European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/134

29.1.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/134

tat-28 ta’ Jannar 2025

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1178/2011 fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ liċenzja ta’ bdot tal-ġiroplani

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 23(1) u 27(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 (2) jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-bdoti li huma involuti fl-operazzjoni tal-inġenji tal-ajru kif speċifikat fil-punti (b)(i) u (ii) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139.

(2)

L-iżvilupp kontinwu tal-ġiroplani, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1139 minħabba massa massima ċċertifikata waqt il-qtugħ mill-art ta’ iktar minn 600 kg, jagħmilha neċessarja li jiġu inklużi r-rekwiżiti ta’ liċenzjar tal-ekwipaġġ tat-titjira għall-bdoti tal-ġiroplani fir-Regolament (UE) Nru 1178/2011. Peress li l-iżvilupp ta’ qafas komprensiv għall-operazzjoni kummerċjali tal-ġiroplani se jieħu iktar żmien, għalissa dawn ir-rekwiżiti jenħtieġ li jindirizzaw biss il-privileġġi tal-bdoti mhux kummerċjali.

(3)

Il-qafas regolatorju l-ġdid tal-Unjoni għal-liċenzjar tal-ekwipaġġ tat-titjira tal-ġiroplani jenħtieġ li, fejn ikun possibbli, jikkunsidra l-istandards u l-aħjar prattiki stabbiliti fir-rekwiżiti nazzjonali tal-liċenzjar tal-ġiroplani u jenħtieġ li jipprevedi wkoll krediti għad-detenturi ta’ liċenzji nazzjonali ta’ bdoti tal-ġiroplani, meta jfittxu li jiksbu liċenzja ta’ bdot tal-ġiroplani tal-Unjoni.

(4)

Għal perjodu limitat ta’ żmien u taħt ċerti kundizzjonijiet, sabiex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-Unjoni għal-liċenzjar tal-ekwipaġġ tat-titjira tal-ġiroplani u b’mod speċjali l-kwalifika tal-ewwel għalliema tat-titjir tal-ġiroplani tal-Unjoni, jenħtieġ li jkun possibbli għall-applikanti għal liċenzja ta’ bdot tal-ġiroplani tal-Unjoni u għall-klassifikazzjonijiet u għaċ-ċertifikati assoċjati li jirċievu krediti abbażi ta’ rapport tal-krediti, dment li jkollhom il-liċenzja nazzjonali rilevanti tal-ġiroplani u l-klassifikazzjonijiet jew iċ-ċertifikati assoċjati, jew ikunu bdew it-taħriġ għall-ħruġ tagħhom.

(5)

Għal operazzjoni mhux kummerċjali mingħajr remunerazzjoni, id-detenturi tal-liċenzji ta’ bdoti tal-ġiroplani tal-Unjoni jenħtieġ li jkunu obbligati jkollhom l-istess ċertifikat ajrumediku bħall-bdoti privati għal kategoriji oħra ta’ inġenji tal-ajru f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1178/2011.

(6)

Fejn ikun meħtieġ, ir-rekwiżiti għall-awtoritajiet kompetenti u għall-organizzazzjonijiet tat-taħriġ jenħtieġ li jiġu adattati biex jinkludu t-taħriġ u l-liċenzjar għall-bdoti tal-ġiroplani.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1178/2011 jiġi emendat kif xieraq.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma bbażati fuq l-Opinjoni Nru 04/2024 (3) tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Artikolu 75(2), il-punt (b), u mal-Artikolu 76(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 127 tar-Regolament (UE) 2018/1139,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 1178/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 4(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-liċenzji mhux konformi mal-JAR, inkluż kwalunkwe klassifikazzjoni, ċertifikat, awtorizzazzjoni jew kwalifika assoċjata maħruġa jew rikonoxxuta minn Stat Membru qabel l-applikabbiltà ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu kkonvertiti f’liċenzji skont il-Parti-FCL mill-Istat Membru li jkun ħareġ il-liċenzja. B’deroga minn dan il-paragrafu, l-Artikolu 4g għandu japplika għal-liċenzji ta’ bdoti tal-ġiroplani.”

;

(2)

jiddaħħal l-Artikolu 4g li ġej:

“Artikolu 4g

Rekwiżiti speċifiċi għall-applikanti għal liċenzja ta’ bdot tal-ġiroplani

1.   Sat-18 ta’ Frar 2028, l-applikanti li jkollhom liċenzja ta’ bdot tal-ġiroplani u l-klassifikazzjonijiet u ċ-ċertifikati assoċjati li jkunu nħarġu f’konformità mar-rekwiżiti nazzjonali tal-liċenzjar tal-ekwipaġġ tat-titjira tal-ġiroplani, jew li jkunu bdew it-taħriġ tagħhom f’konformità ma’ tali rekwiżiti, għandhom jirċievu krediti bil-fini li jingħataw liċenzja ta’ bdot tal-ġiroplani u l-klassifikazzjonijiet u ċ-ċertifikati assoċjati f’konformità ma’ dan ir-Regolament, abbażi ta’ rapport tal-kreditu stabbilit minn Stat Membru b’konsultazzjoni mal-EASA. Ir-rapport tal-kreditu għandu jikkonforma mal-Artikolu 9(3).

2.   Meta jistabbilixxu rapport tal-kreditu f’konformità mal-paragrafu (1), l-Istati Membri għandhom:

(a)

jagħtu biss krediti għall-ħin ta’ titjir li l-applikanti jkunu kkompletaw f’ġiroplani li jkollhom massa massima ċċertifikata waqt il-qtugħ mill-art ta’ mill-inqas 450 kg;

(b)

għall-fini tal-ħruġ ta’ liċenzja ta’ bdot tal-ġiroplani f’konformità ma’ dan ir-Regolament, jagħtu biss krediti li l-ammont tagħhom ma jaqbiżx il-kreditu li seta’ ngħata f’konformità mal-punt FCL.210.G(c) tal-Anness I. F’każijiet bħal dawn, l-applikanti għandhom jikkompletaw it-taħriġ addizzjonali fit-titjir f’organizzazzjoni tat-taħriġ approvata (ATO, Approved Training Organisation) jew f’organizzazzjoni tat-taħriġ iddikjarata (DTO, Declared Training Organisation) f’ġiroplan li jkun ġie ċċertifikat f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1139 u mal-atti ta’ implimentazzjoni u delegati adottati abbażi tiegħu, qabel ma jiġu rrakkomandati mill-ATO jew mid-DTO għat-test tal-ħiliet.”

;

(3)

l-Anness I (Parti-FCL) huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(4)

l-Anness IV (Parti-MED) huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament;

(5)

l-Anness VI (Parti-ARA) huwa emendat f’konformità mal-Anness III ta’ dan ir-Regolament;

(6)

l-Anness VIII (Parti-DTO) huwa emendat f’konformità mal-Anness IV ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-18 ta’ Frar 2026.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Jannar 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1139/2021-07-25.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 tat-3 ta’ Novembru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( ĠU L 311, 25.11.2011, p. 1 ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1178/oj).

(3)   https://www.easa.europa.eu/mt/document-library/opinions/opinion-no-042024.


ANNESS I

L-Anness I (Parti-FCL) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-punt FCL.010, tiddaħħal id-definizzjoni li ġejja:

 

“ ‘ġiroplan’ tfisser tip ta’ inġenju tal-ajru li jaħdem bir-rotors li jżomm fl-ajru permezz tar-reazzjonijiet tal-arja fuq mhux iżjed minn żewġ rotors, li jduru liberament fuq assi sostanzjalment vertikali.”;

(2)

il-punt FCL.025 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt (b), il-punt (4) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(4)

Jekk l-applikanti għall-ħruġ tal-liċenzja ta’ bdot ta’ inġenji tal-ajru ħfief (LAPL, Light Aircraft Pilot Licence), liċenzja ta’ bdot privat (PPL, Private Pilot Licence), klassifikazzjoni bażika tat-titjir bl-istrumenti (BIR, Basic Instrument Rating) jew liċenzja ta’ bdot tal-ġiroplani (GPL, Gyroplane Pilot Licence) ma jkunux għaddew minn wieħed mill-eżamijiet tal-għarfien teoretiku wara erba’ tentattivi jew ma jkunux għaddew mill-eżamijiet kollha fil-perjodu msemmi fil-punt (b)(2), għandhom jerġgħu jagħmlu s-sett kollu tal-eżamijiet tal-għarfien teoretiku.”;

(b)

fil-punt (c)(1), il-punt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

għall-ħruġ ta’ liċenzja ta’ bdot ta’ inġenji tal-ajru ħfief, liċenzja ta’ bdot privat jew liċenzja ta’ bdot tal-ġiroplani, għal perjodu ta’ 24 xahar;”;

(3)

fil-punt FCL.035(a), jiddaħħal punt (5) ġdid kif ġej:

“(5)

Is-sigħat kollha tat-titjir f’ġiroplani li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2018/1139 u li jkollhom massa massima ċċertifikata waqt il-qtugħ mill-art ta’ mill-inqas 450 kg għandhom jiġu kkreditati b’mod sħiħ għat-tlestija tat-12-il siegħa ta’ ħin tat-titjir u 12-il qtugħ mill-art u nżul f’konformità mal-punt FCL.240.G(a) iżda ma għandhomx jiġu kkreditati fir-rigward tar-rekwiżit fil-punt FCL.240.G(a)(1)(ii).”;

(4)

fil-punt FCL.055, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

Ġenerali. Il-bdoti tal-ajruplani, tal-ħelikopters, tal-inġenji tal-ajru powered-lift, tal-iġfna tal-ajru u tal-ġiroplani li huma rikjesti jużaw it-telefonija bir-radju ma għandhomx jeżerċitaw il-privileġġi tal-liċenzji u l-klassifikazzjonijiet tagħhom sakemm ma jkollhomx approvazzjoni tal-profiċjenza fil-lingwa fuq il-liċenzja tagħhom jew bl-Ingliż jew bil-lingwa użata għall-komunikazzjoni bir-radju involuta fit-titjira. L-approvazzjoni għandha tindika l-lingwa, il-livell tal-profiċjenza u d-data tal-validità, u għandha tinkiseb f’konformità ma’ proċedura stabbilita minn awtorità kompetenti. Il-livell minimu aċċettabbli ta’ profiċjenza huwa l-livell operazzjonali (Livell 4) f’konformità mal-Appendiċi 2 ta’ dan l-Anness.”;

(5)

fil-punt FCL.060, is-sentenza introduttorja tal-punt (b) hija sostitwita b’dan li ġej:

“(b)

Ajruplani, ħelikopters, inġenji tal-ajru powered-lift, iġfna tal-ajru, inġenji tal-ajru b’kapaċità VTOL (VCA, VTOL-Capable Aircraft) u ġiroplani. Bdot ma għandux iħaddem inġenju tal-ajru għat-trasport kummerċjali bl-ajru jew għall-ġarr tal-passiġġieri:”;

(6)

it-titolu tas-Subparti C huwa sostitwit b’dan li ġej:

“SUBPARTI C – LIĊENZJA TA’ BDOT PRIVAT (PPL) U LIĊENZJA TA’ BDOT TAL-ĠIROPLANI (GPL)”;

(7)

il-punt FCL.200 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“FCL.200 Età minima

L-applikanti għal PPL jew GPL għandu jkollhom mill-inqas 17-il sena.”;

(8)

il-punt FCL.205 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“FCL.205 Kundizzjonijiet

(a)

L-applikanti għall-ħruġ ta’ PPL għandhom ikunu ssodisfaw ir-rekwiżiti għall-klassifikazzjoni tal-klassi jew tat-tip ta’ inġenju tal-ajru użat fit-test tal-ħiliet, kif stabbilit fis-Subparti H.

(b)

L-applikanti għall-ħruġ ta’ GPL għandhom ikunu ssodisfaw ir-rekwiżiti għall-klassi jew għat-tip ta’ inġenju tal-ajru użat fit-test tal-ħiliet.”;

(9)

il-punt FCL.210 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“FCL.210 Kors tat-taħriġ

(a)

L-applikanti għal PPL jew GPL għandhom ilestu kors tat-taħriġ f’ATO jew f’DTO.

(b)

Il-kors għandu jinkludi għarfien teoretiku u tagħlim fit-titjir li jkunu xierqa għall-privileġġi tal-PPL jew tal-GPL li għalihom tkun saret applikazzjoni.

(c)

It-tagħlim fl-għarfien teoretiku u t-tagħlim fit-titjir jistgħu jitlestew f’DTO jew f’ATO differenti minn dik li fiha l-applikanti jkunu bdew it-taħriġ tagħhom.”;

(10)

fil-punt FCL.215, il-frażi introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“L-applikanti għal PPL jew għal GPL għandhom juru livell ta’ għarfien teoretiku li jkun xieraq għall-privileġġi mogħtija permezz ta’ eżamijiet fis-suġġetti li ġejjin:”;

(11)

fil-punt FCL.235, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

Permezz tat-tlestija ta’ test tal-ħiliet, l-applikanti għal PPL jew għal GPL għandhom juru l-kapaċità li jservu bħala PIC fil-kategorija xierqa tal-inġenju tal-ajru, isegwu l-proċeduri u l-manuvri rilevanti bil-kompetenza xierqa għall-privileġġi mogħtija.”;

(12)

tiżdied Taqsima 5 ġdida:

“TAQSIMA 5

Rekwiżiti speċifiċi għall-GPL

FCL.205.G GPL – Privileġġi

(a)

Il-privileġġi tad-detentur ta’ GPL huma li jaġixxi bħala PIC fil-ġiroplani:

(1)

mingħajr remunerazzjoni f’operazzjonijiet mhux kummerċjali;

(2)

iwettaq il-ġarr tal-passiġġieri biss meta jkun lesta 10 sigħat ta’ ħin tat-titjir bħala PIC fuq ġiroplani wara l-ħruġ tal-liċenzja.

(b)

Minkejja l-punt (a)(1) ta’ hawn fuq, id-detentur ta’ GPL bi privileġġi ta’ għalliem jew eżaminatur jista’ jirċievi remunerazzjoni:

(1)

għall-forniment ta’ tagħlim fit-titjir għall-GPL;

(2)

għat-twettiq ta’ testijiet tal-ħiliet u kontrolli tal-profiċjenza għall-GPL;

(3)

għat-taħriġ, għall-ittestjar u għall-kontrolli għall-klassifikazzjonijiet u l-privileġġi assoċjati mal-liċenzja ta’ għalliem jew eżaminatur, kif applikabbli.

(c)

Id-detenturi tal-GPL għandhom jeżerċitaw privileġġi tal-GPL biss jekk ikunu konformi mar-rekwiżiti ta’ attività reċenti applikabbli u biss jekk iċ-ċertifikat mediku tagħhom, li jkun xieraq għall-privileġġi eżerċitati, ikun validu.

FCL.210.G GPL – Rekwiżiti u kkreditar tal-esperjenza

(a)

Applikant għal GPL għandu jkun lesta mill-inqas 35 siegħa ta’ tagħlim fit-titjir fil-ġiroplani, li 5 sigħat minnhom jistgħu jkunu tlestew f’FSTD, inkluż mill-inqas:

(1)

20 siegħa ta’ tagħlim fit-titjir b’żewġ bdoti; u

(2)

8 sigħat ta’ ħin ta’ titjir bi bdot wieħed taħt superviżjoni, inkluż mill-inqas 4 sigħat ta’ ħin ta’ titjir cross-country bi bdot wieħed b’mill-inqas titjira cross-country waħda ta’ mill-inqas 150 km (80 NM), li matulha għandu jsir inżul b’waqfien sħiħ f’żewġ ajrudromi differenti mill-ajrudrom tat-tluq.

(b)

Ikkreditar. Applikant li jkollu liċenzja ta’ bdot għal kategorija oħra ta’ inġenji tal-ajru, għajr il-blalen tal-arja, għandu jiġi kkreditat b’10 % tal-ħin totali ta’ titjir tiegħu bħala PIC fuq inġenji tal-ajru bħal dawn sa massimu ta’ 10 sigħat. Fi kwalunkwe każ, il-krediti ma għandhomx jingħataw għar-rekwiżiti tal-punt (a)(2).

(c)

L-applikanti b’esperjenza preċedenti bħala PIC fuq il-ġiroplani, li jkollhom massa massima waqt il-qtugħ ta’ mill-inqas 450 kg, jistgħu jirċievu krediti skont ir-rekwiżiti tal-punt (a). L-ammont ta’ kreditu għandu jiġi deċiż mid-DTO jew mill-ATO fejn l-applikant iwettaq il-kors tat-taħriġ, abbażi tal-valutazzjoni tat-titjir qabel id-dħul, iżda fi kwalunkwe każ ma għandu jaqbeż l-ebda waħda minn dawn li ġejjin:

(1)

il-ħin totali ta’ titjir bħala PIC;

(2)

50 % tas-sigħat meħtieġa fil-punt (a).

Fi kwalunkwe każ, il-krediti ma għandhomx jingħataw għar-rekwiżiti tal-punt (a)(2).

FCL.235.G GPL – Privileġġi għall-klassijiet, għat-tipi u għall-varjanti ta’ ġiroplani

(a)

Għall-fini tal-liċenzjar tal-bdoti tal-ġiroplani f’konformità ma’ dan l-Anness, il-ġiroplani għandhom jiġu kkategorizzati fil-klassi u fit-tipi li ġejjin:

(1)

Klassi ta’ ġiroplani bi skrun wieħed (SPG, Single-Propeller Gyroplane): Ġiroplani bi bdot wieħed li l-unità tal-propulsjoni ċentrali unika tagħhom tkun operata b’kontroll tal-forza propulsiva unika u titħaddem b’wieħed mit-tipi ta’ magni li ġejjin:

(a)

sistema ta’ magna bil-pistuni li, jekk dan ikun speċifikat wara l-proċess ta’ ċertifikazzjoni f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 748/2012, tista’ tikkonsisti f’iktar minn magna waħda bil-pistuni;

(b)

sistema ta’ magna elettrika li, jekk dan ikun speċifikat wara l-proċess taċ-ċertifikazzjoni f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 748/2012, tista’ tikkonsisti f’iktar minn magna elettrika waħda;

(c)

jekk dan ikun speċifikat wara l-proċess taċ-ċertifikazzjoni f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 748/2012, sistema ta’ magna ibrida li tikkonsisti f’magni bil-pistuni u f’magni elettriċi;

(2)

tipi ta’ ġiroplani li jirrikjedu privileġġi għal dak it-tip individwali, kif iddeterminat wara l-proċess taċ-ċertifikazzjoni f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 748/2012.

(b)

L-applikanti għal GPL għandhom jingħataw privileġġi għall-klassi jew għat-tip ta’ ġiroplani li fihom ikun sar it-test tal-ħiliet. Sabiex jestendu l-privileġġi tagħhom għal klassi jew tip oħra/ieħor, id-detenturi ta’ GPL għandhom ilestu, f’dik il-klassi l-oħra jew dak it-tip l-ieħor, dan kollu li ġej:

(1)

sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fid-data dwar l-adegwatezza operazzjonali stabbilita f’konformità mal-Anness I (il-Parti 21) tar-Regolament (UE) Nru 748/2012, fejn applikabbli, 3 sigħat ta’ tagħlim fit-titjir, inkluż:

(i)

10 qtugħ mill-art u nżul b’żewġ bdoti; u

(ii)

10 qtugħ mill-art u nżul bi bdot wieħed taħt superviżjoni;

(2)

test tal-ħiliet li juri livell adegwat tal-ħila prattika fil-klassi l-ġdida jew fit-tip il-ġdid. Matul dan it-test tal-ħiliet, l-applikant għandu juri wkoll lill-eżaminatur livell adegwat ta’ għarfien teoretiku għall-klassi l-oħra jew għat-tip l-ieħor fis-suġġetti li ġejjin:

(i)

il-proċeduri operazzjonali;

(ii)

l-eżekuzzjoni u l-ippjanar tat-titjiriet;

(iii)

l-għarfien ġenerali dwar l-inġenji tal-ajru.

(c)

Sabiex jestendi l-privileġġi għal varjant ieħor fi klassi jew f’tip, il-bdot għandu jlesti taħriġ dwar id-differenzi jew familjarizzazzjoni. Fejn applikabbli, it-taħriġ dwar id-differenzi jew il-familjarizzazzjoni għandha tikkonforma mad-data tal-adegwatezza operazzjonali stabbilita f’konformità mal-Anness I (il-Parti 21) tar-Regolament (UE) Nru 748/2012. It-taħriġ dwar id-differenzi għandu jitniżżel fil-ġurnal ta’ abbord tal-bdot jew f’rekord ekwivalenti u għandu jiġi ffirmat mill-għalliem. Meta l-privileġġi għal klassi SPG jiġu estiżi għal varjant b’tip ieħor ta’ magna, kif speċifikat fil-punt (a)(1), it-taħriġ dwar id-differenzi għandu jikkonsisti minn tagħlim fit-titjir b’żewġ bdoti u tagħlim fl-għarfien teoretiku li għandhom jinkludu, fir-rigward ta’ dak it-tip l-ieħor ta’ magna u sistemi tal-inġenji tal-ajru relatati, mill-inqas dawn kollha li ġejjin:

(1)

il-proċeduri operazzjonali;

(2)

l-eżekuzzjoni u l-ippjanar tat-titjiriet;

(3)

l-għarfien ġenerali dwar l-inġenji tal-ajru.

FCL.240.G GPL – Rekwiżiti ta’ attività reċenti

(a)

Id-detenturi ta’ GPL għandhom jeżerċitaw il-privileġġi tal-liċenzja tagħhom fi klassi jew f’tip speċifika/u ta’ ġiroplan biss jekk fl-aħħar sentejn ikunu ssodisfaw kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin bħala bdoti tal-ġiroplani fil-klassi jew fit-tip rilevanti:

(1)

ikunu wettqu mill-inqas 12-il siegħa ta’ ħin ta’ titjir bħala PIC jew titjir b’żewġ bdoti jew titjir bi bdot wieħed taħt is-superviżjoni ta’ għalliem, inkluż:

(i)

12-il qtugħ mill-art u nżul;

(ii)

taħriġ ta’ aġġornament tal-ħin ta’ titjir totali ta’ mill-inqas siegħa ma’ għalliem u għas-sodisfazzjon tiegħu li għandu jagħżel dawk l-eżerċizzji tat-titjir li jippermettu lill-applikanti jaġġornaw il-kompetenza tagħhom biex joperaw b’mod sikur l-inġenju tal-ajru u japplikaw proċeduri normali, anormali u ta’ emerġenza;

(2)

ikunu għaddew minn kontroll tal-profiċjenza tal-GPL ma’ eżaminatur. Il-programm ta’ kontroll tal-profiċjenza għandu jkun ibbażat fuq it-test tal-ħiliet għall-GPL.

(b)

Id-detenturi ta’ GPL bi privileġġi għall-klassi SPG li, f’konformità mal-punt FCL.235.G(c), ikunu estendew il-privileġġi tagħhom għal varjant b’tip differenti ta’ magna kif speċifikat fil-punt FCL.235.G(a) għandhom, jekk ma jkunux tajru dak il-varjant fis-sentejn preċedenti, ilestu kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin f’dak il-varjant, qabel ma jeżerċitaw il-privileġġi tagħhom f’dak il-varjant:

(1)

taħriġ ulterjuri dwar id-differenzi f’konformità mal-punt FCL.235.G(c);

(2)

kontroll tal-profiċjenza;

(3)

taħriġ ta’ aġġornament f’konformità mal-punt (a)(1)(ii).

(c)

It-titjiriet b’żewġ bdoti u t-titjiriet bi bdot wieħed taħt superviżjoni skont il-frażi introduttorja tal-punt (a)(1), it-taħriġ ta’ aġġornament skont il-punti (a)(1)(ii) u (b)(3), u l-kontroll tal-profiċjenza skont il-punti (a)(2) u (b)(2) għandhom jitniżżlu fil-ġurnal ta’ abbord tal-bdot jew f’rekord ekwivalenti u għandhom jiġu ffirmati mill-għalliem jew mill-eżaminatur, kif applikabbli.”;

(13)

fil-punt FCL.700, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

Id-detenturi ta’ liċenzja ta’ bdot għandhom jaġixxu bħala bdoti ta’ inġenju tal-ajru biss jekk ikollhom klassifikazzjoni valida u xierqa tal-klassi jew tat-tip, sakemm ma tapplikax kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(1)

jeżerċitaw il-privileġġi ta’ LAPL jew ta’ GPL;

(2)

iwettqu testijiet tal-ħiliet jew kontrolli tal-profiċjenza għat-tiġdid tal-klassifikazzjonijiet tal-klassi jew tat-tip;

(3)

jirċievu tagħlim fit-titjir;

(4)

ikollhom klassifikazzjoni ta’ test tat-titjira maħruġa f’konformità mal-punt FCL.820.”;

(14)

il-punt FCL.810 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (b) huwa emendat kif ġej:

(1)

il-punt (2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(2)

lestew kors ta’ taħriġ f’DTO jew f’ATO. Il-kors għandu jitlesta fi żmien 6 xhur u jinkludi:

(i)

5 sigħat ta’ tagħlim fl-għarfien teoretiku;

(ii)

10 sigħat ta’ ħin ta’ tagħlim tal-istrumenti tal-ħelikopters ma’ bdot ieħor; u

(iii)

5 sigħat ta’ ħin ta’ titjir billejl, inkluż mill-inqas 3 sigħat ta’ tagħlim ma’ bdot ieħor, inkluż mill-inqas siegħa ta’ navigazzjoni cross-country u 5 ċirkwiti billejl bi bdot wieħed. Kull ċirkwit għandu jinkludi qtugħ mill-art u nżul.

Applikant li jkollu jew kellu IR f’ajruplan jew TMG għandu jiġi kkreditat b’5 sigħat fir-rigward tar-rekwiżit fil-punt (2)(ii) ta’ hawn fuq.”;

(2)

il-punt (3) jitħassar;

(b)

jiżdied il-punt (c) ġdid li ġej:

“(c)

Ġiroplani. Jekk il-privileġġi ta’ GPL għandhom ikunu eżerċitati f’kundizzjonijiet VFR billejl, l-applikanti għandhom ikunu:

(1)

wettqu mill-inqas 50 siegħa ta’ ħin ta’ titjir bħala bdot f’ġiroplani wara l-ħruġ tal-liċenzja, inkluż mill-inqas 20 siegħa bħala PIC fuq il-ġiroplani u 20 siegħa ta’ titjir cross-country;

(2)

lestew kors ta’ taħriġ f’DTO jew f’ATO. Il-kors għandu jitlesta fi żmien 6 xhur u jinkludi:

(i)

5 sigħat ta’ tagħlim fl-għarfien teoretiku;

(ii)

3 sigħat ta’ ħin ta’ tagħlim tal-istrumenti tal-ġiroplani ma’ bdot ieħor; u

(iii)

5 sigħat ta’ ħin ta’ titjir billejl, inkluż mill-inqas 3 sigħat ta’ tagħlim ma’ bdot ieħor, inkluż mill-inqas siegħa ta’ navigazzjoni cross-country u 5 ċirkwiti billejl bi bdot wieħed; kull ċirkwit għandu jinkludi qtugħ mill-art u nżul.

Applikant li jkollu jew kellu kwalifika ta’ titjir bl-istrumenti f’ajruplan jew f’ħelikopter għandu jiġi kkreditat b’sagħtejn fir-rigward tar-rekwiżit fil-punt (2)(ii) hawn fuq. Applikant li jkollu klassifikazzjoni ta’ billejl f’ajruplan, f’ħelikopter jew f’TMG għandu jirċievi kreditu sħiħ għall-element speċifikat fil-punt (2)(i).”;

(15)

fil-punt FCL.905.FI, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

PPL, LAPL u GPL fil-kategorija xierqa ta’ inġenju tal-ajru;”;

(16)

fil-punt FCL.910.FI(c), jiżdied il-punt (4) ġdid kif ġej:

“(4)

għall-FI(G):

(i)

100 siegħa ta’ tagħlim fit-titjir fil-ġiroplani u, barra minn hekk, ikun wettaq superviżjoni ta’ mill-inqas 25 titjira bi bdot wieħed;

(ii)

fil-każ tal-FI(G) li jkollu wkoll ċertifikat ta’ FI(A) jew ta’ FI(H) u li jikkonforma mal-punti (1) jew (2), kif applikabbli, 25 siegħa ta’ tagħlim fit-titjir fil-ġiroplani u, barra minn hekk, ikun wettaq superviżjoni ta’ mill-inqas 10 titjiriet ta’ studenti waħedhom.”;

(17)

il-punt FCL.915.FI huwa emendat kif ġej:

(a)

il-frażi introduttorja tal-punt (a) hija sostitwita b’dan li ġej:

“(a)

fil-każ tal-FI(A), tal-FI(H) u tal-FI(G):”;

(b)

jiddaħħal il-punt (ca) ġdid li ġej:

“(ca)

barra minn hekk, għall-FI(G), ikunu lestew mill-inqas 150 siegħa ta’ ħin ta’ titjir fuq il-ġiroplani, li minnhom mill-inqas 100 siegħa bħala PIC.”;

(18)

il-punt FCL.930.FI huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt (b)(3), il-punt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

fil-każ ta’ FI(A), (H) u (G), mill-inqas 30 siegħa ta’ tagħlim fit-titjir, li minnhom 25 sigħat għandhom ikunu tagħlim fit-titjir b’żewġ bdoti, li minnhom 5 sigħat jistgħu jitwettqu f’FFS, f’FNPT I jew II, jew f’FTD 2/3;”;

(b)

il-punt (b)(4) jitħassar;

(c)

il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

L-applikanti għal ċertifikat ta’ FI f’kategorija oħra ta’ inġenji tal-ajru li jkollhom jew li kellhom FI(A), (H), (As) jew (G) għandhom jiġu kkreditati b’55 siegħa fir-rigward tar-rekwiżit fil-punt (b)(2).”;

(d)

jiżdiedu l-punti (d) u (e) ġodda li ġejjin:

“(d)

L-applikanti għal ċertifikat ta’ FI(G) li għandhom jew li kellhom ċertifikat ta’ FI(A), (H) jew (As) għandhom jiġu kkreditati bi 15-il siegħa fir-rigward tar-rekwiżit fil-punt (b)(3)(i), li minnhom massimu ta’ 10 sigħat għandhom ikunu kreditu għall-ħin ta’ tagħlim b’żewġ bdoti.”

“(e)

L-applikanti għaċ-ċertifikat ta’ FI li għandhom jew li kellhom kwalunkwe ċertifikat ta’ għalliem ieħor li jkun inħareġ f’konformità ma’ dan l-Anness għandhom jitqiesu li jissodisfaw ir-rekwiżiti fil-punt (b)(1).”

(19)

il-punt FCL.940.FI(a) huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt (1)(i), jiżdied il-punt (C) ġdid kif ġej:

“(C)

fil-każ ta’ FI(G), mill-inqas 50 siegħa ta’ tagħlim fit-titjir fil-ġiroplani bħala FIs jew bħala eżaminaturi;”;

(b)

il-punt (2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(2)

Għal mill-inqas kull validazzjoni mill-ġdid alternata, fil-każ ta’ FI(A), FI (H) jew FI(G), jew kull tielet validazzjoni mill-ġdid, fil-każ ta’ FI(As), id-detenturi taċ-ċertifikat ta’ FI rilevanti għandhom jgħaddu minn valutazzjoni tal-kompetenza f’konformità mal-punt FCL.935.”;

(20)

fil-punt FCL.1005.FE, jiżdied il-punt (d) ġdid li ġej:

“(d)

FE(G). Il-privileġġi ta’ FE għall-ġiroplani huma li jwettaq testijiet tal-ħiliet u kontrolli tal-profiċjenza għall-GPL u għal privileġġi assoċjati għall-klassijiet u t-tipi ta’ ġiroplani, dment li l-FE jkun lesta mill-inqas 500 siegħa ta’ ħin ta’ titjir bħala bdot fuq il-ġiroplani, inkluż mill-inqas 100 siegħa ta’ tagħlim fit-titjir, li minnhom sa 40 siegħa jistgħu jkunu tagħlim fit-titjir imwettaq bħala FI(A) jew FI(H).”;

(21)

fil-punt FCL.1005.FIE, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

FIE(As) u FIE(G). Il-privileġġi ta’ FIE fuq l-iġfna tal-ajru u l-ġiroplani huma li jitwettqu valutazzjonijiet tal-kompetenza għall-ħruġ, għall-validazzjoni mill-ġdid, jew għat-tiġdid taċ-ċertifikati ta’ għalliem fil-kategorija applikabbli tal-inġenju tal-ajru, dment li jinżamm iċ-ċertifikat ta’ għalliem rilevanti.”;

(22)

fil-punt FCL.1010.FIE, jiżdied il-punt (d) ġdid li ġej:

“(d)

FIE(G). L-applikanti għal ċertifikat ta’ FIE għall-ġiroplani:

(1)

għandu jkollhom ċertifikat ta’ għalliem tal-FI(G);

(2)

għandhom ikunu lestew 1 000 siegħa ta’ ħin ta’ titjir bħala bdot fuq il-ġiroplani; u

(3)

għandhom ikunu lestew mill-inqas 100 siegħa ta’ ħin ta’ titjir li fihom għallmu lil applikanti għal ċertifikat ta’ FI(G). Fil-każ ta’ applikanti li jkollhom ċertifikat ta’ FIE(A) jew FIE(H), dan ir-rekwiżit jitnaqqas għal 50 siegħa.”;

(23)

fl-Appendiċi 1, il-Punt 1 tat-Taqsima A huwa emendat kif ġej:

(a)

l-intestatura tal-Punt 1. hija sostitwita b’dan li ġej:

“1.

LAPL, PPL u GPL”;

(b)

jiżdied il-punt 1.5. ġdid li ġej:

“1.5.

Għall-ħruġ ta’ GPL, f’konformità ma’ dan ir-Regolament, id-detentur tal-liċenzja ta’ bdot għall-ajruplani jew għall-ħelikopters għandu jiġi kkreditat bis-sħiħ fir-rigward tar-rekwiżiti tat-tagħlim u tal-eżami tal-għarfien teoretiku fis-suġġetti li ġejjin:

(a)

Il-liġi tal-ajru u l-proċeduri ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru (ATC, Air Traffic Control),

(b)

Il-prestazzjoni umana,

(c)

Il-meteoroloġija,

(d)

Il-komunikazzjoni,

(e)

In-navigazzjoni.”.


ANNESS II

Fl-Anness IV (Parti-MED) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011, il-punt MED.A.030(c), il-punt (2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(2)

liċenzja ta’ bdot privat (PPL) jew liċenzja ta’ bdot tal-ġiroplani (GPL), il-bdot għandu jkollu mill-inqas ċertifikat mediku validu tal-klassi 2;”.


ANNESS III

Fl-Anness VI (Parti-ARA) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011, fl-Appendiċi I, il-mudell ta’ wara l-paragrafu (c) huwa emendat kif ġej:

(a)

il-frażi “Din il-liċenzja tikkonforma mal-istandards tal-ICAO, ħlief għall-privileġġi tal-LAPL u l-BIR jew meta tkun akkumpanjata minn ċertifikat mediku tal-LAPL.” hija sostitwita b’dan li ġej:

“Din il-liċenzja tikkonforma mal-istandards tal-ICAO, ħlief għall-privileġġi tal-LAPL, tal-GPL u tal-BIR, jew meta tkun akkumpanjata minn ċertifikat mediku tal-LAPL.”;

(b)

il-frażi “Formola 141 tal-EASA Ħarġa 2” hija sostitwita b’dan li ġej:

“ Formola 141 tal-EASA Ħarġa 3 ”.


ANNESS IV

Fl-Anness VIII (Parti-DTO) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011, fil-punt DTO.GEN.110(a), jiddaħħal il-punt (5) ġdid li ġej:

“(5)

għall-ġiroplani:

(a)

tagħlim tal-għarfien teoretiku għall-GPL;

(b)

tagħlim fit-titjir għall-GPL;

(c)

taħriġ għal privileġġi għall-klassijiet u għat-tipi ta’ ġiroplani bi bdot wieħed;

(d)

taħriġ għal klassifikazzjoni ta’ billejl.”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/134/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)