52004PC0677

Proposta għal ID-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni tal-Komunità rigward it-twaqqif ta’ kumitat konsultattiv konġunt li dwaru jrid jiddeċiedi l-kunsill ta’ assoċjazzjoni stabbilit mill-ftehim ewropa bejn il-komunitajiet ewropej u r-Rumanija /* KUMM/2004/0677 finali */


Brussel 18.10.2004

KUMM(2004) 677 finali

Proposta għal

ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

DWAR IL-POŻIZZJONI TAL-KOMUNITÀ RIGWARD IT-TWAQQIF TA’ KUMITAT KONSULTATTIV KONĠUNT LI DWARU JRID JIDDEĊIEDI L-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI STABBILIT MILL-FTEHIM EWROPA BEJN IL-KOMUNITAJIET EWROPEJ U R-RUMANIJA

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Il-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri, minn naħa waħda, u r-Rumanija, min-naħa l-oħra, li daħal fis-seħħ fi Frar 1995, jipprovdi, fl-Artikolu 111 tiegħu, li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi kumitat jew korp ieħor speċjali li jista’ jassistiha fil-qadi ta’ dmirijietha.

2. Għalkemm it-twaqqif ta’ mekkaniżmu konsultattiv għal djalogu bejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali taż-żewġ partijiet mhux provdut b’mod espliċitu fil-Ftehim Ewropa msemmi qabel, il-Kummissjoni tipproponi li Kumitat Konsultattiv Konġunt li jirrapreżenta lill-awtoritajiet reġjonali u lokali taż-żewġ partijiet jiġi stabbilit mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni b’sostenn għall-interess qawwi muri, f’dan ir-rispett, miż-żewġ naħat, rappreżentati mill-Kumitat tar-Reġjuni, minn naħa tal-Kummissjoni, u mill-Kumitat Rumen ta’ Kollegament għal Kooperazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Komunitajiet Ewropej, min-naħa tar-Rumanija.

3. Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt propost huwa intiż li jikkostitwixxi forum għal djalogu u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-Komunità Ewropea u awtoritajiet reġjonali u lokali fir-Rumanija, li jistgħu jagħtu kontribut kbir għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet tagħhom u ta’ l-integrazzjoni ta’ l-Ewropa. Id-djalogu u l-kooperazzjoni ser iħejju għal xogħol futur mal-Kumitat tar-Reġjuni u għal sħubija ma’ l-Unjoni Ewropea; l-iffaċilitar ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet attwali ta’ interess reċiproku, b’mod partikulari dwar il-pożizzjoni aħħarija tal-politika reġjonali ta’ l-UE u l-proċess ta’ adeżjoni; tinnkoraġġixxi l-iskambju ta’ informazzjoni fl-implimentazzjoni prattika tal-prinċipju tas-sussidjarjetà fl-aspetti kollha tal-ħajja fuq livell reġjonali u lokali; diskussjoni ta’ kwistjonijiet oħra rilevanti proposti minn kwalunkwe naħa, hekk kif jistgħu jinqalgħu fil-kuntest ta’ implimentazzjoni tal-Ftehim Ewropa u fil-qafas ta’ ħidma ta’ l-Istrateġija ta’ Qabel l-Adeżjoni. Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jista’ wkoll jikkonsulta l-Kumitat Konsultattiv Konġunt propost qabel ma jieħdu deċiżjonijiet f’oqsma ta' interess reġjonali ovvju. Konsultazzjoni ta’ Kumitati jibqa’, madankollu, fid-Diskrezzjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.

4. It-twaqqif tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt propost m’għandu l-ebda impatt finanzjarju fuq il-baġit Komunitarju, il-parteċipanti Rumeni li huma responsabbli għall-ispejjeż tagħhom u l-ispejjeż minn naħa tal-Komunità li huma koperti mill-baġit tal-Kumitat tar-Reġjuni.

5. It-test tal-proposta għad-Deċiżjoni tal-Kunsill dawr il-pożizzjoni li trid tittieħed mill-Komunità fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, kif provdut mill-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill u l-Kummissjoni tad-19.12.1994 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Ewropa msemmi qabel, huwa hawnhekk mehmuż. Il-Kunsill huwa mitlub jadotta dan it-test.

Proposta għal

ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

DWAR IL-POŻIZZJONI TAL-KOMUNITÀ RIGWARD IT-TWAQQIF TA’ KUMITAT KONSULTATTIV KONĠUNT LI DWARU JRID JIDDEĊIEDI L-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI STABBILIT MILL-FTEHIM EWROPA BEJN IL-KOMUNITAJIET EWROPEJ U R-RUMANIJA

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika (Euratom),

Wara li kkunsidra l-Artikolu 300(2), it-tieni u t-tielet subparagrafi, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Artikolu 2(1) tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19.12.1994[1] dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Ewropa li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Rumanija, min-naħa l-oħra,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni[2],

Billi:

(1) L-Artikolu 111 ta’ l-imsemmi Ftehim Ewropa jipprovdi li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jista’ jiddeċiedi li jwaqqaf kull kumitat speċjali jew korp li jista’ jassistih fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu;

(2) Djalogi u kooperazzjoni bejn awtoritajiet reġjonali u lokali fl-Unjoni Ewropea u r-Rumanija jistgħu jagħtu kontribut kbir fl-implimentazzjoni tal-Ftehim Ewropa kollu.

(3) Jidher xieraq li tali kooperazzjoni għandha tkun bejn il-membri tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Komunitajiet Ewropej u tal-Kumitat Rumen ta’ Kollegament għal Kooperazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Komunitajiet Ewropej.

IDDEĊIEDA KIF GEJ:

L–uniku Artikolu

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Komunità fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Artikolu 106 tal-Ftehim Ewropa li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Rumanija, min-naħa l-oħra, f’dak li għandu x’jaqsam mat-twaqqif tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt ser ikun ibbażat fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni ta’ l-imsemmi Kunsill ta’ Assoċjazzjoni li huwa anness ma’ din id-Deċiżjoni.

Magħmula fi Brussel,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

ABBOZZDEĊIŻJONI TAL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONIBEJN IL-KOMUNITAJIET EWROPEJ U L-ISTATI MEMBRI TAGĦHOM, MINN NAĦA WAĦDA, U R-RUMANIJA, MIN-NAĦA L-OĦRA

li jemenda, permezz ta’ l-istabbiliment ta’ Kumitat Konsultattiv Konġunt bejn il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Rumen ta’ Kollegament għall-Kooperazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Komunitajiet Ewropej, Deċiżjoni Nru 1/95[3] li tadotta r-regoli ta’ proċedura tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.

IL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI

Wara li kkunsidra il-Ftehim Ewropa li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Rumanija, min-naħa l-oħra[4], u b’mod partikulari l-Artikolu 111 tiegħu;

Billi djalogu u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-Komunità Ewropea u dawk fir-Rumanija jistgħu jagħtu kontribut kbir fl-iżvilupp tar-relazzjonijet tagħhom u ta’ l-integrazzjoni ta’ l-Ewropa;

Billi jidher xieraq li tali kooperazzjoni għandha tkun organizzata fuq il-livell tal-Kumitat tar-Reġjuni minn naħa waħda, u tal-Kumitat Rumen ta’ Kollegament għal Kooperazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Komunitajiet Ewropej min-naħa l-oħra, bit-twaqqif ta’ Kumitat Konsultattiv Konġunt;

Billi dan ifisser li r-regoli ta’ proċedura tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, adottati bid-Deċiżjoni Nru 1/95, għandhom bżonn jiġu emendati kif xieraq;

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-Artikoli li ġejjin ser jiġu miżjuda lir-regoli ta’ proċedura tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni:

“Artikolu 18

Kumitat Konsultattiv Konġunt (minn hawn ’ilquddiem “Kumitat”) huwa hawnhekk stabbilit bil-funzjoni li jassisti l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni bil-għan li jippromwovi djalogu u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-Komunità Ewropea u dawk fir-Rumanija. Dan it-tip ta’ djalogu u kooperazzjoni ser ikollhom l-għan partikolari li:

(1) jippreparaw l-awtoritajiet lokali Rumeni għall-attività fil-qafas ta’ ħidma ta’ sħubija futura ma’ l-Unjoni Ewropea;

(2) jippreparaw l-awtoritajiet lokali Rumeni għall-parteċipazzjoni fix-xogħol tal-Kumitat tar-Reġjuni wara l-adeżjoni tar-Rumanija;

(3) jpartu informazzjoni dwar kwistjonijiet attwali ta’ interess reċiproku , b’mod partikulari dwar l-istat ta’ ħidma li tikkonċerna l-politika reġjonali ta’ l-UE u l-proċess ta’ adeżjoni kif ukoll it-tħejjija ta’ l-awtoritajiet lokali Rumeni għal din il-politika;

(4) jinkuraġġixxu djalogu multilaterali strutturat bejn a) l-awtoritajiet lokali Rumeni u b) reġjuni mill-Istati Membri ta’ l-UE, inkluż permezz ta’ networking f’żoni speċifiċi fejn kuntatti diretti u kooperazzjoni bejn awtoritajiet lokali mir-Rumanija, minn naħa, u reġjuni u awtoritajiet lokali mill-Istati Membri ta’ l-UE, min-naħa l-oħra, jistgħu jippruvaw il-mod l-aktar effettiv biex jiġu solvuti problemi partikulari;

(5) jipprovdu skambju regolari ta’ informazzjoni dwar kooperazzjoni inter-reġjonali bejn awtoritajiet lokali mir-Rumanija u reġjuni u awtoritajiet lokali mill-Istati Membri;

(6) jinkuraġġixxu skambju ta’ esperjenzi u għerf fil-qasam tal-politika reġjonali u interventi strutturali, bejn a) l-awtoritajiet lokali Rumeni u b) reġjuni u awtoritajiet lokali mill-Istati Membri ta’ l-UE, b’mod partikulari l-għerf tas-sengħa u tekniċi li jikkonċernaw it-tħejjija ta’ pjani jew strateġiji reġjonali u lokali ta’ żvilupp u l-użu l-aktar effiċjenti tal-Fondi Strutturali;

(7) jassistu l-awtoritajiet lokali Rumeni permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar l-implimentazzjoni prattika tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà fl-aspetti kollha tal-ħajja fuq livell reġjonali u lokali;

(8) jiddiskutu kull kwistjoni relevanti oħra proposta minn kull naħa, hekk kif jistgħu jinqalgħu fil-kuntest ta’ l-implimentazzjoni tal-Ftehim Ewropa u fil-qafas ta’ ħidma ta’ l-Istrateġija ta’ Qabel l-Adeżjoni.

Artikolu 19

Il-Kumitat ser ikun fih tmien rappreżentanti tal-Kumitati tar-Reġjuni, minn naħa, u tmien rappreżentanti tal-Kumitat Rumen ta’ Kollegament għall-Kooperazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Komunitajiet Ewropej, min-naħa l-oħra. Numru ugwali ta’ membri sostituti ser jinħatru.

Il-Kumitat ser iwettaq l-attivitajiet tiegħu fuq bażi ta’ konsultazzjoni mal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jew, f’dak li għandu x’jaqsam mal-promozzjoni tad-djalogu bejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali, fuq inizjativa tiegħu.

Il-Kumitat jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni.

Il-Membri ser jintagħżlu biex jiżguraw li l-Kumitat jkun rifless kemm jista’ jkun leali tal-livelli varji ta’ l-awtoritajiet reġjunali u lokali kemm fil-Komunità Ewropea kif ukoll fir-Rumanija.

Il-Kumitat ser jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.

Il-Kumitat ser jiltaqa’ f’intervalli, li hu stess ser jiddetermina fir-Regoli tiegħu ta’ Proċedura.

Il-Kumitat ser ikun ko-presedut minn membru tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Komunità Ewropea u minn membru tal-Kumitat Rumen ta’ Kollegament għall-Kooperazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 20

Il-Kumitat tar-Reġjuni, minn naħa waħda, u l-Kumitat Rumen ta’ Kollegament għall-Kooperazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Komunitajiet Ewropej, min-naħa l-oħra, ser iħallsu kull wieħed l-ispejjeż miġrura minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-Kumitat f’dak li għandu x’jaqsam mal-persunal, l-ivvjaġġar u s-sussistenza u l-infieq fuq posta u telekomunikazzjoni.

Nfiq rigward interpretazzjoni waqt laqgħat, traduzzjoni u riproduzzjoni ta’ dokumenti ser jitħallas mill-Kumitat tar-Reġjuni, ħlief għal infiq rigward interpretazzjoni jew traduzzjoni għar-Rumen jew mir-Rumen, li ser jitħallas mill-Kumitat Rumen ta’ Kollegament għall-Kooperazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Komunitajiet Ewropej.

Nfiq ieħor relatat ma’ l-organizzazzjoni materjali tal-laqgħat ser jitħallas mill-Parti li tkun qed tilqa’ l-laqgħat.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni ser tidħol fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tat-tieni xahar mid-data ta’ l-adozzjoni tagħha .

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni

Il-President:

Is-Segretarji:

Għan-naħa Rumena

Għall-Komunità Ewropea

[1] ĠU L 357, tal-31.12.1994, p. 1

[2] ĠU C, , p.

[3] ĠU L 171, tal-21.07.1995, p. 41-45

[4] ĠU L 357, tal-31.12.1994, p. 2-189