European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2266

14.10.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2266

tat-13 ta’ Ottubru 2026

li jistabbilixxi dispożizzjonijiet dettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2025/2205 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liċenzji tas-sewqan mobbli

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewrope,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2025/2205 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2025 dwar il-liċenzji tas-sewqan, li temenda r-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva (UE) 2022/2561 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 383/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(7) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-qafas tekniku u legali meħtieġ għall-implimentazzjoni u għall-użu mifrux tal-liċenzji tas-sewqan mobbli, b’mod partikolari l-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni/Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali (ISO/IEC) 18013-5 u r-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), kif ukoll l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, jinsab fi stat avvanzat ħafna. Għalhekk, jenħtieġ li l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament jużaw, jibnu fuq dak il-qafas u jikkoeżistu b’mod koerenti miegħu.

(2)

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti definizzjonijiet ulterjuri għal dawk fid-Direttiva (UE) 2025/2205 li jipprovdu ċ-ċarezza meħtieġa biex l-emittenti u d-detenturi tal-liċenzji tas-sewqan ikunu jistgħu jiddifferenzjaw bejn il-proċessi u l-azzjonijiet meħtieġa għall-ġestjoni amministrattiva tal-liċenzji tas-sewqan, f’konformità mar-rekwiżiti ta’ dik id-Direttiva, u dawk li huma meħtieġa għall-konformità mar-regoli dwar il-ġestjoni teknika u operazzjonali tal-liċenzji tas-sewqan mobbli, kif stabbiliti skont dan ir-Regolament.

(3)

Sabiex jiġi żgurat li jkunu teknikament interoperabbli bejn l-awtoritajiet emittenti, il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali (“Kartieri”) u l-partijiet dipendenti, il-liċenzji tas-sewqan mobbli kollha jenħtieġ li jikkonformaw ma’ sett komuni ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi. Jenħtieġ li dawk l-ispeċifikazzjonijiet jiġu allinjati mal-protokolli tal-ħruġ u tal-preżentazzjoni, kif ukoll mal-formati tal-attestazzjoni, appoġġati mill-Kartieri, kif regolati u rregolati, b’mod partikolari, mir-Regolament (UE) Nru 910/2014 u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2982 (3).

(4)

L-issodisfar tar-rekwiżiti tekniċi, kif previst f’dan ir-Regolament, waħdu jenħtieġ li ma jintitolax lil persuna li jkollha liċenzja tas-sewqan mobbli, u lanqas jenħtieġ li jinħarġu liċenzji tas-sewqan minn xi ħadd għajr l-awtorità tal-ħruġ responsabbli jew minn entità inkarigata mill-ħruġ ta’ liċenzji tas-sewqan f’isimha, f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli rilevanti u mad-Direttiva (UE) 2025/2205.

(5)

Minbarra l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti applikabbli għal-liċenzji tas-sewqan mobbli, jenħtieġ li tali dokumenti jinħarġu f’konformità mar-rekwiżiti applikabbli għal attestazzjonijiet elettroniċi kkwalifikati tal-attributi, li jservu bħala punt ta’ referenza tal-ogħla livell għal affidabbiltà ta’ livell għoli. Dawk ir-rekwiżiti, fost l-oħrajn, ikopru miżuri organizzazzjonali u tekniċi, valutazzjonijiet tar-riskju mmirati, politiki u prattiki ta’ proviżjonament u protokolli rilevanti oħra li jenħtieġ li l-emittenti tal-liċenzji tas-sewqan mobbli jikkonformaw magħhom fir-rigward tal-ħruġ, l-operat u l-ġestjoni tat-tali liċenzji. F’każ ta’ fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kkwalifikati, il-konformità mar-rekwiżiti għandha tiġi vvalutata regolarment minn awdituri indipendenti. Għalhekk, jenħtieġ li l-liċenzji tas-sewqan mobbli jinħarġu bħala attestazzjonijiet elettroniċi kkwalifikati ta’ attributi jew ta’ attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi maħruġa minn korpi tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku jew f’isimhom, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 910/2014.

(6)

Sabiex jiġu żgurati l-kwalità u l-affidabbiltà tal-informazzjoni li tiġi ppreżentata lill-verifikaturi permezz tal-liċenzja tas-sewqan mobbli, jenħtieġ li jiġi stabbilit obbligu ġenerali għall-awtoritajiet emittenti biex jiġi żgurat li d-data kollha li tkun tinsab f’liċenzja tas-sewqan mobbli valida tkun akkurata. Dan jista’ jsir, b’mod partikolari, billi tinħareġ liċenzja tas-sewqan mobbli ġdida lid-detentur wara li jirċievi l-informazzjoni dwar kwalunkwe bidla fl-informazzjoni li għandha tiġi inkluża f’liċenzja tas-sewqan mobbli eżistenti u, jekk rilevanti, billi tiġi revokata liċenzja tas-sewqan mobbli li ma tkunx għadha akkurata. Bl-istess mod, u f’konformità mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva (UE) 2025/2205, l-awtoritajiet emittenti jenħtieġ li jiżguraw ukoll li d-data rrapportata kemm fuq liċenzja tas-sewqan fiżika kif ukoll fuq dik mobbli maħruġa lill-istess persuna tkun kompletament ekwivalenti fir-rigward tad-drittijiet u tal-kundizzjonijiet li skonthom dik il-persuna tkun awtorizzata ssuq, u fir-rigward tal-validità amministrattiva tagħha.

(7)

Kwalunkwe pproċessar tad-data personali għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jikkonforma mal-qafas tal-protezzjoni tad-data tal-Unjoni, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Barra minn hekk, biex jissaħħu l-garanziji diġà stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), u sabiex jiġi żgurat li l-partijiet rilevanti kollha jiġu infurmati dwar inċidenti tas-sigurtà li jaffettwaw il-validità jew il-ħruġ tal-liċenzji tas-sewqan mobbli fil-ħin, jenħtieġ li jiġi stabbilit obbligu komplementari biex jiġi żgurat li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata dwar it-tali inċidenti fil-każijiet kollha. Barra minn hekk, minħabba li, f’konformità ma’ dan ir-Regolament, il-liċenzji tas-sewqan mobbli jenħtieġ li jinħarġu bħala attestazzjonijiet elettroniċi kkwalifikati tal-attributi jew bħala attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi maħruġa minn korpi tas-settur pubbliku jew f’isimhom, ma huwiex meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ulterjuri li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-data organizzazzjonali jew miżuri ta’ sigurtà ġenerali għal dawk li tinvolvi din l-ispeċifikazzjoni nnifisha. Dan minħabba li l-qafas stabbilit għal dawk it-tipi ta’ attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi diġà jipprevedi l-livell mixtieq ta’ protezzjoni tad-data personali u tas-sigurtà ġenerali, pereżempju, billi jirrikjedi li l-emittenti tal-liċenzji tas-sewqan mobbli jiggarantixxu l-awtentiċità, l-integrità, il-validità u n-nuqqas ta’ alterazzjoni tal-attributi, jużaw miżuri organizzazzjonali adegwati matul l-operat tagħhom, biex jiżguraw it-traċċabbiltà tad-data matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħha, u jżommu sistema ta’ sigurtà li tikkonforma mal-istandards applikabbli kollha.

(8)

Sabiex tiġi sfruttata bis-sħiħ l-affidabbiltà inerenti tal-liċenzja tas-sewqan mobbli bħala dokument diġitali, il-verifikaturi jenħtieġ li ma jibbażawx fuq marki viżivi meta jkunu qegħdin jivverifikaw l-informazzjoni ppreżentata mid-detentur. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi stabbilit obbligu ġenerali għall-verifikaturi tal-liċenzji tas-sewqan mobbli biex jivverifikaw l-awtentiċità u l-validità tal-liċenzji tas-sewqan mobbli bl-użu tal-mezzi tekniċi ta’ verifika previsti fir-Regolament (UE) Nru 910/2014. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jibbażaw ukoll fuq in-network tal-liċenzji tas-sewqan tal-UE stabbilit f’konformità mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) biex jivverifikaw l-awtentiċità u l-validità tal-liċenzji tas-sewqan mobbli, filwaqt li jagħmlu użu sħiħ minn dak in-network, li għandu l-għan espliċitu li jiffaċilita r-rikonoxximent u l-verifika ta’ dawk id-dokumenti irrispettivament mill-format.

(9)

Minħabba li l-verifika teknika waħedha tiżgura l-awtentiċità u l-integrità tal-liċenzji tas-sewqan mobbli, id-disinn tal-elementi viżivi jenħtieġ li jibqa’ r-responsabbiltà tad-disinjaturi tal-Kartieri. Minkejja dan, l-Istati Membri li jistabbilixxu l-għodod proprji tagħhom, l-elementi tad-disinn, il-gwida jew ir-rekwiżiti għad-dehra viżiva tal-liċenzji tas-sewqan mobbli tagħhom jenħtieġ li jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kontenut tagħhom, sabiex jiġu ffaċilitati l-interoperabbiltà u r-rikonoxximent reċiproku tat-tali dokumenti. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel dawk il-kaxxi tal-għodod u l-gwida disponibbli għal Stati Membri oħra. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippubblika wkoll id-dehra viżiva tal-liċenzji tas-sewqan mobbli kkomunikati lilha mill-Istati Membri, sabiex tiffaċilita l-għarfien tagħhom mill-pubbliku ġenerali.

(10)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-verifika u sabiex jiġu żgurati l-interoperabbiltà u s-sigurtà tal-liċenzji tas-sewqan mobbli, jenħtieġ li jiġu stabbiliti ċerti regoli dwar il-validazzjoni tat-tali liċenzji, peress li hija l-validazzjoni tal-liċenzja tas-sewqan mobbli li tippermetti lil verifikatur jivverifika li hija awtentika, valida u tappartjeni għall-persuna li tippreżentaha. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet emittenti jingħataw qafas tekniku u operazzjonali adegwat biex ikunu jistgħu jiżguraw li l-liċenzji tas-sewqan mobbli u l-informazzjoni li tinsab fihom jibqgħu validi u akkurati. It-tali qafas jenħtieġ li jinkludi regoli fir-rigward tal-validità amministrattiva u teknika tal-liċenzji tas-sewqan mobbli, l-iskadenza tagħhom u, fil-każ fejn il-liċenzja tas-sewqan mobbli tkun inħarġet b’perjodu ta’ validità teknika itwal minn siegħa, il-possibbiltà li tiġi revokata. Liċenzja tas-sewqan mobbli li l-perjodu ta’ validità teknika tagħha jkun skada jenħtieġ li, għal dik ir-raġuni biss, ma titlifx il-validità amministrattiva tagħha, kif speċifikat fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva (UE) 2025/2205.

(11)

Ir-revoka tal-liċenzja tas-sewqan mobbli tista’ tkun meħtieġa fejn ikun hemm bżonn biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tat-tali liċenzji. F’ċerti każijiet jenħtieġ li għalhekk ikun possibbli li l-awtoritajiet emittenti jirrevokaw il-liċenzji tas-sewqan mobbli li jkollhom perjodu ta’ validità teknika itwal minn siegħa, maħruġa minnhom, inkluż fejn l-attestazzjoni tal-unità tal-kartiera ta’ unità tal-kartiera li lilha tkun inħarġet liċenzja tas-sewqan mobbli tkun ġiet revokata, fejn il-liċenzja tas-sewqan tiġi skambjata jew sostitwita minn Stat Membru ieħor jew fejn id-dritt tas-sewqan assoċjat mal-liċenzja tas-sewqan jiġi kkanċellat, irtirat, sospiż jew ristrett. Il-proċess kollu ta’ revoka, inkluż l-aġġornament tal-lista ta’ revoka jew ta’ status li għandha titniżżel mill-verifikaturi, jenħtieġ li jiġi konkluż malajr kemm jista’ jkun, u preferibbilment immedjatament u awtomatikament, speċjalment fejn il-liċenzja kurrenti tas-sewqan mobbli tad-detentur ma tkunx għadha tirrappreżenta b’mod akkurat id-drittijiet tas-sewqan tiegħu/tagħha, minħabba li, pereżempju, il-liċenzja tkun qiegħda tiġi skambjata jew ikkonfiskata. Ir-revoka jenħtieġ li, fiha nnifisha, ma taffettwax il-validità amministrattiva tal-liċenzja tas-sewqan u l-kundizzjonijiet li skonthom id-detentur huwa awtorizzat li jsuq.

(12)

L-Anness I, il-Parti C, tad-Direttiva (UE) 2025/2205 jirrikjedi li l-informazzjoni trażmessa direttament mil-liċenzja tas-sewqan mobbli maħżuna fil-Kartiera tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jiddeterminaw id-drittijiet tas-sewqan tad-detentur, inkluż kwalunkwe restrizzjoni applikabbli fl-Unjoni jew fit-territorju ta’ Stat Membru. F’sitwazzjonijiet li jinvolvu diversi Stati Membri, fejn il-liċenzja tas-sewqan jenħtieġ li tiġi kkonfiskata immedjatament, il-konformità ma’ din id-dispożizzjoni tista’ tkun diffiċli mingħajr kooperazzjoni amministrattiva regolata bejn l-Istati Membri rilevanti. B’mod partikolari, peress li l-apparat elettroniku li jintuża għall-wiri tal-liċenzja tas-sewqan mobbli ma jistax jiġi kkonfiskat mid-detentur skont l-istess kundizzjonijiet bħal tal-liċenzja tas-sewqan fiżika, l-effetti ta’ konfiska ta’ liċenzja tas-sewqan ma jistgħux jimmaterjalizzaw fil-każ ta’ liċenzji tas-sewqan mobbli mingħajr dispożizzjonijiet li jistabbilixxu regoli ddettaljati dwar il-kwistjoni. Peress li dan ifixkel serjament l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva (UE) 2025/2205 u l-interoperabbiltà operazzjonali tal-liċenzji tas-sewqan mobbli u jista’ jkollu impatt negattiv fuq is-sikurezza fit-toroq, jenħtieġ li tiġi stabbilita proċedura ddedikata li tippermetti lill-Istat Membru li, abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, beħsiebu jikkonfiska l-liċenzja tas-sewqan biex jitlob lill-Istat Membru tal-ħruġ biex jinkludi informazzjoni dwar it-tali konfiska fil-liċenzja tas-sewqan mobbli, filwaqt li tkun fis-seħħ fit-territorju tal-Istat Membru rikjedenti. Malli jintemm il-perjodu ta’ konfiska, l-Istat Membru tal-ħruġ jenħtieġ li jiżgura li jipprovdi lid-detentur b’liċenzja tas-sewqan mobbli li ma tkunx għadha tirrifletti l-informazzjoni dwar il-konfiska.

(13)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-awtoritajiet emittenti tagħhom tal-liċenzji tas-sewqan mobbli, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tistabbilixxi lista ta’ fiduċja tal-awtoritajiet emittenti fdati, kif meħtieġ mid-Direttiva (UE) 2025/2205, li tippermetti lill-verifikaturi jivverifikaw awtomatikament li tkun inħarġet liċenzja tas-sewqan mobbli minn awtorità emittenti awtorizzata. Il-kontenut li għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni jenħtieġ li jikkonforma ma’ sett minimu ta’ informazzjoni rilevanti. Barra minn hekk, kwalunkwe bidla tat-tali informazzjoni jenħtieġ li tiġi kkomunikata wkoll immedjatament lill-Kummissjoni.

(14)

Sabiex jitħejja l-qafas ta’ skambju tal-liċenzji tas-sewqan għall-introduzzjoni tal-liċenzja tas-sewqan mobbli, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti standards għall-iskambju ta’ liċenzji tas-sewqan mobbli li jiżguraw l-interoperabbiltà operazzjonali, in-nuqqas ta’ xkiel tekniku u s-sigurtà proċedurali. Jenħtieġ li dawk ir-regoli jilħqu bilanċ bejn il-ħtieġa li jinżamm il-prinċipju ta’ “detentur wieħed, liċenzja waħda”, kif stabbilit fl-Artikolu 10(5) tad-Direttiva (UE) 2025/2205, li jiżgura li liċenzja tas-sewqan li tiġi skambjata ma tkunx tista’ tiġi aċċessata jew użata flimkien mal-liċenzja tas-sewqan il-ġdida miksuba, u l-istennija ġġustifikata tad-detenturi tal-liċenzji tas-sewqan biex jiksbu l-liċenzji tas-sewqan il-ġodda tagħhom malajr kemm jista’ jkun. Jenħtieġ li għalhekk tiġi stabbilita proċedura ddettaljata li tqis ix-xenarji possibbli kollha fir-rigward tal-formati li fihom id-detentur jista’ jkollu u jista’ jiskambja liċenzja tas-sewqan, u li tiżgura kooperazzjoni bla xkiel u rapida bejn l-Istat Membru ta’ skambju u l-Istat Membru ta’ ħruġ preċedenti.

(15)

Bl-istess mod, il-liċenzji tas-sewqan mobbli maħruġa minn pajjiżi terzi jistgħu jkunu soġġetti wkoll għal skambju mill-Istati Membri. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu ddefiniti l-proċeduri li jridu jkunu konformi magħhom id-detenturi tat-tali liċenzji tas-sewqan mobbli meta jkunu jixtiequ jiskambjawhom fl-Unjoni, li jenħtieġ li, sa fejn ikun teknikament possibbli, jagħmlu l-iskambju ta’ dawk il-liċenzji tas-sewqan mobbli fattibbli u sikur, u b’hekk itejbu s-sigurtà proċedurali tat-tali skambji u jtejbu l-interoperabbiltà ġenerali tal-liċenzji tas-sewqan mobbli. Jenħtieġ li dawk il-proċeduri mhux biss jippromwovu l-użu transfruntier tal-liċenzji tas-sewqan mobbli iżda wkoll, jiżguraw li l-liċenzji tas-sewqan mobbli jikkorrispondu mal-kontropartijiet fiżiċi tagħhom. Jenħtieġ li jiżguraw ukoll li d-detenturi tal-liċenzji tas-sewqan maħruġa minn pajjiżi terzi ma jkunux jistgħu jiksru l-prinċipju ta’ “detentur wieħed, liċenzja waħda”, irrispettivament mill-format li fih ikollhom il-liċenzja tas-sewqan tagħhom.

(16)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), u ta l-opinjoni tiegħu fit-13 ta’ Lulju 2026.

(17)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 26(1) tad-Direttiva (UE) 2025/2205,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament japplika għall-ħruġ u għall-ġestjoni ta’ liċenzji tas-sewqan mobbli maħruġa mill-Istati Membri f’konformità mad-Direttiva (UE) 2025/2205 u, fil-każ tal-Artikolu 9, għall-iskambju tal-liċenzji tas-sewqan mobbli maħruġa minn pajjiżi terzi.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“oġġett tas-sigurtà mobbli” tfisser struttura tad-data fi ħdan liċenzja tas-sewqan mobbli li tintuża biex tipproteġi l-integrità u l-oriġini tal-elementi tad-data ta’ dik il-liċenzja tas-sewqan mobbli;

(2)

“awtorità emittenti” tfisser il-korp amministrattiv pubbliku tal-Istat Membru tal-ħruġ li taħt ir-responsabbiltà tiegħu tinħareġ il-liċenzja tas-sewqan mobbli;

(3)

“perjodu ta’ validità teknika” tfisser il-perjodu ta’ validità tal-oġġett tas-sigurtà mobbli;

(4)

“tirrevoka” tfisser ittemm il-validità tal-oġġett tas-sigurtà mobbli ta’ liċenzja tas-sewqan mobbli.

Artikolu 3

Ħruġ u veraċità tal-liċenzji tas-sewqan mobbli

1.   L-awtoritajiet emittenti għandhom jiżguraw li l-liċenzji tas-sewqan mobbli li jinħarġu minnhom jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-Anness I.

2.   Il-liċenzji tas-sewqan mobbli għandhom jinħarġu bħala attestazzjonijiet elettroniċi kkwalifikati tal-attributi jew bħala attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi maħruġa minn korpi tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku jew f’isimhom f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 910/2014. L-awtoritajiet emittenti għandhom jiżguraw li l-protokolli u l-interfaċċi msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2982 jintużaw biex jinħarġu liċenzji tas-sewqan mobbli lill-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali.

3.   L-awtoritajiet emittenti għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li tinsab f’liċenzja tas-sewqan mobbli valida tkun akkurata.

Artikolu 4

Sigurtà u verifika tal-liċenzji tas-sewqan mobbli

1.   Meta l-awtoritajiet jew l-entitajiet emittenti li jaġixxu f’isimhom ikunu meħtieġa jirrapportaw inċidenti ta’ sigurtà f’konformità mal-Artikolu 24(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (fb), tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 jew l-Artikolu 23 tad-Direttiva (UE) 2022/2555, huma għandhom jinnotifikaw ukoll lill-Kummissjoni dwar dawk l-inċidenti ta’ sigurtà, fejn jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-inċident tas-sigurtà jaffettwa l-ħruġ jew il-validità tal-liċenzji tas-sewqan mobbli;

(b)

skont dawk l-atti leġiżlattivi, il-Kummissjoni ma tkunx ġiet infurmata mod ieħor dwar l-inċident tas-sigurtà.

2.   Il-verifika tal-awtentiċità u tal-validità tal-liċenzji tas-sewqan mobbli għandha titwettaq bl-użu tal-mezzi tekniċi ta’ verifika stabbiliti f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 910/2014.

L-Istati Membri jistgħu jużaw ukoll in-network tal-liċenzji tas-sewqan tal-UE biex jivverifikaw il-validità u l-awtentiċità tal-liċenzji tas-sewqan, f’konformità mal-Artikolu 22(1) u (2) tad-Direttiva (UE) 2025/2205.

Artikolu 5

Dehra viżiva tal-liċenzji tas-sewqan mobbli

1.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe element tad-disinn, gwida jew rekwiżit li huma jistabbilixxu għad-dehra viżiva tal-liċenzji tas-sewqan mobbli maħruġa minnhom. Il-Kummissjoni għandha tagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-Istati Membri l-oħra.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika, fuq is-sit web tagħha, id-dehra viżiva tal-liċenzji tas-sewqan mobbli kkomunikati lilha mill-Istati Membri.

Artikolu 6

Il-validità teknika u l-ġestjoni tal-validità tal-liċenzji tas-sewqan mobbli

1.   L-awtoritajiet emittenti jistgħu joħorġu liċenzji tas-sewqan mobbli bi kwalunkwe perjodu ta’ validità teknika.

Mingħajr preġudizzju għall-validità amministrattiva tal-liċenzja tas-sewqan, mal-iskadenza tal-perjodu ta’ validità teknika tagħha, il-liċenzja tas-sewqan mobbli għandha tiskadi.

2.   L-awtoritajiet emittenti għandhom jirrevokaw liċenzja tas-sewqan mobbli li jkunu ħarġu b’perjodu ta’ validità teknika ta’ aktar minn siegħa almenu fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

fejn l-attestazzjoni tal-unità tal-kartiera ta’ unità tal-kartiera li għaliha tkun inħarġet il-liċenzja tas-sewqan mobbli tkun ġiet revokata;

(b)

fejn Stat Membru ieħor jew pajjiż terz ikun informa lill-Istat Membru tal-ħruġ li d-detentur tal-liċenzja tas-sewqan ikun talab l-iskambju tal-liċenzja tas-sewqan tagħha jew tiegħu jew kien obbligat li jbiddilha/kienet obbligata li tbiddilha, u li dak l-Istat Membru jew pajjiż terz ikun iddeċieda li jiskambja l-liċenzja tas-sewqan;

(c)

fejn Stat Membru ieħor ikun informa lill-Istat Membru tal-ħruġ li d-detentur tal-liċenzja tas-sewqan mobbli jkun talab is-sostituzzjoni tal-liċenzja tas-sewqan tagħha jew tiegħu, u dak l-Istat Membru jkun iddeċieda li jissostitwixxi l-liċenzja tas-sewqan;

(d)

fejn l-Istat Membru tal-ħruġ ikollu għarfien li l-liċenzja tas-sewqan, ir-rikonoxximent tal-validità tagħha, jew id-dritt tas-sewqan ikun ġie kkanċellat, irtirat, sospiż jew ristrett;

(e)

fejn l-Istat Membru tal-ħruġ ikun ġie nnotifikat minn Stat Membru ieħor dwar konfiska f’konformità mal-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu.

3.   In-network tal-liċenzji tas-sewqan tal-UE għandu jippermetti l-ġestjoni tal-liċenzji tas-sewqan mobbli f’sitwazzjonijiet fejn il-liċenzja tas-sewqan tkun trid tiġi kkonfiskata mill-awtoritajiet rilevanti ta’ Stat Membru f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu. In-network tal-liċenzji tas-sewqan tal-UE għandu jipprevedi l-possibbiltà li l-utenti, awtorizzati b’mod espliċitu mill-Istat Membru fejn trid tiġi kkonfiskata l-liċenzja tas-sewqan, jinnotifikaw lill-Istat Membru dwar il-ħruġ tat-tali konfiska.

Malli jirċievi notifika skont l-ewwel subparagrafu, l-Istat Membru tal-ħruġ għandu:

(a)

immedjatament jieħu l-passi biex jikkonforma mal-proċeduri preskritti skont il-punti (b), (c) u (d), inkluż billi jirrevoka, mill-aktar fis possibbli, il-liċenzja tas-sewqan mobbli kurrenti, jekk tinħareġ b’perjodu ta’ validità teknika ta’ aktar minn siegħa;

(b)

jinforma lill-utent dwar il-liċenzja kurrenti tas-sewqan mobbli li, jekk rilevanti, il-liċenzja kurrenti tas-sewqan mobbli tiegħu tkun ġiet revokata jew dalwaqt se tkun qiegħda tiġi revokata, u li liċenzja tas-sewqan mobbli ġdida hija disponibbli għall-ħruġ;

(c)

fuq talba tad-detentur, joħroġ liċenzja tas-sewqan mobbli ġdida lid-detentur;

(d)

jinkludi, fl-ispazju tal-isem li fih informazzjoni rilevanti għall-implimentazzjoni tal-kamp 14 tal-liċenzja tas-sewqan mobbli l-ġdida, kif stabbilit fil-Parti D, il-punt (5), tal-Anness I tad-Direttiva (UE) 2025/2205, u tal-liċenzji tas-sewqan mobbli sussegwenti kollha li toħroġ lid-detentur, is-sentenza li ġejja, bil-lingwa uffiċjali tiegħu stess jew bl-Ingliż:

“Fi [data tal-konfiska], ikkonfiskata fit-territorju ta’ [sinjal distintiv tal-UE tal-Istat Membru tal-konfiska]. Il-konfiska hija fis-seħħ sa [kif innotifikat mill-Istat Membru tal-konfiska permezz tan-network tal-liċenzji tas-sewqan tal-UE].”.

Dik is-sentenza għandha tiġi inkluża sakemm ikun għadda l-perjodu speċifikat fiha.

4.   Il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandha tkun mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri dwar il-konfiska tal-liċenzji tas-sewqan, b’mod partikolari dwar il-possibbiltà li tiġi kkonfiskata liċenzja tas-sewqan fiżika minflok il-proċeduri stabbiliti f’dak il-paragrafu jew flimkien magħhom, u mingħajr preġudizzju għall-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 15a sa 15 g tad-Direttiva (UE) 2025/2205.

Artikolu 7

Notifiki lill-Kummissjoni

1.   Sat-3 ta’ Novembru 2027, l-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar l-awtoritajiet emittenti tal-liċenzji tas-sewqan mobbli stabbilita fl-Anness II. It-tali informazzjoni għandha tiġi trażmessa permezz ta’ mezz elettroniku sigur magħmul disponibbli mill-Kummissjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni immedjatament bi kwalunkwe emenda fl-informazzjoni sottomessa f’konformità mal-paragrafu 1.

Artikolu 8

Standards tekniċi, ta’ sigurtà u ta’ interoperabbiltà operazzjonali għall-iskambju jew għas-sostituzzjoni transfruntiera tal-liċenzji tas-sewqan mobbli

1.   Bħala parti mill-proċeduri nazzjonali għall-iskambju ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor, l-Istat Membru li jwettaq l-iskambju għandu:

(a)

jiċċekkja f’liema formati tkun il-liċenzja tas-sewqan tal-applikant, bħala parti mill-proċeduri preskritti fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva (UE) 2025/2205;

(b)

wara li l-kontrolli msemmija fil-punt (a) jiġu konklużi b’suċċess, jinnotifika lill-Istat Membru li jkun ħareġ il-liċenzja tas-sewqan bl-iskambju permezz tan-network tal-liċenzja tas-sewqan tal-UE;

(c)

jekk rilevanti, jeżiġi ċ-ċediment tal-liċenzja tas-sewqan fiżika tal-applikant għall-iskambju.

Għall-finijiet tal-kontrolli msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a), l-Istat Membru rikjest għandu juża l-informazzjoni magħmula disponibbli permezz tan-network tal-liċenzja tas-sewqan tal-UE.

2.   Wara li jirċievi n-notifika msemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), l-Istat Membru li jkun ħareġ il-liċenzja tas-sewqan li tkun qiegħda tiġi skambjata għandu:

(a)

fejn id-detentur tal-liċenzja tas-sewqan li tkun qiegħda tiġi skambjata jkollu liċenzja tas-sewqan mobbli, jieħu l-passi kollha li ġejjin:

(i)

jivvaluta, mill-aktar fis possibbli u f’konformità mal-proċeduri nazzjonali tagħha, jekk it-talba hijiex akkurata u jekk fihiex żbalji evidenti;

(ii)

wara li l-valutazzjoni f’konformità mal-punt (i) tiġi konkluża b’suċċess, jew wara li kwalunkwe kwistjoni relatata man-notifika tiġi solvuta:

—

jirrevoka, mill-aktar fis possibbli, il-liċenzja tas-sewqan mobbli, jekk tinħareġ b’perjodu ta’ validità teknika ta’ aktar minn siegħa,

—

jekk rilevanti, jinforma lill-utent immedjatament li l-liċenzja kurrenti tas-sewqan mobbli tiegħu ġiet irrevokata jew se tiġi rrevokata dalwaqt,

—

jimpenja ruħu immedjatament li ma jibqax joħroġ il-liċenzja tas-sewqan mobbli li tkun qiegħda tiġi skambjata;

(iii)

jinforma immedjatament lill-Istat Membru li jkun qiegħed iwettaq l-iskambju tal-passi meħuda skont il-punt (ii);

(b)

fejn id-detentur tal-liċenzja tas-sewqan li tkun qiegħda tiġi skambjata ma jkollux liċenzja tas-sewqan mobbli, jinforma immedjatament u awtomatikament lill-Istat Membru li jkun qiegħed iwettaq l-iskambju li jkun irċieva n-notifika.

3.   Wara li jirċievi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (a)(iii), jew fil-paragrafu 2, il-punt (b), ta’ dan l-Artikolu, u, jekk rilevanti, wara li l-liċenzja tas-sewqan fiżika tkun ġiet ċeduta, l-Istat Membru li jwettaq l-iskambju għandu jeżegwixxi mill-inqas wieħed mill-passi li ġejjin:

(a)

jagħmel il-liċenzja tas-sewqan mobbli skambjata disponibbli għad-detentur għall-ħruġ;

(b)

joħroġ liċenzja tas-sewqan fiżika immedjatament f’konformità mar-regoli nazzjonali applikabbli.

4.   F’konformità mal-Artikolu 13(4) tad-Direttiva (UE) 2025/2205, fejn tintalab is-sostituzzjoni ta’ liċenzja tas-sewqan fi Stat Membru għajr l-Istat Membru tal-ħruġ, l-Istat Membru li jkun qiegħed jissostitwixxi għandu japplika mutatis mutandis il-proċeduri stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 9

Speċifikazzjonijiet minimi tekniċi, ta’ sigurtà u ta’ interoperabbiltà operazzjonali għall-iskambju ta’ liċenzji tas-sewqan mobbli maħruġa minn pajjiżi terzi

1.   Minkejja l-liġijiet li jirregolaw ir-rikonoxximent u l-iskambju ta’ liċenzji tas-sewqan maħruġa minn pajjiżi terzi, fejn Stat Membru jipprevedi l-iskambju ta’ liċenzja tas-sewqan fiżika maħruġa minn pajjiż terz, l-Istat Membru għandu jistaqsi wkoll jekk id-detentur tal-liċenzja tas-sewqan fiżika għandux ukoll il-liċenzja tas-sewqan f’format mobbli.

Fejn id-detentur tal-liċenzja tas-sewqan fiżika maħruġa mill-pajjiż terz ikollu wkoll il-liċenzja tas-sewqan f’format mobbli, l-Istat Membru ta’ skambju għandu jieħu ż-żewġ passi li ġejjin:

(a)

jitlob lill-pajjiż terz jirrevoka l-liċenzja tas-sewqan mobbli li tkun qiegħda tiġi skambjata, u li ma jibqax joħroġ il-liċenzja tas-sewqan mobbli skambjata lid-detentur;

(b)

jirreġistra l-fatt li l-liċenzja tas-sewqan skambjata kienet disponibbli f’format mobbli fir-reġistru tal-liċenzji tas-sewqan nazzjonali tal-Istat Membru ta’ skambju, għall-fini tal-iżvelar ta’ dik l-informazzjoni permezz tan-network tal-liċenzji tas-sewqan tal-UE.

2.   Minkejja l-liġijiet li jirregolaw ir-rikonoxximent u l-iskambju ta’ liċenzji tas-sewqan maħruġa minn pajjiżi terzi, fejn Stat Membru jipprevedi l-iskambju ta’ liċenzja tas-sewqan mobbli maħruġa minn pajjiż terz li ma għandhiex format fiżiku, l-Istat Membru jista’ jqis il-liċenzja tas-sewqan mobbli bħala ċeduta skont it-tifsira tal-Artikolu 15(5) tad-Direttiva (UE) 2025/2205 jekk jiġu ssodisfati l-kriterji kollha li ġejjin:

(a)

il-pajjiż terz li jkun ħareġ il-liċenzja tas-sewqan mobbli jimpenja ruħu li jipprevedi mod stabbli u affidabbli ta’ komunikazzjoni mal-Istat Membru li jwettaq l-iskambju;

(b)

il-pajjiż terz li jkun ħareġ il-liċenzja tas-sewqan mobbli jipprovdi informazzjoni affidabbli u verifikabbli lill-Istat Membru li jkun qiegħed iwettaq l-iskambju dwar il-formati li fihom id-detentur ikollu l-liċenzja tas-sewqan tiegħu;

(c)

il-pajjiż terz li jkun ħareġ il-liċenzja tas-sewqan mobbli jipprovdi l-possibbiltà li l-Istat Membru li jwettaq l-iskambju jinnotifika lill-pajjiż terz bl-iskambju tal-liċenzja tas-sewqan mobbli b’mod fdat u verifikabbli, jekk l-Istat Membru jiddeċiedi li jinfurmahom;

(d)

il-pajjiż terz li jkun ħareġ il-liċenzja tas-sewqan mobbli jimpenja ruħu, fuq talba tal-Istat Membru li jkun qed iwettaq l-iskambju, li ma jibqax joħroġ il-liċenzja tas-sewqan mobbli skambjata lid-detentur u li jirrevokaha f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, u b’mod verifikabbli u irrevokabbli.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Ottubru 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L, 2025/2205, 5.11.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2025/2205/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/910/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2982 tat-28 ta’ Novembru 2024 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-protokolli u l-interfaċċi li jridu jiġu appoġġati mill-Qafas Ewropew għall-Identità Diġitali (ĠU L, 2024/2982, 4.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2982/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).

(5)  Id-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li temenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 u d-Direttiva (UE) 2018/1972, u li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 (Direttiva NIS 2) (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 80, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2022/2555/oj).

(6)  Id-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-liċenzji tas-sewqan (ĠU L 403, 30.12.2006, p. 18, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/126/oj).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu tat-tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).


ANNESS I

Speċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 3

1.   

Il-format tal-liċenzji tas-sewqan mobbli

L-awtoritajiet emittenti għandhom jiżguraw il-ħruġ ta’ liċenzji tas-sewqan mobbli fil-format ISO/IEC-mdoc kif speċifikat fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2979 (1).

2.   

Mudell tad-data tal-liċenzja tas-sewqan mobbli

Il-Klawżola 7 tal-istandard ISO/IEC 18013-5:2021 għandha tapplika bl-adattamenti li ġejjin:

(1)

fil-Klawżola 7.2.1, l-ewwel sentenza għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej.

“L-elementi tad-data tal-MDL għandhom ikunu kif definiti fit-Tabella 5 u jappartjenu għall-ispazji tal-isem (namespaces) indikati.”;

(2)

fit-Tabella 5, għandha tiżdied kolonna ġdida “Spazju tal-isem”. Għall-elementi tad-data inklużi fl-istandard, il-valur “org.iso.18013.5.1” għandu jiddaħħal fil-kolonna “Spazju tal-isem”;

(3)

l-entrati li ġejjin fit-Tabella 5 għandhom jiġu adattati u l-entrati l-oħra kollha għandhom jibqgħu l-istess:

Identifikatur

Proprjetà adattata

Valur fl-istandard

Valur li għandu jintuża f’konformità ma’ dan ir-Regolament u l-Anness I, il-Parti D tad-Direttiva (UE) 2025/2205

family_name

Definizzjoni

Il-kunjom, jew l-identifikatur primarju, tad-detentur tal-mDL.

Il-valur għandu juża biss karattri latini1b u għandu jkollu tul massimu ta’ 150 karattru

Qasam 1 – kunjom id-detentur

Il-valur għandu juża biss karattri latini1b u għandu jkollu tul massimu ta’ 150 karattru

family_name

Preżenza

M

M

given_name

Definizzjoni

L-ewwel isem/ismijiet, isem ieħor/ismijiet oħrajn, jew identifikatur sekondarju, tad-detentur tal-mDL.

Il-valur għandu juża biss karattri latini1b u għandu jkollu tul massimu ta’ 150 karattru

Qasam 2 – isem ieħor/ismijiet oħrajn tad-detentur

Il-valur għandu juża biss karattri latini1b u għandu jkollu tul massimu ta’ 150 karattru

given_name

Preżenza

M

M

birth_date

Definizzjoni

Il-jum, ix-xahar u s-sena li fihom twieled id-detentur tal-mDL. Jekk mhux magħrufa, id-data approssimattiva tat-twelid

L-ewwel parti tal-Qasam 3 – id-data tat-twelid

birth_date

Preżenza

M

M

birth_place

Definizzjoni

Il-pajjiż u l-muniċipalità jew l-istat/il-provinċja fejn twieled id-detentur tal-mDL.

Il-valur għandu juża biss karattri latini1b u għandu jkollu tul massimu ta’ 150 karattru

It-tieni parti tal-Qasam 3 – il-post tat-twelid

Is-sinjal distintiv tal-Istat Membru kif speċifikat fl-Anness I, il-Parti D, il-punt (1) tad-Direttiva (UE) 2025/2205, jew l-istat, il-provinċja, id-distrett, jew iż-żona lokali jew il-muniċipalità, il-belt, ir-raħal jew il-villaġġ fejn twieled l-utent li miegħu hija relatata d-data tal-identifikazzjoni tal-persuna, jew, jekk mhux diġà kopert, kwalunkwe valur ieħor preżenti fuq il-liċenzja tas-sewqan fiżika.

Il-valur għandu juża biss karattri latini1b u għandu jkollu tul massimu ta’ 150 karattru

birth_place

Preżenza

O

M

issue_date

Definizzjoni

Data meta nħarġet l-mDL

Qasam 4a – id-data tal-ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan

issue_date

Format tal-kodifikazzjoni

tdate jew fulldate

fulldate

issue_date

Preżenza

M

M

expiry_date

Definizzjoni

Data meta tiskadi l-mDL

Qasam 4b – id-data tal-iskadenza tal-liċenzja tas-sewqan

expiry_date

Format tal-kodifikazzjoni

tdate jew fulldate

fulldate

expiry_date

Preżenza

M

M

issuing_authority

Definizzjoni

Isem l-awtorità emittenti.

Il-valur għandu juża biss karattri latini1b u għandu jkollu tul massimu ta’ 150 karattru

Qasam 4c – isem l-awtorità emittenti

Il-valur għandu juża biss karattri latini1b u għandu jkollu tul massimu ta’ 150 karattru

issuing_authority

Preżenza

M

M

administrative_number

Definizzjoni

Numru ta’ kontroll tal-awditjar assenjat mill-awtorità emittenti.

Il-valur għandu juża biss karattri latini1b u għandu jkollu tul massimu ta’ 150 karattru

Qasam 4d – numru differenti minn dak taħt il-qasam 5, għal skopijiet amministrattivi

Il-valur għandu juża biss karattri latini1b u għandu jkollu tul massimu ta’ 150 karattru

administrative_number

Preżenza

O

O

document_number

Definizzjoni

In-numru assenjat jew ikkalkulat mill-awtorità emittenti.

Il-valur għandu juża biss karattri latini1b u għandu jkollu tul massimu ta’ 150 karattru

Qasam 5 – in-numru tal-liċenzja tas-sewqan

Il-valur għandu juża biss kwalunkwe karattri latini1b, inklużi ittri u għandu jkollu tul massimu ta’ 150 karattru

document_number

Preżenza

M

M

Portrait

Definizzjoni

Riproduzzjoni tar-ritratt tad-detentur tal-mDL. Ara 7.2.2

Qasam 6 – ritratt tad-detentur

Ara 7.2.2

Portrait

Preżenza

M

M

signature_usual_mark

Definizzjoni

Immaġni tal-firma jew tal-marka tas-soltu tad-detentur tal-mDL, ara 7.2.7

Qasam 7 – firma tad-detentur

Ara 7.2.7

signature_usual_mark

Preżenza

O

O

resident_address

Definizzjoni

Il-post fejn jirrisjedi d-detentur tal-mDL u/jew fejn jista’ jiġi kkuntattjat (numru tat-triq/tad-dar, muniċipalità eċċ.).

Il-valur għandu juża biss karattri latini1b u għandu jkollu tul massimu ta’ 150 karattru

Qasam 8 – il-post tar-residenza, jew l-indirizz postali permanenti tad-detentur

Il-valur għandu juża biss karattri latini1b u għandu jkollu tul massimu ta’ 150 karattru.

resident_address

Preżenza

O

O

(4)

fit-Tabella 5, għandhom jiżdiedu r-ringieli li ġejjin:

Spazju tal-isem

Identifikatur

Tifsira

Definizzjoni

Preżenza

Format tal-kodifikazzjoni

org.iso.18013.5.1.EU

driving_privileges_eu

Kategoriji ta’ vetturi u restrizzjonijiet/kundizzjonijiet

Qasam 9 – il-kategorija ta’ vettura/i li d-detentur intitolat isuq

Qasam 10 – id-data tal-ewwel ħruġ ta’ kull kategorija, ħlief jekk mhux disponibbli

Qasam 11 – id-data ta’ skadenza għal kull kategorija

Qasam 12 – informazzjoni/restrizzjoni(jiet) addizzjonali, f’għamla ta’ kodiċi, kif speċifikat fl-Anness I, il-Parti E tad-Direttiva (UE) 2025/2205

M

DrivingPrivilegesEU

Ara 7.2.4

org.iso.18013.5.1.EU

administrative_information

Qasam 14, skont l-Anness I, il-Parti D tad-Direttiva (UE) 2025/2205

Qasam 14 – entrata mill-Istat Membru tal-ħruġ b’informazzjoni essenzjali għall-amministrazzjoni tal-liċenzja jew informazzjoni relatata mas-sikurezza fit-toroq.

Din l-informazzjoni tista’, b’mod partikolari, tkun ibbażata fuq informazzjoni riċevuta minn Stat Membru ieħor u tista’ tinkludi kwalunkwe kanċellazzjoni, irtirar, sospensjoni jew kwalunkwe restrizzjoni tad-dritt tas-sewqan ta’ sewwieq ta’ vettura awtopropulsiva għat-triq, tal-liċenzja tas-sewqan tiegħu, bħal waħda limitata għal ċerti kategoriji jew għat-territorju ta’ ċerti Stati Membri.

Bil-ftehim speċifiku bil-miktub tad-detentur, informazzjoni li ma tkunx relatata mal-amministrazzjoni tal-liċenzja tas-sewqan jew mas-sikurezza fit-toroq tista’ tiġi miżjuda wkoll f’dan il-qasam; żieda bħal din ma għandhiex tbiddel b’xi mod l-użu tal-oġġett bħala liċenzja tas-sewqan

O

tstr

(5)

fil-Klawżola 7.2.4, għandu jiżdied t-test li ġej:

“L-istruttura tal-privileġġi tas-sewqan tal-Unjoni Ewropea fiha informazzjoni li tiddeskrivi l-privileġġi tas-sewqan tad-detentur f’konformità mad-Direttiva (UE) 2025/2205.

L-istruttura tal-privileġġi tas-sewqan tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi kkodifikata bħala CBOR u għandha tiġi fformattjata kif ġej:

DrivingPrivilegesEU = [

* DrivingPrivilegeEU

]

DrivingPrivilegeEU = {

“vehicle_category_code”: tstr

;

Driving licence category code

 

 

as per Article 6

 

 

of Directive (UE) 2025/2205

? “issue_date”: full-date

;

Date of first issue of the category

 

 

[mandatory unless not available]

“expiry_date”: full-date

;

Date of expiry of the category

? “codes”: [+ CodeEU]

}

CodeEU = {

“code”: tstr

;

Code as per Annex I, Part E of

 

 

Directive (UE) 2025/2205

? “sign”: tstr

;

Sign as per ISO/IEC 18013-2 Annex A

? “value”: tstr

;

Value as per ISO/IEC 18013-2 Annex A

}

Il-par “sign”, jekk preżenti, għandu jkollu valur ta’ “<”, “=”, “>”,, jew kombinazzjoni valida tagħhom. Jekk il-par “sign” ikun preżenti, il-par “value” għandu jkun preżenti wkoll. Il-valur għandu jkun numru deċimali, ikkodifikat bħala sekwenza ta’ test. L-unità li fiha jiġi espress il-valur għandha tiġi inkluża jew fid-definizzjoni tas-subkategorija tal-vettura inkella fid-deskrizzjoni tal-kodiċi.

NOTA 3 L-istruttura DrivingPrivilegesEU tista’ tkun arranġament vojt.

Jekk il-kategoriji ta’ vettura/i li d-detentur huwa intitolat li jsuq jinkludu kategorija mhux stabbilita fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2025/2205, tali kategorija tista’ tiġi inkluża fl-ispazju tal-isem speċifiku ta’ Stat Membru, f’konformità mar-rekwiżiti għall-ispazji tal-isem domestiċi fil-Klawżola 7.2.8.”


(1)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2979 tat-28 ta’ Novembru 2024 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-integrità u l-funzjonalitajiet ewlenin tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali (ĠU L, 2024/2979, 4.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2979/oj).


ANNESS II

Notifiki ta’ informazzjoni dwar l-awtoritajiet emittenti ta’ liċenzji tas-sewqan mobbli u dwar il-mekkaniżmi li jippermettu l-awtentikazzjoni u l-validazzjoni tal-liċenzji tas-sewqan mobbli

L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni dwar kull awtorità emittenti tal-liċenzji tas-sewqan mobbli:

(a)

isem l-awtorità emittenti;

(b)

fejn applikabbli, in-numru tar-reġistrazzjoni tal-awtorità emittenti;

(c)

il-kodiċi tal-pajjiż tal-Istat Membru li fih hija stabbilita l-awtorità emittenti;

(d)

l-email ta’ kuntatt u n-numru tat-telefown ta’ kuntatt tal-awtorità emittenti, għal kwistjonijiet relatati mal-liċenzji tas-sewqan mobbli li toħroġ;

(e)

il-URL tal-paġna web bil-politiki, it-termini u l-kundizzjonijiet tal-awtorità emittenti, li japplikaw għall-forniment u l-użu tal-liċenzji tas-sewqan mobbli li toħroġ;

(f)

fejn applikabbli, il-URL tal-paġna web li fiha informazzjoni addizzjonali dwar l-awtorità emittenti;

(g)

ir-riżultati tal-ittestjar tal-interoperabbiltà, f’konformità ma’ mudell li għandu jiġi pprovdut mill-Kummissjoni;

(h)

ċertifikat wieħed jew aktar b’kodiċi tal-pajjiż li jaqbel mal-kodiċi tal-pajjiż tal-Istat Membru skont il-punt (c) u li jkun konformi mal-klawżola 7 jew 8 tal-ETSI TS 119 412-6 v1.2.1 (2026-04) (1) li jistgħu jintużaw għall-verifika tal-firma jew tas-siġill maħluq mill-awtorità emittenti fuq il-liċenzji tas-sewqan mobbli li toħroġ, u li għalihom id-data tal-identità ċċertifikata tinkludi l-isem, u fejn applikabbli, in-numru tar-reġistrazzjoni tal-awtorità emittenti, kif speċifikat fil-punti (a) u (b), rispettivament.


(1)  Firem u Infrastrutturi Fiduċjarji Elettroniċi (ESI); Profili taċ-Ċertifikat; Parti 6: Rekwiżiti tal-profil taċ-ċertifikat għall-fornituri ta’ PID, Wallet, EAA, QEAA, u PSBEAA.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/2266/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)