SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
13 ta’ Lulju 2023 ( *1 ) ( i )
Werrej
|
Il‑kuntest ġuridiku |
|
|
Ir‑Regolament (KE) Nru 139/2004 |
|
|
Ir‑Regolament Nru 802/2004 |
|
|
Il‑Linji Gwida dwar il‑konċentrazzjonijiet orizzontali |
|
|
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża u d‑Deċiżjoni kontenzjuża |
|
|
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata |
|
|
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
|
It‑talbiet tal‑partijiet |
|
|
Fuq l‑Appell |
|
|
Fuq l‑ewwel aggravju |
|
|
L‑argumenti tal‑partijiet |
|
|
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
|
Fuq it‑tieni aggravju |
|
|
Fuq l‑ewwel parti |
|
|
– L‑argumenti tal‑partijiet |
|
|
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
|
Fuq it‑tieni parti |
|
|
– L‑argumenti tal‑partijiet |
|
|
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
|
Fuq it‑tielet aggravju |
|
|
Fuq l‑ewwel parti |
|
|
– L‑argumenti tal‑partijiet |
|
|
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
|
Fuq it‑tieni parti |
|
|
– L‑argumenti tal‑partijiet |
|
|
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
|
Fuq it‑tielet parti |
|
|
– L‑argumenti tal‑partijiet |
|
|
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
|
Fuq ir‑raba’ aggravju |
|
|
Fuq l‑ewwel parti |
|
|
– L‑argumenti tal‑partijiet |
|
|
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
|
Fuq it‑tieni parti |
|
|
– L‑argumenti tal‑partijiet |
|
|
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
|
Fuq il‑ħames aggravju |
|
|
L‑argumenti tal‑partijiet |
|
|
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
|
Fuq is‑sitt aggravju |
|
|
Fuq in‑natura effettiva tas-sitt aggravju |
|
|
– L‑argumenti tal‑partijiet |
|
|
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
|
Fuq l‑ewwel parti |
|
|
– L‑argumenti tal‑partijiet |
|
|
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
|
Fuq it‑tieni parti |
|
|
– L‑argumenti tal‑partijiet |
|
|
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
|
Fuq il‑kawża mibgħuta lura lill‑Qorti Ġenerali |
|
|
Fuq l‑ispejjeż |
“Appell – Kompetizzjoni – Regolament (KE) Nru 139/2004 – Kontroll tal-konċentrazzjonijiet ta’ impriżi – Servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet mobbli – Deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq intern – Suq oligopolistiku – Tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva – Effetti mhux ikkoordinati – Livell ta’ prova – Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fil-qasam ekonomiku – Limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju – Linji Gwida dwar il-konċentrazzjonijiet orizzontali – Fatturi rilevanti sabiex jintwera tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva – Kunċetti ta’ ‘mutur importanti tal-kompetizzjoni’ u ta’ ‘kompetituri mill-qrib’ – Prossimità tal-kompetizzjoni bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni – Analiżi kwantitattiva tal-effetti tal-konċentrazzjoni ppjanata fuq il-prezzijiet – Żieda fl-effikaċja – Żnaturament – Ilment imqajjem ex officio mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea – Annullament”
Fil-Kawża C‑376/20 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis‑7 ta’ Awwissu 2020,
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn G. Conte, M. Farley, J. Szczodrowski u C. Urraca Caviedes, sussegwentement minn F. Castillo de la Torre, G. Conte, M. Farley, J. Szczodrowski u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,
rikorrenti,
sostnuta minn:
L‑Awtorità tas‑Sorveljanza EFTA, irrappreżentata inizjalment minn C. Simpson, M. Sánchez Rydelski u C. Zatschler, sussegwentement minn C. Simpson u M. Sánchez Rydelski, bħala aġenti,
intervenjenti fl-appell,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
CK Telecoms UK Investments Ltd, stabbilita f’Londra (Ir-Renju Unit), irrappreżentata inizjalment minn J. Aitken, K. Asakura, A. Coe, M. Davis, S. Prichard, solicitors, O. W. Brouwer, advocaat, B. Kennelly, SC, A. Müller, advocate, u T. Wessely, Rechtsanwalt, sussegwentement minn J. Aitken, K. Asakura, A. Coe, M. Davis, solicitors, O. W. Brouwer, advocaat, B. Kennelly, SC, A. Müller, advocate, u T. Wessely, Rechtsanwalt,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
Ir‑Renju Unit tal‑Gran Brittanja u l‑Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat inizjalment minn S. Brandon, sussegwentement minn F. Shibli, bħala aġenti,
EE Ltd, stabbilita f’Hatfield (Ir-Renju Unit),
intervenjenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev (Relatur), A. Prechal, M. Safjan, P. G. Xuereb, D. Gratsias u M. L. Arastey Sahún, Presidenti ta’ Awla, J.‑C. Bonichot, S. Rodin, F. Biltgen, J. Passer u Z. Csehi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: M. Longar, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑14 ta’ Ġunju 2022,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ppreżentati fis-seduta tal‑20 ta’ Ottubru 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑28 ta’ Mejju 2020, CK Telecoms UK Investments vs Il‑Kummissjoni (T‑399/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata, EU:T:2020:217), li permezz tagħha din annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 2796 final tal‑11 ta’ Mejju 2016 li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq intern (Każ COMP/M.7612 – Hutchison 3G UK/Telefónica UK), ippubblikata fil-forma ta’ sommarju f’Il‑Ġurnal Uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea tad‑29 ta’ Settembru 2016 (ĠU 2016, C 357, p. 15, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kontenzjuża”). |
Il‑kuntest ġuridiku
Ir‑Regolament (KE) Nru 139/2004
|
2 |
Il-premessi 5, 6, 24, 25, 28 u 29 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal‑20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40), jistipulaw.
[…]
[…]
|
|
3 |
L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Stima tal-konċentrazzjonijiet”, jiddisponi: “1. Konċentrazzjonijiet li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu stmati skond l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet li ġejjin bil-għan li jkun stabbilit jekk humiex kompatibbli mas-suq komuni jew le. Meta tkun qiegħda tagħmel din l-istima, il-Kummissjoni għandha tqis:
2. Konċentrazzjoni li mhix ħa tkun ta’ tfixkil sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu, b’mod partikolari minħabba l-ħolqien ta’ jew minħabba t-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, għandha tkun dikjarata bħala kompatibbli mas-suq komuni. 3. Konċentrazzjoni li ħa tkun ta’ tfixkil sinjifikanti għall-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu, b’mod partikolari minħabba l-ħolqien ta’ jew minħabba t-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, għandha tkun dikjarata bħala inkompatibbli mas-suq komuni. 4. Safejn il-ħolqien ta’ joint venture li tammonta għal konċentrazzjoni skond l-Artikolu 3 jkollu bħala l-għan jew l-effett tiegħu il-kordinazzjoni ta’ l-imġieba kompetittiva ta’ l-impriżi li jibqgħu indipendenti, din il-kordinazzjoni għandha tkun stmata skond il-kriterji ta’ l-Artikolu [101](1) u (3) [TFUE] bil-għan li jkun stabbilit jekk l-operazzjoni hix kompatibbli mas-suq komuni jew le. 5. Meta tkun qiegħda tagħmel din l-istima, il-Kummissjoni għandha tqis, b’mod partikolari:
|
|
4 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjoni ta’ konċentrazzjoni”, jistabbilixxi fil-paragrafu 1(b) tiegħu li: “Għandu jitqies li hemm konċentrazzjoni meta jkun hemm bidla fil-kontroll fuq bażi dewwiema, liema bidla tkun ir-riżultat ta’: […]
|
|
5 |
L-Artikolu 4 tal-istess regolament, intitolat “Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjonijiet u riferenza qabel in-notifika fuq talba tal-partijiet li jagħmlu n-notifika”, jipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu: “Konċentrazzjoni b’dimensjoni Komunitarja definiti f’dan ir-Regolament għandhom ikunu notifikati lill-Kummissjoni qabel ma jiġu implimentati u wara l-konklużjoni tal-ftehim, id-dikjarazzjoni ta’ l-offerta pubblika, jew l-akkwist ta’ interess li għandu kontroll.” |
|
6 |
L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 139/2004, intitolat “Eżaminazzjoni tan-notifika u l-bidu tal-proċeduri”, jiddisponi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. Il-Kummissjoni għandha teżamina n-notifika malli tirċeviha.
2. Meta l-Kummissjoni ssib li, wara bidliet mill-impriżi konċernati, konċentrazzjoni notifikata ma baqgħetx toħloq dubji serji fis-sens tal-paragrafu 1(c), hija għandha tiddikjara li l-konċentrazzjoni hija kompatibbli mas-suq komuni skond il-paragrafu 1(b). Mad-deċiżjoni tagħha taħt il-paragrafu 1(b), il-Kummissjoni tista’ żżid kundizzjonijiet u obbligi maħsuba sabiex jassiguraw li l-impriżi konċernati jirrispettaw ir-rabtiet li jkunu daħlu għalihom fir-rigward tal-Kummissjoni bil-għan li l-konċentrazzjoni ssir kompatibbli mas-suq komuni.” |
|
7 |
L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Sospensjoni ta’ konċentrazzjonijiet”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Konċentrazzjoni b’dimensjoni Komunitarja […] ma għandhiex tkun implimentata qabel tkun notifikata jew qabel ma tkun dikjarata kompatibbli mas-suq komuni permezz ta’ deċiżjoni skond l-Artikoli 6(1)(b), 8 (1) jew 8 (2), jew a bażi ta’ preżunzjoni skond l-Artikolu 10(6).” |
|
8 |
L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, intitolat “Poteri tal-Kummissjoni biex tieħu deċiżjoni”, jipprevedi fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu: “1. Meta l-Kummissjoni ssib li konċentrazzjoni notifikata tissodisfa l-kriterju stabbilit fl-Artikolu 2(2) u, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 2(4), il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu [101](3) [TFUE], hija għandha toħroġ deċiżjoni li fiha tiddikjara li l-konċentrazzjoni hija kompatibbli mas-suq komuni. Deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni bħala waħda kompatibbli għandha titqies li tkopri restrizzjonijiet relatati u meħtieġa direttament għall-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni. 2. Meta l-Kummissjoni ssib li, wara bidliet mill-impriżi konċernati, konċentrazzjoni notifikata tissodisfa l-kriterju stabbilit fl-Artikolu 2(2) u, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 2(4), il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu [101](3) [TFUE], hija għandha toħroġ deċiżjoni li fiha tiddikjara li l-konċentrazzjoni hija kompatibbli mas-suq komuni. Mad-deċiżjoni tagħha, l-Kummissjoni tista’ tinkludi kundizzjonijiet u obbligi maħsuba biex jassiguraw li l-impriżi konċernati jirrispettaw r-rabtiet li jkunu daħlu għalihom fir-rigward tal-Kummissjoni bil-għan li l-konċentrazzjoni tkun kompatibbli mas-suq komuni. Deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni bħala waħda kompatibbli għandha titqies li tkopri restrizzjonijiet relatati u meħtieġa direttament għall-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni. 3. Meta l-Kummissjoni ssib li konċentrazzjoni tissodisfa l-kriterji definiti fl-Artikolu 2(3) jew, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 2(4), ma jissodisfawx il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu [101](3) [TFUE], hija għandha toħroġ deċiżjoni li fiha tiddikjara li l-konċentrazzjoni mhix kompatibbli mas-suq komuni.” |
|
9 |
L-Artikolu 10 tal-istess regolament, intitolat “Perjodi perentorji għall-bidu ta’ proċeduri u għal deċiżjonijiet”, jiddisponi, fil-paragrafu 6 tiegħu: “Meta l-Kummissjoni ma tieħux deċiżjoni skond l-Artikoli 6(1)(b), (c), 8(1), (2) jew (3) fiż-żmien stipulat fil-paragrafi 1 u 3 rispettivament, il-konċentrazzjoni għandha titqies bħallikieku kienet dikjarata inkompatibbli mas-suq komuni […]” |
|
10 |
L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004, intitolat “Applikazzjoni tar-Regolament u ġurisdizzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu: “Il-Kummissjoni biss għandha jkollha ġurisdizzjoni biex tieħu d-deċiżjonijiet imsemmija f’dan ir-Regolament. Dan iżda bla ħsara għal reviżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.” |
Ir‑Regolament Nru 802/2004
|
11 |
L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 tal‑21 ta’ April 2004 li jimplementa r-Regolament [Nru 139/2004] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 88), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1269/2013 tal‑5 ta’ Diċembru 2013 (ĠU 2013, L 336, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 802/2004”), jipprevedi li, għall-finijiet tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, il-komunikazzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati bil-mod stabbilit fil-Formola CO li tinsab fl-Anness I ta’ dan ir-regolament. |
|
12 |
It-Taqsima 9 ta’ dan l-Anness I, intitolata “L-effiċjenzi”, hija fformulata kif ġej: “Jekk tixtieq li l-Kummissjoni tqis b’mod speċifiku mill-bidu nett […] jekk il-gwadanni fl-effiċjenza ġġenerati mill-konċentrazzjoni aktarx li jsaħħu l-ħila u l-inċentiv tal-entità l-ġdida biex taġixxi b’mod proattiv għall-benefiċċju tal-konsumatur, ipprovdi deskrizzjoni ta’, u dokumenti ta’ appoġġ relatat ma’, kull effiċjenza (inkluż l-iffrankar fi spejjeż, introduzzjonijiet ta’ prodotti ġodda u titjib fis-servizzi jew fil-prodotti) li l-partijiet jantiċipaw li se tirriżulta mill-konċentrazzjoni proposta relatata ma’ kwalunkwe prodott relevanti […] Għal kull dikjarazzjoni ta’ effiċjenza, ipprovdi:
|
Il‑Linji Gwida dwar il‑konċentrazzjonijiet orizzontali
|
13 |
Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, intitolata “Linji ta’ gwida fuq l-istima jew kalkolu ta’ l-għaqdiet orizzontali taħt ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-intrapriżi” (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar il-konċentrazzjonijiet orizzontali”), f’taqsima dwar l-effetti mhux ikkoordinati, tistabbilixxi: “Effetti li m’humiex ikkordinati […]
Ditti magħquda għandhom ishma akbar tas-suq
Ditti maqgħuda huma Kompetituri fil-qrib jew viċini
[…] Għaqda tellimina forza kompetittiva importanti
|
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża u d‑Deċiżjoni kontenzjuża
|
14 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 1 sa 25 tas-sentenza appellata u jistgħu jiġu miġbura fil-qosor kif ġej. |
|
15 |
Fil‑11 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni rċeviet komunikazzjoni, konformement mal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 139/2004, ta’ abbozz ta’ konċentrazzjoni (iktar ’il quddiem il-“konċentrazzjoni ppjanata”) li permezz tagħha CK Hutchison Holdings Ltd, permezz tas-sussidjarja indiretta tagħha Hutchison 3G UK Investments Ltd, li saret CK Telecoms UK Investments Ltd (iktar ’il quddiem “CK Telecoms”), kellha takkwista, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tal-imsemmi regolament, il-kontroll esklużiv ta’ Telefónica Europe plc (iktar ’il quddiem “O2”). |
|
16 |
Erba’ operaturi ta’ network mobbli kienu f’dak iż-żmien preżenti fis-suq tal-bejgħ bl-imnut tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet mobbli fir-Renju Unit (iktar ’il quddiem is-“suq bl-imnut”), jiġifieri EE Ltd, sussidjarja ta’ BT Group plc, akkwistata minn din tal-aħħar fl‑2016 (iktar ’il quddiem, “BT/EE”), O2, Vodafone u Hutchison 3G UK Ltd (iktar ’il quddiem “Three”), sussidjarja indiretta ta’ CK Hutchison Holdings, fejn il-partijiet tas-suq f’termini ta’ abbonati kienu rispettivament ta’ madwar bejn 30 % u 40 %, bejn 20 % u 30 %, bejn 10 % u 20 % u bejn 10 % u 20 %. Wara l-konċentrazzjoni ppjanata, Three u O2 rrappreżentaw madwar bejn 30 % u 40 % tas-suq tal-bejgħ bl-imnut u setgħu għalhekk isiru l-attur prinċipali ta’ dan is-suq, quddiem l-operatur storiku preċedenti BT/EE u Vodafone. |
|
17 |
Is-suq tal-bejgħ bl-imnut kellu wkoll diversi operaturi ta’ networks mobbli virtwali li ma kinux proprjetarji ta’ network mobbli, bħal Tesco Mobile, kumpannija miżmuma f’partijiet ugwali minn Tesco u O2, Virgin Mobile u TalkTalk. Dawn l-operaturi kienu kkonkludew ftehimiet ma’ operaturi ta’ network mobbli sabiex ikollhom aċċess għan-networks tagħhom bi prezzijiet bl-ingrossa. Is-suq tal-bejgħ bl-imnut kellu wkoll bejjiegħa mill-ġdid u bejjiegħa bl-imnut indipendenti, bħal Dixons. |
|
18 |
Is-suq tal-bejgħ bl-imnut kellu bħala karatteristika li BT/EE u Three, minn naħa, u Vodafone u O2, min-naħa l-oħra, kienu kkonkludew ftehimiet ta’ kondiviżjoni tan-network, rispettivament imsejħa MBNL u Beacon, li kienu jippermettulhom jaqsmu l-ispejjeż ta’ installazzjoni tan-networks tagħhom filwaqt li jkomplu jikkompetu bejniethom fis-suq bl-imnut. |
|
19 |
Fit‑2 ta’ Ottubru 2015, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq talab lill-Kummissjoni, permezz tal-Competition and Markets Authority (l-Awtorità tal-Kompetizzjoni u s-Swieq, ir-Renju Unit), li l-konċentrazzjoni ppjanata tiġi riferuta lilu, fuq il-bażi tal-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament Nru 139/2004. Ir-Renju Unit sostna li din il-konċentrazzjoni kienet thedded li tfixkel b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni fis-suq tal-bejgħ bl-imnut kif ukoll fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa tal-aċċess u tal-oriġini ta’ telefonati fuq in-networks mobbli pubbliċi fir-Renju Unit (iktar ’il quddiem is-“suq tal-bejgħ bl-ingrossa”). Ir-Renju Unit sostna, barra minn hekk, li kien fl-aħjar pożizzjoni sabiex jittratta l-imsemmija konċentrazzjoni. |
|
20 |
Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 8534 final tal‑4 ta’ Diċembru 2015 dwar l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 139/2004 fil-Każ M.7612 Hutchison 3G UK/Telefónica UK, din it-talba għal rinviju ġiet miċħuda. Insostenn ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni invokat, b’mod partikolari, in-neċessità li jkun hemm koerenza u uniformità fl-evalwazzjoni tal-konċentrazzjonijiet fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet fi Stati Membri differenti kif ukoll l-esperjenza kunsiderevoli li hija kisbet fl-evalwazzjoni tal-konċentrazzjonijiet fis-swieq Ewropej tat-telekomunikazzjonijiet mobbli. |
|
21 |
Minħabba dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni ppjanata mas-suq intern, il-Kummissjoni, fit‑30 ta’ Ottubru 2015, iddeċidiet li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 139/2004. |
|
22 |
Fl‑4 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fis‑26 ta’ Frar 2016, CK Telecoms ressqet l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha dwar din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. |
|
23 |
Fit‑2 ta’ Marzu 2016, sabiex jiġu solvuti l-problemi ta’ kompetizzjoni esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, CK Telecoms ippreżentat l-ewwel sensiela ta’ impenji. |
|
24 |
Fuq talba ta’ CK Telecoms, inżammet seduta fis‑7 ta’ Marzu 2016. |
|
25 |
Fil‑15 ta’ Marzu 2016, CK Telecoms ippreżentat impenji emendati (iktar ’il quddiem it-“tieni sensiela ta’ impenji”). |
|
26 |
Fis‑17 u fit‑23 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni indirizzat lil CK Telecoms ittri li fihom hija enfasizzat provi ġodda li kienu jinsabu fil-fajl tagħha u li kienu mehmuża mal-konklużjonijiet preliminari tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fid‑29 ta’ Marzu u fl‑4 ta’ April 2016, CK Telecoms ippreżentat osservazzjonijiet bil-miktub bi tweġiba għal dawn l-ittri. |
|
27 |
Fis‑6 ta’ April 2016, CK Telecoms issottomettiet it-tielet sensiela ta’ impenji. |
|
28 |
Fis‑27 ta’ April 2016, il-Kumitat Konsultattiv dwar il-konċentrazzjonijiet ta opinjoni favorevoli fir-rigward tal-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni. |
|
29 |
Fil‑11 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni kontenzjuża, li hija bbażata fuq l-identifikazzjoni taż-żewġt iswieq rilevanti, jiġifieri s-suq bl-imnut u s-suq bl-ingrossa. |
|
30 |
Il-Kummissjoni żviluppat tliet teoriji tad-dannu, li kollha huma bbażati fuq l-eżistenza ta’ effetti mhux ikkoordinati f’suq oligopolistiku. |
|
31 |
L-ewwel teorija tad-dannu hija relatata mal-eżistenza ta’ effetti mhux ikkoordinati fis-suq tal-bejgħ bl-imnut marbuta mal-eliminazzjoni ta’ restrizzjonijiet kompetittivi qawwija. Essenzjalment, skont il-Kummissjoni, it-tnaqqis qawwi tal-kompetizzjoni li kien jirriżulta mill-konċentrazzjoni ppjanata kien probabbilment iwassal għal żieda fil-prezzijiet tas-servizzi ta’ telefonija mobbli fir-Renju Unit u limitazzjoni tal-għażla għall-konsumaturi. |
|
32 |
It-tieni teorija tad-dannu tikkonċerna l-eżistenza ta’ effetti mhux ikkoordinati fis-suq tal-bejgħ bl-imnut marbuta mal-kondiviżjoni tan-network. Skont il-Kummissjoni, il-konċentrazzjoni ppjanata setgħet tinfluwenza negattivament il-kwalità tas-servizzi għall-konsumaturi peress li tfixkel l-iżvilupp tal-infrastruttura ta’ network mobbli fir-Renju Unit. |
|
33 |
It-tielet teorija tad-dannu tikkonċerna l-eżistenza ta’ effetti mhux ikkoordinati marbuta mal-eliminazzjoni ta’ restrizzjonijiet kompetittivi qawwija fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa. F’dan is-suq, l-erba’ operaturi ta’ network mobbli jipprovdu servizzi ta’ hosting lill-operaturi li ma humiex proprjetarji ta’ network mobbli, li, min-naħa tagħhom, joffru servizzi ta’ bejgħ bl-imnut lill-abbonati. B’mod partikolari, il-konċentrazzjoni ppjanata tirriskja, skont id-Deċiżjoni kontenzjuża, li jkollha effetti mhux ikkoordinati sinjifikattivi fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa li jirriżultaw minn tnaqqis fin-numru ta’ operaturi ta’ network mobbli minn erbgħa għal tlieta, l-eliminazzjoni ta’ Three bħala “mutur importanti tal-kompetizzjoni”, it-tneħħija tar-restrizzjonijiet kompetittivi sinjifikattivi li fil-passat il-partijiet kienu jimponu fuq xulxin u tnaqqis tal-pressjonijiet kompetittivi fuq l-atturi li jifdal. |
|
34 |
Fir-rigward taż-żieda fl-effikaċja allegata minn CK Telecoms, il-Kummissjoni qieset li din la kienet verifikabbli, la speċifika għall-konċentrazzjoni u lanqas setgħet tkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi. |
|
35 |
Fl-aħħar taqsima tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni eżaminat l-impenji proposti minn CK Telecoms. Hija kkunsidrat, essenzjalment, li t-tieni u t-tielet sensiela ta’ impenji ma jneħħux, jew ma jneħħux kompletament, il-problemi kollha ta’ kompetizzjoni identifikati. |
|
36 |
Konsegwentement, il-Kummissjoni ddikjarat il-konċentrazzjoni ppjanata bħala inkompatibbli mas-suq intern. |
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata
|
37 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Lulju 2016, CK Telecoms ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża. |
|
38 |
Insostenn tar-rikors tagħha, CK Telecoms invokat ħames motivi. |
|
39 |
L-ewwel u r-raba’ motiv jirrigwardaw rispettivament l-ewwel u t-tielet teorija tad-dannu, dwar it-tneħħija tal-kompetizzjoni bejn Three u O2, rispettivament, fis-suq tal-bejgħ bl-imnut u fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa. It-tieni motiv kien jirrigwarda l-evalwazzjoni tax-xenarju ta’ ksur imwettqa mill-Kummissjoni, li fuqha kienet tibbaża l-evalwazzjoni tas-swieq tal-bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa. It-tielet motiv kien jirrigwarda t-tieni teorija tad-dannu dwar is-suq tal-bejgħ bl-imnut, dwar il-kondiviżjoni tan-network, u dwar l-impenji relatati mal-kondiviżjoni tan-network. Il-ħames motiv kien relatat mal-impenji l-oħra ssottomessi minn CK Telecoms. |
|
40 |
Il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, eżaminat suċċessivament l-ewwel, it-tielet u r-raba’ motiv u, fit-tieni lok, it-tieni u l-ħames motiv. |
|
41 |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, qabelxejn, laqgħet, essenzjalment, l-ewwel parti tal-ewwel motiv dwar l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet, fil-kuntest ġuridiku applikabbli wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 139/2004, fuq l-oneru tal-prova u r-rekwiżiti ta’ prova li għandha l-Kummissjoni meta hija għandha tagħti prova ta’ tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva, konformement mal-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, hija laqgħet it-tieni parti tal-ewwel motiv, dwar il-klassifikazzjoni ta’ Three bħala “mutur importanti tal-kompetizzjoni”, kif ukoll it-tielet u l-ħames parti ta’ dan il-motiv, relatati rispettivament, mal-evalwazzjoni tal-prossimità tal-kompetizzjoni u mal-evalwazzjoni tal-effetti kwantitattivi tal-konċentrazzjoni ppjanata fuq il-prezzijiet. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-argument ta’ CK Telecoms li jagħmel parti mis-seba’ parti tal-imsemmi motiv li l-Kummissjoni ma ppreċiżatx fid-Deċiżjoni tagħha fuq liema bażi hija kkonkludiet li l-allegat tfixkil għall-kompetizzjoni li jirriżulta mill-konċentrazzjoni huwa sinjifikattiv. Sussegwentement, hija laqgħet l-ewwel, it-tielet, ir-raba’, il-ħames u s-sitt parti tat-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji fir-rigward tal-effetti orizzontali mhux ikkoordinati prodotti mill-kondiviżjoni tan-network. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel tliet partijiet tar-raba’ motiv li jirrigwardaw l-effetti mhux ikkoordinati fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni kontenzjuża. |
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
42 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Awwissu 2020, il-Kummissjoni ppreżentat dan l-appell. |
|
43 |
Permezz ta’ att separat ippreżentat f’din id-data, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tirriżerva, fir-rigward ta’ EE, waħda miż-żewġ intervenjenti fl-ewwel istanza, trattament kunfidenzjali għal ċerti partijiet minn dan l-appell li jinkludu informazzjoni koperta mis-sigriet kummerċjali u li kienu jikkorrispondu għal informazzjoni li għaliha l-Qorti Ġenerali kienet tat trattament kunfidenzjali. Permezz ta’ digriet tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Il‑Kummissjoni vs CK Telecoms UK Investments (C‑376/20 P, EU:C:2020:789), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ din it-talba. Għalhekk, hija biss verżjoni mhux kunfidenzjali tal-imsemmi appell li ġiet innotifikata lil EE. |
|
44 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Novembru 2020, CK Telecoms talbitha lill-Qorti tal-Ġustizzja tirriżerva, fir-rigward ta’ EE, trattament kunfidenzjali għal ċerta informazzjoni li tinsab fir-risposta tagħha li kienet koperta mis-sigriet kummerċjali, u f’dan ir-rigward, ma kellhiex tiġi kkomunikata lil EE, u li kienet tikkorrispondi għal informazzjoni li għaliha l-Qorti Ġenerali kienet tat trattament kunfidenzjali fir-rigward ta’ EE. Permezz ta’ digriet tas‑26 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs CK Telecoms UK Investments (C‑376/20 P, EU:C:2021:81), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja rriżerva, fir-rigward ta’ EE, trattament kunfidenzjali għal din in-nota, għalhekk hija biss verżjoni mhux kunfidenzjali tagħha li ġiet innotifikata lilha. |
|
45 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Marzu 2021 abbażi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 190(1) ta’ dawn ir-regoli, l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA talbet li tiġi ammessa tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz tad-digriet tal‑4 ta’ Ġunju 2021, Il‑Kummissjoni vs CK Telecoms UK Investments (C‑376/20 P, EU:C:2021:488), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ din it-talba, u awtorizzaha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali. Kopja tal-atti proċedurali kollha ġiet innotifikata lil din l-awtorità. |
|
46 |
Wara talba tal-Kummissjoni tat‑12 ta’ Frar 2021, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja awtorizzaha tippreżenta replika. |
|
47 |
Wara l-preżentata tal-kontroreplika ta’ CK Telecoms, il-fażi bil-miktub tal-proċedura f’din il-kawża ngħalqet fid‑19 ta’ Mejju 2021. |
It‑talbiet tal‑partijiet
|
48 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
49 |
CK Telecoms titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq l‑Appell
|
50 |
Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tqajjem sitt aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali applikat rekwiżit ta’ prova iktar strett minn dak li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 139/2004. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali marret lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju peress li interpretat il-kunċetti ta’ “mutur importanti tal-kompetizzjoni” u ta’ “kompetituri mill-qrib”, adottat interpretazzjoni żbaljata ta’ dawn il-kunċetti u wettqet żnaturament kemm tad-Deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll tar-risposta tal-Kummissjoni. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq żnaturament tal-argument tal-Kummissjoni dwar l-analiżi kwantitattiva tal-effetti tal-konċentrazzjoni ppjanata fuq il-prezzijiet u fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha ta’ din l-analiżi u, il-ħames aggravju, huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma evalwatx il-fatturi rilevanti kollha. Is-sitt aggravju huwa bbażat fuq żbalji li jikkonċernaw il-kondiviżjoni tan-network. |
Fuq l‑ewwel aggravju
L‑argumenti tal‑partijiet
|
51 |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, peress li kkunsidrat, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, li hija kienet marbuta tipproduċi provi suffiċjenti sabiex turi bi probabbiltà serja l-eżistenza ta’ tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva, il-Qorti Ġenerali applikat rekwiżit ta’ prova partikolarment għoli, li jmur lil hinn minn dak li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, u, b’dan il-mod, wettqet żball ta’ liġi. Dan l-iżball wassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonstata, fil-punti 119, 172, 216, 268, 281 u 396 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma pprovatx b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-konċentrazzjoni kienet ser twassal għal tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. |
|
52 |
F’dan ir-rigward, mill-punt 52 tas-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, EU:C:2008:392), jirriżulta li, meta titressaq quddiemha konċentrazzjoni, il-Kummissjoni hija, bħala prinċipju, obbligata tieħu pożizzjoni jew fis-sens tal-approvazzjoni ta’ din il-konċentrazzjoni, jew f’dak tal-projbizzjoni tagħha, skont l-evalwazzjoni tal-iżvilupp ekonomiku attribwibbli lill-konċentrazzjoni kkomunikata li huwa l-iktar probabbli. |
|
53 |
Issa, il-livell ta’ prova meħtieġ mill-Qorti Ġenerali fil-punt 118 tas-sentenza appellata sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza eventwali ta’ tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva jagħti neċessarjament natura asimetrika lill-ħtieġa ta’ prova li tista’ tiġi dedotta mill-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 139/2004, peress li din id-dispożizzjoni la tistabbilixxi preżunzjoni ġenerali ta’ kompatibbiltà u lanqas preżunzjoni ġenerali ta’ inkompatibbiltà mas-suq intern ta’ konċentrazzjoni kkomunikata. |
|
54 |
CK Telecoms tirribatti, fl-ewwel lok, li l-ewwel aggravju huwa ineffettiv. |
|
55 |
Fil-fatt, mis-sentenza appellata jirriżulta b’mod partikolari li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi dwar l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “mutur importanti tal-kompetizzjoni” u ta’ “kompetituri mill-qrib” fi stadju tal-evalwazzjoni tagħha qabel l-eżami tal-provi li wassluha sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. Dawn l-iżbalji għalhekk ma humiex affettwati mil-livell ta’ prova allegatament żbaljat rikjest mill-Qorti Ġenerali. |
|
56 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma werietx li livell ta’ prova inqas għoli minn dak meħtieġ mill-Qorti Ġenerali kien iwassal għal riżultat differenti. |
|
57 |
Fit-tieni lok, CK Telecoms issostni li l-livell ta’ prova meħtieġ mill-Qorti Ġenerali huwa konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
58 |
Hija ssostni li, fis-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, EU:C:2008:392), il-Qorti tal-Ġustizzja ma segwietx il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott u ma adottatx l-“ibbilanċjar tal-probabbiltajiet” bħala livell ta’ prova meħtieġ sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. |
|
59 |
Tali livell ta’ prova jimplika li jkun biżżejjed għall-Kummissjoni li tibbaża ruħha fuq provi li ma humiex partikolarment koerenti jew solidi sabiex turi li l-eżistenza ta’ tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva hija iktar probabbli milli improbabbli. |
|
60 |
Issa, mill-punti 27, 39, 41 u 45 tas-sentenza tal‑15 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs Tetra Laval (C‑12/03 P, EU:C:2005:87), jirriżulta li, sabiex jiġi kkonstatat tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva, il-provi għandhom ikunu sodi sabiex jikkonvinċu l-fondatezza tat-teżi li tinsab f’deċiżjoni fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, li jimplika l-verifika tal-eżattezza materjali, tal-affidabbiltà u tal-koerenza ta’ dawn il-provi. |
|
61 |
CK Telecoms issostni li għalkemm il-Kummissjoni għandha tapplika l-istess livell ta’ prova kemm sabiex tawtorizza kif ukoll sabiex tipprojbixxi konċentrazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-impożizzjoni fuq din l-istituzzjoni ta’ livell ta’ prova ogħla mis-sempliċi “bbilanċjar tal-probabbiltajiet” sabiex turi l-eżistenza eventwali ta’ tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva ma jippreġudikax in-newtralità stabbilita fl-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 139/2004. |
|
62 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, CK Telecoms issostni li, peress li rreferiet, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, għal qari a contrario tal-punti 209 sa 211 tal-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, EU:C:2007:790), u peress li kkunsidrat li r-rekwiżit ta’ prova applikabbli għall-Kummissjoni kien iktar strett mis-sempliċi “bbilanċjar tal-probabbiltajiet”, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
63 |
Fir-rigward tal-argument ta’ CK Telecoms li dan l-ewwel aggravju huwa ineffettiv, għandu jiġi rrilevat li, b’mod partikolari, mill-punti 119, 172, 216, 281, 282, 372 u 396 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar l-eżistenza eventwali ta’ tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva, peress li rrikorriet b’mod partikolari għall-kunċetti ta’ “mutur importanti tal-kompetizzjoni” u ta’ “kompetituri mill-qrib”, fir-rigward tal-livell ta’ prova stabbilit fil-punt 118 ta’ dik is-sentenza. Għalhekk, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk, kif tallega l-Kummissjoni fil-kuntest tat-tielet aggravju tagħha, l-interpretazzjoni ta’ dawn il-kunċetti hijiex ivvizzjata bi żbalji ta’ liġi, din l-istituzzjoni tista’ wkoll validament tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli eżiġiet livell ta’ prova ogħla minn dak li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet. |
|
64 |
Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument ta’ CK Telecoms li jgħid li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li livell ta’ prova differenti minn dak applikat mill-Qorti Ġenerali kien iwassal għal riżultat differenti. Fil-fatt, minn naħa, bħala prinċipju, hija CK Telecoms li għandha turi li l-ewwel aggravju huwa ineffettiv. Issa, min-naħa l-oħra, peress li, kif juru l-punti 118 u 119 tas-sentenza appellata, ir-rekwiżit ta’ probabbiltà serja marbuta mal-eżistenza ta’ tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva ġie applikat mill-Qorti Ġenerali għall-provi kollha eżaminati minnha, ma jistax jiġi eskluż a priori li l-applikazzjoni ta’ livell ta’ prova inqas eżiġenti setgħet twassal għaċ-ċaħda tar-rikors fl-ewwel istanza. |
|
65 |
Konsegwentement, l-argument ta’ CK Telecoms ibbażat fuq in-natura ineffettiva tal-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud u għandha tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ dan l-aggravju. |
|
66 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-premessa 5 tar-Regolament Nru 139/2004 jirriżulta, b’mod partikolari, li dan huwa intiż sabiex jiżgura li r-ristrutturazzjonijiet tal-impriżi ma jwasslux għal dannu dewwiem għall-kompetizzjoni. |
|
67 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, minn naħa, l-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li konċentrazzjoni li ma tfixkilx b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva għandha tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern. Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 2(3) tal-imsemmi regolament jirriżulta li, fil-każ oppost, konċentrazzjoni li jkollha tali effett għandha tiġi ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern. |
|
68 |
Konsegwentement, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda, fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 139/2004, li, meta l-Kummissjoni tikkonstata li konċentrazzjoni kkomunikata tissodisfa l-kriterju ddefinit fl-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament, hija għandha tieħu deċiżjoni li tiddikjara din il-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern. Għall-kuntrarju, kif jirriżulta mill-Artikolu 8(3) tal-imsemmi regolament, meta l-Kummissjoni tikkonstata li konċentrazzjoni tissodisfa l-kriterju ddefinit fl-Artikolu 2(3) tal-istess regolament, hija għandha tieħu deċiżjoni li tiddikjara l-imsemmija konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq intern. |
|
69 |
Għaldaqstant, mill-formulazzjoni kemm tal-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 139/2004 kif ukoll tal-Artikolu 8(1) u (3) tiegħu jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet huma ta’ natura simetrika fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ prova imposti fuq il-Kummissjoni sabiex jintwera li konċentrazzjoni kkomunikata tfixkel jew le b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva u għandha għalhekk tiġi ddikjarata inkompatibbli jew kompatibbli mas-suq intern. |
|
70 |
F’dan ir-rigward, għandu, fl-ewwel lok, jiġi rrilevat li mill-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma jirriżultax li r-Regolament Nru 139/2004 jimponi rekwiżiti ta’ prova differenti fil-qasam tad-deċiżjonijiet li japprovaw konċentrazzjoni, minn naħa, u ta’ deċiżjonijiet li jipprojbixxu tali konċentrazzjoni, min-naħa l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 46). |
|
71 |
F’dan il-kuntest, ebda preżunzjoni ġenerali ta’ kompatibbiltà jew ta’ inkompatibbiltà mas-suq intern ta’ konċentrazzjoni kkomunikata ma tista’ tiġi dedotta minn dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 48). |
|
72 |
Għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 10(6) tal-imsemmi regolament jipprevedi li konċentrazzjoni kkomunikata titqies kompatibbli mas-suq intern meta l-Kummissjoni ma tkunx ħadet, fit-terminu rilevanti, deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-konċentrazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li din id-dispożizzjoni, minn naħa, hija espressjoni speċifika tar-rekwiżit ta’ ħeffa li jikkaratterizza l-istruttura ġenerali tar-regolament u, min-naħa l-oħra, tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-istruttura ġenerali tar-regolament li abbażi tagħha l-Kummissjoni tiddeċiedi espressament fuq il-konċentrazzjonijiet li jiġu kkomunikati lilha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 49). |
|
73 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tikkonforma ruħha ma’ rekwiżiti ta’ prova ogħla fil-qasam ta’ deċiżjonijiet li jipprojbixxu konċentrazzjonijiet milli f’dak li jirrigwarda deċiżjonijiet li japprovaw tali konċentrazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 51). |
|
74 |
Minn dan isegwi li r-rekwiżiti fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-prova, inkluż il-livell ta’ prova, ma jvarjawx skont it-tip ta’ deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. |
|
75 |
Fit-tieni lok, mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tal-konċentrazzjonijiet mas-suq intern għandhom ikunu sostnuti minn elementi suffiċjentement sinjifikattivi u konkordanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
76 |
Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-kuntest tal-analiżi ta’ konċentrazzjoni tat-tip “konglomerat”, il-kwalità tal-provi prodotti mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi jekk huwa neċessarju li tiġi adottata deċiżjoni li tiddikjara din il-konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq intern hija partikolarment importanti (sentenza tal‑15 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, EU:C:2005:87, punt 44). |
|
77 |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li din il-ġurisprudenza tirrifletti biss il-funzjoni essenzjali tal-prova, li hija li tikkonvinċi l-fondatezza ta’ teżi jew, bħal fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, li ssostni l-evalwazzjonijiet li fuqhom huma bbażati d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, EU:C:2005:87, punt 41, u tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Ir-rekwiżiti partikolari dwar il-kwalità tal-provi għalhekk ma għandhomx, bħala prinċipju, effett fuq il-livell ta’ prova meħtieġ. |
|
78 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-kumplessità intrinsika ta’ teorija ta’ tfixkil għall-kompetizzjoni mressqa fir-rigward ta’ konċentrazzjoni kkomunikata tikkostitwixxi element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-plawżibbiltà tad-diversi konsegwenzi ta’ din il-konċentrazzjoni, sabiex tiġi identifikata dik li hija l-iktar probabbli, iżda tali kumplessità, ma għandhiex, fiha nnifisha, influwenza fuq il-livell ta’ prova meħtieġ (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 51). |
|
79 |
Kif l-Avukata Ġenerali rrilevat, essenzjalment, fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tagħha, għandu għalhekk jiġi kkonstatat li l-livell ta’ prova, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 139/2004, la jvarja skont it-tip ta’ konċentrazzjoni eżaminata mill-Kummissjoni u lanqas skont il-kumplessità intrinsika ta’ teżi ta’ tfixkil għall-kompetizzjoni mressqa fir-rigward ta’ konċentrazzjoni kkomunikata. |
|
80 |
Fit-tielet u l-aħħar lok, mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004, li jimponi li tiġi kkomunikata konċentrazzjoni qabel l-implimentazzjoni tagħha, u mill-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, li jipprevedi obbligu li din il-konċentrazzjoni ma tiġix implimentata qabel il-komunikazzjoni u l-awtorizzazzjoni tagħha, jirriżulta li l-imsemmi regolament jistabbilixxi sistema ta’ kontroll preventiv tal-konċentrazzjonijiet. |
|
81 |
Konsegwentement, dan l-istħarriġ huwa differenti mill-istħarriġ ex post tal-ftehimiet bejn impriżi, tad-deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi u tal-prattiki miftiehma msemmija fl-Artikolu 101 TFUE kif ukoll tal-abbuż minn pożizzjoni dominanti msemmija fl-Artikolu 102 TFUE. |
|
82 |
Fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ dan il-kontroll ex ante tal-konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam ekonomiku għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli sostantivi tar-Regolament Nru 139/2004, b’mod partikolari tal-Artikolu 2 tiegħu (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 144), peress li hija twettaq analiżijiet ekonomiċi prospettivi intiżi sabiex tiġi ddeterminata l-probabbiltà ta’ ċerti żviluppi fis-suq rilevanti f’perijodu ta’ żmien prevedibbli. |
|
83 |
Issa, dawn l-analiżi prospettivi, li ta’ spiss ikunu ta’ natura kumplessa, huma neċessarjament iktar inċerti mill-analiżi ex post. |
|
84 |
Fil-fatt, l-analiżi prospettiva neċessarja fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, li tikkonsisti f’li jiġi eżaminat kif tali konċentrazzjoni tista’ tbiddel il-parametri tal-kompetizzjoni fis-swieq affettwati sabiex jiġi vverifikat jekk minn dan jirriżultax tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva, teħtieġ li jiġu mbassra diversi xejriet ta’ kawża u effett, sabiex jiġi stabbilit dak li huwa l-iktar probabbli (sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, EU:C:2005:87, punt 43; tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 47; kif ukoll tas‑16 ta’ Jannar 2019, Il‑Kummissjoni vs United Parcel Service, C‑265/17 P, EU:C:2019:23, punt 32). Din l-analiżi prospettiva taqa’ taħt il-marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam ekonomiku li għandha l-Kummissjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli sostantivi tar-Regolament Nru 139/2004, b’mod partikolari tal-Artikolu 2 tiegħu, li jiġġustifika li l-istħarriġ mill-qorti tal-Unjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ konċentrazzjonijiet ikun limitat għall-verifika tal-eżattezza materjali tal-fatti u għall-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 144 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
85 |
Ċertament, tali analiżi teħtieġ li ssir b’attenzjoni kbira, peress li ma hijiex kwistjoni li jiġu eżaminati l-avvenimenti tal-imgħoddi, li dwarhom spiss ikun hemm disponibbli bosta elementi ta’ prova li jippermettu li wieħed jifhem il-kawżi tagħhom, u lanqas ta’ avvenimenti kurrenti, iżda teħtieġ li jiġu mbassra avvenimenti li ser iseħħu fil-ġejjieni, fuq bażi ta’ probabbiltà pjuttost qawwija, jekk ma tiġix adottata deċiżjoni li tipprojbixxi l-konċentrazzjoni ppjanata jew li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għaliha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, EU:C:2005:87, punt 42). |
|
86 |
Madankollu, in-natura prospettiva tal-analiżi ekonomika li għandha twettaq il-Kummissjoni tipprekludi li din l-istituzzjoni, sabiex turi li konċentrazzjoni tfixkel jew, għall-kuntrarju, ma tfixkilx, b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva, tkun obbligata tosserva livell ta’ prova partikolarment għoli. |
|
87 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-istruttura simetrika tal-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 139/2004 u tan-natura prospettiva tal-analiżi ekonomiċi tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, sabiex jiġi ddikjarat li konċentrazzjoni hija inkompatibbli jew kompatibbli mas-suq intern, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni turi, permezz ta’ elementi suffiċjentement sinjifikattivi u konkordanti, li huwa iktar probabbli milli improbabbli li l-konċentrazzjoni kkonċernata tfixkel jew le b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu. |
|
88 |
Għaldaqstant, peress li kkunsidrat, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni hija obbligata turi “bi probabbiltà serja l-eżistenza ta’ tfixkil sinjifikattiv” għal kompetizzjoni effettiva wara l-konċentrazzjoni u li “r-rekwiżit ta’ prova applikabbli f’dan il-każ huwa, konsegwentement, iktar strett minn dak li permezz tiegħu tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva jkun ‘iktar probabbli milli improbabbli’”, il-Qorti Ġenerali applikat rekwiżit ta’ prova li ma jirriżultax mir-Regolament Nru 139/2004, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, u għalhekk wettqet żball ta’ liġi. |
|
89 |
Għalhekk, dan l-ewwel aggravju għandu jiġi milqugħ. |
Fuq it‑tieni aggravju
|
90 |
It-tieni aggravju jinkludi żewġ partijiet, li permezz tagħhom il-Kummissjoni tikkontesta l-interpretazzjoni li l-Qorti Ġenerali tat lill-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 139/2004 fis-sentenza appellata. |
Fuq l‑ewwel parti
– L‑argumenti tal‑partijiet
|
91 |
Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, fil-punt 90 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali assimilat il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jitqies li konċentrazzjoni tista’ tipproduċi effetti mhux ikkoordinati ma’ dawk meħtieġa sabiex tintwera l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti. |
|
92 |
Il-Kummissjoni tippreċiża li hija ma tikkontestax li l-grad ta’ dannu meħtieġ sabiex jintwera tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva minħabba effetti mhux ikkoordinati huwa l-istess bħal dak meħtieġ sabiex jintwera tali tfixkil minħabba l-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti. Madankollu, permezz tal-espressjoni “hija stess”, użata fil-punt 90 tas-sentenza appellata flimkien mal-espressjoni “entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni”, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni tista’ tipprojbixxi konċentrazzjoni biss jekk hija tista’ tistabbilixxi li din l-entità ser tibbenefika minn setgħa fis-suq ekwivalenti għal dik li tiżgura pożizzjoni dominanti. |
|
93 |
CK Telecoms tirribatti li l-Kummissjoni tikkontesta osservazzjoni ġenerali tal-Qorti Ġenerali li ma servietx bħala bażi għal analiżi in concreto u li, għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni aggravju tal-Kummissjoni hija ineffettiva. |
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
94 |
Fil-punt 90 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 139/2004 “[j]ippermetti lill-Kummissjoni tipprojbixxi, f’ċerti ċirkustanzi, fi swieq oligopolistiċi, konċentrazzjonijiet li, għalkemm ma jagħtux lok għall-ħolqien jew għat-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti individwali jew kollettiva, jistgħu jaffettwaw il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq b’mod komparabbli ma’ dak attribwibbli għal tali pożizzjonijiet, billi tagħti lill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni setgħa li tippermettilha tiddetermina, hija stess, il-parametri tal-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, tiffissa l-prezzijiet minflok taċċettahom”. |
|
95 |
Issa, għandu jiġi rrilevat li, kif osservat CK Telecoms, l-imsemmi punt 90 jinkludi kunsiderazzjoni ġenerali tal-Qorti Ġenerali, mingħajr ma jistabbilixxi rabta ma’ żball li allegatament wettqet il-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva”, fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 139/2004. Barra minn hekk, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Kummissjoni ma tidentifika ebda punt tas-sentenza appellata li huwa bbażat fuq din il-kunsiderazzjoni. |
|
96 |
F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li lmenti indirizzati kontra motivi superfluwi f’deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali ma jistgħux iwasslu għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u għaldaqstant huma ineffettivi (sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, PV vs Il‑Kummissjoni, C‑640/20 P, EU:C:2023:232, punt 191 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, anki jekk jitqies li l-ewwel parti tat-tieni aggravju hija fondata, din ma hijiex ta’ natura li tinvalida s-sentenza appellata, peress li din il-parti tirrigwarda motiv tagħha li ma ġiex stabbilit li jikkontribwixxi sabiex isostni d-dispożittiv tal-imsemmija sentenza. |
|
97 |
Minn dan isegwi li l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda għaliex ineffettiva. |
Fuq it‑tieni parti
– L‑argumenti tal‑partijiet
|
98 |
Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, fil-punti 95 u 96 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 139/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 25 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-assenza ta’ ħolqien jew ta’ tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti wara konċentrazzjoni, tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva jista’ jiġi stabbilit biss jekk iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi previsti f’din il-premessa jkunu ssodisfatti, jiġifieri, minn naħa, l-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet kompetittivi qawwija li l-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu jeżerċitaw fuq xulxin u, min-naħa l-oħra, it-tnaqqis tal-pressjonijiet kompetittivi fuq il-kompetituri l-oħra. |
|
99 |
Skont il-Kummissjoni, tali interpretazzjoni tikkomprometti l-għan ta’ kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet stabbilit fil-premessa 24 ta’ dan ir-regolament u jkollha l-effett, b’mod partikolari, li tipprekludiha milli tiżviluppa teoriji tad-dannu li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 96 tas-sentenza appellata, bħal, pereżempju, it-tieni teorija tad-dannu mressqa f’dan il-każ, ibbażata fuq tnaqqis tal-pressjoni kompetittiva eżerċitata mill-kompetituri l-oħra fuq l-entità li tirriżulta mill-imsemmija konċentrazzjoni, minħabba l-pożizzjoni fis-suq ta’ din l-entità wara l-konċentrazzjoni. |
|
100 |
CK Telecoms tirribatti li mill-kliem tal-premessa 25 tar-Regolament Nru 139/2004, b’mod partikolari mill-konġunzjoni “u li jinvolvu ukoll”, li ġiet riprodotta fil-Linji Gwida dwar il-konċentrazzjonijiet orizzontali kif ukoll fid-Deċiżjoni kontenzjuża, jirriżulta li l-imsemmija premessa tistabbilixxi żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. Interpretazzjoni kuntrarja tippermetti lill-Kummissjoni tipprojbixxi l-konċentrazzjonijiet orizzontali kollha, peress li dawn iwasslu neċessarjament għal tnaqqis tal-kompetizzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati. |
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
101 |
Il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, qieset, fil-punt 96 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 139/2004 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-premessa 25 ta’ dan ir-regolament. F’dan ir-rigward, hija telqet mill-premessa li din il-premessa tipprevedi żewġ kundizzjonijiet kumulattivi sabiex l-effetti mhux ikkoordinati li jirriżultaw minn konċentrazzjoni, f’ċerti ċirkustanzi, ikun jista’ jkollhom bħala konsegwenza tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva, jiġifieri, minn naħa, l-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet kompetittivi qawwija li l-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu jeżerċitaw fuq xulxin u, min-naħa l-oħra, it-tnaqqis tal-pressjonijiet kompetittivi fuq il-kompetituri l-oħra. |
|
102 |
Fil-punt 97 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet minn dan li “l-uniku effett ta’ tnaqqis tal-pressjonijiet kompetittivi fuq il-kompetituri l-oħra ma huwiex, bħala prinċipju, suffiċjenti, waħdu, sabiex juri tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva fil-kuntest ta’ teorija tad-dannu bbażata fuq effetti mhux ikkoordinati.” |
|
103 |
Huwa fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 139/2004 li l-Qorti Ġenerali eżaminat l-ewwel, it-tielet u r-raba’ motiv, kif jirriżulta mill-punt 105 tas-sentenza appellata. |
|
104 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabelxejn, li l-preambolu ta’ att tal-Unjoni jista’ jippreċiża l-kontenut tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-att u li l-premessi ta’ tali att jikkostitwixxu, fil-fatt, elementi importanti ta’ interpretazzjoni, li huma ta’ natura li jiċċaraw ir-rieda tal-awtur tal-imsemmi att (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Puppinck et vs Il‑Kummissjoni, C‑418/18 P, EU:C:2019:1113, punt 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
105 |
Madankollu, il-preambolu ta’ att tal-Unjoni ma għandux valur legali vinkolanti u ma jistax jiġi invokat la sabiex issir deroga mid-dispożizzjonijiet stess tal-att ikkonċernat u lanqas sabiex dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati b’mod manifestament kuntrarju għall-formulazzjoni tagħhom (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Puppinck et vs Il‑Kummissjoni, C‑418/18 P, EU:C:2019:1113, punt 76 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
106 |
Kif jirriżulta mill-premessi 6 u 24 tar-Regolament Nru 139/2004, dan huwa intiż sabiex jistabbilixxi kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha skont l-effett tagħhom fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni fl-Unjoni, b’mod partikolari, sabiex tiġi ggarantita kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern u sabiex tiġi żgurata politika segwita konformement mal-prinċipju ta’ ekonomija ta’ suq miftuħ b’kompetizzjoni libera. |
|
107 |
F’dan ir-rigward, mill-premessa 25 ta’ dan ir-regolament jirriżulta, essenzjalment, li dan jirrigwarda wkoll l-inkompatibbiltà mas-suq intern ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi li joperaw f’suq oligopolistiku meta din il-konċentrazzjoni tkun tikkostitwixxi tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva mingħajr ma l-entità li tirriżulta minn din il-konċentrazzjoni jkollha pożizzjoni dominanti. |
|
108 |
B’mod iktar partikolari, mill-imsemmija premessa 25 jirriżulta li għalkemm “[ħ]afna mis-swieq oligopolistiċi għandhom livell tajjeb ta’ kompetizzjoni [xorta jibqa’ l-fatt li], konċentrazzjonijiet li jinvolvu t-tneħħija ta’ kontrolli kompetittivi importanti li l-partijiet li jingħaqdu kienu jeżerċitaw fuq xulxin u li jinvolvu wkoll tnaqqis fil-pressjoni maħluqa mill-kompetizzjoni fuq il-kompetituri li jifdal, jistgħu, f’ċerti ċirkostanzi, joħolqu tfixkil sostanzjali għal kompetizzjoni effettiva.” |
|
109 |
Issa, essenzjalment, mis-sentenza ta’ qabel tal-aħħar tal-istess premessa 25 jirriżulta li l-kontroll effettiv previst mir-Regolament Nru 139/2004 jestendi għal kull konċentrazzjoni li tfixkel b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva, fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu, inklużi l-konċentrazzjonijiet li jagħtu lok għal effetti mhux ikkoordinati. Dan il-kontroll effettiv jaqa’ taħt l-għan ġenerali tar-Regolament Nru 139/2004, rifless fil-premessa 5 tiegħu, li jikkonsisti f’li jiġi evitat li proċess ta’ ristrutturazzjoni jwassal għal dannu fit-tul għall-kompetizzjoni fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu. |
|
110 |
Sabiex jiggarantixxi kompetizzjoni effettiva u mingħajr distorsjoni fis-suq intern u sabiex jiżgura politika segwita konformement mal-prinċipju ta’ ekonomija ta’ suq miftuħ b’kompetizzjoni libera, ir-Regolament Nru 139/2004 huwa intiż li jistabbilixxi kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha li jfixklu b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva, inklużi dawk li jwasslu għal effetti mhux ikkoordinati fi swieq oligopolistiċi. Għalhekk, minbarra l-fatt li premessa ta’ dan ir-regolament ma tistax, fi kwalunkwe każ, tillimita l-portata tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament, ma jistax jitqies li l-kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet imwettqa f’tali swieq li jistgħu jagħtu lok għal effetti mhux ikkoordinati għandu jkun limitat għas-sitwazzjonijiet li jirriżultaw fl-istess ħin miż-żewġ każijiet imsemmija fil-premessa 25 tal-istess regolament. |
|
111 |
Kif l-Avukata Ġenerali rrilevat, essenzjalment, fil-punti 74 sa 76 tal-konklużjonijiet tagħha, il-konġunzjoni “u li jinvolvu ukoll” ma hijiex biżżejjed sabiex tinvalida din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 139/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 25 ta’ dan ir-regolament, fis-sens li dawn iż-żewġ każijiet huma kundizzjonijiet kumulattivi sabiex jiġi kkonstatat tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva li jirriżulta minn konċentrazzjoni li għandha effetti mhux ikkoordinati f’suq oligopolistiku jkollha l-konsegwenza li tnaqqas l-effettività tal-kontroll ta’ dan it-tip ta’ konċentrazzjonijiet għall-każijiet biss li fihom il-Kummissjoni tista’ turi li l-konċentrazzjoni kkonċernata tista’ kemm telimina restrizzjonijiet kompetittivi qawwija bejn il-partijiet f’din il-konċentrazzjoni kif ukoll tnaqqas pressjonijiet kompetittivi fuq il-kompetituri l-oħra li jaġixxu fis-suq ikkonċernat. |
|
112 |
Għalhekk, tali interpretazzjoni timplika li l-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet kompetittivi qawwija li l-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu jeżerċitaw fuq xulxin u ż-żieda unilaterali tal-prezzijiet li jistgħu jirriżultaw ma jkunu qatt, waħedhom, suffiċjenti sabiex juru tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. |
|
113 |
Issa, tali interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 139/2004 tkun inkompatibbli mal-għan ta’ dan ir-regolament, imfakkar fil-punt 109 ta’ din is-sentenza, li jiġi stabbilit kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha li jfixklu b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva, fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu, inklużi dawk li jagħtu lok għal effetti mhux ikkoordinati. |
|
114 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li ddeċidiet, fil-punt 96 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 139/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 25 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-assenza ta’ ħolqien jew ta’ tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti wara konċentrazzjoni f’suq oligopolistiku, tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva jista’ jiġi stabbilit biss jekk il-Kummissjoni turi li żewġ kundizzjonijiet kumulattivi huma ssodisfatti, jiġifieri, minn naħa, l-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet kompetittivi qawwija li l-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu jeżerċitaw fuq xulxin u, min-naħa l-oħra, it-tnaqqis tal-pressjonijiet kompetittivi fuq il-kompetituri l-oħra, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. |
|
115 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda. |
|
116 |
Minn dan isegwi li t-tieni aggravju, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 139/2004, huwa fondat. |
Fuq it‑tielet aggravju
|
117 |
It-tielet aggravju jinkludi erba’ partijiet, ibbażati, l-ewwel, fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali marret lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju li hija għandha billi interpretat il-kunċetti ta’ “mutur importanti tal-kompetizzjoni” u ta’ “kompetituri mill-qrib”, it-tieni, fuq żnaturament kemm tad-Deċiżjoni kontenzjuża u tar-risposta tal-Kummissjoni kif ukoll fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “mutur importanti tal-kompetizzjoni”, it-tielet, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “kompetituri mill-qrib” u fuq żnaturament tad-Deċiżjoni kontenzjuża, u r-raba’, invokata sussidjarjament, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-eventwali inkompatibbiltà tal-Linji Gwida dwar il-konċentrazzjonijiet orizzontali mar-Regolament Nru 139/2004. |
Fuq l‑ewwel parti
– L‑argumenti tal‑partijiet
|
118 |
Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li, peress li wettqet, fil-punti 174 u 242 tas-sentenza appellata, interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “mutur importanti tal-kompetizzjoni” u ta’ “kompetituri mill-qrib”, il-Qorti Ġenerali tbiegħdet mid-definizzjonijiet ta’ dawn il-kunċetti ekonomiċi li jinsabu fil-Linji Gwida dwar il-konċentrazzjonijiet orizzontali kif ukoll tal-qafas ekonomiku stabbilit fihom. Konsegwentement, hija kisret il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni fil-qasam ekonomiku u ssostitwixxiet l-evalwazzjoni ekonomika tagħha għal dik tal-Kummissjoni. B’dan il-mod, din il-qorti marret lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jiddikjaraw konċentrazzjoni kompatibbli jew inkompatibbli mas-suq intern. |
|
119 |
B’mod partikolari, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali la għandha l-kompetenza u lanqas l-għarfien espert sabiex titbiegħed mill-kunċetti ekonomiċi li jinsabu fil-Linji Gwida dwar il-konċentrazzjonijiet orizzontali u sabiex issegwi approċċ ekonomiku differenti minn dak stabbilit fihom. Skont din l-istituzzjoni, il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali hija limitata għall-istħarriġ tal-legalità tal-imsemmija linji gwida. |
|
120 |
CK Telecoms tirribatti li l-Qorti Ġenerali ma marritx lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tiegħu tal-kunċetti ta’ “mutur importanti tal-kompetizzjoni” u ta’ “kompetituri mill-qrib”. Għall-kuntrarju, fis-sentenza appellata, hija evalwat il-provi peress li applikat il-kriterju li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita sew, li jgħid li l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni fil-qasam ekonomiku huwa bla ħsara għall-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni sabiex tistħarreġ l-interpretazzjoni minnha ta’ data ta’ natura ekonomika. |
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
121 |
Skont il-premessa 28 tar-Regolament Nru 139/2004, sabiex tikkjarifika u tispjega l-evalwazzjoni tal-konċentrazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni għandha toħroġ linji gwida li għandhom jistabbilixxu qafas ekonomiku sod għall-evalwazzjoni tal-konċentrazzjonijiet sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn jistgħux jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq intern. |
|
122 |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni adottat il-Linji Gwida dwar il-konċentrazzjonijiet orizzontali, li jiddeterminaw il-metodoloġija li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħha dwar l-eżistenza eventwali ta’ tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva, fis-sens tar-Regolament Nru 139/2004. |
|
123 |
Madankollu, minkejja li l-Kummissjoni ma tistax titbiegħed minn tali linji gwida mingħajr ġustifikazzjoni, għaliex inkella tiġi ssanzjonata, jekk ikun il-każ, minħabba ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, dawn ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala regola ta’ dritt li l-amministrazzjoni hija, fi kwalunkwe każ, obbligata tosserva u ma jikkostitwixxux il-bażi legali tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni fil-qasam ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 209, 211 u 213). Madankollu, il-qorti tal-Unjoni tibqa’ kompetenti sabiex tinterpretahom, b’mod partikolari, meta, fid-deċiżjonijiet tagħha li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu konċentrazzjoni, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-imsemmija linji gwida sabiex tiddetermina jekk il-konċentrazzjoni kkonċernata kinitx ser twassal jew le għal tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. |
|
124 |
Ċertament, kif tfakkar fil-punt 84 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam ekonomiku għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli sostantivi tar-Regolament Nru 139/2004, b’mod partikolari tal-Artikolu 2 tiegħu li jiġġustifika li l-istħarriġ mill-qorti tal-Unjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ konċentrazzjonijiet ikun limitat għall-verifika tal-eżattezza materjali tal-fatti u għall-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni. |
|
125 |
Madankollu, dan ma jfissirx li l-qorti tal-Unjoni għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, magħmula mill-Kummissjoni, ta’ data ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni, li, kif fakkret l-Avukata Ġenerali fil-punti 73 u 85 tal-konklużjonijiet tagħha, ma tistax tkun marbuta bil-Linji Gwida dwar il-konċentrazzjonijiet orizzontali bħala tali, għandha b’mod partikolari tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet misluta minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 145 kif ukoll l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
126 |
L-imsemmi marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni lanqas ma jimplika li l-qorti tal-Unjoni għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-kunċetti ta’ natura ekonomika, jiġifieri tal-kunċetti tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu analiżi ekonomika waqt l-implimentazzjoni tagħhom. |
|
127 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni diġà interpretat diversi drabi kunċetti ta’ natura ekonomika fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, bħall-kunċett ta’ “pożizzjoni dominanti” (sentenza tal‑14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continentaal vs Il-Kummissjoni, 27/76, EU:C:1978:22, punti 65 u 66), il-kunċett ta’ “suq rilevanti” (sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il‑Kummissjoni, 322/81, EU:C:1983:313, punt 37, u tas‑6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il‑Kummissjoni, T‑83/91, EU:T:1994:246, punt 63), u l-kunċett ta’ “pressjoni fuq il-marġni tal-kompetituri” (sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Slovak Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑165/19 P, EU:C:2021:239, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
128 |
Issa, il-kunċetti ta’ “mutur importanti tal-kompetizzjoni” u ta’ “kompetituri mill-qrib”, li għalihom isir riferiment fil-Linji Gwida dwar il-konċentrazzjonijiet orizzontali, jinsabu fost il-fatturi li jistgħu jinfluwenzaw il-probabbiltà li konċentrazzjoni jkollha effetti mhux ikkoordinati sinjifikattivi u, konsegwentement, fuq il-konstatazzjoni tal-eżistenza eventwali ta’ “tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva” fis-sens tal-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 139/2004. |
|
129 |
Minn dan isegwi li, għalkemm il-kunċetti ta’ “mutur importanti tal-kompetizzjoni” u ta’ “kompetituri mill-qrib” huma ta’ natura ekonomika, il-qorti tal-Unjoni għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpretahom fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-istħarriġ tagħha fuq id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni meħuda fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. |
|
130 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali, peress li tat interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “mutur importanti tal-kompetizzjoni” u ta’ “kompetituri mill-qrib”, ma marritx lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. |
|
131 |
Minn dan isegwi li l-ewwel parti tat-tielet aggravju tal-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
Fuq it‑tieni parti
– L‑argumenti tal‑partijiet
|
132 |
Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni tinvoka tliet ilmenti, ibbażati, l-ewwel, fuq żnaturament tad-Deċiżjoni kontenzjuża, it-tieni, fuq żnaturament tar-risposta tagħha u, it-tielet, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “mutur importanti tal-kompetizzjoni”. |
|
133 |
Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li fil-punt 171 tas-sentenza appellata, qieset b’mod żbaljat li, fid-Deċiżjoni kontenzjuża, kien jirriżulta li l-fatt li parti fil-konċentrazzjoni tkun ikklassifikata bħala “mutur importanti tal-kompetizzjoni” f’suq oligopolistiku huwa suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li l-konċentrazzjoni inkwistjoni ser tagħti lok għal tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. Din il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija kontradetta mill-punt 155 ta’ dik is-sentenza li skontha mill-kliem tad-Deċiżjoni kontenzjuża, b’mod partikolari mill-premessa 777 tagħha, jirriżulta li l-fatt li “Three tikkostitwixxi mutur importanti tal-kompetizzjoni fis-suq tal-bejgħ bl-imnut […], fis-sens tal-punt 37 tal-Linji Gwida, jew fi kwalunkwe każ restrizzjoni kompetittiva qawwija fuq dan is-suq” huwa biss wieħed mill-fatturi użati mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li l-konċentrazzjoni tagħti lok għal effetti mhux ikkoordinati sinjifikattivi. |
|
134 |
Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, fil-punt 170 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-punt 39 tar-risposta tagħha, li wassal lil din l-qorti sabiex toħloq id-definizzjoni tagħha stess tal-kunċett ta’ “mutur importanti tal-kompetizzjoni”, li huwa differenti minn dik stabbilit fil-punt 37 tal-Linji Gwida dwar il-konċentrazzjonijiet orizzontali. Issa, jirriżulta, b’mod partikolari, mill-imsemmi punt 39 tar-risposta kif ukoll mill-punt 13 tal-kontroreplika tal-Kummissjoni li din tal-aħħar kienet tagħti eżempju wieħed biss f’dawn tal-aħħar, mingħajr ma tafferma li “mutur importanti tal-kompetizzjoni” għandu neċessarjament jikkompeti b’mod partikolarment aggressiv u jġiegħel lill-kompetituri tagħha jsegwu dan l-aġir. |
|
135 |
Madankollu, mill-punti 170 u 216 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali rriproduċiet dan l-eżempju u biddlitu f’definizzjoni tal-kunċett ta’ “mutur importanti tal-kompetizzjoni”. |
|
136 |
Permezz tat-tielet u l-aħħar ilment tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli b’mod żbaljat imponitilha, fil-punti 170 u 216 tas-sentenza appellata, rekwiżiti eċċessivi għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ impriża bħala “mutur importanti tal-kompetizzjoni”, li jgħidu li l-impriża kkonċernata għandha tiddistingwi ruħha mill-kompetituri tagħha f’termini ta’ impatt fuq il-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, toffri kompetizzjoni partikolarment aggressiva f’termini ta’ prezzijiet u li hija sforzat lill-atturi l-oħra fis-suq jallinjaw ruħhom mal-prezzijiet tagħha. |
|
137 |
Fir-rigward tal-ewwel ilment tal-Kummissjoni, CK Telecoms tirribatti li, fil-prassi preċedenti tagħha u b’mod partikolari fil-kawżi msemmija fil-punt 164 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni kklassifikat waħda jew tnejn mill-partijiet fil-konċentrazzjonijiet eżaminati bħala “mutur(i) importanti tal-kompetizzjoni”, fejn din il-konstatazzjoni kienet biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li l-konċentrazzjoni kkonċernata tista’ twassal għal tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. |
|
138 |
Fir-rigward tat-tieni lment tal-Kummissjoni, CK Telecoms issostni li l-punt 39 tar-risposta tal-Kummissjoni ma kienx limitat sabiex jagħti eżempju ta’ “mutur importanti tal-kompetizzjoni”. |
|
139 |
Fir-rigward tat-tielet u l-aħħar ilment tal-Kummissjoni, CK Telecoms issostni li l-Qorti Ġenerali ma tbegħditx mil-Linji Gwida dwar il-konċentrazzjonijiet orizzontali u ġustament ikkonstatat li “mutur importanti tal-kompetizzjoni” kellu jiddistingwi ruħu mill-kompetituri tiegħu f’termini ta’ impatt fuq il-kompetizzjoni. |
|
140 |
Fil-fatt, ir-rekwiżit li “mutur importanti tal-kompetizzjoni” ikun differenti mill-kompetituri tiegħu f’termini ta’ impatt fuq il-kompetizzjoni huwa l-minimu meħtieġ sabiex jiġi kkunsidrat li, f’suq oligopolistiku, impriża tista’ taqa’ taħt dan il-kunċett. Li kieku dan ma kienx il-każ, kull kompetitur li jaġixxi f’suq oligopolistiku jkun jista’ jiġi kklassifikat bħala “mutur importanti tal-kompetizzjoni” u l-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li topponi kważi l-konċentrazzjonijiet orizzontali kollha. |
|
141 |
Għalhekk, sabiex impriża tiġi kklassifikata bħala “mutur importanti tal-kompetizzjoni” f’suq oligopolistiku, għandu jintwera li hija teżerċita restrizzjonijiet partikolarment qawwija fuq il-kompetituri l-oħra. |
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
142 |
Fir-rigward tal-ewwel ilment, ibbażat fuq żnaturament tad-Deċiżjoni kontenzjuża, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Orange Polska vs Il‑Kummissjoni, C‑123/16 P, EU:C:2018:590, punt 75). |
|
143 |
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 171 tas-sentenza appellata, li “[m]id-deċiżjoni [kontenzjuża] jirriżulta li, fir-rigward tal-eliminazzjoni ta’ ‘mutur importanti tal-kompetizzjoni’, il-Kummissjoni hija tal-fehma li s-sempliċi tnaqqis fil-pressjoni kompetittiva li jirriżulta, b’mod partikolari, mit-tmiem ta’ impriża li għandha rwol ikbar milli jagħtu x’tifhem il-partijiet tas-suq tagħha huwa biżżejjed, fih innifsu, sabiex jagħti prova ta’ tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva”. |
|
144 |
Il-Qorti Ġenerali bbażat din il-konstatazzjoni fuq qari tal-premessi kollha tad-Deċiżjoni kontenzjuża ddedikati, b’mod partikolari, għan-natura tal-kunċett ta’ “mutur importanti tal-kompetizzjoni”. |
|
145 |
Issa, kuntrarjament għal dak li kkonstatat il-Qorti Ġenerali fl-imsemmi punt 171, mid-Deċiżjoni kontenzjuża ma jirriżultax li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-eliminazzjoni ta’ “mutur importanti tal-kompetizzjoni” hija biżżejjed f’dan il-każ, fiha nnifisha, sabiex tipprova tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. |
|
146 |
Għall-kuntrarju, mill-elementi prinċipali li jinsabu fit-taqsimiet intitolati “Evalwazzjoni tal-kompetizzjoni” u “Kriterju fuq il-mertu”, u, b’mod iktar partikolari, mill-premessi 313 u 321 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, jirriżulta li l-Linji Gwida dwar il-konċentrazzjonijiet orizzontali jistabbilixxu diversi fatturi rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk konċentrazzjoni tistax twassal għal effetti mhux ikkoordinati. |
|
147 |
Huwa minnu li, f’dawn iż-żewġ premessi, il-Kummissjoni ppreċiżat b’mod partikolari li dawn il-fatturi kollha ma għandhomx neċessarjament jiġu ssodisfatti sabiex tali effetti jkunu probabbli. Madankollu, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 97 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Kummissjoni ma ddeduċietx minn dan li l-preżenza ta’ wieħed biss minn dawn il-fatturi hija biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat li l-konċentrazzjoni eżaminata tista’ twassal għal tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. |
|
148 |
Fil-fatt, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 263 relatata mal-premessa 313 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni għamlet riferiment espliċitu għall-punt 26 tal-Linji Gwida dwar il-konċentrazzjonijiet orizzontali, li jipprovdi li l-fatt li waħda mill-partijiet fil-konċentrazzjoni tista’ tiġi kklassifikata bħala “mutur importanti tal-kompetizzjoni” huwa wieħed mill-fatturi msemmija minn dawn il-linji gwida bħala li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk din il-konċentrazzjoni tistax twassal għal tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. |
|
149 |
Barra minn hekk, kif tirrileva l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 155 tas-sentenza appellata, tosserva hija stess li mid-Deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li l-klassifikazzjoni ta’ Three bħala “mutur importanti tal-kompetizzjoni” hija wieħed mill-fatturi użati mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li l-konċentrazzjoni tagħti lok għal effetti mhux ikkoordinati. |
|
150 |
Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali żnaturat din id-deċiżjoni fil-punt 171 tas-sentenza appellata. |
|
151 |
Għalhekk l-ewwel ilment tat-tieni parti tat-tielet aggravju għandu jintlaqa’. |
|
152 |
Fir-rigward tat-tieni lment, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali żnaturat, fil-punt 170 tas-sentenza appellata, il-punt 39 tar-risposta tal-Kummissjoni, li wassal lil din il-qorti sabiex tistabbilixxi eżempju ta’ “mutur importanti tal-kompetizzjoni” f’definizzjoni ta’ dan il-kunċett, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, anki jekk jitqies li, fl-imsemmi punt 170, il-Qorti Ġenerali żnaturat ir-risposta tal-Kummissjoni, tali żnaturament ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata, b’mod partikolari għaliex l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni ppreżentati fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u li jirrigwardaw il-kunċett ta’ “mutur importanti tal-kompetizzjoni” ma jistgħux jitqiesu li huma deċiżivi sabiex jiġi ddeterminat il-kontenut ta’ dan il-kunċett. |
|
153 |
Isegwi li t-tieni lment tat-tieni parti tat-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. |
|
154 |
Fir-rigward tat-tielet u l-aħħar ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi peress li imponiet rekwiżiti eċċessivi sabiex impriża tiġi kklassifikata bħala “mutur importanti tal-kompetizzjoni”, għandu jitfakkar li, fil-punti 170 u 216 tas-sentenza appellata, din il-qorti adottat definizzjoni tal-kunċett ta’ “mutur importanti tal-kompetizzjoni” li tgħid li l-impriża kkonċernata għandha tkun distinta mill-kompetituri tagħha f’termini ta’ impatt tal-politika tagħha tal-prezzijiet fuq id-dinamika kompetittiva fis-suq ikkonċernat u, b’mod partikolari, għandha toffri kompetizzjoni partikolarment aggressiva f’termini ta’ prezzijiet u li hija sforzat lill-atturi l-oħra fis-suq jallinjaw ruħhom mal-prezzijiet tagħha. |
|
155 |
Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat fil-punti 173 u 175 tal-imsemmija sentenza li l-approċċ segwit mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kontenzjuża jwassal fil-prattika sabiex jiġi konfuż il-kunċett ta’ “tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva”, imsemmi fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 139/2004, il-kunċett ta’ “eliminazzjoni ta’ restrizzjoni kompetittiva qawwija”, li jinsab fil-premessa 25 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll il-kunċett ta’ eliminazzjoni ta’ “mutur importanti tal-kompetizzjoni”. Tali konfużjoni twassal għal interpretazzjoni wiesgħa ta’ dan l-Artikolu 2(3), li tgħid li kull eliminazzjoni ta’ “mutur importanti tal-kompetizzjoni” tkun ekwivalenti għall-eliminazzjoni ta’ restrizzjoni kompetittiva qawwija li, min-naħa tagħha, tiġġustifika l-konklużjoni tal-eżistenza ta’ tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. |
|
156 |
Barra minn hekk, fil-punt 174 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, essenzjalment, li, jekk ma kienx meħtieġ li impriża tiddistingwi ruħha mill-kompetituri tagħha f’termini ta’ impatt fuq il-kompetizzjoni sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “mutur importanti tal-kompetizzjoni”, kull impriża f’suq oligopolistiku li jeżerċita pressjoni kompetittiva tista’ taqa’ taħt dan il-kunċett. |
|
157 |
F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 216 ta’ dik is-sentenza, li l-Kummissjoni ma kinitx weriet b’mod suffiċjenti fid-dritt li Three taqa’ taħt l-imsemmi kunċett. |
|
158 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessi 6, 24 u 25 tar-Regolament Nru 139/2004, dan huwa intiż li jistabbilixxi kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha li jfixklu b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva, fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu, inklużi konċentrazzjonijiet li jagħtu lok għal effetti mhux ikkoordinati. |
|
159 |
It-tieni, kif jikkonferma l-punt 24 tal-Linji Gwida dwar il-konċentrazzjonijiet orizzontali, l-effett l-iktar dirett ta’ konċentrazzjoni ser ikun l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni. |
|
160 |
It-tielet, skont qari flimkien tal-punti 26, 37 u 38 tal-Linji Gwida dwar il-konċentrazzjonijiet orizzontali, l-eliminazzjoni ta’ “mutur importanti tal-kompetizzjoni” hija, bħala prinċipju, wieħed mill-fatturi li jistgħu jinfluwenzaw il-probabbiltà li konċentrazzjoni twassal għal effetti mhux ikkoordinati sinjifikattivi u li jippermettu għalhekk li jiġi evalwat, b’mod partikolari, jekk din il-konċentrazzjoni twassalx għall-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet kompetittivi qawwija li l-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu jeżerċitaw fuq xulxin. |
|
161 |
F’dan il-kuntest, għandu jitqies li r-rekwiżiti meħtieġa sabiex impriża tiġi kklassifikata bħala “mutur importanti tal-kompetizzjoni”, li għandhom effett dirett fuq l-użu ta’ din il-klassifikazzjoni bħala fattur rilevanti sabiex jiġi konkluż li jeżisti eventwali tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva, ma għandhomx ikunu ta’ natura li jeskludu l-possibbiltà, għall-Kummissjoni, li tiddikjara inkompatibbli mas-suq intern konċentrazzjonijiet li jistgħu jagħtu lok għal effetti mhux ikkoordinati sinjifikattivi u, konsegwentement, jippreġudikaw b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva. Fil-fatt, fil-każ kuntrarju, l-effikaċja sħiħa tal-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 139/2004 u, b’mod partikolari, l-effettività ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tista’ tiġi kkontestata. |
|
162 |
F’dan ir-rigward, il-fatt li parti f’konċentrazzjoni f’suq oligopolistiku ma tiddevjax mill-kompetituri tagħha meta tkun “partikolarment aggressiva” f’termini ta’ prezz ma jimplikax li konċentrazzjoni li fiha tkun parti tali impriża ma tistax tbiddel id-dinamika tal-kompetizzjoni b’mod sinjifikattiv u dannuż. Fil-fatt, huwa stabbilit li l-kontroll tal-konċentrazzjonijiet huwa intiż preċiżament sabiex jiġi eżaminat kif konċentrazzjoni tista’ tbiddel il-fatturi li jiddeterminaw l-istat tal-kompetizzjoni f’suq partikolari sabiex jiġi vverifikat jekk jirriżultax tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva, mingħajr ma jkun determinanti f’dan ir-rigward li impriża li taqa’ taħt l-imsemmija konċentrazzjoni tkun impriża “partikolarment aggressiva” f’dan is-suq. |
|
163 |
Barra minn hekk, kif jikkonferma, essenzjalment, il-punt 38 tal-Linji Gwida dwar il-konċentrazzjonijiet orizzontali, ma jistax jiġi eskluż li, f’suq oligopolistiku partikolari, diversi impriżi jistgħu jiġu kklassifikati bħala “mutur importanti tal-kompetizzjoni”. |
|
164 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix bħala qafas legali applikabbli fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet u għandha biss natura indikattiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, EU:C:2009:576, punt 233 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, il-fatt li l-Kummissjoni, f’deċiżjonijiet preċedenti, ikklassifikat bħala “mutur importanti tal-kompetizzjoni” ċerti impriżi li kienu uniċi fl-“aggressività” tagħhom fis-suq ikkonċernat u kienu żiedu l-preżenza tagħhom f’dan is-suq b’mod iktar mgħaġġel minn kull kompetitur ieħor, ma jimplikax li huma l-uniċi każijiet li jistgħu jagħtu lok għal tali klassifikazzjoni. |
|
165 |
Fl-aħħar nett, il-prezz spiss ma jikkostitwixxix l-uniku parametru importanti għall-evalwazzjoni tad-dinamika kompetittiva, b’mod partikolari, fi swieq ta’ prodotti differenzjati li fihom il-kwalità u l-innovazzjoni jista’ jkollhom rwol ewlieni fil-pożizzjonament tal-prodotti kkonċernati. Għaldaqstant, huwa neċessarjament inkomplet approċċ esklużivament iċċentrat fuq il-prezzijiet għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ impriża bħala “mutur importanti tal-kompetizzjoni”. |
|
166 |
Konsegwentement, il-kunċett ta’ “mutur importanti tal-kompetizzjoni” ma jistax jiġi applikat esklużivament għal impriżi li jikkompetu b’mod partikolarment aggressiv fir-rigward tal-prezzijiet u li jġiegħlu lill-kompetituri tagħhom fis-suq jallinjaw ruħhom mal-prezzijiet tagħhom jew ma’ impriżi li l-politika tal-prezzijiet tagħhom tista’ tbiddel b’mod sinjifikattiv id-dinamika kompetittiva fis-suq ikkonċernat. |
|
167 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, sabiex impriża tiġi kklassifikata bħala “mutur importanti tal-kompetizzjoni”, huwa biżżejjed, kif ġie espost fil-punt 37 tal-Linji Gwida dwar il-konċentrazzjonijiet orizzontali, li hija għandha rwol iktar importanti fil-kompetizzjoni milli jħallu li jiġi preżunt is-sehem tagħha tas-suq jew kull indikatur ieħor simili. |
|
168 |
Għalhekk, f’dan il-każ, billi qieset, fil-punti 170 u 216 tas-sentenza appellata, li, sabiex Three tiġi kklassifikata bħala “mutur importanti tal-kompetizzjoni”, il-Kummissjoni għandha turi li din l-impriża kienet tikkompeti b’mod partikolarment aggressiv f’termini ta’ prezz u li hija kienet ġġiegħel lill-atturi l-oħra fis-suq jallinjaw ruħhom mal-prezzijiet tagħha jew li l-politika tal-prezzijiet tagħha setgħet tbiddel, b’mod sinjifikattiv, id-dinamika kompetittiva fis-suq, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. |
|
169 |
Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 151 u 168 ta’ din is-sentenza, it-tieni parti tat-tielet aggravju għandha tintlaqa’. |
Fuq it‑tielet parti
– L‑argumenti tal‑partijiet
|
170 |
Permezz tat-tielet parti tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni tinvoka żewġ ilmenti. |
|
171 |
Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, peress li imponiet fuqha, fil-punt 242 tas-sentenza appellata, li turi li l-partijiet fil-konċentrazzjoni ma humiex “kompetituri mill-qrib”, iżda “kompetituri partikolarment qrib”, il-Qorti Ġenerali imponiet rekwiżit eċċessiv f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-prossimità tar-relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn l-imsemmija partijiet. |
|
172 |
Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ppreżumiet b’mod żbaljat, fil-punt 247 tas-sentenza appellata, li f’suq oligopolistiku bħal dak tat-telekomunikazzjonijiet mobbli fir-Renju Unit, li għandu erba’ operaturi ta’ network mobbli, dawn l-operaturi kollha huma, bħala definizzjoni, kompetituri ftit jew wisq qrib. |
|
173 |
Issa, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li kull suq għandu dinamika li hija tiegħu. Għalhekk, f’suq oligopolistiku kkaratterizzat minn offerta ta’ prodotti differenzjati, huwa possibbli li l-prodotti offruti minn żewġ impriżi ta’ dan is-suq ikollhom grad ta’ sostitwibbiltà relattivament baxx jew ikunu diretti kważi esklużivament lejn partijiet differenti tas-suq. Għaldaqstant, dawn iż-żewġ impriżi ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala kompetituri mill-qrib. Għaldaqstant, fil-każ ta’ konċentrazzjoni bejniethom, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq il-prossimità tal-kompetizzjoni bħala fattur rilevanti sabiex tikkonkludi li jeżisti tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. Għall-kuntrarju, skont il-Kummissjoni, jekk dawn iż-żewġ impriżi huma f’kompetizzjoni mill-qrib fl-istess partijiet ta’ dan is-suq oligopolistiku, u għalhekk juru li “r-rivalità [bejniethom] kienet sors importanti ta’ kompetizzjoni fis-suq” fis-sens tal-punt 28 tal-Linji Gwida dwar il-konċentrazzjonijiet orizzontali, il-Kummissjoni ma tistax tkun obbligata turi li l-partijiet fil-konċentrazzjoni huma l-“eqreb kompetituri” jew “kompetituri partikolarment qrib”. |
|
174 |
Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li żnaturat id-Deċiżjoni kontenzjuża billi qieset, b’mod partikolari, fil-punt 249 tas-sentenza appellata, li hija kienet ibbażat ruħha fuq il-premessa li l-prossimità tal-kompetizzjoni bejn Three u O2 kienet suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li l-konċentrazzjoni ppjanata kienet ser tagħti lok għal tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. Fil-fatt, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 227 tas-sentenza appellata, il-prossimità tal-kompetizzjoni bejn Three u O2 hija biss wieħed mill-fatturi użati fid-Deċiżjoni kontenzjuża sabiex jiġi konkluż li l-konċentrazzjoni ppjanata tagħti lok għal effetti mhux ikkoordinati. |
|
175 |
CK Telecoms tirribatti li l-ewwel ilment tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq qari iżolat u żbaljat tas-sentenza appellata. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ħadet debitament inkunsiderazzjoni l-Linji Gwida dwar il-konċentrazzjonijiet orizzontali u l-fatt li l-prossimità tal-kompetizzjoni bejn Three u O2 hija fattur importanti f’dan il-każ. |
|
176 |
Madankollu, dawn il-linji gwida ma jiddeterminawx bi preċiżjoni l-grad ta’ prossimità neċessarju sabiex l-impriżi kkonċernati jiġu kklassifikati bħala “kompetituri mill-qrib”. |
|
177 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma applikatx fid-Deċiżjoni kontenzjuża l-kriterji stabbiliti fl-imsemmija linji gwida sabiex teżamina l-prossimità tal-kompetizzjoni bejn Three u O2. |
|
178 |
Skont CK Telecoms, ir-rekwiżit ta’ prossimità “partikolari” huwa konformi mal-kriterju ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. Huwa biss livell partikolari ta’ prossimità tal-kompetizzjoni li jista’ jikkostitwixxi l-prova ta’ tali tfixkil. |
|
179 |
Fir-rigward tat-tieni lment, CK Telecoms tqis li l-Qorti Ġenerali ma żnaturatx id-Deċiżjoni kontenzjuża fil-punt 249 tas-sentenza appellata. |
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
180 |
Fir-rigward tal-ewwel ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali eżiġiet b’mod żbaljat mill-Kummissjoni, b’mod partikolari, fil-punt 242 tas-sentenza appellata, li turi li, f’dan il-każ, il-partijiet fil-konċentrazzjoni huma “kompetituri partikolarment qrib”, għandu jiġi rrilevat li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-livell ta’ prossimità tal-kompetizzjoni bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni tagħmel parti mill-eżami tal-ewwel teorija tad-dannu, imressqa mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kontenzjuża, dwar l-effetti mhux ikkoordinati fis-suq bl-imnut. |
|
181 |
Fil-punt 128 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat li, fil-kuntest ta’ din it-teorija, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq ir-restrizzjoni kompetittiva qawwija eżerċitata minn Three u O2, fuq il-prossimità tal-kompetizzjoni bejn dawn iż-żewġ impriżi, fuq il-partijiet tagħhom tas-suq u fuq l-inċentivi għall-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ppjanata li żżid il-prezzijiet kif ukoll fuq il-kapaċità ta’ kompetizzjoni tal-kompetituri tagħha, sabiex tikkonkludi, fil-premessa 1226 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li l-konċentrazzjoni “tista’ tipproduċi effetti antikompetittivi mhux ikkoordinati fis-suq tal-bejgħ bl-imnut”. |
|
182 |
F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, ikkonstatat, fil-punt 234 tas-sentenza appellata, li l-kunċett ta’ “kompetitur mill-qrib” ma jinsabx fir-Regolament Nru 139/2004, iżda biss fil-Linji Gwida dwar il-konċentrazzjonijiet orizzontali. |
|
183 |
Madankollu, fil-punti 235 u 241 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset, essenzjalment, li l-applikabbiltà tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 139/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 25 ta’ dan ir-regolament, teħtieġ l-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet kompetittivi qawwija li l-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu jeżerċitaw fuq xulxin, li jikkostitwixxi l-effett unilaterali l-iktar dirett ta’ konċentrazzjoni f’suq oligopolistiku. |
|
184 |
Fil-punti 242, 247 u 249 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali essenzjalment qieset li l-Kummissjoni kellha turi, fir-rigward ta’ suq oligopolistiku li fih l-operaturi kollha, bħala definizzjoni, huma xi ftit jew wisq qrib, mhux li dawn il-partijiet kienu jikkostitwixxu kompetituri mill-qrib, iżda kompetituri “partikolarment qrib”. |
|
185 |
Fl-aħħar nett, fil-punti 249 u 250 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-argument ta’ CK Telecoms relatat mas-saħħa probatorja dgħajfa tal-analiżi tal-prossimità tar-relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn Three u O2. Il-Qorti Ġenerali mmotivat din il-pożizzjoni bil-fatt li Three u O2 kienu biss kompetituri relattivament qrib f’parti mis-setturi ta’ suq ikkonċentrat li jinkludi erba’ operaturi ta’ network mobbli. Issa, skont din il-qorti, dan l-element waħdu ma huwiex biżżejjed sabiex jipprova, f’dan il-każ, l-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet kompetittivi qawwija li l-partijiet fil-konċentrazzjoni ppjanata kienu jeżerċitaw fuq xulxin u sabiex jiġi stabbilit tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva, sakemm ma tiġix ipprojbita, bħala prinċipju, kull konċentrazzjoni li tirriżulta minn bidla minn erba’ operaturi għal tlieta. |
|
186 |
F’dan ir-rigward, kif ġie mfakkar fil-punt 159 ta’ din is-sentenza, l-iktar effett dirett ta’ konċentrazzjoni f’suq oligopolistiku ser ikun l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni. |
|
187 |
Issa, kif jikkonfermaw il-punti 26 u 28 sa 30 tal-Linji Gwida dwar il-konċentrazzjonijiet orizzontali, għalkemm il-prossimità tal-kompetizzjoni bejn il-partijiet f’konċentrazzjoni hija indizju importanti sabiex tiġi evalwata l-eliminazzjoni eventwali tar-restrizzjonijiet kompetittivi qawwija eżerċitati bejn dawn il-partijiet, din il-prossimità hija biss wieħed mill-fatturi li jippermettu li tiġi evalwata l-probabbiltà li konċentrazzjoni jkollha effetti mhux ikkoordinati sinjifikattivi. |
|
188 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ġustament indikat, fil-punt 28 tal-Linji Gwida dwar il-konċentrazzjonijiet orizzontali, li, fl-istess suq inkwistjoni, il-prodotti jistgħu jiġu ddifferenzjati b’tali mod li ċerti prodotti huma sostituti eqreb minn oħrajn u, li iktar ma jkun għoli l-grad ta’ sostitwibbiltà bejn il-prodotti tal-partijiet f’konċentrazzjoni, iktar ikun probabbli li dawn iżidu b’mod sinjifikattiv il-prezzijiet tagħhom wara l-konċentrazzjoni. Għaldaqstant, kif l-Avukata Ġenerali rrilevat, essenzjalment, fil-punt 121 tal-konklużjonijiet tagħha, livell ta’ prossimità tal-kompetizzjoni ogħla bejn il-partijiet f’konċentrazzjoni jista’ jikkostitwixxi indizju li huwa iktar probabbli milli improbabbli li din tfixkel b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sinjifikattiva minnu, filwaqt li livell inqas ta’ prossimità tal-kompetizzjoni bejn dawn il-partijiet jista’ jikkostitwixxi indizju fis-sens kuntrarju. |
|
189 |
F’dan il-kuntest, ir-rekwiżit, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-prossimità tal-kompetizzjoni bejn il-partijiet f’konċentrazzjoni, li dawn ikunu kompetituri “partikolarment qrib” jimplika l-eżistenza ta’ livell għoli ħafna ta’ sostitwibbiltà bejn il-prodotti tal-imsemmija partijiet f’suq ta’ prodotti differenti. Issa, tali livell ta’ sostitwibbiltà ma huwiex neċessarjament meħtieġ. Fil-fatt, anki meta s-sostitwibbiltà bejn il-prodotti tal-partijiet fil-konċentrazzjoni ma hijiex partikolarment għolja, jista’ jkun hemm livell inqas ta’ sostitwibbiltà bejn il-prodotti ta’ dawn il-partijiet u dawk tal-impriżi li ma humiex parti fil-konċentrazzjoni, li jista’ jħeġġeġ lill-partijiet għall-imsemmija konċentrazzjoni sabiex iżidu l-prezzijiet tal-prodotti tagħhom. |
|
190 |
Barra minn hekk, kif jistabbilixxi, essenzjalment, il-punt 28 tal-Linji Gwida dwar il-konċentrazzjonijiet orizzontali, l-eżistenza, qabel il-konċentrazzjoni, ta’ marġnijiet għoljin tista’ wkoll tagħmel iktar probabbli żidiet fil-prezzijiet sinjifikattivi wara l-konċentrazzjoni. Issa, dawn il-marġni jistgħu jindikaw ukoll li l-partijiet fil-konċentrazzjoni kkonċernata ma humiex l-eqreb kompetituri u lanqas kompetituri partikolarment qrib. |
|
191 |
Għaldaqstant, ma jistax jiġi konkluż li konċentrazzjoni biss bejn kompetituri li huma partikolarment qrib tista’ tfixkel b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq ikkonċernat. |
|
192 |
Għaldaqstant, peress li imponiet fuq il-Kummissjoni, b’mod partikolari fil-punti 242 u 247 tas-sentenza appellata, li turi li l-partijiet fil-konċentrazzjoni ma humiex kompetituri mill-qrib iżda kompetituri “partikolarment qrib”, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. |
|
193 |
Minn dan isegwi li l-ewwel ilment tat-tielet parti tat-tielet aggravju għandu jintlaqa’. |
|
194 |
Permezz tat-tieni lment, il-Kummissjoni, permezz tiegħu, tikkritika lill-Qorti Ġenerali li żnaturat id-Deċiżjoni kontenzjuża billi qieset, b’mod partikolari fil-punt 249 tas-sentenza appellata, li f’din id-deċiżjoni, hija kienet telqet mill-premessa li l-prossimità tal-kompetizzjoni bejn Three u O2 fis-suq oligopolistiku inkwistjoni kienet suffiċjenti, waħedha, sabiex jiġi kkunsidrat li l-konċentrazzjoni kienet ser tagħti lok għal tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. |
|
195 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fl-imsemmi punt 249, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “[għ]alkemm jista’, ċertament, jiġi stabbilit li Three u O2 huma kompetituri relattivament qrib f’parti mis-setturi ta’ suq ikkonċentrat b’erba’ operaturi ta’ network mobbli, dan l-element waħdu ma huwiex biżżejjed sabiex jagħti prova, f’dan il-każ, tal-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet kompetittivi qawwija li l-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu jeżerċitaw fuq xulxin u ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva, sakemm ma tiġix ipprojbita, bħala prinċipju, kull konċentrazzjoni li tirriżulta minn bidla minn erba’ operaturi għal tlieta”. |
|
196 |
Kif issostni l-Kummissjoni, id-Deċiżjoni kontenzjuża ma tinkludi ebda element li jafferma li l-prossimità tal-kompetizzjoni bejn Three u O2 kienet suffiċjenti, waħedha, sabiex jiġi kkunsidrat li l-konċentrazzjoni ppjanata setgħet tagħti lok għal tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. Għall-kuntrarju, kif tfakkar fil-punt 146 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessi 313 u 321 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li l-Linji Gwida dwar il-konċentrazzjonijiet orizzontali jistabbilixxu diversi fatturi, fosthom dak tal-prossimità tal-kompetizzjoni, rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk konċentrazzjoni tistax twassal għal effetti mhux ikkoordinati. |
|
197 |
Għaldaqstant, it-tieni lment għandu jintlaqa’ u, konsegwentement, it-tielet parti tat-tielet aggravju għandu jintlaqa’ fl‑intier tiegħu. |
|
198 |
Għaldaqstant, it-tieni u t-tielet parti tat-tielet aggravju għandhom jintlaqgħu, mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata r-raba’ parti tiegħu, ippreżentata sussidjarjament. |
Fuq ir‑raba’ aggravju
|
199 |
Ir-raba’ aggravju jinkludi żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata, minn naħa, fuq żnaturament tal-argument tal-Kummissjoni dwar l-analiżi kwantitattiva tagħha tal-effetti tal-konċentrazzjoni ppjanata fuq il-prezzijiet u, min-naħa l-oħra, fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li, f’dan il-każ, iż-żieda fil-prezzijiet ma kinitx sinjifikattiva. It-tieni parti hija bbażata fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali imponiet b’mod żbaljat fuq il-Kummissjoni li tinkludi, fl-analiżi tagħha, żieda fl-effikaċja msejħa “standard”. |
Fuq l‑ewwel parti
– L‑argumenti tal‑partijiet
|
200 |
Permezz tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju tagħha, il-Kummissjoni tinvoka żewġ ilmenti. |
|
201 |
Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li żnaturat in-noti tagħha meta kkunsidrat, fil-punt 273 tas-sentenza appellata, li kien stabbilit li ż-żieda fil-prezzijiet li tista’ tirriżulta mill-konċentrazzjoni ppjanata hija ta’ [kunfidenzjali] ( 1 ) %, filwaqt li jirriżulta kemm mill-punt 157 tar-risposta kif ukoll mill-punt 61 tal-kontroreplika, li din l-istituzzjoni kkontestat dan l-ammont quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, minn dawn il-punti jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni kkontestat iċ-ċifri mressqa minn CK Telecoms u sostniet, quddiem il-Qorti Ġenerali, li din iż-żieda fil-prezzijiet kienet ta’ [kunfidenzjali] %. |
|
202 |
Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 273 tas-sentenza appellata, peress li tat x’tifhem li ż-żieda fil-prezzijiet li tista’ tirriżulta mill-konċentrazzjoni ppjanata ma kinitx sinjifikattiva għaliex kienet inqas minn dawk li kienu ġew mistennija f’ċerti deċiżjonijiet preċedenti li jawtorizzaw, taħt ċerti kundizzjonijiet, konċentrazzjonijiet. |
|
203 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex tipparaguna l-konċentrazzjoni ppjanata ma’ dawk li taw lok, minn naħa, għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 3561 final tat‑28 ta’ Mejju 2014 li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim taż-ŻEE (Il-Każ M.6992 – Hutchison 3G UK/Telefónica Ireland) ippubblikata fil-forma ta’ sommarju f’Il‑Ġurnal Uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea tat‑13 ta’ Awwissu 2014 (ĠU 2014, C 264, p. 6, iktar ’il quddiem il-“każ Irlandiż”) u, min-naħa l-oħra, għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 4443 final tat‑2 ta’ Lulju 2014 li tiddikkjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u t-tħaddim tal-Ftehim ŻEE (Il-Każ M.7018 – Telefónica Deutschland/E‑Plus) ippubblikata fil-forma ta’ sommarju f’Il‑Ġurnal Uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea tat‑13 ta’ Marzu 2015 (ĠU 2015, C 86, p. 10, iktar ’il quddiem il-“każ Ġermaniż”). Il-paragun li għamlet il-Qorti Ġenerali huwa bbażat fuq qari manifestament żbaljat tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni f’dawn iż-żewġ każijiet. Fil-fatt, b’differenza minn din il-kawża, il-Kummissjoni awtorizzat il-konċentrazzjonijiet ikkonċernati mill-każ Irlandiża u mill-każ Ġermaniż, peress li l-partijiet fihom kienu pproponew miżuri korrettivi meqjusa bħala suffiċjenti sabiex jeliminaw tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. |
|
204 |
CK Telecoms tirribatti, fl-ewwel lok, li, permezz tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju, il-Kummissjoni tikkritika elementi ta’ fatt u li, konsegwentement, l-imsemmija parti hija inammissibbli. |
|
205 |
Fit-tieni lok, CK Telecoms issostni li l-ewwel parti tar-raba’ aggravju hija ineffettiva. Fil-punti 264 sa 281 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni li wasslitha sabiex tikkunsidra, fil-punt 282 ta’ dik is-sentenza, li l-analiżi kwantitattiva mwettqa f’dan il-każ hija nieqsa minn saħħa probatorja, peress li l-Kummissjoni ma werietx li l-prezzijiet kienu ser isofru żieda sinjifikattiva wara l-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet kompetittivi qawwija li l-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu jeżerċitaw fuq xulxin. CK Telecoms tippreċiża li, fil-punt 268 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-valur probatorju tal-analiżi kwantitattiva tal-Kummissjoni, ħaġa li l-Kummissjoni ma tikkontestax. |
|
206 |
Fit-tielet u l-aħħar lok, CK Telecoms issostni li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha tal-analiżi kwantitattiva tal-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, hija ġġustifikat il-ħtieġa li jiġi ddefinit limitu li lil hinn minnu r-riżultat ta’ din l-analiżi jista’ jindika li konċentrazzjoni tista’ twassal għal żidiet sinjifikattivi fil-prezzijiet. |
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
207 |
Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni ma tikkritikax elementi ta’ fatt, iżda tinvoka l-iżnaturament tal-kontenut tan-noti tagħha fl-ewwel istanza. Għaldaqstant, dan l-ilment ma jistax jiġi miċħud bħala inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2018, Alcohol Countermeasure Systems (International) vs EUIPO, C‑340/17 P, EU:C:2018:965, punt 39). |
|
208 |
Fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-tieni lment, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, permezz tiegħu, il-Kummissjoni tqajjem kwistjoni ta’ liġi sa fejn hija tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli pparagunat, b’mod żbaljat, iż-żieda fil-prezzijiet li tista’ tirriżulta mill-konċentrazzjoni ppjanata, ma’ dawk identifikati fil-każijiet Irlandiżi u Ġermaniżi li fihom il-Kummissjoni awtorizzat il-konċentrazzjonijiet inkwistjoni bil-kundizzjoni li jiġu osservati ċerti kundizzjonijiet. L-imsemmi lment huwa għalhekk ammissibbli. |
|
209 |
Fir-rigward tan-natura effettiva tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju, il-Qorti Ġenerali ċertament ikkunsidrat, fil-punt 268 tas-sentenza appellata, li l-analiżi kwantitattiva ma hijiex prova determinanti sabiex tintwera l-eżistenza eventwali ta’ tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. Madankollu, hija ma ddeċidietx li din l-analiżi kienet, bħala prinċipju, nieqsa minn saħħa probatorja. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li din l-analiżi ma kinitx suffiċjenti sabiex turi tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. |
|
210 |
Issa, sabiex tasal għall-konstatazzjoni li tinsab fil-punt 282 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-Kummissjoni ma werietx li l-prezzijiet kienu ser isofru żieda sinjifikattiva wara l-konċentrazzjoni ppjanata, il-Qorti Ġenerali qieset, fl-ewwel lok, fil-punt 273 ta’ din is-sentenza, li, f’din il-kawża, iż-żieda fil-prezzijiet li tista’ tirriżulta minn din il-konċentrazzjoni hija ta’ [kunfidenzjali] % u li din iċ-ċifra ma kinitx ġiet ikkontestata mill-Kummissjoni. Fit-tieni lok, sabiex jiġi vverifikat jekk din iż-żieda tistax tiġi kklassifikata bħala sinjifikattiva, il-Qorti Ġenerali pparagunatha maż-żidiet fil-prezzijiet mistennija fil-każijiet Irlandiżi u Ġermaniżi, li kienu ta’ 6.6 % u ta’ 9.5 %, rispettivament. Issa, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, f’dawn il-każijiet, il-Kummissjoni awtorizzat il-konċentrazzjonijiet ikkonċernati bil-kundizzjoni li jiġu osservati ċerti kundizzjonijiet. |
|
211 |
Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni tista’ utilment tikkritika lill-Qorti Ġenerali, minn naħa, li żnaturat l-argument tagħha dwar il-valur eżatt taż-żieda fil-prezzijiet li tista’ tirriżulta mill-konċentrazzjoni ppjanata u, min-naħa l-oħra, li pparagunat b’mod żbaljat il-każ inkwistjoni ma’ deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni f’każijiet oħra ta’ konċentrazzjoni. Fil-fatt, dawn il-kritiki ma jistgħux jiġu miċħuda bħala ineffettivi peress li, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 141 tal-konklużjonijiet tagħha, kull wieħed minn dawn l-argumenti jista’ jaffettwa l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 282 tas-sentenza appellata. Għaldaqstant, l-argument ta’ CK Telecoms li l-ewwel parti tar-raba’ aggravju hija ineffettiva u li tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ din il-parti għandu jiġi miċħud. |
|
212 |
F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-ewwel ilment ta’ din il-parti, ibbażat fuq il-fatt li, fil-punt 273 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat l-argumenti tal-Kummissjoni li jinsabu fil-punt 157 tar-risposta tagħha u fil-punt 61 tal-kontroreplika tagħha, għandu jitfakkar li, meta jallega żnaturament tal-argumenti tiegħu stess, appellant għandu, skont l-Artikolu 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jindika b’mod preċiż l-elementi li allegatament ġew żnaturati minnha u juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fl-evalwazzjoni tagħha, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il‑Kummissjoni, C‑407/08 P, EU:C:2010:389, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
213 |
F’dan il-każ, mill-punt 273 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li, “f’din il-kawża, iż-żieda fil-prezzijiet prevista ma hijiex, skont ir-rikorrenti, kontradetta fuq dan il-punt mill-Kummissjoni, ta’ [kunfidenzjali], filwaqt li żieda fil-prezzijiet prevista ta’ 6.6 % fil-Każ Irlandiż u ta’ 9.5 % fil-Każ Ġermaniż ma pprekludietx lill-Kummissjoni milli tawtorizza dawn il-konċentrazzjonijiet bil-kundizzjoni li jiġu osservati ċerti kundizzjonijiet”. |
|
214 |
Issa, mill-punt 157 tar-risposta tal-Kummissjoni jirriżulta b’mod ċar li din kienet effettivament ikkontestat fl-ewwel istanza ċ-ċifra proposta minn CK Telecoms u kienet sostniet li, f’dan il-każ, iż-żieda fil-prezz li setgħet tirriżulta mill-konċentrazzjoni ppjanata kienet ta’ [kunfidenzjali] %. Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata wkoll mill-punti 159 u 160 ta’ din in-nota kif ukoll mill-punt 61 tal-kontroreplika tal-Kummissjoni. |
|
215 |
Għaldaqstant, mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 273 tas-sentenza appellata, żnaturat is-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni fl-ewwel istanza. |
|
216 |
Għaldaqstant, l-ewwel ilment tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju għandu jintlaqa’. |
|
217 |
Fir-rigward tat-tieni lment tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali pparagunat b’mod żbaljat il-kawża preżenti mal-każijiet Irlandiżi u Ġermaniżi u, konsegwentement, ikkunsidrat, b’mod żbaljat, fil-punt 273 tas-sentenza appellata, li ż-żieda fil-prezzijiet li tista’ tirriżulta mill-konċentrazzjoni ppjanata, ta’ [kunfidenzjali] %, ma kinitx sinjifikattiva peress li kienet inqas minn dawk mistennija fil-każijiet Irlandiżi u Ġermaniżi, għandu, minn naħa, jiġi rrilevat li din l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija bbażata, kif jirriżulta mill-punt 215 ta’ din is-sentenza, fuq l-iżnaturament mill-Qorti Ġenerali tar-risposta tal-Kummissjoni dwar il-valur eżatt ta’ din iż-żieda fil-prezzijiet. |
|
218 |
Min-naħa l-oħra, kif l-Avukata Ġenerali rrilevat, essenzjalment, fil-punt 147 tal-konklużjonijiet tagħha, il-każijiet Irlandiżi u Ġermaniżi ma kinux paragunabbli ma’ din il-kawża fuq punt essenzjali, peress li, b’differenza minn din tal-aħħar, il-partijiet għall-konċentrazzjonijiet inkwistjoni f’dawn l-ewwel kawżi kienu offrew impenji li tqiesu li kienu suffiċjenti sabiex jiġi eskluż it-tħassib dwar il-kompetizzjoni tal-Kummissjoni. |
|
219 |
Fi kwalunkwe każ, kif ġie rrilevat fil-punt 164 ta’ din is-sentenza, il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix bħala qafas legali applikabbli fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet u hija biss indikattiva. |
|
220 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta, fil-punt 273 tas-sentenza appellata, hija kkunsidrat li ż-żieda fil-prezzijiet ta’ [kunfidenzjali] % li tista’ tirriżulta mill-konċentrazzjoni ma kinitx sinjifikattiva għaliex kienet inferjuri għal dawk mistennija fil-każijiet Irlandiżi u Ġermaniżi. |
|
221 |
Minn dan isegwi li t-tieni lment tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju għandu jintlaqa’. |
|
222 |
Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l‑ewwel parti tar-raba’ aggravju għandha tintlaqa’ fl‑intier tagħha. |
Fuq it‑tieni parti
– L‑argumenti tal‑partijiet
|
223 |
Permezz tat-tieni parti tar-raba’ aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat, fil-punti 277 sa 279 tas-sentenza appellata, li hija kellha tinkludi fl-analiżi kwantitattiva tagħha ż-żieda fl-effikaċja “standard” li jkunu “proprji għal kull konċentrazzjoni”. |
|
224 |
Il-Kummissjoni tenfasizza li, skont il-premessa 29 tar-Regolament Nru 139/2004, huma l-impriżi kkonċernati li għandhom jipprovdu deskrizzjoni ta’ kull żieda allegata fl-effikaċja, kif ukoll dokumenti ta’ sostenn relatati magħhom. |
|
225 |
Kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punt 277 tas-sentenza appellata, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma stabbilixxiex preżunzjoni li kull konċentrazzjoni tagħti neċessarjament lok għal żieda fl-effikaċja li sistematikament għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-analiżi kwantitattiva mwettqa mill-Kummissjoni. Fil-fatt, mill-punti 77 sa 87 tal-Linji Gwida dwar il-konċentrazzjonijiet orizzontali jirriżulta, essenzjalment, li ż-żieda fl-effikaċja għandha tkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi, speċifiċi għall-konċentrazzjoni u verifikabbli. |
|
226 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li r-Regolament Nru 139/2004 ma jagħmilx distinzjoni bejn tipi differenti ta’ żieda fl-effikaċja. |
|
227 |
Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ssostni li fl-analiżi kwantitattiva tagħha, hija ħadet inkunsiderazzjoni ż-żieda fl-effikaċja li tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ “żieda fl-effikaċja standard”, adottata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 277 tas-sentenza appellata, u eskludietha, minħabba li ma setgħetx taffettwa l-inċentivi fuq l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ppjanata sabiex iżżid il-prezzijiet. |
|
228 |
CK Telecoms tirribatti, fl-ewwel lok, li l-argument tal-Kummissjoni huwa ineffettiv, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-analiżi kwantitattiva fid-Deċiżjoni kontenzjuża kienet żbaljata ma hijiex ibbażata esklużivament fuq il-konstatazzjoni li l-Kummissjoni ma kinitx ħadet debitament inkunsiderazzjoni ż-żieda fl-effikaċja ġġenerata mill-konċentrazzjoni ppjanata. |
|
229 |
Fit-tieni lok, CK Telecoms issostni, qabel kollox, li l-argument tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali qieset, essenzjalment, li l-valur probatorju ta’ analiżi kwantitattiva jitnaqqas jekk din ma tiħux inkunsiderazzjoni wkoll il-fatturi kumpensatorji, inklużi ż-żieda fl-effikaċja. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-valur probatorju tal-analiżi kwantitattiva jiżdied jekk il-Kummissjoni tassumi ċertu livell ta’ żieda fl-effikaċja li jista’ jirriżulta mill-konċentrazzjoni ppjanata. |
|
230 |
Sussegwentement, skont CK Telecoms, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tirrispondi għan-natura tal-analiżi kwantitattiva, li ġiet ikkonċepita bl-għan li jiġu mkejla kemm l-effetti restrittivi kif ukoll l-effetti favur il-kompetizzjoni tal-konċentrazzjonijiet. Għaldaqstant, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ż-żieda fl-effikaċja pprovata jew preżunta. |
|
231 |
Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 139/2004 jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-konċentrazzjonijiet ġeneralment iwasslu għal effetti favur il-kompetizzjoni kif ukoll effetti antikompetittivi. Il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-konklużjonijiet tal-analiżi kwantitattiva tal-Kummissjoni għandhom valur probatorju limitat peress li din l-analiżi ma tiħux inkunsiderazzjoni ż-żieda fl-effikaċja “standard”, hija għalhekk konformi mal-prinċipji li fuqhom huwa bbażat dan ir-regolament. |
|
232 |
Fl-aħħar nett, CK Telecoms issostni li, peress li l-Linji Gwida dwar il-konċentrazzjonijiet orizzontali ma jippreskrivux il-mod kif għandha ssir l-analiżi kwantitattiva tal-Kummissjoni, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-valur probatorju ta’ din l-analiżi jmorru kontra dawn il-linji gwida. |
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
233 |
Fir-rigward tan-natura effettiva tat-tieni parti tar-raba’ aggravju, mill-punt 279 tas-sentenza appellata jirriżulta, essenzjalment, li, skont il-Qorti Ġenerali, iż-żieda fl-effikaċja “standard” hija “proprj[a] għal kull konċentrazzjoni” u tikkostitwixxi “komponent ta’ mudell kwantitattiv intiż li jistabbilixxi jekk konċentrazzjoni tistax tipproduċi tali effetti restrittivi”. |
|
234 |
Għalhekk, fid-dawl tal-importanza li l-Qorti Ġenerali tat lil din il-kategorija ta’ żieda fl-effikaċja għall-finijiet tal-analiżi kwantitattiva, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni tista’ tikkritika b’mod utli lill-Qorti Ġenerali talli imponiet fuqha, fil-punti 277 sa 279 tas-sentenza appellata, li tinkludi f’din l-analiżi ż-żieda fl-effikaċja “standard” li, skont il-Qorti Ġenerali, hija speċifika għal kull konċentrazzjoni. |
|
235 |
L-argument ta’ CK Telecoms li t-tieni parti tar-raba’ aggravju hija ineffettiva għandu għaldaqstant jiġi miċħud. |
|
236 |
Fir-rigward tal-fondatezza ta’ din il-parti, għandu jitfakkar li, fil-punt 277 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li kull konċentrazzjoni twassal għal żieda fl-effikaċja li l-portata tagħha tiddependi wkoll mill-pressjoni kompetittiva esterna. Skont il-Qorti Ġenerali, din iż-żieda tirriżulta b’mod partikolari mir-razzjonalizzazzjoni u mill-integrazzjoni tal-proċess ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni mill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, li jista’ jwassal lil din l-entità sabiex tnaqqas il-prezzijiet tagħha. |
|
237 |
Fil-punti 278 u 279 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali għamlet distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ żieda fl-effikaċja, jiġifieri, minn naħa, dawk imsemmija fil-Linji Gwida dwar il-konċentrazzjonijiet orizzontali li l-eżistenza tagħhom għandha tintwera mill-parti li tikkomunika dan u li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni globali tal-kompetizzjoni tal-konċentrazzjoni, sabiex jiġi vverifikat jekk dawn jistgħux jikkontrobilanċjaw l-effetti restrittivi tal-konċentrazzjoni u, min-naħa l-oħra, dawk, imsemmija fil-punt 277 ta’ dik is-sentenza, li huma speċifiċi għal kull konċentrazzjoni u li huma “komponent ta’ mudell kwantitattiv intiż li jistabbilixxi jekk konċentrazzjoni tistax tipproduċi tali effetti restrittivi”. Kif jirriżulta mill-punt 278 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, essenzjalment, li l-Kummissjoni hija obbligata, fil-kuntest tal-analiżi kwantitattiva tagħha, li tieħu inkunsiderazzjoni ex officio din l-aħħar kategorija ta’ żieda fl-effikaċja “standard”. |
|
238 |
Issa, mill-premessa 29 tar-Regolament Nru 139/2004 jirriżulta li sabiex jiġi ddeterminat l-effett ta’ konċentrazzjoni fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni fis-suq intern, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ż-żieda fl-effikaċja probabbli murija mill-impriżi kkonċernati. |
|
239 |
Mit-Taqsima 9 tal-Anness I tar-Regolament Nru 802/2004 jirriżulta wkoll li hija l-impriża kkonċernata li għandha tipprovdi deskrizzjoni ta’ kull żieda allegata fl-effikaċja, kif ukoll dokumenti ta’ sostenn. |
|
240 |
Il-kriterji relatati mat-teħid inkunsiderazzjoni taż-żieda fl-effikaċja huma msemmija fil-punti 76 sa 88 tal-Linji Gwida dwar il-konċentrazzjonijiet orizzontali. |
|
241 |
Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 153 tal-konklużjonijiet tagħha, li la r-Regolament Nru 139/2004, la r-Regolament Nru 802/2004, u lanqas il-Linji Gwida dwar il-konċentrazzjonijiet orizzontali ma jirreferu għal kategorija ta’ żieda fl-effikaċja “standard”, bħal dik imsemmija fil-punti 277 sa 279 tas-sentenza appellata, jew ma jistabbilixxu preżunzjoni li kull konċentrazzjoni twassal għal tali żieda fl-effikaċja. |
|
242 |
Ċertament, ċerti konċentrazzjonijiet jistgħu jwasslu għal żieda fl-effikaċja li huma partikolari għalihom. Madankollu, din il-possibbiltà bl-ebda mod ma timplika li l-konċentrazzjonijiet kollha jwasslu għal tali żieda fl-effikaċja. Fi kwalunkwe każ, huma l-partijiet li jikkomunikaw dawn il-konċentrazzjonijiet li għandhom juruhom sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ teħodhom inkunsiderazzjoni waqt il-kontroll tagħha. |
|
243 |
Barra minn hekk, il-fatt li jiġi rrikonoxxut li kull konċentrazzjoni twassal għal żieda fl-effikaċja “standard” joħloq preżunzjoni, u konsegwentement inverżjoni tal-oneru tal-prova, għal kategorija partikolari ta’ żieda fl-effikaċja, filwaqt li, kif jirriżulta mill-punti 238 u 239 ta’ din is-sentenza, dan l-oneru jaqa’ fuq l-impriżi. |
|
244 |
Tali inverżjoni tal-oneru tal-prova tista’ tnaqqas l-effettività tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet u, konsegwentement, tqiegħed inkwistjoni l-effett utli tal-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 139/2004. Fil-fatt, l-għan ta’ kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet imfittex minn dan ir-regolament, kif imfakkar fil-punt 106 ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari dak li jiġi evitat, minn naħa, li jiġu pprojbiti konċentrazzjonijiet li ma jippreżentawx riskji ta’ effetti antikompetittivi u, min-naħa l-oħra, li jiġu awtorizzati konċentrazzjonijiet li jippreġudikaw kompetizzjoni effettiva, huwa ggarantit, b’mod partikolari, mit-tqassim tal-oneru tal-prova fil-qasam tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni. |
|
245 |
L-inverżjoni tal-oneru tal-prova li timplika r-rikonoxximent ta’ preżunzjoni li kull konċentrazzjoni twassal għal tali żieda fl-effikaċja tkun ta’ dannu għal dan il-bilanċ. |
|
246 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punti 277 sa 279 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kellha tinkludi fl-analiżi kwantitattiva tagħha ż-żieda fl-effikaċja “standard” speċifika għall-konċentrazzjonijiet kollha. |
|
247 |
Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, it-tieni parti tar‑raba’ aggravju għandha tintlaqa’ u, konsegwentement, ir-raba’ aggravju fl‑intier tiegħu. |
Fuq il‑ħames aggravju
L‑argumenti tal‑partijiet
|
248 |
Permezz tal-ħames aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma analizzatx jekk il-fatturi rilevanti kollha kinux jippermettu li jiġi kkunsidrat li hija kien irnexxielha, f’dan il-każ, tistabbilixxi li l-konċentrazzjoni ppjanata twassal għal tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. Il-Qorti Ġenerali llimitat b’mod żbaljat l-eżami tagħha għal ċerti fatturi li jsostnu l-ewwel teorija tad-dannu u għall-punt dwar jekk, meħuda separatament, dawn il-fatturi kinux suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit tali tfixkil. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali żnaturat id-Deċiżjoni kontenzjuża, issostitwixxiet l-evalwazzjoni ekonomika tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni, applikat b’mod żbaljat il-kriterji legali rilevanti u kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. |
|
249 |
Il-Kummissjoni ssostni, b’mod iktar preċiż, li l-Qorti Ġenerali eżaminat biss erbgħa mill-fatturi li jsostnu l-ewwel teorija tad-dannu mressqa fid-Deċiżjoni kontenzjuża. B’mod iktar partikolari, il-Qorti Ġenerali eżaminat id-daqs u l-evoluzzjoni tal-partijiet tas-suq, il-klassifikazzjoni ta’ Three bħala “mutur importanti tal-kompetizzjoni”, il-prossimità tal-kompetizzjoni bejn Three u O2 u l-analiżi kwantitattiva tal-effetti tal-konċentrazzjoni. |
|
250 |
Peress li llimitat b’dan il-mod l-eżami tagħha u peress li annullat fuq din il-bażi biss id-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali ma evalwatx jekk dawn l-erba’ fatturi, flimkien ma’ fatturi u konstatazzjonijiet oħra li jinsabu fid-Deċiżjoni kontenzjuża, jippermettux li jiġi konkluż li l-konċentrazzjoni ppjanata tagħti lok għal tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. |
|
251 |
Fil-punti 149, 171 sa 173, 249 u 268 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat dawn l-erba’ fatturi separatament sabiex tiddetermina jekk kull wieħed minnhom huwiex suffiċjenti, waħdu, sabiex jistabbilixxi tali tfixkil. Issa, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma kkunsidrat fid-Deċiżjoni kontenzjuża li kull wieħed minn dawn il-fatturi, meħud separatament, kien biżżejjed sabiex jistabbilixxi tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. |
|
252 |
Barra minn hekk, mill-punt 26 tal-Linji Gwida dwar il-konċentrazzjonijiet orizzontali jirriżulta li, meħuda separatament, il-fatturi msemmija fil-punti 27 sa 38 ta’ dawn il-linji gwida ma humiex neċessarjament determinanti. |
|
253 |
CK Telecoms issostni, qabel kollox, li ma hijiex il-Qorti Ġenerali iżda l-Kummissjoni li għandha twettaq evalwazzjoni globali tal-fatturi rilevanti kollha li jistgħu jinfluwenzaw il-probabbiltà li l-konċentrazzjoni twassal għal effetti mhux ikkoordinati sinjifikattivi. Għalhekk, il-ħames aggravju huwa inammissibbli u ineffettiv, b’mod partikolari, peress li, permezz ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni titlob, essenzjalment, li jiġi kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali għandha timla l-lakuni tad-Deċiżjoni kontenzjuża u teżamina mill-ġdid il-konċentrazzjoni ppjanata, li ma jkunx kompatibbli mal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. |
|
254 |
Imbagħad, CK Telecoms issostni li l-Qorti Ġenerali eżaminat il-fatturi rilevanti kollha dwar l-ewwel teorija tad-dannu msemmija fid-Deċiżjoni kontenzjuża. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li, fil-punt 139 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, ġustament, li, waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-Kummissjoni ppreċiżat li din l-ewwel teorija kienet ibbażata essenzjalment fuq tliet fatturi, jiġifieri l-fatt li Three tikkostitwixxi “mutur importanti tal-kompetizzjoni”, il-prossimità tal-kompetizzjoni bejn Three u O2 u l-analiżi kwantitattiva tal-effetti tal-konċentrazzjoni ppjanata fuq il-prezzijiet. Skont CK Telecoms, kien għalhekk leġittimu u loġiku li l-Qorti Ġenerali tikkonċentra l-eżami tagħha fuq dawn l-elementi. |
|
255 |
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ma qisitx li kull wieħed mill-fatturi relatati mal-ewwel teorija tad-dannu tal-Kummissjoni, meħud separatament, kellu jkun biżżejjed sabiex jiġi stabbilit tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. Fil-fatt, hija kkunsidrat li l-Kummissjoni ma werietx li dawn il-fatturi huma suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li l-konċentrazzjoni ppjanata twassal għal tali tfixkil. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
256 |
Fir-rigward tal-argument ta’ CK Telecoms li l-ħames aggravju huwa inammissibbli u ineffettiv, għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni tqajjem kwistjoni ta’ liġi li r-risposta għaliha jista’ jkollha effett fuq il-fondatezza tal-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li din l-istituzzjoni ma rnexxilhiex tistabbilixxi, b’mod suffiċjenti fid-dritt, l-eżistenza ta’ tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. Fil-fatt, permezz tal-imsemmi aggravju, il-Kummissjoni tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli annullat id-Deċiżjoni kontenzjuża mingħajr ma wettqet analiżi globali jew evalwazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha meħuda inkunsiderazzjoni fid-Deċiżjoni kontenzjuża, iżda sempliċement eżaminat ċerti fatturi li jissostanzjaw, b’mod partikolari, l-ewwel teorija tad-dannu u n-natura suffiċjenti tagħhom għall-finijiet ta’ din l-analiżi. |
|
257 |
Konsegwentement, għandha tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ dan il-ħames aggravju. |
|
258 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004, fil-kuntest tal-kontroll tagħha ta’ konċentrazzjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni fis-suq tal-partijiet f’din il-konċentrazzjoni kif ukoll is-saħħa ekonomika u finanzjarja tagħhom, il-possibbiltajiet ta’ għażla tal-fornituri u tal-utenti, l-aċċess tagħhom għas-sorsi ta’ provvista jew għas-swieq, l-eżistenza fid-dritt jew fil-fatt ta’ tfixkil għad-dħul, l-evoluzzjoni tal-provvista u d-domanda tal-prodotti u s-servizzi kkonċernati, l-interessi tal-konsumaturi intermedjarji u finali kif ukoll l-evoluzzjoni tal-progress tekniku u ekonomiku sakemm dan ikun ta’ vantaġġ għall-konsumaturi u ma jikkostitwixxix tfixkil għall-kompetizzjoni. |
|
259 |
Għandu jitfakkar ukoll li l-punti 26 sa 38 tal-Linji Gwida dwar il-konċentrazzjonijiet orizzontali jistabbilixxu fatturi li jistgħu effettivament jinfluwenzaw il-probabbiltà li konċentrazzjoni twassal għal effetti mhux ikkoordinati sinjifikattivi. |
|
260 |
Il-punt 26 ta’ dawn il-linji gwida jindika f’dan ir-rigward, ġustament, li dawn il-fatturi, meħuda separatament, ma humiex neċessarjament determinanti. Barra minn hekk, mhux dawn il-fatturi kollha għandhom neċessarjament jiġu ssodisfatti sabiex effetti sinjifikattivi mhux ikkoordinati jkunu probabbli. |
|
261 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkunsidrat li l-imsemmija fatturi jistgħu, bħala prinċipju, jikkostitwixxu indizji li konċentrazzjoni jkollha effetti mhux ikkoordinati sinjifikattivi, li għandhom ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni globali. |
|
262 |
Għalhekk, sabiex ikun jista’ jitwettaq stħarriġ ġudizzjarju effettiv tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jiddikjaraw konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq intern, hija l-qorti tal-Unjoni, wara li tkun eżaminat il-fondatezza tal-ilmenti diretti kontra l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-fatturi rilevanti u fid-dawl tar-riżultat li jirriżulta minnha, li għandha tevalwa jekk il-fatturi u l-elementi rilevanti kollha li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni u li jistgħu jitqiesu bħala stabbiliti, inklużi dawk li ma ġewx ikkontestati, humiex biżżejjed sabiex juru l-eżistenza ta’ tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. Din l-evalwazzjoni globali ma timplikax li l-qorti tal-Unjoni għandha twettaq eżami ex officio tal-fondatezza tal-evalwazzjoni ta’ fatturi jew ta’ elementi oħra li ma ġewx ikkontestati mill-partijiet fil-proċedura. |
|
263 |
F’dan il-każ, fir-rigward tal-ewwel teorija tad-dannu mressqa mill-Kummissjoni, il-punti 128 sa 136 tas-sentenza appellata jinkludu sunt tad-Deċiżjoni kontenzjuża. |
|
264 |
Fil-punti 141 sa 283 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argumenti ta’ CK Telecoms imqajma fil-kuntest tal-ewwel motiv tar-rikors fl-ewwel istanza u li jirrigwardaw, essenzjalment, il-fatturi li jistgħu jinfluwenzaw il-probabbiltà li l-konċentrazzjoni ppjanata twassal għal effetti mhux ikkoordinati sinjifikattivi, jiġifieri l-analiżi tal-partijiet tas-suq, il-klassifikazzjoni ta’ Three bħala “mutur importanti tal-kompetizzjoni”, l-evalwazzjoni tal-prossimità tar-relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni ppjanata kif ukoll l-analiżi kwantitattiva tal-effetti ta’ din il-konċentrazzjoni fuq il-prezzijiet. |
|
265 |
Fil-punt 154 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-raba’ parti tal-ewwel motiv tar-rikors fl-ewwel istanza. Kif jirriżulta, essenzjalment, mill-punt 152 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li targumenta l-appellanti fl-ewwel istanza, il-Kummissjoni qieset, fid-Deċiżjoni kontenzjuża, li d-daqs u l-evoluzzjoni tal-partijiet tas-suq ta’ Three u ta’ O2 kienu l-ewwel indikazzjoni tar-restrizzjoni kompetittiva qawwija eżerċitata minnhom, li hija eliminata mill-konċentrazzjoni ppjanata. |
|
266 |
Għall-kuntrarju, fil-punti 176, 190, 198, 216, 226, 250 u 283 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet ċerti lmenti u partijiet tal-ewwel motiv dwar il-klassifikazzjoni ta’ Three bħala “mutur importanti tal-kompetizzjoni”, fuq l-evalwazzjoni tal-prossimità tar-relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn Three u O2 u fuq l-analiżi kwantitattiva tal-effetti tal-konċentrazzjoni ppjanata fuq il-prezzijiet. |
|
267 |
Fl-aħħar nett, fil-punti 284 sa 291 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat u laqgħet is-seba’ parti tal-ewwel motiv tar-rikors fl-ewwel istanza li l-Kummissjoni, minn naħa, ma wettqitx evalwazzjoni globali tal-eżistenza ta’ effetti mhux ikkoordinati u, min-naħa l-oħra, ma ppreċiżatx fuq liema bażi hija kkonkludiet li l-allegati tfixkil għall-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-konċentrazzjoni ppjanata huma sinjifikattivi. |
|
268 |
Issa, fir-rigward tal-punt dwar jekk il-Kummissjoni wettqitx, f’dan il-każ, evalwazzjoni globali tal-eżistenza ta’ effetti mhux ikkoordinati, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 287 tas-sentenza appellata, li, fid-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni wettqet tali evalwazzjoni. Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li, sabiex turi l-eżistenza ta’ effetti mhux ikkoordinati fis-suq bl-imnut, din l-istituzzjoni eżaminat suċċessivament diversi fatturi rilevanti. |
|
269 |
Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti Ġenerali stess ma eżaminatx jekk, fid-dawl, minn naħa, tar-riżultat tal-eżami tagħha tal-argumenti ta’ CK Telecoms fl-ewwel istanza dwar ċerti fatturi rilevanti u, min-naħa l-oħra, tal-fatturi u l-konstatazzjonijiet rilevanti l-oħra li kienu jagħmlu parti mill-analiżi globali tal-Kummissjoni, li, peress li ma ġewx ikkontestati setgħux għalhekk jiġu kkunsidrati bħala stabbiliti, bħal, pereżempju, l-evalwazzjoni speċifika tar-restrizzjoni kompetittiva eżerċitata minn O2, l-aġir probabbli tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ppjanata kif ukoll l-evalwazzjoni tal-pożizzjoni kompetittiva kemm tal-operaturi ta’ network mobbli kif ukoll tal-operaturi ta’ networks mobbli virtwali li jinsabu fil-premessi 778 sa 1174 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, seta’ jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet uriet b’mod suffiċjenti fid-dritt l-eżistenza ta’ tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. |
|
270 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, peress li ma wettqitx, wara l-eżami tagħha tal-fondatezza tal-fatturi u tal-konstatazzjonijiet ikkontestati minn CK Telecoms fl-ewwel istanza u fid-dawl tar-riżultat li jirriżulta minnha, evalwazzjoni globali tal-fatturi u tal-konstatazzjonijiet rilevanti sabiex jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni kinitx uriet l-eżistenza ta’ tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. |
|
271 |
Għaldaqstant il-ħames aggravju għandu jiġi milqugħ. |
Fuq is‑sitt aggravju
|
272 |
Is-sitt aggravju jinkludi żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li żnaturat id-Deċiżjoni kontenzjuża peress li kkonkludiet, fil-punti 358 sa 361 tas-sentenza appellata, li din l-istituzzjoni ma kinitx eżaminat eventwali degradazzjoni tal-kwalità tan-network tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ppjanata. Permezz tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali qajmet, ex officio, ilment li ma kienx jinsab fis-sitt parti tat-tielet motiv tar-rikors fl-ewwel istanza. |
Fuq in‑natura effettiva tas-sitt aggravju
– L‑argumenti tal‑partijiet
|
273 |
CK Telecoms issostni li s-sitt aggravju huwa ineffettiv peress li l-Kummissjoni ma tikkontestax il-kunsiderazzjonijiet prinċipali tal-Qorti Ġenerali li wassluha sabiex tiċħad it-tieni teorija tad-dannu tal-Kummissjoni dwar il-ftehim ta’ kondiviżjoni tan-network. |
|
274 |
Minn naħa, fil-kuntest ta’ dan l-appell, il-Kummissjoni ma kkontestatx il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 325, 330, 340, 344 u 346 sa 348 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali qieset, essenzjalment, li kien b’mod żbaljat li l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li allinjament ħażin possibbli tal-interessi bejn l-imsieħba fi ftehim ta’ kondiviżjoni tan-network u t-taqlib fit-tul tal-ftehimiet ta’ kondiviżjoni tan-network setgħu jikkostitwixxu, fihom infushom, tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva, skont teorija tad-dannu bbażata fuq effetti mhux ikkoordinati. |
|
275 |
Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-appell tagħha, il-Kummissjoni ma kkontestatx l-analiżi tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punti 362 sa 397 tas-sentenza appellata, dwar l-effetti tal-konċentrazzjoni inkwistjoni fuq BT/EE u fuq Vodafone. |
|
276 |
Issa, dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha mhux ikkontestati kienu wasslu lill-Qorti Ġenerali tiċħad it-tieni teorija tad-dannu. |
|
277 |
Il-Kummissjoni ssostni li s-sitt aggravju huwa ineffettiv. |
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
278 |
Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fil-punti 325, 330, 340, 344 u 346 sa 348 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kwistjoni dwar jekk it-taqlib fit-tul tal-funzjonament tajjeb tal-ftehimiet ta’ kondiviżjoni tan-network minħabba, b’mod partikolari, eventwali allinjament ħażin tal-interessi bejn l-imsieħba f’dawn il-ftehimiet jistax jikkostitwixxi, fih innifsu, tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. |
|
279 |
Issa, il-Kummissjoni ma kkonkludietx li kien hemm tali tfixkil esklużivament abbażi ta’ tali allinjament ħażin tal-interessi, peress li dan l-allinjament ħażin tal-interessi kien biss wieħed mill-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni fid-Deċiżjoni kontenzjuża. |
|
280 |
Għalhekk, il-fatt li l-Kummissjoni ma tikkontestax il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-allinjament ħażin tal-interessi bejn l-imsieħba fil-ftehimiet ta’ kondiviżjoni tan-network, bħala tali, ma kienx suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva ma jistax jagħmel is-sitt aggravju tal-Kummissjoni ineffettiv. |
|
281 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument ta’ CK Telecoms li s-sitt aggravju huwa ineffettiv minħabba li l-Kummissjoni ma kkontestatx l-analiżi tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punti 362 sa 397 tas-sentenza appellata, dwar l-effetti tal-konċentrazzjoni ppjanata fuq BT/EE u Vodafone, għandu jiġi rrilevat, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punt 361 ta’ dik is-sentenza, li l-Qorti Ġenerali eżaminat jekk l-analiżi tal-Kummissjoni dwar l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq BT/EE u Vodafone kinitx partikolarment solida u konvinċenti. Issa, il-Qorti Ġenerali qieset neċessarju li tipproċedi għal dan l-eżami, abbażi tal-premessa, esposta fil-punti 358 sa 361 tal-imsemmija sentenza u kkontestata fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, li tgħid li d-Deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx tinkludi analiżi ta’ “degradazzjoni tas-servizzi offruti jew tal-kwalità tan-network tagħha stess mill-entità fuża”. |
|
282 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif l-Avukata Ġenerali rrilevat, essenzjalment, fil-punt 181 tal-konklużjonijiet tagħha, peress li l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 358 sa 361 tas-sentenza appellata jikkostitwixxu l-bażi tal-evalwazzjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni ppjanata fuq BT/EE u Vodafone, imwettqa fil-punti 362 sa 397 ta’ dik is-sentenza, il-fatt li l-Kummissjoni ma tikkontestax direttament din l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali ma jistax jagħmel is-sitt aggravju ineffettiv. |
|
283 |
Għaldaqstant hemm lok li jiġi miċħud l-argument ta’ CK Telecoms ibbażat fuq in-natura ineffettiva tas-sitt aggravju u, għaldaqstant, li tiġi eżaminata l-fondatezza tiegħu. |
Fuq l‑ewwel parti
– L‑argumenti tal‑partijiet
|
284 |
Permezz tal-ewwel parti tas-sitt aggravju, il-Kummissjoni targumenta li, peress li kkunsidrat, b’mod żbaljat, fil-punti 358 sa 361 tas-sentenza appellata, li hija ma kinitx wettqet evalwazzjoni ta’ degradazzjoni possibbli tal-kwalità tan-network tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, il-Qorti Ġenerali żnaturat id-Deċiżjoni kontenzjuża u kkonkludiet, bi żball, li t-tieni teorija tad-dannu kellha tiġi miċħuda. |
|
285 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li t-tnaqqis probabbli tal-inċentivi tal-operaturi ta’ network mobbli, inkluża l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ppjanata, li jinvestu fit-titjib tal-kwalità tan-networks minħabba din il-konċentrazzjoni jikkostitwixxi element fundamentali tal-analiżi li tinsab fid-Deċiżjoni kontenzjuża. |
|
286 |
Fl-ewwel lok, mill-premessi 1293 sa 1297 tad-Deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat l-ipoteżi prinċipali ta’ tnaqqis probabbli tal-inċentiv tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ppjanata li tinvesti fit-titjib tal-kwalità tan-network tagħha meta mqabbla mas-sitwazzjoni preċedenti għal din il-konċentrazzjoni. |
|
287 |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni eżaminat diversi xenarji possibbli, prinċipalment ibbażati fuq il-pjanijiet ta’ konsolidazzjoni tan-networks indikati minn Three. Minn naħa, mill-premessi 1558 sa 1562 tad-Deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat it-tnaqqis tal-inċentivi tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ppjanata li tinvesti fil-kuntest tal-pjan [A]. Min-naħa l-oħra, mill-premessi 1732 sa 1742 ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat, fil-kuntest tal-pjan [B], tnaqqis tal-investiment globali fin-networks minħabba t-trasparenza ikbar tal-investimenti magħmula minn kull operatur ta’ network mobbli, inklużi l-investimenti tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ppjanata. |
|
288 |
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ssostni li hija evalwat ir-riskju ta’ tnaqqis tal-kwalità tan-network tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ppjanata kif ukoll it-tnaqqis tal-pressjoni kompetittiva fuq l-operaturi l-oħra ta’ network mobbli li jirriżulta minn dan. |
|
289 |
CK Telecoms tirribatti li l-Qorti Ġenerali ma żnaturatx il-kontenut tad-Deċiżjoni kontenzjuża u li hija ma injoratx il-premessi ta’ din id-deċiżjoni li għalihom tirreferi l-Kummissjoni. |
|
290 |
Din il-kumpannija tenfasizza li, sabiex jinftiehmu l-argumenti tal-Kummissjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-istruttura tat-tieni teorija tad-dannu. |
|
291 |
F’dan ir-rigward, l-imsemmija kumpannija tfakkar li din it-teorija tad-dannu tinkludi żewġ subteoriji relatati mal-ftehimiet ta’ kondiviżjoni ta’ network. L-ewwel waħda tikkonċerna l-eventwali tnaqqis tal-pressjoni kompetittiva eżerċitata mill-kompetituri l-oħra (BT/EE u/jew Vodafone) fuq l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ppjanata (Three) filwaqt li t-tieni subteorija tirrigwarda s-sitwazzjoni ta’ kondiviżjoni tan-network li tirriżulta minn din il-konċentrazzjoni li żżid it-trasparenza globali u tnaqqas l-investimenti fil-livell tas-settur tal-infrastruttura tan-networks. |
|
292 |
Il-Kummissjoni eżaminat dawn iż-żewġ subteoriji tad-dannu fir-rigward tal-pjanijiet ta’ konsolidazzjoni tan-network ippreżentati minn CK Telecoms. |
|
293 |
F’dan il-kuntest, skont din il-kumpannija, il-premessi tad-Deċiżjoni kontenzjuża li għalihom tirreferi l-Kummissjoni u li, skont din l-istituzzjoni, jinkludu analiżi tad-degradazzjoni tan-network tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ppjanata, ma humiex relatati mal-ewwel subteorija tad-dannu, iżda mat-tieni waħda. |
|
294 |
Issa, il-punti 358 sa 361 tas-sentenza appellata jagħmlu parti mill-analiżi mill-Qorti Ġenerali tal-ewwel subteorija tad-dannu, dwar tnaqqis tal-pressjoni kompetittiva eżerċitata mill-kompetituri l-oħra, jiġifieri BT/EE u/jew Vodafone, fuq l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ppjanata. |
|
295 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fl-imsemmija punti, il-premessi tad-Deċiżjoni kontenzjuża li għalihom tirreferi l-Kummissjoni u li għalhekk żnaturat din id-deċiżjoni. |
|
296 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, CK Telecoms tippreċiża li l-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet it-tieni subteorija tad-dannu mhux fil-punti 358 sa 361 tas-sentenza appellata, iżda fil-punti 398 sa 418 ta’ dik is-sentenza u li hija ħadet inkunsiderazzjoni preċiżament il-premessi tad-Deċiżjoni kontenzjuża li għalihom tirreferi l-Kummissjoni b’mod partikolari fil-punti 400 sa 403 tal-imsemmija sentenza. |
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
297 |
Permezz tal-ewwel parti tas-sitt aggravju, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li peress li kkunsidrat fil-punti 358 sa 361 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma wettqitx evalwazzjoni ta’ degradazzjoni possibbli tal-kwalità tan-network tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ppjanata, il-Qorti Ġenerali żnaturat id-Deċiżjoni kontenzjuża u kkonkludiet, bi żball, li t-tieni teorija tad-dannu kellha tiġi miċħuda. |
|
298 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 292 tas-sentenza appellata, matul il-proċedura amministrattiva, Three ppreżentat żewġ pjanijiet ta’ konsolidazzjoni tan-networks, jiġifieri l-“pjan [A]” u l-“pjan [B]”. Dawn il-pjanijiet kienu bbażati fuq iż-żewġ ftehimiet ta’ kondiviżjoni tan-network imsemmija fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, jiġifieri, minn naħa, il-ftehim MBNL, konkluż bejn BT/EE u Three, u, min-naħa l-oħra, il-ftehim Beacon, konkluż bejn Vodafone u O2. Permezz ta’ dawn il-ftehimiet, dawn l-operaturi kienu kkonsolidaw in-networks rispettivi tagħhom sabiex ikunu jistgħu jaqsmu l-ispejjeż ta’ installazzjoni filwaqt li jkomplu jikkompetu fis-suq bl-imnut. Skont dawn il-pjanijiet, l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ppjanata ma kinitx intiża li żżomm żewġ networks separati għal żmien twil, iżda kien previst li jinħoloq network ikkonsolidat wieħed. |
|
299 |
Fil-punt 295 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li, fil-kuntest tat-tieni teorija tad-dannu relatat mal-ftehimiet ta’ kondiviżjoni tan-network, il-Kummissjoni żviluppat żewġ subteoriji. |
|
300 |
Mill-punt 298 ta’ dik is-sentenza jirriżulta li l-ewwel subteorija tikkonsisti, essenzjalment, fil-kunsiderazzjoni li, wara l-konċentrazzjoni ppjanata, ikun hemm tnaqqis tal-pressjoni kompetittiva eżerċitata mill-kompetituri l-oħra (BT/EE u/jew Vodafone) fuq l-entità li tirriżulta minn din il-konċentrazzjoni (Three). |
|
301 |
Fir-rigward tat-tieni subteorija, mill-punt 299 tal-imsemmija sentenza jirriżulta li din it-teorija sussidjarja tikkonsisti, essenzjalment, fil-kunsiderazzjoni li s-sitwazzjoni ta’ kondiviżjoni tan-network li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ppjanata twassal għal tnaqqis fl-investimenti fil-livell tas-settur tal-infrastruttura tan-networks. Fil-fatt, fil-premessa 1233 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni tafferma li l-konċentrazzjoni tista’ twassal għal tnaqqis fis-sinerġiji li jaffettwaw lis-sħab tal-ftehimiet ta’ kondiviżjoni tan-network u tippermetti aġir ta’ investiment opportunist tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, u dan inaqqas l-investimenti fil-livell tas-settur, u, konsegwentement, il-grad ta’ kompetizzjoni effettiva li kien jipprevali fl-assenza tal-imsemmija konċentrazzjoni. |
|
302 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, wara li enfasizzat, fil-premessi 1235 sa 1243 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, l-importanza ta’ allinjament tal-interessi bejn il-partijiet fi ftehim ta’ kondiviżjoni ta’ network, huwa fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ subteoriji tad-dannu li l-Kummissjoni eżaminat, fil-premessi 1244 sa 1784 ta’ din id-deċiżjoni, il-pjanijiet ta’ konsolidazzjoni tan-networks. |
|
303 |
Fil-premessi 1293 sa 1297 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni sussegwentement eżaminat l-ipoteżi prinċipali ta’ tnaqqis probabbli tal-inċentiv tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ppjanata li tinvesti fit-titjib tal-kwalità tan-network tagħha meta mqabbla mas-sitwazzjoni preċedenti għal din il-konċentrazzjoni. |
|
304 |
L-iżviluppi potenzjali tas-suq wara l-konċentrazzjoni inkwistjoni huma esposti fil-premessi 1368 sa 1784 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li l-premessi 1391 sa 1567 tagħha jirrigwardaw l-effetti tal-pjan [A] u l-premessi 1598 sa 1749 jirrigwardaw dawk tal-pjan [B]. Għalhekk, il-Kummissjoni eżaminat l-effetti ta’ dawn il-pjanijiet, qabel kollox, fuq BT/EE u b’mod partikolari fuq in-network MBNL, imbagħad, fuq Vodafone u b’mod partikolari fuq in-network Beacon, u fl-aħħar nett, fuq l-investiment globali fin-networks ikkonċernati. |
|
305 |
Fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-effett tal-imsemmija pjanijiet fuq l-investiment globali fin-netwerks mobbli, il-Kummissjoni enfasizzat, b’mod partikolari, fil-premessi 1556 sa 1562 u fil-premessi 1732 sa 1742 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li t-trasparenza ikbar tal-investimenti bejn l-operaturi ta’ networks mobbli tista’ tnaqqas l-inċentiv tagħhom li jinvestu fin-networks u għalhekk jkollha effett negattiv sinjifikattiv fuq l-investimenti f’dawn in-networks fil-livell tas-settur. |
|
306 |
B’mod partikolari, minn naħa, fil-premessi 1559 sa 1561 u 1734 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonstatat, essenzjalment, li, minħabba din it-trasparenza ikbar, l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ppjanata setgħet tiġi informata bl-investimenti min-naħa ta’ BT/EE f’teknoloġija għall-benefiċċju tan-network MBNL u għalhekk tiddeċiedi li timplimenta hija stess tali teknoloġija għall-benefiċċju tan-network Beacon [kunfidenzjali]. Skont id-deċiżjoni inkwistjoni, Vodafone tista’ tieħu konjizzjoni tal-fatt li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ppjanata tipprevedi li timplimenta din it-teknoloġija u għalhekk tkun inċentivata tirrinunzja li tagħmel tali investimenti teknoloġiċi sakemm din l-entità tagħmel dan. |
|
307 |
Min-naħa l-oħra, fil-premessi 1735 u 1736 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset li, bis-saħħa tal-pjan [B], l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ppjanata tista’ tkun informata bl-investimenti previsti minn BT/EE jew minn Vodafone u tkun inċentivata tipproċedi għal investimenti analogi, kemm fil-Lvant kif ukoll fil-Punent tar-Renju Unit [kunfidenzjali]. Fil-premessa 1737 tal-imsemmija deċiżjoni, hija kkonkludiet li t-trasparenza ikbar twassal għar-riskju li BT/EE u Vodafone jistennew li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ppjanata tipproċedi għal tali investimenti fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda importanti, qabel ma jinvestu huma. |
|
308 |
F’dan il-kuntest, kif l-Avukata Ġenerali rrilevat, essenzjalment, fil-punt 189 tal-konklużjonijiet tagħha, għandu jitqies li l-Kummissjoni wettqet analiżi tal-possibbiltà ta’ degradazzjoni tal-kwalità kemm tan-network MBNL kif ukoll tan-network Beacon. Meta wettqet din l-analiżi, il-Kummissjoni telqet mill-premessa, imsemmija fil-premessa 1275 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li tgħid li mezz ieħor sabiex titnaqqas il-pressjoni kompetittiva eżerċitata minn sieħeb fi ftehim ta’ kondiviżjoni tan-network jikkonsisti fid-degradazzjoni tal-kwalità tan-network peress li jipprekludi jew jittardja l-investimenti fin-network minn sieħeb ieħor f’dan il-ftehim. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni kkunsidrat mill-bidu li t-tnaqqis tal-pressjoni kompetittiva jista’ jikkonsisti, b’mod partikolari, f’tali degradazzjoni mill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ppjanata tal-kwalità tan-network tagħha stess. |
|
309 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li mid-Deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li l-Kummissjoni evalwat il-possibbiltà ta’ degradazzjoni tal-kwalità tan-network tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ppjanata. |
|
310 |
Għalhekk, peress li kkonstatat, fil-punti 358 sa 361 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet tali evalwazzjoni, il-Qorti Ġenerali żnaturat din id-deċiżjoni. |
|
311 |
Kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 191 tal-konklużjonijiet tagħha, din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi invalidata mill-argument ta’ CK Telecoms li jgħid li fid-dawl tal-istruttura tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni evalwat l-effetti tal-pjanijiet [A] u [B] fuq l-investiment globali fin-networks rispettivi taħt żewġ titoli distinti. |
|
312 |
Ċertament, peress li l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-effetti tal-pjan [A] u tal-pjan [B] fuq l-investiment globali fin-networks rispettivi saru f’żewġ taqsimiet ta’ din id-deċiżjoni, intitolati, rispettivament, “L-effetti tal-pjan [A] jew tal-pjan [B] fuq l-investiment globali fin-networks”, u “L-effetti tal-pjan [B] fuq l-investiment globali fin-networks”, huma jistgħu jidhru li huma marbuta iktar mill-qrib mat-tieni subteorija tad-dannu. Barra minn hekk, il-punti 358 sa 361 tas-sentenza appellata, ikkontestati mill-Kummissjoni, jesponu kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-Qorti Ġenerali li jirrigwardaw l-ewwel subteorija tad-dannu li tnaqqis tal-pressjonijiet kompetittivi eżerċitati fuq il-kompetituri tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ppjanata jista’ jiġi osservat. Madankollu, fl-analiżi tagħha tal-effetti taż-żewġ pjanijiet ta’ konsolidazzjoni tan-networks fuq BT/EE u fuq Vodafone kif ukoll fuq l-investiment globali f’dawn in-networks, il-Kummissjoni ma għamlitx formalment distinzjoni skont is-subteorija mressqa, iżda, għall-kuntrarju, għamlet riferimenti għad-diversi partijiet rilevanti tad-Deċiżjoni kontenzjuża. |
|
313 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tas-sitt aggravju għandha tiġi milqugħa. |
Fuq it‑tieni parti
– L‑argumenti tal‑partijiet
|
314 |
Permezz tat-tieni parti tas-sitt aggravju tagħha, il-Kummissjoni, filwaqt li tinvoka nuqqas ta’ motivazzjoni, issostni, essenzjalment, li, sabiex tilqa’, fil-punt 417 tas-sentenza appellata, is-sitt parti tat-tielet motiv tar-rikors fl-ewwel istanza ta’ CK Telecoms, il-Qorti Ġenerali eżaminat ex officio kwistjoni li ma tqajmitx minn din il-kumpannija u li, konsegwentement, ir-raġunament li jinsab fil-punti 408 sa 416 tas-sentenza appellata ma jikkorrispondix għall-ilmenti ta’ CK Telecoms ifformulati fil-kuntest ta’ din il-parti. |
|
315 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li, permezz tas-sitt parti tat-tielet motiv tagħha tar-rikors fl-ewwel istanza, CK Telecoms kienet sostniet, minn naħa, li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta kklassifikat bħala effett mhux ikkoordinat it-tnaqqis eventwali tal-investimenti globali li jirriżulta minn trasparenza ikbar tal-investimenti bejn l-operaturi ta’ network mobbli u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ l-impenji ppreżentati minn CK Telecoms. |
|
316 |
Skont il-Kummissjoni, il-motivi esposti fil-punti 398 sa 416 tas-sentenza appellata ma jippermettux li jinftiehmu r-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 417 ta’ dik is-sentenza, li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta kklassifikat it-tnaqqis eventwali tal-investimenti globali li jirriżulta minn trasparenza ikbar tal-investimenti bejn l-operaturi ta’ network mobbli bħala effett mhux ikkoordinat. |
|
317 |
Il-Kummissjoni tippreċiża li, fil-punti 408 sa 416 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ttrattat ex officio kwistjoni oħra, li ma tqajmitx minn CK Telecoms fl-ewwel istanza, dwar jekk il-Kummissjoni naqsitx milli tistabbilixxi, fid-Deċiżjoni kontenzjuża, il-kuntest temporali xieraq li fih hija kellha l-intenzjoni li turi tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. |
|
318 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ssostni li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali espost fil-punti 404 sa 416 tas-sentenza appellata ma jikkorrispondix mal-konstatazzjoni li waslet għaliha fil-punt 417 tas-sentenza appellata. Għaldaqstant, dik is-sentenza ma tinkludi ebda raġunament relatat mal-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kklassifikatx b’mod żbaljat it-tnaqqis eventwali tal-investimenti globali li jirriżulta minn trasparenza ikbar tal-investimenti bejn l-operaturi ta’ network mobbli bħala effett mhux ikkoordinat u jekk hija wettqitx żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-analiżi tagħha tal-effett tal-konċentrazzjoni fuq l-investimenti fil-livell tas-settur. |
|
319 |
CK Telecoms tirribatti li l-Qorti Ġenerali esponiet b’mod ċar u eżawrjenti r-raġunament li wassalha sabiex tiċħad it-tieni subteorija tad-dannu, li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-motivi tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha. |
|
320 |
F’dan ir-rigward, CK Telecoms issostni, fl-ewwel lok, li, fil-punt 408 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kinitx ippreċiżat il-perijodu li fih hija qieset li kien ser iseħħ tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. Sabiex tasal għal din il-konstatazzjoni, fil-punt 415 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li l-analiżi tal-effetti ta’ konċentrazzjoni fuq suq oligopolistiku fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, li jeħtieġ investimenti fit-tul u fejn il-konsumaturi huma ta’ spiss marbuta b’kuntratti għal diversi snin, hija analiżi prospettiva dinamika li teħtieġ it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ effetti kkoordinati jew unilaterali eventwali fuq perijodu ta’ żmien relattivament estiż fil-futur. |
|
321 |
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni lanqas ma ppreċiżat liema minn diversi xenarji ta’ konsolidazzjoni tan-networks previsti fid-Deċiżjoni kontenzjuża huwa l-iktar probabbli. |
|
322 |
F’dan ir-rigward, fil-punti 410 sa 413 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet li, ikun xi jkun il-pjan ta’ konsolidazzjoni tan-networks finalment adottat mill-partijiet fil-konċentrazzjoni ppjanata, l-entità li tirriżulta minn din il-konċentrazzjoni ma żżommx fuq perijodu twil żewġ networks separati. Din l-entità għalhekk tikkonċentra għal żmien twil fuq wieħed miż-żewġ ftehimiet ta’ kondiviżjoni tan-network. |
|
323 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali qieset, ġustament, li t-tieni subteorija tad-dannu kellha tiġi miċħuda peress li kienet ibbażata fuq l-ipoteżi, kuntrarja għall-fatti kkonstatati mill-Qorti Ġenerali, tal-eżistenza fit-tul ta’ żewġ networks separati. |
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
324 |
Mir-regoli dwar il-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 76 u mill-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li t-tilwima bħala prinċipju hija ddeterminata u ddefinita mill-partijiet u li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tiddeċiedi ultra petita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2013, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et, C‑272/12 P, EU:C:2013:812, punt 27). |
|
325 |
Għalkemm ċerti motivi jistgħu, jew saħansitra għandhom, jitqajmu ex officio, bħal nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, li jaqa’ taħt ir-rekwiżiti formali essenzjali, motiv ibbażat fuq il-legalità sostantiva tal-imsemmija deċiżjoni, li jaqa’ taħt il-ksur tat-trattati jew ta’ kwalunkwe dispożizzjoni legali oħra marbuta mal-applikazzjoni tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, jista’, min-naħa l-oħra, jiġi eżaminat mill-qorti tal-Unjoni biss jekk jiġi invokat mir-rikorrent (sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2013, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et, C‑272/12 P, EU:C:2013:812, punt 28). |
|
326 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tas-sitt parti tat-tielet motiv tagħha tar-rikors fl-ewwel istanza, CK Telecoms kienet sostniet, minn naħa, li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta kklassifikat it-tnaqqis eventwali tal-investimenti globali li jirriżulta minn trasparenza ikbar tal-investimenti bejn l-operaturi ta’ network mobbli bħala effett mhux ikkoordinat u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ l-impenji ppreżentati minn CK Telecoms. |
|
327 |
Fil-punti 398 sa 401 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret, essenzjalment, din is-sitt parti tat-tielet motiv kif ukoll l-argument tal-Kummissjoni. Fil-punti 402 sa 407 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-premessi tad-Deċiżjoni kontenzjuża li jirrigwardaw l-eventwali tnaqqis tal-investimenti globali fin-netwerks minħabba t-trasparenza ikbar tal-investimenti bejn l-operaturi ta’ network mobbli li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ppjanata. |
|
328 |
Issa, f’dan il-kuntest, minflok ma eżaminat jekk il-Kummissjoni kklassifikatx b’mod żbaljat dan it-tnaqqis eventwali tal-investimenti bħala effett mhux ikkoordinat u jekk hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ l-impenji ppreżentati minn CK Telecoms, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 408 tas-sentenza appellata, li, f’dan il-każ, hija kienet qiegħda taffaċċja “diffikultà partikolari” fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju li hija għandha teżerċita fir-rigward tad-Deċiżjoni kontenzjuża, peress li l-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi l-kuntest temporali xieraq li fih hija kellha l-intenzjoni tistabbilixxi tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. |
|
329 |
Fil-punt 410 tas-sentenza appellata, din il-qorti kkonstatat, essenzjalment, li, fid-Deċiżjoni kontenzjuża, il-perijodu twil ma ġiex ikkunsidrat mill-Kummissjoni bħala l-kuntest temporali xieraq sabiex jiġu evalwati l-effetti tal-konċentrazzjoni ppjanata. |
|
330 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punt 415 ta’ dik is-sentenza, li l-analiżi tal-effetti ta’ konċentrazzjoni fuq suq oligopolistiku fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, li jeħtieġ investimenti fit-tul u fejn il-konsumaturi huma ta’ spiss marbuta b’kuntratti għal diversi snin, hija analiżi prospettiva dinamika li teħtieġ it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ effetti kkoordinati jew unilaterali eventwali fuq perijodu ta’ żmien relattivament estiż fil-futur. |
|
331 |
Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, essenzjalment, fil-punti 416 u 417 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl tal-fatt li l-partijiet fil-konċentrazzjoni ma humiex ser iżommu żewġ networks separati għal żmien twil, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi peress li kklassifikat l-effett ta’ trasparenza msaħħa fuq l-investiment globali fin-networks bħala effett mhux ikkoordinat, “sa fejn [it-tieni subteorija] h[ij]a bbażat[a] fuq l-ipoteżi [żbaljata] tal-eżistenza ta’ żewġ networks separati”. |
|
332 |
Issa, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 200 tal-konklużjonijiet tagħha, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tan-noti tagħha fl-ewwel istanza, CK Telecoms ma kkritikatx lill-Kummissjoni talli naqset milli tippreċiża jew tanalizza l-kuntest temporali xieraq li fih din l-istituzzjoni kellha l-intenzjoni tistabbilixxi l-eżistenza ta’ effetti mhux ikkoordinati u ta’ tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. |
|
333 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, mingħajr ma eżaminat l-ilmenti li kienet ippreżentat CK Telecoms fil-kuntest tal-motiv ikkonċernat, il-Qorti Ġenerali qajmet ex officio l-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ preċiżjoni tal-kuntest temporali u tal-analiżi tal-effetti mhux ikkoordinati fit-tul. |
|
334 |
Issa, huwa manifest li dan l-ilment ma jistax jiġi kklassifikat bħala motiv ta’ ordni pubbliku fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 325 ta’ dik is-sentenza. |
|
335 |
Għalhekk, peress li, sabiex tilqa’, fil-punt 417 tas-sentenza appellata, is-sitt parti tat-tielet motiv tar-rikors fl-ewwel istanza ta’ CK Telecoms, il-Qorti Ġenerali qajmet ex officio, fil-punti 408 sa 416 tas-sentenza appellata, ilment li ma jistax jiġi kklassifikat bħala motiv ta’ ordni pubbliku u, konsegwentement, ir-raġunament li jinsab f’dawn il-punti ma jikkorrispondix mal-ilmenti ta’ CK Telecoms ifformulati fil-kuntest ta’ din il-parti, għandu jiġi kkunsidrat li din il-qorti wettqet żball ta’ liġi. |
|
336 |
Konsegwentement, it-tieni parti tas-sitt aggravju hija fondata u s-sitt aggravju għandu għalhekk jintlaqa’ fl‑intier tiegħu. |
|
337 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti u fid-dawl tal-portata, tan-natura u tal-portata tal-iżbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali, identifikati f’din is-sentenza, li jaffettwaw ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fl-intier tiegħu, hemm lok li s-sentenza appellata tiġi annullata. |
Fuq il‑kawża mibgħuta lura lill‑Qorti Ġenerali
|
338 |
Konformement mal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell huwa fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Hija tista’ allura jew tiddeċiedi hija stess definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha. |
|
339 |
F’dan il-każ, mill-punti 291, 397, 417, 418, 454 u 455 tas-sentenza appellata jirriżulta li, peress li laqgħet il-motivi tar-rikors fl-ewwel istanza elenkati fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni kontenzjuża u qieset li ma kienx hemm lok li tiġi eżaminata s-sitt parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li l-inċentivi tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ppjanata li tidħol f’kompetizzjoni probabbilment ikunu inqas minn dawk ta’ Three u ta’ O2 qabel din il-konċentrazzjoni. Hija lanqas ma eżaminat it-tieni motiv dwar l-evalwazzjoni tax-xenarju kontrofattwali mwettqa mill-Kummissjoni, li fuqu hija bbażata l-evalwazzjoni tas-swieq bl-imnut u bl-ingrossa u lanqas it-tieni u s-seba’ parti tat-tielet motiv dwar, minn naħa, l-evoluzzjoni taż-żewġ ftehimiet ta’ kondiviżjoni tan-network eżistenti fix-xenarju kontrofattwali u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tal-impenji dwar il-kondiviżjoni tan-network. Il-Qorti Ġenerali lanqas ma ddeċidiet dwar ir-raba’, il-ħames u s-sitt parti tar-raba’ motiv, li jirrigwardaw, rispettivament, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ppjanata kienet inqas inċentivata tikkompeti, l-evalwazzjoni ta’ din l-istituzzjoni li l-kompetituri ta’ din l-entità la kellhom il-kapaċità u lanqas l-inċentivi neċessarji sabiex jikkompetu magħha, kif ukoll dwar it-teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni ta’ ċerti affermazzjonijiet ta’ terzi. Fl-aħħar, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx fuq il-ħames motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, li permezz tiegħu CK Telecoms ikkontestat l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ta’ wħud mill-impenji tagħha. |
|
340 |
Il-motivi li ma ġewx eżaminati mill-Qorti Ġenerali jimplikaw l-eżami ta’ diversi kwistjonijiet fattwali u legali abbażi ta’ elementi li, minn naħa, ma ġewx evalwati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata u, min-naħa l-oħra, ma ġewx diskussi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, in-natura u l-portata tal-iżbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali, identifikati f’din is-sentenza, huma tali li l-eżami tal-motivi invokati fl-ewwel istanza, li huma vvizzjati b’dawn l-iżbalji, jeħtieġu li l-Qorti Ġenerali essenzjalment twettaq analiżi ġdida ta’ dawn il-motivi, li hija sostanzjalment differenti minn dik li tinsab fis-sentenza appellata. |
|
341 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-elementi neċessarji għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi b’mod definittiv fuq il-motivi kollha invokati fl-ewwel istanza. |
|
342 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali u li l-ispejjeż jiġu rriżervati. |
Fuq l‑ispejjeż
|
343 |
Peress li l-kawża qiegħda tintbagħat lura lill-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż jiġu rriżervati. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
( i ) Il-kelma “qsim” inbidlet għall-kelma “kondiviżjoni”. Fil-punti 41 u 61 ta’ dan id-dokument, saret modifika ta’ natura lingwistika u terminoloġika, wara li kien tqiegħed online għal-ewwel darba.
( 1 ) Data kunfidenzjali redatta.