|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/3982 |
20.8.2025 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tat-8 ta’ Lulju 2025
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Greċja
(C/2025/3982)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
Kunsiderazzjonijiet ġenerali
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2024/1263, li daħal fis-seħħ fit-30 ta’ April 2024, jispeċifika l-objettivi tal-qafas ta’ governanza ekonomika, li għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli u tkabbir sostenibbli u inklużiv u r-reżiljenza permezz ta’ riformi u investimenti, u li jiġu evitati defiċits eċċessivi tal-gvern. Ir-Regolament jistipula li l-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu sorveljanza multilaterali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew f’konformità mal-objettivi u r-rekwiżiti stipulati fit-TFUE. Is-Semestru Ewropew jinkludi, b’mod partikolari, il-formulazzjoni u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Ir-Regolament jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali tal-politika fiskali u jenfasizza l-fokus tiegħu fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u aktar koerenti. Kull Stat Membru jrid jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li jkun fih l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment tiegħu, fuq perjodu ta’ 4 jew 5 snin, skont it-tul tal-mandat leġiżlattiv nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta (3) f’dawn il-pjanijiet irid ikun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament, inkluż ir-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli ’l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta’ aġġustament, jew li jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG skont it-Trattat, fuq it-terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stipulati fir-Regolament, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn tliet snin. |
|
(2) |
Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (l-“RRF”), daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. L-RRF tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jagħtu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, l-RRF trawwem irkupru ekonomiku u soċjali filwaqt li tmexxi riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari billi tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u billi tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. |
|
(3) |
Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (ir-“Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjoni tal-fjuwils fossili Russi. Dan jgħin biex tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u jiddiversifika l-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija. Il-Greċja żiedet kapitolu ġdid tar-REPowerEU mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li ser jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU. |
|
(4) |
Fis-27 ta’ April 2021, il-Greċja ppreżentat il-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V. Fit-13 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tiegħu li tapprova l-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal Greċja (6), li ġiet emendata fil-qafas tal-Artikolu 18(2) fis-7 ta’ Diċembru 2023 biex tiġi aġġornata l-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU (7). Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 24(5), li tiddikjara li l-Greċja tkun laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stipulati fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jirrikjedi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti għall-istess riforma jew investiment ma tkunx treġġgħet lura. |
|
(5) |
Fil-21 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Greċja (8). Il-pjan li ġie ppreżentat f’konformità mal-Artikolu 11 u l-Artikolu 36(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/1263, ikopri l-perjodu mill-2025 sal-2028 u jippreżenta aġġustament fiskali mifrux fuq erba’ snin. |
|
(6) |
Fis-26 ta’ Novembru 2024, il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tal-2025 tal-Greċja. Fl-istess jum, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2025, li fih identifikat lill-Greċja bħala wieħed mill-Istati Membri li għalih kien meħtieġ rieżami fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2025, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (9) fit-13 ta’ Mejju 2025 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fl-10 ta’ Marzu 2025. |
|
(7) |
Fid-29 ta’ Jannar 2025, il-Kummissjoni ppubblikat il-Boxxla għall-Kompetittività, qafas strateġiku li għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività globali tal-UE matul il-ħames snin li ġejjin. Hija tidentifika t-tliet imperattivi trasformattivi ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli: (i) l-innovazzjoni; (ii) id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività; u (iii) is-sigurtà. Biex tnaqqas id-diskrepanza fl-innovazzjoni, l-UE għandha l-għan li trawwem l-innovazzjoni industrijali, tappoġġa t-tkabbir tal-istart-ups permezz ta’ inizjattivi bħall-Istrateġija tal-UE għall-kumpaniji Start-up u Scale-up, u tippromwovi l-adozzjoni ta’ teknoloġiji avvanzati bħall-intelliġenza artifiċjali u l-computing kwantistiku. Biex tintlaħaq il-mira ta’ ekonomija aktar ekoloġika, il-Kummissjoni ħejjiet Pjan ta’ Azzjoni komprensiv dwar l-Enerġija Affordabbli u Patt għal Industrija Nadifa, li jiżguraw li l-bidla lejn enerġija nadifa tibqa’ kosteffettiva, favur il-kompetittività, b’mod partikolari għas-setturi intensivi fl-enerġija, u tkun fattur ewlieni tat-tkabbir. Biex tnaqqas dipendenzi eċċessivi u żżid is-sigurtà, l-Unjoni hija impenjata li ssaħħaħ is-sħubijiet kummerċjali globali, tiddiversifika l-ktajjen tal-provvista u tassigura l-aċċess għall-materja prima kritika u sorsi ta’ enerġija nadifa. Dawn il-prijoritajiet huma sostnuti minn faċilitaturi orizzontali, jiġifieri s-simplifikazzjoni regolatorja, l-approfondiment tas-suq uniku, il-finanzjament tal-kompetittività u Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, il-promozzjoni tal-ħiliet u tax-xogħlijiet ta’ kwalità, u koordinazzjoni aħjar tal-politiki tal-UE. Il-Boxxla għall-Kompetittività hija allinjata mas-Semestru Ewropew, li jiżgura li l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri jkunu konsistenti mal-objettivi strateġiċi tal-Kummissjoni, u li fil-governanza ekonomika jinħoloq approċċ unifikat li jrawwem it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u r-reżiljenza madwar l-Unjoni. |
|
(8) |
Fl-2025, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jiżviluppa biswit l-implimentazzjoni tal-RRF. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika fil-qafas tas-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jibqgħu ugwalment rilevanti għall-valutazzjoni ta’ pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza emendati f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241. |
|
(9) |
Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2025 ikopru l-isfidi ewlenin tal-politika ekonomika li mhumiex indirizzati biżżejjed mill-miżuri inklużi fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, filwaqt li jqisu l-isfidi rilevanti identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019-2024. |
|
(10) |
Fl-4 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2025 għall-Greċja. Hija vvalutat il-progress tal-Greċja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti u ħadet kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Greċja. Abbażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika l-aktar sfidi urġenti li qed tiffaċċa l-Greċja. Il-Kummissjoni vvalutat ukoll il-progress li għamlet il-Greċja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni għall-2030 dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali, kif ukoll il-progress biex jinkisbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. |
|
(11) |
Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għall-Greċja. Is-sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-vulnerabbiltajiet makroekonomiċi għall-Greċja għall-finijiet ta’ dak ir-Regolament ġew ippubblikati fit-13 ta’ Mejju 2025 (10). Fl-4 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Greċja qiegħda tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, il-Greċja qed tiffaċċa vulnerabbiltajiet relatati ma’ dejn għoli tal-gvern u estern, self li ma jrendix, u qgħad, li qed ikomplu jonqsu, filwaqt li d-defiċit fil-kontijiet kurrenti għadu għoli. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG reġa’ naqas sostanzjalment fl-2024, iżda minkejja tnaqqis sostnut għadu l-ogħla fl-UE. Is-surpluses baġitarji flimkien mat-tkabbir tal-PDG huma mistennija li jiżguraw tnaqqis kontinwu tad-dejn. Id-defiċit tal-kontijiet kurrenti żdied marġinalment fl-2024, ferm ogħla mil-livell tiegħu ta’ qabel il-pandemija, u huwa mistenni li jibqa’ l-istess f’livelli għoljin kemm din is-sena kif ukoll is-sena d-dieħla. Il-pożizzjoni ta’ investiment internazzjonali netta tjiebet aktar fl-2024, għalkemm tibqa’ l-aktar waħda negattiva fl-UE, u mhijiex mistennija li tkompli titjieb sostanzjalment minħabba d-defiċits kbar fil-kontijiet kurrenti u l-effetti ta’ kontrazzjoni tad-denominatur. Is-suq tax-xogħol qed ikompli jitjieb; ir-rata tal-qgħad qed tonqos b’mod sinifikanti (mill-ogħla livell ta’ 27,8 % fl-2013 għal 10,1 % fl-2024) iżda għadha għolja. L-istokk ta’ self improduttiv fil-karti bilanċjali tal-banek kompla jonqos fl-2024, iżda l-immaniġġjar ta’ self li ma jrendix miżmum mis-servizzjanti baqa’ kajman, u kompla jitfa’ piż fuq il-karti bilanċjali korporattivi u tal-unitajiet domestiċi. Il-Greċja għamlet progress qawwi fil-politika fejn jidħol l-indirizzar tal-vulnerabbiltajiet tagħha. Fl-2024, ittieħdu miżuri biex jittejjeb il-ġbir tat-taxxa u biex jiġi appoġġat aktar l-infurzar ta’ self ta’ legat li ma jrendix. Inkiseb progress fis-settur ġudizzjarju wkoll. Is-sostenn tal-momentum tar-riforma fi ħdan l-RRP u lil hinn minnu jibqa’ kruċjali biex jiġu indirizzati d-dgħufijiet strutturali tal-ekonomija, filwaqt li ż-żieda fil-produttività hija kruċjali biex issaħħaħ il-prospetti ta’ tkabbir fit-tul, li tiffaċilita t-tneħħija tal-iżbilanċi. |
Valutazzjoni tar-Rapport ta’ Progress Annwali
|
(12) |
Fil-21 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill irrakkomanda r-rati massimi ta’ tkabbir li ġejjin rigward in-nefqa netta għall-Greċja: 3,7 % fl-2025, 3,6 % fl-2026, 3,1 % fl-2027, u 3,0 % fl-2028, li jikkorrispondu mar-rati ta’ tkabbir kumulattivi massimi kkalkulati b’referenza għall-2023 ta’ 6,5 % fl-2025, 10,3 % fl-2026, 13,7 % fl-2027, u 17,1 % fl-2028. Fit-30 ta’ April 2025, il-Greċja ppreżentat ir-Rapport ta’ Progress Annwali (11) tagħha, dwar l-aderenza mar-rati massimi ta’ tkabbir rakkomandati tan-nefqa netta u l-implimentazzjoni ta’ riformi u ta’ investimenti li jieħu azzjoni fir-rigward tal-isfidi ewlenin identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew. Ir-Rapport ta’ Progress Annwali jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Greċja dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241. |
|
(13) |
Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni rrakkomandat li tattiva l-klawżola liberatorja nazzjonali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir b’mod koordinat biex tappoġġa l-isforzi tal-UE ħalli tikseb żieda rapida u sinifikanti fl-infiq għad-difiża. Din il-proposta ntlaqgħet pożittivament mill-Kunsill Ewropew tas-6 ta’ Marzu 2025. Wara t-talba tal-Greċja fid-29 ta’ April 2025, fi [data; ĠU: daħħal hawn it-8 ta’ Lulju 2025 bħala data] il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni li tippermetti lill-Greċja tiddevja mir-rati massimi ta’ tkabbir rakkomandati tan-nefqa netta, u taqbiżhom (12). |
|
(14) |
Abbażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat (13), il-bilanċ tal-gvern estiż tal-Greċja żdied minn defiċit ta’ 1,4 % tal-PDG fl-2023 għal surplus ta’ 1,3 % fl-2024, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 163,9 % tal-PDG fi tmiem l-2023 għal 153,6 % fi tmiem l-2024. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal rata ta’ tkabbir tan-nefqa netta ta’ -0,3 % fl-2024. Fir-rapport Annwali ta’ Progress tal-2025, il-Greċja tistima li t-tkabbir tan-nefqa netta fl-2024 huwa wkoll ta’ -0,3 %. Fuq il-bażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (14), li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll tal-UE, kienet restrittiva, bi 1,5 % tal-PDG fl-2024. |
|
(15) |
Skont ir-Rapport ta’ Progress Annwali, ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji mill-Greċja jistenna tkabbir tal-PDG reali ta’ 2,3 % fl-2025, filwaqt li l-inflazzjoni tal-HICP mistennija tkun ta’ 2,4 % fl-2025. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta tkabbir tal-PDG reali ta’ 2,3 % fl-2025 u ta’ 2,2 % fl-2026, u l-inflazzjoni tal-HICP hija projettata li tkun 2,8 % fl-2025 u 2,3 % fl-2026. |
|
(16) |
Fir-Rapport ta’ Progress Annwali, is-surplus tal-gvern estiż mistenni li jonqos għal 0,1 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jonqos għal 145,7 % sa tmiem l-2025. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir tan-nefqa netta ta’ 4,5 % fl-2025. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta surplus tal-gvern estiż ta’ 0,7 % tal-PDG għall-2025. It-tnaqqis tas-surplus fl-2025 jirrifletti prinċipalment it-tnaqqis ippjanat ta’ punt perċentwali wieħed fir-rata tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali u ż-żieda fil-pagi tas-settur pubbliku kif ukoll il-pakkett il-ġdid ta’ miżuri, b’valur ta’ 0,5 % tal-PDG, imħabbra wara l-pubblikazzjoni tal-eżitu fiskali tal-2024, inkluża rifużjoni ta’ xahar kera għall-kerrejja soġġetta għal limitu ta’ introjtu, benefiċċju soċjali permanenti għall-persuni vulnerabbli u żieda annwali ta’ EUR 500 miljun fil-baġit nazzjonali għall-investiment. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta’ 4,2 % fl-2025. Id-differenza bejn il-bilanċ tal-gvern estiż projettata mill-Kummissjoni u mill-Greċja tista’ tiġi attribwita għal kontribuzzjonijiet ogħla tas-sigurtà soċjali u nfiq aktar baxx fuq il-pagi, il-pensjonijiet, u l-benefiċċji tal-assistenza soċjali projettati fit-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni. Dan jirrifletti l-inkorporazzjoni kemm tal-prestazzjoni żejda fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali kif ukoll tan-nuqqas ta’ nfiq osservat fis-snin preċedenti fit-tbassir ta’ din is-sena. Dawn l-effetti huma parzjalment ikkumpensati bid-dħul aktar baxx mit-taxxa diretta projettati wkoll fit-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni. Fuq il-bażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE, hija projettata li tkun espansjonarja, b’0,8 % tal-PDG, fl-2025. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG mistenni jonqos għal 146,6 % sa tmiem l-2025. It-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2025 jirrifletti prinċipalment it-tkabbir tal-PDG nominali kif ukoll is-surplus baġitarju projettat. |
|
(17) |
In-nefqa tal-gvern estiż li tammonta għal 1,7 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2025, apparagun ta’ 1,0 % tal-PDG fl-2024, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mill-appoġġ mhux ripagabbli tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ u d-dejn tal-gvern estiż tal-Greċja. |
|
(18) |
In-nefqa fid-difiża tal-gvern estiż fil-Greċja kienet tammonta għal 2,7 % tal-PDG fl-2021, 2,6 % tal-PDG fl-2022 u 2,2 % tal-PDG fl-2023 (15). Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa fid-difiża hija pprojettata għal 2,4 % tal-PDG kemm fl-2024 kif ukoll fl-2025. Il-Greċja tistma li n-nefqa fid-difiża hija ta’ 2,2 % tal-PDG fl-2024 u ta’ 2,3 % fl-2025. Dan ma jikkorrispondi għall-ebda bidla meta mqabbel mal-2024. Il-perjodu meta tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali (2025–2028) jippermetti lill-Greċja tipprijoritizza mill-ġdid in-nefqa tal-gvern jew iżżid id-dħul tal-gvern sabiex in-nefqa tad-difiża ogħla fit-tul ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju. |
|
(19) |
Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fil-Greċja hija projettata li tikber b’4,2 % fl-2025 u bi 3,9 % b’mod kumulattiv fl-2024 u fl-2025. Fuq il-bażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, it-tkabbir fin-nefqa netta tal-Greċja fl-2025 huwa projettat li jkun ogħla mir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata, li tikkorrispondi għal devjazzjoni (16) ta’ 0,2 % tal-PDG f’termini annwali. Meta jitqiesu l-2024 u l-2025 flimkien, ir-rata ta’ tkabbir kumulattiv tan-nefqa netta hija projettata li tkun taħt ir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata. |
|
(20) |
Ir-Rapport ta’ Progress Annwali ma jinkludix il-projezzjonijiet baġitarji wara l-2025. Fuq il-bażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta surplus tal-gvern estiż ta’ 1,4 % tal-PDG fl-2026. It-tnaqqis tas-surplus fl-2026 jirrifletti prinċipalment it-tkabbir baxx ta-nefqa kurrenti meta mqabbel mat-tkabbir fid-dħul. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir tan-nefqa netta ta’ 3,1 % fl-2026. Abbażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, hija pprojettata li tkun espansjonarja, b’0,8 % tal-PDG, fl-2026. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa pprojettat mill-Kummissjoni li jonqos għal 140,6 % sa tmiem l-2026. It-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2026 jirrifletti prinċipalment it-tkabbir tal-PDG nominali kif ukoll is-surplus baġitarju projettat. |
Sfidi ta’ politika ewlenin
|
(21) |
Twettqu diversi miżuri importanti bħala parti mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza biex jittejbu l-konformità mar-regoli tat-taxxa u l-ġbir tat-taxxa, bħal pereżempju riforma li tgħaqqad ir-reġistri tal-flus kontanti b’terminals fil-punt tal-bejgħ mas-sistemi tal-IT tal-awtorità tat-taxxa bl-għan li tiġi miġġielda l-evażjoni tat-taxxa. Madankollu, għad hemm lok għal aktar azzjoni, b’mod partikolari biex jiġu mmirati setturi speċifiċi li huma suxxettibbli għal evażjoni tat-taxxa għolja bħas-settur tal-fjuwil. L-azzjonijiet jinkludu t-tlestija tal-qafas legali għall-għodda ta’ monitoraġġ tal-awtorità tat-taxxa tal-katina tal-valur tas-settur tal-fjuwil, l-installazzjoni ta’ apparati ta’ lokalizzazzjoni fuq il-vetturi tal-kontejners u l-bastimenti li jittrasportaw il-fjuwil, u l-emendar tal-kodiċijiet ġudizzjarji biex jiffaċilitaw infurzar aktar effettiv tal-qafas legali. Barra minn hekk, it-tlestija tar-riforma organizzattiva li għaddejja bħalissa tal-amministrazzjoni doganali biex jiġu ċentralizzati l-ispezzjonijiet hija mistennija li tirriżulta f’aktar kontrolli mmirati fuq il-post u aħjar. |
|
(22) |
Skont il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, il-Greċja qed tieħu passi biex tlesti l-kodifikazzjonijiet legali ta’ oqsma ewlenin fil-qafas tat-taxxa tagħha inklużi t-tassazzjoni fuq l-introjtu, id-dwana, il-VAT, it-taxxi fuq il-proprjetà u l-ġbir tad-dejn tal-Istat. Qafas tat-taxxa simplifikat u koerenti jgħin biex is-sistema tat-taxxa tal-Greċja ssir aktar trasparenti u tnaqqas il-kostijiet tal-konformità għan-negozji. Għaldaqstant, dan inaqqas id-diżinċentivi għall-investiment, li jistgħu jgħinu biex titnaqqas id-diskrepanza fl-investiment li għadha għolja. Ladarba l-kodifikazzjonijiet legali jkunu fis-seħħ, huwa importanti li l-qafas legali jibqa’ stabbli u jkun appoġġat mill-għoti rapidu ta’ gwida amministrattiva lin-negozji u lill-kontribwenti individwali. |
|
(23) |
Il-Greċja kompliet tieħu passi biex timmodernizza l-amministrazzjoni pubblika tagħha, iżda għad hemm lok biex tiżdied l-effiċjenza. Wara aġġustament sinifikanti wara l-2010, id-daqs u l-kost tal-amministrazzjoni pubblika ġew allinjati b’mod ġenerali mal-medja tal-UE. Il-kont tal-pagi tas-settur pubbliku tal-Greċja baqa’ ġeneralment stabbli fl-2024 għal 10,3 % tal-PDG, konformi mal-medja tal-UE (10,2 % tal-PDG). Biex dan jiġi sostnut, huwa kruċjali li tkompli tiġi applikata l-grilja tal-pagi unifikata, filwaqt li jinżammu l-livelli kurrenti tal-persunal, inkluż għall-persunal temporanju. Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza fih miżuri biex itejbu l-effettività tal-amministrazzjoni pubblika, inkluż qafas ta’ governanza f’diversi livelli adottat fl-2023, li għandu jtejjeb il-koordinazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet ċentrali, reġjonali u lokali. Madankollu, koordinazzjoni aħjar x’aktarx li sseħħ biss ladarba l-qafas ikun kompletament operattiv, b’mod partikolari ladarba l-istrutturi ta’ governanza, is-sistemi ta’ informazzjoni u l-kodifikazzjoni legali jkunu fis-seħħ, filwaqt li jiġu ċċarati l-kompetenzi tal-amministrazzjoni reġjonali u lokali (adozzjoni ppjanata fl-2025). |
|
(24) |
Sar progress fit-tnaqqis tas-self improduttiv, iżda għad fadal diversi sfidi relatati mal-ġustizzja. Dewmien sinifikanti li regolarment jiffaċċjaw il-partijiet fil-kawża fl-aġġudikazzjoni tat-tilwim tagħhom fl-istadju ta’ qabel u ta’ wara l-irkant tal-proċedimenti ta’ likwidazzjoni huwa ferm itwal mill-iskadenzi stabbiliti mil-liġi għall-aġġudikazzjoni. Dan jiskoraġġixxi lix-xerrejja potenzjali milli jipparteċipaw fl-irkantijiet u jirriżulta f’perċentwal għoli ta’ rkantijiet li ma jirnexxux, li jimmina l-effiċjenza ġenerali tal-qafas tar-riżoluzzjoni tad-dejn u jnaqqas il-provvista effettiva tal-proprjetajiet. Id-dewmien jaggrava wkoll il-kriżi tal-affordabbiltà tal-akkomodazzjonijiet, peress li ħafna residenzi vakanti huma maqbuda fi proċessi relatati mal-infurzar tad-dejn. Il-miżuri proċedurali promulgati dan l-aħħar jeħtieġ jiġu kkomplementati minn titjib ulterjuri biex tiġi aċċellerata l-aġġudikazzjoni ta’ tilwim ta’ qabel u ta’ wara l-irkant, bħal (i) simplifikazzjonijiet proċedurali; (ii) miżuri biex jevitaw konċentrazzjoni sproporzjonata ta’ litigazzjoni relatata mal-infurzar f’żoni metropolitani; u (iii) pjattaforma diġitali biex isir progress deċiżiv fid-dati tas-smigħ li jkunu ġew stabbiliti wisq ’il bogħod fil-futur. |
|
(25) |
F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li mistennija jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennija jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti ta’ sfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien strett, il-finalizzazzjoni tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal-Greċja permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni NextGenerationEU - Il-mixja lejn l-2026, adottata fl-4 ta’ Ġunju 2025, tikkjarifika l-iskeda taż-żmien applikabbli għat tmiem il-Faċilità u tagħti gwida lill-Istati Membri biex jimmassimizzaw l-implimentazzjoni sal-31 ta’ Awwissu 2026, inkluż dwar kif jissimplifikaw aktar il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, tiddeskrivi l-għażliet ewlenin li għandhom jiġu kkunsidrati meta jirrieżaminawhom, u tisħaq fuq l-importanza ta’ ppjanar konġunt bil-galbu qabel ma jressqu l-aħħar talbiet għall-pagament fl-2026. Il-Greċja diġà għamlet progress fl-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti fil-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza tagħha, bi 63 % tal-allokazzjoni żborżata. Biex twettaq l-impenji tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li l-Greċja taċċellera l-implimentazzjoni tar-riformi u tal-investimenti billi tindirizza l-isfidi rilevanti. Sfidi speċifiċi għall-Greċja jinkludu: (i) proċessi twal ta’ litigazzjoni biex jindirizzaw talbiet legali kontra proċeduri ta’ akkwist pubbliku li jirriskjaw dewmien fid-data ppjanata għat-tlestija tal-investimenti lil hinn minn Awwissu 2026; (ii) it-trasferiment bil-mod tad-drittijiet tal-proprjetà; u (iii) koordinazzjoni dgħajfa, b’mod partikolari fir-rigward tal-investiment u r-riformi f’oqsma ta’ politika li jmorru lil hinn mill-mandat ta’ ministeru wieħed. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ essenzjali sabiex tiġi żgurata sjieda wiesgħa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. |
|
(26) |
L-implimentazzjoni tal-programmi ta’ politika ta’ koeżjoni, li jinkludu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF, Just Transition Fund), il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u l-Fond ta’ Koeżjoni (FK), qabdet ritmu aktar mgħaġġel fil-Greċja. Huwa importanti li jkomplu għaddejjin l-isforzi biex tiġi żgurata implimentazzjoni rapida ta’ dawn il-programmi, filwaqt li jiġi massimizzat l-impatt tagħhom fil-prattika. Il-Greċja diġà qed tieħu azzjoni fil-qafas tal-programmi tagħha tal-politika ta’ koeżjoni biex tagħti spinta lill-kompetittività u t-tkabbir filwaqt li ttejjeb il-koeżjoni soċjali. Fl-istess ħin, il-Greċja tkompli tiffaċċa sfidi biex tagħti spinta lill-kompetittività reġjonali u żżid ir-reżiljenza soċjali, issaħħaħ is-sigurtà tal-ilma billi tiżgura ġestjoni adegwata tal-ilma tax-xita u t-trattament tal-ilma mormi, ittejjeb id-disponibbiltà u l-aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli, inkluża l-akkomodazzjoni soċjali, u taċċellera t-tranżizzjoni tal-enerġija, inkluż billi ttejjeb il-ħżin tal-enerġija, l-integrazzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u l-interkonnettività reġjonali. F’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17), il-Greċja hija meħtieġa – bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni – tirrieżamina kull programm filwaqt li tikkunsidra fost l-oħrajn l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024. Il-proposti tal-Kummissjoni adottati fl-1 ta’ April 2025 (18) jestendu l-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ valutazzjoni – għal kull programm – tal-eżitu tar-rieżami ta’ nofs it-terminu għal wara l-31 ta’ Marzu 2025. Dawn jipprovdu wkoll flessibbiltajiet biex jgħinu l-implimentazzjoni tal-programmi ssir aktar malajr u inċentivi biex l-Istati Membri jallokaw ir-riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni għal ħames oqsma ta’ prijorità strateġika tal-Unjoni, jiġifieri l-kompetittività f’teknoloġiji strateġiċi, id-difiża, l-akkomodazzjoni, ir-reżiljenza tal-ilma u t-tranżizzjoni tal-enerġija, u għal investimenti fil-ħiliet f’setturi ta’ prijorità filwaqt li l-attenzjoni tinżamm fuq il-persuni fl-aktar sitwazzjonijiet vulnerabbli fil-programmi tal-FSE+. |
|
(27) |
Il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP) tipprovdi l-opportunità ta’ investiment fi prijorità strateġika ewlenija tal-UE billi ssaħħaħ il-kompetittività tal-UE. STEP titwassal permezz ta’ 11-il fond tal-UE eżistenti. L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-programm InvestEU biex jiġu appoġġati investimenti f’oqsma ta’ prijorità. Il-Greċja tista’ tuża dawn l-inizjattivi bl-aħjar mod biex tappoġġa l-iżvilupp jew il-manifattura ta’ teknoloġiji kritiċi, inkluż it-teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi. |
|
(28) |
Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, il-Greċja għandha tindirizza b’mod effettiv l-isfidi li fadal relatati mal-piż regolatorju, l-ostakli għad-dħul fis-swieq tal-prodotti u tas-servizzi, il-frammentazzjoni tal-politika tar-riċerka u l-proċedimenti ġudizzjarji twal, inkluż iż-żmien meħtieġ biex jitlestew il-proċessi tal-akkwisti pubbliċi. |
|
(29) |
Kif stabbilit fil-Kumpass tal-Kompetittività, l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, nazzjonali u lokali jridu jagħmlu sforz kbir biex jipproduċu regoli aktar sempliċi u biex iħaffu l-pass tar-rapidità tal-proċeduri amministrattivi. Il-Kummissjoni stabbiliet għanijiet ambizzjużi għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv: b’mill-inqas 25 % u b’mill-inqas 35 % għall-SMEs; u ħolqot għodod ġodda biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, inkluż test sistematiku tal-istress tal-istokk tal-leġiżlazzjoni tal-UE u djalogu msaħħaħ tal-partijiet ikkonċernati. Biex tilħaq din l-ambizzjoni, jeħtieġ ukoll li l-Greċja tieħu azzjoni. 80 % tan-negozji jqisu l-kumplessità tal-proċeduri amministrattivi bħala problema għall-kumpanija tagħhom meta jagħmlu negozju fil-Greċja (19). It-tnaqqis ulterjuri tal-piż amministrattiv u regolatorju għall-kumpaniji jgħin biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-Greċja. Minkejja l-progress sostanzjali li sar fid-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi bl-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti bħala parti mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Greċja, il-Greċja tgawdi aktar benefiċċji jekk tissimplifika u tiddiġitalizza l-proċessi amministrattivi, b’mod partikolari dawk relatati mal-permessi u l-liċenzji. Dan jinkludi aktar responsabbiltà mill-amministrazzjoni pubblika, pereżempju billi jiġu stabbiliti limiti massimi għall-ħinijiet ta’ pproċessar u jiġu infurzati b’mod effettiv l-inizjattivi adottati (eż. permessi għal proġetti ġodda ta’ enerġija rinnovabbli), taħt ir-responsabbiltà tal-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali kif ukoll tal-awtoritajiet deċentralizzati. Il-leġiżlazzjoni mhux kompluta fil-liċenzjar ambjentali tibqa’ ta’ xkiel għall-investiment. Pereżempju, il-Greċja għadha ma adottatx leġiżlazzjoni dwar il-kundizzjonijiet li bihom jistgħu jingħataw liċenzji għal proġetti ta’ enerġija rinnovabbli b’impatt ambjentali limitat. Ir-regolamentazzjoni biex tiġi attivata klassifikazzjoni ambjentali aktar baxxa fil-parks kummerċjali hija pendenti wkoll għall-biċċa l-kbira tat-tipi ta’ attivitajiet. Il-qafas legali għall-ftehimiet ta’ konċessjoni għall-infrastruttura max-xatt (il-Liġi 2971/2001), speċjalment għall-portijiet industrijali, mhuwiex favorevoli għall-investiment. Barra minn hekk, leġiżlazzjoni mhux kompluta u piż eċċessiv fil-proċess tal-permessi qed jagħmluha diffiċli għall-kumpaniji Griegi li joperaw legalment taħt dan il-qafas. |
|
(30) |
Ir-rieżami u t-tneħħija tal-ostakli kbar għall-eżerċizzju tas-servizzi professjonali u l-ostakli għal entranti ġodda fis-swieq tal-prodotti huma ta’ prijorità għall-Greċja. Kif evidenzjat mill-indiċijiet tar-Regolament dwar is-Suq tal-Prodotti 2023–2024, il-Greċja għandha wieħed mill-ogħla ostakli għad-dħul u għat-tmexxija tan-negozju fis-settur tas-servizzi fl-UE. Xi ostakli għall-istabbiliment u l-operat ta’ ħwienet tal-bejgħ bl-imnut, bħall-proċeduri għall-għoti ta’ permessi, jistgħu jfixklu l-funzjonament tas-settur. Bosta servizzi professjonali fil-Greċja, inkluż il-professjonijiet legali, arkitettoniċi u tal-inġinerija, huma soġġetti għal rekwiżiti regolatorji ogħla mill-medja tal-OECD. Pereżempju, il-Greċja għandha għadd kbir ta’ attivitajiet riżervati għall-periti u l-inġiniera u restrizzjonijiet stretti fuq il-forma ġuridika għall-avukati. Rigward in-networks, il-Greċja dan l-aħħar fetħet l-aċċess, iżda l-kundizzjonijiet għat-trasport bit-triq u għall-komunikazzjonijiet elettroniċi fissi għadhom restrittivi. Il-Greċja tmur ħażin ukoll fir-rigward tal-ostakli għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ fl-implimentazzjoni ta’ miżuri li jiżguraw li l-impatt fuq il-kompetizzjoni ta’ regolamentazzjoni ġdida u eżistenti jiġi vvalutat u minimizzat, u fuq l-iżgurar li s-sjieda pubblika ma xxekkilx il-kompetizzjoni. Dawn huma ostakli għall-entranti ġodda fis-swieq tal-prodotti. |
|
(31) |
Il-politika tar-riċerka u l-finanzjament tar-riċerka tal-Greċja ilhom żmien mifruxa fuq diversi ministeri: il-Fondazzjoni Ellenika għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, u l-awtoritajiet reġjonali tar-Riċerka u l-Innovazzjoni. Minbarra l-bidliet frekwenti, il-koordinazzjoni fost dawn il-korpi kienet batuta. L-aċċess għall-finanzjament għall-attivitajiet ta’ riċerka jbati minn rekwiżiti amministrattivi eċċessivi, minn proċeduri ta’ evalwazzjoni li jimxu bil-mod u minn perċezzjoni ta’ piż burokratiku għoli. Dwar l-aċċess għall-finanzi, il-kapital ta’ riskju fil-Greċja huwa taħt il-medja tal-UE bħala proporzjon tal-PDG. L-inizjattivi sponsorjati mill-Istat kellhom xi suċċess fil-mobilizzazzjoni tal-investiment għall-istart-ups, filwaqt li l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jintuża biex jiffinanzja programmi għan-negozji scale-up. Minkejja dawn il-miżuri, il-Greċja tibbenefika minn finanzjament addizzjonali u minn strateġija ta’ riċerka u innovazzjoni wara l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza biex ittejjeb il-finanzjament għall-innovazzjoni u tappoġġa l-ekosistema tar-riċerka u innovazzoni tagħha. |
|
(32) |
Il-Greċja għamlet progress biex ittejjeb l-effettività u l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja, pereżempju billi rrevediet il-mappa ġudizzjarja fil-ġustizzja ċivili, kriminali u amministrattiva billi ddiġitalizzat il-proċessi ġudizzjarji. Madankollu, it-tul tal-proċedimenti quddiem il-qrati ċivili, penali u amministrattivi għadu wieħed mill-ogħla fl-UE u jikkawża xogħol kbir b’lura, li jfixkel l-iżvilupp ekonomiku, il-ħolqien tan-negozju u l-investiment. Din il-kwistjoni hija l-aktar qawwija fl-infurzar tad-drittijiet kuntrattwali u tal-proprjetà, fir-riżoluzzjoni rapida tat-tilwim, fit-tlestija effettiva tal-miżuri ta’ infurzar u fit-twettiq tal-proċedimenti tal-akkwist pubbliku. Aktar sforzi għandhom l-għan li jissimplifikaw it-twettiq ta’ proċessi ċivili u kummerċjali billi jġibu titjib proċedurali fl-ewwel istanza u fl-appell, u fil-kuntest tal-infurzar; biex tiġi promulgata leġiżlazzjoni li tinkoraġġixxi u testendi b’mod attiv l-użu ta’ mekkaniżmi alternattivi għas-soluzzjoni ta’ tilwim biex jiġi rivedut ulterjorment il-qafas legali dwar l-organizzazzjoni tal-qrati u l-istatus tal-imħallfin u biex ikompli jiġi indirizzat ix-xogħol b’lura li jaffettwa l-aġġudikazzjoni ta’ kawżi relatati mal-akkwist pubbliku. |
|
(33) |
Minkejja li għandha sehem dejjem akbar ta’ enerġija rinnovabbli fil-produzzjoni ġenerali tal-elettriku tagħha, il-Greċja għadha dipendenti ħafna fuq il-fjuwils fossili. Il-prezzijiet bl-ingrossa tal-elettriku huma volatili u għadhom ogħla mill-medja tal-UE, parzjalment minħabba l-grad għoli ta’ dipendenza fuq il-gass naturali għall-ġenerazzjoni tal-elettriku. Il-Kapitolu REPowerEU fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Greċja fih diversi riformi u investimenti, inkluża żieda fil-kapaċità tal-ħżin, li huma mistennija jaċċelleraw id-dekarbonizzazzjoni. Madankollu, huma ġġustifikati azzjonijiet ulterjuri biex titnaqqas id-dipendenza tal-Greċja fuq il-fjuwils fossili, pereżempju billi tadatta l-qafas regolatorju biex il-fornituri tal-ħżin tal-enerġija bil-batteriji jkunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fis-swieq tal-enerġija bl-ingrossa. Il-Greċja tirreġistra sussidji mdaqqsa għall-fjuwils fossili mingħajr l-ebda eliminazzjoni gradwali ppjanata sal-2030. B’mod partikolari, is-sussidji għall-fjuwils fossili li la jindirizzaw il-faqar enerġetiku b’mod immirat u lanqas it-tħassib ġenwin dwar is-sigurtà tal-enerġija, u mhumiex kruċjali għall-kompetittività industrijali, ixekklu l-proċess tal-elettrifikazzjoni u jistgħu għalhekk jitqiesu bħala prijorità għall-eliminazzjoni gradwali. Fil-Greċja, is-sussidji għall-fjuwils fossili bħall-użu tal-faħam u l-kokk għall-użi industrijali huma ekonomikament ineffiċjenti u jipperpetwaw id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili. Filwaqt li telimina gradwalment dawn is-sussidji, il-Greċja tibbenefika mill-introduzzjoni ta’ inċentivi għad-dekarbonizzazzjoni tal-industrija u għal aktar soluzzjonijiet li ma jagħmlux ħsara lill-klima fis-settur tat-trasport. In-networks tal-elettriku fil-Greċja jiffaċċjaw restrizzjonijiet fil-kapaċità peress li aktar enerġija rinnovabbli tiżdied mat-taħlita tal-enerġija. Hemm lok għall-Greċja li tespandi l-kapaċità tal-interkonnessjoni transfruntiera tagħha biex ikollha rabta aħjar mas-suq intern tal-enerġija. Madankollu, proċeduri twal għall-għoti ta’ permessi għall-infrastruttura tal-grilja għadhom joħolqu ostaklu kbir. Il-Greċja tista’ wkoll iżżid il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien biex tesplora modi kif tuża aħjar il-kapaċità eżistenti għall-kambju tal-elettriku. Hemm ukoll lok biex tittejjeb il-kwalità tan-networks ta’ distribuzzjoni, peress li t-telf tekniku u mhux tekniku tal-elettriku fuq il-grilja huwa ferm ogħla mill-medja tal-UE. |
|
(34) |
Il-Greċja għandha waħda mill-eqdem flotot ta’ vetturi fl-UE, li hija raġuni ewlenija għaliex is-settur tat-trasport tal-Greċja huwa wieħed mill-emittenti ewlenin tas-CO2 tal-pajjiż. Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Greċja fih diversi investimenti biex jippromwovi l-elettromobbiltà, inkluża s-sostituzzjoni tal-karozzi tal-linja antiki tat-trasport pubbliku f’Ateni u f’Tessaloniki b’karozzi tal-linja elettriċi. Madankollu, miżuri oħra bħas-sostituzzjoni ta’ taxis qodma b’taxis elettriċi, ma rċevewx biżżejjed interess mis-suq filwaqt li r-regoli għall-irtirar ta’ vetturi professjonali skaduti mhumiex infurzati kif xieraq. Il-Greċja tibbenefika mit-tfassil ta’ strateġija komprensiva, inkluż pjan ta’ investiment u riformi, biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali tas-settur tat-trasport. L-istrateġija tkopri l-bidla għal modi ta’ trasport aktar nodfa, inklużi l-espansjoni tal-użu ta’ mezzi tat-trasport elettriċi, u t-titjib fit-trasport pubbliku billi tagħmilhom aktar aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà, iżżid il-kapaċità tat-trasport pubbliku urban u tespandi biljetti online integrati għas-servizzi tal-karozzi tal-linja interreġjonali. |
|
(35) |
Il-Greċja hija impenjata li tinvesti fis-sikurezza u fl-infrastruttura ferrovjarja. Il-pjan ta’ azzjoni dwar is-sikurezza ferrovjarja u l-masterplan għall-implimentazzjoni tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) jistipulaw passi biex tiġi mmodernizzata s-sistema ferrovjarja Griega. Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Greċja fih riforma li tippermetti lill-maniġer tal-infrastruttura ferrovjarja tal-pajjiż li jopera b’mod effettiv network ferrovjarju modern u jlesti l-investimenti f’infrastrutturi u f’sistemi ewlenin għas-sikurezza. Il-Greċja tista’ tibbenefika minn miżuri biex tipprovdi lill-maniġer il-ġdid tal-infrastruttura ferrovjarja b’riżorsi suffiċjenti u stabbli, biex tikkonkludi kuntratt komprensiv ta’ prestazzjoni, u biex taċċellera t-tnedija tal-ERTMS fuq in-network ferrovjarju ħalli jiżdiedu l-interoperabbiltà, l-effiċjenza u s-sikurezza. |
|
(36) |
Il-Greċja hija partikolarment vulnerabbli għat-tibdil fil-klima u għal eventi ta’ temp estrem relatati, bħal nixfiet intensi, għargħar, nirien fis-selvaġġ kif ukoll mewġiet ta’ sħana. Il-frekwenza u s-severità dejjem jiżdiedu ta’ dawn l-eventi jeħtieġu xogħol ta’ rikostruzzjoni li jiswa ħafna flus u r-riabilitazzjoni tal-infrastruttura affettwata. Ikun ta’ benefiċċju għall-Greċja, li bħalissa għandha waħda mill-akbar lakuni fil-kopertura totali tal-assigurazzjoni għal diżastri naturali fl-UE, biex tkompli bl-isforzi lejn approċċ strutturat għall-finanzjament tar-riskji tad-diżastri u biex tnaqqas il-lakuni fil-koperturi tal-assigurazzjoni privata għall-katastrofi naturali, waqt li tkompli tibni fuq il-miżuri implimentati dan l-aħħar. Fid-dawl ta’ nixfiet intensifikati, ir-riżorsi tal-ilma tal-Greċja qed isiru dejjem aktar skarsi u mniġġsa, li mistenni jħalli impatt serju fuq l-ambjent, l-ekonomija u s-saħħa tal-bniedem. Is-settur agrikolu huwa b’mod ċar il-konsumatur ewlieni tar-riżorsi tal-ilma. Għad fadal sfidi kbar fit-trattament tal-ilma mormi f’żoni urbani, peress li l-fornituri lokali tas-servizzi tal-ilma mmexxija minn muniċipalitajiet żgħar la għandhom il-mezzi finanzjarji u lanqas il-kapaċitajiet amministrattivi u maniġerjali biex japplikaw soluzzjonijiet ottimali ta’ ġestjoni tal-ilma, ibbażati fuq il-prinċipju li “l-konsumatur u min iniġġes iħallas”. Għalhekk, il-Greċja tibbenefika jekk tfassal pjan għar-reżistenza klimatika ta’ infrastruttura ewlenija, inkluża l-ġestjoni tad-domanda u tal-provvista tal-ilma. Speċifikament dwar il-ġestjoni tal-ilma, dan jinvolvi t-titjib tas-sostenibbiltà tal-investimenti u tal-operazzjonijiet tal-utilità tal-ilma billi titrawwem riforma istituzzjonali li tiffoka fuq kif jistgħu jittejbu l-kapaċità u r-responsabbiltà tal-kumpaniji tal-ilma muniċipali. |
|
(37) |
Il-prestazzjoni ġenerali tal-impjiegi tal-Greċja kienet b’saħħitha fl-aħħar snin, u dan naqqas id-distakk mal-medja tal-UE. Madankollu, il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol għadha baxxa ħafna, u dan qed jirriżulta f’differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi li hija ferm ogħla mill-medja tal-UE (18,8 pps fil-Greċja meta mqabbla ma’ 10,0 pps fl-UE fl-2024). Il-Greċja għandha wkoll sehem konsiderevoli ta’ żgħażagħ mingħajr impieġ, edukazzjoni jew taħriġ (14,2 %) u gruppi vulnerabbli bħal persuni b’diżabbiltà, ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew Roma li jiffaċċjaw diffikultajiet biex ikollha aċċess għas-suq tax-xogħol. L-inkoraġġiment ta’ arranġamenti tax-xogħol flessibbli, iż-żieda fis-servizzi tal-indukrar tat-tfal u t-titjib tal-kopertura tal-kura fit-tul jistgħu jwittu t-triq għal rata ogħla ta’ persuni li jaħdmu, speċjalment iż-żgħażagħ, in-nisa u l-gruppi vulnerabbli. Għalkemm qed jiġu stabbiliti oqfsa strateġiċi u bħalissa għaddejjin xi miżuri, sehem għoli tal-popolazzjoni għadu f’riskju ta’ faqar u l-effettività tat-trasferimenti soċjali hija taħt il-medja tal-UE u f’dawn l-aħħar snin tnaqqret b’mod sinifikanti. Il-ħtiġijiet tal-kura medika mhux issodisfati, il-provvista baxxa ta’ kura fit-tul, il-kostijiet għoljin tal-akkomodazzjoni u r-rati ta’ privazzjoni jenfasizzaw il-ħtieġa għal sistema robusta ta’ protezzjoni soċjali u ta’ azzjoni politika ulterjuri. Id-disponibbiltà ta’ servizzi soċjali u essenzjali għadha limitata u taffettwa b’mod sproporzjonat lill-komunitajiet emarġinati u remoti. |
|
(38) |
Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, il-Greċja tiffaċċa diversi sfidi addizzjonali relatati mal-edukazzjoni. Il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal mill-età ta’ tliet snin sal-età tal-bidu tal-edukazzjoni obbligatorja fil-livell primarju għadha partikolarment baxxa. Fl-2019 (l-aħħar data għall-Greċja tal-Unesco-OEDC-Eurostat), il-Greċja kklassifikat l-aħħar fost l-Istati Membri tal-UE f’termini ta’ rata ta’ reġistrazzjoni, filwaqt li n-nuqqas ta’ data aktar reċenti jagħmel diffiċli l-monitoraġġ tal-progress. L-aħħar data tal-EU-SILC turi riżultati aħjar. Ir-rati ta’ parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal huma aktar baxxi għat-tfal taħt l-età ta’ tliet snin. Fl-2024, 28,8 % tat-tfal Griegi taħt l-età ta’ tliet snin attendew l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal (39,3 % fl-UE). Il-Greċja hija mistiedna żżid ir-rata ta’ parteċipazzjoni tat-tfal taħt l-età ta’ tliet snin biex tilħaq il-mira riveduta ta’ Barċellona ta’ 42,8 % sal-2030. Ir-rata hija partikolarment baxxa għat-tfal fir-riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali. Aċċess aħjar għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal marbut mal-iżvilupp bikri tal-ħiliet instab li jwassal għal benefiċċji tanġibbli u dejjiema, b’mod partikolari għat-tfal żvantaġġati, u jikkontribwixxi għal titjib sostanzjali fl-eżiti edukattivi u fl-iżvilupp tal-ħiliet aktar tard fil-ħajja. |
|
(39) |
Skont l-aħħar Programm tal-OECD għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti fl-2022, sehem għoli ta’ studenti Griegi ta’ 15-il sena ma jilħaqx livell minimu ta’ profiċjenza fil-ħiliet bażiċi. Ir-rati ta’ progress insuffiċjenti tal-Greċja huma fost l-ogħla fl-UE u kibru mill-2018 fil-klassijiet soċjoekonomiċi kollha, li jindika sfidi strutturali fil-kwalità u fl-ekwità tas-sistema edukattiva. B’mod parallel, is-sehem baxx ta’ dawk bl-aqwa prestazzjoni fil-ħiliet bażiċi u l-ħsieb kreattiv jista’ jwassal għal ġabra limitata ta’ talent innovattiv fil-pajjiż u jaffettwa l-kompetittività tiegħu. Il-livelli baxxi ħafna ta’ ħiliet bażiċi u diġitali fost iż-żgħażagħ jillimitaw il-prospetti għall-iżvilupp ta’ ħiliet ogħla u għat-tiġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol. B’16,6 %, il-parteċipazzjoni tal-adulti fit-taħriġ hija ħafna anqas mill-medja tal-UE u għadha ferm ’il bogħod mill-mira tal-Greċja ta’ 40 % għall-2030. Billi l-mekkaniżmi attwali għat-tbassir tal-ħiliet mhumiex daqshekk effettivi, u minkejja l-istabbiliment reċenti ta’ għodda għall-monitoraġġ tal-ħiliet fuq bażi pilota, l-ispariġġ fil-ħiliet jippersisti. Il-prestazzjoni baxxa tas-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali ddgħajjef l-isforzi biex jitnaqqas id-distakk kbir bejn id-domanda tas-suq tax-xogħol għall-ħiliet u l-ħiliet promossi mis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Dawk l-isfidi li jdgħajfu l-eżiti edukattivi tal-Greċja jistgħu jkunu marbuta ma’ finanzjament limitat għall-politiki tal-edukazzjoni, ma’ livell limitat ta’ awtonomija tal-iskejjel, ma’ diffikultajiet fl-implimentazzjoni ta’ metodi ta’ tagħlim ibbażati fuq il-kompetenza u ma’ nuqqas ta’ kultura ta’ evalwazzjoni sistematika minkejja l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ evalwazzjoni fl-2022-23. L-għalliema għad għandhom prospetti tal-karriera limitati, li jista’ jkun wieħed mill-fatturi li jillimitaw il-kwalità tal-edukazzjoni. L-indirizzar ta’ dawn l-isfidi jikkontribwixxi wkoll għall-appoġġ tat-titjib fil-konverġenza soċjali, f’konformità mal-analiżi tal-pajjiżi tat-tieni stadju tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-Qafas ta’ Konverġenza Soċjali (20). |
|
(40) |
Fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2025, il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2025 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għall-Greċja, ir-rakkomandazzjonijiet (2), (3) u (4) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro dwar il-kompetittività, filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet (4) u (5) jgħinu fl-implimentazzjoni tat-tieni rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro dwar ir-reżiljenza, u r-rakkomandazzjoni (1) tgħin fl-implimentazzjoni tat-tielet rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro dwar l-istabbiltà makroekonomika u finanzjarja stipulata fir-Rakkomandazzjoni tal-2025. |
|
(41) |
Fid-dawl tar-rieżami fil-fond tal-Kummissjoni u l-konklużjonijiet tagħha dwar l-eżistenza ta’ żbilanċi, ir-rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (5). Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjoni (1) jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbuta mad-dejn tal-gvern, il-pożizzjoni esterna u s-self improduttiv. Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjonijiet (2), (3) u (5) jappoġġaw l-impjiegi, il-kompetittività u t-tkabbir potenzjali tal-PDG, u b’riżultat ta’ dan jikkontribwixxu wkoll biex jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet marbuta mad-dejn tal-gvern u mal-pożizzjoni esterna. Ir-Rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (5) jikkontribwixxu kemm għall-indrizzar tal-iżbilanċi kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, f’konformità mal-premessa 40. |
B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Greċja tieħu azzjoni fl-2025 u fl-2026 biex:
|
1. |
Issaħħaħ l-infiq ġenerali fid-difiża u fis-sigurtà u l-prontezza tad-difiża filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tad-dejn f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-6 ta’ Marzu 2025. Taderixxi mar-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta rakkomandati mill-Kunsill fil-21 ta’ Jannar 2025, filwaqt li tagħmel użu mill-flessibiltà permessa skont il-klawżola liberatorja nazzjonali għal nefqa ogħla għad-difiża. Tkompli bl-isforzi biex ittejjeb il-konformità mar-regoli tat-taxxa, inkluż permezz ta’ aktar ċentralizzazzjoni u diġitalizzazzjoni tal-ispezzjonijiet doganali u tat-taxxa u ttejjeb il-prevedibbiltà tas-sistema tat-taxxa. Tkompli ttejjeb l-effettività u l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika tagħha billi timplimenta bis-sħiħ il-qafas ta’ governanza f’diversi livelli. Issegwi t-tnaqqis kontinwu tal-istokk ta’ self improduttiv miżmum minn banek u servizzjanti tal-kreditu billi taċċellera l-proċedimenti tal-qorti relatati mal-likwidazzjoni. |
|
2. |
Fid-dawl tal-iskadenzi applikabbli għat-tlestija f’waqtha tar-riformi u l-investimenti skont ir-Regolament (UE) 2021/241, taċċellera l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni (FEŻR, JTF, FSE+, FK), filwaqt li tibni, fejn xieraq, fuq l-opportunitajiet offruti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu. Isir użu ottimali mill-istrumenti tal-UE, inkluż l-opportunitajiet ipprovduti mill-programm InvestEU u l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, biex titjieb il-kompetittività. |
|
3. |
Tissimplifika r-regolamentazzjoni, ittejjeb l-għodod regolatorji u tnaqqas il-piż amministrattiv għall-kumpaniji billi tissimplifika u tiddiġitalizza l-proċessi amministrattivi, tiffinalizza l-oqfsa regolatorji għal-liċenzjar ambjentali u għall-għoti ta’ ftehimiet ta’ konċessjoni fuq ix-xatt tal-baħar. Tirrieżamina u tneħħi l-ostakli għoljin għall-eżerċizzju tas-servizzi professjonali u għall-entranti ġodda fis-swieq tal-prodotti. Ittejjeb il-governanza tas-sistema nazzjonali tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni billi tnaqqas il-frammentazzjoni tal-ġestjoni tal-politika tar-riċerka u s-sorsi ta’ finanzjament, u billi tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament għal start-ups u għal scale-ups, inkluż l-iżvilupp tal-ekwità privata lokali u s-swieq ta’ kapital ta’ riskju b’inizjattivi sponsorjati mill-Istat biex jimmobilizzaw l-investiment. Tissimplifika l-proċedimenti ġudizzjarji u tnaqqas id-dewmien tagħhom billi taċċellera l-proċedimenti ċivili, tadotta kodiċi dwar mekkaniżmi alternattivi għas-soluzzjoni ta’ tilwim, filwaqt li tkompli r-reviżjoni tal-kodiċi tal-imħallfin u l-isforzi biex taċċellera r-riżoluzzjoni ġudizzjarja ta’ tilwim relatat mal-akkwist pubbliku. |
|
4. |
Tiżviluppa soluzzjonijiet ta’ flessibbiltà mhux fossili, inkluż ir-rispons għad-domanda u l-ħżin, li ser jikkontribwixxu biex il-prezzijiet tal-elettriku jsiru aktar affordabbli; tikkalibra mill-ġdid it-taxxi fuq l-enerġija biex tinċentivata l-elettrifikazzjoni; tieħu passi konkreti għall-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili b’mod partikolari fis-settur industrijali; u żżid il-kapaċità tan-networks tal-elettriku billi tissimplifika l-proċess ta’ liċenzjar għal networks ġodda ta’ trażmissjoni u billi ttejjeb il-kwalità tan-network ta’ distribuzzjoni biex tnaqqas it-telf tekniku u mhux tekniku. Taċċellera d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport skont strateġija komprensiva b’riformi u b’investiment fil-bidla lejn mobbiltà elettrika, taġġorna t-trasport pubbliku urban u interreġjonali, filwaqt li ttejjeb l-operazzjonijiet u l-infrastruttura ferrovjarji, inkluż billi twettaq il-ħidma meħtieġa ta’ riforma organizzazzjonali fuq terminu qasir u l-varar aċċellerat tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju fuq in-network ferrovjarju biex ittejjeb l-interoperabbiltà, l-effiċjenza u s-sikurezza. Tfassal pjan għar-reżistenza klimatika ta’ infrastruttura ewlenija, inkluża l-provvista tal-ilma; tirriforma l-qafas istituzzjonali biex ittejjeb il-kapaċità u r-responsabbiltà tal-fornituri lokali tas-servizzi tal-ilma; u tieħu passi biex iżżid il-kopertura tal-assigurazzjoni privata kontra danni relatati ma’ diżastri naturali. |
|
5. |
Iżżid ir-rata ta’ nisa u ta’ gruppi vulnerabbli li jaħdmu jew qed ifittxu xogħol, u tgħin aktar żgħażagħ isibu xogħol billi tippromwovi arranġamenti tax-xogħol aktar flessibbli, tespandi l-edukazzjoni u l-kura bikrija formali tat-tfal kif ukoll il-kura fit-tul, isaħħaħ il-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, u tindirizza l-ispariġġ tal-ħiliet. Ittejjeb l-eżiti edukattivi billi ssaħħaħ l-iżvilupp professjonali kontinwu għall-għalliema ffukat fuq approċċi bbażati fuq il-kompetenza u tallinja l-valutazzjoni tal-istudenti ma’ dawn l-approċċi, ittejjeb l-awtonomija tal-iskejjel, u tespandi l-evalwazzjoni tal-għalliema. Tindirizza l-faqar u l-esklużjoni soċjali billi tkompli żżid l-effettività u l-effiċjenza tas-sistema ta’ protezzjoni soċjali. |
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
S. LOSE
(1) ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj.
(2) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1176/oj.
(3) Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263: “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern, netta min (i) in-nefqa fuq l-imgħax; (ii) mill-miżuri tad-dħul diskrezzjonali; (iii) min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni; (iv) min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni; (v) mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad; u (vi) minn miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.
(4) Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).
(5) Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj).
(6) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Greċja (ST 10152/2021).
(7) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Diċembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Greċja (ST 15831/2023).
(8) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025 li tapprova l-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju tal-Greċja (ĠU C, C/2025/661, 10.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/661/oj/2025/661).
(9) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Mejju 2025 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C, C/2025/2782, 22.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2782/oj).
(10) SWD(2025) 70 final [mhux disponibbli bil-Malti].
(11) Ir-Rapporti ta’ Progress Annwali 2025 huma disponibbli hawn: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/stability-and-growth-pact/preventive-arm/annual-progress-reports_en.
(12) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Lulju 2025 li tippermetti lill-Greċja tiddevja mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta kif stabbilit mill-Kunsill skont ir-Regolament (UE) 2024/1263 (Attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali) (ĠU C, C/2025/3965, 20.8.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3965/oj).
(13) Il-Eurostat-Indikaturi tal-Euro, 22.4.2025.
(14) Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq perjodu medju ta’ żmien u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta tal-miżuri tad-dħul diskrezzjonali, inkluża n-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (għotjiet) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni.
(15) Eurostat, nefqa tal-gvern skont il-klassifikazzjoni tal-funzjonijiet tal-gvern (COFOG). Minħabba differenzi metodoloġiċi bejn id-definizzjonijiet tal-COFOG u tan-NATO, in-nefqa bbażata fuq id-definizzjoni tal-COFOG tista’ tvarja min-nefqa bbażata fuq id-definizzjoni tan-NATO.
(16) Mill-2026 dawn iċ-ċifri ser jidhru fil-kont ta’ kontroll stabbilit fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2024/1263.
(17) Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).
(18) Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1058 u (UE) 2021/1056 fir-rigward ta' miżuri speċifiċi sabiex jiġu indirizzati sfidi strateġiċi fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu - COM(2025) 123 final.
(19) “L-attitudnijiet tan-negozji lejn il-korruzzjoni fl-UE” Flash Report, Rapport tal-Ewrobarometru (April 2024).
(20) SWD (2025) 95 – It-tieni stadju tal-analiżi speċifika għall-pajjiż dwar il-konverġenza soċjali f’konformità mal-Qafas ta’ Konverġenza Soċjali (SCF), 2025.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3982/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)