28.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 113/44


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/870

tal-25 ta’ April 2023

dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li tirrigwarda s-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen fir-Repubblika ta’ Ċipru

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra l-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, u partikolarment l-Artikolu 3(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

L-Artikolu 3(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 jipprevedi li d-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen mhux imsemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ dak l-Att, għandhom japplikaw f’Ċipru biss skont deċiżjoni tal-Kunsill għal dak il-għan, wara verifika, f’konformità mal-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen applikabbli, li l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-partijiet kollha tal-acquis rilevanti ġew issodisfati f’Ċipru=.

(2)

Il-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen applikabbli huma stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/922 (2), li jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 (3). Evalwazzjoni mwettqa skont dawk il-proċeduri għandha, madankollu, tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi speċjali ta’ Ċipru, kif rikonoxxuti fil-Protokoll Nru 10 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003.Fid-dikjarazzjoni ta’ tħejjija tiegħu, Ċipru tenna l-impenn tiegħu, ladarba tali evalwazzjoni tkun ġiet konkluża, li jgħaddi minn evalwazzjonijiet ulterjuri regolari ta’ Schengen dwar l-aspetti tal-acquis ta’ Schengen li saru applikabbli mill-Kunsill.

(3)

L-evalwazzjoni ta’ Schengen relatata mal-protezzjoni tad-data twettqet f’Ċipru f’Novembru 2019, f’konformità mal-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen applikabbli f’dak iż-żmien, li huma stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1053/2013. Rapport ta’ evalwazzjoni, adottat permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2020)8150 f’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) Nru 1053/2013, ikkonferma li l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen relatati mal-protezzjoni tad-data kienu ġew issodisfati f’Ċipru.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/450 (4), ġie vverifikat li, mil-lat tekniku, is-sistema nazzjonali ta’ Ċipru hija lesta li tiġi integrata fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS).

(5)

Peress li Ċipru għamel l-arranġamenti tekniċi u legali meħtieġa biex jipproċessa d-data tas-SISu jiskambja informazzjoni supplimentari, issa huwa possibbli għall-Kunsill li jistabbilixxi d-data minn meta l-acquis ta’ Schengen relatat mas-SIS għandu japplika f’Ċipru.

(6)

Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tippermetti li d-data tas-SIStiġi trasferita lil Ċipru. Jenħtieġ li l-użu konkret ta’ tali data jippermetti lill-Kummissjoni tivverifika l-applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mas-SIS f’Ċipru. Ladarba jkun ġie vverifikat li ġew issodisfati l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-partijiet kollha tal-acquis ta’ Schengen f’Ċipru, jenħtieġ li l-Kunsill jiddeċiedi dwar it-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni ma’ Ċipru.

(7)

Jenħtieġ li l-Kunsill jadotta Deċiżjoni separata li tistabbilixxi data għat-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni ma’ Ċipru. Jenħtieġ li jiġu imposti ċerti restrizzjonijiet fuq l-użu tas-SISf’Ċipru sa dik id-data.

(8)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (5) ta’ Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt G, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (6).

(9)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (7) ta’ Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt G, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (8) u mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/ĠAI (9).

(10)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-adeżjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (10) ta’ Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt G, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/349/UE (11) u l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (12),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Soġġett għall-kondizzjonijiet speċifikati f’dan l-Artikolu, mill-25 ta’ Lulju 2023, id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) stabbiliti fl-Anness, għandhom japplikaw fir-Repubblika ta’ Ċipru fir-relazzjonijiet tagħha ma’:

(a)

ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika tal-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Renju tan-Netherlands, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Iżvezja;

(b)

l-Irlanda fir-rigward biss tad-dispożizzjonijiet imsemmija fir-Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13); u

(c)

ir-Repubblika tal-Iżlanda, il-Prinċipalità tal-Liechtenstein, ir-Renju tan-Norveġja u l-Konfederazzjoni Żvizzera.

2.   Mit-13 ta’ Ġunju 2023, l-allerti, l-informazzjoni supplimentari u d-data addizzjonali li ġejjin jistgħu jsiru disponibbli għal Ċipru f’konformità mar-Regolamenti (UE) 2018/1860 (14), (UE) 2018/1861 (15) u (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill:

(a)

allerti kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (4), tar-Regolament (UE) 2018/1860, l-Artikolu 3, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2018/1861 u l-Artikolu 3, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2018/1862;

(b)

informazzjoni supplimentari,kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (5), tar-Regolament (UE) 2018/1860, l-Artikolu 3, il-punt (2), tar-Regolament (UE) 2018/1861 u l-Artikolu 3, il-punt (2), tar-Regolament (UE) 2018/1862 li huma konnessi mal-allerti msemmija fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu; u

(c)

data addizzjonali kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (3), tar-Regolament (UE) 2018/1861 u Artikolu 3, il-punt (3), tar-Regolament (UE) 2018/1862 li huma konnessi ma’ dawk l-allerti msemmija fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu.

3.   Mill-25 ta’ Lulju 2023, Ċipru għandu jkun jista’ jdaħħal allerti u data addizzjonali fis-SIS, juża d-data tas-SIS u jiskambja informazzjoni supplimentari, soġġett għall-paragrafu 4.

4.   Sakemm jitneħħew il-kontrolli fil-fruntieri interni ma’ Ċipru, Ċipru:

(a)

ma għandux ikun obbligat jirrifjuta d-dħul jew is-soġġorn lil ċittadini ta’ pajjiż terz fit-territorju tiegħu li tkun inħarġet twissija għalihom mingħand Stat Membru ieħor għall-fini tar-rifjut tad-dħul jew is-soġġorn skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2018/1861; u

(b)

għandu joqgħod lura milli jdaħħal twissijiet u informazzjoni addizzjonali fis-SIS, kif ukoll milli jiskambja data supplimentari dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi, għall-fini ta’ ċaħda ta’ dħul jew soġġorn f’konformità mal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2018/1861.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta’ April 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

P. KULLGREN


(1)   ĠU C 465, 6.12.2022, p. 210.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/922 tad-9 ta’ Ġunju 2022 dwar l-istabbiliment u l-operazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1053/2013, (ĠU L 160, 15.6.2022, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 tas-7 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-16 ta’ Settembru 1998 li stabbilixxiet Kumitat Permanenti għall-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ Schengen (ĠU L 295, 6.11.2013, p. 27).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/450 tas-16 ta’ Marzu 2015 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tat-testijiet għall-Istati Membri li qed jintegraw ruħhom fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) jew li qegħdin jibdlu sostanzjalment is-sistemi nazzjonali direttament relatati tagħhom (ĠU L 74, 18.3.2015, p. 31).

(5)   ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(7)   ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/ĠAI tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’ isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 50).

(10)   ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(11)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/349/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat b’mod partikolari mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 1).

(12)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).

(13)  Ir-Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li jemenda u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/261/UE (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 56).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2018/1860 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 1).

(15)  Ir-Regolament (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-verifiki fuq il-fruntieri, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, u li jemenda u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 14).


ANNESS

Lista tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen imsemmija fl-Artikolu 1(1)

1.   

Regolament (UE) 2018/1860 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali (1);

2.   

Regolament (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-verifiki fuq il-fruntieri, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, u li jemenda u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 (2);

3.   

Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li jemenda u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/261/UE (3).


(1)   ĠU L 312, 7.12.2018, p. 1.

(2)   ĠU L 312, 7.12.2018, p. 14.

(3)   ĠU L 312, 7.12.2018, p. 56.