|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2024/378 |
29.1.2024 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/378
tal-25 ta’ Jannar 2024
li taċċetta talba mressqa minn Spanja skont l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/919, għal 58 vettura Stadler E6000
(notifikata bid-dokument C(2024) 388)
(It-test bl-Ispanjol biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(4) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Fit-28 ta’ Ġunju 2023 Spanja ressqet talba lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva (UE) 2016/797, biex ma tapplikax temporanjament il-punt 7.4.2.1(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/919 (2) għal 58 vettura. Dan il-punt jeħtieġ l-installazzjoni tal-linja bażi 3 tal-ETCS abbord kwalunkwe vettura ġdida |
|
(2) |
It-talba tikkonċerna 58 vettura ġdida Stadler E6000 mixtrija mill-impriżi ferrovjarji li ġejjin: Renfe Mercancias (12-il lokomottiva), Alpha Trains (30 lokomottiva) u Medway (16-il lokomottiva), elenkati rispettivament fl-Anness I. |
|
(3) |
It-talba tressqet abbażi tal-punt (c) tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797 dwar in-nuqqas ta’ vijabbiltà ekonomika għat-tqegħid fis-servizz qabel il-31 ta’ Diċembru 2028 ta’ vetturi kompletament mgħammra bl-ETCS (Linja bażi 3) kif stabbilit fil-punt 7.4.2.1 tar-Regolament (UE) 2016/919. |
|
(4) |
Wara s-sottomissjoni tat-talba, ir-Regolament (UE) 2016/919 tħassar bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1695 (3). Fis-sustanza, ir-rekwiżit li tiġi installata l-ETCS (Linja Bażi 3) stabbilit fil-punt 7.4.2.1 tal-Anness tar-Regolament (UE) 2016/919 ġie inkluż fil-punt 7.4.2.1 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1695. Għalhekk, it-talba oriġinali jenħtieġ li titqies bħala talba ta’ nonapplikazzjoni temporanja tal-punt 7.4.2.1 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1695. |
|
(5) |
It-58 vettura ġdida Stadler E6000 se joperaw fin-network Spanjol, li jkopri l-linja L084/984, li fiha tinsab is-sezzjoni muntanjuża Puerto de Pajares. Dawn il-lokomottivi l-ġodda għandhom kapaċità għolja ta’ trazzjoni biex jiġbdu ferroviji twal, il-kapaċità li jiffunzjonaw f’tensjonijiet elettriċi differenti (3 kV/25 kV) meħtieġa minħabba l-kundizzjonijiet tan-network u l-possibbiltà li jiġu kkonfigurati kemm b’gauges tal-binarji ta’ 1668 (Iberiku) kif ukoll ta’ 1435 (UE). |
|
(6) |
Skont il-punt 7.4.2.2 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1695, il-vetturi eżistenti jenħtieġ li jkunu mgħammra b’ETCS. Madankollu, il-vetturi Stadler E6000 ma għandhomx tagħmir ETCS/ERTMS installat abbord. Għalhekk, matul il-proċess tal-awtorizzazzjoni tat-tip ta’ vettura (numru 1-075-0005-8-001-001), l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea stabbiliet restrizzjonijiet speċifiċi tal-użu. Abbażi ta’ dawk ir-restrizzjonijiet, bħalissa dawk il-lokomotivi ma jistgħux jitħaddmu fuq linji mgħammra b’sistema ta’ sinjalar tal-klassi A (ETCS/ERTMS), fil-kurituri definiti fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/6 (4) u fil-linji li jiżguraw il-konnessjonijiet mal-portijiet, mal-marshalling yards, mat-terminals tal-merkanzija u maż-żoni tat-trasport tal-merkanzija Ewropej ewlenin definiti fl-Artikolu 2.1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/6. |
|
(7) |
Fin-network Spanjol tal-gauge Iberiku ddedikat fil-biċċa l-kbira għall-merkanzija, kważi ma hemm l-ebda linja mgħammra bl-ERTMS. Fost dawn, is-sezzjoni ta’ Puerto de Pajares li nbniet reċentement ta’ linja b’żewġ binarji (L084/984) tikkostitwixxi “gżira żgħira” tal-ERTMS ta’ 50 km mgħammra b’ERTMS tal-Livell 2 (Linja bażi 2.3.0-D) kif ukoll b’sistema ASFA tal-Klassi B. Il-ferroviji tal-merkanzija issa huma mistennija jużaw dik il-bypass, li tiżgura ffrankar sinifikanti fil-konsum tal-enerġija, distanza iqsar, inqas impatt ambjentali negattiv, u operazzjonijiet b’veloċitajiet ogħla u b’aktar kapaċità, meta mqabbla mal-linja unika antika preċedenti (L130). |
|
(8) |
Minħabba n-nuqqas tat-tagħmir rilevanti tal-ETCS/ERTMS abbord, il-vetturi Stadler E6000 li huma s-suġġett ta’ din it-talba bħalissa ma jistgħux joperaw fuq dik il-linja. Il-modifika retroattiva ta’ dawk il-vetturi biex tiġi installata ERTMS abbord, tikkomprometti l-vijabbiltà tal-proġett minħabba l-ispejjeż addizzjonali relatati mad-dewmien mistenni ta’ diversi xhur fil-bidu tal-operat u n-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-lokomottivi. Barra minn hekk, f’dan l-istadju, il-modifika retroattiva ġġib magħha benefiċċji limitati minħabba t-tul limitat tal-binarju fejn tista’ tintuża l-ERTMS u l-kumplessità u l-ispejjeż addizzjonali tal-użu ta’ żewġ sistemi ta’ sinjalar abbord. Il-pjan ta’ implimentazzjoni nazzjonali Spanjol għall-iżvilupp tal-ERTMS jipprevedi l-installazzjoni tal-ERTMS tal-Livell 2 (Linja bażi 3) sal-2030 fis-sezzjonijiet ta’ ħdejn il-50 km tas-sezzjoni Puerto de Pajares (L084/984). |
|
(9) |
Il-manifattur tal-vetturi kkonċernati u s-sidien tagħhom impenjaw ruħhom għal pjan ta’ inġinerija u installazzjoni għall-modifika retroattiva tat-58 vettura bil-livell 2 tal-ETCS (Linja bażi 3) għat-tagħmir abbord, sabiex ikun hemm allinjament mal-introduzzjoni tal-ERTMS maġenb il-binarji tal-Livell 2. L-ippjanar l-aktar reċenti huwa rifless fl-Anness I u jikkonferma l-konsenja sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2025 għall-vetturi li huma proprjetà ta’ Renfe Mercancias, u sal-31 ta’ Diċembru 2028 għall-vetturi li huma proprjetà ta’ Alpha Trains u Medway. |
|
(10) |
L-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni tikkonferma li l-ispeċifikazzjonijiet alternattivi, l-użu tas-sistema Asfa Diġitali tal-klassi B, applikati sakemm isseħħ il-modifika retroattiva jiggarantixxu s-sikurezza u l-interoperabbiltà tal-vetturi fuq dik il-linja. |
|
(11) |
Abbażi tal-konsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(c) u l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva (UE) 2016/797 jenħtieġ li jitqiesu bħala ssodisfati għat-58 vettura kkonċernata. Għalhekk, jenħtieġ li tiġi aċċettata t-talba mressqa minn Spanja biex ma tapplikax ir-Regolament (UE) 2016/919 għal dawk il-vetturi, filwaqt li jittaffa n-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni tal-aħħar billi t-58 vettura kollha jiġu mgħammra bil-Linja bażi 3 tal-ECTS tal-Livell 2 sal-31 ta’ Diċembru 2028. |
|
(12) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 51(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
It-talba ta’ Spanja biex ma tapplikax ir-Regolament (UE) 2016/919 għal 58 vettura E6000 tal-kumpanija Stadler hija aċċettata, kif stabbilit fl-Anness.
Artikolu 2
Spanja għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar l-ippjanar u l-progress fl-aġġornament tal-vetturi sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena. Spanja għandha tikkomunika wkoll lill-Kummissjoni n-numri ta’ referenza tal-vetturi elenkati fl-Anness meta dawn isiru disponibbli.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika fil-limiti ġeografiċi tal-linja L084/984 tan-network ferrovjarju Spanjol.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.
Għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2028.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Jannar 2024.
Għall-Kummissjoni
Adina-Ioana VĂLEAN
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44.
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/919 tas-27 ta’ Mejju 2016 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema tal-“kontroll-kmand u sinjalazzjoni” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 158, 15.6.2016, p. 1).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1695 tal-10 ta’ Awwissu 2023 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema tal-kontroll-kmand u sinjalazzjoni tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea u li jħassar ir-Regolament (UE) 2016/919 (ĠU L 222, 8.9.2023, p. 380).
(4) Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/6 tal-5 ta’ Jannar 2017 dwar il-pjan Ewropew ta' mobilitazzjoni għas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ĠU L 3, 6.1.2017, p. 6).
ANNESS
Lista ta’ vetturi inklużi fid-Deċiżjoni u d-data mistennija biex dawk il-vetturi jiġu modifikati b’mod retroattiv fis-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) abbord.
|
Sid |
Impriża ferrovjarja li se tuża l-vetturi |
Għadd totali ta’ vetturi |
Numru ta’ referenza tal-vetturi awtorizzati |
Numru ta’ referenza previst tal-vetturi fil-proċess ta’ awtorizzazzjoni |
Data prevista għall-installazzjoni tal-ETCS L2 |
|
RENFE MERCANCÍAS |
RENFE MERCANCÍAS |
12 |
91716-256-101-8 91716-256-102-6 91716-256-103-4 91716-256-104-2 91716-256-105-9 91716-256-106-7 91716-256-107-5 91716-256-108-3 91716-256-109-1 91716-256-110-9 |
91716-256-111-7 91716-256-112-5 |
fil-31 ta’ Diċembru 2025. |
|
ALPHA TRAINS |
CAPTRAIN |
30 |
91716-256-001-0 91716-256-002-8 91716-256-003-6 91716-256-006-9 91716-256-007-7 91716-256-008-5 91716-256-013-5 91716-256-014-3 |
|
fit-30 ta’ Ġunju 2028. |
|
CONTINENTAL RAIL |
91716-256-004-4 91716-256-005-1 91716-256-009-3 91716-256-010-1 |
|
fit-30 ta’ Ġunju 2028. |
||
|
MEDWAY |
91716-256-011-9 91716-256-012-7 91716-256-015-0 91716-256-016-8 91716-256-017-6 |
|
fit-30 ta’ Ġunju 2028. |
||
|
Mhux indikata |
numri ta’ referenza li għandhom jiġu pprovduti |
numri ta’ referenza li għandhom jiġu pprovduti |
fit-30 ta’ Ġunju 2028. |
||
|
MEDWAY |
MEDWAY |
16 |
numri ta’ referenza li għandhom jiġu pprovduti |
numri ta’ referenza li għandhom jiġu pprovduti |
fit-30 ta’ Ġunju 2028. |
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/378/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)