|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/169 |
27.1.2026 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/169
tas-26 ta’ Jannar 2026
li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1882 dwar il-kategorizzazzjoni tal-infezzjoni bil-virus tal-ilsien blu (is-serotipi 1–24) bħala marda elenkata
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi r-regoli għall-prevenzjoni u għall-kontroll tal-mard li hu trażmissibbli lill-annimali jew lill-bnedmin, inklużi r-regoli għall-prijoritizzazzjoni u għall-kategorizzazzjoni ta’ mard elenkat li hu ta’ tħassib fil-livell tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament, japplikaw regoli speċifiċi għall-mard għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard li ġie elenkat f’konformità ma’ dik id-dispożizzjoni. L-infezzjoni bil-virus tal-ilsien blu (serotipi 1–24) (“infezzjoni bil-BTV”, blutongue virus) hija marda elenkata skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/429. |
|
(2) |
L-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 jipprevedi kategoriji differenti ta’ mard elenkat li jridu jkunu soġġetti għall-applikazzjoni ta’ regoli differenti speċifiċi skont il-marda. Abbażi tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) 2016/429, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (2) jikkategorizza kull marda elenkata bħala marda A, B, C, D jew E li huma soġġetti għar-regoli korrispondenti speċifiċi skont il-marda imsemmija fl-Artikolu 9(1), il-punti (a) sa (e) tar-Regolament (UE) 2016/429. Bħalissa, l-infezzjoni bil-BTV hija kkategorizzata bħala marda C + D + E kif stabbilit fit-tabella tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1882 u għaldaqstant soġġetta għar-regoli speċifiċi skont il-marda msemmija fl-Artikolu 9(1), il-punti (c), (d) u (e) tar-Regolament (UE) 2016/429. |
|
(3) |
F’konformità mal-Anness IV tar-Regolament (UE) 2016/429, il-proċess ta’ kategorizzazzjoni tal-mard elenkat għandu jieħu kont, fost fatturi oħra, tal-profil tal-marda inkwistjoni u d-disponibbiltà, il-fattibbiltà u l-effettività tas-settijiet differenti tal-miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard previsti f’dak ir-Regolament fir-rigward tal-marda. Abbażi ta’ dan kif ukoll tal-premessa (41) tar-Regolament (UE) 2016/429, jekk il-profil tal-marda ta’ marda partikolari jinbidel, kif ukoll ir-riskji assoċjati mal-marda u ċirkostanzi oħrajn, is-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni jinkludu wkoll is-setgħa li timmodifika l-kategorija li taqa’ fiha marda partikolari elenkata, u għalhekk il-miżuri li hija soġġetta għalihom. |
|
(4) |
Mill-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1882, l-esperjenza wriet li l-profil tal-infezzjoni bil-BTV inbidel u li l-miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll skont l-Artikolu 9(1), il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2016/429 huma ta’ fattibbiltà u effettività limitati għal dik il-marda. |
|
(5) |
Fir-rigward tal-profil tal-marda tal-infezzjoni bil-BTV, l-avvenimenti epidemjoloġiċi reċenti wrew żieda fil-persistenza tal-infezzjoni bil-BTV fil-popolazzjonijiet tal-annimali lejn firxa wiesgħa ta’ speċijiet tar-ruminanti u fl-ambjent. Aktarx minħabba t-tibdil fil-klima, l-abbundanza, il-persistenza u l-espansjoni tal-vetturi huma ogħla u jseħħu matul perjodi itwal, u dan jiffavorixxi trażmissjoni aktar effiċjenti tal-infezzjoni bil-BTV. Barra minn hekk, it-tixrid reċenti ta’ serotipi differenti tal-BTV (BTV-3, BTV-4 u BTV-8) mingħajr ma tiġi prodotta protezzjoni inkroċjata fl-annimali infettati f’dawn l-aħħar snin żied b’mod drammatiku l-firxa territorjali u d-distribuzzjoni tal-preżenza tal-infezzjoni bil-BTV fl-UE. Dawn il-bidliet tal-profil tal-marda wasslu għal kunsens dejjem akbar fil-komunità tal-esperti bl-argument li l-infezzjoni bil-BTV għandha tiġi kkategorizzata mill-ġdid. |
|
(6) |
L-esperjenza bl-implimentazzjoni tar-regoli speċifiċi għall-mard applikabbli għall-infezzjoni bil-BTV bħala marda kkategorizzata bħala marda elenkata fis-sens tal-Artikolu 9(1), il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2016/429 wasslet ukoll għal kunsens dejjem akbar fil-komunità tal-esperti bl-argument li l-miżuri speċjali ta’ kontroll tal-mard imsemmija f’dik id-dispożizzjoni ma għadhomx fattibbli jew effettivi għall-infezzjoni bil-BTV. Dan jikkonċerna b’mod partikolari l-implimentazzjoni tal-programmi fakultattivi ta’ eradikazzjoni. Il-proporzjonalità tal-applikazzjoni tal-miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll previsti għall-mard tal-kategorija C għall-infezzjoni bil-BTV ma għadhiex żgurata fid-dawl tal-bidliet imsemmija hawn fuq fis-sitwazzjoni epidemjoloġika li tikkonċerna dik il-marda elenkata. |
|
(7) |
Wara li kkunsidrat l-eżitu ta’ diversi diskussjonijiet mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni għalhekk tqis li huwa meħtieġ li timmodifika l-kategorizzazzjoni tal-infezzjoni bil-BTV sabiex tiżgura l-applikazzjoni ta’ miżuri xierqa għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ dik il-marda elenkata. Permezz tat-tnaqqis tal-għadd u tal-firxa tal-miżuri applikabbli għall-infezzjoni bil-BTV, il-qafas legali applikabbli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’din il-marda se jiġi ssimplifikat, peress li l-enfasi se tinqaleb fuq il-ġestjoni tar-riskju fil-livell tal-UE permezz tal-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju applikati, mill-awtoritajiet nazzjonali, għaċ-ċaqliq bejn l-Istati Membri tar-ruminanti ħajjin u tal-prodotti ġerminali tagħhom. |
|
(8) |
Għalhekk, huwa meħtieġ li l-infezzjoni bil-BTV tiġi kkategorizzata bħala marda tal-kategorija D + E biss. |
|
(9) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1882 jiġi emendat kif xieraq. |
|
(10) |
Il-kategorizzazzjoni tal-infezzjoni bil-BTV bħala marda tal-Kategorija D + E teħtieġ adattamenti tar-regoli dwar is-saħħa tal-annimali f’diversi atti delegati u ta’ implimentazzjoni rilevanti, fosthom ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/688 (3). Jenħtieġ għalhekk li l-modifika mdaħħla permezz ta’ din l-emenda tapplika biss minn data fil-ġejjieni, meta l-emendi tal-atti rilevanti l-oħra jsiru applikabbli wkoll. |
|
(11) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fit-tabella tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1882, ir-ringiela għall-infezzjoni bil-virus tal-ilsien blu (is-serotipi 1–24) hija sostitwita b’dan li ġej:
|
“L-infezzjoni bil-virus tal-ilsien blu (is-serotipi 1–24) |
D + E |
Antilocapridae, Bovidae, Camelidae, Cervidae, Giraffidae, Moschidae, Tragulidae |
Culicoides spp.” |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-15 ta’ Lulju 2026.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Jannar 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1882/oj).
(3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/688 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għall-movimenti fl-Unjoni ta’ annimali terrestri u bajd għat-tifqis (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 140, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/688/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/169/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)