20.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 51/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/368

tal-14 ta’ Frar 2023

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u New Zealand, min-naħa l-oħra, dwar l-iskambju ta’ data personali bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-awtoritajiet ta’ New Zealand kompetenti għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2) u l-Artikolu 88, flimkien mal-Artikolu 218(6), il-punt (a), u l-Artikolu 218(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jipprevedi li huwa possibbli li l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (l-Europol) tittrasferixxi data personali lil awtorità ta’ pajjiż terz, fost l-oħrajn, abbażi ta’ ftehim internazzjonali konkluż bejn l-Unjoni u dak il-pajjiż terz skont l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jipprovdi salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi.

(2)

F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1090 (3), il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u New Zealand, min-naħa l-oħra, dwar l-iskambju ta’ data personali bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-awtoritajiet ta’ New Zealand kompetenti għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu (il-“Ftehim”) ġie ffirmat fit-30 ta’ Ġunju 2022, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(3)

Il-Ftehim huwa fl-interess tal-Unjoni Ewropea, peress li għandu l-għan li jippermetti t-trasferiment ta’ data personali bejn l-Europol u l-awtoritajiet kompetenti ta’ New Zealand, bil-ħsieb tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu u l-protezzjoni tas-sigurtà tal-Unjoni u l-abitanti tagħha.

(4)

Il-Ftehim jiżgura r-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust rikonoxxuti fl-Artikoli 7, 8 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (4), rispettivament.

(5)

Il-Ftehim ma jaffettwax, u huwa mingħajr preġudizzju għat-trasferiment ta’ data personali jew forom oħra ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli għas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali.

(6)

Skont l-Artikolu 218(7) tat-TFUE, huwa xieraq li l-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni tapprova f’isem l-Unjoni l-modifiki tal-Annessi II, III u IV tal-Ftehim.

(7)

L-Irlanda hija marbuta bir-Regolament (UE) 2016/794 u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(8)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(9)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ta l-Opinjoni tiegħu 11/2022 fl-10 ta’ Ġunju 2022.

(10)

Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u New Zealand, min-naħa l-oħra, dwar l-iskambju ta’ data personali bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-awtoritajiet ta’ New Zealand kompetenti għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu (5) (il-“Ftehim”) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 27 tal-Ftehim. (6)

Artikolu 3

Għall-finijiet tal-Artikolu 28(2) tal-Ftehim, il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni dwar il-modifiki tal-Annessi II, III u IV tal-Ftehim għandha tiġi approvata mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kunsill.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Frar 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

E. SVANTESSON


(1)  Approvazzjoni tas-17 ta’ Jannar 2023 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1090 tas-27 ta’ Ġunju 2022 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u New Zealand, min-naħa l-oħra, dwar l-iskambju ta’ data personali bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-awtoritajiet ta’ New Zealand kompetenti għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu (ĠU L 176, 1.7.2022, p. 3).

(4)   ĠU C 326, 26.10.2012, p. 391.

(5)  Ara paġna 4 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(6)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.