KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fil-11 ta’ April 2013 ( 1 )
Kawża C-492/11
Ciro Di Donna
vs
Società Imballaggi Metallici Salerno Srl (SIMSA)
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Giudice di Pace di Mercato S. Severino, l-Italja)
“Direttiva 2008/52/KE — Medjazzjoni f’materji ċivili — Medjazzjoni obbligatorja — Aċċess għall-ġustizzja — Protezzjoni ġudizzjarja effettiva”
I – Introduzzjoni
|
1. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari inkwistjoni f’din il-kawża tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2008, dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali ( 2 ). |
|
2. |
Fl-isfond tad-domandi preliminari hemm id-dispożizzjonijiet Taljani li jittrasponu din id-direttiva ( 3 ), li jipprovdu għal proċedura ta’ medjazzjoni għal ċerti kawżi ċivili. Skont id-dritt Taljan, il-medjazzjoni kienet kundizzjoni għat-tressiq ta’ proċeduri legali sussegwenti. Barra minn hekk, id-dritt Taljan jinkludi dispożizzjonijiet relatati mal-effetti ta’ proċedura ta’ medjazzjoni fuq il-proċeduri legali sussegwenti. Għalhekk, min-nuqqas ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ medjazzjoni obbligatorja, imħallef jista’ pereżempju jiddeduċi ċerti provi li għandhom jiġu prodotti mill-parti li ma pparteċipatx. |
|
3. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali sistema hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mad-direttiva dwar il-medjazzjoni. |
|
4. |
Madankollu, jirriżulta li fi tmiem il-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Kostituzzjonali Taljana tat sentenza li tiddikjara antikostituzzjonali numru ta’ dispożizzjonijiet tad-DL 28/2010, inkluża dik li teħtieġ l-implementazzjoni ta’ proċedura ta’ medjazzjoni. Għalhekk hija tqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-proċedura għal deċiżjoni preliminari sadanittant għadx għandha skop. |
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
|
5. |
Mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, din il-kawża taqa’ fil-kamp tad-Direttiva 2008/52, li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa stabbilit fl-Artikolu 1, li b’mod partikolari jipprovdi dan li ġej: “(1) L-objettiv ta’ din id-Direttiva huwa li tiffaċilita l-aċċess għar-riżoluzzjoni alternattiva ta’ disputi u li tippromwovi r-riżoluzzjoni amikevoli ta’ disputi billi tinkoraġġixxi l-użu ta’ medjazzjoni u billi tiżgura relazzjoni bilanċjata bejn il-medjazzjoni u l-proċedimenti ġudizzjarji. […]” |
|
6. |
Taħt l-intestatura “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 3 tad-Direttiva jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
B – Id-dritt Taljan
|
7. |
Id-Direttiva dwar il-medjazzjoni ġiet trasposta fid-dritt Taljan permezz tad-DL 28/2010 ( 4 ). L-Artikolu 5 tiegħu jipprovdi li, f’ċerti każijiet, l-eżistenza ta’ medjazzjoni hija kundizzjoni għall-ammissibbiltà ta’ proċeduri legali. L-Artikolu 1(1) jipprovdi: “(1) Kull persuna li beħsiebha tiftaħ azzjoni ġudizzjarja li tirrigwarda tilwima dwar koproprjetà, drittijiet reali, diviżjoni, drittijiet ta’ suċċessjoni, kuntratti tal-familja, kiri, self, kiri ta’ kumpanniji, kumpens għad-danni li jirriżultaw mill-użu ta’ vetturi u ta’ dgħajjes, responsabbiltà medika u malafama mill-istampa jew b’mezzi oħra ta’ reklamar, kuntratt ta’ assigurazzjoni, kuntratti bankarji u finanzjarji, hija l-ewwel nett meħtieġa tirrikorri għall-proċedura ta’ medjazzjoni taħt dan id-digriet [...]. Ir-rekwiżit tal-proċedura ta’ medjazzjoni hija kundizzjoni għall-ammissibbiltà tat-talba. [...] Fejn il-qorti ssib li diġà ngħata bidu għall-proċedura ta’ medjazzjoni, iżda din ma ntemmitx, huwa għandu jistabbilixxi d-data tas-seduta li jmiss wara l-iskadenza tal-perijodu msemmi fl-Artikolu 6. Bl-istess mod, fil-każ fejn il-proċedura ta’ medjazzjoni għadha ma nbdietx, huwa għandu jagħti lill-partijiet terminu ta’ ħmistax-il jum għall-preżentata ta’ talba għall-medjazzjoni. […]” |
|
8. |
L-Artikolu 6 tad-DL 28/2010, dwar it-tul tal-proċedura ta’ medjazzjoni, jipprovdi: “(1) It-tul tal-proċedura ta’ medjazzjoni ma għandux jeċċedi erba’ xhur. […]” |
|
9. |
L-Artikolu 8(5) dwar l-iżvolġiment tal-proċeduri jipprovdi kif ġej: “(5) Fil-każ ta’ nuqqas ta’ parteċipazzjoni mingħajr ġustifikazzjoni fil-proċedura ta’ medjazzjoni, il-qorti tista’ tiddeduċi provi fil-kuntest tal-proċeduri legali sussegwenti fis-sens tal-Artikolu 116(2) tal-Codice di procedura civile [Kodiċi ta’ proċedura ċivili]. Il-qorti għandha tikkundanna lill-parti li, mingħajr ġustifikazzjoni, ma pparteċipatx fil-proċedura ta’ medjazzjoni, sabiex tħallas lit-Teżor tal-Istat somma li tikkorrispondi għall-kontribuzzjoni unifikata dovuta fir-rigward tal-proċeduri.” |
|
10. |
L-Artikolu 11 dwar is-soluzzjoni tat-tilwima permezz ta’ medjazzjoni jipprovdi: “(1) Fejn ikun intlaħaq ftehim bonarju, il-medjatur għandu jfassal rapport li huwa mehmuż mat-test tal-ftehim innifsu. Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim, il-medjatur jista’ jagħmel proposta għal konċiljazzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-medjatur għandu jagħmel proposta għal konċiljazzjoni jekk il-partijiet jagħmlu talba konġunta, fi kwalunkwe waqt matul il-proċedura. Qabel ma jifformola l-proposta, il-medjatur għandu jinforma lill-partijiet bil-konsegwenzi possibbli previsti fl-Artikolu 13. (2) Il-proposta għal konċiljazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-partijiet bil-miktub. Il-partijiet għandhom jikkomunikaw lill-medjatur, bil-miktub, fi żmien sebat ijiem, l-aċċettazzjoni tagħhom jew ir-rifjut tagħhom tal-proposta. Jekk ma tingħata ebda tweġiba f’dan iż-żmien, il-proposta hija kkunsidrata bħala miċħuda. Sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor bejn il-partijiet, il-proposta ma tista’ tinkludi ebda referenza għall-istqarrijiet magħmula jew għall-informazzjoni miksuba matul il-proċedura. […] (4) Fil-każ li l-konċiljazzjoni ma sseħħx, il-medjatur għandu jfassal rapport fejn jindika l-proposta; ir-rapport għandu jiġi ffirmat mill-partijiet u mill-medjatur, li jiċċertifika l-awtentiċità tal-firem tal-partijiet jew li l-iffirmar min-naħa tagħhom huwa impossibbli. Fl-istess rapport, il-medjatur għandu jindika n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni ta’ waħda mill-partijiet fil-proċess ta’ medjazzjoni. (5) Ir-rapport għandu jiġi ppreżentat lis-segretarjat tal-korp, li għandu jagħti kopja lill-partijiet li jitolbu dan.” |
|
11. |
L-Artikolu 13 jirregola l-ispejjeż tal-proċedura ta’ medjazzjoni: “(1) Meta d-digriet li jtemm il-proċeduri ġudizzjarji jikkorrispondi kompletament mal-kontenut tal-proposta, il-qorti għandha teskludi r-rimbors tal-ispejjeż sostnuti matul il-perijodu wara l-formulazzjoni tal-proposta mill-parti rebbieħa u li tkun irrifjutat il-proposta, u għandha tikkundannaha għall-ispejjeż sostnuti matul l-istess perijodu mill-parti telliefa, kif ukoll għall-ħlas favur it-Teżor tal-Istat ta’ somma oħra ta’ ammont ugwali għall-kontribuzzjoni unifikata dovuta. L-Artikoli 92 u 96 tal-Kodiċi ta’ proċedura ċivili għandhom jibqgħu applikabbli. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu għandhom japplikaw ukoll għall-kumpens imħallas lill-medjatur u għall-ispejjeż tal-espert fis-sens tal-Artikolu 8(4). (2) Meta d-digriet li jtemm il-proċeduri ġudizzjarji ma jikkorrispondix kompletament mal-kontenut tal-proposta, il-qorti madankollu tista’, fil-preżenza ta’ raġunijiet gravi u eċċezzjonali, teskludi l-irkupru tal-ispejjeż sostnuti mill-parti rebbieħa fir-rigward tal-kumpens imħallas lill-medjatur u tal-ispejjeż tal-espert fis-sens tal-Artikolu 8(4). […]” |
C – Sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali Taljana
|
12. |
Permezz tas-sentenza Nru 272/2012, mogħtija fl-24 ta’ Ottubru 2012, il-Qorti Kostituzzjonali Taljana ddikjarat bħala antikostituzzjonali ċerti partijiet mid-DL 28/2010, b’mod partikolari l-Artikolu 5(1), l-Artikolu 8(5), kif ukoll l-Artikolu 13 (ħlief, għal dan tal-aħħar, ir-riferimenti għall-Artikoli 92 u 96 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Taljan, li madankollu ma huwiex rilevanti f’din il-kawża). |
III – Il-fatti u d-domandi preliminari
|
13. |
Il-kawża prinċipali tirrigwarda rikors għal responsabbiltà delittwali. Il-vettura ta’ Ciro Di Donna saritilha ħsara minn forklifter tal-kumpannija SIMSA srl ( 5 ), fuq is-sit ta’ din tal-aħħar. SIMSA la tikkontesta l-inċident u lanqas ir-responsabbiltà tagħha, iżda tqis li l-ħsara għandha tkun koperta mill-assigurazzjoni tagħha, liema sitwazzjoni tispjega għalfejn għad ma kienx hemm ħlas lil C. Di Donna. Fin-nuqqas ta’ rimedju dirett kontra l-assigurazzjoni, C. Di Donna ressaq kawża għall-ħlas kontra SIMSA, li talbet il-posponiment tal-ewwel seduta sabiex tintima l-assigurazzjoni tagħha fil-kawża inkwistjoni. |
|
14. |
Il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont l-Artikolu 5(1) tad-DL 28/2010, anki fil-kawża inkwistjoni jrid ikun hemm proċedura ta’ medjazzjoni bejn SIMSA u l-assigurazzjoni. Għalhekk tqum il-kwistjoni ta’ liema huma t-termini li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-istabbiliment tad-data tal-ewwel seduta: Huwa t-terminu ta’ 45 jum ipprovdut fil-proċedura ċivili Taljana għas-sejħa fil-kawża inkwistjoni biss jew anki l-erba’ xhur previsti fl-Artikolu 6(1) tad-DL 28/2010 bħala tul massimu tal-proċedura ta’ medjazzjoni? |
|
15. |
Il-partijiet jilmentaw mill-proroga eċċessiva tat-tul tal-proċedura li dan jimplika. Fuq talba ta’ SIMSA, li għandha dubji mill-kompatibbiltà tad-DL 28/2010 mad-Direttiva dwar il-medjazzjoni, il-Giudice di Pace di Mercato S. Severino għamel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja: L-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata f’Nice fis-7 ta’ Diċembru 2000 u adottata fi Strasbourg fit-12 ta’ Diċembru 2007, id-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2008, dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali, il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, u b’mod ġenerali, id-dritt tal-Unjoni kollu kemm hu, jipprekludu li tiġi introdotta, f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, leġiżlazzjoni, bħad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010 u d-Digriet Ministerjali Nru 180/2010, kif emendat bid-Digriet Ministerjali Nru 145/2011, li abbażi tagħha:
|
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
16. |
Wara li ġiet fi tmiemha l-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Kostituzzjonali Taljana tat is-sentenza Nru 272/2012, li ddikjarat bħala antikostituzzjonali ċerti dispożizzjonijiet tad-DL 28/2010, b’mod partikolari dik li teħtieġ l-implementazzjoni ta’ proċedura ta’ medjazzjoni qabel ma jiġi ppreżentat rikors. |
|
17. |
F’dan il-kuntest, permezz tal-ittra tal-14 ta’ Diċembru 2012, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet lill-qorti tar-rinviju tippreċiża l-impatt tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali Taljana fir-rigward tad-deċiżjoni preliminari u tal-kawża prinċipali. Fis-17 ta’ Jannar 2013, il-qorti tar-rinviju wieġbet li hija kienet għadha trid risposta mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari magħmula. Hija ma tat l-ebda kumment ieħor dwar l-effetti tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali Taljana u dwar ir-raġunijiet għaż-żamma tat-talba tagħha. |
|
18. |
Il-Gvern Taljan, il-Gvern Franċiż u l-Gvern Awstrijak, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, ipparteċipaw fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
V – Analiżi ġuridika
|
19. |
Hemm dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Il-Kummissjoni spjegat b’mod plawżibbli, li ċerti domandi magħmula kienu ipotetiċi. Għalhekk ma huwiex ċar kif il-modalitajiet ta’ proċedura ta’ medjazzjoni, pereżempju fir-rigward tal-ispejjeż, jista’ jkollhom effett fuq id-deċiżjoni fil-kawża prinċipali. Bi tweġiba għar-rikjesta tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċċara l-pożizzjoni tagħha, fir-rigward tal-importanza tad-domandi magħmula għall-finijiet tad-deċiżjoni li trid tittieħed, il-qorti tar-rinviju sempliċement stqarret li għandha tistabbilixxi d-data tal-proċedura orali u tiddetermina jekk it-tul tal-proċedura ta’ medjazzjoni għandux ukoll jiġi kkunsidrat fil-kalkolu tat-terminu. |
|
20. |
Għaldaqstant, ma huwiex meħtieġ hawnhekk li jingħad jekk id-deċiżjoni preliminari kinitx għalhekk inammissibbli mill-bidu, minn tal-inqas parzjalment. Fil-fatt, skont l-informazzjoni disponibbli lill-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi preliminari huma fi kwalunkwe każ ipotetiċi, minħabba fis-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali Taljana. |
|
21. |
Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali kif previst fl-Artikolu 267 KE, huma l-qrati nazzjonali, li quddiemhom tressqet il-kawża u li għandhom jassumu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandhom jevalwaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu d-deċiżjoni tagħhom, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 6 ). Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi. Hija tista’ biss tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali peress li l-problema hija ta’ natura ipotetika jew anki peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha ( 7 ). |
|
22. |
Madankollu, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom il-kawża tressqet quddiemha mill-qorti nazzjonali ( 8 ). Fil-fatt, l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni li għandu jikkaratterizza r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jimplika li, minn naħa tagħha, il-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra l-funzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja, li hija dik li tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri u mhux li tagħti opinjonijiet dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi ( 9 ). |
|
23. |
Meta ġiet mistoqsija dwar dan, il-qorti tar-rinviju sempliċement indikat li hija għadha tixtieq risposta għat-talba tagħha. Madankollu, hija ma spjegatx għalfejn, wara s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali, id-domandi tagħha baqgħu rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni li għandha tittieħed fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, mill-informazzjoni disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-domandi huma sempliċement ta’ natura ipotetika. Fil-fatt, dawn jew jirreferu direttament għad-dispożizzjonijiet tad-DL 28/2010 li kienu ddikjarati antikostituzzjonali jew ma għadhomx ta’ importanza sabiex tittieħed deċiżjoni fil-kawża prinċipali peress li l-obbligu ta’ proċedura ta’ medjazzjoni qabel ma jingħata bidu lill-proċeduri legali ma għadux japplika. Xejn ma jindika li minkejja d-dikjarazzjoni ta’ antikostituzzjonalità, dawn ir-regoli jibqgħu rilevanti għall-kawża prinċipali. Barra minn hekk, qorti Taljana oħra rtirat talba simili għal deċiżjoni preliminari, li wkoll kienet tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar il-medjazzjoni fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet Taljani li ġew annullati mill-Qorti Kostituzzjonali ( 10 ). |
Dwar id-domandi 1 sa 4
|
24. |
Id-domandi 1 sa 4 huma intiżi li jsir magħruf jekk ċerti miżuri li l-qorti tar-rinviju tista’ tadotta taħt id-DL 28/2010 humiex kompatibbli mad-Direttiva dwar il-medjazzjoni jew mad-dritt tal-Unjoni b’mod ġenerali. Dawn id-domandi jirreferu biss għad-dispożizzjonijiet li ġew iddikjarati antikostituzzjonali. Il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri msemmija fid-domandi 1 sa 4 mad-dritt tal-Unjoni għalhekk hija purament ipotetika u l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex meħtieġa tagħti risposta. |
|
25. |
Għalhekk, l-ewwel domanda tirrigwarda l-possibbiltà li, fil-kuntest tal-proċeduri legali wara l-proċedura ta’ medjazzjoni, il-qorti nazzjonali tiddeduċi ċerti provi kontra l-parti li naqset milli tattendi, mingħajr ġustifikazzjoni, għal proċedura ta’ medjazzjoni obbligatorja. Din il-possibbiltà kienet prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(5) tad-DL 28/2010, dispożizzjoni li kienet iddikjarata antikostituzzjonali. |
|
26. |
It-tieni domanda tirrigwarda l-Artikolu 13(1) tad-DL 28/2010, li jipprovdi li l-qorti kompetenti tista’ tikkundanna għall-ispejjeż lill-parti rebbieħa li tkun ċaħdet proposta tal-medjatur li tikkorrispondi mad-deċiżjoni li fl-aħħar nett ġiet adottata mill-qorti. Għaldaqstant, anki l-Artikolu 13(1) kien iddikjarat antikostituzzjonali. |
|
27. |
It-tielet domanda hija intiża li tiċċara l-punt dwar jekk huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, li l-qorti nazzjonali, għal raġunijiet gravi u eċċezzjonali, tista’ teskludi r-rimbors tal-ispejjeż sostnuti mill-parti rebbieħa fir-rigward tal-kumpens imħallas lill-medjatur u tal-ispejjeż tal-espert, minkejja li s-sentenza mogħtija fi tmiem il-proċeduri ġudizzjarji ma tikkorrispondix kompletament mal-kontenut tal-proposta tal-medjatur. Dan kien previst fl-Artikolu 13(2) tad-DL 28/2010, li wkoll kien iddikjarat antikostituzzjonali. |
|
28. |
Anki r-raba’ domanda preliminari ma għadx għandha skop. Hija tirreferi għar-regola li ġiet iddikjarata antikostituzzjonali li tinsab fit-tieni sentenza tal-Artikolu 8(5) tad-DL 28/2010, li teżiġi li l-parti li ma pparteċipatx fil-proċedura ta’ medjazzjoni, mingħajr ġustifikazzjoni, għandha tħallas lit-Teżor tal-Istat somma li tikkorrispondi għall-kontribuzzjoni unifikata dovuta fir-rigward tal-proċeduri. |
Dwar id-domandi 5 sa 9
|
29. |
B’riżultat tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali Taljana, ir-risposti għad-domandi preliminari l-oħra magħmula wkoll tilfu r-rilevanza tagħhom għad-deċiżjoni li għandha tittieħed fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, id-domandi 5 sa 9 — li jirrigwardaw proċedura ta’ medjazzjoni obbligatorja — jirreferu għall-modalitajiet ta’ tmexxija u ta’ konklużjoni ta’ proċedura ta’ medjazzjoni, għat-tul tagħha kif ukoll għall-ispejjeż fir-rigward tagħha. Madankollu, f’dan il-każ ma jidhirx li ser ikun hemm proċedura ta’ medjazzjoni. |
|
30. |
Bħala riżultat tal-antikostituzzjonalità tal-Artikolu 5(1) tad-DL 28/2010, il-partijiet ma humiex iktar meħtieġa jipparteċipaw fi proċedura ta’ medjazzjoni. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari tar-rinviju, huma fil-preżent ma għandhom l-ebda intenzjoni li jsegwu tali proċedura volontarjament. Minflok, huma jikkritikaw il-proroga eċċessiva tat-tul tal-proċedura li tinvolvi medjazzjoni. Skont l-informazzjoni ppreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja, it-tħejjija ta’ proċedura ta’ medjazzjoni kienet ġiet prevista biss minħabba li l-liġi Taljana kienet timponiha fuq il-partijiet. |
|
31. |
Hawnhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tinsab għalhekk ikkonfrontata b’talba għal deċiżjoni preliminari li ma għadx għandha skop minħabba fl-emendi li seħħew fiċ-ċirkustanzi ta’ dritt. Għalhekk, hija għandha tiddikjara li ma huwiex iktar neċessarju li tingħata risposta għad-domandi preliminari magħmula lilha. Dan jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li d-domandi preliminari ma kinux inammissibbli mill-bidu, iżda sempliċement ma għadx għandhom skop wara li tressqet it-talba, mingħajr ma ġew irtirati mill-qorti tar-rinviju ( 11 ). |
VI – Konklużjoni
|
32. |
Għal dawn ir-raġunijiet, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej għad-domandi magħmula mill-Giudice di Pace di Mercato S. Severino: Ma għadx hemm lok li tingħata risposta għad-domandi preliminari. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) ĠU L 136, p. 3 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-medjazzjoni”).
( 3 ) Decreto legislativo Nru 28, tal-4 ta’ Marzu 2010, li jimplementa l-Artikolu 60 tal-Liġi Nru 69 tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar il-medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali (iktar ’il quddiem id-“DL 28/2010”).
( 4 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.
( 5 ) Iktar ’il quddiem “SIMSA”.
( 6 ) Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 38), tat-23 ta’ April 2009, Rüffler (C-544/07, Ġabra p. I-3389, punt 36), tad-19 ta’ Novembru 2009, Filipiak (C-314/08, Ġabra p. I-11049, punt 40), tas-7 ta’ Lulju 2011, Agafiţei et (C-310/10, Ġabra p. I-5989, punt 25) u tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C-416/10, punt 53).
( 7 ) Sentenzi PreussenElektra (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 39), Rüffler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 38), Filipiak (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 42), Agafiţei et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 27) u Križan et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 54).
( 8 ) Sentenzi PreussenElektra (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 39), Rüffler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 37) u Filipiak (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 41).
( 9 ) Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Jannar 2005, García Blanco (C-225/02, Ġabra p. I-523, punt 28), tat-8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten (C-409/06, Ġabra p. I-8015, punt 38), tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C-617/10, punt 42).
( 10 ) Ara d-digriet ta’ tħassir mogħti mill-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Frar 2013 fil-kawża Galioto (C-464/11).
( 11 ) Ara f’dan is-sens il-konklużjonijiet tiegħi tat-28 ta’ Ottubru 2004 fil-kawża García Blanco (C-225/02, Ġabra 2005, p. I-523, punt 36).