24.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 161/38


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-23 ta’ Ġunju 2009

dwar rekwiżiti ta’ sigurtà li għandhom jiġu sodisfatti mill-istandards Ewropej għal plejers personali tal-mużika skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/490/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (1), u partikolarment l-Artikolu 4(1) (a) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2001/95/KE tistipula li l-istandards Ewropej għandhom jiġu stabbiliti mill-istituzzjonijiet ta’ standardizzazzjoni Ewropej. Standards bħal dawn għandhom jiżguraw li l-prodotti jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ sigurtà ġenerali tad-Direttiva.

(2)

Skont id-Direttiva 2001/95/KE, prodott jitqies mingħajr periklu, sa fejn għandhom x’jaqsmu r-riskji u l-kategoriji ta’ riskji koperti mill-istandards nazzjonali, meta jkun konformi mal-istandards nazzjonali volontarji li jittrasponu l-istandards Ewropej.

(3)

Il-kopertura tas-sigurtà tiddependi fuq it-tip ta’ plejer personali tal-mużika, jew mid-Direttiva 2001/95/KE, mid-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 1999 dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom (2) jew mid-Direttiva 2006/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu fl-ambitu ta’ ċerti limiti tal-voltaġġ (3). Id-Direttiva 2001/95/KE tkopri plejers tal-mużika mobbli mingħajr funzjoni integrata ta’ komunikazzjoni.

(4)

Id-Direttiva 1999/5/KE u d-Direttiva 2006/95/KE jagħmlu referenza għall-Istandard Ewropew Armonizzat EN 60065:2002 “Awdjo, vidjo u apparat elettroniku simili - Rekwiżiti ta’ sigurtà”. Minħabba l-linja ta’ demarkazzjoni xejn ċara li dejjem tiżdied bejn l-elettronika tal-konsumatur u t-tagħmir tat-teknoloġija tal-informatika, dan l-istandard hu maħsub li jiġi inkorporat mal-EN 60950 “Tagħmir tat-teknoloġija tal-informatika – Sigurtà – Parti 1: Rekwiżiti ġenerali” fi standard ġdid EN 62368.

(5)

L-istandards fil-preżent ma jippreskrivu l-ebda limitu massimu ta’ ħsejjes u lanqas jeħtieġu xi ttikkettjar speċifiku fir-rigward ta’ emissjonijiet ta’ ħsejjes iżda jitolbu li jkun hemm dikjarazzjoni fil-manwal tal-istruzzjonijiet biex twissi dwar l-effetti negattivi ta’ espożizzjoni għal livell ta’ ħsejjes eċċessivi.

(6)

Il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji tas-Saħħa Emerġenti u Identifikati Ġodda (SCENIHR) biex jevalwa r-riskji potenzjali ta’ ħsara lis-saħħa kkawżati minn plejers personali tal-mużika u mowbajls li għandhom funzjoni li ddoqq il-mużika, minħabba l-użu mifrux tagħhom u n-numru dejjem jiżdied ta’ nies li huma esposti kontinwament għal livelli ta’ ħsejjes li jaqbżu l-limiti fuq il-post tax-xogħol (80 deċibel). SCENIHR ikkonkluda fl-Opinjoni tiegħu (4) li s-semmiegħa qegħdin f’riskju ta’ problemi kemm tas-smigħ u kemm ta’ nuqqas ta’ smigħ. B’mod partikolari, is-semmiegħa qegħdin f’riskju li jitilfu s-smigħ jekk jużaw plejer personali tal-mużika għal 40 siegħa fil-ġimgħa b’issettjar ta’ volum għoli (li jaqbeż 89 dB(A)) mill-inqas għal ħames snin. Tendenzi ta’ użu bħal dawn issa saru komuni ħafna, speċjalment fost it-tfal u l-adolexxenti.

(7)

Ir-rekwiżit ta’ sigurtà għal plejers personali tal-mużika għandu jitfassal skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2001/95/KE, bl-għan li jitlob lill-korpi ta’ standardizzazzjoni biex jiżviluppaw standard li jipprevjeni r-riskju ta’ ħsara lis-smigħ minn espożizzjoni għal ħsejjes minn dan it-tagħmir, skont il-proċedura stabbilita fid-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għad-dispożizzjoni ta’ tagħrif fil-qasam ta’ standards u regolamenti tekniċi (5). Ir-referenza tal-istandard adottat għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/95/KE. Biex jiġi assigurat approċċ komprensiv u armonizzat li jkopri s-sigurtà tal-plejers kollha tal-mużika, inklużi mowbajls li għandhom funzjoni li ddoqq il-mużika, għandha titressaq talba lill-korpi ta’ standardizzazzjoni flimkien taħt id-Direttiva 2001/95/KE, id-Direttiva 1999/5/KE u d-Direttiva 2006/95/KE.

(8)

Ladarba l-istandard ikun disponibbli, u sakemm il-Kummissjoni tiddeċiedi li tippubblika r-referenza tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali, plejers personali tal-mużika ddisinjati u mmanifatturati f’konformità mal-istandard se jitqiesu li jikkonformaw mar-rekwiżit ġenerali ta’ sigurtà tad-Direttiva 2001/95/KE, safejn għandu x’jaqsam ir-rekwiżit ta’ sigurtà kopert mill-istandard.

(9)

Din id-Deċiżjoni hija skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2001/95/KE,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Għan

L-għan ta’ din id-Deċiżjoni hu li tistabbilixxi r-rekwiżit ta’ sigurtà li abbażi tiegħu l-Kummissjoni għandha titlob lill-korpi rilevanti ta’ standardizzazzjoni biex jistabbilixxu standards biex jiżguraw li, f’kondizzjonijiet ta’ użu normali, l-espożizzjoni għal ħsejjes minn plejers personali tal-mużika ma tikkawżax riskju ta’ ħsara lis-smigħ. Ir-rekwiżiti għal plejers personali tal-mużika għandhom iqisu b’mod sħiħ l-Opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji tas-Saħħa Emerġenti u Identifikati Ġodda dwar “Riskji potenzjali għas-saħħa minn espożizzjoni għal ħsejjes minn plejers personali tal-mużika u mowbajls inkluża l-funzjoni li ddoqq il-mużika”.

Artikolu 2

Definizzjoni

Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, “plejer personali tal-mużika” jfisser tagħmir mobbli, li mhux kopert mid-Direttiva 1999/5/KE jew mid-Direttiva 2006/95/KE, b’headphones jew earphones, li jintuża għas-smigħ ta’ ħsejjes irrekordjati, iġġenerati jew imxandra.

Artikolu 3

Rekwiżiti

1.   Għall-fini tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2001/95/KE, ir-rekwiżit ta’ sigurtà għal plejers personali tal-mużika għandu jkun dan li ġej:

Plejers personali tal-mużika għandhom ikunu ddisinjati u mmanifatturati b’mod li jiżgura li, skont il-kondizzjonijiet ta’ użu previsti b’mod raġonevoli, mhumiex perikolużi b’mod inerenti u ma jikkaġunawx ħsara lis-smigħ.

2.   Dan ir-rekwiżit stipulat fil-paragrafu 1 għandu jinkludi b’mod partikolari dan li ġej:

(1)

L-espożizzjoni għal livelli tal-ħsejjes għandha tkun limitata biex tevita l-ħsara lis-smigħ. It-tul ta’ ħin ta’ espożizzjoni ta’ 80 dB(A) għandu jkun limitat għal 40 siegħa fil-ġimgħa, filwaqt li t-tul ta’ ħin ta’ espożizzjoni ta’ 89 dB(A) għandu jkun limitat għal 5 sigħat fil-ġimgħa. Għal livelli ta’ espożizzjoni oħrajn tapplika intrapolazzjoni u estrapolazzjoni lineari. Wieħed għandu jqis il-firxa dinamika ta’ ħsejjes u l-użu previst b’mod raġonevoli tal-prodotti;

(2)

Plejers personali tal-mużika għandhom jipprovdu twissijiet adegwati dwar ir-riskji involuti fl-użu tat-tagħmir u l-mod ta’ kif wieħed għandu jevita dawn ir-riskji u tagħrif lill-utenti f’każijiet meta l-espożizzjoni tikkaġuna riskju ta’ ħsara lis-smigħ.

Magħmula fi Brussell, 23 ta’ Ġunju 2009.

Għall-Kummissjoni

Meglena KUNEVA

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4;

(2)   ĠU L 91, 7.4.1999, p. 10;

(3)   ĠU L 374, 27.12.2006, p. 10.

(4)  Opinjoni tat-13 ta’ Ottubru 2008 disponibbli għall-pubbliku fi: http://ec.europa.eu/health/ph_risk/committees/04_scenihr/docs/scenihr_o_018.pdf.

(5)   ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37;