KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fit‑13 ta’ Frar 2025 ( 1 )

Kawża C‑687/23

D.E.

vs

Banco Santander, SA

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2014/59/UE – Qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu – Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular – Trasferiment obbligatorju ta’ ishma mingħajr ħlas – Rikors għal nullità u danni ppreżentat qabel it-teħid tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni – Kunċett ta’ responsabbiltà ‘dovuta’ – Dritt għal rimedju effettiv”

I. Introduzzjoni

1.

Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa istanza oħra fil-linja tal-ġurisprudenza li segwiet ir-riżoluzzjoni tas‑7 ta’ Ġunju 2017 tal-bank Spanjol Banco Popular Español S.A. (iktar ’il quddiem “Banco Popular”) ( 2 ).

2.

B’riżultat ta’ din ir-riżoluzzjoni, għadd kbir ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi tilfu l-investimenti tagħhom. Dan irriżulta f’għexieren ta’ kawżi quddiem il-qrati nazzjonali u tal-Unjoni.

3.

Fost dawn it-tilwimiet hemm numru ta’ kawżi fejn qiegħda tintalab dikjarazzjoni ta’ nullità u l-irkupru ta’ somom imħallsa jew ħlas ta’ danni minħabba n-nuqqas ta’ konformità ta’ Banco Popular ma’ ċerti rekwiżiti ta’ trasparenza u tal-liġi tal-konsumatur fil-bejgħ ta’ ċerti strumenti finanzjarji lil persuni fiżiċi u ġuridiċi. Fi kliem ieħor, in-natura ta’ dawn l-azzjonijiet ma tinsabx fit-telf tal-valur tal-imsemmija strumenti b’riżultat tar-riżoluzzjoni, iżda pjuttost fl-allegazzjoni ta’ illegalità tas-sottoskrizzjoni inizjali għal dawn l-istrumenti.

4.

Fis-sentenzi tagħha fil-kawżi Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular ( 3 )) u Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular II ( 4 )), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali proċeduri ġudizzjarji, sal-punt li dawn inbdew wara d-data li fiha ttieħdet id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, huma preklużi mid-Direttiva 2014/59/UE (id-“Direttiva dwar ir-Riżoluzzjoni l-Irkupru tal-Bank”, iktar ’il quddiem id-“DRIB” ( 5 )).

5.

In-novità tal-kawża preżenti tinsab fil-fatt li t-tilwima fil-kawża prinċipali bdiet qabel ma seħħet ir-riżoluzzjoni. Dan jagħmel differenza? Dan huwa essenzjalment dak li qiegħda tintalab tiddeċiedi l-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża.

II. Il‑fatti, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

6.

Fl‑2009, Banco Popular wettaq ħruġ ta’ “Bonos Subordinados Canjeables por Obligaciones Subordinadas de Banco Popular Español, S. A. I/2009” (iktar ’il quddiem il-“Bonds Subordinati I/2009”).

7.

Fit‑3 ta’ Ottubru 2009, D.E., fil-kwalità tiegħu ta’ direttur uniku tal-kumpannija Lera Blava, S.L.U. (iktar ’il quddiem il-“Kumpannija”), issottoskriva lil din il-kumpanija għal 15 minn dawn il-bonds konvertibbli, għall-ammont totali ta’ EUR 15000.

8.

Fil‑25 ta’ Mejju 2012, D.E., li aġixxa wkoll f’isem il-Kumpannija, skambja l-Bonds Subordinati I/2009, li kienu jimmaturaw f’Ottubru 2013, għal bonds subordinati obbligatorji konvertibbli oħra (iktar ’il quddiem il-“Bonds Subordinati II/2012”). Dawn tal-aħħar kienu jimmaturaw f’Novembru tal‑2015.

9.

Fl‑14 ta’ Jannar 2013, il-Kumpannija assenjat is-sjieda ta’ dawn il-bonds lil D.E. bħala ħlas għal pagi pendenti.

10.

Fil‑25 ta’ Novembru 2015, u skont it-termini tal-ħruġ tagħhom, il-Bonds Subordinati II/2012 ġew ikkonvertiti b’mod obbligatorju f’ishma ta’ Banco Popular. D.E. għalhekk sar azzjonist ta’ Banco Popular.

11.

Fis‑6 ta’ Ottubru 2016, D.E. fetaħ proċeduri f’ismu stess kontra Banco Popular, fejn talab dikjarazzjoni ta’ nullità tal-Bonds Subordinati I/2009 u II/2012 minħabba żball li jivvizzja l-kunsens kif meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-MiFID I ( 6 ), u talab ir-rimbors tas-somma inizjalment investita. Sussidjarjament, D.E. talab kumpens għad-dannu kkawżat min-nuqqas ta’ konformità mal-obbligi li jirriżultaw mill-MiFID I.

12.

Fil‑31 ta’ Mejju 2017, il-Juzgado de Primera Instancia (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, Spanja) laqgħet it-talba ta’ D.E. għal dikjarazzjoni ta’ nullità, u ddikjarat nulla u bla effett is-sottoskrizzjoni tal-Bonds Subordinati I/2009 u II/2012 ( 7 ). Mill-fajl nazzjonali jirriżulta li dik il-qorti kkonfermat li Banco Popular ma wettaqx test ta’ “adegwatezza” fir-rigward ta’ D.E., la fil-kapaċità personali tiegħu u lanqas bħala direttur tal-Kumpannija, biex jevalwa jekk, f’xi waħda minn dawn il-karigi, kellux l-għarfien u l-esperjenza meħtieġa biex jifhem ir-riskju inerenti fil-bonds konvertibbli inkwistjoni ( 8 ). Banco Popular appella dik id-deċiżjoni quddiem l-Audiencia Provincial (il-Qorti Provinċjali, Spanja).

13.

Fis‑7 ta’ Ġunju 2017, il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni adotta d-Deċiżjoni ta’ Riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular, li l-Kummissjoni Ewropea approvat fl-istess jum.

14.

B’mod speċifiku, din ir-riżoluzzjoni kienet tinvolvi taħlita tal-għodod ta’ rikapitalizzazzjoni interna u tal-għodda ta’ bejgħ kummerċjali ( 9 ) u twettqet kif ġej. L-ewwel, bl-applikazzjoni tal-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna, il-valur tal-ishma eżistenti ta’ Banco Popular tnaqqas għal żero. Sussegwentement, dawn l-ishma ġew ikkanċellati. L-istess trattament ingħata lil dawk l-ishma li nħolqu bil-konverżjoni ta’ parti mill-obbligazzjonijiet pendenti ta’ Banco Popular (iktar ’il quddiem l-“obbligazzjonijiet tal-Livell 1”). Parti oħra ta’ dawn l-obbligazzjonijiet pendenti (iktar ’il quddiem “obbligazzjonijiet tal-Livell 2”) ġiet ikkonvertita f’ishma ġodda, li ġew ittrasferiti lil Banco Santander S.A. (iktar ’il quddiem “Banco Santander”). Banco Popular imbagħad inbiegħ lil Banco Santander, il-konvenut fit-tilwima fil-kawża prinċipali, li akkwista l-assi rimanenti kollha ta’ Banco Popular permezz ta’ fużjoni permezz ta’ akkwiżizzjoni, f’liema punt il-personalità ġuridika ta’ Banco Popular ġiet estinta. Banco Santander issuċċeda ukoll lil Banco Popular fit-tilwima fil-kawża prinċipali.

15.

Fid‑29 ta’ Marzu 2019, Audiencia Provincial (il-Qorti Provinċjali) annullat is-sentenza tal-qorti tal-ewwel istanza għar-raġuni li D.E. ma kellux interess ġuridiku biex jiftaħ il-proċeduri. Minflok, qieset li kienet il-Kumpannija li kellha tressaq l-azzjoni.

16.

D.E. appella fil-kassazzjoni minn dik id-deċiżjoni quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja). Minkejja l-oppożizzjoni miż-żewġ partijiet, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ddeċidiet li tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-kawża preżenti. Dik il-qorti tispjega wkoll li interpretazzjonijiet differenti, inter alia, tal-Artikolu 53(3) tad-DRIB mill-qrati Spanjoli wasslu għal numru sostanzjali ta’ appelli quddiemha, bl-implikazzjoni li gwida mill-Qorti tal-Ġustizzja ser tgħin fir-riżoluzzjoni ta’ numru minn dawn il-każijiet.

17.

Fid-dawl ta’ dawn il-fatti, it-Tribunal Supremo għamel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 34(1)(a) u (b), moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 53(1) u (3), u ma’ dawk tal-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(2) tad-[DRIB], għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kreditu jew id-dritt eventwali li jirriżulta mill-kundanna għall-kumpens imposta fuq l-entità li ssuċċediet lil Banco Popular b’konsegwenza ta’ azzjoni għad-danni li tirriżulta mill-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott finanzjarju (titoli subordinati neċessarjament konvertibbli f’azzjonijiet tal-istess bank), mhux inkluż fost l-istrumenti ta’ kapital addizzjonali li jirreferu għalihom il-miżuri ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular, li finalment ġew ikkonvertiti f’azzjonijiet tal-bank qabel ma ġew adottati l-miżuri ta’ riżoluzzjoni tal-bank (7 ta’ Ġunju 2017), jistgħu jitqiesu bħala passiv affettwat mid-dispożizzjoni ta’ deprezzament jew ta’ estinzjoni tal-Artikolu 53(3) tad-[DRIB], inkwantu obbligu jew dejn ‘mhux dovut’, b’tali mod li dan il-passiv jiġi meħlus u ma jistax jiġi infurzat kontra Banco Santander bħala suċċessur ta’ Banco Popular, meta t-talba li minnha tirriżulta din il-kundanna għal kumpens tkun tressqet qabel ma tkun ġiet konkluża l-proċedura ta’ riżoluzzjoni tal-bank?

Jew, għall-kuntrarju, l-imsemmija dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-imsemmija kreditu jew dritt jikkostitwixxu obbligu jew dejn “dovut” — Artikolu 53(3) tad-[DRIB] — jew “obbligu diġà dovut” fil-mument tar-riżoluzzjoni tal-bank — Artikolu 60(2)(b) — u, bħala huma tali esklużi mill-effetti tal-liberazzjoni jew tal-annullament ta’ dawn l-obbligi jew djun u, konsegwentement, infurzabbli kontra Banco Santander bħala suċċessur ta’ Banco Popular, meta t-talba li minnha tirriżulta din il-kundanna għal kumpens tkun tressqet qabel ma tkun ġiet konkluża l-proċedura ta’ riżoluzzjoni tal-bank?”

III. Analiżi

A.   Il-kuntest, l-argumenti tal-partijiet u l-istruttura ta’ dawn il-konklużjonijiet

18.

Id-domanda tal-qorti tar-rinviju tiċċentra fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “dovut”, kif jirriżulta mill-Artikolu 53(3) u l-Artikolu 60(2)(b) tad-DRIB.

19.

L-Artikolu 53(3) tad-DRIB jipprovdi:

“Meta awtorità ta’ riżoluzzjoni tnaqqas għal żero l-ammont kapitali prinċipali ta’, jew l-ammont pendenti pagabbli fir-rigward ta’ obbligazzjoni permezz tas-setgħa msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 63(1), dik l-obbligazzjoni u kwalunkwe obbligu jew pretensjoni li tirriżulta f’relazzjoni magħha li mhumiex dovuti fil-mument meta tiġi eżerċitata s-setgħa għandhom jiġu ttrattati bħala mħallsa għal għanijiet kollha, u ma għandhomx ikun jistgħu jiġu ppruvati fi kwalunkwe proċedura sussegwenti fir-rigward l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jew kwalunkwe entità suċċessur fi kwalunkwe stralċ sussegwenti” ( 10 ).

20.

Fil-parti rilevanti, l-Artikolu 60(2) tad-DRIB jipprovdi:

“2.   Meta l-ammont prinċipali ta’ strument kapitali rilevanti jiġi valwat negattivament:

[…]

(b)

l-ebda obbligazzjoni lejn id-detentur tal-istrument kapitali rilevanti ma għandha tibqa’ taħt jew marbuta mal-ammont tal-istrument li jkun ġie valwat negattivament, ħlief għal xi obbligazzjoni diġà dovuta, u kwalunkwe obbligazzjoni għal danni li jistgħu jinħolqu bħala riżultat ta’ appel li jikkontesta l-legalità tal-eżerċizzju tas-setgħa tal-valwazzjoni negattiva” ( 11 ).

21.

Id-DRIB ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “dovut”. Barra minn hekk, xi verżjonijiet lingwistiċi tad-DRIB jużaw l-istess kelma kemm fl-Artikolu 53(3) kif ukoll fl-Artikolu 60(2)(b) tagħha, filwaqt li oħrajn, inkluża l-verżjoni bil-lingwa Spanjola, jużaw żewġ kelmiet differenti ( 12 ). Dan jagħmilha diffiċli li wieħed jiddeċiedi dwar it-tifsira komuni ta’ dan il-kunċett.

22.

Fi kwalunkwe każ, id-direttiva ma tagħmilx riferiment għad-dritt tal-Istati Membri sabiex tagħti tifsira lil dan il-kunċett, u tindika li din l-espressjoni għandha tiġi attribwita tifsira awtonoma tal-Unjoni ( 13 ).

23.

Peress li l-obbligazzjonijiet “dovuti” ma humiex affettwati minn rikapitalizzazzjoni interna, jidher ċar mit-test kemm tal-Artikolu 53(3) kif ukoll tal-Artikolu 60(2)(b) tad-DRIB li deċiżjoni dwar jekk obbligazzjoni hijiex “dovuta” għandha konsegwenzi. Tabilħaqq, skont l-Artikolu 60(2)(b) tad-DRIB, l-ebda obbligazzjoni lejn id-detentur tal-istrument kapitali rilevanti li jkun ġie valwat negattivament “ma għandha tibqa’”, filwaqt li l-obbligazzjoni lejn dik il-persuna tibqa’ jekk it-talba tagħha kienet “dovuta” fil-mument meta tittieħed id-deċiżjoni tar-riżoluzzjoni.

24.

Barra minn hekk, l-Artikolu 53(3) tad-DRIB jirreferi wkoll għall-kunċett ta’ “ammont pendenti”, li jitnaqqas meta tintuża l-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna. Dan ir-riferiment jiċċara li meta tintuża din l-għodda, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jqisu bħala mħallsa biss l-obbligi pendenti tal-bank taħt ir-riżoluzzjoni, jiġifieri dawk id-djun eżistenti iżda li madankollu għadhom mhux pagabbli (jiġifieri, immaturati). Dan jissuġġerixxi li l-kunċett ta’ “dovut”, li, f’dan il-kuntest, huwa wżat biex jeskludi obbligazzjoni mir-rikapitalizzazzjoni interna, jikkonċerna dawk l-obbligi li bank ikun diġà wettaq u li huma diġà pagabbli (jiġifieri, immaturati) fil-mument tad-deċiżjoni tar-riżoluzzjoni.

25.

L-obbligu li l-kredituri jiġu kkumpensati għal illegalitajiet li jirriżultaw mill-akkwist ta’ strumenti finanzjarji maħruġa minn bank, u li jkun ikkontestat quddiem qorti, għandu, fil-mument meta tittieħed id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, jitqies bħala obbligu “potenzjali” tal-bank taħt riżoluzzjoni. Qabel ma qorti tagħti deċiżjoni dwar tali obbligu, l-eżistenza tiegħu tkun inċerta. Madankollu, fejn qorti tikkonferma tali obbligu ta’ ħlas, l-obbligu li jirriżulta u l-maturità tiegħu japplikaw ex tunc; jiġifieri, minn qabel id-data tad-deċiżjoni tar-riżoluzzjoni.

26.

Tali obbligazzjonijiet “potenzjali” huma “dovuti”, fis-sens tad-DRIB, fil-mument meta tittieħed id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni?

27.

Żewġ interpretazzjonijiet huma possibbli.

28.

Minn naħa, dawn l-obbligazzjonijiet jistgħu jitqiesu bħala “dovuti” peress li, ladarba jiġu kkonfermati minn qorti, kienu jeżistu u għalhekk kienu pagabbli qabel id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni. Min-naħa l-oħra, peress li dawn l-obbligazzjonijiet jiddependu fuq l-eżitu tal-proċeduri ġudizzjarji, jistgħu jitqiesu bħala biss “potenzjalment” dovuti fil-mument meta tittieħed id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni. Fi kliem ieħor, jistgħu jitqiesu bħala dejn pendenti fil-mument tar-riżoluzzjoni, u għalhekk jistgħu jitqiesu bħala “mhux dovuti”.

29.

Fis-sentenzi fil-kawżi Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular) u Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular II), il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat tali obbligazzjonijiet “potenzjali”, li fir-rigward tagħhom tinbeda l-azzjoni legali wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, bħala mhux dovuti u għalhekk maqbuda mid-deċiżjoni tar-rikapitalizzazzjoni interna. Dan għandu l-effett li l-kredituri ta’ tali obbligazzjonijiet “potenzjali” għalhekk jitilfu t-talbiet tagħhom kontra l-bank taħt riżoluzzjoni fl-eżerċizzju ta’ rikapitalizzazzjoni interna. Dan it-telf naturalment jinfluwenza d-drittijiet tal-kredituri bbażati fuq l-Unjoni, inkluż id-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Madankollu, fis-sentenzi inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, b’mod ġenerali, l-interess ġenerali li jiġi evitat il-kollass finanzjarju u li tinżamm l-istabbiltà finanzjarja jipprevali fuq id-drittijiet tal-kredituri bbażati fuq l-Unjoni.

30.

Abbażi ta’ dawn iż-żewġ sentenzi, Banco Santander u l-Gvern Spanjol, Taljan u dak Portugiż kollha jqisu li l-obbligazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minn proċeduri ġudizzjarji, anki jekk introdotti qabel ir-riżoluzzjoni, ma jistgħux jitqiesu bħala “dovuti”.

31.

Huma jispjegaw li dawn it-talbiet x’aktarx jinvolvu ħruġ ta’ fondi mill-bank taħt riżoluzzjoni u għalhekk potenzjalment ifixklu l-effettività tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni. Għaldaqstant, huma biss talbiet jew drittijiet li jkunu ġew irrikonoxxuti bħala dovuti permezz ta’ sentenza tal-qorti nazzjonali kompetenti qabel id-data tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni li għandhom jitqiesu bħala “dovuti”, fis-sens tad-DRIB.

32.

Il-Kummissjoni, madankollu, hija tal-fehma opposta. Hija tqis li l-kunċett ta’ “dovut”, kif użat fl-Artikolu 53(3) tad-DRIB, għandu jinkludi obbligazzjoni jew obbligu, li, fil-punt tar-riżoluzzjoni, jkunu immaturaw “proviżorjament” biss, u li sentenza sussegwenti, anki wara li tittieħed deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, sempliċement tikkonferma.

33.

Skont il-Kummissjoni, din l-interpretazzjoni hija ġġustifikata mir-rekwiżit tal-Artikolu 36 tad-DRIB li l-valutazzjoni tkun “ġusta, prudenti u realistika”. Valutazzjoni bħal din għandha tqis l-obbligazzjonijiet kontinġenti ta’ proċeduri ġudizzjarji pendenti. Barra minn hekk, ma jidhirx ġustifikat li persuna li tkun fetħet proċeduri ġudizzjarji qabel il-punt li tittieħed deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni tiġi mċaħħda kumpens.

34.

Din il-kawża għalhekk tqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-bilanċ bejn l-interess tal-istabbiltà finanzjarja u tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet tal-kredituri li jirriżultaw mill-Unjoni, li jkunu fetħu proċeduri ġudizzjarji qabel ittieħdet id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni sabiex jiġu ssalvagwardati, għandux jintlaħaq bl-istess mod bħal meta dawn il-proċeduri jinfetħu biss wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni tar-riżoluzzjoni.

35.

Din il-kwistjoni titqajjem fil-forma ta’ talba għal gwida dwar jekk l-obbligazzjonijiet “potenzjali”, li jkunu diġà suġġetti għal proċeduri ġudizzjarji meta tittieħed id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, għandhomx jitqiesu bħala “dovuti”, fis-sens tad-DRIB. Biex inwieġeb din il-mistoqsija, ser nipproċedi kif ġej. L-ewwel ser nispjega għaliex inqis dan ir-rinviju bħala ammissibbli (B). Fuq il-mertu, ser nibda billi nfakkar fil-qosor ir-raġunament wara ż-żewġ sentenzi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li azzjonijiet mibdija wara d-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni huma preklużi mid-DRIB (C). Imbagħad ser nirrikorri għall-kwistjoni dwar jekk l-istess raġunament huwiex applikabbli wkoll jekk l-azzjonijiet quddiem il-qrati jiġu introdotti qabel id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni (D). L-analiżi tiegħi ser twassalni biex nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-għan tal-qafas ta’ riżoluzzjoni stabbilit mid-DRIB ma jistax jegħleb id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet tal-konsumaturi jew tal-investituri bbażati fuq l-Unjoni, meta l-azzjoni dwar dawn id-drittijiet tinbeda qabel id-deċiżjoni tar-riżoluzzjoni (IV).

B.   Ammissibbiltà

36.

Banco Santander jikkontesta l-ammissibbiltà ta’ din ir-rinviju. Huwa jispjega li d-domandi preliminari huma irrilevanti għar-riżoluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, peress li l-qorti tar-rinviju allegatament iddeċidiet li tirrinunzja għal evalwazzjoni, skont id-dritt nazzjonali, dwar jekk ir-rikorrent fl-ewwel istanza kellux interess ġuridiku saħansitra li jiftaħ proċeduri.

37.

F’dan ir-rigward, infakkar li l-qorti tar-rinviju, bħala prinċipju, għandha r-responsabbiltà li tiddetermina l-ħtieġa u r-rilevanza tad-domandi magħmula, b’tali mod li d-domandi tagħha jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti risposta biss fejn ikun jidher b’mod manifest li r-risposta għad-domanda ma tista’ tkun ta’ ebda utilità fil-kawża prinċipali ( 14 ).

38.

Kif jispjega l-Gvern Spanjol, risposta għad-domandi magħmula hija meħtieġa għall-qorti tar-rinviju, peress li, li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tirrispondi li l-azzjoni inkwistjoni hija prekluża mid-DRIB, il-qorti tar-rinviju jkollha tiċħad it-talba ta’ D.E. mingħajr il-ħtieġa li jiġi eżaminat jekk, qabel kollox, kellux interess ġuridiku biex jibda azzjoni.

39.

Għaldaqstant, ma huwiex manifestament ovvju li r-rinviju huwa inammissibbli. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta għad-domanda tal-qorti tar-rinviju.

C.   Iż-żewġ sentenzi preċedenti u s-sitwazzjoni preżenti

40.

Kif indikajt, din it-talba għal deċiżjoni preliminari saret fl-isfond tas-sentenzi Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular) u Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular II). F’dawk is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular kellha l-effett li tipprekludi l-introduzzjoni ta’ proċeduri ġudizzjarji li permezz tagħhom ir-rikorrenti inkwistjoni talbu kumpens minħabba nuqqas ta’ dan il-bank li josserva ċerti standards ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ strumenti finanzjarji.

41.

Il-kawża li tat lok għas-sentenza f’Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular) kienet tirrigwarda rikors għal nullità mressaq minn żewġ persuni fiżiċi li kienu akkwistaw ishma ta’ Banco Popular fl‑2016 bħala parti minn żieda fil-kapital fil-kuntest ta’ offerta pubblika ta’ sottoskrizzjoni. Wara r-riżoluzzjoni ta’ dan il-bank u t-tnaqqis tal-kapital azzjonarju tiegħu għal żero, fl‑2018, dawn il-persuni fiżiċi sostnew li l-kunsens inizjali tagħhom għall-kuntratt ta’ akkwist ta’ ishma kien invalidu, inter alia, minħabba n-natura inkompleta jew ineżatta tal-prospett inkwistjoni. Fis-sentenza eventwali tal-ewwel istanza, il-qorti nazzjonali adottat il-pożizzjoni li r-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tar-responsabbiltà ċivili minħabba l-informazzjoni pprovduta fil-prospett, kif jinsabu fid-Direttiva dwar il-Prospett ( 15 ), jistgħu jipprevalu fuq il-prinċipji li jirregolaw ir-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, kif imposti mid-DRIB ( 16 ). Għalhekk hija ddikjarat bħala null il-kuntratt ta’ sottoskrizzjoni ta’ ishma inkwistjoni u ordnat ir-rimbors tal-ammont investit mir-rikorrenti, flimkien mal-interessi ( 17 ).

42.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ma laqgħetx din l-interpretazzjoni. F’deċiżjoni preliminari, mitluba fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, għall-kuntrarju, li d-DRIB tippermetti d-deroga minn drittijiet ibbażati fuq strumenti oħra tad-dritt tal-Unjoni. Hija spjegat li n-natura tas-sistema ta’ riżoluzzjoni, bħala deroga, “timplika li l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni tista’ tiġi eskluża meta dawn tal-aħħar jistgħu jċaħħdu mill-effettività jew jostakolaw l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni” ( 18 ).

43.

Għalhekk, sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni prevista mid-DRIB, l-azzjonisti li l-ishma tagħhom jkunu ġew ikkanċellati bid-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni huma preklużi milli jippreżentaw rikors għal dikjarazzjoni ta’ nullità jew għad-danni wara li tkun ġiet adottata deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.

44.

Din il-loġika ġiet estiża mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular II) għal rikorsi ppreżentati minn detenturi ta’ bonds li ġew ikkonvertiti f’ishma qabel ir-riżoluzzjoni u mbagħad ġew ikkanċellati ( 19 ), kif ukoll minn detenturi ta’ bonds li ġew ikkonvertiti f’ishma matul ir-riżoluzzjoni iżda ġew ittrasferiti lil Banco Santander mingħajr kumpens ( 20 ). Bħal fil-kawża Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular), il-kredituri fil-kawża Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular II) ippreżentaw rikorsi għal nullità u għad-danni wara r-riżoluzzjoni, u allegaw l-illegalità tal-ħruġ oriġinali ta’ dawn l-istrumenti finanzjarji, li iktar tard ġew ikkonvertiti f’ishma ( 21 ). F’dawn il-kawżi wkoll, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li rikors għad-danni jew għal dikjarazzjoni ta’ nullità tal-bonds oriġinali ma setax jiġi introdott wara t-teħid tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni ( 22 ).

45.

Is-sitwazzjoni fil-kawża preżenti hija simili. Hija l-eqreb għas-sitwazzjoni fil-kawżi C‑775/22 u C‑779/22, l-ewwel tnejn mit-tliet kawżi magħquda fil-kawża Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular II), peress li l-bonds, li l-legalità tal-akkwist tagħhom hija kkontestata minn D.E., ġew ikkonvertiti f’ishma qabel ir-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular. Id-differenza importanti bejn iż-żewġ kawżi, madankollu, tinsab fil-fatt li r-rikorrenti fl-ewwel proċeduri ppreżentaw ir-rikorsi tagħhom fil-qorti biss wara r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular, filwaqt li D.E. beda l-azzjoni tiegħu madwar tmien xhur qabel ittieħdet id-deċiżjoni tar-riżoluzzjoni.

46.

Għalhekk, l-ewwel huwa meħtieġ li jiġu mifhuma r-raġunijiet li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li l-preżentata ta’ rikorsi għal nullità jew għal danni hija prekluża mid-DRIB wara li tittieħed deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni. Huwa biss sussegwentement li wieħed jista’ jistaqsi jekk l-istess raġunament huwiex applikabbli wkoll għal sitwazzjoni fejn tali rikorsi jiġu ppreżentati qabel id-data tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.

47.

Fis-sentenzi tagħha fil-kawżi Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular) u Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular II), il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li d-deroga minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, li jagħtu drittijiet lill-individwi, tista’ tiġi spjegata minn “interess ġenerali superjuri” biex “tinżamm l-istabbiltà finanzjarja tal-Istati Membri” f’kuntest ekonomiku eċċezzjonali u urġenti ( 23 ).

48.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kieku dawn id-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt tal-Unjoni, bħad-Direttiva dwar il-Prospett, kellhom jiġu applikati, dawn ikunu “jistgħu jċaħħdu mill-effettività jew jostakolaw l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni” ( 24 ).

49.

Dan għaliex kemm rikors għal dikjarazzjoni ta’ nullità kif ukoll rikors għad-danni, jekk jirnexxu, ikunu jeħtieġu li l-bank taħt riżoluzzjoni, jew is-suċċessur tiegħu, iħallas lura bis-sħiħ is-somom investiti waqt is-sottoskrizzjoni ta’ ishma (jew bonds ikkonvertiti f’ishma) li, madankollu, ġew iddeprezzati minħabba din id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni. Tali rikorsi, qieset il-Qorti tal-Ġustizzja, għalhekk iqiegħdu inkwistjoni l-valutazzjoni kollha li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni ( 25 ).

50.

Matul il-valutazzjoni, l-obbligi ta’ rimbors jew ta’ ħlas ta’ danni li jistgħu jiġu kkonfermati f’azzjonijiet quddiem il-qrati huma biss obbligazzjonijiet “potenzjali” tal-bank taħt riżoluzzjoni, peress li l-eżistenza tagħhom hija kontinġenti fuq l-eżitu ta’ proċeduri ġudizzjarji pendenti. Barra minn hekk, fejn il-proċeduri jkunu għadhom ma nbdewx fil-mument tal-valutazzjoni, li sservi bħala bażi għad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ma jkunux konxji tal-eżistenza ta’ tali obbligazzjonijiet “potenzjali”.

51.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-obbligazzjonijiet “potenzjali”, suġġetti għal azzjonijiet mibdija wara d-data li fiha tittieħed id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, għandhom jiġu interpretati bħala “mhux dovuti” u għalhekk meqjusa li tħallsu għal kull fini, kif jirriżulta mill-Artikolu 53(3) tad-DRIB, u impliċitament, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(2) tiegħu ( 26 ).

52.

Dan għaliex l-effett ta’ eżitu favorevoli tar-rikors joħloq retroattivament obbligazzjonijiet li ma kinux meqjusa meta ttieħdet id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, u b’hekk inaqqas l-ammont tal-istrumenti finanzjarji li huma s-suġġett ta’ rikapitalizzazzjoni interna ( 27 ).

53.

Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ obbligi jew pretensjonijiet “dovuti”, fis-sens tal-Artikolu 53(3) tad-DRIB, jeskludi dawk it-tipi ta’ talbiet li jirriżultaw minn rikorsi b’eżitu favorevoli ppreżentati wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni inkwistjoni ( 28 ).

54.

Fis-sentenzi fil-kawżi Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular) u Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular II), il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, ma ġietx mitluba tiddeċiedi jekk l-istess loġika tipprekludix ukoll rikorsi għal dikjarazzjoni ta’ nullità u għad-danni, fejn dawn ir-rikorsi jiġu ppreżentati qabel id-data ta’ deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.

55.

L-obbligazzjonijiet tal-bank taħt riżoluzzjoni f’xenarju bħal dan huma wkoll obbligazzjonijiet “potenzjali” biss, peress li l-eżistenza tagħhom ma hijiex ċerta sakemm ikun magħruf l-eżitu tal-proċeduri ġudizzjarji. Madankollu, f’dan ix-xenarju, il-proċeduri diġà huma pendenti quddiem qorti fil-mument meta jiġu vvalutati l-obbligazzjonijiet tal-bank taħt riżoluzzjoni.

56.

Il-kwistjoni, għalhekk, tibqa’ dwar jekk obbligazzjonijiet “potenzjali” li huma kontinġenti fuq proċeduri ġudizzjarji mibdija qabel id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni iżda li għadhom ma ġewx deċiżi fil-mument li ttieħdet din id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, għandhomx jitqiesu bħala “dovuti” fis-sens tad-DRIB.

57.

Fil-fehma tiegħi, anki jekk ir-raġunament wara s-sentenzi Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular) u Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular II) huwa fil-biċċa l-kbira applikabbli wkoll għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, jeżistu fatturi addizzjonali li jiġġustifikaw interpretazzjoni differenti. Huma proprju dawn il-fatturi li ser ngħaddi biex nikkunsidra.

D.   L-obbligazzjonijiet “potenzjali” li huma suġġetti għal proċeduri ġudizzjarji mibdija qabel id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni huma “dovuti” jew “mhux dovuti”?

1. L-għan tad-DRIB – it-talbiet fi proċeduri ġudizzjarji pendenti huma kapaċi li jimminaw id-deċiżjoni tar-riżoluzzjoni?

58.

Kif spjegajt, is-sentenzi Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular) u Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular II) huma bbażati fuq il-kunsiderazzjoni li l-għan tad-DRIB – li jiżgura l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja – jista’ jiġi pperikolat jekk il-valutazzjoni tal-assi ta’ bank, li abbażi tagħha tiġi adottata deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, tista’ sussegwentement tiġi mmodifikata permezz ta’ proċeduri ġudizzjarji ppreżentati wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.

59.

Fil-fehma tiegħi, l-istess loġika ma tistax tiġi estiża għal obbligazzjonijiet “potenzjali”, jiġifieri dawk li jistgħu jimmaterjalizzaw jekk ir-rikors ippreżentat qabel tittieħed id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni jirnexxi.

60.

Fir-rigward tal-valutazzjoni tal-assi tal-bank taħt riżoluzzjoni, hemm differenza importanti bejn ir-rikorsi ppreżentati qabel il-valutazzjoni u dawk ippreżentati wara. Dawn tal-ewwel huma magħrufa, jew tal-inqas għandhom il-potenzjal li jkunu magħrufa, minn min jagħmel il-valutazzjoni u konsegwentement mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni. Għall-kuntrarju, il-valwatur jew l-awtorità kompetenti ma jistgħux ibassru dawn tal-aħħar.

61.

Meta titqies din id-differenza, l-interpretazzjoni ta’ tali proċeduri bħala obbligazzjoni “dovuta” tipperikola l-proċedura ta’ riżoluzzjoni u ċċaħħad lid-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni mill-effettività tagħha?

62.

Il-Kummissjoni targumenta li, jekk jiġu osservati l-prinċipji ta’ valutazzjoni, it-trattament ta’ rikorsi preċedenti bħala obbligazzjonijiet dovuti ma jkunx jipperikola l-effettività tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni.

63.

Banco Santander, għall-kuntrarju, isostni li tali trattament ta’ obbligazzjonijiet potenzjali iżda inċerti jista’ jiskoraġġixxi l-akkwist ta’ bank taħt riżoluzzjoni u għalhekk jikkontesta l-effettività tal-għodda ta’ bejgħ ta’ negozju meta kkombinat ma’ rikapitalizzazzjoni interna, kif kien il-każ fir-riżoluzzjoni tal-Banco Popular.

64.

Skont l-Artikolu 36(1) tad-DRIB, kwalunkwe azzjoni ta’ riżoluzzjoni għandha tkun ibbażata fuq “valutazzjoni ġusta, prudenti u realistika tal-assi u l-obbligazzjonijiet” tal-entità taħt riżoluzzjoni ( 29 ).

65.

Fi kliem ieħor, il-valutazzjoni għandha twassal għal stampa realistika tal-kwistjoni dwar sa liema punt “obbligazzjoni potenzjali” tista’ tirrappreżenta telf fuq l-assi tal-bank taħt riżoluzzjoni.

66.

Filwaqt li l-valutazzjoni ta’ entità taħt riżoluzzjoni ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni obbligazzjonijiet “potenzjali” li jirriżultaw minn proċeduri ġudizzjarji li għadhom ma nbdewx f’dak il-mument, l-istess ma jistax jingħad dwar proċeduri li jkunu pendenti f’dak il-mument.

67.

Għaldaqstant, sal-punt li l-obbligazzjonijiet “potenzjali”, kontinġenti fuq l-eżitu tal-proċeduri ġudizzjarji pendenti, jistgħu jiġu kkunsidrati fil-mument tar-riżoluzzjoni, tali proċeduri ma jistgħux jimminaw il-proċess ta’ riżoluzzjoni.

68.

Huwa minnu li d-DRIB ma tistabbilixxix kif għandhom jiġu stabbiliti l-obbligazzjonijiet previsti fl-Artikolu 36 tagħha ( 30 ).

69.

Madankollu, mill-ewwel rapport ta’ valutazzjoni fir-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular tal‑5 ta’ Ġunju 2017 huwa evidenti li dan ir-rapport ġie “abbozzat b’kunsiderazzjoni […] tal-kriterji tal-metodoloġija ta’ valutazzjoni tal-Kapitolu II” ( 31 ) tal-istandards tekniċi regolatorji applikabbli tal-Awtorità Bankarja Ewropea” ( 32 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-parti rilevanti tagħhom, dawn l-istandards jipprovdu li “il-valwatur għandu jiffoka b’mod partikolari fuq […] tilwim legali u azzjonijiet regolatorji, li l-flussi ta’ flus mistennija tagħhom jistgħu jkunu soġġetti għal gradi differenti ta’ inċertezza relatata mal-ammont jew mat-twaqqit tagħhom” ( 33 ).

70.

Mit-tieni rapport ta’ valutazzjoni tas‑6 ta’ Ġunju 2017, li għalih jirreferi Banco Santander fl-osservazzjonijiet tiegħu, huwa evidenti wkoll li, fil-valutazzjoni ta’ Banco Popular, tqiesu l-istimi ta’ telf ta’ valur ġust fuq kawżi dwar “allegazzjonijiet ta’ bejgħ ħażin fuq noti konvertibbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fid-dikjarazzjonijiet tal-kontabbiltà tiegħu ( 34 ). Kif jispjega d-dokument ta’ kjarifika dwar it-tielet rapport ta’ valutazzjoni, dawn jinkludu, b’xenarju ta’ ammont baxx u ta’ ammont għoli, pretensjonijiet li jirriżultaw mill-Bonds Subordinati II/2012, preċiżament l-istrumenti finanzjarji inkwistjoni f’din il-kawża ( 35 ).

71.

Banco Santander isostni li, minħabba l-urġenza estrema li fiha tipikament isseħħ riżoluzzjoni, jista’ jkun hemm każijiet fejn issir valutazzjoni abbażi ta’ rapport li ma jqisx il-proċeduri ġudizzjarji pendenti kollha.

72.

Filwaqt li huwa tabilħaqq possibbli li xi kawża pendenti ma tiġix ikkunsidrata, dan il-livell ta’ inċertezza jinsab fi kwalunkwe eżerċizzju ta’ teħid ta’ rendikont, u għalhekk prattikament jifforma parti mir-riskju ġenerali meħud mill-entità akkwirenti.

73.

Barra minn hekk, kif osserva l-Gvern Spanjol, l-obbligazzjonijiet potenzjali li jirriżultaw minn proċeduri ġudizzjarji tat-tip inkwistjoni f’din il-kawża huma riflessi, tal-inqas sa ċertu punt, fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji ta’ bank ikkwotat pubblikament. F’dan ir-rigward, ninnota li mill-punti 3 u 5 tad-Deċiżjoni ta’ Riżoluzzjoni jirriżulta li Banco Popular hija l-kumpannija omm ta’ Banco Popular Group, u hija kkwotata fil-Borża Spanjola – jiġifieri suq regolat fis-sens tal-Artikolu 4(14) tal-MiFID I. Bis-saħħa tar-Regolament dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà, il-kumpanniji nnegozjati pubblikament f’dawn is-swieq għandhom jippreparaw ir-rapporti finanzjarji kkonsolidati tagħhom f’konformità ma’ ċerti standards internazzjonali tal-kontabbiltà ( 36 ), li l-Kummissjoni tadotta fid-dritt tal-Unjoni ( 37 ). Fost il-ħafna ( 38 ) standards li l-Kummissjoni kienet adottat fid-dritt tal-Unjoni fil-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni f’dan il-każ kien hemm rekwiżiti speċifiċi biex jirriflettu fil-kontijiet l-inċertezza li tirriżulta, inter alia, mill-ispiża potenzjali tal-“litigazzjonijiet li jinsabu għaddejjin fil-preżent” ( 39 ).

74.

Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, la hija konvinċenti u lanqas korretta l-asserzjoni li l-kawżi pendenti, inkluża dik relatata mal-bejgħ ħażin ta’ strumenti kapitali, ma tkunx riflessa fil-valutazzjoni ta’ bank għall-finijiet ta’ riżoluzzjoni. Dan huwa minnu, b’mod partikolari, jekk il-valutazzjoni titwettaq f’konformità mal-prinċipji ta’ “valutazzjoni ġusta, prudenti u realistika”, fis-sens tal-Artikolu 36 tad-DRIB ( 40 ).

75.

Għalhekk, b’differenza mir-rikorsi ppreżentati biss wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, l-azzjonijiet mibdija qabel ma jistgħux jitqiesu li jistgħu jpoġġu f’dubju l-valutazzjoni li fuqha tittieħed id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.

76.

L-għan tad-DRIB, għalhekk, ma jeħtieġx li tali pretensjonijiet jiġu esklużi mill-kunċett ta’ obbligazzjonijiet “dovuti”, fis-sens tal-Artikolu 53(5) u tal-Artikolu 60(2) tad-DRIB.

2. Bilanċ bejn l‑għan tal‑proċedura ta’ riżoluzzjoni u d‑dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

77.

Minħabba l-urġenza tar-riżoluzzjoni u l-inċertezzi dwar jekk il-valutazzjoni f’tali kundizzjonijiet hijiex kapaċi tieħu inkunsiderazzjoni l-obbligazzjonijiet “potenzjali” kollha, wieħed jista’ jargumenta li tista’ tidher soluzzjoni ferm iktar sempliċi li jiġi kkunsidrat li t-talbiet ibbażati fuq proċeduri ġudizzjarji li jkunu pendenti fid-data ta’ deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni għandhom jitqiesu bħala “mhux dovuti”, u għalhekk meħlusa permezz ta’ rikapitalizzazzjoni interna. Jista’ saħansitra jkun il-każ li akkwirenti potenzjali ta’ bank li qiegħed ifalli jkunu iktar inċentivati biex jaqblu ma’ akkwiżizzjoni jekk l-assi li jakkwistaw ikunu ħielsa minn kwalunkwe obbligazzjonijiet “potenzjali”, inklużi dawk kontinġenti fuq proċeduri ġudizzjarji pendenti. B’dan il-mod, l-għan li tiġi żgurata l-effettività tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni jista’ jinqeda aħjar.

78.

Madankollu, wieħed ma għandux jinsa li din is-soluzzjoni teħles ukoll dawk id-drittijiet li s-suġġetti legali jiksbu mid-dritt tal-Unjoni, bħad-Direttiva dwar il-Prospett u l-MiFID I.

79.

Dawn id-drittijiet huma protetti mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, illum minqux fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Dan id-dritt fundamentali jiggarantixxi, lil kull min jallega li d-drittijiet tiegħu bbażati fuq l-Unjoni ġew miksura, aċċess għal qorti bis-setgħa li tipprovdi rimedji legali effettivi.

80.

Bl-asserzjoni li l-proċeduri ġudizzjarji pendenti għandhom jiġu ttrattati bħala “mhux dovuti” għall-finijiet tad-DRIB, Banco Santander u l-Gvern Spanjol, Taljan u dak Portugiż, effettivament iqisu li l-indħil li jirriżulta fid-dritt għal rimedju effettiv huwa ġġustifikat.

81.

Fil-kawża Banco Santander (Riżoluzzjoni tal-Banco Popular II), fejn ir-rikorrenti bbażaw ruħhom, fost l-oħrajn, fuq id-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li dan id-dritt ma huwiex assolut, u jista’ jiġi limitat għall-finijiet ta’ interessi ġenerali superjuri oħrajn, bħaż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja ( 41 ).

82.

Mingħajr ma pprovdiet ħafna dettalji, fl-eżerċizzju ta’ bbilanċjar tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li għandha tingħata preċedenza lill-interess tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fuq il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-investituri bbażati fuq l-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza preċedenti tagħha, li fiha ddeċidiet li “għalkemm hemm interess pubbliku ċar li tiġi żgurata, fl-Unjoni kollha, protezzjoni qawwija u konsistenti tal-investituri, dan l-interess ma jistax jitqies li jipprevali fiċ-ċirkustanzi kollha, l-interess pubbliku li jikkonsisti f’li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja” ( 42 ).

83.

Madankollu, fil-paragrafu ċċitat iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja qagħdet attenta li tindika li l-interess tal-investituri ma jistax jingħad li jipprevali “fiċ-ċirkustanzi kollha” fuq l-interess pubbliku tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

84.

Billi l-proċeduri ġudizzjarji pendenti jiġu ttrattati bħala obbligazzjonijiet “dovuti”, dan l-għan ta’ stabbiltà finanzjarja ma jiġix imminat bl-istess mod bħal meta jiġu permessi rikorsi wara d-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni. Dan huwa l-każ għaliex il-valutazzjoni li fuqha hija bbażata deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni għandha tqis rikorsi pendenti. Minn din il-perspettiva, il-kawża preżenti hija differenti miċ-ċirkustanzi inkwistjoni fis-sentenzi Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular) u Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular II).

85.

Barra minn hekk, filwaqt li, f’dawn l-aħħar żewġ kawżi, l-investituri kienu għadhom ma eżerċitawx id-dritt tagħhom ta’ aċċess għal qorti biex jiddefendu d-drittijiet tagħhom ibbażati fuq l-Unjoni qabel ma d-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni interferiet ma’ dawn id-drittijiet, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, D.E. aċċerta d-drittijiet u l-obbligi tiegħu u ħa passi biex jipproteġihom f’mument qabel id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni li biddlet il-qafas li fih sab ruħu.

86.

Jekk id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni titħalla, fiha nfisha, twaqqaf il-proċeduri ġudizzjarji pendenti, dan ikun jikkostitwixxi interferenza sinifikanti fid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ( 43 ).

87.

Għalhekk, fil-fehma tiegħi, iċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti jeżiġu li l-Qorti tal-Ġustizzja tattribwixxi, minn naħa, iktar piż lid-dritt tal-investituri li jipproteġu b’mod effettiv id-drittijiet tal-Unjoni tagħhom fi proċeduri ġudizzjarji introdotti qabel id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni u, min-naħa l-oħra, inqas piż lill-għan ta’ stabbiltà finanzjarja, peress li din tal-aħħar tista’ tinkiseb anki fejn tingħata preċedenza lil protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

88.

Billi fetaħ proċeduri biex jipproteġi d-drittijiet tiegħu bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni madwar tmien xhur qabel id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, u għalhekk bla dubju għal kollox indipendentement minn dik il-proċedura sussegwenti, D.E. poġġa lilu nnifsu f’pożizzjoni differenti minn detenturi oħra tal-Bonds Subordinati II/2012 ( 44 ).

89.

Il-prinċipju iura vigilantibus, li jiġi osservat jekk ir-rikorsi pendenti jingħataw il-piż mistħoqq fl-eżerċizzju ta’ bbilanċjar, huwa argument addizzjonali favur il-konklużjoni preċedenti li tkun tikkostitwixxi restrizzjoni mhux iġġustifikata tad-dritt għal rimedju effettiv jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tinterpreta d-DRIB bħala li tippermetti t-tneħħija retroattiva ta’ proċeduri ġudizzjarji li jkunu nbdew qabel il-punt li ttieħdet deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, u li jkunu għadhom pendenti f’dak iż-żmien.

90.

Barra minn hekk, tali soluzzjoni tkun issaħħaħ il-fiduċja fis-sistema ġudizzjarja, li l-konstatazzjoni kuntrarja tista’ ddgħajjef.

91.

Bħala konklużjoni, il-limitazzjoni tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-investituri bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni ma tistax tiġi ġġustifikata mill-għan li tinżamm l-istabbiltà finanzjarja f’sitwazzjoni fejn proċeduri ġudizzjarji biex jipproteġu dritt ibbażat fuq l-Unjoni jiġu introdotti qabel u indipendentement minn deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.

3. Kwistjonijiet addizzjonali

a) Min għandu jbati l-ispejjeż ta’ ksur tad-drittijiet tal-Unjoni tal-kredituri tal-bank taħt riżoluzzjoni?

92.

Numru ta’ argumenti oħra mressqa minn Banco Santander jistħoqqilhom riflessjoni.

93.

Huwa jsostni li l-kawżi pendenti għandhom jiġu ttrattati bħala obbligazzjonijiet “mhux dovuti” peress li, inkella, dawn l-obbligazzjonijiet “potenzjali” jiġu ttrasferiti lilu, bħala bank suċċessur, minkejja li dan il-bank ma kellu xejn x’jaqsam mar-rikorsi ta’ Banco Popular li huma s-suġġett tal-proċeduri ġudizzjarji pendenti.

94.

Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, D.E. jsostni l-ksur ta’ dispożizzjoni obbligatorja tal-MiFID I li tfittex li tipproteġi lix-xerrejja ta’ strumenti finanzjarji minn akkwisti mhux xieraq. Dawn ir-regoli jinkludu t-test ta’ “adegwatezza”, stabbilit fl-Artikolu 19(5) tal-MiFID I, li, bħala regola ( 45 ), jeħtieġ li l-istituzzjonijiet finanzjarji jiksbu informazzjoni dwar l-għarfien u l-esperjenza ta’ klijent biex jifhmu r-riskji involuti fir-rigward ta’ servizz jew tranżazzjoni ta’ investiment, qabel ma ssir tali tranżazzjoni, u jwissu lil dak il-klijent fejn meħtieġ ( 46 ).

95.

Il-ksur ta’ dawn ir-regoli jista’ jwassal għan-nullità tal-ftehim li bih inxtara l-istrument finanzjarju rilevanti u jagħti d-dritt lix-xerrej għar-rimbors tal-prezz tax-xiri, flimkien ma’ interessi, jew danni.

96.

Skont Banco Santander, peress li D.E. kien, fil-mument tar-riżoluzzjoni, azzjonist ta’ Banco Popular, skont il-prinċipju li l-azzjonisti għandhom jġarrbu l-ewwel telf ( 47 ), it-talba tiegħu għandha tiġi ttrattata bħala mhux dovuta, u għalhekk mħallsa qabel it-trasferiment ta’ kwalunkwe obbligazzjonijiet “dovuti” lill-entità suċċessur.

97.

Fil-fehma tiegħi, it-talba ta’ D.E. għal rimbors jew danni, li tkun ikkonfermata jekk ir-rikors tiegħu jirnexxi, ma tipprevjenix li l-ishma li kellu qabel id-deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali jiġu kkanċellati fil-proċedura ta’ riżoluzzjoni, jew li l-bonds tiegħu jiġu kkonvertiti f’ishma u jiġu kkanċellati jew ittrasferiti mingħajr kumpens. L-eżitu favorevoli tal-proċeduri ġudizzjarji pendenti jkun ipoġġi lil D.E. f’pożizzjoni ta’ tip differenti ta’ kreditur. It-talba tiegħu ma tkunx pretensjoni ta’ investitur f’bonds, iżda tkun pjuttost tirriżulta mill-bejgħ ħażin ta’ dawk it-titoli li tagħhom ma jibqax sid. L-obbligu ta’ Banco Santander biex jissodisfa din it-talba kien ikun jeżisti u jkun pagabbli (jiġifieri, kien jimmatura) qabel ma ittieħdet id-deċiżjoni tar-riżoluzzjoni, l-istess bħal obbligazzjonijiet oħra “dovuti”.

98.

Banco Santander iqis, madankollu, li tali talba għandha xorta waħda tiġi ttrattata bħala mhux dovuta fil-mument tar-riżoluzzjoni. It-telf ta’ D.E. minħabba d-deċiżjoni tar-rikapitalizzazzjoni interna għandu għalhekk jiġi kkategorizzat bħala t-tip ta’ telf ta’ kwalunkwe kreditur ieħor b’talba pendenti fil-mument tar-riżoluzzjoni, jiġifieri, it-tip ta’ pretensjoni li tiġi rilaxxata minħabba r-rikapitalizzazzjoni interna. Dawn il-kredituri għandhom drittijiet taħt il-prinċipju li “l-ebda kreditur ma jmur għall-agħar” ( 48 ). Taħt dak il-prinċipju, kreditur li, wara valutazzjoni u paragun bejn żewġ proċeduri (riżoluzzjoni u proċedura normali ta’ insolvenza), jinstab li huwa intitolat għall-ħlas tal-pretensjoni tiegħu jew parti mill-pretensjoni tiegħu, jista’, abbażi tal-Artikolu 75 tad-DRIB, jitlob id-differenza minn arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni ( 49 ). Tali responsabbiltà għandha, għalhekk, skont Banco Santander, tkun mutwalizzata, u mhux imġarrba mis-suċċessur tal-bank taħt riżoluzzjoni. Madankollu, huwa ċar li soluzzjoni bħal din ma tkunx tippermetti li D.E. jitħallas lura l-ammont kollu dovut lilu, minkejja li l-eżitu favorevoli tal-proċeduri ġudizzjarji mibdija minnu jkun jintitolah għal dan l-ammont.

99.

Jekk, madankollu, din l-obbligazzjoni “potenzjali” tiġi ttrasferita lill-bank suċċessur, Banco Santander fis-sitwazzjoni preżenti, D.E. iżomm it-talba kollha tiegħu, sakemm il-proċeduri ġudizzjarji tiegħu jirnexxu. Din is-soluzzjoni tkun konsistenti mal-ibbilanċjar propost tal-eżitu fiċ-ċirkustanzi li fihom kreditur ikun ippreżenta rikors biex jipproteġi d-drittijiet tiegħu bbażati fuq l-Unjoni qabel ma ttieħdet deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.

100.

Ma narax problema fix-xenarju fejn Banco Santander jieħu f’idejh tali obbligazzjoni “potenzjali” fil-bejgħ ta’ arranġament tan-negozju, peress li l-effett ta’ dawn l-obbligazzjonijiet fuq il-valur tal-assi ta’ Banco Popular kien meħud inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni ta’ valutazzjoni. Il-fatt li Banco Santander ma jistax jinżamm responsabbli għal kull ksur tad-dritt tal-Unjoni minn Banco Popular qabel ir-riżoluzzjoni ma għandu ebda effett fuq il-fatt li, bħala parti mill-arranġament tar-riżoluzzjoni, Banco Santander assuma ċertu ammont ta’ riskju kummerċjali marbut ma’ Banco Popular.

101.

Dan premess, ma hemm xejn xi jżomm lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni milli jipprevedu, fid-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, li tali obbligazzjonijiet “potenzjali”, anki jekk “dovuti”, ma għandhomx jiġu ttrasferiti lill-bank suċċessur, iżda li tali obbligazzjonijiet, jekk dawn jimmaterjalizzaw, għandhom minflok jiġu mutwalizzati, jew permezz ta’ arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni jew permezz tal-Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni ( 50 ).

102.

Din, madankollu, hija kwistjoni ta’ diskrezzjoni, riflessa fl-għażliet magħmula f’kull proċedura ta’ riżoluzzjoni u fin-negozjati bejn l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u l-entità akkwirenti. Fin-nuqqas ta’ tali arranġamenti, Banco Santander ma jistax jilmenta, fi żmien wara li dawn in-negozjati jkunu ġew konklużi permezz tal-għodda tal-bejgħ tan-negozju, li ma għandux jinżamm responsabbli għar-responsabbiltà ttrasferiti lilu skont il-qafas ta’ riżoluzzjoni.

103.

Fi kliem ieħor, l-argumenti ta’ Banco Santander li l-bank suċċessur ma għandux jinżamm responsabbli għal pretensjonijiet li jirriżultaw minn proċeduri ġudizzjarji kontra bank li qiegħed ifalli, minkejja li l-akkwirent kien jaf, jew missu kien jaf, dwar tali obbligazzjonijiet “potenzjali” qabel ma offra li jakkwista tali bank, ma jaffetwawx il-proposta tiegħi li l-proċeduri ġudizzjarji pendenti jiġu trattati bħala obbligazzjonijiet “dovuti”.

b) Proċeduri ġudizzjarji possibbilment abbużivi

104.

Banco Santander isostni wkoll li l-interpretazzjoni li talbiet “potenzjali”, kontinġenti minn proċeduri ġudizzjarji pendenti huma obbligazzjonijiet “dovuti” twassal, f’riżoluzzjonijiet futuri, għal sitwazzjoni fejn l-azzjonisti u l-kredituri jistgħu jevitaw l-effett tal-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna bil-ftuħ ta’ proċeduri ġudizzjarji qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni. Tali prattiki, jekk jiġu permessi, jillimitaw is-setgħat tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ta’ deprezzament jew tnaqqis tal-ekwità u tal-ammonti pendenti dovuti meta jirrikorru għall-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna.

105.

Huwa tabilħaqq possibbli li dawn il-kredituri li jiskopru l-potenzjal għal deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni minn qabel jistgħu jippruvaw jiħħeġġjaw l-investimenti tagħhom billi jibdew proċeduri ġudizzjarji, li, jekk jiġu interpretati bħala obbligazzjonijiet “dovuti” taħt id-DRIB, jipprevjenu l-investiment tagħhom milli jitħassar bl-applikazzjoni tal-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna.

106.

Madankollu, għalkemm, ovvjament, hemm il-potenzjal għal dawn it-tipi ta’ kawżi, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-aspett li l-ftuħ ta’ proċeduri ġudizzjarji jġib miegħu spejjeż, li ma jkunux koperti jekk rikors ma jkollu ebda ċans li jirnexxi. Barra minn hekk, deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni suppost tittieħed b’mod urġenti u b’segretezza. Għalhekk, l-investituri, anki fejn jissuspettaw li jista’ jkun hemm riżoluzzjoni, probabbilment ma jkunux jafu d-dettalji tagħha.

107.

Madankollu, jista’ jkun hemm raġuni biex jitqiesu bħala “dovuti” biss dawk il-pretensjonijiet kontinġenti fuq rikorsi ppreżentati sa ċertu data qabel id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, bħal, pereżempju, id-data meħuda inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-valutazzjoni ta’ bank li qiegħed ifalli, li abbażi tagħha tittieħed deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.

108.

F’dan ir-rigward, Banco Santander jispjega li l-valutazzjoni ta’ Deloitte ħadet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni kif kienet teżisti fil‑31 ta’ Marzu 2017, filwaqt li d-Deċiżjoni ta’ Riżoluzzjoni ġiet adottata fis‑7 ta’ Ġunju 2017. Għalhekk jista’ jkun possibbli li rikorsi ppreżentati wara l‑31 ta’ Marzu 2017 jiġu ttrattati bl-istess mod bħar-rikorsi ppreżentati wara li tittieħed deċiżjoni tar-riżoluzzjoni, u għalhekk bħala “mhux dovuti” f’dak il-mument.

109.

Filwaqt li din l-argumentazzjoni jistħoqqilha riflessjoni, ma taffettwax il-pożizzjoni ta’ D.E. fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, fejn ir-rikors tiegħu ġie ppreżentat madwar tmien xhur qabel it-teħid tad-Deċiżjoni tar-Riżoluzzjoni.

110.

Għalhekk, l-argumenti ta’ Banco Santander ibbażati fuq il-possibbiltà ta’ abbuż tal-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li rikorsi preċedenti huma ttrattati bħala obbligazzjonijiet “dovuti” ma jistgħux jiġu aċċettati bħala importanti biżżejjed biex jegħlbu argumenti oħra favur tali interpretazzjoni.

IV. Konklużjoni

111.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) kif ġej:

L-Artikolu 53(1) u (3) u l-Artikolu 60(2)(b) tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, moqrija fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandhom jiġi interpretati fis-sens li

talba jew dritt li jirriżultaw minn proċeduri ġudizzjarji li jinbdew quddiem il-qrati kompetenti ta’ Stat Membru kontra istituzzjoni jew entità finanzjarja qabel il-punt li tali istituzzjoni jew entità ssir is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, iżda li jibqgħu pendenti f’dak il-mument, jikkostitwixxu obbligazzjoni “dovuta”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Ara d-Deċiżjoni SRB/EES/2017/08 tas‑7 ta’ Ġunju 2017 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni dwar skema ta’ riżoluzzjoni għall-Banco Popular Español S.A., approvata mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1246 (ĠU 2017, L 178, p. 15, rettifika fil-ĠU 2017, L 320, p. 31).

( 3 ) Sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular) (C‑410/20, EU:C:2022:351) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular)”).

( 4 ) Sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2024, Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular II) (C‑775/22, C‑779/22 u C‑794/22, EU:C:2024:679) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular II)”).

( 5 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190).

( 6 ) Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, D.E. bbaża ruħu fuq id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263) (iktar ’il quddiem il-“MiFID I”).

( 7 ) Skont il-fajl nazzjonali, dik is-sentenza ġiet innotifikata lill-partijiet fit‑8 ta’ Ġunju 2017.

( 8 ) It-test ta’ “adegwatezza” huwa meħtieġ mill-Artikolu 19(5) tal-MiFID I. Huwa spjegat f’iktar dettall fl-Artikoli 36 u 37 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/73/KE tal‑10 ta’ Awwissu 2006 li timplimenta d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-rekwiżiti organizzattivi u l-kundizzjonijiet ta’ ħidma tal-kumpaniji tal-investiment u t-termini definiti għall-għanjiet ta’ dik id-Direttiva (ĠU 2008, L 338M, p. 463, rettifika fil-ĠU 2009, L 76M, p. 258) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-MiFID I”).

( 9 ) Ara, rispettivament, l-Artikolu 24 u l-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament SRM”).

( 10 ) Enfasi miżjud.

( 11 ) Enfasi miżjud.

( 12 ) F’xi verżjonijiet lingwistiċi, l-istess kelma tintuża fl-Artikolu 53(3) u fl-Artikolu 60(2)(b) tad-DRIB. Flimkien mal-verżjoni fil-lingwa Ingliża tad-DRIB, dan huwa l-każ ukoll fil-verżjoni Franċiża (li tuża l-kunċett ta’ “échu” fiż-żewġ dispożizzjonijiet), fil-verżjonijiet fil-lingwa Ġermaniża (li tuża l-kunċett ta’ “angefallen”), Taljana (li tirreferi għall-kunċett ta’ “maturati”), u Kroata (li tuża l-kunċett ta’ “obračunati”). Verżjonijiet b’lingwi oħra jużaw żewġ kelmiet differenti fl-Artikolu 53(3) u fl-Artikolu 60(2)(b) tad-DRIB. Kif tispjega l-qorti tar-rinviju, il-verżjoni tad-DRIB bil-lingwa Spanjola tuża “vencidas” fl-Artikolu 53(3) u “devengados” fl-Artikolu 60(2) tagħha. Bl-istess mod, il-verżjoni Olandiża tuża “vorderbaar” fl-Artikolu 53(3) tad-DRIB, u “te betalen” fl-Artikolu 60(2) tagħha.

( 13 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat dan fis-sentenza Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular II), punt 48.

( 14 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C‑621/18, EU:C:2018:999, punti 26, 27 u 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 15 ) Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 6, p. 356, rettifika fil-ĠU 2014, L 218, p. 8).

( 16 ) Ara Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular), punt 23.

( 17 ) Ara Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular), punt 22.

( 18 ) Ara Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular), punt 37.

( 19 ) Din kienet is-sitwazzjoni fil-kawżi C‑775/22 u C‑779/22.

( 20 ) Din kienet is-sitwazzjoni fil-kawża C‑794/22.

( 21 ) Ara Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular II), punti 29 u 37.

( 22 ) Ara Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular II), punti 61 u 70.

( 23 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular), punt 37, irripetut fis-sentenza Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular II), punt 56.

( 24 ) Ara s-sentenza Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular), punti 37 u 40, u s-sentenza Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular II), punt 56.

( 25 ) Ara s-sentenza Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular), punt 43. B’mod simili, is-sentenza Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular II), punt 59.

( 26 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular), punti 41 u 42.

( 27 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular II), punt 53.

( 28 ) Ara s-sentenza Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular II), punti 49 u 50.

( 29 ) Barra minn hekk, l-Artikolu 36(3) u (4) tad-DRIB jispjega li “l-objettiv tal-valwazzjoni għandu jkun li jiġi vvalutat il-valur tal-assi u l-obbligazzjonijiet” tal-istituzzjoni inkwistjoni, bil-għan li jiġi żgurat li, “fil-każijiet kollha […] kwalunkwe telf tal-assi tal-istituzzjoni jew l-entità […] ikun rikonoxxut bis-sħiħ fil-mument li fih jiġu applikati l-għodod ta’ riżoluzzjoni jew tiġi eżerċitata s-setgħa tal-valwazzjoni negattiva rilevanti jew tal-konverżjoni ta’ strumenti kapitali”. Barra minn hekk, bħalma jistabbilixxi l-Artikolu 36(5) u (6) fil-parti rilevanti, il-valutazzjoni għandha “tkun ibbażata fuq suppożizzjonijiet prudenti, inkluż fir-rigward tar-rati ta’ inadempjenza u s-severità tat-telf” u “għandha tiġi ssupplimentata […] [bil-]karta tal-bilanċ aġġornata” u “il-lista tal-obbligazzjonijiet pendenti fuq il-karta tal-bilanċ u li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ murija fil-kotba u r- rekords tal-istituzzjoni jew l-entità” inkwistjoni.

( 30 ) Għandu jiġi nnutat, madankollu, li, fl‑2019, il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni ppubblika qafas għall-valutazzjoni biex jistabbilixxi l-prinċipji u l-metodoloġiji għar-rapporti ta’ valutazzjoni għal deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni, li jordna li l-valwatur jieħu inkunsiderazzjoni “obbligazzjonijiet kontinġenti relatati mal-litigazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]; ara Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, Qafas għall-Valutazzjoni, Frar 2019, p. 22, disponibbli fuq: https://www.srb.europa.eu/system/files/media/document/2019-02-01%20Framework%20for%20Valuation.pdf.

( 31 ) Ara l-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, Rapport ta’ Valutazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 20(5)(a) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 li jinforma d-determinazzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni jew il-kundizzjonijiet għat-tnaqqis fil-valur jew il-konverżjoni tal-istrumenti kapitali humiex issodisfatti, 5 ta’ Ġunju 2017, disponibbli fuq: https://www.srb.europa.eu/system/files/media/document/valuation_1_report_updated_on_30_10_2018.pdf (iktar ’il quddiem l-“Ewwel Rapport ta’ Valutazzjoni”), p. 1.

( 32 ) L-Awtorità Bankarja Ewropea, Standards Tekniċi Regolatorji dwar valutazzjoni għall-finijiet ta’ riżoluzzjoni u dwar valutazzjoni biex tiġi ddeterminata d-differenza fit-trattament wara riżoluzzjoni taħt id-Direttiva 2014/59/UE dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti tal-investiment (EBA/RTS/2017/05 u EBA/RTS/2017/06) (iktar ’il quddiem l-“Istandards Tekniċi tal-EBA”), 23 ta’ Mejju 2017, disponibbli fuq: https://www.eba.europa.eu/documents/10180/1853532/88566587-ff6f-4116-a08e-282eb4ea2f78/Final%20draft%20RTSs%20on%20valuation%20in%20resolution%20(EBA-RTS-2017-05%20&%20EBA-RTS-2017-06).pdf.

( 33 ) Ara l-Artikolu 8 tal-Istandards Tekniċi tal-EBA.

( 34 ) Ara l-punt 2.4 tar-Rapport ta’ Valutazzjoni Provviżorju ta’ Hippocrates – Xenarju ta’ Bejgħ ta’ Negozju, 6 ta’ Ġunju 2017, disponibbli fuq: https://www.srb.europa.eu/system/files/media/document/2023-08-25_BPE_%20Revised%20NCV_Valuation-2-Report.pdf, li fih Deloitte tenfasizza li “aħna aċċettajna l-istima ta’ telf ta’ valur ġust bħala raġonevoli, iżda aġġustajna ’l fuq il-popolazzjoni ta’ klijenti affettwati, b’xenarju ta’ ammont baxx u ta’ ammont għoli” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-ewwel rapport ta’ valutazzjoni tal‑5 ta’ Ġunju 2017 ma fih l-ebda dettalji dwar stimi ta’ telf ta’ valur ġust li jirriżulta minn kawżi; ara: https://www.srb.europa.eu/system/files/media/document/valuation_1_report_updated_on_30_10_2018.pdf.

( 35 ) Ara l-punt 5.11.2 tad-Dokument ta’ Kjarifika ta’ Deloitte dwar il-valutazzjoni tad-differenza fit-trattament, Banco Popular Espanol, 18 ta’ Diċembru 2019, disponibbli fuq: https://www.srb.europa.eu/system/files/media/document/annex_ii_-_clarification_document_en.pdf.

( 36 ) Ara l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 6) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà”). Kif jelabora l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, “standards internazzjonali tal-kontabilità’ għandu jfisser International Accounting Standards (IAS) (Standards Internazzjonali tal-Kontabilità), International Financil Reporting Standards (IFRS) (Standards Internazzjonali dwar ir-Raportaġġ Finanzjarju), u l-Interpretazzjonijiet relatati (interpretezzjonijiet SIC-IFRIC), emendi sussegwenti għal dawk l-istandards u l-interpretazzjonijiet relatati, standards futuri u l-interpretazzjonijiet relatati maħruġa jew adottati mill-Board ta’ Standards Internazzjonali tal-Kontabilità (IASB)”.

( 37 ) Ara l-Artikolu 3(1) u (4) tar-Regolament dwar l-Istandards Internazzjonali tal- Kontabbiltà.

( 38 ) Bis-saħħa tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat‑3 ta’ Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2008, L 320, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament (KE) 1126/2008”), il-Kummissjoni adottat “l-istandards kollha ppreżentati mill-Bord għall-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IASB) kif ukoll l-interpretazzjonijiet kollha ppreżentati mill-Kumitat ta’ l-Interpretazzjoni Internazzjonali tar-Rappurtaġġ Finanzjarju (IFRIC) u li ġew adottati bi sħiħ sal‑15 ta’ Ottubru 2008, minbarra l-IAS 39 (relatat mar-rikonoxximent u l-kejl ta’ strumenti finanzjarji), li minnhom tħallew barra partijiet limitati” (ara l-premessa 2 u l-Artikolu 2 tiegħu).

( 39 ) Ara l-punt 117 tal-Istandard Internazzjonali tal-Kontabbiltà 1 tal-Anness tar-Regolament (KE) 1126/2008, li, fil-verżjoni applikabbli fiż-żmien tad-deċiżjoni tar-riżoluzzjoni, jispjega fil-parti rilevanti li ““d-determinazzjoni tal-ammonti miżmuma fil-kotba ta’ xi assi u obbligazzjonijiet teħtieġ stima tal-effetti ta’ avvenimenti futuri inċerti fuq dawk l-assi u obbligazzjonijiet fid-data tal-bilanċ […] [p]ereżempju […] provvedimenti suġġetti għar-riżultat futur ta’ litigazzjonijiet li jinsabu għaddejjin fil-preżent […]. Dawn l-istimi jinvolvu suppożizzjonijiet dwar entrati bħall-aġġustament tar-riskju għall-flussi ta’ flus jew għar-rati ta’ skont użati”. Ara wkoll il-punt 34 tal-Istandard Internazzjonali tal-Kontabbiltà 11 tal-istess anness, li jirrigwarda l-ispejjeż tal-kuntratt li jeħtieġ li jiġu riflessi bħala spejjeż, li jinkludu “l-eżitu ta’ litigazzjoni pendenti”, u li jeħtieġu, skont il-punti 36 et seq. tal-Istandard Internazzjonali tal-Kontabbiltà 37, il-kejl tal-aħjar stimi.

( 40 ) Kif nispjega fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fil-każ ta’ Banco Popular, Deloitte, fil-fatt, aġġustat l-ammont ta’ klijenti affettwati li jirriżulta mit-tip ta’ proċedura bħal dik inkwistjoni, u b’hekk fittxet li tirrifletti stima iktar preċiża ta’ telf ta’ valur ġust.

( 41 ) Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular II), punt 80.

( 42 ) Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular II), punt 81.

( 43 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Banco de Portugal et (C‑504/19, EU:C:2021:335, punt 63).

( 44 ) Ara, fl-istess linja, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular) (C‑410/20, EU:C:2021:976, punt 65) (li jispjegaw, fir-rigward tal-ksur allegat tal-ugwaljanza, li “oġġettivament, l-azzjonisti li kisbu t-titoli tagħhom fuq il-bażi ta’ prospett żbaljat jew mhux preċiż ma jinsabux fl-istess sitwazzjoni jekk kisbu sentenza ta’ kundanna qabel id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni jew jekk iressqu azzjoni legali biss wara din id-deċiżjoni”).

( 45 ) Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Genil 48 u Comercial Hostelera de Grandes Vinos (C‑604/11, EU:C:2013:344, punt 31). Ara wkoll il-punti 39 u 47 ta’ dik is-sentenza, li jenfasizzaw li l-għan tal-Artikolu 19 tal-MiFID I huwa, fost l-oħrajn, li jipproteġi l-investituri.

( 46 ) Ara l-Artikolu 19(5) tal-MiFID I, moqri flimkien mal-premessi 58 sa 60 u mal-Artikoli 36 u 37 tad-Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-MiFID. Madankollu, kif jenfasizza t-tieni paragrafu tal-Artikolu 36 tad-Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-MiFID, “kumpanija tal-investiment għandha tkun intitolata tassumi li klijent professjonali għandu l-esperjenza u t-tagħrif neċessarji sabiex jifhem ir-riskji involuti fir-rigward ta’ dawk is-servizzi jew tranżazzjonijiet tal-investiment partikolari, jew it-tipi ta’ tranżazzjonijiet jew prodott, li għalihom il-klijent huwa kklassifikat bħala klijent professjonali”.

( 47 ) Ara l-Artikolu 34(1)(a) tad-DRIB.

( 48 ) Meta l-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna, kif rifless fl-Artikolu 73(b) tad-DRIB, tkun ġiet applikata, dan il-prinċipju jeħtieġ li “l-azzjonisti u dawk il-kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom ma jkunux ġew ittrasferiti, jirċievu b’risarċiment għall-pretensjonijiet tagħhom mill-inqas kemm kieku kienu jirċievu kieku l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni ġiet stralċjata skont proċeduri normali ta’ insolvenza”.

( 49 ) Arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni huwa arranġament li l-Istati Membri jridu jistabbilixxu abbażi tal-Artikolu 100 tad-DRIB u li jippermetti l-mutwalizzazzjoni tat-tip ta’ piż finanzjarju elenkat fl-Artikolu 101 tiegħu.

( 50 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 76(1) u (2) tar-Regolament SRM.