RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Is-Seba' Rapport Annwali tal-2012 dwar l-implimentazzjoni ta' assistenza Komunitarja skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas-27 ta' Frar 2006 li jistabbilixxi strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta /* COM/2013/0332 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U
LILL-PARLAMENT EWROPEW Is-Seba' Rapport Annwali tal-2012 dwar
l-implimentazzjoni ta' assistenza Komunitarja skont ir-Regolament tal-Kunsill
(KE) Nru 389/2006 tas-27 ta' Frar 2006 li jistabbilixxi
strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment
tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta 1. Introduzzjoni Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006[1] (ir-“Regolament dwar
l-Għajnuna”) huwa l-bażi għall-assistenza lill-komunità
Turko-Ċiprijotta (KTĊ) u jirrikjedi rapportar annwali lill-Kunsill u
l-Parlament Ewropew. Dan ir-rapport ikopri s-sena 2012. 2. L-ipprogrammar
tal-assistenza Bejn l-2006 u tmiem l-2012, ġew ipprogrammati
EUR 311 miljun għal operazzjonijiet taħt ir-Regolament dwar
l-Għajnuna. L-iżvilupp tal-programm tal-2012
(EUR 28 miljun) uża l-kontribuzzjoni minn konsultazzjonijiet
mal-partijiet interessati, partikolarment workshops fil-livell settorjali, minn
evalwazzjonijiet esterni kif ukoll qies ir-Rapport Speċjali Nru 6 tal-Qorti
Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-assistenza għall-komunità
Turko-Ċiprijotta[2].
L-allokazzjoni tal-2012 saret disponibbli skont żewġ
Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni[3]. 3. Il-mekkaniżmi ta'
implimentazzjoni Il-programm hu
implimentat f'dawk iż-żoni tar-Repubblika ta' Ċipru li fihom
il-Gvern ma jeżerċitax il-kontroll effettiv u fejn l-applikazzjoni
tal-acquis communautaire hija temporanjament sospiża skont il-Protokoll 10
tat-Trattat ta' Adeżjoni. L-assistenza hija implimentata primarjament
permezz ta’ ġestjoni ċentralizzata mill-Kummissjoni Ewropea. Xi
proġetti huma ġestiti b'mod konġunt mal-Programm ta’
Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP). Il-Kummissjoni
topera f’kuntest politiku, legali u diplomatiku uniku. Huma meħtieġa
arranġamenti ad hoc sabiex jiġi implimentat il-programm filwaqt li
jitħarsu l-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja soda. Fi programmi
ta' għajnuna ffinanzjati mill-UE, f'ċirkostanzi normali, ftehimiet
ma’ gvern li jibbenefika jistabbilixxi l-qafas legali tal-għajnuna
għall-iżvilupp. Ma jistgħu jsiru l-ebda arranġamenti
bħal dawn għall-assistenza lill-KTĊ u l-Kummissjoni trid
toqgħod fuq dak li taħseb li għandhom ikunu r-regoli u
l-kundizzjonijiet applikabbli lokalment. Dan idaħħal ċertu
livell ta’ riskju. Il-ġestjoni u l-mitigazzjoni ta' dan ir-riskju huma parti
mir-responsabbiltà tal-Kummissjoni u fost il-miżuri adottati hemm
monitoraġġ u sostenn intensiv għall-benefiċjarji,
kundizzjonijiet riveduti ta’ pagament, u użu aktar mifrux ta’garanziji
bankarji. Il-KTĊ trid
tipprovdi biżżejjed prijorità u riżorsi sabiex dan il-programm
ikun suċċess u b’mod partikolari sabiex tiżgura s-sostenibbiltà
tiegħu fuq medda twila ta’ żmien. Dawn iridu jiżguraw li l-assi
ffinanzjati mill-UE jibqgħu f’idejn pubbliċi. Il-partijiet interessati
Turko-Ċiprijotti jiġu kkonsultati dwar il-ħtiġijiet
tagħhom ta' finanzjament fil-futur u esperti Turko-Ċiprijotti
jieħdu sehem f'kumitati ta' evalwazzjoni tal-offerti u għandhom rwol
ewlieni fil-kumitati ta’ tmexxija tal-proġetti. Il-kooperazzjoni bejn il-komunità
Torka-Ċiprijotta u dik Griega-Ċiprijotta tibqa meħtieġa
għall-effikaċjà sħiħa tal-programm u biex jinkiseb
l-għan aħħari tar-riunifikazzjoni. It-Tim tal-Programm
juża l-Uffiċċju ta’ Sostenn għall-Programmi tal-UE (EUPSO)
fil-parti tat-Tramuntana ta’ Nikosija. Ir-rappreżentanza tal-Kummissjoni
f’Ċipru tospita wkoll laqgħat u seminars u tikkomunika mal-pubbliku
Ċiprijott dwar il-programm bħala parti mir-rwol standard tagħha. Minħabba
ċ-ċirkostanzi speċifiċi deskritti hawn fuq, ma
jistgħux jiġu konċeputi b'ħeffa programmi ta’ żvilupp
tas-settur. Minflok, l-assistenza tinkludi ammont sinifikanti ta’
appoġġ permezz ta’ għotja, partikolarment lill-atturi mhux
fis-settur pubbliku. Il-ġestjoni ta’ dawn l-iskemi hija impenjattiva fejn
jidħlu r-riżorsi tat-Tim tal-Programm, fejn is-sitwazzjoni tal-persunal
hija mfixkla b'mod partikolari minn taqlib qawwi minħabba l-perjodu qasir
ta' validità tal-kuntratti tal-persunal. L-isfidi ta’
ppjanar għal perjodu medju, u għat-tul għadhom hemm, peress li
l-arranġament attwali huwa li l-finanzjament jiġi mill-marġini
tal-baġit tal-UE. Dan ifisser li l-baġit huwa imprevedibbli,
mingħajr garanzija għall-allokazzjonijiet annwali. Fir-Rapport
tagħha msemmi hawn fuq, il-QEA qieset li din l-inċertezza trendi
aktar diffiċli l-ġestjoni tal-programm u għandha impatt negattiv
fuq l-effettività u s-sostenibbiltà tiegħu. 4. L-implimentazzjoni matul
il-perjodu ta’ rapportar 4.1. Ħarsa Ġenerali Il-QEA kkonkludiet
li, minkejja l-kuntest politiku diffiċli u skeda aċċelerata,
il-Kummissjoni rnexxielha tistabbilixxi programm li kien jirrifletti
l-għanijiet tar-Regolament, ipprijorizzat b'mod xieraq is-setturi kollha
msemmija fl-objettivi tar-Regolament, u introduċiet metodi ta'
implimentazzjoni u miżuri ta' taffija tar-riskju li huma f'sens wiesa'
xierqa. Il-QEA nnutat ukoll għadd ta’ nuqqasijiet fil-ġestjoni
tal-programm, u qieset li s-sostenibbiltà tal-proġetti spiss tkun f’dubju
minħabba kapaċità amministrattiva limitata, id-dewmien fl-adozzjoni
tat-testi legali rilevanti u l-inċertezzi dwar finanzjament futur
min-naħa tal-KTĊ. Il-Kummissjoni aċċettat
ir-rakkomandazzjonijiet tal-QEA b’xi eċċezzjonijiet. Il-Kunsill
adotta konklużjonijiet dwar ir-rapport tal-QEA[4] f’Lulju. Il-Kumitat
tal-Parlament Ewropew għall-kontroll tal-baġit adottat rapport[5] f’Diċembru. Il-parti
tal-programm li toriġina mill-allokazzjoni finanzjarja kbira tal-2006
kienet tinkludi kuntratti maġġuri ta’ provvista u ta’ kostruzzjoni
fl-oqsma tal-ilma/l-ilma tad-drenaġġ, l-iskart solidu,
il-ħarsien tan-natura, l-enerġija u t-telekomunikazzjoni kif ukoll
programmi ta’ għajnuna teknika sostanzjali, u madwar 1000 kuntratt ta’
għotja taħt skemi varji għall-NGOs, l-SMEs, il-bdiewa,
il-komunitajiet rurali, l-iskejjel, u l-istudenti. Sa tmiem l-2012, ħafna
minn dawn tlestew. Bħala konsegwenza, l-2012 kienet sena meta bdew jidhru
b'mod partikolari r-riżultati tal-programm u l-benefiċċji
lill-KTĊ bdew jinħassu b'mod konkret. Inżammet
konċentrazzjoni fuq l-attivitajiet bikomunali u l-bini tal-fiduċja,
b'mod partikolari bl-appoġġ kontinwu u miżjud lill-Kumitat dwar
Persuni Nieqsa u lill-Kumitat Tekniku bikomunali għall-Wirt Kulturali
permezz ta’ ġestjoni konġunta mal-UNDP. Il-ħidma kienet tinkludi
wkoll tħejjija għall-applikazzjoni u l-implimentazzjoni
sħiħa tal-acquis wara soluzzjoni possibbli għall-problema ta'
Ċipru u t-tixrid ta' informazzjoni dwar l-ordni politika u legali
tal-Unjoni Ewropea lill-KTĊ. Tnedew erba’ skemi ġodda ta’ għotja
matul is-sena 2012 biex jingħata appoġġ lil intrapriżi
rurali, SMEs, skejjel, studenti u għalliema. Matul l-2012
ingħalqu bosta kuntratti (190), primarjament ta' għotja, biex b'hekk,
fi tmiem is-sena, kienu għadhom miftuħa 402 kuntratt. Dan in-numru
jogħla hekk kif il-programi tal-2011 u l-2012 jaqbdu r-ritmu
sħiħ tagħhom. Is-sena li għaddiet, bix-xoljiment
tal-attivitajiet li joriġinaw fl-2006, kienet ukoll okkażjoni
għat-tnedija ta' sforz sostanzjali ta' evalwazzjoni. Il-problema li
qamet fl-2011 fejn jidħol l-istatus tal-garanziji bankarji għadha ma
ssolvietx. Kif ġie rrappurtat is-sena l-oħra, kuntrattur lokali
fetaħ kawża f'“qorti” lokali, minflok ma segwa l-proċeduri ta’
soluzzjoni tad-disputi stipulati fil-kuntratt, u dan wassal għal
inġunzjonijiet li ma ħallewx li ssir il-prelevazzjoni ta' garanziji
bankarji maħruġa minn banek lokali. Sabiex tissalvagwardja
l-interessi finanzjarji tal-UE, il-Kummissjoni se toqgħod lura milli
tiffirma kuntratti ta’ natura simili ma' benefiċjarji u kuntratturi
Turko-Ċiprijotti sakemm din il-kwistjoni tiġi riżolta b’mod
sodisfaċenti. Kuntratturi lokali għamlu bojkott għal tmien xhur
fuq kuntratti tal-UNDP, li affettwa proġetti ta’ wirt kulturali
ffinanzjati mill-UE, minħabba kwistjonijiet relatati mal-post li
għandu l-ġuriżdizzjoni fil-każ ta' disputi. Is-sostenibbiltà tal-investimenti huwa
tħassib ieħor li għadu għaddej. Il-benefiċjarji mhux
dejjem għamlu biżżejjed tħejjijiet tajbin biex ikunu jistgħu
jieħdu f'idejhom il-proġetti, minkejja l-ħafna appoġġ
mill-UE. Kien diffiċli għall-KTĊ sabiex issib ir-riżorsi
għall-operazzjoni u l-manutenzjoni ta’ infrastruttura ġdida,
għalkemm fl-aħħar ġew stabbiliti l-kuntratti
għall-managers tal-impjanti ta' tisfija tad-drenaġġ li
għadhom kif ġew trasferiti. 4.2. Il-progress skont l-objettivi L-objettiv globali
tal-Programm ta’ Għajnuna hu li tiġi ffaċilitata
r-riunifikazzjoni ta’ Ċipru billi jitħeġġeġ
l-iżvilupp ekonomiku tal-KTĊ, b’enfażi partikolari fuq
l-integrazzjoni ekonomika tal-gżira, fuq it-titjib tal-kuntatti bejn
iż-żewġ komunitajiet u mal-UE, u fuq it-tħejjija
għall-acquis. F'ċerti oqsma sar kontribut konsiderevoli
għat-titjib, partikolarment fejn jidħol l-ilma, id-drenaġġ
u l-ambjent. 4.2.1. Objettiv 1:
L-iżvilupp u r-ristrutturar tal-infrastruttura L-impjant
il-ġdid tar-riċiklar tal-ilma tad-drenaġġ Morphou/Güzelyurt
għadda f'idejn il-benefiċjarju f’Jannar. L-amministrazzjoni
tal-impjant għaddiet f’idejn kumpanija li toperah li tqabbdet
mill-benefiċjarju lokali. Ladarba l-benefiċjarju lokali ikun lesta
l-konnessjonijiet domestiċi kollha man-netwerk tad-drenaġġ li
ġie trasferit fl-2011, is-sistema se tipprovdi, għall-ewwel darba,
il-ġbir u r-riċiklar tal-ilma tad-drenaġġ f’dan
ir-reġjun għal madwar 10 700 persuna. Fi tmiem is-sena
kien għaddej il-proċess tal-ikkummissjonar tal-impjant
il-ġdid tar-riċiklar tal-ilma tad-drenaġġ f’Famagusta,
fejn il-proċess tar-riċiklar kien qed jiffunzjona u l-impjant kien
qed jipproduċi ilma nadif. Ix-xogħol fuq in-netwerks
tad-drenaġġ u tal-ilma tax-xorb (total ta' 95 km) kien
għadu għaddej, madankollu kien qed ikun hemm xi dewmien minħabba
xi konnessjonijiet difettużi ta' pajpijiet li kkawżaw dħul ta’
ilma mielaħ li wassal għal problemi ta’ tmermir fl-impjant
tat-trattament. L-impjant se jservi madwar 30 000 persuna. Fl-2012 kompliet
il-kostruzzjoni tal-impjant bikomunali l-ġdid għar-riċiklar
tal-ilma tad-drenaġġ ta' Nikosija f'Mia Milia/Haspolat,
kofinanzjat mill-UE u mill-Bord tad-Drenaġġ ta' Nikosija u
implimentat permezz tal-UNDP. F’Novembru ingħata bidu
għar-riċiklar tad-drenaġġ u l-volum tal-produzzjoni
qiegħda tiżdied bil-mod il-mod. It-tlestija u t-trasferiment tax-xogħlijiet
huwa previst għall-ewwel nofs tal-2013. L-impjant se jservi madwar
270 000 persuna. Il-programm ta'
bini ta' kapaċità għall-ilma u l-ilma tad-drenaġġ intemm
f’Diċembru b’workshop bħala konklużjoni. Ir-rendimenti
tal-proġett inkludew fost oħrajn il-preparazzjoni ta’ testi legali
allinjati mal-acquis tal-UE, it-tqajjim ta’ kuxjenza, l-ippjanar
tal-immaniġġjar tal-assi, u t-taħriġ fit-teknika
tal-analiżi. Fejn jidħol
il-ħarsien tan-natura, ma seta jsir l-ebda progress fuq
iċ-ċentri ta' informazzjoni li għadhom ma tlestewx f’erba’
żoni speċjali ta’ protezzjoni ambjentali (SEPAs). Wara
t-terminazzjoni ta’ kuntratt fl-2011, il-kuntrattur Tork-Ċiprijott
fetaħ kawża fil-"qorti" lokali biex iwaqqaf
lill-Kummissjoni milli sejjaħ lura l-garanziji mill-bank lokali.
Proġetti mibdija mit-TKĊ, pereżempju proġett ta'
twessigħ ta' triq fil-peniżola Karpasia/Karpaz, jew tħaffir
estensiv ta' barrieri fil-muntanji Kyrenia jqajmu tħassib dwar
l-implimentazzjoni mill-KTĊ tal-pjani ta’ ġestjoni tagħha stess
tas-SEPAs, li kienu tħejjew bl-assistenza tal-UE. Fil-qasam tal-iskart
solidu, il-miżbla Koutsoventis/Güngör, l-istazzjon ta’ trasferiment
ta’ Famagusta, it-tnejn ġodda, u l-apparat relatat ta' pproċesssar
tal-iskart ġew trasferiti f’Marzu. L-amministrazzjoni tal-miżbla
għaddiet f’idejn kumpanija li toperaha li tqabbdet mill-benefiċjarju.
Il-miżbla Kato Dhikomo/Aşağı Dikmen, wara
r-rijabilitazzjoni u l-għeluq, ġiet trasferita f’Ottubru.
Il-proġett ta' bini tal-kapaċità għall-ġestjoni tal-iskart
solidu intemm f’Diċembru. Fis-settur
tal-enerġija, l-azzjoni ewlenija kienet l-integrazzjoni tal-impjant
tal-enerġija solari ta’ 1.27 MW, kompletament operattiv sa minn
Novembru 2011, bis-sistema ta’ kontroll għal monitoraġġ remot.
Madankollu, il-benefiċjarju għadu ma għamilx l-allokazzjoni ta’
persunal iddedikat, biex tkun tista' tintuża b'mod effettiv u sostenibbli
parti mill-apparat fornut, pereżempju fil-każ taċ-ċentru
telefoniku ta' assistenza lill-klijenti. L-apparat kollu ta'
telekommunikazjoni tal-ġenerazzjoni li jmiss ġie stallat. Madankollu,
il-fażi tal-ittestjar, kienet tirrekjedi aktar tisħiħ
tal-kapaċitajiet tal-operatur u l-fornitur u l-benefiċjarju għad
iridu jindirizzaw diversi kwistjonijiet pendenti. Testi legali bid-dettalji
tal-modalitajiet tal-liberalizzazzjoni tas-settur tal-komunikazzjonijiet
elettroniċi ġew adottati f’Diċembru 2011, iżda
l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jiġu sseparati l-forniment
tas-servizzi mill-operazzjoni tan-netwerk għadhom nieqsa. Taħt
il-proġett dwar is-sigurtà tat-traffiku, kważi l-kuntratti
kollha issa huma magħluqa. L-element li jifdal biex jiġu eliminati
postijiet fit-toroq li huma suxxettibbli għall-aċċidenti tlesta
fit-tielet kwart tal-2012. Aktar azzjonijiet potenzjali f’dan is-settur se
jkunu jiddependu fuq deċiżjoni ċara ta' politika mill-benefiċjarju 4.2.2. Objettiv 2: Il-Promozzjoni
ta’ żvilupp soċjali u ekonomiku Ingħatat għajnuna lill-bdiewa,
lill-veterinarji u lil dawk involuti fl-iżvilupp rurali dwar
it-trobbija tal-annimali u tal-eradikazzjoni tal-mard, is-saħħa
tal-pjanti, id-diversifikazzjoni tal-uċuħ tar-raba’, il-biedja organika
u l-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-għotjiet.
Il-proġett ta' trobbija tal-annimali u t-tim tal-assistenza teknika li
jappoġġja l-politika tal-iżvilupp rurali lestew l-attivitajiet
tagħhom. Twettaq proġett pilota għall-użu mill-ġdid
fl-agrikoltura tal-ilma tad-drenaġġ ittrattat u ġiet inizjata
sorveljanza epidemjoloġika pilota għall-mard fost il-bhejjem
tal-ifrat, in-nagħaġ u l-mogħoż sabiex issir tħejjija
għal intervent akbar fl-eradikazzjoni tal-mard tal-annimali. Tnediet sejħa għal għotja ta' EUR 3.3 miljun
biex tiżdied il-kompetittività, id-diversifikazzjoni u
s-sostenibbiltà" Tlestew għaxar proġetti ta’ għotjiet
mill-iskema tal-2009 “Żvilupp Komunitarju permezz ta’ Inizjattivi
fl-Irħula”, iżda kien hemm dewmien f'numru ta’ oħrajn, liema
dewmien irriżulta, b’mod partikolari, minn xogħlijiet ta’
infrastruttura permezz tal-kuntratti ta' għotja. Taħt il-proġett It-titjib ta' l-Infrastruttura Urbana u
Lokali implimentati permezz ta’ ġestjoni konġunta mal-UNDP,
it-tiġdid tas-suq l-antik fil-parti tat-tramuntana tal-belt iffortifikata
ta’ Nikosija tlesta kmieni fl-2012 u s-suq infetaħ mill-Kummissarju Füle
f’Ġunju. Sabiex dan il-post storiku jingħata ħajja ġdida,
ġew implimentati għotjiet żgħar, permezz tal-UNDP,
għal attivitajiet kulturali u komunitarji. F’Diċembru saret
is-sejħa għat-tieni għotja, immirata lejn is-suq f’Famagusta u
Nikosija kif ukoll lejn dawk l-irħula fejn kienu twettqu rinnovazzjonijiet
iffinanzjati mill-UE. Fis-settur tal-edukazzjoni, sejħa ta'
EUR 700 000: F'Settembru tnedew inizjattivi għall-iskejjel
għall-innovazzjoni u l-bidla. Sebgħa mit-72 għotja mogħtija
taħt sejħiet preċedenti komplew fl-2012 u fi tmiem is-sena,
ħamsa minn dawn kienu waslu biex jintemmu. Il-programm ta’ assistenza teknika li
jiżvilupp t-taħriġ vokazzjonali edukattiv u s-suq
tax-xogħol (VETLAM) tlesta matul l-2012 u sar studju biex jiġu
vvalutati l-ħtiġijiet futuri f’dawn l-oqsma. B'appoġġ għall-kompetittività
tal-SMEs, f'Ġunju tnediet skema ta’ għotja ta’ EUR 5 miljun
bħala għajnuna fil-modernizzazzjoni tal-SMEs, b’parti minnha
ddedikata għal kumpaniji ġodda. Saru sessjonijiet ta’
taħriġ dwar il-proċeduri għall-għotjiet tal-UE lil
aktar minn 300 intrapriża Turko-Ċiprijotta. Ingħatat ukoll
għajnuna rigward l-intraprenditorija, l-ICT, il-liġi tal-kumpaniji u
l-ġestjoni tan-negozju. Ġiet stabbilita Unità
għall-Amministrazzjoni tal-Proġetti (UAP) biex jingħata
appoġġ lil benefiċjarji kemm ta' għotjiet għall-SMEs
kif ukoll ta' għotjiet għall-iżvilupp rurali (ara hawn fuq).
L-inizjattivi tas-swieq fiċ-ċentri tal-ibliet ta' Nikosija u ta'
Famagusta bdew jippromwovu l-prodotti u s-servizzi lokali b’approċċi
moderni ta' kummerċjalizzazzjoni. Sar xogħol ta’ żvilupp fejn
jidħlu strateġiji ta' kummerċ u ta' servizzi elettroniċi u
sar workshop f’Diċembru dwar il-possibbiltà ta’ appoġġ futur
tal-UE għall-istrateġija għall-iżvilupp tas-settur privat. Il-progress ekonomiku jiġi mmonitorjat
permezz ta’ Fond Fiduċjarju mal-Bank Dinji. F'Ġunju ġie
ppubblikat rapport ta’ aġġornament ekonomiku. 4.2.3. Objettiv 3: It-Trawwim
tar-rikonċiljazzjoni, miżuri ta’ tisħiħ tal-fiduċja, u
l-appoġġ lis-soċjetà ċivili Kompla jingħata appoġġ lill-Kumitat
dwar persuni nieqsa, amministrat b’mod konġunt mal-UNDP, u ġie
ffirmat Ftehim ta' Kontribuzzjoni ġdid. Matul l-2012 il-UNDP ffirma
kuntratt mal-Kumitat Internazzjonali dwar Persuni Neqsin (ICMP) għal
analiżi tad-DNA fil-faċilitajiet tal-ICMP fil-Bożnja u
Ħerzegovina. Il-kisbiet tal-ICMP fl-2012 jinkludu: skavi fi 92 sit, 284
sett ta’ fdalijiet ippreparati mil-laboratorju antropoloġiku u
mibgħuta għal analiżi tad-DNA, 22 sett ta' fdalijiet ġew
identifikati u 22 sett ġew irritornati lill-familji tagħhom,
għad-difna. Ikun importanti li jiżdied il-kontribut minn donaturi
oħrajn. Il-viżibbiltà tal-programmi
issaħħet permezz tad-distribuzzjoni ta’ fuljett lill-iskejjel u ta'
żjara f'Ċipru organizzata min-NU ta’ membri tal-familji ta’ persuni
nieqsa waqt il-kunflitti fil-Kosovo[6]
u s-Serbja. F'Diċembru ttellgħet manifestazzjoni ta' mużika live
mill-Kumitat għal Persuni Nieqsa (CMP), li għaliha attendew familji
ta’ persuni nieqsa. Mis-27 proġett li jifdal iffinanzjati
taħt tliet skemi ta’ għotja tal-programm "Is-Soċjetà
Ċivili Ċiprijotta fl-Azzjoni", 23 tlestew fl-2012.
F'Diċembru tnediet valutazzjoni tal-impatt tal-appoġġ
għas-soċjetà ċivili. Il-protezzjoni
tal-patrimonju kulturali kompla permezz ta’ Ftehim ta'
Kontribuzzjoni ta’ EUR 2 miljun iffirmat mal-UNDP f’April għal
stabbilizzazzjoni ta’ emerġenza f'siti magħżulin mill-kumitat
tekniku bikomunali, inkluż it-Torri Othello f’Famagusta. Il-proġett
ittardja bi tmien xhur minħabba bojkott mill-Għaqda tal-Kuntratturi
tal-KTĊ minħabba l-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni
tad-disputi. Din il-problema ġiet solvuta definittivament kmieni fl-2013. Tlesta l-proġett għat-tneħħija
tal-mini fiż-żona ta’ lqugħ u f'Marzu ġie organizzat
avveniment, flimkien mal-UNDP, li jfakkar tmiem dan il-proġett, biex
jitfakkar il-Jum Dinji tat-Tneħħija ta’ Mini (fl-4 ta’ April). 4.2.4. Objettiv 4: Il-Komunità
Turko-Ċiprijotta titqarreb lejn l-UE Wara ħames skemi annwali ta’ boroż ta’
studju, saret evalwazzjoni fl-2012. Il-programm 2012-13 kien skema pilota, li
adottat numru ta’ proposti mill-evalwazzjoni, u ngħataw 28 borża ta’
studju. Se jitwettqu rakkomandazzjonijiet oħra, inkluż
it-twessigħ tal-iskema lill-professjonisti barra mill-oqsma
akkademiċi kif ukoll l-għoti lil terzi tal-ġestjoni
tal-għotjiet. Il-proġett InfoPoint kompla bir-rwol
tiegħu bħala mezz ta’ informazzjoni lill-KTĊ, bit-tħejjija
ta' avvenimenti, filmati u l-għoti ta' informazzjoni dwar sejħiet
għall-għotjiet. Inżammet il-websajt b'żewġ lingwi,
spiss ikkonsultata, u ġew ippubblikati sitt bulettini tal-aħbarijiet
bit-Tork. 4.2.5. Objettiv 5:
It-tħejjija biex il-komunità Turko-Ċiprijotta tkun tista'
ddaħħal u timplimenta l-acquis L-istrument tal-Kummissjoni għall-Assistenza
Teknika u Skambju ta' Informazzjoni (TAIEX) jgħin biex il-KTĊ
titħejja għall-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE wara li tkun
ġiet solvuta l-problema ta' Ċipru. It-TAIEX jappoġġa
t-tħejjija ta' abbozzi legali konformi mal-acquis. Esperti tal-UE wettqu
415 azzjoni fl-2012, inkluż korsijiet ta' taħriġ,
workshops, u żjarat ta’ studju. Matul l-2012 kien hemm progress batut
ħafna fl-abbozzar ta' testi legali immirati lejn l-allinjament mal-acquis,
għalkemm ġew adottati testi legali dwar l-ambjent, is-saħħa
tal-annimali u l-użu taċ-ċintorin ta' sigurtà Saret ukoll
ħidma preliminari fejn jidħol il-Moviment Liberu tal-Merkanzija,
id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali u r-Rikonoxximent Reċiproku ta’
Kwalifiki Professjonali. L-appoġġ għall-kummerċ
min-naħa għall-oħra tal-Linja l-Ħadra (ir-Regolament
866/2004) kompla. L-esperti mill-Istati Membri tal-UE wettqu spezzjonijiet
fitosanitarji regolari tal-patata u l-prodotti taċ-ċitru.
L-analiżi tal-għasel lokali wera li l-kundizzjonijiet
tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/330 (il-moviment tal-prodotti
tal-annimali) ġew sodisfatti, biex b'hekk infetħet il-possibilità li
jsir kummerċ tal-għasel skont ir-Regolament dwar il-Linja l-Ħadra. 4.3. Eżekuzzjoni finanzjarja
(kuntratti u pagamenti) 4.3.1. Għoti ta' kuntratti L-impenji fl-2012 (EUR 14.6 miljun)
kienu 85 % taċ-ċifra prevista. Il-mira ma setgħetx
tintlaħaq minħabba dewmien fit-tnedija ta’ sejħiet
għall-għotja. 4.3.2. Pagamenti Fl-2012, il-pagamenti kienu ta'
EUR 25,2 miljun, 69 % tal-ammont imbassar. L-iżbilanċ
kien kważi kollu kemm hu dovut għal nuqqas f’pagamenti għal
kuntratti ta’ xogħlijiet u ta’ forniment mill-programm tal-2006.
Il-pagament ta' 40 % dovut fuq l-aċċettazzjoni finali
tas-sistema ta' telekomunikazzjoni ta' EUR 10 miljun ġie pospost
għal wara l-2012 minħabba problemi ta’ ttestjar. 4.4. Monitoraġġ Peress li l-Kummissjoni taġixxi bħala
awtorità kontraenti, il-livell ta’ superviżjoni mill-persunal
tal-Kummissjoni huwa għoli, bi żjarat fuq il-post, laqgħat fuq
il-post, kumitati ta' treġija u rappurtaġġ fil-livell ta' unità
ta' tmexxija tal-proġett (PMU). Barra minn hekk, il-Mekkaniżmu ta'
Reviżjoni tal-Implimentazzjoni (IRM) jipprovdi reviżjoni ddettaljata
flimkien mal-benefiċjarji tal-proġetti kollha. L-attivitajiet
tat-TAIEX huma monitorjati permezz ta' aktar minn 20 Grupp tat-Tmexxija
tal-Proġett, kif ukoll isiru laqgħat biannwali tal-Mekkaniżmu
ta' Monitoraġġ. Il-loġistika tat-TAIEX hija monitorjata permezz
tas-Sistema onlajn għall-Ġestjoni tat-TAIEX. Il-kapaċità baxxa tal-benefiċjarji
tal-għotjiet tikkawża diffikultajiet fl-implimentazzjoni,
pereżempju mal-proċeduri tal-akkwist tal-UE bl-użu tal-fondi
tal-għotja. Biex tindirizza din il-problema, il-PMU, stabbilita fl-2008
biex tassisti l-proġetti ta' żvilupp rurali, ġiet estiża
għas-settur tal-għotjiet għall-SMEs fl-2012. 4.5. Awditjar u kontrolli Bejn l-2010 u l-2012, sar monitoraġġ
finanzjarju fuq 96 benefiċjarju tal-għotjiet u sar 16-il proċess
ta' awditjar. Il-problemi ġew iċċarat każ b’każ.
Is-sejbiet dwar kuntratti ta’ għotjiet kienu jinkludu osservazzjonijiet
dwar il-kontabilità, l-akkwisti, ir-regola tal-oriġini, il-ġestjoni
tal-baġit u l-VAT. Dan se jiġi indirizzat f'sejħiet għal
għotjiet li se jsiru fil-futur permezz ta' taħriġ estiż kif
ukoll ta' superviżjoni fuq min jieħu l-għotja. Il-kapaċità
tal-awditjar intern tad-DĠ ELARG wettqet eżerċizzju ta' awditjar
dwar l-Amministrazzjoni Konġunta biex jiġu vvalutati s-sistemi ta’
kontroll intern tad-DĠ. Ir-rapport mistenni joħroġ fl-2013. Il-Kummissjoni introduċiet titjib
fl-implimentazzjoni tal-programm wara r-rakkomandazzjonijiet tal-QEA. Hija
għamlet ukoll proposti fil-kuntest tal-qafas finanzjarju pluriennali (MFF)
għat-titjib tas-sostenibbiltà billi tiżdied il-prevedibilità
tal-finanzjament. 4.6. Evalwazzjoni Fl-2012 saru erba’ evalwazzjonijiet fil-livell ta'
settur/tal-ħtiġijiet fuq: 1) il-boroż ta' studju, b'konferma
tal-apprezzament mill-benefiċjarji u rakkomandazzjoni li l-iskema
titwessa'; 2) l-ilma/ilma tad-drenaġġ, bl-għoti ta' lista
ċara ta' prijoritajiet; 3) it-taħriġ vokazzjonali/tagħlim
tul il-ħajja, b'rakkomandazzjoni ta' eżeċizzju ta' segwitu
għas-servizzi ta' gwida għall-karriera u tal-impjiegi; 4) l-iskart
solidu, l-identifikazzjoni ta' nuqqasijiet fejn jidħol ir-riċiklar
jew l-ikkompostjar, il-ħtieġa li jingħalqu l-miżbliet qodma
u għal trattament aħjar tal-iskart mediku. Tnediet ukoll evalwazzjoni
ġenerali tal-programm, li għandha titlesta fl-2013.
L-evalwazzjonijiet fl-oqsma tal-edukazzjoni u tas-soċjetà ċivili
ġew ikkuntrattati f’Diċembru. 4.7. L-Informazzjoni,
il-Pubbliċità u l-Viżibilità Kien hemm 86 azzjoni ta' viżibilità fl-2012,
għadd konsiderevolment akbar mill-2011, inklużi ħafna
avvenimenti marbuta ma’ proġetti kif ukoll attivitajiet ta' informazzjoni
jew ta’ netwerking organizzati mill-InfoPoint. Ittella' avveniment
fl-okkażjoni ta' Jum l-Ewropa fil-Bedestan, li ġie restawrat mill-UE,
kif ukoll ittella' avveniment mużikali CMP. Kien hemm wirjiet ta' arti u
fotografija, avvenimenti u trasferimenti ta' proġett, flimkien ma’
sessjonijiet ta’ informazzjoni dwar għotjiet. Tħejja fuljett dwar
il-kisbiet ewlenin taħt il-programm ta’ għajnuna[7]. Ir-Rappreżentanza
tal-Kummissjoni f'Ċipru qassmet stqarrijiet għall-istampa dwar
il-Programm ta' Għajnuna għall-KTĊ. 4.8. Konsultazzjonijiet mal-Gvern
tar-Repubblika ta’ Ċipru Saru laqgħat regolari mar-rappreżentanti
tal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru, b’mod partikolari meta uffiċjali
għolja tal-Kummissjoni żaru l-gżira. Il-Kummissjoni tkompli
tiddependi fuq il-kooperazzjoni tiegħu għal verifika ta' drittijiet tal-proprjetà,
u tiltaqa’ wkoll regolarment mar-Rappreżentanza Permanenti fi Brussell. 5. Konklużjonijiet Il-programm, li l-implimentazzjoni tiegħu
bdiet effettivament fil-prattika fl-2009, ġab miegħu xi
benefiċċji viżibbli lill-KTĊ matul l-2012, notevolment
b'kontribuzzjonijiet kbar għal ġestjoni tal-ilma
tad-drenaġġ u tal-iskart solidu. Jeħtieġ li jsiru aktar
sforzi, madankollu, sabiex ikun jista' jsir progress f’oqsma ambjentali
oħra, b’mod partikolari fejn jidħol il-ħarsien tan-natura, u
speċjalment fir-rigward ta’ siti potenzjali tan-Natura 2000. Huwa importanti li
jintwera li l-UE tista’ tforni assistenza effettiva kif ukoll messaġġ
pożittiv. Issa huwa f’idejn il-KTĊ biex tiżgura s-sostenibbiltà ta’
proġetti li ġew konsenjati u li taċċellera
l-implimentazzjoni tal-għajnuna. Huwa diffiċli li jinkiseb progress lejn
l-ilħuq tal-objettiv ewlieni tar-Regolament li titħaffef
ir-riunifikazzjoni ta’ Ċipru bl-inkoraġġiment tal-iżvilupp
ekonomiku, minħabba l-kuntest li jeżisti fit-Tramuntana
tal-gżira. Sabiex jitħarsu l-interessi finanzjarji
tal-UE, il-Kummissjoni mhix se tiffirma kuntratti li jkunu jinħtieġu
garanziji bankarji sakemm tiġi żgurata ċ-ċertezza legali. It-tħejjija għall-adozzjoni u
l-implimentazzjoni futura tal-acquis naqqset ir-ritmu fl-2012. Il-KTĊ
teħtieġ appoġġ kunsiderevoli sabiex tlaħħaq
mar-rekwiżiti tal-acquis f’ħafna oqsma wara li tinsab soluzzjoni u
sseħħ ir-riunifikazzjoni. In-nuqqas ta’ riżorsi, l-istrutturi
ineffiċjenti u responsabbiltajiet mhux ċari għadhom
kwistjonijiet serji li jridu jiġu indirizzati b’mod urġenti sabiex
tiġi żgurata s-sostenibbiltà ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE.
Il-KTĊ serrħet moħħ il-Kummissjoni li l-assi ffinanzjati
mill-UE ma jkunx suġġetti għall-privatizzazzjoni. Xi partijiet mill-programm ġew stabbiliti
bħala elementi ewlenin li għandhom valur partikolari għall-bini
tal-fiduċja jew biex il-komunità Turko-Ċiprijotta titqarreb lejn
l-UE. Dawn jinkludu appoġġ għas-CMP u għall-Kumitat
tal-Wirt Kulturali u programm ta’ boroż ta’ studju. It-tlestija ta’ ħafna mill-proġetti
tal-programm tal-2006 tikkostitwixxi pass naturali u sar sforz ta' evalwazzjoni
konsiderevoli fl-2012. Il-ippjanar fuq perjodu ta' żmien medju, kif
ukoll għat-tul, jirrappreżenta sfida meta wieħed iqis li
l-allokazzjonijiet annwali mhumiex prevedibbli. Setturi importanti
għall-konformita mal-acquis fil-ġejjieni jeħtieġu sostenn
pluriennali biex l-intervent ikun jista' jirnexxi bis-sħiħ.
Fir-rapport tagħha għall-2012, il-QEA rabtet in-nuqqas ta’
programmazzjoni pluriennali mal-problemi ta’ sostenibilità tal-programmi. [1] ĠU L65, 7.3.2006, p.5. [2] http://eca.europa.eu/portal/page/portal/pressroom/Presspacks/Previouspresspacks/2012/PresspackSR62012 [3] Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni C(2012)4628 u
C(2012)8361. [4] 12526/12 [5] PE497.895v03-00 [6] Din id-deżinjazzjoni għandha tkun bla
ħsara għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi
mal-UNSCR 1244 u l-opinjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar
id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo. [7] http://ec.europa.eu/cyprus/documents/2012/eu_assistance_to_tcc_brochure.pdf