|
4.6.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 165/31 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 591/2014
tat-3 ta' Ġunju 2014
dwar l-estensjoni tal-perjodi tranżizzjonali relatati ma' rekwiżiti ta' fondi proprji għal skoperturi għal kontropartijiet ċentrali fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 497(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Sabiex jiġi evitat tfixkil għas-swieq finanzjarji internazzjonali u l-istituzzjonijiet jiġu ppenalizzati billi jiġu soġġetti għal rekwiżiti ogħla ta' fondi proprji waqt il-proċessi ta' awtorizzazzjoni u r-rikonoxximent ta' kontroparti ċentrali eżistenti (CCP) bħala kontroparti ċentrali kwalifikanti (QCCP), l-Artikolu 497(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 stabbilixxa perjodu tranżitorju li matulu l-kontropartijiet ċentrali kollha li istituzzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni jikklerjaw it-tranżazzjonijiet magħhom se jitqiesu bħala kontropartijiet ċentrali kwalifikanti. |
|
(2) |
Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 emenda wkoll ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) fir-rigward ta' ċerti inputs għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta' fondi proprji ta' istituzzjonijiet għal skoperturi għal kontropartijiet ċentrali. Għaldaqstant, l-Artikolu 89(5a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jeħtieġ li ċerti kontropartijiet ċentrali jirrappurtaw, għal perjodu limitat ta' żmien, l-ammont totali tal-marġni inizjali li huma jkunu rċevew mill-membri tal-ikklerjar tagħhom. Dan il-perjodu tranżitorju jirrifletti dak il-perjodu stipulat fl-Artikolu 497 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. |
|
(3) |
Il-perjodi tranżitorji fl-Artikolu 497(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u fl-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 89(5a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jintemmu fil-15 ta' Ġunju 2014. |
|
(4) |
L-Artikolu 497(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex f'ċirkostanzi eċċezzjonali tadotta att ta' implimentazzjoni sabiex il-perjodu tranżitorju jiġi estiż b'sitt xhur. Din l-estensjoni għandha tapplika wkoll fir-rigward tal-limiti ta' żmien stabbiliti fl-Artikolu 89(5a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. |
|
(5) |
Billi l-awtorizzazzjoni u l-proċessi ta' rikonoxximent tal-kontropartijiet ċentrali għadhom għaddejjin, il-perjodi tranżitorji fl-Artikolu 497(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u fl-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 89(5a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għandhom jiġiu estiżi b'sitt xhur, jiġifieri sal-15 ta' Diċembru 2014. |
|
(6) |
Jekk l-estensjoni tal-perjodi tranżitorji ma tingħatax, l-istituzzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni (jew is-sussidjarji tagħhom stabbiliti barra mill-Unjoni) ikollhom żieda sinifikanti fir-rekwiżiti tal-fondi proprji għall-iskoperturi tagħhom għal dawk il-kontropartijiet ċentrali li għadhom ma ġewx awtorizzati jew rikonoxxuti, kif applikabbli. Filwaqt li żieda bħal din tista' tkun biss temporanja, din tista' potenzjalment twassal għall-irtirar tagħhom bħala parteċipanti diretti f'dawk il-kontropartijiet ċentrali u għalhekk tikkawża tfixkil fis-swieq li dawk il-kontropartijiet ċentrali joperaw fihom. |
|
(7) |
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ qabel is-16 ta' Ġunju 2014, sabiex jiġi żgurat li l-estensjoni tal-perjodi tranżitorji eżistenti sseħħ qabel l-iskadenza tagħhom. Dħul fis-seħħ iktar tard jista' jwassal għal tfixkil għall-kontropartijiet ċentrali, għas-swieq li dawn joperaw fihom u għall-istituzzjonijiet li jkollhom skoperturi għal dawn il-kontropartijiet ċentrali. |
|
(8) |
Il-miżuri stabbiliti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Banek Ewropej, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-perjodi ta' 15-il xahar imsemmija fl-Artikolu 497(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u fl-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 89(5a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, rispettivament, jiġu estiżi b'sitt xhur.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Ġunju 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).