerċizzju oġġettiv u motivat tas-setgħa ta’ evalwazzjoni li l-Artikolu 95(2) tar-Regolament 2017/1001 jagħti lill-EUIPO (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2018, EUIPO vs European Food, C‑634/16 P, EU:C:2018:30, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
48 |
L-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-EUIPO prevista fl-Artikolu 95(2) tar-Regolament 2017/1001 huwa rregolat mill-Artikolu 27(4) tar-Regolament Delegat 2018/625, li għandu l-għan, konformement mal-premessa 8 ta’ dan ir-regolament delegat, li jistabbilixxi bi preċiżjoni l-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO fir-rigward tal-eżami tal-provi prodotti tard. |
|
49 |
Konformement mal-ġurisprudenza, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa jekk il-Bord tal-Appell ikunx eżerċita b’mod effettiv is-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa li huwa għandu sabiex jiddeċiedi, b’mod motivat u billi jieħu debitament inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, jekk kienx hemm lok jew le li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti invokati u l-provi prodotti għall-ewwel darba quddiemu sabiex jagħti d-deċiżjoni li huwa kien meħtieġ jieħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2022, ADS L. Kowalik, B. Włodarczyk vs EUIPO – ESSATech (Aċċessorji għal apparat ta’ kontroll mill-bogħod mingħajr fili), T‑611/21, EU:T:2022:739, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
50 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, kif tammetti r-rikorrenti, l-osservazzjonijiet tagħha tal‑15 ta’ Settembru 2023 u l-provi relatati magħhom la ġew prodotti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u lanqas ma ġew prodotti fit-terminu mogħti għall-preżentata tan-nota ta’ espożizzjoni tal-aggravji. Ir-rikorrenti lanqas ma setgħet titlob l-awtorizzazzjoni sabiex tippreżenta eventwali replika konformement mal-Artikolu 26 tar-Regolament Delegat 2018/625 peress li l-parti l-oħra ma ppreżentatx risposta għan-nota ta’ espożizzjoni tal-aggravji. |
|
51 |
Madankollu, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 44 sa 47 iktar ’il fuq, peress li fatti u provi ma ġewx invokati u prodotti fit-termini mogħtija għal dan il-għan lir-rikorrenti skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2017/1001, u lanqas, għaldaqstant, fi żmien xieraq fis-sens tal-Artikolu 95(2) ta’ dan ir-regolament, il-Bord tal-Appell kellu jeżerċita l-marġni ta’ evalwazzjoni tiegħu, kif irregolat mill-Artikolu 27(4) tar-Regolament Delegat 2018/625, sabiex jiddeċiedi jekk kienx hemm lok jew le li jieħu inkunsiderazzjoni dawn il-fatti u provi għall-finijiet tad-deċiżjoni li huwa kien meħtieġ jieħu. |
|
52 |
Issa, tali eżerċizzju oġġettiv u motivat tas-setgħa ta’ evalwazzjoni skont l-Artikolu 95(2) tar-Regolament 2017/1001, moqri flimkien mal-Artikolu 27(4) tar-Regolament Delegat 2018/625, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 47 iktar ’il fuq, huwa manifestament nieqes f’dan il-każ sa fejn il-Bord tal-Appell warrab il-fatti u l-provi ppreżentati mir-rikorrenti fil‑15 ta’ Settembru 2023 għas-sempliċi raġuni li ma kinux ġew prodotti ma’ waħda min-noti msemmija fl-Artikoli 22, 24 u 26 tar-Regolament Delegat 2018/625, mingħajr ma eżamina jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 27(4) tar-Regolament Delegat 2018/625, li fihom tali fatti u provi prodotti għall-ewwel darba quddiemu jistgħu jiġu aċċettati, kinux issodisfatti f’dan il-każ. |
|
53 |
Kuntrarjament għal dak li jirriżulta minn dan il-motiv tad-deċiżjoni kkontestata u għal dak li jsostni l-EUIPO, l-eżami tal-ammissibbiltà tal-osservazzjonijiet u tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell ma jistax ikun limitat għall-fatti u għall-provi prodotti man-noti msemmija fl-Artikoli 22, 24 u 26 tar-Regolament Delegat 2018/625. |
|
54 |
Tali limitazzjoni la tirriżulta mill-Artikolu 95(2) tar-Regolament 2017/1001 u lanqas mill-Artikolu 27(4) tar-Regolament Delegat 2018/625. Din l-aħħar dispożizzjoni, li tirregola s-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-possibbiltà li jirrifjuta fatti u provi prodotti għall-ewwel darba quddiemu, tipprevedi f’dan ir-rigward żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, ir-rilevanza prima facie tagħhom u, min-naħa l-oħra, preżentazzjoni ta’ raġunijiet validi għan-nuqqas ta’ produzzjoni fil-ħin. L-EUIPO ma kien f’pożizzjoni li jindika, bi tweġiba għal mistoqsija orali tal-Qorti Ġenerali, ebda dispożizzjoni oħra li setgħet tikkostitwixxi “dispożizzjoni kuntrarja” fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 45 iktar ’il fuq li tippermetti lill-Bord tal-Appell ma jeżerċitax effettivament is-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu u li tippermettilu jirrifjuta fatti u provi prodotti għall-ewwel darba quddiemu minħabba s-sempliċi fatt li dawn kienu ġew prodotti barra min-noti previsti mir-Regolament Delegat 2018/625. |
|
55 |
Minn dan għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta eskluda mill-eżami tiegħu l-osservazzjonijiet u l-provi prodotti mir-rikorrenti fil‑15 ta’ Settembru 2023 mingħajr ma eżerċita, fid-dawl tal-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 27(4) tar-Regolament Delegat 2018/625, is-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija lilu mill-Artikolu 95(2) tar-Regolament 2017/1001. |
Fuq l-evalwazzjoni tal-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata għas-servizzi li jaqgħu fil-klassi 35
|
56 |
Fil-punti 33 sa 39 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li l-provi prodotti mir-rikorrenti kienu juru l-użu tat-trade mark ikkontestata għal subkategorija ta’ servizzi ta’ reklamar, ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ promozzjoni li jaqgħu fil-klassi 35 li għalihom din it-trade mark kienet ġiet irreġistrata, jiġifieri għax-“xandir ta’ reklamar permezz tat-televiżjoni, tar-radju u tal-mezzi tax-xandir elettroniċi”. Għaldaqstant, huwa annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni sa fejn din kienet iddikjarat ir-revoka tat-trade mark ikkontestata għal dawn is-servizzi u ċaħad it-talba għal revoka fir-rigward tagħhom. |
|
57 |
Għall-kuntrarju, il-Bord tal-Appell irrileva li l-użu tat-trade mark ikkontestata ma kienx intwera għal subkategoriji oħra ta’ servizzi ta’ reklamar, ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ promozzjoni li jaqgħu fil-klassi 35. Huwa rrileva, minn naħa, li provvista ta’ servizzi ta’ reklamar għal klijent terz kienet nieqsa (punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata) u, min-naħa l-oħra, li l-użu tat-trade mark ikkontestata fuq posters ta’ reklamar ta’ terzi kien jindika li x-xandira ppreżentata fuq dawn il-posters setgħet tiġi segwita fuq l-istazzjon televiżiv tal-grupp li minnu kienet tagħmel parti r-rikorrenti, iżda ma kienx jindika li din it-trade mark kienet użata għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi ta’ reklamar, ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ promozzjoni (punt 42 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
58 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament 2017/1001 meta kkonkluda li hija ma kinitx uriet l-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata għas-servizzi ta’ reklamar, ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ promozzjoni li jaqgħu fil-klassi 35 u li ma humiex ix-“xandir ta’ reklamar permezz tat-televiżjoni, tar-radju u tal-mezzi tax-xandir elettroniċi”. Filwaqt li tirreferi b’mod partikolari għall-attivitajiet ta’ Ad Alliance (li qabel kienet IP Deutschland), kumpannija li taġixxi bħala “kumpannija ta’ kummerċjalizzazzjoni” u bħala intermedjarja tar-reklamar tal-grupp li minnu hija tagħmel parti, ir-rikorrenti ssostni li s-servizzi pprovduti lil min jirreklama relatati mar-reklamar televiżiv jinkludu t-tfassil ta’ strateġiji ta’ reklamar u l-ħolqien ta’ reklamar bl-għan li jixxandru fuq wieħed mill-istazzjonijiet televiżivi tal-imsemmi grupp. |
|
59 |
Ir-rikorrenti ssostni li, billi ma ħax inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tas-servizzi ta’ reklamar, b’mod partikolari fuq it-televiżjoni, marbuta mal-intervent ta’ intermedjarji tar-reklamar bħalma hija Ad Alliance, u billi qies li s-servizzi ta’ reklamar kienu pprovduti esklużivament minn aġenziji ta’ reklamar, il-Bord tal-Appell injora l-funzjonament tas-suq tar-reklamar televiżiv. |
|
60 |
L-EUIPO jsostni li l-provi li tirreferi għalihom ir-rikorrenti jikkonċernaw l-użu tat-trade mark ikkontestata għas-servizzi ta’ “xandir u trażmissjoni ta’ programmi tat-televiżjoni”, li jaqgħu fil-klassi 38, u ta’ “xandir ta’ reklamar permezz tat-televiżjoni, tar-radju u tal-mezzi tax-xandir elettroniċi”, li jaqgħu fil-klassi 35. Fi kwalunkwe każ, dawn il-provi, b’mod partikolari d-dokumenti li jirreferu għal Ad Alliance u għal IP Deutschland, ma jurux li s-servizzi ta’ reklamar ġew ipprovduti lil terzi. |
|
61 |
L-intervenjenti ssostni li r-rikorrenti ma tipprovdix servizzi ta’ reklamar, iżda sempliċement tqiegħed għad-dispożizzjoni l-istazzjonijiet televiżivi u tar-radju tagħha li permezz tagħhom min jirreklama jxandar ir-reklamar tiegħu, li jaqa’ taħt is-servizzi msemmija fil-klassi 38. Is-servizzi ta’ reklamar jikkonsistu fil-produzzjoni ta’ reklami, fl-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ reklamar u fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ spazji jew ta’ ħin ta’ reklamar. Issa, dawn is-servizzi li jaqgħu taħt l-attività klassika tal-aġenziji tar-reklamar ma humiex ipprovduti mir-rikorrenti. Il-provi prodotti jirrigwardaw l-iktar l-iktar reklamar magħmul fl-interess proprju, jiġifieri sabiex jiġu attirati klijenti għas-servizzi ta’ xandir tar-reklamar ipprovduti mir-rikorrenti. |
|
62 |
F’dan ir-rigward, preliminarjament, għandu jitfakkar li, l-ewwel, kif għamlu, essenzjalment, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni fil-paġna 34 tad-deċiżjoni tagħha u l-Bord tal-Appell fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, l-użu tat-trade mark ikkonċernata minn kumpannija ekonomikament marbuta mal-proprjetarju ta’ din it-trade mark huwa preżunt li huwa użu ta’ din it-trade mark bil-kunsens tal-proprjetarju tagħha u għalhekk għandu jitqies li sar mill-proprjetarju stess, konformement mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament 2017/1001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2015, Now Wireless vs UASI – Starbucks (HK) (now), T‑278/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:57, punt 38). |
|
63 |
Għaldaqstant, f’dan il-każ, l-użu tat-trade mark ikkontestata mill-kumpanniji tal-grupp li minnu tagħmel parti r-rikorrenti, bħalma hija Ad Alliance, għandu jitqies li sar bil-kunsens tar-rikorrenti u għalhekk daqslikieku sar minnha. Il-provi dwar l-eventwali użu tat-trade mark ikkontestata minn dawn il-kumpanniji għandhom għalhekk jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-użu ġenwin ta’ din it-trade mark. |
|
64 |
It-tieni, skont il-ġurisprudenza, is-“servizzi ta’ reklamar, ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ promozzjoni”, li jaqgħu fil-klassi 35, jikkonċernaw, essenzjalment, attività ta’ konsulenza u ta’ appoġġ speċjalizzat lil impriżi li jkunu qegħdin ifittxu li jippromwovu u li jiżviluppaw il-prodotti jew is-servizzi tagħhom. Għaldaqstant, dawn is-servizzi jinkludi servizzi li jkollhom l-għan li jappoġġjaw lil impriżi terzi u li jgħinuhom itejbu l-attivitajiet tagħhom billi jkabbru l-viżibbiltà tagħhom jew billi jiksbu dħul aħjar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Staywell Hospitality Group vs EUIPO – Sheraton International IP (PARK REGIS) u Sheraton International IP vs EUIPO – Staywell Hospitality Group (PARK REGIS), T‑510/14 u T‑536/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:333, punt 54, u tal‑31 ta’ Jannar 2024, ECE Group vs EUIPO – ECE Piknik Ürünleri Plastik ve Kömür Üretim Ithalat Ihracat (ECE QUALITY OF LIFE), T‑581/22, mhux ippubblikata, EU:T:2024:47, punt 45). |
|
65 |
Sabiex jintwera l-użu fir-rigward ta’ servizz, huwa meħtieġ li dan ikun ġie propost lil terzi u kien jinvolvi, ġeneralment, korrispettiv ekonomiku (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 2016, Alpex Pharma vs EUIPO – Astex Pharmaceuticals (ASTEX), T‑355/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:591, punti 37 u 38, u tas‑7 ta’ Diċembru 2022, Borussia VfL 1900 Mönchengladbach vs EUIPO – Neng (Fohlenelf), T‑747/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:773, punt 90). |
|
66 |
Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-provi prodotti mir-rikorrenti matul il-proċedimenti amministrattivi, relatati b’mod partikolari mal-attivitajiet tal-kumpanniji tal-grupp li hija tifforma parti minnu, fosthom Ad Alliance, jippermettux li jintwera, kif issostni r-rikorrenti, l-użu tat-trade mark ikkontestata għas-servizzi ta’ reklamar, ta’ promozzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni, li jaqgħu fil-klassi 35, li għalihom hija ġiet irreġistrata, u li ma humiex is-servizzi ta’ xandir ta’ reklamar. |
|
67 |
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li s-servizzi ta’ reklamar, li huma pprovduti taħt il-kopertura tat-trade mark ikkontestata, b’mod partikolari minn Ad Alliance, jikkonsistu f’servizzi ta’ konsulenza, ta’ komunikazzjoni, ta’ ħolqien u ta’ twettiq ta’ reklami. |
|
68 |
Filwaqt li tirreferi għall-argumenti u għall-provi ppreżentati, b’mod partikolari, man-noti tas‑27 ta’ Awwissu 2021 (ara l-punt 5 iktar ’il fuq) u tal‑15 ta’ Marzu 2023 (ara l-punt 8 iktar ’il fuq), prodotti matul il-proċedimenti amministrattivi, ir-rikorrenti tindika li Ad Alliance tipprovdi, bħala servizzi ta’ reklamar, ta’ promozzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni li jaqgħu fil-klassi 35, b’mod partikolari, servizzi relatati mal-profittabbiltà ta’ mezz ta’ reklamar jew ta’ kampanja ta’ reklamar, servizzi ta’ konsulenza intiżi sabiex jiġu identifikati x-xandiriet televiżivi li magħhom jista’ jiġi assoċjat ir-reklamar kif ukoll servizzi relatati mat-tfassil tar-reklamar, b’mod iktar partikolari fir-rigward tar-reklamar televiżiv (“kunċetti mfassla apposta”). Tali servizzi huma paragunabbli mal-attività ta’ aġenzija ta’ reklamar “klassika”. |
|
69 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li sostna l-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, il-provi prodotti mir-rikorrenti matul il-proċedimenti amministrattivi juru li l-grupp li minnu hija tagħmel parti, permezz tal-kumpanniji tal-grupp, b’mod partikolari ta’ Ad Alliance, ipprovda lil terzi bi ħlas matul il-perijodu rilevanti servizzi ta’ reklamar, ta’ promozzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni li jaqgħu fil-klassi 35 u li ma humiex ix-xandir ta’ reklamar. |
|
70 |
Fil-fatt, l-ewwel, ir-rikorrenti wriet li l-kumpanniji tal-grupp li minnu hija kienet tagħmel parti kienu pprovdew lil min jirreklama servizzi li jirrigwardaw il-ħolqien u t-twettiq ta’ reklamar, b’mod partikolari ta’ reklamar televiżiv. |
|
71 |
F’dan ir-rigward, hija ssottomettiet “preżentazzjonijiet mibgħuta lil min jirreklama” (ara, b’mod partikolari, l-Annessi 90 sa 94 tan-nota tas‑27 ta’ Awwissu 2021), li jinkludu t-trade mark ikkontestata, fil-forma rreġistrata jew f’forom oħra li madankollu ma jbiddlux il-karattru distintiv tagħha, u li jesponu offerti ta’ servizzi għal forom ta’ reklamar speċjalizzat (“Special Creations” jew “Special Ads”). Tali reklamar speċjalizzat jixxandar matul xandira televiżiva, fuq l-immaġni tax-xandira kurrenti, u jista’ jikkonsisti, b’mod partikolari, fi strixxa orizzontali jew vertikali (“cut in”), f’reklamar li jidher fuq skala kbira bħala qafas maħsub b’mod individwali jew f’reklamar imqiegħed mingħajr separatur matul il-programm attwali (“framesplit” jew “programmesplit”) jew f’reklamar li jiċċaqlaq fuq l-iskrin (“skyscraper”). |
|
72 |
Forma ta’ reklamar speċjalizzat propost fl-offerti inkwistjoni setgħet ukoll tiġi ddisinjata mir-rikorrenti billi jiġi enfasizzat il-prodott ta’ min jirreklama bl-għajnuna ta’ kunċett marbut ma’ xandira televiżiva ta’ suċċess imxandra fuq stazzjon tal-grupp RTL, pereżempju prodott “ippremjat” permezz ta’ “golden buzzer” (ara, b’mod partikolari, l-Annessi 92 u 93 tan-nota tas‑27 ta’ Awwissu 2021). |
|
73 |
Din il-forma ta’ reklamar speċjalizzat, maħsuba sabiex tippermetti lil min jirreklama japprofitta direttament mis-suċċess ta’ xandira televiżiva, timplika kontribuzzjoni kreattiva fit-tfassil tar-reklamar li jkun speċifiku għax-xandiriet mill-grupp li minnu tagħmel parti r-rikorrenti. |
|
74 |
Barra minn hekk, mid-dokument intitolat “Kundizzjonijiet għar-riżervazzjonijiet Special Ads” (ara l-Anness 90 tan-nota tas‑27 ta’ Awwissu 2021) jirriżulta li “l-ispejjeż tal-produzzjoni [ta’ ‘Special Ads’ jew ta’ ‘Special Creations’] huma ffatturati separatament mid-dipartiment ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-grupp RTL”, u dan jikkonferma li tali reklamar speċjalizzat ma huwiex offrut bħala xandir tal-kontenut ta’ reklamar, iżda jikkostitwixxi servizz komplementari għal dan ix-xandir. |
|
75 |
Fil-kuntest tan-nota tal‑15 ta’ Marzu 2023, ir-rikorrenti ppreżentat ukoll reklami bid-data tal‑2020 u tal‑2021 li kienu intiżi sabiex jippromwovu prodotti ta’ min jirreklama li fihom it-trade mark ikkontestata kienet intużat bħala element tal-kontenut ta’ reklamar. Bħala eżempju, ir-reklamar ippreżentat mir-rikorrenti kien jikkonsisti f’approssimazzjoni (zoom-in) tal-ittri tat-trade mark ikkontestata sakemm jiġi rrilevat li l-isfond tal-ittra kapitali “T” li tifforma parti minn din it-trade mark kien huwa stess “kompost” mill-multiplikazzjoni tal-prodott kopert mir-reklamar. |
|
76 |
Il-provvista ta’ servizzi ta’ reklamar, ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ promozzjoni li ma humiex ix-xandir ta’ reklamar lil min jirreklama taħt il-kopertura tat-trade mark ikkontestata hija kkorroborata minn provi oħra prodotti, b’mod partikolari mid-dokument intitolat “Kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ” jew minn fajls tekniċi li jakkumpanjaw l-offerti għas-servizzi pprovduti (ara, b’mod partikolari, l-Annessi 111 u 134 tan-nota tas‑27 ta’ Awwissu 2021) li minnhom jirriżulta li d-dipartimenti tal-produzzjoni tal-mezzi tax-xandir tal-grupp li minnu tagħmel parti r-rikorrenti jakkumpanjaw lil min jirreklama permezz tat-tfassil u tal-produzzjoni tal-materjal ta’ reklamar, inklużi reklami sonori u awdjoviżivi. |
|
77 |
Tali servizzi jimplikaw kontribuzzjoni kreattiva fit-tfassil tar-reklamar min-naħa tal-kumpanniji tal-grupp li minnu tagħmel parti r-rikorrenti. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li rrileva l-Bord tal-Appell, dawn is-servizzi ma humiex limitati għas-sempliċi xandir ta’ kontenut ta’ reklamar maħluq minn terz. |
|
78 |
It-tieni, mill-provi prodotti (ara, b’mod partikolari, l-Annessi 92 sa 94 tan-nota tas‑27 ta’ Awwissu 2021) jirriżulta wkoll li r-rikorrenti pproponiet lil min jirreklama s-servizzi tagħha fil-qasam tal-iżvilupp tal-istrateġiji ta’ reklamar fil-mezzi tax-xandir li jappartjenu lilha, billi offritilhom il-possibbiltà li jipparteċipaw f’operazzjonijiet promozzjonali maħluqa mill-grupp li minnu tagħmel parti bħalma huma l-isponsorizzazzjoni marbuta ma’ programmi televiżivi speċifiċi jew it-tqegħid ta’ prodotti f’dawn tal-aħħar. |
|
79 |
It-tielet, ir-rikorrenti tirreferi wkoll ġustament, sabiex turi l-użu tat-trade mark ikkontestata għas-servizzi ta’ reklamar, ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ promozzjoni, għall-attivitajiet tagħha ta’ konsulenza intiżi sabiex jiġu identifikati x-xandiriet televiżivi li magħhom ikun jista’ jiġi assoċjat ir-reklamar. Fil-fatt, dawn l-attivitajiet jistgħu jikkontribwixxu għall-effettività tal-istrateġija ta’ reklamar ta’ min jirreklama u jiggarantixxu l-protezzjoni tat-trade mark tiegħu kontra l-impatti negattivi li jirriżultaw mill-assoċjazzjoni tagħha ma’ kontenut mhux mixtieq (brand safety). Il-grupp li minnu tagħmel parti r-rikorrenti għalhekk ifassal l-“ambjent ta’ reklamar” b’tali mod li joffri attrazzjoni aħjar għal min jirreklama u b’hekk jikkontribwixxi għall-profittabbiltà tal-mezz ta’ reklamar li huwa jipproponi lil min jirreklama. |
|
80 |
Fl-aħħar nett, il-provi prodotti mir-rikorrenti juru li l-kumpanniji tal-grupp li minnu tagħmel parti, bħalma hija Ad Alliance, ipprovdew is-servizzi ta’ konsulenza dwar il-kummerċjalizzazzjoni tar-reklamar televiżiv, b’mod partikolari billi użaw id-data dwar is-suq tar-reklamar televiżiv miġbura mir-rikorrenti, u dan b’mod partikolari sabiex jadattaw l-istrateġija ta’ reklamar għad-diversi setturi jew għad-diversi udjenzi fil-mira. |
|
81 |
Tali servizzi jaqgħu tabilħaqq taħt is-servizzi ta’ konsulenza u ta’ appoġġ speċjalizzat lil impriżi li jkunu qegħdin ifittxu li jippromwovu l-prodotti u s-servizzi tagħhom u li jiżviluppaw l-istrateġiji ta’ reklamar tagħhom u huma intiżi sabiex jgħinu lil dawn l-impriżi jtejbu l-attivitajiet tagħhom billi jżidu l-viżibbiltà tagħhom jew billi jiksbu rendiment aħjar fuq l-investiment f’reklamar fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 64 iktar ’il fuq. |
|
82 |
Mill-punti 70 sa 81 iktar ’il fuq jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li kkonstata l-Bord tal-Appell, il-provi prodotti mir-rikorrenti, u dan anki jekk ma jittiħdux inkunsiderazzjoni l-provi prodotti man-nota tal‑15 ta’ Settembru 2023, li l-Bord tal-Appell eskluda mill-eżami tiegħu (ara l-punt 42 iktar ’il fuq), juru li l-grupp li minnu tagħmel parti r-rikorrenti pprovda lil terzi, taħt il-kopertura tat-trade mark ikkontestata u matul il-perijodu rilevanti, servizzi ta’ reklamar, ta’ promozzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni li ma kinux limitati għal xandir ta’ reklami iżda kienu intiżi li jikkontribwixxu b’mod attiv għall-iżvilupp ta’ strateġija ta’ reklamar tal-imsemmija terzi, u dan fid-dawl tal-għarfien li kellhom il-kumpanniji tal-grupp li minnu tagħmel parti r-rikorrenti fir-rigward tal-funzjonament tas-settur tar-reklamar fil-mezzi tax-xandir. |
|
83 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat ukoll li mill-provi prodotti mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedimenti amministrattivi jirriżulta li d-dħul mill-bejgħ annwali provenjenti mir-reklamar televiżiv tal-grupp li minnu tagħmel parti kien jammonta għal diversi biljuni ta’ euro matul il-perijodu rilevanti u li dan il-grupp kellu ishma mis-suq tar-reklamar sinjifikattivi f’diversi Stati Membri tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-Ġermanja. Sa fejn ir-rikorrenti wriet li użat it-trade mark ikkontestata għas-servizzi ta’ reklamar, ta’ promozzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni li ma humiex ix-xandir ta’ reklamar, parti minn dan id-dħul u minn dawn l-ishma mis-suq għandha għalhekk titqies li toriġina mill-provvista ta’ dawn is-servizzi. |
|
84 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel motiv għandu jintlaqa’ u, għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi rriformata billi tiġi miċħuda t-talba għar-revoka tat-trade mark ikkontestata għas-servizzi kollha inkwistjoni li jaqgħu fil-klassi 35. |
Fuq it-tieni u t-tielet motiv, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament 2017/1001 fir-rigward tar-revoka tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 3, 9, 16, 24, 25 u 32 u għas-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 41 u 42
|
85 |
Il-Bord tal-Appell iddikjara r-revoka tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti li ma humiex “folji ta’ memorja ottiċi”, li jaqgħu fil-klassi 9, kif ukoll għall-prodotti u għas-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 3, 16, 24, 25, 32, 41 u 42 li għalihom it-trade mark ikkontestata kienet ġiet irreġistrata. F’dan ir-rigward, huwa rrileva li r-rikorrenti ma kinitx ipproduċiet prova tal-użu effettiv tat-trade mark ikkontestata lejn l-estern għal dawn il-prodotti u għal dawn is-servizzi u li r-reputazzjoni ta’ din it-trade mark, li fuqha kienet ibbażat ruħha r-rikorrenti, ma kinitx rilevanti fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, skont il-Bord tal-Appell, trade mark li jkollha reputazzjoni tista’, bħat-trade marks l-oħra kollha tal-Unjoni Ewropea, tkun is-suġġett ta’ revoka fl-interess pubbliku minħabba nuqqas ta’ użu. Il-portata tal-protezzjoni ta’ tali trade mark li jkollha reputazzjoni fil-każ ta’ kunflitt ma’ drittijiet oħra ta’ proprjetà intellettwali hija, skont il-Bord tal-Appell, estranja għall-kwistjoni tal-użu li jkun xieraq sabiex tiġi żgurata ż-żamma tad-drittijiet ta’ tali trade mark li jkollha reputazzjoni għall-prodotti u għas-servizzi li għalihom tkun irreġistrata. |
|
86 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament 2017/1001 billi naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-provi tal-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 3, 9, 16, 24, 25 u 32 u għas-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 41 u 42, ir-reputazzjoni eċċezzjonali li tgawdi minnha din it-trade mark bħala “trade mark ta’ mezzi tax-xandir” fl-Unjoni, u li din tal-aħħar għandha għalhekk, fid-dawl tal-prinċipju tal-karattru unitarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea, tibbenefika minn protezzjoni estiża fl-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tar-revoka. |
|
87 |
Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, ċerti prodotti u servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 3, 9, 16, 24, 25, 32, 41 u 42, li għandhom pubbliku identiku għal dak tas-servizzi ta’ reklamar, ta’ xandir fuq it-televiżjoni u ta’ divertiment fuq it-televiżjoni li għalihom it-trade mark ikkontestata hija magħrufa ħafna, jistgħu jibbenefikaw mis-saħħa ta’ attrazzjoni ta’ din tal-aħħar. Sa fejn teżisti rabta diretta, “materjali” jew “mentali”, bejn dawn il-prodotti u l-attivitajiet ewlenin tar-rikorrenti, l-użu ta’ sinjal, anki jekk vagament simili fir-rigward ta’ tali prodotti u servizzi, ser joħloq, f’moħħ il-pubbliku, konfużjoni fir-rigward ta’ eventwali rabtiet kummerċjali, u dan jippreġudika l-valur tat-trade mark RTL u jwassal għad-dilwizzjoni tagħha. |
|
88 |
Ir-rikorrenti ssostni li, f’tali ċirkustanzi, l-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament 2017/1001 ma jeżiġix il-prova tal-użu għal kull prodott u servizz li għalih tkun irreġistrata t-trade mark li jkollha reputazzjoni. Hija tiddikjara li “tali użu jeżisti […] fir-rigward tal-prodotti li fir-rigward tagħhom il-proprjetarju tat-trade mark jista’ jinvoka d-drittijiet tiegħu fir-rigward tal-protezzjoni tar-reputazzjoni”. |
|
89 |
L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
90 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-argument tagħha, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-prinċipju li, sabiex tiġi evitata r-revoka, l-użu ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi pprovat għal kull prodott u servizz li għalih hija rreġistrata ma japplikax meta trade mark ikkontestata jkollha reputazzjoni għal prodotti jew servizzi oħra. |
|
91 |
Issa, tali argument mhux biss imur kontra l-formulazzjoni stess tal-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament 2017/1001, iżda jmur ukoll kontra l-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni kif speċifikat fil-premessa 24 ta’ dan ir-regolament (ara l-punt 28 iktar ’il fuq). Fil-fatt, meta stabbilixxa, fl-Artikolu 18(1) u fl-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament 2017/1001, regola dwar ir-revoka tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea fil-każ ta’ nuqqas ta’ użu fuq perijodu ta’ ħames snin, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jissuġġetta ż-żamma tad-drittijiet marbuta mat-trade mark tal-Unjoni Ewropea għall-kundizzjoni li hija tkun effettivament użata (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Länsförsäkringar, C‑654/15, EU:C:2016:998, punt 25). |
|
92 |
Din il-kundizzjoni hija dovuta għall-kunsiderazzjoni li ma jkunx iġġustifikat il-fatt li trade mark mhux użata tostakola l-kompetizzjoni billi tillimita l-firxa ta’ sinjali li jistgħu jiġu rreġistrati minn oħrajn bħala trade mark u billi ċċaħħad lill-kompetituri mill-possibbiltà li jużaw din it-trade mark jew trade mark simili meta jqiegħdu fis-suq intern prodotti jew servizzi identiċi jew simili għal dawk li huma koperti mit-trade mark inkwistjoni. Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ użu ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jista’ wkoll jirrestrinġi l-moviment liberu tal-merkanzija u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Leno Merken, C‑149/11, EU:C:2012:816, punt 32, u tas‑26 ta’ Settembru 2013, Centrotherm Systemtechnik vs UASI u centrotherm Clean Solutions, C‑610/11 P, EU:C:2013:593, punt 54). |
|
93 |
Ir-ratio legis tar-rekwiżit li trade mark għandha tkun is-suġġett ta’ użu ġenwin sabiex tkun protetta abbażi tad-dritt tal-Unjoni huwa bbażat fuq il-fatt li r-reġistru tal-EUIPO ma jistax jiġi assimilat ma’ reġistru strateġiku u statiku li jagħti lil detentur mhux attiv monopolju legali għal żmien indeterminat. Għall-kuntrarju, l-imsemmi reġistru għandu jirrifletti b’mod fidil l-indikazzjonijiet li l-impriżi jużaw effettivament fis-suq sabiex jiddistingwu l-prodotti u s-servizzi tagħhom fil-ħajja ekonomika (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2022, Muschaweck vs EUIPO – Conze (UM), T‑293/21, EU:T:2022:345, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
94 |
Barra minn hekk, il-qrati tal-Unjoni diġà ddeċidew li d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni estiża mogħtija lil trade mark tal-Unjoni Ewropea li jkollha reputazzjoni jew li tkun magħrufa fl-Unjoni għandhom għan differenti minn dawk li jeżiġu l-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea, li jista’ jkollha bħala konsegwenza r-revoka tat-trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Leno Merken, C‑149/11, EU:C:2012:816, punt 53, u tat‑3 ta’ Settembru 2015, Iron & Smith, C‑125/14, EU:C:2015:539, punt 21). Filwaqt li l-Artikolu 8(5) tar-Regolament 2017/1001 jirrigwarda l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-protezzjoni estiża wkoll lil hinn mill-kategoriji ta’ prodotti u ta’ servizzi li għalihom trade mark tal-Unjoni Ewropea ġiet irreġistrata, il-kunċett ta’ “użu ġenwin” jesprimi l-kundizzjoni minima ta’ użu li t-trade marks kollha għandhom jissodisfaw sabiex ikunu protetti. Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw ir-rekwiżit tal-użu ġenwin tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, il-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza, għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ dan l-użu ġenwin, għandhom jiġu distinti mid-dispożizzjonijiet u mill-kriterji relatati mar-reputazzjoni ta’ tali trade mark. Għaldaqstant, dawn iż-żewġ tipi ta’ dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2017, Intesa Sanpaolo vs EUIPO – Intesia Group Holding (INTESA), T‑143/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:687, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
95 |
Għaldaqstant, anki jekk jitqies li t-trade mark ikkontestata tgawdi minn reputazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament 2017/1001 fis-settur tal-mezzi tax-xandir, dan il-fatt ma jippermettix, fih innifsu, li tintwera l-eżistenza ta’ użu ġenwin tagħha għall-prodotti u għas-servizzi inkwistjoni li jaqgħu fil-klassijiet 3, 9, 16, 24, 25, 32, 41 u 42. |
|
96 |
Ebda konklużjoni oħra ma tista’ tinsilet mill-karattru unitarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea. |
|
97 |
Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 1(2) tar-Regolament 2017/1001, moqri flimkien mal-premessa 4 ta’ dan ir-regolament, il-karattru unitarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea huwa espress biss permezz tal-fatt li din tgawdi minn protezzjoni uniformi u tipproduċi l-istess effetti fit-territorju kollu tal-Unjoni. |
|
98 |
Barra minn hekk, il-premessa 7 tar-Regolament Delegat 2018/625, li, barra minn hekk, tirrigwarda biss regoli proċedurali relatati, b’mod partikolari, mal-proċedimenti ta’ revoka, ma tistax tiġi invokata b’mod utli mir-rikorrenti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolament 2017/1001. |
|
99 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-protezzjoni estiża tat-trade mark ikkontestata li allegatament għandha reputazzjoni hija neċessarja sabiex tippermetti l-użu tagħha fil-kuntest tal-ftehimiet ta’ liċenzja futuri fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi koperti mit-tieni u mit-tielet motiv. Anki jekk jitqies li dan l-argument għandu jitqies li huwa distint minn dak li għalih ingħatat risposta fil-punti 90 sa 98 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tipproduċi ebda prova, bħalma huwa ftehim ta’ liċenzja li ġie ffirmat ma’ terz għall-użu tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti inkwistjoni, li jista’ juri, minn naħa, l-użu effettiv tat-trade mark ikkontestata fil-kuntest tal-liċenzji fuq it-trade mark mogħtija lil terzi matul il-perijodu rilevanti u, min-naħa l-oħra, il-portata ta’ tali użu. |
|
100 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti tirreferi għall-fajl amministrattiv, u b’mod iktar partikolari għal xi ritratti ta’ pitazzi, ta’ xugamani tal-baħar, ta’ ħwejjeġ tat-trabi jew ta’ laned tal-birra li kellhom fuqhom forma tat-trade mark ikkontestata, flimkien ma’ fatturi u ma’ ittri elettroniċi indirizzati lil RTL bħala klijenta tal-impriżi li jipproduċuhom fuq talba ta’ din tal-aħħar. Fl-assenza ta’ provi oħra dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-prodotti fil-konfront ta’ terzi, dawn ir-ritratti la jistgħu juru l-użu effettiv lejn l-estern tat-trade mark ikkontestata għall-finijiet tal-ħolqien ta’ possibbiltajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni għall-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 16, 24, 25 u 32 u lanqas ma jistgħu juru, a fortiori, il-portata ta’ tali użu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2016, Fruit of the Loom vs EUIPO – Takko (FRUIT), T‑431/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:395, punt 55). |
|
101 |
Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ġustament ikkonferma r-revoka tat-trade mark ikkontestata fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 3, 9, 16, 24, 25, 32, 41 u 42. |
|
102 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni u t-tielet motiv għandhom jiġu miċħuda. |
Fuq l-ispejjeż
|
103 |
Skont l-Artikolu 134(1) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti jkollha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. |
|
104 |
F’dan il-każ, peress li l-partijiet kollha tilfu parzjalment, hemm lok li kull parti tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Kowalik-Bańczyk Buttigieg Ricziová Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑7 ta’ Mejju 2025. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.