European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/2852

8.5.2024

P9_TA(2023)0390

Kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej: moduli ġodda

Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fid-9 ta' Novembru 2023 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 691/2011 fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ moduli ġodda ta’ kontijiet ekonomiċi ambjentali (COM(2022)0329 – C9-0223/2022 – 2022/0210(COD))  (1)

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(C/2024/2852)

Emenda 1

Proposta għal regolament

Premessa 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(1)

Id-Deċiżjoni Nru 2022/591 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2022 li tistabbilixxi Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2030 ikkonfermat li informazzjoni tajba dwar ix-xejriet ewlenin, il-pressjonijiet u l-ixprunaturi għat-tibdil ambjentali hija essenzjali għall-iżvilupp ta’ politika effettiva, għall-implimentazzjoni tagħha, u għall-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini. Jenħtieġ li jiġu żviluppati strumenti bil-għan li tissaħħaħ is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar l-effetti ambjentali tal-attività ekonomika. Il-kontijiet ekonomiċi ambjentali huma wieħed minn dawn l-istrumenti. (12)

(1)

Id-Deċiżjoni Nru 2022/591 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2022 li tistabbilixxi Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2030 ikkonfermat li l-monitoraġġ, inkluża informazzjoni tajba dwar ix-xejriet ewlenin, il-pressjonijiet u l-ixprunaturi għat-tibdil ambjentali hija essenzjali għall-iżvilupp ta’ politika effettiva, għall-implimentazzjoni tagħha biex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni , u għall-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini. Jenħtieġ li jiġu żviluppati strumenti bil-għan li tissaħħaħ is-sensibilizzazzjoni ġenerali dwar l-effetti ambjentali tal-attività ekonomika fuq l-ambjent u l-kontribut tal-ambjent għall-ekonomija u għall-benesseri . Il-kontijiet ekonomiċi ambjentali huma wieħed minn dawn l-istrumenti. (12)

Emenda 2

Proposta għal regolament

Premessa 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(3)

Il-moduli l-ġodda għandhom jikkontribwixxu direttament għall-prijoritajiet ta’ politika tal-Unjoni ta’ tkabbir ekoloġiku u effiċjenza fir-riżorsi .

(3)

Jenħtieġ li l-moduli l-ġodda jikkontribwixxu direttament għall-prijoritajiet ta’ politika ambjentali tal-Unjoni kif stabbilit, fost oħrajn, fit-tmien Programm ta’ Azzjoni Ambjentali .

Emenda 3

Proposta għal regolament

Premessa 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(4)

Il-Kummissjoni tal-Istatistika tan-Nazzjonijiet Uniti adottat il-qafas ċentrali tas-Sistema ta’ Kontijiet Ekonomiċi Ambjentali (“SEEA”) bħala standard internazzjonali tal-istatistika fit-43 sessjoni tagħha fi Frar tal-2012 u l-Kontabbiltà tal-Ekosistema tas-SEEA (il-Kapitoli 1 sa 7 li jiddeskrivu l-qafas kontabilistiku u l-kontijiet fiżiċi) fit-52 sessjoni tagħha f’Marzu tal-2021. Il-moduli l-ġodda stabbiliti minn dan ir-Regolament huma kompletament konformi mas-SEEA.

(4)

Il-Kummissjoni tal-Istatistika tan-Nazzjonijiet Uniti adottat il-qafas ċentrali tas-Sistema ta’ Kontijiet Ekonomiċi Ambjentali (“SEEA”) bħala standard internazzjonali tal-istatistika fit-43 sessjoni tagħha fi Frar tal-2012 u l-Kontabbiltà tal-Ekosistema tas-SEEA (il-Kapitoli 1 sa 7 li jiddeskrivu l-qafas kontabilistiku u l-kontijiet fiżiċi) fit-52 sessjoni tagħha f’Marzu tal-2021. Il-moduli l-ġodda stabbiliti minn dan ir-Regolament huma kompletament konformi mas-SEEA. Barra minn hekk, is-SEEA implimentat is-Sistema tal-Kontijiet Ekonomiċi Ambjentali għall-Ilma (SEEA-Water), li tappoġġa l-Qafas Ċentrali tas-SEEA.

Emenda 4

Proposta għal regolament

Premessa 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(5)

Sabiex twettaq il-kompiti tagħha skont it-Trattati, speċjalment dawk relatati mal-ambjent, is-sostenibbiltà u t-tibdil fil-klima, l-Unjoni jenħtieġ li jkollha informazzjoni rilevanti, komprensiva u affidabbli. It-teħid tad-deċiżjonijiet abbażi tal-evidenza jirrikjedi statistika li tissodisfa kriterji ta’ kwalità għolja, kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, f’konformità mal-objettivi tagħhom. (14)

(5)

Sabiex twettaq il-kompiti tagħha skont it-Trattati u d-dritt internazzjonali , speċjalment dawk relatati mal-ambjent, is-sostenibbiltà u t-tibdil fil-klima, l-Unjoni jenħtieġ li jkollha informazzjoni rilevanti, komprensiva u affidabbli. It-teħid tad-deċiżjonijiet abbażi tal-evidenza jirrikjedi statistika li tissodisfa kriterji ta’ kwalità għolja, kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, f’konformità mal-objettivi tagħhom.  Barra minn hekk, huwa meħtieġ li l-Eurostat jippreżenta d-data miġbura b’mod aktar aċċessibbli u faċli għall-utent, filwaqt li jippromwoviha b’mod attiv.  (14)

Emenda 36

Proposta għal regolament

Premessa 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(6)

Sabiex jiġi mmonitorjat aħjar il-progress lejn ekonomija ċirkolari ekoloġika , kompetittiva u reżiljenti u jiġi mmonitorjat il-progress lejn l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli fil-kuntest tal-Unjoni , hija meħtieġa data addizzjonali.

(6)

Sabiex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050, huwa essenzjali li l-leġiżlazzjoni u l-proċessi kollha tal-Unjoni jiġu allinjati mal-objettivi ambjentali u klimatiċi fit-tul tal-Unjoni kif stabbiliti skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew, ir-Regolament (UE) 2021/1119 (il-“Liġi Ewropea dwar il-Klima”), b’mod partikolari l-Artikolu 6(4) tiegħu, u l-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %”. Diversi atti leġiżlattivi tal-Unjoni diġà jeħtieġu monitoraġġ mill-qrib tax-xejriet, u b’hekk, ta’ data addizzjonali u aktar preċiża. Skont id-data tal-Kummissjoni, it-twettiq tal-aġenda ambizzjuża tal-Patt Ekoloġiku tal-Unjoni se jirrikjedi investiment sinifikanti, u d-diskrepanza fl-investiment privat u pubbliku biex tiġi koperta t-tranżizzjoni ekoloġika huwa stmat li hu ta’ kważi EUR 520 biljun fis-sena, għall-għaxar snin li ġejjin. Barra minn hekk, skont id-data tal-Kummissjoni, it-tnaqqis tad-dipendenza mill-fjuwils fossili minn pajjiżi terzi u l-aċċelerazzjoni tat-tranżizzjoni tal-enerġija tal-Unjoni lil hinn mill-fjuwils fossili se jeħtieġu investimenti addizzjonali sal-aħħar tal-2027 li jammontaw għal EUR 210 biljun. Huwa ċar ukoll li filwaqt li sehem sostanzjali tal-investiment se jiġi pprovdut mis-settur privat, anke l-investiment pubbliku se jkollu jiżdied b’mod sinifikanti. Meta jitqies dan, huwa fundamentali li tinkiseb data rilevanti u granulari mill-Istati Membri dwar l-investimenti tagħhom fil-klima, l-enerġija u l-ambjent biex jiġi żgurat li l-Unjoni tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew b’kapital pubbliku u privat suffiċjenti allokat għat-tranżizzjoni ekoloġika. Għal dawk ir-raġunijiet kollha , is-sistema tal-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej għandha tiġi żviluppata malajr f’għodda komprensiva li tipprovdi data addizzjonali sinifikanti biex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali tal-Unjoni u tat-tfassil tal-politika ambjentali. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tippreżenta proposta leġiżlattiva biex tadotta moduli ġodda li jiġbru d-data rilevanti u l-valuri ta’ rapportar kollha relatati mal-għanijiet tal-Unjoni.

Emenda 6

Proposta għal regolament

Premessa 6a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6a)

Filwaqt li jiġu żviluppati u ppilotati moduli ġodda, jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali u prijorità lill-iżvilupp ta’ kontijiet ekonomiċi ambjentali dwar is-sussidji għall-enerġija, inklużi l-fjuwils fossili. Il-Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2030 jappella biex jiġi stabbilit qafas vinkolanti tal-Unjoni għall-monitoraġġ u r-rappurtar dwar il-progress tal-Istati Membri lejn it-tneħħija gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili, abbażi ta’ metodoloġija miftiehma, u mingħajr dewmien, u jistabbilixxi skadenza għat-tneħħija gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili konsistenti mal-ambizzjoni li t-tisħin globali jiġi limitat għal 1,5 °C, li hija l-mira tal-Ftehim ta’ Pariġi, fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali u lokali. Il-kontijiet ekonomiċi ambjentali jenħtieġ li jappoġġaw dan il-għan billi jipprovdu f’modulu ġdid dwar is-sussidji għall-enerġija, inklużi l-fjuwils fossili, id-data meħtieġa għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-progress.

Emenda 7

Proposta għal regolament

Premessa 6b (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6b)

L-ilma huwa riżorsa kruċjali, u l-integrazzjoni ta’ modulu ġdid dwar l-ilma fil-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej hija prerekwiżit għall-ġestjoni sostenibbli tiegħu, kif ukoll għall-fehim tar-relazzjoni tiegħu mal-attività ekonomika.

Emenda 37

Proposta għal regolament

Premessa 6c (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6c)

L-adattament huwa komponent ewlieni tar-rispons globali fit-tul għat-tibdil fil-klima. Huwa meħtieġ li jiġu indirizzati r-riskji għas-saħħa relatati mal-klima li qed jikbru, inklużi mewġiet ta’ sħana, nirien fil-foresti u għargħar aktar frekwenti u intensi, theddid għas-sigurtà u s-sikurezza tal-ikel u tal-ilma, u t-tfaċċar u t-tixrid ta’ mard infettiv. L-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima jistgħu potenzjalment jisbqu l-kapaċitajiet ta’ adattament tal-Istati Membri. Għalhekk jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Unjoni jtejbu l-kapaċità ta’ adattament tagħhom, isaħħu r-reżiljenza u jnaqqsu l-vulnerabbiltà għat-tibdil fil-klima, kif previst fl-Artikolu 7 tal-Ftehim ta’ Pariġi, kif ukoll li dawn jimmassimizzaw il-benefiċċji kollaterali ma’ politiki u leġiżlazzjoni oħra. L-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2021/1119 jirrikjedi li l-Istati Membri jadottaw strateġiji u pjanijiet ta’ adattament nazzjonali komprensivi bbażati fuq analiżi robusta tat-tibdil fil-klima u tal-vulnerabbiltà, valutazzjonijiet tal-progress u indikaturi, filwaqt li jkunu ggwidati mill-aqwa evidenza xjentifika disponibbli u l-aktar reċenti. Billi huwa meħtieġ li jiġi mmonitorjat il-progress lejn l-adattament għall-klima, il-Kummissjoni jenħtieġ li tippreżenta proposta leġiżlattiva biex tadotta modulu ġdid dwar l-adattament għall-klima, li jaqbad id-data rilevanti kollha u l-valuri ta’ rapportar relatati mal-adattament għat-tibdil fil-klima.

Emenda 38

Proposta għal regolament

Premessa 6d (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6d)

It-telf tal-bijodiversità huwa fost il-vulnerabbiltajiet ewlenin li l-ekonomiji jiffaċċjaw, flimkien mat-tibdil fil-klima u huwa amplifikat minnu. Il-bijodiversità hija kruċjali għas-sigurtà tal-ikel, il-benesseri tal-bniedem u r-reżiljenza ġenerali tas-soċjetajiet u l-ekonomiji. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Unjoni jsaħħu r-rispons tagħhom għall-kriżi tal-bijodiversità f’konformità mal-impenji internazzjonali tagħhom fil-Qafas Globali tal-Bijodiversità ta’ Kunming-Montreal. Billi huwa meħtieġ li jiġi mmonitorjat il-progress lejn it-treġġigħ lura tat-tnaqqis tal-bijodiversità, il-Kummissjoni jenħtieġ li tippreżenta proposta leġiżlattiva biex tadotta modulu ġdid dwar il-bijodiversità.

Emenda 10

Proposta għal regolament

Premessa 6e (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6e)

Il-kontijiet tal-ekosistema, bħala mezz biex tiġi ppreżentata data dwar il-firxa u l-kundizzjoni tal-assi tal-ekosistema u s-servizzi li jipprovdu lis-soċjetà u lill-ekonomija għandhom l-għan li jagħtu valur lin-natura, filwaqt li jippermettu li l-kostijiet għan-natura jitqiesu aħjar. L-għan li jiġu stabbiliti valuri monetarji jenħtieġ li jkun li tiżdied il-viżibbiltà dwar il-kost tan-nuqqas ta’ azzjoni u li l-Unjoni tiġi appoġġata biex tikseb l-objettivi ambjentali. Sabiex iwassal l-effetti maħsuba tiegħu bis-sħiħ, il-modulu għandu fil-futur jiġi żviluppat aktar, inkluż billi possibbilment jiżdied ir-rappurtar dwar il-valuri monetarji.

Emenda 11

Proposta għal regolament

Premessa 8

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(8)

Fl-2019, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri ppubblikat rapport speċjali Nru 2019/16 bit-titolu “Il-Kontijiet Ekonomiċi Ambjentali Ewropej: l-utilità tagħhom għal min ifassal il-politika tista’ tittejjeb”. (15) Dak ir-rapport jirrimarka l-ħtieġa ta’ data aktar kompluta dwar il-foresti u l-ekosistemi u għall-implimentazzjoni sħiħa tal-kontijiet forestali.

(8)

Fl-2019, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri ppubblikat rapport speċjali Nru 2019/16 bit-titolu “Il-Kontijiet Ekonomiċi Ambjentali Ewropej: l-utilità tagħhom għal min ifassal il-politika tista’ tittejjeb”. (15) Dak ir-rapport jirrimarka l-ħtieġa ta’ data aktar kompluta dwar il-foresti u l-ekosistemi u għall-implimentazzjoni sħiħa tal-kontijiet forestali. It-tliet rakkomandazzjonijiet konklużivi tal-Qorti tal-Awdituri kienu biex jittejbu l-qafas strateġiku għad-data tal-EEEA, ir-rilevanza tal-moduli tal-EEEA għat-tfassil tal-politika u l-puntwalità tad-data tal-EEEA. Barra minn hekk, ir-rapport spjega kif il-Eurostat qed jiffaċċja sfidi fil-ġbir ta’ data f’waqtha u ta’ kwalità għolja. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu data ta’ kwalità għolja għall-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej fil-limiti ta’ żmien stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Emenda 12

Proposta għal regolament

Premessa 9

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(9)

L-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 691/2011 jelenka s-sorsi li l-Istati Membri jistgħu jużaw sabiex jistmaw il-kontijiet ekonomiċi ambjentali. Sabiex tiġi żgurata l-flessibbiltà u jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq ir-rispondenti, fuq l-Uffiċċji Nazzjonali tal-Istatistika u fuq awtoritajiet nazzjonali oħrajn, l-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew jużaw approċċi innovattivi. L-Istati Membri jenħtieġ li dejjem jinformaw lill-Kummissjoni u jipprovdu dettalji fir-rigward tal-kwalità ta’ dawk l-approċċi biex il-Kummissjoni tivvaluta l-kwalità tad-data.

(9)

L-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 691/2011 jelenka s-sorsi li l-Istati Membri jistgħu jużaw sabiex jistmaw il-kontijiet ekonomiċi ambjentali. Sabiex tiġi żgurata l-flessibbiltà u jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq ir-rispondenti, fuq l-Uffiċċji Nazzjonali tal-Istatistika u fuq awtoritajiet nazzjonali oħrajn, l-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew jużaw approċċi innovattivi bħal, pereżempju, l-osservazzjoni tad-dinja (servizzi ta’ Copernicus) . L-Istati Membri jenħtieġ li dejjem jinformaw lill-Kummissjoni u jipprovdu dettalji fir-rigward tal-kwalità ta’ dawk l-approċċi biex il-Kummissjoni tivvaluta l-kwalità tad-data. Jenħtieġ li s-servizzi ta’ Copernicus jiġu żviluppati aktar bil-ħsieb li d-data tinġabar dejjem aktar b’mod awtomatiku u jenħtieġ li jiġu ffinanzjati b’mod adegwat għal dan l-iskop.

Emenda 39

Proposta għal regolament

Premessa 11

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(11)

Hemm bżonn li l-lista ta’ kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej futuri possibbli elenkati fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 691/2011 tiġi aġġornata sabiex dawn jiġu allinjati mal-prijoritajiet ta’ politika attwali tal-Unjoni .

(11)

Fid-dawl tal-bżonn urġenti li tespandi s-sistema tal-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej għat-tfassil tal-politiki u għall-monitoraġġ, il-Kummissjoni jenħtieġ li tippreżenta proposta leġiżlattiva biex tadotta l-moduli l-ġodda elenkati f’dan ir-Regolament u ttejjeb u tkompli tiżviluppa l-moduli eżistenti stabbiliti fl-annessi tar-Regolament (UE) Nru 691/2011 .

Emenda 14

Proposta għal regolament

Premessa 14

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(14)

Sabiex jitqies l-istat attwali tal-iżvilupp tal-metodoloġiji ħalli jiġu stmati s-servizzi tal-ekosistema , il-Kummissjoni jenħtieġ li tiġi ddelegata bis-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea sabiex tissupplimenta r-Regolament billi tistabbilixxi għal liema mis-servizzi tal-ekosistema diġà inklużi fit-tabelli ta’ rapportar fit-Taqsima 5 tal-Anness IX jenħtieġ li jiġu rrapportati l-valuri monetarji, l-ewwel sena ta’ referenza kif ukoll lista ta’ metodi aċċettabbli sabiex jiġu stabbiliti dawk il-valuri monetarji . Huwa importanti b’mod partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa waqt il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (17). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(14)

Sabiex jiġu żviluppati aktar l-EEEA , jenħtieġ li l-Kummissjoni tiġi ddelegata bis-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea sabiex tissupplimenta r-Regolament billi tadotta moduli ġodda u temenda l-moduli eżistenti . Huwa importanti b’mod partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa waqt il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (17). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

Emenda 15

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt -1 (ġdid)

Regolament (UE) Nru 691/2011

Artikolu 1 – paragrafu 1a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

-1.

fl-Artikolu 1, il-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

 

L-objettiv ġenerali tiegħu huwa li jipprovdi data li tappoġġa l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-progress tal-Unjoni fl-ilħuq tal-objettivi ambjentali tagħha stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni kif ukoll l-impenji internazzjonali tagħha f’dan il-qasam.

Emenda 16

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 1

Regolament (UE) Nru 691/2011

Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt 8

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(8)

“sussidji ambjentali u trasferimenti simili” tfisser trasferimenti attwali u kapitali, kif definiti fl-ESA 2010, maħsuba sabiex jappoġġaw attivitajiet li jipproteġu l-ambjent u jissalvagwardjaw ir-riżorsi nazzjonali u l-prodotti relatati;

(8)

“sussidji ambjentali u trasferimenti simili” tfisser trasferimenti attwali u kapitali, kif definiti fl-ESA 2010, maħsuba sabiex jappoġġaw attivitajiet li jipproteġu l-ambjent u jissalvagwardjaw ir-riżorsi naturali u l-prodotti relatati;

Emenda 40

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2 – punt aa (ġdid

Regolament (UE) Nru 691/2011

Artikolu 3 – paragrafu 1a (ġdid

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(a a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

 

“1a.     Sa ... [3 snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta leġiżlattiva f’konformità mal-Artikolu 9 biex tiżviluppa l-moduli li ġejjin:

 

(a)

is-sussidji għall-enerġija, inklużi s-sussidji għall-fjuwils fossili;

 

(b)

is-sussidji jew il-miżuri ta’ appoġġ potenzjalment ta’ ħsara għall-ambjent għajr dawk skont il-punt (a);

 

(c)

il-kontijiet tal-ilma (kwantitattivi u kwalitattivi);

 

(d)

il-kont tal-iskart;

 

(e)

ir-rata tal-użu ta’ materja ċirkolari;

 

(f)

il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima;

 

(g)

l-adattament għat-tibdil fil-klima;

 

(h)

il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u tal-ekosistemi;

 

(i)

il-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis;

 

(j)

il-kontijiet ta’ nfiq għall-ġestjoni tar-riżorsi, inkluża l-materja prima kritika;

 

(k)

l-impronta ambjentali.”;

Emenda 18

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2 – punt b

Regolament (UE) Nru 691/2011

Artikolu 3 – paragrafu 4a

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

4a.   Il-Kummissjoni ( il-Eurostat ) għandha twettaq studju metodoloġiku u ta’ fattibbiltà dwar il-valutazzjoni monetarja tas-servizzi tal-ekosistema. Abbażi tar-riżultati ta’ dan l-istudju, il-Kummissjoni tista’ tissupplimenta dan ir-Regolament sabiex tiddefinixxi, permezz ta’ att delegat, għal liema mis-servizzi tal-ekosistema diġà inklużi fit-tabelli ta’ rapportar fit-Taqsima 5 tal-Anness IX, għandhom jiġu rrapportati l-valuri monetarji, l-ewwel sena ta’ referenza kif ukoll lista ta’ metodi aċċettabbli għall-istabbiliment ta’ dawn il-valuri monetarji.”;

4a.    Sa .... [18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], il-Kummissjoni ( Eurostat ) għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-valutazzjoni monetarja tas-servizzi tal-ekosistema. Ir-rapport għandu jinkludi valutazzjoni tal-possibbiltajiet metodoloġiċi u l-fattibbiltà tal-valutazzjoni monetarja , valuri ta’ rappurtar possibbli fejn dawk il-valuri jkunu neqsin , u modi alternattivi possibbli ta’ kejl għall-Kontijiet tas-servizzi tal-Ekosistema. Ir-rapport jista’, fejn xieraq, ikun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva biex dan ir-Regolament jiġi emendat .”;

Emenda 19

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2 – punt ba (ġdid)

Regolament (UE) Nru 691/2011

Artikolu 3 – paragrafu 4aa (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(ba)

jiddaħħal il-paragrafu 4aa ġdid li ġej:

 

4aa.     Sa ... [sena mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], il-Kummissjoni għandha tippubblika studju li janalizza d-data ta’ rappurtar inkluża bħalissa f’dan ir-Regolament għall-mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima, kif ukoll tipproponi l-ħolqien ta’ modulu dedikat għall-adattament għat-tibdil fil-klima biex jiġi żgurat li l-valuri kollha tar-rappurtar biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima, il-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %” u l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti jkunu pprovduti mill-Istati Membri. L-istudju għandu jkun akkumpanjat minn skeda ta’ żmien indikattiva għall-iżvilupp futur tal-moduli.

Emenda 21

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2a (ġdid)

Regolament (UE) Nru 691/2011

Artikolu 4 – paragrafu 1

Test fis-seħħ

Emenda

 

(2a)

fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni għandha tfassal programm għat-twettiq ta’ studji pilota mill-Istati Membri fuq bażi volontarja biex jiġi żviluppat ir-rapportar u titjieb il-kwalità tad-dejta , jiġu stabbiliti sensieli fuq tul ta’ żmien u tiġi żviluppata metodoloġija. Il-programm għandu jinkludi studji pilota biex tiġi ttestjata l-fattibbiltà tal-introduzzjoni ta’ moduli ġodda ta’ kontijiet ekonomiċi ambjentali. Fit-tfassil tal-programm, il-Kummissjoni għandha tiżgura li ma jitpoġġa l-ebda piż amministrattiv jew finanzjarju addizzjonali fuq l-Istati Membri u fuq l-unitajiet rispondenti.”

“1.   Il-Kummissjoni għandha tfassal programm għat-twettiq ta’ studji pilota mill-Istati Membri fuq bażi volontarja biex jiġi żviluppat ir-rappurtar u titjieb il-kwalità tad-data , jiġu stabbiliti sensieli fuq tul ta’ żmien u tiġi żviluppata metodoloġija. Il-programm għandu jinkludi studji pilota biex jiġu ttestjati l-moduli ġodda ta’ kontijiet ekonomiċi ambjentali. Fit-tfassil tal-programm, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-moduli li jipproduċu data dwar is-sussidji għall-enerġija, inklużi l-fjuwils fossili, u tiżgura li ma jitpoġġa l-ebda piż amministrattiv jew finanzjarju addizzjonali fuq l-Istati Membri u fuq l-unitajiet rispondenti.”

Emenda 22

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 3

Regolament (UE) Nru 691/2011

Artikolu 5 – paragrafu 2 – punt d

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(d)

kwalunkwe sors, metodu jew approċċ innovattiv ieħor rilevanti, sakemm dan jippermetti l-produzzjoni ta’ statistika li tkun komparabbli u konformi mar-rekwiżiti speċifiċi applikabbli tal-kwalità.

(d)

kwalunkwe sors, metodu jew approċċ innovattiv ieħor rilevanti, sakemm dan jippermetti l-produzzjoni ta’ kontijiet ekonomiċi ambjentali li jkunu komparabbli u konformi mar-rekwiżiti speċifiċi applikabbli tal-kwalità.

Emenda 23

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 3

Regolament (UE) Nru 691/2011

Artikolu 5 – paragrafu 2 – subparagrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

L-Istati Membri li jiddeċiedu li jużaw is-sorsi, il-metodi jew l-approċċi innovattivi msemmija fil-punt (d) għandhom jinformaw lill-Kummissjoni (il-Eurostat) tul is-sena ta’ qabel is-sena ta’ referenza li matulha se jiġi introdott is-sors, il-metodu jew l-approċċ innovattiv, u għandhom jipprovdu dettalji dwar il-kwalità tad-data miksuba.”;

L-Istati Membri li jiddeċiedu li jużaw is-sorsi, il-metodi jew l-approċċi innovattivi msemmija fil-punt (d) għandhom jinformaw lill-Kummissjoni (il-Eurostat) tul is-sena ta’ qabel is-sena ta’ referenza li matulha se jiġi introdott is-sors, il-metodu jew l-approċċ innovattiv, u għandhom jipprovdu dettalji dwar il-kwalità tad-data miksuba. Il-Kummissjoni tista’, fi żmien 3 xhur wara li tkun infurmata, tagħti parir lill-Istati Membri biex ma jużawx approċċ innovattiv speċifiku jekk tqis li l-kwalità tad-data tirriskja li ma tkunx biżżejjed jew tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kif tinkiseb il-kwalità rilevanti tad-data. Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar approċċi innovattivi fost l-Istati Membri kollha. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-informazzjoni kollha li tirċievi mill-Istati Membri skont dan is-subparagrafu kif ukoll il-parir tagħha, fejn applikabbli. ”;

Emenda 24

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 3a (ġdid)

Regolament (UE) Nru 691/2011

Artikolu 6a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(3a)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

 

Artikolu 6a

 

Sa ... [18 xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], il-Kummissjoni (Eurostat) u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) għandhom jiżviluppaw u jipprovdu lid-Dashboard tal-Kontijiet Ambjentali Ewropej b’informazzjoni dwar is-sitwazzjoni attwali bbażata fuq ix-xjenza u aċċessibbli liberament dwar id-data koperta mill-moduli, bħall-perkors għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, filwaqt li jqisu l-objettivi stabbiliti fil-liġi Ewropea dwar il-Klima, il-progress lejn ir-restawr tal-bijodiversità u l-investimenti assoċjati. Id-dashboard għandu jiġi aġġornat kull sena, u jkopri moduli u data ġodda disponibbli.

Emenda 25

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 4

Regolament (UE) Nru 691/2011

Artikolu 8 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2.   Għall-finijiet tal-ksib ta’ deroga skont il-paragrafu 1 għall-Annessi VII, VIII u IX, l-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta talba debitament ġustifikata lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn [OPOCE, jekk jogħġbok daħħal id-data eżatta li hija 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].”;

2.   Għall-finijiet tal-ksib ta’ deroga skont il-paragrafu 1 għall-Annessi VII, VIII u IX, l-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta talba debitament ġustifikata lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn [OPOCE, jekk jogħġbok daħħal id-data eżatta li hija 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament]. Il-Kummissjoni għandha tippubblika t-talbiet kollha li tirċievi mill-Istati Membri. ”;

Emenda 26

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 5 – punt a

Regolament (UE) Nru 691/2011

Artikolu 9 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2.   Il-Kummissjoni għandha tiġi kkonferita s-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(3), (4) u (4a) għal perjodu ta’ ħames snin mill-11 ta’ Awwissu 2011. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodi ta’ żmien ta’ tul identiku, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux din l-estensjoni sa mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiġi kkonferita s-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(1a), (3), (4) u (4ab) għal perjodu ta’ ħames snin mill-11 ta’ Awwissu 2011. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodi ta’ żmien ta’ tul identiku, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux din l-estensjoni sa mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

Emenda 27

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 5 – punt a

Regolament (UE) Nru 691/2011

Artikolu 9 – paragrafu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 3(3), (4) u (4a) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe żmien mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tieħu effett fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkunu diġà fis-seħħ.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 3(1a), (3), (4) u (4ab) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe żmien mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tieħu effett fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkunu diġà fis-seħħ.

Emenda 28

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 5 – punt b

Regolament (UE) Nru 691/2011

Artikolu 9 – Paragrafu 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

5.   Att delegat adottat f’konformità mal-Artikolu 3(3) u (4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu , il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li huma mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

5.   Att delegat adottat f’konformità mal-Artikolu 3(3) u (4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li huma mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Emenda 29

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 6

Regolament (UE) Nru 691/2011

Artikolu 10 – paragrafu 2 – inċiż 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(6)

fl-Artikolu 10, l-ewwel punt bis-sing huwa sostitwit b’dan li ġej:

(6)

fl-Artikolu 10, l-ewwel punt bis-sing huwa mħassar.

“ -

sabiex jiġu introdotti moduli ġodda ta’ kontijiet ekonomiċi ambjentali, bħal Kontijiet tal-Ilma (kwantitattivi u kwalitattivi), Kontijiet ta’ Nfiq għall-Ġestjoni tar-Riżorsi, Sussidji jew miżuri ta’ appoġġ li potenzjalment jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-Kontijiet tal-ambjent u tal-Iskart”;

 

Emenda 30

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – paragrafu 1a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119, l-Istati Membri għandhom jissottomettu data dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima mill-1 ta’ Jannar 2025. Id-data pprovduta dwar l-investiment għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima għandha tintegra t-trasferimenti kapitali u l-investimenti kurrenti minn setturi istituzzjonali (inkluż il-gvern ġenerali, il-korporazzjonijiet u l-unitajiet domestiċi) għall-attivitajiet elenkati fl-Anness VI tar-Regolament (UE) 2021/241 filwaqt li jiġi speċifikat jekk ikunx ġie allokat koeffiċjent ta’ 40 % jew 100 % għall-kalkolu tal-appoġġ għall-objettivi dwar it-tibdil fil-klima, għas-setturi elenkati fin-NACE Rev.2 (livell ta’ aggregazzjoni A*64), fejn rilevanti.

Emenda 31

Proposta għal regolament

Anness I

Regolament (UE) Nru 691/2011

Anness VII – taqsima 4 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(2)

L-istatistika għandha tiġi trażmessa fi żmien 21 xahar mit-tmiem tas-sena ta’ referenza.

(2)

L-istatistika għandha tiġi trażmessa fi żmien 12-il xahar mit-tmiem tas-sena ta’ referenza.

Emenda 32

Proposta għal regolament

Anness I

Regolament (UE) Nru 691/2011

Anness VIII – taqsima 4 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(2)

L-istatistika għandha tiġi trażmessa fi żmien 24 xahar mit-tmiem tas-sena ta’ referenza.

(2)

L-istatistika għandha tiġi trażmessa fi żmien 12-il xahar mit-tmiem tas-sena ta’ referenza.

Emenda 33

Proposta għal regolament

Anness I

Regolament (UE) 691/2011

Anness IX – taqsima 3 – paragrafu 1 – punt 3 – punt e – it-tielet inċiż (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

—

indiċi tal-għasafar komuni tal-foresti; l-indikatur tal-għasafar tal-foresti jiddeskrivi x-xejriet fl-abbundanza ta’ għasafar komuni tal-foresti fil-firxiet Ewropej tagħhom maż-żmien; huwa indiċi kompost maħluq minn data ta’ osservazzjoni tal-ispeċijiet tal-għasafar karatteristiċi għall-ħabitats tal-foresti fl-Ewropa. l-indiċi huwa bbażat fuq lista speċifika ta’ speċijiet f’kull Stat Membru.

Emenda 34

Proposta għal regolament

Anness I

Regolament (UE) 691/2011

Anness IX – taqsima 3 – paragrafu 1 – punt 4 – punt c

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(c)

Servizzi kulturali

(c)

Servizzi relatati mat-turiżmu abbażi tan-natura

Emenda 35

Proposta għal regolament

Anness I

Regolament (UE) Nru 691/2011

Anness IX – taqsima 4 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(2)

L-istatistika għandha tiġi trażmessa fi żmien 24 xahar mit-tmiem tas-sena ta’ referenza.

(2)

L-istatistika għandha tiġi trażmessa fi żmien 12 xahar mit-tmiem tas-sena ta’ referenza.


(1)  Il-każ ġie mgħoddi lura għan-negozjati interistituzzjonali lill-kumitat responsabbli skont l-Artikolu 59(4), ir-raba' subparagrafu (A9-0296/2023).

(12)   ĠU L 114, 12.4.2022, p. 22.

(12)   ĠU L 114, 12.4.2022, p. 22.

(14)  Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164)

(14)  Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164)

(15)   https://www.eca.europa.eu/en/Pages/DocItem.aspx?did=51214

(15)   https://www.eca.europa.eu/en/Pages/DocItem.aspx?did=51214

(17)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(17)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2852/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)