|
21.4.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 140/1 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Riċiklaġġ sostenibbli, użu ta’ materja prima sekondarja u tranżizzjoni ġusta fl-industrija Ewropea tal-metall ferruż u mhux ferruż”
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(2023/C 140/01)
|
Relatur: |
Anastasis YIAPANIS |
|
Korelatur: |
Michal PINTÉR |
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
20.1.2022 |
|
Bażi legali |
Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
|
Opinjoni fuq inizjattiva proprja |
|
Sezzjoni kompetenti |
Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
9.12.2022 |
|
Adozzjoni fil-plenarja |
24.1.2023 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
575 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
183/0/2 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-KESE jinnota li n-nuqqas ta’ materja prima sekondarja ta’ kwalità għolja u l-prezzijiet mhux kompetittivi jipprevjenu l-użu akbar ta’ materja prima sekondarja, u jappella għal politiki u opportunitajiet ta’ finanzjament adegwati biex jinbnew faċilitajiet ta’ riċiklaġġ ġodda u jittejbu dawk eżistenti f’termini tat-teknoloġija tagħhom. Il-Kumitat jemmen li għandhom jiġu introdotti faċilitajiet tat-taxxa u inċentivi fiskali tul il-katina tal-valur tar-riċiklaġġ u għal mudelli ta’ negozju ċirkolari ġodda, b’enfasi speċjali fuq ir-rwol importanti li l-SMEs u n-negozji ġodda għandhom fil-perkors tat-tranżizzjoni. |
|
1.2. |
Il-KESE jappella għal politiki addizzjonali li jappoġġjaw u jiffinanzjaw ir-riċerka u l-iżvilupp fil-proċess tas-sostituzzjoni tal-materja prima kritika, it-tnaqqis tal-konsum tar-riżorsi, it-titjib tal-effiċjenza tal-prodotti u t-tisħiħ tal-monitoraġġ, tal-ġestjoni tar-riskju u tal-governanza tal-UE fil-qasam tal-materja prima kritika. |
|
1.3. |
Il-Kumitat jilqa’ t-tnedija tal-Alleanza Globali Alleanza Globali għall-Ekonomija Ċirkolari u l-Effiċjenza fir-Riżorsi (1) (GACERE) fi Frar 2021, u jemmen li s-sħubija fl-organizzazzjoni għandha tiġi estiża. |
|
1.4. |
Il-KESE jqis li l-politiki mmirati u l-investimenti pubbliċi għandhom jiġu żviluppati aktar fl-Istati Membri kollha sabiex jitrawmu l-iżvilupp sostenibbli u t-tranżizzjoni ġusta. |
|
1.5. |
Il-KESE jenfasizza li hemm ħtieġa akbar għal ħaddiema speċjalizzati fir-riċiklaġġ, id-disinn u l-manifattura ta’ prodotti b’ħajja estiża, il-ġestjoni tal-iskart u s-separazzjoni avvanzata. L-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili industrijali għandhom rwol estremament importanti x’jaqdu fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta (JTM), u l-Kumitat jitlob għal djalogu aktar intensiv u kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet pubbliċi Ewropej u nazzjonali u l-partijiet interessati industrijali. |
|
1.6. |
Il-KESE jemmen li l-kriterji rilevanti fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart biex jintlaħqu l-miri ambizzjużi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari għandhom jiġu ddeterminati u sussegwentement armonizzati fi ħdan l-UE. |
|
1.7. |
L-esportazzjonijiet tal-iskart għandhom ikunu permessi biss meta jkun hemm konformità sħiħa mal-istandards ambjentali u soċjali fil-pajjiż tad-destinazzjoni, bi proċeduri tal-awditjar affidabbli u effettivi li jinkludu l-imsieħba soċjali u l-NGOs rilevanti. Il-Kumitat jitlob għal monitoraġġ strett tal-kwistjonijiet ta’ klassifikazzjoni u l-introduzzjoni ta’ proċeduri ta’ salvagwardja adegwati u effettivi biex jiġu sospiżi l-esportazzjonijiet f’każ li l-kundizzjonijiet meħtieġa ma jiġux issodisfati. Barra minn hekk, il-KESE jistieden lill-Parlament u lill-Kunsill japplikaw l-istess kriterji stretti fir-rigward tal-impenji ambjentali dwar l-iskart esportat kemm lejn pajjiżi tal-OECD kif ukoll lejn pajjiżi li mhumiex fl-OECD. |
|
1.8. |
Il-Kumitat jinnota l-problema tal-esportazzjonijiet illegali tar-ruttam mill-Ewropa u r-riimportazzjonijiet suspettużi ta’ oġġetti mmanifatturati barra mill-UE, u jappella għal kontrolli aktar stretti fil-fruntieri. |
|
1.9. |
Il-KESE jqis li proċeduri aktar rapidi għall-iskart ittrasportat internament se jwasslu għal ċirkolarità aħjar tal-materjali ferrużi u mhux ferrużi, li tagħmilhom aktar kompetittivi u tnaqqas l-emissjonijiet tagħhom ta’ gassijiet serra. |
|
1.10. |
Peress li d-disinn tar-riċiklabbiltà tal-prodotti huwa essenzjali biex jiżdiedu ċ-ċirkolarità u d-disponibbiltà ta’ materja prima sekondarja ta’ kwalità għolja, il-KESE jitlob li l-użu ta’ materja prima riċiklabbli u prodotti sekondarji jiġi rikonoxxut skont ir-Regolament dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli. L-estensjoni tal-ħajja tal-prodotti se ssir dejjem aktar importanti għall-kompetittività tal-industrija Ewropea. |
|
1.11. |
Il-KESE jemmen li l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti minimi ta’ sostenibbiltà ambjentali u soċjali fir-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini, flimkien mat-tikkettar u l-inċentivi tas-suq, joħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għal prodotti sostenibbli. |
|
1.12. |
Il-parteċipazzjoni ta’ esperti tal-industrija u partijiet interessati rilevanti oħra hija essenzjali biex jiġi żgurat li l-prinċipji taċ-ċirkolarità jkunu fis-seħħ fil-livelli kollha tad-disinn tal-prodotti, u l-Kumitat jemmen li l-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp u s-sħubijiet pubbliċi-privati jridu jissaħħu u jingħataw appoġġ finanzjarju. |
|
1.13. |
Il-KESE jemmen li l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku għandu rwol vitali fl-aċċellerazzjoni tax-xejriet tal-ekonomija ċirkolari u fil-promozzjoni tas-sostenibbiltà, u huwa konvint li l-istandardizzazzjoni armonizzata fl-UE tal-prodotti għall-bini tipprovdi qafas koerenti u tnaqqas il-frammentazzjoni fl-Istati Membri kollha. |
|
1.14. |
Il-KESE jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippromovi għadd ta’ proposti leġiżlattivi dwar it-titjib tal-possibbiltà ta’ tiswija u tar-riċiklabbiltà tal-prodotti, l-estensjoni taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti, l-introduzzjoni tat-tikkettar tal-enerġija u l-provvista ta’ servizzi ta’ tiswija disponibbli għall-konsumaturi. |
|
1.15. |
Il-Kumitat jemmen li r-riċiklabbiltà tal-materjali tal-imballaġġ għandha tiġi kkunsidrata fi skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur permezz ta’ tariffi abbażi tal-prinċipju tal-“ekomodulazzjoni”. |
2. Kummenti introduttorji
|
2.1. |
Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Nibnu Suq Uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa (2), il-Kummissjoni Ewropea enfasizzat li l-industriji li jużaw ħafna enerġija huma indispensabbli għall-ekonomija tal-Ewropa u jridu jiġu appoġġjati sabiex jinħolqu swieq ġodda għal prodotti newtrali għall-klima u ċirkolari, bħall-azzar. Hija tiddikkjara wkoll li t-tranżizzjoni tal-UE lejn in-newtralità klimatika tista’ tittrasforma d-dipendenza attwali fuq il-fjuwils fossili f’waħda fuq il-materja prima, li tiġi akkwistata minn barra l-Unjoni. |
|
2.2. |
Il-pandemija tal-COVID-19 uriet biċ-ċar il-fraġilità tal-ktajjen tal-provvista Ewropej u d-dipendenza fuq pajjiżi barranin għal materja prima strateġika. In-nuqqasijiet għadhom jippersistu u l-UE tidher li ma tistax tagħmel il-ktajjen tal-valur aktar reżiljenti u mħejjija aħjar għal xokkijiet futuri possibbli fit-tranżizzjoni doppja. |
|
2.3. |
Skont l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, id-domanda għall-inputs minerali se tiżdied b’sitt darbiet sal-2050. Peress li l-materja prima primarja hija limitata u ħafna drabi mhijiex disponibbli fl-UE, l-enfasi trid tiġi ttrasferita lejn it-titjib tal-kapaċitajiet u l-possibbiltajiet tar-riċiklaġġ u l-ħolqien ta’ suq reali għall-materja prima sekondarja. |
|
2.4. |
Huma u jħabirku biex jilħqu l-miri stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-UE, l-Istati Membri u l-partijiet interessati industrijali jeħtieġ li jiżguraw li l-kompetittività tal-industrija, il-ktajjen tal-valur tagħha, l-impjegati u s-soċjetà kollha ma jkunux mhedda. Għalhekk, il-katina Ewropea tar-riċiklaġġ mill-iskart għal prodotti finali ġodda jeħtieġ li tiġi aġġornata u tkun iffukata fuq riċiklaġġ effiċjenti u sostenibbli, inkluż billi tiġi promossa l-metodoloġija tas-simbjożi industrijali. |
3. Iċ-ċirkolarità, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, id-disponibbiltà ta’ materja prima sekondarja
|
3.1. |
L-UE qed tħabrek biex tittrasforma l-ekonomija f’waħda aktar sostenibbli u ċirkolari, bil-potenzjal li jinħolqu 700 000 impjieg addizzjonali (3). Għalkemm qed jintlaħqu riżultati massimi fir-rigward ta’ xi materjali bħall-ħadid, iż-żingu jew il-platinu, fir-rigward ta’ materjali tal-art rari bħall-gallju jew l-iridju, il-kontribut mill-materja prima sekondarja huwa pjuttost marġinali. Huwa stmat li kull tunnellata ta’ azzar riċiklat tipprevjeni 1,5 tunnellata ta’ emissjonijiet ta’ CO2 milli jidħlu fl-atmosfera. Il-KESE jinnota li huwa n-nuqqas ta’ materja prima sekondarja ta’ kwalità għolja, in-nuqqas ġenerali ta’ disponibbiltà, u prezzijiet mhux kompetittivi li jipprevjenu użu akbar ta’ materja prima sekondarja. |
|
3.2. |
L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja żiedet il-pressjoni fuq il-provvista ta’ materja prima għall-industrija tal-UE, u l-appoġġ għar-riċiklaġġ mhux se jkun biżżejjed biex jissodisfa d-domanda fil-futur għall-materja prima. Għalhekk, il-KESE jappella għal miżuri urġenti addizzjonali biex jappoġġjaw u jiffinanzjaw ir-riċerka u l-iżvilupp fis-sostituzzjoni ta’ materja prima kritika, it-tnaqqis tal-konsum tar-riżorsi, it-titjib tal-effiċjenza tal-prodotti, eċċ. Il-KESE jilqa’ l-approċċ komprensiv tal-KE fil-proposta dwar l-Att Ewropew dwar il-Materja Prima Kritika, u jemmen li jeħtieġ li jittejbu l-monitoraġġ, il-ġestjoni tar-riskju u l-governanza tal-UE fil-qasam tal-materja prima kritika. Barra minn hekk, il-Kumitat jemmen li l-azzjonijiet esterni tal-UE dwar il-materja prima kritika għandhom jissaħħu permezz ta’ sħubijiet strateġiċi mmirati ma’ pajjiżi terzi, ftehimiet u negozjati kummerċjali bilaterali/reġjonali, ftehimiet settorjali, kooperazzjoni għall-iżvilupp u inizjattivi multilaterali. |
|
3.3. |
L-UE, li tinsab fuq quddiem nett tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, għandha tkun tista’ tittratta l-iskart prodott fit-territorju tagħha minflok tesportah. Madankollu, l-esportazzjonijiet tal-iskart tal-metall ferruż (ruttam tal-ħadid u tal-azzar) żdiedu b’113 % fl-2021 meta mqabbla mal-livelli tal-2015, u laħqu 19,5 miljun tunnellata u kienu jammontaw għal aktar minn nofs (59 %) l-esportazzjonijiet kollha tal-iskart mill-UE. Il-KESE jinnota l-problema tal-esportazzjonijiet illegali tar-ruttam mill-Ewropa u l-riimportazzjonijiet suspettużi ta’ oġġetti mmanifatturati barra mill-UE. |
|
3.4. |
Fil-kuntest taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-materja prima, il-KESE jenfasizza li, meta mqabbel mal-proċess tal-estrazzjoni tal-materja prima, ir-riċiklaġġ jinvolvi tnaqqis sinifikanti fl-użu tal-enerġija u fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Il-KESE jixtieq jara li jiġu adottati politiki dwar il-bini ta’ faċilitajiet ta’ riċiklaġġ ġodda u t-titjib teknoloġiku ta’ dawk eżistenti, inkluż permezz tal-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza. Il-KESE jemmen li għandhom jiġu introdotti inċentivi tat-taxxa u fiskali għal mudelli ta’ negozju ċirkolari ġodda matul il-ktajjen tal-valur, b’enfasi speċjali fuq ir-rwol importanti li l-SMEs u n-negozji ġodda għandhom fil-perkors tat-tranżizzjoni. |
|
3.5. |
Il-Kumitat ifaħħar it-tnedija tal-Alleanza Globali dwar l-Ekonomija Ċirkolari u l-Effiċjenza fir-Riżorsi fi Frar 2021 bħala alleanza ta’ gvernijiet li se jaħdmu flimkien biex itejbu ċ-ċirkolarità u jiżguraw tranżizzjoni ġusta. Il-KESE jemmen li s-sħubija fl-istituzzjoni għandha tiġi estiża, peress li huma meħtieġa sforzi globali akbar biex tiġi żgurata ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali. |
4. Tranżizzjoni ġusta
|
4.1. |
Fit-trasformazzjoni tal-ekonomiji tagħna f’ekonomiji ekoloġiċi u diġitali, hemm ukoll diffikultajiet soċjoekonomiċi speċifiċi għal xi reġjuni u setturi, kif ukoll sfidi għall-impjieg u l-ħiliet għall-industrija tal-metall. Il-kumpaniji u l-ħaddiema tal-UE jeħtieġu appoġġ imsaħħaħ biex ilaħħqu mar-rekwiżiti ta’ mudelli ġodda ta’ negozju u jkunu ppreparati aħjar għall-isfidi u l-opportunitajiet futuri. Barra minn hekk, it-tranżizzjoni ċirkolari trid tipprevjeni kwalunkwe distorsjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol. Il-Kumitat jemmen li l-politiki mmirati u l-investimenti pubbliċi għandhom jiġu żviluppati aktar fl-Istati Membri kollha sabiex jitrawmu l-iżvilupp sostenibbli u t-tranżizzjoni ġusta. |
|
4.2. |
Il-KESE appoġġja l-adozzjoni tal-JTM, bħala parti mill-pjan ta’ investiment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u jqis li huwa għodda vitali biex jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura fit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima. L-adozzjoni tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (l-ewwel pilastru tal-JTM) timmarka pass sinifikanti ’l quddiem. |
|
4.3. |
Il-KESE jemmen li l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet industrijali għandhom rwol ferm importanti x’jaqdu fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-JTM, u s-sensibilizzazzjoni fost l-awtoritajiet pubbliċi dwar il-ħtiġijiet speċjali taċ-ċittadini u tan-negozji. Il-Kumitat jixtieq jara djalogu u kooperazzjoni aktar intensifikati bejn l-awtoritajiet pubbliċi Ewropej u nazzjonali, il-partijiet interessati industrijali u l-NGOs industrijali rilevanti. |
|
4.4. |
L-imsieħba soċjali fil-livelli kollha għandhom rwol importanti ħafna fin-negozjar ta’ strateġiji ta’ tranżizzjoni ġusta fi ħdan il-kunsilli tax-xogħlijiet jew korpi rilevanti oħra tad-djalogu soċjali. Huma jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jidentifikaw il-ħolqien u l-għajbien tal-impjiegi, u janalizzaw u jantiċipaw il-ħtiġijiet futuri għat-taħriġ u t-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol. Bħalissa l-aktar ħtiġijiet stretti huma għal ħaddiema speċjalizzati fir-riċiklaġġ, id-disinn u l-manifattura ta’ prodotti b’ħajja estiża, il-ġestjoni tal-iskart u s-separazzjoni avvanzata. |
5. L-Iskart, id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart u r-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart
|
5.1. |
L-iskart għandu valur importanti f’termini tal-irkupru ta’ materja prima sekondarja, peress li jikkontribwixxi għall-ekonomija ċirkolari tal-UE u l-Patt Ekoloġiku Ewropew, u jnaqqas id-dipendenza minn materja prima primarja importata u jiffranka r-riżorsi naturali, filwaqt li jnaqqas il-konsum tal-enerġija meħtieġ għall-estrazzjoni u l-ipproċessar tal-materja prima primarja fl-Ewropa u jnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 fl-industriji tal-ħadid u mhux tal-ħadid. |
|
5.2. |
Ir-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva Qafas tal-UE dwar l-Iskart bl-għan li tiżdied il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa pubblika mill-effetti tal-immaniġġjar tal-iskart, jitnaqqas il-volum tal-iskart, jiżdied l-użu mill-ġdid u jittejjeb il-ġbir separat biex titħeġġeġ it-tħejjija għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta’ kwalità għolja hija importanti kemm għall-unitajiet domestiċi privati kif ukoll għall-industrija. |
|
5.3. |
Il-KESE jemmen li l-kriterji rilevanti tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart biex jintlaħqu l-miri ambizzjużi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari għandhom jiġu ddeterminati u sussegwentement armonizzati fi ħdan l-UE. Il-Kumitat jemmen li l-koerenza ma’ leġiżlazzjoni oħra, b’mod partikolari ir-Regolament dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli u l-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri tal-UE, hija meħtieġa biex jiġu evitati ambigwitajiet, duplikazzjonijiet u trikkib. |
|
5.4. |
Volumi akbar ta’ skart ittrasportat internament u proċeduri aktar rapidi se jwasslu għal żieda fir-riċiklaġġ domestiku ta’ materjali ferrużi u mhux ferrużi, u b’hekk jagħmluhom aktar kompetittivi u jgħinuhom inaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom. Barra minn hekk, il-KE stmat li se jinħolqu bejn 9 000 u 23 000 impjieg ġdid fis-setturi tar-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid. |
|
5.5. |
Il-KESE diġà kkonkluda li “l-esportazzjonijiet ta’ skart riċiklabbli ta’ kwalità għolja […] huma ta’ detriment għas-sostenibbiltà tal-UE u jipperikolaw il-kompetittività globali tagħha billi jipprovdu riżorsi siewja lil kompetituri esterni” (4). Sabiex jittieħed vantaġġ sħiħ miż-żieda fil-volumi ta’ skart intern, il-Kumitat jitlob għal opportunitajiet ta’ finanzjament għar-riċerka u l-iżvilupp fl-iskoperta ta’ teknoloġiji avvanzati għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ u għall-iżvilupp ta’ faċilitajiet avvanzati għat-trattament u r-riċiklaġġ tal-iskart. |
|
5.6. |
L-esportazzjonijiet tal-iskart mill-UE għandhom ikunu permessi biss meta l-istandards ambjentali u soċjali jkunu ekwivalenti għal dawk fl-UE u jiġu rispettati bis-sħiħ fil-pajjiż tad-destinazzjoni. It-tnixxija tar-ruttam għandha tiġi evitata billi l-kontrolli fil-fruntieri tal-UE jsiru aktar stretti, filwaqt li l-iskart esportat għandu jkun soġġett għal regoli ta’ trasparenza aktar stretti u informazzjoni relatata dwar il-ġestjoni tiegħu u r-rispett tal-istandards għandha tkun disponibbli għall-pubbliku. Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal awditi minn partijiet terzi dwar faċilitajiet esterni tal-iskart u jqis li l-imsieħba soċjali u l-NGOs rilevanti għandhom ikunu parti mill-proċeduri” (5). |
|
5.7. |
Il-Kumitat jemmen li għandu jkun hemm kontroll partikolarment strett tal-kwistjonijiet ta’ klassifikazzjoni f’każ li l-esportaturi tal-iskart jippruvaw jikklassifikaw mill-ġdid l-esportazzjoni tal-iskart attwali tagħhom bħala esportazzjoni tat-tmiem tal-istadju tal-iskart. Riskju bħal dan jista’ jdgħajjef kompletament ir-riforma kollha proposta mill-Kummissjoni għall-esportazzjoni tal-iskart. |
|
5.8. |
Il-monitoraġġ ex ante jew il-kontroll ex post effettiv tal-kundizzjonijiet u r-regolamenti tal-ipproċessar tal-iskart lokali għandhom jingħataw prijorità u jitwettqu. Il-KESE jitlob l-introduzzjoni ta’ proċeduri ta’ salvagwardja adegwati u effettivi biex jiġu sospiżi l-esportazzjonijiet f’każ li l-kundizzjonijiet meħtieġa ma jiġux issodisfati. |
|
5.9. |
Il-KESE jitlob għal perjodu ta’ tranżizzjoni mqassar ta’ sentejn għall-applikazzjoni tar-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart rivedut. Il-limitu ta’ żmien propost ta’ 30 jum għall-awtoritajiet ta’ tranżitu kompetenti biex iqajmu oġġezzjonijiet validi għal vjeġġ ippjanat għall-irkupru għandu jitnaqqas għal għaxart ijiem sabiex tiġi żgurata l-operabbiltà u jiġi evitat dewmien bla bżonn. Barra minn hekk, il-KESE jappella għal restrizzjoni ċara fuq dawn l-awtoritajiet biex ma jitħallewx joġġezzjonaw għall-istess vjeġġ aktar minn darba. |
|
5.10. |
Sabiex tiġi żgurata l-integrità ambjentali, il-KESE jistieden lill-Parlament u lill-Kunsill japplikaw l-istess kriterji stretti fir-rigward tal-impenji ambjentali dwar l-iskart esportat kemm lejn pajjiżi tal-OECD kif ukoll lejn pajjiżi li mhumiex fl-OECD. |
|
5.11. |
Nuqqasijiet fil-proċeduri ta’ infurzar eżistenti fir-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart wasslu għal żieda fil-vjeġġi ta’ skart illeċitu minn gruppi kriminali organizzati, li huma stmati li jammontaw għal 30 % tal-vjeġġi kollha tal-iskart fl-Ewropa (6). Il-KESE jappoġġja l-infurzar tal-proċeduri ta’ spezzjoni u investigazzjoni u jappella għal kooperazzjoni sħiħa bejn l-Istati Membri u l-UE, f’konformità mal-Istrateġija l-ġdida tal-UE biex tiġi miġġielda l-Kriminalità Organizzata 2021-2025 (7). |
|
5.12. |
Il-partijiet interessati industrijali u l-NGOs għandhom rwol importanti fl-indirizzar tal-vjeġġi illegali tal-iskart. Id-data mhux kunfidenzjali għandha tkun disponibbli għall-partijiet interessati kollha, peress li aktar trasparenza se tgħin biex jitnaqqsu l-vjeġġi illegali tal-iskart. |
6. L-ekodisinn
|
6.1. |
Il-KESE jemmen li t-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni dwar l-ekodisinn għal prodotti sostenibbli huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi ambizzjużi tal-UE stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari. Ir-Regolament dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli jirrappreżenta opportunità għall-produtturi tal-UE biex jiddifferenzjaw il-prodotti tagħhom minn dawk li għandhom prestazzjoni inqas tajba billi jużaw metodu ta’ valutazzjoni komuni. Il-parteċipazzjoni tal-esperti tal-industrija u partijiet interessati rilevanti oħra fil-katina tal-valur hija essenzjali biex jiġi żgurat li l-prinċipji taċ-ċirkolarità japplikaw fil-livelli kollha tad-disinn tal-prodotti sabiex jiġu inklużi l-prevenzjoni tal-iskart u r-rekwiżiti minimi tal-kontenut riċiklat. |
|
6.2. |
Il-KESE jappella għall-inklużjoni tal-aspetti soċjali fid-definizzjoni tas-sostenibbiltà, u mhux biss tar-rekwiżiti ambjentali, kif inhu l-każ bħalissa. L-aspetti soċjali għandhom jikkonformaw mal-istandards internazzjonali tax-xogħol, bħar-rispett għad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv. |
|
6.3. |
L-użu ta’ materja prima sekondarja u prodotti sekondarji għandu jiġi rikonoxxut skont ir-Regolament dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli, peress li dawn jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti biex jintlaħqu l-miri tal-politika tal-UE dwar it-tibdil fil-klima. Bl-istess mod, id-disinn għar-riċiklabbiltà tal-prodotti, u l-materjali kostitwenti tagħhom, huwa essenzjali biex jiżdiedu ċ-ċirkolarità u d-disponibbiltà ta’ materja prima sekondarja ta’ kwalità għolja. |
|
6.4. |
Il-passaport diġitali tal-prodotti huwa għodda importanti biex tiġi pprovduta informazzjoni rilevanti dwar is-sostenibbiltà tal-prodotti lill-klijenti u għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-produtturi, il-prevenzjoni tal-użu ħażin tad-data u biex jiġi evitat l-greenwashing. Bażi tad-data robusta, affidabbli u komprensiva hija essenzjali biex tiġi pprovduta tali informazzjoni kemm fis-suq tradizzjonali kif ukoll fis-suq online. |
|
6.5. |
Barra minn hekk, l-estensjoni tal-ħajja tal-prodotti se ssir dejjem aktar importanti għall-kompetittività tal-industrija Ewropea, speċjalment peress li l-UE spiss tiddependi minn pajjiżi terzi. Il-KESE jemmen li l-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp u s-sħubijiet pubbliċi-privati għandhom jissaħħu u jingħataw appoġġ finanzjarju. |
7. Ir-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini
|
7.1. |
Flimkien mal-proposta tar-Regolament dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli, ir-reviżjoni tar-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini tipprovdi opportunità biex is-sostenibbiltà tal-prodotti tiġi allinjata mal-istess livell ta’ ambizzjoni fis-setturi differenti tas-suq fil-kostruzzjoni. Filwaqt li l-proposta tar-Regolament dwar il-Prodotti tal-Kostruzzjoni rrikonoxxiet l-importanza tal-użu ta’ materjali riċiklati, l-użu ta’ prodotti sekondarji jista’ jgħin ukoll biex titnaqqas id-dipendenza mir-riżorsi naturali primarji u għalhekk jeħtieġ li jitqies fil-kriterji tal-prestazzjoni tal-prodott. |
|
7.2. |
Il-KESE jemmen li l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti minimi ta’ sostenibbiltà ambjentali u soċjali, flimkien mat-tikkettar u l-inċentivi tas-suq, joħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-prodotti sostenibbli u jiżguraw li dawn jiġu rikonoxxuti kif imiss. |
|
7.3. |
Il-kriterji tal-akkwist pubbliku ekoloġiku għandhom jużaw il-limiti tal-prestazzjoni stabbiliti skont ir-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini. Il-KESE jemmen li l-akkwist pubbliku ekoloġiku għandu rwol vitali fl-aċċellerazzjoni tax-xejriet tal-ekonomija ċirkolari, fil-promozzjoni tas-sostenibbiltà u fil-ħolqien ta’ suq tal-UE għal prodotti sostenibbli. Il-KESE huwa konvint li standardizzazzjoni armonizzata tal-UE dwar il-prodotti għall-bini se tipprovdi qafas koerenti fl-Istati Membri, filwaqt li ttejjeb it-trasparenza f’termini ta’ durabbiltà, kapaċità ta’ tiswija, sikurezza, eċċ. |
|
7.4. |
Il-KESE jisħaq li l-metodi ta’ valutazzjoni użati bħalissa fis-settur tal-kostruzzjoni mhumiex armonizzati bis-sħiħ u jistgħu jwasslu għal riżultati differenti madwar l-UE u għalhekk għal nuqqas ta’ komparabbiltà. Wieħed mill-prerekwiżiti huwa li jittejbu l-konsistenza u l-komparabbiltà tal-valutazzjonijiet tal-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti għall-bini. Il-Kumitat iqis li l-iżviluppi dwar il-metodoloġija tal-Impronta Ambjentali (8) huma pożittivi, u jistgħu jgħinu biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. |
|
7.5. |
Il-KESE jfaħħar l-intenzjoni tal-KE li tippromovi għadd ta’ proposti leġiżlattivi dwar it-titjib tal-possibbiltà ta’ tiswija tal-prodotti, l-estensjoni taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti, l-introduzzjoni tat-tikkettar tal-enerġija u l-provvista ta’ servizzi ta’ tiswija disponibbli għall-konsumaturi. |
8. Id-Direttiva dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ
|
8.1. |
Huwa importanti li jiġi żgurat li l-materjal kollu tal-imballaġġ imqiegħed fis-suq ikun riċiklabbli jew jista’ jerġa’ jintuża. Id-disinn għar-riċiklabbiltà tal-imballaġġ għandu jqis mhux biss ir-rata ta’ riċiklaġġ, iżda wkoll il-kapaċità tal-materjali li jiġu riċiklati mingħajr telf ta’ proprjetajiet intrinsiċi u l-firxa tas-sostituzzjoni tal-materjal primarju. Dan se jgħin biex jiġi żgurat riċiklaġġ ta’ kwalità għolja fi tmiem il-ħajja. Ir-riċiklabbiltà tal-materjali tal-imballaġġ għandha tiġi kkunsidrata fi skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur permezz ta’ taraffi abbażi tal-prinċipju tal-“ekomodulazzjoni”. |
|
8.2. |
Filwaqt li l-kontenut riċiklat għandu rwol fl-istimulazzjoni tad-domanda għall-materjal riċiklat, fil-każ tal-imballaġġ tal-azzar, diġà hemm suq li jiffunzjona tajjeb għall-materjali sekondarji, u r-rata ta’ riċiklaġġ għall-imballaġġ tal-azzar diġà hija iżjed minn 84 %. Għalhekk, obbligu li jiżdied il-kontenut riċiklat jista’ fil-fatt iżid l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jekk ir-ruttam ikollu jiġi ttrasportat fuq distanzi kbar u ddevjat minn flussi minn sorsi oħra. |
Brussell, l-24 ta’ Jannar 2023.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) Alleanza Globali għall-Ekonomija Ċirkolari u l-Effiċjenza fir-Riżorsi
(2) Komunikazzjoni dwar Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020 (COM/2021/350 final).
(3) Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari Għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva.
(4) L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-vjeġġi ta’ skart u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1257/2013 u (UE) 2020/1056” (COM(2021) 709 final — 2021/0367 (COD)) (ĠU C 275, 18.7.2022, p. 95).
(5) L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-vjeġġi ta’ skart u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1257/2013 u (UE) 2020/1056” (COM(2021) 709 final — 2021/0367 (COD)) (ĠU C 275, 18.7.2022, p. 95).
(6) Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar ir-regoli l-ġodda tal-UE dwar il-vjeġġi tal-iskart.
(7) L-Istrateġija tal-UE biex tiġi miġġielda l-Kriminalità Organizzata 2021-2025.
(8) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2279 tal-15 ta’ Diċembru 2021 dwar l-użu tal-metodi tal-Impronta Ambjentali għall-kejl u l-komunikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodotti u ta’ organizzazzjonijiet (ĠU L 471, 30.12.2021, p. 1).