IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.6.2025
COM(2025) 227 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Iżvezja
{SWD(2025) 227 final}
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.6.2025
COM(2025) 227 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Iżvezja
{SWD(2025) 227 final}
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Iżvezja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
Kunsiderazzjonijiet ġenerali
(1)Ir-Regolament (UE) 2024/1263, li daħal fis-seħħ fit-30 ta’ April 2024, jispeċifika l-objettivi tal-governanza ekonomika, li għandha l-għan li tippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli u tkabbir u reżiljenza sostenibbli u inklużivi permezz ta’ riformi u investimenti, u li tipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvern. Ir-Regolament jistipula li l-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu sorveljanza multilaterali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew f’konformità mal-objettivi u r-rekwiżiti stabbiliti fit-TFUE. Is-Semestru Ewropew jinkludi, b’mod partikolari l-formulazzjoni, u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Ir-Regolament jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali tal-politika fiskali u jenfasizza l-fokus tagħha fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u aktar koerenti. Kull Stat Membru jrid jissottometti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li jkun fih l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment tiegħu, fuq perjodu ta’ 4 jew 5 snin, skont it-tul tat-terminu leġiżlattiv nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta 3 f’dawn il-pjanijiet għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli ’l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta’ aġġustament, jew li jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG kif stabbilit mit-Trattat, fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn 3 snin.
(2)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 , li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (l-“RRF”, Recovery and Resilience Facility), daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. L-RRF tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jagħtu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, l-RRF trawwem irkupru ekonomiku u soċjali filwaqt li tmexxi riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari billi tippromwovi t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u billi tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
(3)Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 (ir-“Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. Dan jgħin biex tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija. L-Iżvezja żiedet kapitolu REPowerEU ġdid mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.
(4)Fit-28 ta’ Mejju 2021, l-Iżvezja ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V. Fl-4 ta’ Mejju 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tiegħu li tapprova l-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Iżvezja 6 , li ġiet emendata fid-9 ta’ Novembru 2023 skont l-Artikolu 18(2) biex il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli tiġi aġġornata, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU 7 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 24(5), li tiddikjara li l-Iżvezja tkun laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stipulati fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jirrikjedi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti għall-istess riforma jew investiment ma tkunx treġġgħet lura.
(5)Fil-21 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju tal-Iżvezja 8 . Il-pjan ġie ppreżentat f’konformità mal-Artikolu 11 u l-Artikolu 36(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/1263, ikopri l-perjodu mill-2025 sal-2028 u jistabbilixxi restrizzjoni baġitarja fil-forma ta’ rata massima ta’ tkabbir fin-nefqa netta fuq 4 snin.
(6)Fis-26 ta’ Novembru 2024, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2025, li fih identifikat lill-Iżvezja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2025, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 9 fit-13 ta’ Mejju 2025 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fl-10 ta’ Marzu 2025.
(7)Fid-29 ta’ Jannar 2025, il-Kummissjoni ppubblikat il-Boxxla għall-Kompetittività, qafas strateġiku li għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività globali tal-UE matul il-5 snin li ġejjin. Hija tidentifika t-tliet imperattivi trasformattivi ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli: (i) l-innovazzjoni; (ii) id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività; u (iii) is-sigurtà. Biex tnaqqas id-diskrepanza fl-innovazzjoni, l-UE għandha l-għan li trawwem l-innovazzjoni industrijali, tappoġġa t-tkabbir tan-negozji ġodda permezz ta’ inizjattivi bħall-Istrateġija tal-UE għall-kumpaniji Start-up u Scale-up, u tippromwovi l-adozzjoni ta’ teknoloġiji avvanzati bħall-intelliġenza artifiċjali u l-computing kwantistiku. Fit-twettiq ta’ ekonomija aktar ekoloġika, il-Kummissjoni ddeskriviet Pjan ta’ Azzjoni komprensiv dwar l-Enerġija Affordabbli u Patt għal Industrija Nadifa, li jiżguraw li l-bidla lejn enerġija nadifa tibqa’ kosteffettiva, favur il-kompetittività, b’mod partikolari għal setturi intensivi fl-enerġija, u tkun mutur għat-tkabbir. Biex tnaqqas dipendenzi eċċessivi u żżid is-sigurtà, l-Unjoni hija impenjata li ssaħħaħ is-sħubijiet kummerċjali globali, tiddiversifika l-ktajjen tal-provvista u tiżgura l-aċċess għal materja prima kritika u sorsi ta’ enerġija nadifa. Dawn il-prijoritajiet huma sostnuti minn faċilitaturi orizzontali, jiġifieri s-simplifikazzjoni regolatorja, l-approfondiment tas-suq uniku, il-finanzjament tal-kompetittività kif ukoll Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, il-promozzjoni tal-ħiliet u tax-xogħlijiet ta’ kwalità, u koordinazzjoni aħjar tal-politiki tal-UE. Il-Boxxla għall-Kompetittività hija allinjata mas-Semestru Ewropew, li jiżgura li l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri jkunu konsistenti mal-objettivi strateġiċi tal-Kummissjoni, u li fil-governanza ekonomika jinħoloq approċċ unifikat li jrawwem it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u r-reżiljenza madwar l-Unjoni.
(8)Fl-2025, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jiżviluppa biswit l-implimentazzjoni tal-RRF. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika fil-qafas tas-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jibqgħu ugwalment rilevanti għall-valutazzjoni tal-pjanijiet emendati għall-irkupru u r-reżiljenza f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.
(9)Fl-2025, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jiżviluppa biswit l-implimentazzjoni tal-RRF. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika fil-qafas tas-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jibqgħu ugwalment rilevanti għall-valutazzjoni tal-pjanijiet emendati għall-irkupru u r-reżiljenza f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.
(10)Fl-4 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2025 għall-Iżvezja. Huwa vvaluta l-progress tal-Iżvezja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-Iżvezja tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Abbażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika l-aktar sfidi urġenti li qed tiffaċċja l-Iżvezja. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Iżvezja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.
(11)Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għall-Iżvezja. Is-sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-vulnerabbiltajiet makroekonomiċi għall-Iżvezja għall-finijiet ta’ dak ir-Regolament ġew ippubblikati fit-13 ta’ Mejju 2025 10 . Fl-4 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Iżvezja qiegħda tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, il-vulnerabbiltajiet relatati mas-suq tal-proprjetà immobbli tagħha u d-dejn privat għoli għadhom rilevanti minkejja xi moderazzjoni reċenti, u l-vulnerabbiltajiet identifikati jippersistu fin-nuqqas ta’ azzjoni soda. Minkejja xi moderazzjoni, il-qari tad-dejn għall-PDG tal-unitajiet domestiċi u korporattiv għadu fost l-ogħla fl-UE, filwaqt li l-prezzijiet tad-djar kienu kostanti f’termini nominali iżda għadhom qed jiġu sopravvalutati. Kundizzjonijiet finanzjarji aktar stretti wasslu wkoll għal tnaqqis fil-kostruzzjoni tad-djar u għamlu pressjoni addizzjonali fuq l-unitajiet domestiċi u n-nefqa tan-negozju, u s-settur finanzjarju għadu espost ħafna għas-settur tal-proprjetà immobbli, inkluża l-proprjetà immobbli kummerċjali. Il-progress fil-politika kien limitat. L-ambjenti ta’ politika jkomplu jiffavorixxu l-akkwist ta’ djar iffinanzjati mid-dejn filwaqt li n-nuqqas ta’ provvista tad-djar għadu hemm. It-tassazzjoni tkompli tinċentiva s-sjieda tad-djar iffinanzjata mid-dejn permezz tat-tnaqqis sinifikanti mit-taxxa tal-pagamenti tal-imgħax ipotekarju. Miżuri li jżidu l-provvista tal-akkomodazzjoni fil-futur għandhom jgħinu biex jiġi moderat it-tkabbir fil-prezzijiet tad-djar, iżda mhumiex sostitut għar-riformi li jindirizzaw il-fatturi ewlenin tad-dejn tal-unitajiet domestiċi. Is-suq tal-kiri għadu ma ġiex riformat. Dawn il-vulnerabbiltajiet jistgħu jmorru għall-agħar jekk isseħħ żieda mill-ġdid fl-akkwist tad-djar iffinanzjat mid-dejn u s-sopravvalutazzjoni tal-prezzijiet tad-djar minħabba t-tnaqqis tal-miżuri makroprudenzjali, li jidhru li qed jiġu kkunsidrati, minbarra kundizzjonijiet ta’ finanzjament aktar favorevoli.
Valutazzjoni tar-Rapport ta’ Progress Annwali
(12)Fil-21 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill irrakkomanda r-rati massimi ta’ tkabbir li ġejjin tan-nefqa netta għall-Iżvezja: 4,0 % fl-2025, 4,4 % fl-2026, 4,4 % fl-2027, u 4,6 % fl-2028, li jikkorrispondu mar-rati ta’ tkabbir kumulattivi massimi kkalkulati b’referenza għall-2023 ta’ 10,7 % fl-2025, 15,5 % fl-2026, 20,6 % fl-2027, u 26,1 % fl-2028. Fit-30 ta’ April 2025, l-Iżvezja ppreżentat ir-Rapport ta’ Progress Annwali 11 tagħha dwar l-aderenza mar-rati massimi ta’ tkabbir rakkomandati tan-nefqa netta u l-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew. Ir-Rapport ta’ Progress Annwali jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Iżvezja dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241.
(13)Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni rrakkomandat li tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir b’mod ikkoordinat biex tappoġġa l-isforzi tal-UE biex tikseb żieda rapida u sinifikanti fl-infiq għad-difiża u din il-proposta ntlaqgħet mill-Kunsill Ewropew tas-6 ta’ Marzu 2025.
(14)Skont id-data vvalidata mill-Eurostat 12 , id-defiċit tal-gvern estiż tal-Iżvezja żdied minn defiċit ta’ 0,8 % tal-PDG fl-2023 għal defiċit ta’ 1,5 % fl-2024, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż għola minn 31,6 % tal-PDG fi tmiem l-2023 għal 33,5 % fi tmiem l-2024. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal rata ta’ tkabbir fin-nefqa netta ta’ 6,1 % fl-2024. Fir-Rapport ta’ Progress Annwali, l-Iżvezja tistma li t-tkabbir fin-nefqa netta fl-2024 huwa ta’ 6,1 %. Abbażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 13 , li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, kienet espansjonarja, b’0,7 % tal-PDG, fl-2024.
(15)Skont ir-Rapport ta’ Progress Annwali, ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji mill-Iżvezja jistenna tkabbir tal-PDG reali ta’ 2,1 % fl-2025, filwaqt li l-inflazzjoni tal-HICP (Harmonised Index of Consumer Prices) hija pprojettata għal 2,1 % fl-2025. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali jikber b’1,1 % fl-2025 u 1,9 % fl-2026, u l-inflazzjoni tal-HICP se tkun ta’ 2,2 % fl-2025 u 1,6 % fl-2026.
(16)Fir-Rapport ta’ Progress Annwali, id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 1,3 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 34,3 % tal-PDG sa tmiem l-2025. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta’ 4,1 % fl-2025. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern estiż ta’ 1,5 % tal-PDG fl-2025. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta’ 1,7 % fl-2025. Din ir-rata ta’ tkabbir aktar baxxa tan-nefqa netta meta mqabbla mar-rata fir-Rapport ta’ Progress Annwali tirrifletti projezzjonijiet differenti ta’, fost l-oħrajn, kumpens tal-impjegati u trasferimenti soċjali in natura mill-produtturi tas-suq. Abbażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, hija pprojettata li tkun restrittiva, b’0,7 % tal-PDG, fl-2025. Il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 33,8 % sa tmiem l-2025.
(17)In-nefqa tal-gvern estiż li tammonta għal 0,1 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2025, meta mqabbla ma’ 0,1 % tal-PDG fl-2024, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mill-appoġġ mhux ripagabbli tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ u d-dejn tal-gvern estiż tal-Iżvezja.
(18)In-nefqa għad-difiża tal-amministrazzjoni pubblika fl-Iżvezja ammontat għal 1,3 % tal-PDG fl-2021, 1,7 % tal-PDG fl-2022 u 1,8 % tal-PDG fl-2023 14 . Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa fuq id-difiża hija pprojettata li tkun 2,3 % tal-PDG fl-2024 u 2,5 % tal-PDG fl-2025. Dan jikkorrispondi għal żieda ta’ 1,2 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbel mal-2021.
(19)Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fl-Iżvezja hija pprojettata li tikber b’1,7 % fl-2025 u b’7,9 % b’mod kumulattiv fl-2024 u l-2025. Abbażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, it-tkabbir fin-nefqa netta tal-Iżvezja fl-2025 huwa pprojettat li jkun taħt ir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata, kemm kull sena kif ukoll meta jitqiesu l-2024 u l-2025 flimkien.
(20)Ir-Rapport ta’ Progress Annwali ma jinkludix projezzjonijiet baġitarji wara l-2025. Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern estiż ta’ 0,8 % tal-PDG fl-2026. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta’ 2,6 % fl-2026. Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, hija pprojettata li tkun restrittiva, b’0,4 % tal-PDG, fl-2026. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG huwa pprojettat mill-Kummissjoni li jonqos għal 33,3 % sa tmiem l-2026.
Sfidi ewlenin tal-politika
(21)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien strett, il-finalizzazzjoni tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal-Iżvezja permezz tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ essenzjali sabiex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.
(22)L-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, li jinkludu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF, Just Transition Fund) u mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), aċċellerat fl-Iżvezja. Huwa importanti li jitkomplew l-isforzi biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni rapida ta’ dawn il-programmi, filwaqt li jiġi massimizzat l-impatt tagħhom fil-prattika. L-Iżvezja diġà qed tieħu azzjoni taħt il-programmi tal-politika ta’ koeżjoni tagħha biex tagħti spinta lill-kompetittività u t-tkabbir. Fl-istess ħin, l-Iżvezja tkompli tiffaċċja sfidi inkluż in-nuqqas ta’ ħiliet u l-ispariġġ fil-ħiliet, u jista’ jkun hemm lok biex jissaħħaħ it-tkabbir reġjonali filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet reġjonali relatati mal-kompetittività, it-tranżizzjoni tal-enerġija u r-reżiljenza tal-ilma. F’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, l-Iżvezja hija meħtieġa – bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni – tirrieżamina kull programm filwaqt li tqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024. Il-proposti tal-Kummissjoni adottati fl-1 ta’ April 2025 15 jestendu l-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ valutazzjoni – għal kull programm – tal-eżitu tar-rieżami ta’ nofs it-terminu lil hinn mill-31 ta’ Marzu 2025. Tipprovdi wkoll flessibbiltajiet biex jgħinu jħaffu l-implimentazzjoni tal-programm u inċentivi għall-Istati Membri biex jallokaw riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni għal ħames oqsma strateġiċi ta’ prijorità tal-Unjoni, jiġifieri l-kompetittività fit-teknoloġiji strateġiċi, id-difiża, l-akkomodazzjoni, ir-reżiljenza tal-ilma u t-tranżizzjoni tal-enerġija
(23)Il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP, Strategic Technologies for Europe Platform) tipprovdi l-opportunità li jsir investiment fi prijorità strateġika ewlenija tal-UE billi ssaħħaħ il-kompetittività tal-UE. STEP titwassal permezz ta’ 11-il fond eżistenti tal-UE. L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-programm InvestEU li jappoġġa investimenti f’oqsma ta’ prijorità. L-Iżvezja tista’ tuża dawn l-inizjattivi biex tappoġġa l-iżvilupp jew il-manifattura ta’ teknoloġiji kritiċi, inklużi teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi.
(24)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni, l-Iżvezja tiffaċċa għadd ta’ sfidi addizzjonali relatati ma’: (i) l-eżiti edukattivi tal-istudenti li qed jiddeterjoraw, b’mod partikolari dawk li ġejjin minn sfondi soċjoekonomiċi u ta’ migrazzjoni żvantaġġati; (ii) id-diskrepanzi fil-ħiliet, li huma l-aktar evidenti għal persuni li ġejjin minn sfondi soċjoekonomiċi u ta’ migrazzjoni żvantaġġati; (iii) livelli għoljin ta’ dejn privat flimkien ma’ proprjetà immobbli sopravvalutata; (iv) it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, u (v) il-kapaċità tal-grilja tal-enerġija u r-restrizzjonijiet tat-trażmissjoni marbuta mal-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.
(25)Ir-riżultati tal-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA, Programme for International Student Assessment) tal-2022 juru li t-tnaqqis fil-ħiliet bażiċi tal-istudenti Żvediżi mill-2018 huwa fost l-akbar fl-UE, b’mod partikolari fil-matematika. In-nuqqas ta’ kisbiet fil-ħiliet bażiċi huwa partikolarment għoli għall-istudenti bi sfond soċjoekonomiku żvantaġġat jew ta’ migrazzjoni, u ż-żieda fin-nuqqas ta’ kisbiet għal dawk bi sfond soċjoekonomiku żvantaġġat hija saħansitra ogħla. Hemm ukoll distakk sinifikanti fil-prestazzjoni bejn l-istudenti nattivi u dawk imwielda barra mill-pajjiż, u l-istudenti bi sfond ta’ migrazzjoni huma aktar probabbli li jkunu kkonċentrati f’ċerti skejjel. L-istudenti minn sfondi żvantaġġati huma wkoll sottorappreżentati fi skejjel privati, li l-istudenti tagħhom għandhom, bħala medja, possibbiltajiet aħjar li jikkwalifikaw għal aktar studji. Fl-2022, 15 % tal-istudenti kollha li temmew l-iskola sekondarja kellhom marki li kienu baxxi wisq jew mhux kompluti, li kien jeskludihom milli jattendu skola sekondarja tat-tieni livell. In-nuqqas kontinwu ta’ għalliema kwalifikati, speċjalment fl-iskejjel b’għadd kbir ta’ studenti żvantaġġati, joħloq riskju għall-kwalità tas-sistema edukattiva u jkompli jaggrava l-eżiti tal-edukazzjoni li qed jonqsu.
(26)L-Iżvezja għadha qed tiffaċċja sfidi fl-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ persuni minn gruppi vulnerabbli, b’mod partikolari persuni li ġejjin minn sfondi żvantaġġati u ta’ migrazzjoni, kif ukoll fit-tnaqqis tad-diskrepanzi fil-ħiliet li fadal. Fl-2023, l-Iżvezja kellha l-ogħla rata ta’ qgħad fl-UE għal persuni mwielda barra mill-UE, fejn id-differenza bejn dawk li twieldu barra mill-UE u l-Iżvediżi nattivi għadha partikolarment għolja. Fost il-persuni mill-gruppi vulnerabbli rreġistrati bħala qiegħda, kważi nofshom ma għandhomx edukazzjoni sekondarja tat-tieni livell u ħafna wkoll ma għandhomx il-prerekwiżiti bażiċi biex isibu impjieg jew jistudjaw, inklużi l-ħiliet lingwistiċi. Peress li t-tlestija tal-edukazzjoni sekondarja tat-tieni livell hija essenzjali biex wieħed isib impjieg fl-Iżvezja, ikunu meħtieġa aktar miżuri biex jappoġġaw lill-istudenti li jkunu qed isegwu edukazzjoni sekondarja tat-tieni livell, edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali jew ogħla. Dan għandu jgħin biex tiżdied il-provvista ta’ ħaddiema tas-sengħa biex jiġu appoġġati l-impjiegi, it-tkabbir tal-produttività, u l-potenzjal ta’ tkabbir tal-ekonomija Żvediża.
(27)In-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet fis-setturi u l-okkupazzjonijiet ewlenin għat-tranżizzjoni ekoloġika, inklużi l-manifattura, l-użu u l-manutenzjoni ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti, qed joħolqu ostakli fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b’emissjonijiet żero netti fl-Iżvezja. Hemm domanda għolja għall-inġiniera u l-ispeċjalisti tat-tranżizzjoni ekoloġika b’mod partikolari fit-Tramuntana tal-pajjiż. Għalhekk, it-titjib ulterjuri tar-rilevanza tas-suq tax-xogħol tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ offruti li jirrispondu għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu u miżuri mmirati ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid huma kruċjali biex jitnaqqas in-nuqqas ta’ ħiliet u jiġu promossi l-inklużjoni u r-riallokazzjoni tal-ħaddiema.
(28)Livelli għoljin ta’ dejn privat u prezzijiet tal-proprjetà sopravvalutati jikkostitwixxu żbilanċi makroekonomiċi li għadhom f’riskju ta’ stralċ diżordinat. Il-prezzijiet tad-djar għadhom għoljin, filwaqt li n-nuqqas ta’ provvista jibqa’ peress li l-kostruzzjoni ta’ djar ġodda għadu taħt id-domanda prevista. Dan in-nuqqas huwa marbut ma’ ineffiċjenzi strutturali, bħal kompetizzjoni limitata fis-settur tal-kostruzzjoni minħabba ostakli għad-dħul fil-konfront tad-ditti żgħar u barranin u l-kapaċità tal-iżviluppaturi l-kbar li jikkontrollaw ir-riżorsi tal-art. Il-piż ġenerali tat-taxxa fuq il-proprjetà għadu relattivament baxx minħabba tnaqqis ġeneruż tat-taxxa fuq il-pagamenti tal-imgħax ipotekarju u taxxi rikorrenti baxxi fuq il-proprjetà. L-impatt tal-bidliet fil-politika fuq il-pagamenti ipotekarji ta’ wara t-taxxa huwa diffiċli biex jiġi vvalutat minħabba nuqqas ta’ data individwali tal-unitajiet domestiċi dwar l-assi u l-obbligazzjonijiet. Id-disponibbiltà ta’ tali data tista’ twassal għal titjib fl-effiċjenza fit-tfassil tal-politika, u possibbilment tnaqqas l-ostaklu għad-dħul fis-suq tad-djar u xxerred il-piżijiet tal-akkomodazzjoni b’mod aktar ugwali fost il-popolazzjoni. Is-suq tal-kiri joffri ftit alternattivi u għad irid jiġi riformat biex jitnaqqsu l-listi ta’ stennija u tiġi promossa l-kostruzzjoni ta’ akkomodazzjoni għall-kiri. Kwalunkwe laxkar tal-politika makroprudenzjali qabel ir-riformi biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ funzjonament tas-suq eżistenti jista’ jwassal għal prezzijiet ogħla tad-djar filwaqt li fl-istess ħin jiżdied id-dejn tal-unitajiet domestiċi.
(29)Bil-politiki attwali tagħha, l-Iżvezja mhijiex fit-triq it-tajba biex tilħaq il-miri tagħha tal-UE għall-2030 biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra. L-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-pajjiż żdiedu fl-2024 u diversi studji minn korpi uffiċjali u indipendenti jissuġġerixxu li l-politiki attwali tal-Iżvezja se jirriżultaw f’nuqqas sinifikanti tal-miri klimatiċi tal-UE għall-2030. B’mod partikolari, dan in-nuqqas jirrifletti l-bidliet reċenti fil-politika, inklużi obbligi aktar baxxi ta’ taħlit tal-bijofjuwils u tnaqqis fit-taxxi fuq il-fjuwils likwidi, li wasslu għal żieda fl-emissjonijiet mit-trasport bit-triq, is-sors ewlieni tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-fjuwils fossili fl-Iżvezja.
(30)Għalkemm l-Iżvezja għadha l-Istat Membru bl-ogħla sehem ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija tagħha, ir-restrizzjonijiet fil-kapaċità tal-grilja tal-enerġija u t-trażmissjoni jistgħu jfixklu l-użu ulterjuri ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. It-tneħħija ta’ dawn ir-restrizzjonijiet hija kruċjali, peress li l-konsum finali tal-elettriku tal-Iżvezja huwa mistenni li jiżdied b’mod sinifikanti fil-perjodu sal-2045, xprunat miż-żieda fil-ħtiġijiet tal-elettrifikazzjoni tal-industrija u tat-trasport. It-titjib tal-aċċess għall-potenzjal mhux sfruttat tal-Iżvezja għall-enerġija rinnovabbli jista’ jakkomoda l-elettrifikazzjoni kontinwa tal-industriji fin-Nofsinhar tal-pajjiż, u jappoġġa l-iżviluppi industrijali innovattivi u ekoloġiċi u d-dekarbonizzazzjoni fit-Tramuntana. It-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija billi tiżdied l-effiċjenza enerġetika huwa essenzjali wkoll biex jgħin fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju u fil-kontroll tal-kostijiet tal-enerġija għall-unitajiet domestiċi u għan-negozji. Fir-rigward tal-effiċjenza enerġetika, minħabba t-trajettorja tal-konsum tal-enerġija, l-Iżvezja tinsab f’riskju li ma tilħaqx il-mira nazzjonali tagħha li żżid l-effiċjenza enerġetika b’50 % sal-2030 meta mqabbla mal-2005. B’konsum tal-enerġija primarja ta’ aktar minn 41 Mtoe fl-2023, l-Iżvezja tibqa’ fost l-Istati Membri bl-ogħla konsum tal-enerġija per capita.
(31)Għadhom jeżistu diversi ostakli għall-espansjoni tal-kapaċità ta’ produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli tal-pajjiż. Wieħed minn dawn l-ostakli huwa l-għoti ta’ permessi imprevedibbli kemm għall-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta kif ukoll għal dik fuq l-art. L-ostakli li jirriżultaw minn proċeduri ineffiċjenti għall-għoti ta’ permessi u drittijiet ta’ veto tal-muniċipalitajiet u tal-awtoritajiet tad-difiża, fost affarijiet oħra, joħolqu inċertezza fl-investiment u jfixklu l-isfruttament tal-potenzjal ipprovdut minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.
(32)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u l-konklużjonijiet tagħha dwar l-eżistenza ta’ żbilanċi, ir-rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjoni (5). Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjoni (5) jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbutin mas-suq tal-proprjetà immobbli u d-dejn privat għoli.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Iżvezja fl-2025 u fl-2026 tieħu azzjoni biex:
1.Issaħħaħ l-infiq u l-istat ta’ tħejjija ġenerali għad-difiża f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-6 ta’ Marzu 2025. Taderixxi mar-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta rrakkomandati mill-Kunsill fil-21 ta’ Jannar 2025.
2.Fid-dawl tal-iskadenzi applikabbli għat-tlestija f’waqtha tar-riformi u l-investimenti skont ir-Regolament (UE) 2021/241, tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni (FEŻR, JTF, FSE+), filwaqt li tibni, fejn xieraq, fuq l-opportunitajiet offruti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu. Tagħmel l-aħjar użu mill-istrumenti tal-UE, inklużi l-opportunitajiet ipprovduti minn InvestEU u l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, biex ittejjeb l-kompetittività.
3.Tiżgura l-kisba tal-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra billi tnaqqas, b’mod partikolari, l-emissjonijiet mit-trasport bit-triq. Tnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili billi taċċellera l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, inkluż billi tespandi u taġġorna n-networks tat-trażmissjoni tal-enerġija, u ttejjeb l-effiċjenza enerġetika. Taċċellera u tissimplifika l-proċeduri għall-għoti ta’ permessi għall-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari għall-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta u fuq l-art, u tevita t-treġġigħ lura tal-permessi għall-approvazzjoni.
4.Ittejjeb il-prestazzjoni edukattiva, inkluż ta’ studenti li ġejjin minn sfondi soċjoekonomiċi u ta’ migrazzjoni żvantaġġati, billi tindirizza n-nuqqas persistenti ta’ għalliema kwalifikati, tiżgura opportunitajiet ta’ aċċess ugwali għas-sistema skolastika u billi tkompli tappoġġa t-tranżizzjoni tal-istudenti għall-iskola sekondarja tat-tieni livell. Tiżviluppa l-ħiliet tal-forza tax-xogħol, b’mod partikolari dawk li ġejjin minn sfondi soċjoekonomiċi u ta’ migrazzjoni żvantaġġati, permezz ta’ miżuri ta’ politika u riżorsi mmirati biex ittejjeb l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.
5.Ittejjeb l-effiċjenza tas-suq tal-akkomodazzjoni, inkluż billi tintroduċi riformi fis-suq tal-kiri. Tistimula l-investiment fil-kostruzzjoni residenzjali biex ittaffi l-aktar nuqqasijiet urġenti. Tneħħi l-ostakli strutturali biex tiffaċilita l-kostruzzjoni residenzjali. Tindirizza r-riskji relatati mad-dejn għoli tal-unitajiet domestiċi billi gradwalment tnaqqas it-tnaqqis tat-taxxa tal-pagamenti tal-imgħax ipotekarju jew iżżid it-taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà, filwaqt li tiżviluppa għodod xierqa biex il-politiki jiġu vvalutati u mmirati aħjar. Iżżomm miżuri makroprudenzjali.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President