|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1267 |
27.6.2025 |
DEĊIŻJONI (UE) 2025/1267 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-24 ta’ Ġunju 2025
li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja lir-Repubblika Għarbija tal-Eġittu
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),
Billi:
|
(1) |
Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu (“l-Eġittu”) huma żviluppati fil-qafas tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, min-naħa l-oħra (2) (il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”), fis-seħħ mill-2004. L-Unjoni u l-Eġittu adottaw l-aħħar Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Eġittu (2021-2027) fid-disa’ Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Eġittu, stabbilit bil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, fid-19 ta’ Ġunju 2022 (il-“Prijoritajiet tas-Sħubija”). Il-Prijoritajiet tas-Sħubija jikkonfermaw mill-ġdid l-għan konġunt li jiġu indirizzati l-isfidi komuni li qed jiffaċċjaw l-Unjoni u l-Eġittu, jiġu promossi l-interessi konġunti u jiġu garantiti l-istabbiltà fit-tul u l-iżvilupp sostenibbli fuq iż-żewġ naħat tal-Mediterran. L-impenn kondiviż favur il-valuri universali tad-demokrazija, l-Istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem ikompli jirfed il-Prijoritajiet tas-Sħubija, kif inhu rifless ukoll fil-Programm Indikattiv Pluriennali UE-Eġittu għall-perjodu 2021-2027 (l-“MIP UE-Eġittu”). |
|
(2) |
Il-Prijoritajiet tas-Sħubija jirriflettu l-impenn kondiviż tal-Unjoni u l-Eġittu li jsaħħu l-kooperazzjoni b’appoġġ għall-“Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli: Viżjoni 2030” tal-Eġittu u d-determinazzjoni tal-Unjoni li taġixxi fuq impetu mġedded biex issaħħaħ is-sħubija mal-Viċinat tan-Nofsinhar tagħha. B’mod partikolari, fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-10 u l-11 ta’ Diċembru 2020, l-Unjoni identifikat Viċinat tan-Nofsinhar demokratiku, aktar stabbli, aktar ekoloġiku u aktar prosperu bħala prijorità strateġika. L-Aġenda tal-UE għall-Mediterran u l-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment tagħha għall-Ġirien tan-Nofsinhar stabbilit fil-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tad-9 ta’ Frar 2021 bit-titolu “Sħubija mġedda mal-Viċinat tan-Nofsinhar: Aġenda Ġdida għall-Mediterran” jippreżentaw l-objettivi tal-Unjoni li tikseb irkupru soċjoekonomiku u reżiljenza fit-tul u sostenibbli u li tavvanza t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali fir-reġjun. |
|
(3) |
Fis-17 ta’ Marzu 2024, l-Eġittu u l-Unjoni ddeċidew b’mod konġunt li jelevaw ir-relazzjonijiet tagħhom għal sħubija strateġika u komprensiva, abbażi tal-valuri tal-ekwità u r-rispett u l-fiduċja reċiproċi sabiex isaħħu l-prosperità, il-paċi u l-istabbiltà komuni tagħhom. |
|
(4) |
F’konformità mal-Prijoritajiet tas-Sħubija, l-Unjoni u l-Eġittu huma impenjati li jiżguraw ir-responsabbiltà, l-Istat tad-dritt, ir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll il-promozzjoni tad-demokrazija, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-opportunitajiet indaqs bħala drittijiet kostituzzjonali taċ-ċittadini kollha tagħhom. Dawk l-impenji jikkontribwixxu għall-avvanz tas-sħubija u għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku sostenibbli, il-governanza tajba u l-istabbiltà soċjoekonomika tal-Eġittu. L-impenn akbar u kostruttiv bejn l-Unjoni u l-Eġittu fl-aħħar perjodu fetaħ it-triq għal djalogu aktar sinifikanti dwar kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem. Fil-qafas tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, is-sottokumitat dwar Kwistjonijiet Politiċi, id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, Kwistjonijiet Internazzjonali u Reġjonali u l-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni jipprovdu l-pjattaformi istituzzjonali għal skambju ta’ fehmiet dwar firxa ta’ kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, li l-Unjoni tixtieq tkompli u tiżviluppa. It-titjib futur kostanti tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eġittu f’oqsma ewlenin relatati mad-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u l-libertajiet fundamentali indirizzati regolarment miż-żewġ sħab f’fora bilaterali u internazzjonali se jkollu impatt pożittiv fuq ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Eġittu. |
|
(5) |
L-assistenza lill-Eġittu hija ffinanzjata prinċipalment permezz tal-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali (“NDICI-GE”) stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). L-allokazzjoni indikattiva tal-Unjoni għall-Eġittu skont l-NDICI-GE għall-ewwel perjodu (2021-2024) tal-MIP UE-Eġittu kien ta’ EUR 240 miljun. Dan minbarra l-portafoll ta’ kooperazzjoni li għaddej bħalissa ta’ EUR 1,3 biljun u miżuri oħra ta’ appoġġ baġitarju u ta’ emerġenza b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19 u għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna li jammontaw għal EUR 307 miljun. Il-Prijoritajiet tas-Sħubija għall-2021-2027 huma stabbiliti fl-MIP UE-Eġittu, li tħejja f’konsultazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, u jkopri tliet oqsma wesgħin: (i) Ekonomija Moderna Sostenibbli u Żvilupp Soċjali; (ii) Sħubija fil-Politika Barranija, u (iii) Tisħiħ tal-Istabbiltà. L-NDICI-GE jissostitwixxu l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat li skontu l-assistenza bilaterali tal-Unjoni lill-Eġittu għall-perjodu 2014-2020 ammontat għal EUR 756 miljun. |
|
(6) |
L-Unjoni tirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-Eġittu għas-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali, u għandha interess qawwi fil-prevenzjoni tal-instabbiltà ekonomika fuq terminu qasir fl-Eġittu li jaf ikollha konsegwenzi usa’ u impatt negattiv fuq ix-xenarju ġeopolitiku. It-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, bħat-traffikar tal-bnedmin, il-migrazzjoni irregolari, id-diżinformazzjoni u l-kunflitti huma theddid komuni kontra s-sigurtà komuni u n-nisġa soċjali tan-nazzjonijiet fuq iż-żewġ naħat tal-Mediterran. L-Unjoni tirrikonoxxi l-kontribut tal-Eġittu għall-indirizzar ta’ kwistjonijiet bħal dawn. Barra minn hekk, is-sigurtà enerġetika hija waħda mill-aktar sfidi urġenti li qed jiffaċċjaw il-pajjiżi fuq iż-żewġ naħat tal-Mediterran. Il-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija bejn l-Unjoni u l-Eġittu tista’ mhux biss toffri sors ta’ prosperità ekonomika għar-reġjun, iżda tista’ wkoll issaħħaħ is-sigurtà enerġetika billi tiddiversifika l-provvisti tal-enerġija u tinkoraġġixxi l-kollaborazzjoni reġjonali. Għalhekk, l-Unjoni u l-Eġittu għandhom interess komuni li jsaħħu l-kooperazzjoni, kif enfasizzat fil-Prijoritajiet tas-Sħubija, f’konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali, inklużi d-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, kif ukoll li jippromwovu l-interessi konġunti u jindirizzaw l-isfidi komuni. |
|
(7) |
Filwaqt li tfakkar fl-isfidi ġeopolitiċi globali u reġjonali, bħall-kriżi umanitarja f’Gaża, li rriżultat mill-impatt tal-attakki terroristiċi tal-Ħamas f’Iżrael fis-7 ta’ Ottubru 2023, it-tensjonijiet li dejjem qed jiżdiedu fil-Qarn tal-Afrika u s-sikurezza tan-navigazzjoni fil-Baħar l-Aħmar, kif ukoll il-pressjoni migratorja li ġejja mill-kunflitt fis-Sudan, l-inċertezzi fis-Sirja, l-instabbiltà fil-Libja, ir-rwol tal-Eġittu bħala pajjiż li jospita għadd kbir ta’ rifuġjati u migranti, u l-importanza strateġika tal-Eġittu bħala l-akbar pajjiż fir-reġjun u pilastru ta’ stabbiltà għal-Lvant Nofsani kollu, l-Unjoni daħlet fi sħubija strateġika u komprensiva mal-Eġittu kif deskritt fid-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Unjoni u l-Eġittu, iffirmata fil-Kajr fis-17 ta’ Marzu 2024 (id-“Dikjarazzjoni Konġunta”). |
|
(8) |
L-objettiv tas-sħubija strateġika u komprensiva mal-Eġittu huwa li r-relazzjonijiet politiċi bejn l-Unjoni u l-Eġittu jiġu elevati għal sħubija strateġika u li l-Eġittu jkun jista’ jwettaq ir-rwol ewlieni tiegħu li jipprovdi stabbiltà fir-reġjun, il-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq. Dik is-sħubija għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-appoġġ tar-reżiljenza makroekonomika tal-Eġittu u tippermetti l-implimentazzjoni ta’ riformi soċjoekonomiċi ambizzjużi b’mod li jikkomplementa u jsaħħaħ il-proċess ta’ riforma previst fl-ambitu tal-programm tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) għall-Eġittu. Kif deskritt fid-Dikjarazzjoni Konġunta, is-sħubija strateġika u komprensiva se tindirizza sett wiesa’ ta’ miżuri ta’ politika miġbura f’sitt pilastri ta’ intervent, jiġifieri relazzjonijiet politiċi, stabbiltà ekonomika, investiment u kummerċ, migrazzjoni, kooperazzjoni fis-sigurtà u fl-infurzar tal-liġi, demografija u kapital uman. Is-sħubija strateġika u komprensiva jenħtieġ li tiġi żviluppata f’konformità mal-inizjattivi fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri. |
|
(9) |
Is-sħubija strateġika u komprensiva hija mirfuda b’pakkett finanzjarju ta’ EUR 7,4 biljun li jikkonsisti f’appoġġ fuq terminu qasir u twil għall-aġenda ta’ riforma makrofiskali u soċjoekonomika, kif ukoll żieda fl-ammonti disponibbli biex jappoġġaw l-investimenti fl-Eġittu u appoġġ immirat għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet strateġiċi differenti, li jinkludu l-enerġija rinnovabbli u l-migrazzjoni, fost affarijiet oħra. Parti mill-pakkett ta’ appoġġ huwa l-pakkett ta’ assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni sa EUR 5 biljun f’self, magħmul minn żewġ operazzjonijiet ta’ assistenza makrofinanzjarja, operazzjoni fuq terminu qasir ta’ ammont massimu ta’ EUR 1 biljun u operazzjoni fuq terminu medju ta’ ammont massimu ta’ EUR 4 biljun. Dak il-pakkett finanzjarju jinkludi wkoll strumenti finanzjarji, bħal garanziji u strumenti ta’ taħlit, li għandhom l-għan li jimmobilizzaw investimenti pubbliċi u privati bl-objettiv li jiġġeneraw investimenti ġodda sostanzjali b’impatti ekonomiċi pożittivi li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-Eġizzjani kollha. Dan se jiġi kkomplementat bi programmi li jappoġġaw prijoritajiet speċifiċi fl-ambitu tas-sħubija strateġika u komprensiva permezz ta’ proġetti individwali u assistenza teknika implimentati fl-ambitu tal-NDICI-GE. |
|
(10) |
Is-sitwazzjoni makrofiskali tal-Eġittu ffaċċjat sfidi sinifikanti u ddeterjorat b’mod sostanzjali matul dawn l-aħħar xhur, hekk kif il-pressjonijiet esterni intensifikaw u d-dejn pubbliku kompla jiżdied, b’persistenza ta’ riskji negattivi sostanzjali għall-prospettiva ekonomika. Ir-riperkussjonijiet tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-kunflitti u t-tensjonijiet ġeopolitiċi fil-Lvant Nofsani wasslu għal ħruġ ta’ kapital fit-tul u dħul aktar baxx f’munita barranija, b’mod partikolari minħabba t-tnaqqis qawwi fl-introjtu mit-turiżmu, mir-rikavati mill-Kanal ta’ Suez, u mill-produzzjoni tal-gass f’kuntest ta’ volatilità tal-fiduċja fost l-investituri barranin. Dan huwa partikolarment ta’ sfida fil-kuntest tas-sitwazzjoni fiskali diffiċli tal-Eġittu, li hija kkaratterizzata minn defiċits fiskali kostanti u proporzjonijiet għoljin u dejjem akbar tad-dejn għall-PDG. Minkejja dak il-kuntest estern diffiċli, fl-2024 l-Eġittu rnexxielu jimplimenta riformi, bħall-unifikazzjoni tar-rati tal-kambju, u jagħmel progress fl-issikkar tal-politika monetarja, biex jgħin ħalli tiġi ppreservata l-istabbiltà makroekonomika tiegħu. |
|
(11) |
Is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-Eġittu ġiet appoġġata minn diversi programmi ta’ żborż tal-FMI mill-2016. Dawk huma Faċilità Estiża tal-Fond ta’ tliet snin ta’ USD 12-il biljun adottata fl-2016, assistenza finanzjarja ta’ emerġenza fl-ambitu tal-Istrument ta’ Finanzjament Rapidu ta’ USD 2,8 biljun adottat fl-2020, Arranġament ta’ Riżerva ta’ sena ta’ USD 5,2 biljun adottat fl-2020, u Faċilità Estiża tal-Fond ta’ erba’ snin ta’ USD 3 biljun adottata fl-2022 u miżjuda għal USD 8 biljun fl-2024. L-Eġittu għamel sforzi konsiderevoli ta’ riforma matul l-ewwel parti tal-involviment tiegħu mal-FMI fil-perjodu 2016-2021. Ir-riformi kienu jinkludu żvalutar sinifikanti tal-munita, akkumpanjat minn riformi tal-politika monetarja ffukati fuq kuritur tal-mira tal-inflazzjoni. Ir-riforma tas-sussidju tal-fjuwil kienet akkumpanjata minn tisħiħ sinifikanti ta’ sistema ta’ trasferiment soċjali mmirata. Il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi ssaħħet billi ġew żviluppati strateġiji ta’ ġestjoni tad-dħul u tad-dejn fuq terminu medju. L-awtoritajiet Eġizzjani bdew itejbu wkoll il-governanza tal-intrapriżi tal-istat. |
|
(12) |
Wara l-adozzjoni ta’ programm ta’ segwitu tal-FMI f’Diċembru 2022, il-progress fir-riforma kien inqas notevoli, għalkemm l-Eġittu ħa passi biex joħloq kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn il-kumpaniji pubbliċi u dawk privati permezz ta’ liġi biex jiġu aboliti l-privileġġi tat-taxxa tal-intrapriżi tal-istat, avolja b’eżenzjonijiet abbażi tas-sigurtà nazzjonali, u permezz tal-adozzjoni ta’ politika ta’ sjieda tal-istat, bl-għan li titnaqqas il-preżenza tal-Istat fl-ekonomija, li għadha qawwija u toħloq distorsjoni minkejja l-progress limitat reċenti, u kkjarifika r-raġunament wara l-involviment kontinwu tal-Istat f’ċerti setturi strateġiċi. Madankollu, l-Eġittu ma implimentax l-impenn tiegħu li jagħmel il-munita flessibbli b’mod durabbli fl-2023, u dan wassal għal rata tal-kambju uffiċjali fil-biċċa l-kbira stabbli u suq tal-munita parallel sostanzjali b’rata tal-kambju deprezzata b’mod sinifikanti u volatili ħafna. Dik il-frammentazzjoni kienet ta’ piż kbir fuq l-investiment barrani u l-attività tan-negozju domestiku. |
|
(13) |
L-Eġittu involva ruħu mill-ġdid mal-FMI fil-bidu tal-2024 u laħaq ftehim fil-livell tal-persunal fis-6 ta’ Marzu 2024 dwar programm imġedded tal-Faċilità Estiża tal-Fond li tela’ għal USD 8 biljun. Il-programm il-ġdid ġie adottat b’Deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv tal-FMI fid-29 ta’ Marzu 2024 u għandu l-għan li jindirizza dawn l-oqsma: (i) il-flessibbiltà kredibbli tar-rata tal-kambju; (ii) l-issikkar sostenibbli tal-politika monetarja; (iii) il-konsolidazzjoni fiskali biex tiġi ppreservata s-sostenibbiltà tad-dejn; (iv) qafas ġdid biex jitrażżan l-infiq fuq l-infrastruttura; (v) l-għoti ta’ livelli adegwati ta’ nfiq soċjali biex jiġu protetti l-gruppi vulnerabbli, inkluż, minn żidiet fl-għoli tal-ħajja u l-prezz tal-enerġija; u (vi) l-implimentazzjoni tal-politika tas-sjieda tal-istat u r-riformi biex ikun hemm kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bil-ħsieb li jiġi promoss l-iżvilupp tas-settur privat fl-ekonomija. Flimkien mal-iffirmar tal-ftehim fil-livell tal-persunal, l-Eġittu wettaq ukoll flessibilizzazzjoni tar-rata tal-kambju, u żied ir-rata uffiċjali ewlenija tal-bank ċentrali bl-ammont imdaqqas ta’ 600 punt bażi, f’konformità mal-prijoritajiet tal-programm tal-FMI. F’Diċembru 2024 intlaħaq ftehim fil-livell tal-persunal dwar ir-raba’ rieżami tal-programm ta’ riforma ekonomika tal-Eġittu u l-Bord Eżekuttiv tal-FMI lesta r-rieżami f’Marzu 2025. |
|
(14) |
Fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika li sejra għall-agħar u l-prospettiva mxekkla minn riskji negattivi sostanzjali fir-rigward ta’ xokkijiet esterni li għaddejjin bħalissa, l-Eġittu talab assistenza makrofinanzjarja komplementari mill-Unjoni fit-12 ta’ Marzu 2024. |
|
(15) |
Minħabba li l-Eġittu huwa pajjiż kopert mill-Politika Ewropea tal-Viċinat, jenħtieġ li jitqies bħala eliġibbli biex jirċievi l-assistenza makrofinanzjarja mill-Unjoni. |
|
(16) |
Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun strument eċċezzjonali ta’ appoġġ mingħajr irbit u mhux speċifikat għall-bilanċ tal-pagamenti, bl-għan li tindirizza l-ħtiġijiet finanzjarji esterni immedjati tal-Eġittu, u jenħtieġ li tirfed l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ politika li jkun fih miżuri qawwija ta’ aġġustament u ta’ riforma strutturali immedjati maħsuba biex itejbu l-pożizzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti tal-Eġittu. |
|
(17) |
Minħabba li għad hemm diskrepanza sinifikanti tal-finanzjament estern residwu fil-bilanċ tal-pagamenti tal-Eġittu lil hinn mir-riżorsi pprovduti mill-FMI u minn istituzzjonijiet multilaterali u sħab reġjonali oħrajn, l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni li għandha tingħata lill-Eġittu, fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali, qed titqies bħala rispons xieraq għat-talba tal-Eġittu lill-Unjoni biex tappoġġa l-istabilizzazzjoni ekonomika, flimkien mal-programm tal-FMI. Il-pakkett ta’ assistenza makrofinanzjarja ta’ EUR 5 biljun tal-Unjoni, inkluża l-assistenza makrofinanzjarja sa EUR 4 biljun fl-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni, għandu l-għan li jappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika u l-aġenda ta’ riforma strutturali tal-Eġittu, filwaqt li jissupplimenta r-riżorsi magħmula disponibbli fl-ambitu tal-programm tal-FMI. L-ewwel parti tal-pakkett, self ta’ assistenza makrofinanzjarja ta’ EUR 1 biljun, ġiet żborżata f’Diċembru 2024 wara valutazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni. |
|
(18) |
Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jkollha l-għan li tappoġġa l-ħolqien mill-ġdid ta’ sitwazzjoni finanzjarja esterna sostenibbli għall-Eġittu, u b’hekk tappoġġa l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tiegħu. Bit-trawwim tal-istabbiltà u l-prosperità fil-Viċinat tagħha, l-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lill-Eġittu jista’ jikkontribwixxi wkoll għat-tkabbir u r-reżiljenza ekonomika tal-Unjoni. |
|
(19) |
Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li tkun ibbażata fuq valutazzjoni kwantitattiva kompleta tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament estern residwu tal-Eġittu, u jenħtieġ li tqis il-kapaċità tal-Eġittu li jiffinanzja lilu nnifsu bir-riżorsi proprji tiegħu, partikolarment ir-riżervi internazzjonali għad-dispożizzjoni tiegħu. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni hija parti minn sforz internazzjonali konġunt, li tikkomplementa b’mod effettiv il-programmi u r-riżorsi pprovduti mill-FMI u mill-Bank Dinji. Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza jenħtieġ li tqis ukoll il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mistennija mingħand donaturi multilaterali u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-kondiviżjoni ekwa tal-piżijiet bejn l-Unjoni u donaturi oħrajn, kif ukoll l-implimentazzjoni diġà eżistenti tal-istrumenti ta’ finanzjament esterni l-oħrajn tal-Unjoni fl-Eġittu u l-valur miżjud tal-involviment ġenerali tal-Unjoni fl-Eġittu. |
|
(20) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun legalment u sostanzjalment konformi mal-prinċipji u l-objettivi ewlenin tal-oqsma differenti tal-azzjoni esterna, mal-miżuri meħuda fir-rigward ta’ dawk l-oqsma u ma’ politiki tal-Unjoni u valuri tal-Unjoni rilevanti oħrajn, bħad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt. |
|
(21) |
Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tappoġġa l-politika esterna tal-Unjoni fil-konfront tal-Eġittu. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jaħdmu flimkien mill-qrib matul l-operazzjoni ta’ assistenza makrofinanzjarja kollha bl-għan li jikkoordinaw il-politika esterna tal-Unjoni u jiggarantixxu l-konsistenza tagħha. |
|
(22) |
Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tappoġġa l-impenn tal-Eġittu li jrawwem valuri kondiviżi mal-Unjoni, fosthom id-demokrazija, l-Istat tad-dritt, il-governanza tajba, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll l-impenn tiegħu favur il-prinċipji ta’ kummerċ miftuħ, ibbażat fuq ir-regoli u ekwu. |
|
(23) |
Prekundizzjoni għall-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lill-Eġittu jenħtieġ li tkun li l-Eġittu jkompli jagħmel passi konkreti, kredibbli u tanġibbli sabiex jiġu rrispettati l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi – inkluża sistema parlamentari multipartitika – u l-Istat tad-dritt, u jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-objettivi speċifiċi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jsaħħu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tas-sistemi tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, il-governanza u s-superviżjoni tas-settur finanzjarju fl-Eġittu u jenħtieġ li jippromwovu riformi strutturali li jkollhom l-għan li jappoġġaw it-tkabbir sostenibbli u inklużiv, il-ħolqien tal-impjiegi diċenti u l-konsolidazzjoni fiskali. Il-Kummissjoni u s-SEAE jenħtieġ li jimmonitorjaw regolarment l-issodisfar ta’ dik il-prekundizzjoni u l-kisba ta’ dawk l-objettivi speċifiċi. |
|
(24) |
Ir-rabta tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni ma’ programm tal-iżborż tal-FMI li jkun miexi kif ippjanat, bil-qafas makrofiskali b’saħħtu tiegħu u l-analiżi rigoruża tas-sostenibbiltà tad-dejn, tipprovdi assigurazzjonijiet fir-rigward tal-kapaċità ta’ ħlas lura tal-Eġittu. Barra minn hekk, sabiex ikun żgurat li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni marbutin mal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jiġu mħarsa b’mod effiċjenti, jenħtieġ li l-Eġittu jieħu miżuri xierqa fir-rigward tal-prevenzjoni tal-frodi, tal-korruzzjoni u ta’ kwalunkwe irregolarità oħra marbuta ma’ dik l-assistenza u l-ġlieda kontrihom. Il-ġestjoni trasparenti tal-fondi allokati fl-ambitu tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni hija essenzjali. Barra minn hekk, il-ftehim ta’ self li għandu jiġi konkluż bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Eġizzjani jenħtieġ li jkun fih dispożizzjonijiet li jawtorizzaw lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi biex iwettaq investigazzjonijiet, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, f’konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (5), lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri biex iwettqu l-awditi u lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew biex jeżerċita l-kompetenzi tiegħu fir-rigward tal-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni matul u wara l-perjodu ta’ disponibbiltà ta’ dik l-assistenza. |
|
(25) |
Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bħala awtorità baġitarja. |
|
(26) |
L-ammonti li għandhom jiġu pprovduti meħtieġa għall-assistenza makrofinanzjarja fil-forma ta’ self jenħtieġ li jkunu konsistenti mal-approprjazzjonijiet baġitarji previsti fil-qafas finanzjarju pluriennali. |
|
(27) |
Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tiġi ġestita mill-Kummissjoni. Sabiex jiġi żgurat li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jsegwu l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinfurmahom regolarment dwar l-iżviluppi marbutin ma’ dik l-assistenza u tipprovdilhom id-dokumenti rilevanti. |
|
(28) |
Ir-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni jenħtieġ li jinkludi informazzjoni dwar il-passi konkreti, tanġibbli u kredibbli meħuda mill-Eġittu sabiex jiġu rrispettati l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi – inkluża sistema parlamentari multipartitika – u l-Istat tad-dritt, u jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. |
|
(29) |
Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). |
|
(30) |
L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li tkun soġġetta għal kundizzjonijiet ta’ politika ekonomika, li għandhom jiġu stabbiliti f’memorandum ta’ qbil (MtQ). Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni uniformi u minħabba raġunijiet ta’ effiċjenza, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tinnegozja dawn il-kundizzjonijiet mal-awtoritajiet Eġizzjani taħt is-superviżjoni tal-kumitat tar-rappreżentanti tal-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011. Skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011, il-proċedura konsultattiva, bħala regola ġenerali, jenħtieġ li tapplika fil-każijiet kollha ħlief kif previst f’dak ir-Regolament. Meta jitqies l-impatt potenzjalment sinifikanti ta’ assistenza ta’ aktar minn EUR 90 miljun, huwa xieraq li, kif speċifikat fir-Regolament (UE) Nru 182/2011, il-proċedura ta’ eżami tintuża għal operazzjonijiet li jeċċedu dak il-livell limitu. Meta jitqies l-ammont ta’ assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lill-Eġittu, jenħtieġ li dik il-proċedura ta’ eżami tapplika għall-adozzjoni tal-MtQ, u għal kwalunkwe tnaqqis, sospensjoni jew kanċellazzjoni tal-assistenza. |
|
(31) |
Minħabba li l-objettiv ta’ din id-Deċiżjoni, jiġifieri li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ finanzjament estern tal-Eġittu ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv. |
|
(32) |
Sabiex l-assistenza makrofinanzjarja lill-Eġittu tkun tista’ tingħata fil-pront, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-Unjoni għandha tagħmel disponibbli għall-Eġittu assistenza makrofinanzjarja fil-forma ta’ self ta’ ammont massimu sa EUR 4 biljun (l-“assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni”), bil-ħsieb li tappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika tal-Eġittu u aġenda ta’ riforma sostantiva. Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni huwa soġġett għall-adozzjoni tal-baġit tal-Unjoni għas-sena rilevanti mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tikkontribwixxi biex tkopri l-ħtiġijiet tal-bilanċ tal-pagamenti tal-Eġittu kif identifikati fil-programm tal-FMI.
2. Sabiex tiffinanzja l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, f’isem l-Unjoni, li tissellef il-fondi meħtieġa mis-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji u li ssellifhom lill-Eġittu.
3. Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jiġi ġestit mill-Kummissjoni b’mod konsistenti mal-ftehimiet jew l-arranġamenti milħuqa bejn l-FMI u l-Eġittu, u mal-prinċipji u l-objettivi prinċipali tar-riformi ekonomiċi stabbiliti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.
Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżviluppi fir-rigward tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inklużi l-iżborżi tagħha, u għandha tipprovdi lil dawk l-istituzzjonijiet id-dokumenti rilevanti fi żmien xieraq.
4. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli għal perjodu ta’ sentejn u nofs, li jibda mill-ewwel jum wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-MtQ imsemmi fl-Artikolu 3(1).
5. Meta l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Eġittu jonqsu b’mod fundamentali matul il-perjodu tal-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni meta mqabbla mal-previżjonijiet inizjali, il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 7(2), għandha tnaqqas l-ammont tal-assistenza jew tissospendiha jew tikkanċellaha.
Artikolu 2
1. Prekundizzjoni għall-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lill-Eġittu għandha tkun li l-Eġittu jkompli jagħmel passi konkreti u kredibbli sabiex jiġu rrispettati l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi – inkluża sistema parlamentari multipartitika, u l-istat tad-dritt, u jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.
2. Il-Kummissjoni u s-SEAE għandhom jimmonitorjaw l-issodisfar tal-prekundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 matul iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.
3. Il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (7).
Artikolu 3
1. Il-Kummissjoni, f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 7(2), għandha tilħaq ftehim mal-awtoritajiet Eġizzjani dwar kundizzjonijiet finanzjarji u ta’ politika ekonomika definiti b’mod ċar, b’enfasi fuq riformi strutturali u finanzi pubbliċi sodi, li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun soġġetta għalihom. Dawk il-kundizzjonijiet finanzjarji u ta’ politika ekonomika għandhom jiġu stabbiliti f’memorandum ta’ qbil (MtQ) li għandu jinkludi perjodu ta’ żmien għall-issodisfar tagħhom. Dawk il-kundizzjonijiet finanzjarji u ta’ politika ekonomika għandhom ikunu konsistenti mal-ftehimiet jew l-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 1(3), inklużi l-programmi ta’ aġġustament makroekonomiku u ta’ riforma strutturali implimentati mill-Eġittu bl-appoġġ tal-FMI.
2. Il-kundizzjonijiet finanzjarji u ta’ politika ekonomika msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkollhom l-għan, b’mod partikolari, li jtejbu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tas-sistemi ta’ ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fl-Eġittu, inkluż għall-użu tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Il-progress fil-ftuħ reċiproku tas-swieq, inkluż għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, l-iżvilupp ta’ kummerċ ġust u bbażat fuq ir-regoli, l-iżvilupp sostenibbli, il-governanza tajba u prijoritajiet oħrajn fil-kuntest tal-politika esterna tal-Unjoni għandhom jitqiesu wkoll debitament fit-tfassil tal-miżuri ta’ politika. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja regolarment il-progress tal-Eġittu fl-ilħuq ta’ dawk l-objettivi.
3. It-termini finanzjarji dettaljati tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim ta’ self li għandu jiġi konkluż bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Eġizzjani f’konformità mal-Artikolu 223 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) (ir-“Regolament Finanzjarju”) (il-“ftehim ta’ self”).
4. Il-Kummissjoni għandha tivverifika, f’intervalli regolari, li l-kundizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 4(3), l-ewwel subparagrafu, jibqgħu jiġu ssodisfati, inkluż jekk il-politiki ekonomiċi tal-Eġittu jkunux f’konformità mal-objettivi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Għall-finijiet ta’ dik il-verifika, il-Kummissjoni għandha tikkoordina mill-qrib mal-FMI u mal-Bank Dinji u, meta jkun meħtieġ, mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill.
Artikolu 4
1. Soġġett għall-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni f’pagamenti parzjali. Id-daqs ta’ kull wieħed minn dawk il-pagamenti parzjali għandu jiġi stabbilit fil-MtQ. Pagament parzjali jista’ jiġi żborżat f’porzjon wieħed jew iktar.
2. L-ammonti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni mogħtija fil-forma ta’ self għandhom jiġu pprovduti, meta jkun meħtieġ, f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/947.
3. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali soġġett għall-issodisfar tal-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
il-prekundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(1); |
|
(b) |
rekord sodisfaċenti kontinwu fl-implimentazzjoni ta’ programm ta’ politika li jkun fih miżuri ta’ aġġustament u ta’ riforma strutturali b’saħħithom appoġġati minn arranġament ta’ kreditu tal-FMI mhux prekawzjonarju; u |
|
(c) |
l-implimentazzjoni sodisfaċenti tal-politika ekonomika u l-kundizzjonijiet finanzjarji miftiehma fil-MtQ. |
Ir-rilaxx tat-tieni pagament parzjali ma għandux, fil-prinċipju, isir qabel tliet xhur wara r-rilaxx tal-ewwel pagament parzjali. Ir-rilaxx tat-tielet ħlas parzjali m’għandux, fil-prinċipju, isir qabel tliet xhur wara r-rilaxx tat-tieni pagament parzjali.
4. Meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, ma jiġux issodisfati, il-Kummissjoni għandha tissospendi temporanjament jew tikkanċella l-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. F’każijiet bħal dawn, hija għandha tinforma mingħajr dewmien lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-raġunijiet għal dik is-sospensjoni jew kanċellazzjoni.
5. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi żborżata lill-Bank Ċentrali tal-Eġittu. Soġġett għad-dispożizzjonijiet miftiehma stabbiliti fil-MtQ, inkluża konferma tal-ħtiġijiet finanzjarji baġitarji residwi, il-fondi tal-Unjoni jistgħu jiġu ttrasferiti mill-Bank Ċentrali tal-Eġittu lill-Ministeru tal-Finanzi Eġizzjan bħala l-benefiċjarju aħħari.
Artikolu 5
1. Sabiex tiffinanzja l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni fil-forma ta’ self, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, f’isem l-Unjoni, li tissellef il-fondi meħtieġa fuq is-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji f’konformità mal-Artikolu 224 tar-Regolament Finanzjarju.
2. Il-Kummissjoni għandha tidħol fi ftehim ta’ self imsemmi fl-Artikolu 3(3) fir-rigward tal-ammont imsemmi fl-Artikolu 1. Il-ftehim ta’ self għandu jistabbilixxi l-perjodu ta’ disponibbiltà u t-termini dettaljati tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inkluż fir-rigward tas-sistemi ta’ kontroll intern. L-Eġittu għandu jħallas lura s-self, li għandu jingħata b’termini li jippermettu l-ħlas lura tiegħu fuq perjodu twil, inkluż perjodu ta’ grazzja possibbli. Id-durata massima tas-self għandha tkun ta’ 35 sena.
3. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżviluppi fl-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2.
Artikolu 6
1. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi implimentata f’konformità mar-Regolament Finanzjarju.
2. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi implimentata taħt ġestjoni diretta.
3. Qabel l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tivvaluta, permezz ta’ valutazzjoni operazzjonali, is-solidità tal-arranġamenti finanzjarji, il-proċeduri amministrattivi, u l-mekkaniżmi ta’ kontroll interni u esterni tal-Eġittu li huma rilevanti għall-assistenza.
Artikolu 7
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 8
1. Sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni fis-sena preċedenti, inkluża evalwazzjoni ta’ dik l-implimentazzjoni. Ir-rapport għandu:
|
(a) |
jeżamina l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni; |
|
(b) |
jivvaluta s-sitwazzjoni u l-prospetti ekonomiċi tal-Eġittu, kif ukoll il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ politika msemmija fl-Artikolu 3(1); |
|
(c) |
jindika r-rabta bejn il-politika ekonomika u l-kundizzjonijiet finanzjarji stabbiliti fil-MtQ, il-prestazzjoni ekonomika u fiskali attwali tal-Eġittu u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li tirrilaxxa l-pagamenti parzjali tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, filwaqt li jiddeskrivi l-passi konkreti u kredibbli meħuda sabiex jiġu rrispettati l-mekkaniżmi demokratiċi u l-Istat tad-dritt u jiġu ggarantiti d-drittijiet tal-bniedem. |
2. Sa mhux aktar tard minn sentejn wara li jiskadi l-perjodu ta’ disponibbiltà msemmi fl-Artikolu 1(4), il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport ta’ evalwazzjoni ex post lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta r-riżultati u l-effiċjenza tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni kkompletata u sa liema punt din ikkontribwiet għall-għanijiet tal-assistenza.
Artikolu 9
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fil-Lussemburgu, l-24 ta’ Ġunju 2025.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
A. SZŁAPKA
(1) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Ġunju 2025 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 2025.
(2) ĠU L 304, 30.9.2004, p. 39.
(3) Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/947/oj).
(4) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/883/oj).
(5) Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1996/2185/oj).
(6) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/182/oj).
(7) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/427/oj).
(8) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1267/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)