|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/3933 |
1.9.2026 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tal-10 ta’ Lulju 2026
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Awstrija
(C/2026/3933)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2024/1263 jispeċifika l-objettivi tal-qafas ta' governanza ekonomika, li għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, tkabbir sostenibbli u inklużiv u reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, kif ukoll li jevita defiċits eċċessivi tal-gvern. Ir-Regolament jistipula li l-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu sorveljanza multilaterali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew f'konformità mal-objettivi u r-rekwiżiti stipulati fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Is-Semestru Ewropew jinkludi, b'mod partikolari, il-formulazzjoni u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. |
|
(2) |
Fil-25 ta' Novembru 2025, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija tal-2026, li fih ma identifikatx lill-Awstrija bħala wieħed mill-Istati Membri li għalih ikun meħtieġ rieżami fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kapital uman fl-Unjoni Ewropea, u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2026, li tanalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (2) fil-21 ta' April 2026, u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi u r-Rakkomandazzjoni dwar il-kapital uman fid-9 ta' Marzu 2026. |
|
(3) |
Fid-29 ta' Jannar 2025, il-Kummissjoni ppubblikat il-Boxxla għall-Kompetittività, qafas strateġiku li għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività globali tal-UE matul il-ħames snin li ġejjin. Din tidentifika t-tliet imperattivi trasformattivi tal-innovazzjoni, id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività, u s-sigurtà bħala pilastri kritiċi għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli. Minn mindu ġiet ippubblikata, il-Boxxla għall-Kompetittività informat il-ħidma tas-Semestru Ewropew, li jiżgura li l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri jkunu konsistenti mal-objettivi strateġiċi tal-UE, u li jinħoloq approċċ unifikat għall-governanza ekonomika li jrawwem it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u r-reżiljenza madwar l-Unjoni. |
|
(4) |
Fl-2026, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika jkompli jiżviluppa flimkien mal-istadju finali tal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) (3). Il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza (RRPs), flimkien mal-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni, kienu essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta' politika taħt is-Semestru Ewropew, peress li l-pjanijiet kienu meħtieġa biex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti ta' sfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti maħruġa f'ċikli reċenti, u l-programmi ffinanzjati mill-politika ta' koeżjoni Ewropea kienu meħtieġa jqisu r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Hekk kif l-RRF toqrob lejn tmiem il-ħajja tagħha, jibqa' essenzjali li jiġu sostnuti u żviluppati r-riformi u l-investimenti appoġġati u implimentati taħt l-RRF, b'mod partikolari dawk li jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. |
|
(5) |
Fit-3 ta' Ġunju 2026, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2026 għall-Awstrija. Fih ġie vvalutat il-progress tal-Awstrija fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2025 u ttieħed kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-RRP tal-Awstrija. Abbażi ta' din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika l-aktar sfidi urġenti li qed tiffaċċa l-Awstrija. Ivvaluta wkoll il-progress li għamlet l-Awstrija fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali, kif ukoll il-progress biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. |
|
(6) |
Fit-8 ta' Lulju 2025, il-Kunsill, fuq il-valutazzjoni u r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Awstrija (4). Il-pjan kopra l-perjodu mill-2025 sal-2029 u ppreżenta aġġustament fiskali mifrux fuq seba' snin. Il-Kunsill irrakkomanda r-rati massimi ta' tkabbir li ġejjin tan-nefqa netta: 2,6 % fl-2025, 2,2 % fl-2026, 2,2 % fl-2027, 2,0 % fl-2028, u 2,3 % fl-2029, li jikkorrispondu għar-rati ta' tkabbir kumulattivi massimi kkalkulati b'referenza għas-sena bażi tal-2024 ta' 2,6 % fl-2025, 4,8 % fl-2026, 7,2 % fl-2027, 9,4 % fl-2028, u 11,9 % fl-2029. Għas-snin 2025-2028, dawn ir-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta jikkoinċidu mal-perkors korrettiv, kif irrakkomandat mill-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE fit-8 ta' Lulju 2025, bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv (5). Abbażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar azzjoni effettiva tat-3 ta' Ġunju 2026 (6), il-proċedura ta' defiċit eċċessiv għall-Awstrija qed tinżamm sospiża. |
|
(7) |
Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jitolbu l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir b'mod koordinat biex jappoġġaw l-isforzi tal-UE biex tikseb żieda rapida u sinifikanti fl-infiq fid-difiża (7) u din il-proposta ntlaqgħet mill-Kunsill Ewropew tas-6 ta' Marzu 2025. Wara t-talba tal-Awstrija, fis-17 ta' Frar 2026 il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni li tippermetti lill-Awstrija tiddevja mir-rati massimi ta' tkabbir rakkomandati tan-nefqa netta (8). Il-perjodu meta tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali (2025-2028) jippermetti lill-Awstrija tipprijoritizza mill-ġdid in-nefqa tal-gvern jew iżżid id-dħul tal-gvern sabiex in-nefqa fid-difiża li tkun ogħla b'mod dejjiemi ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju. |
|
(8) |
Fid-29 ta' April 2026, l-Awstrija ppreżentat ir-Rapport ta' Progress Annwali tal-2026 (9) tagħha dwar l-aderenza mar-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta rakkomandati, l-implimentazzjoni tas-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament u l-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti li jwieġbu għall-isfidi ewlenin identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tas-Semestru Ewropew. Ir-Rapport ta' Progress Annwali jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Awstrija dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha f'konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241. Ir-rapport dwar l-azzjoni meħuda skont il-proċedura ta' defiċit eċċessiv huwa integrat fir-Rapport ta' Progress Annwali. |
|
(9) |
It-tkabbir tal-PDG reali fl-2025 kien ta' 0,6 % u l-inflazzjoni tal-HICP kienet ta' 3,6 %. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali jikber bi 0,6 % fl-2026 u 0,9 % fl-2027, u l-inflazzjoni tal-HICP ser tkun ta' 3,0 % fl-2026 u 2,5 % fl-2027. |
|
(10) |
Fuq il-bażi tad-data pprovduta mill-Eurostat (10), id-defiċit tal-gvern estiż tal-Awstrija naqas minn 4,6 % tal-PDG fl-2024 għal 4,2 % tal-PDG fl-2025. It-tnaqqis fid-defiċit fl-2025 jirrifletti prinċipalment l-implimentazzjoni ta' pakkett ta' konsolidazzjoni. Abbażi ta' miżuri ta' politika magħrufa sad-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit ta' 4,1 % tal-PDG fl-2026 u l-2027. |
|
(11) |
Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (11), li tinkludi n-nefqa ffinanzjata kemm nazzjonalment kif ukoll mill-UE, kienet restrittiva, b'1,1 % tal-PDG fl-2025. Huwa pprojettat li tkun restrittiva kemm fl-2026 kif ukoll fl-2027, b' 0,4 % tal-PDG f'kull sena. |
|
(12) |
Abbażi tad-data pprovduta mill-Eurostat (12), id-dejn tal-gvern estiż tal-Awstrija żdied minn 80,0 % tal-PDG fi tmiem l-2024 għal 81,5 % tal-PDG fi tmiem l-2025. Iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn fl-2025 tirrifletti prinċipalment id-defiċit fiskali, it-tkabbir modest tal-PDG u l-investimenti ffinanzjati bil-kreditu fi proġetti infrastrutturali minn xi unitajiet ekstrabaġitarji fis-settur tal-gvern ċentrali. Abbażi ta' miżuri ta' politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG jonqos għal 83,4 % sa tmiem l-2026 u li jibqa' jiżdied sa 84,9 % sa tmiem l-2027. |
|
(13) |
Abbażi tad-data tal-Eurostat (13), in-nefqa totali fid-difiża tal-gvern estiż fl-Awstrija ammontat għal 0,7 % tal-PDG fl-2025, li tikkorrispondi għal żieda ta' 0,1 punti perċentwali meta mqabbla mas-sena ta' referenza 2021. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni, huwa pprojettat għal 0,9 % tal-PDG fl-2026, li jikkorrispondi għal żieda ta' 0,3 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbel mal-2021. |
|
(14) |
L-Unjoni tkompli tiffaċċa riskji ta' interruzzjonijiet fil-provvista tal-enerġija u volatilità għolja tal-prezzijiet, aggravati minn tensjonijiet ġeopolitiċi li jaffettwaw is-swieq globali taż-żejt u tal-gass. L-esperjenza mill-kriżi tal-enerġija tal-2022–2023 uriet li miżuri wiesgħa u mhux immirati jinvolvu kostijiet fiskali kbar u huma soċjalment u ekonomikament ineffiċjenti. Minn mindu faqqgħet il-gwerra fil-Lvant Nofsani fi Frar 2026, l-Awstrija adottat miżura ta' politika fiskali biex ittaffi l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija fuq l-unitajiet domestiċi u d-ditti (14), jiġifieri, tnaqqis mhux immirat fid-dazji tas-sisa (li jinkludu restrizzjonijiet regolatorji fuq il-marġni) għall-petrol u d-diżil f'April u Mejju 2026. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni, il-kost fiskali ta' din il-miżura huwa pprojettat li jammonta għal inqas minn 0,1 % tal-PDG fl-2026, anke jekk jiġi estiż sal-aħħar tas-sena. |
|
(15) |
Abbażi tal-kalkoli tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fl-Awstrija kibret bi 2,0 % fl-2025. It-tkabbir fin-nefqa netta fl-2025 huwa taħt ir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata. |
|
(16) |
Abbażi tal-kalkoli tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fl-Awstrija hija pprojettata li tikber bi 2,1 % fl-2026, u b'4,1 % b'mod kumulattiv matul l-2025 u l-2026. It-tkabbir fin-nefqa netta projettata fl-2026 huwa taħt ir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata. Meta jitqiesu l-2025 u l-2026 flimkien, ir-rata ta' tkabbir kumulattiv projettata tan-nefqa netta hija wkoll taħt ir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata. |
|
(17) |
Ir-Rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan ta' terminu medju tal-Awstrija tispeċifika s-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament, flimkien ma' skeda ta' żmien għall-implimentazzjoni tagħhom. Filwaqt li tqis l-informazzjoni pprovduta mill-Awstrija fir-Rapport ta' Progress Annwali tagħha, il-Kummissjoni ssib li l-implimentazzjoni tal-passi ewlenin ta' dawn ir-riformi u l-investimenti li kienu dovuti sat-30 ta' April 2026 jidhru li jinsabu ġeneralment fit-triq it-tajba. Il-Kummissjoni tqis li, b'mod ġenerali, l-Awstrija kkonformat mal-impenji tagħha b'mod sodisfaċenti (15). |
|
(18) |
It-tixjiħ demografiku joħloq sfida sinifikanti għas-sostenibbiltà fiskali tas-sistema tal-pensjonijiet. In-nefqa pubblika fuq il-pensjonijiet hija fost l-ogħla fl-Unjoni, b'14,5 % tal-PDG fl-2025, li tirrifletti wkoll l-età effettiva baxxa tal-irtirar. Minkejja miżuri reċenti u tal-passat, inklużi regoli ta' eliġibbiltà aktar stretti għall-iskemi ta' rtirar bikri mill-2026, u l-konverġenza fl-età tal-irtirar tal-irġiel u tan-nisa sal-2033, l-etajiet effettivi u statutorji tal-irtirar huma mbassra li jibqgħu baxxi meta mqabbla ma' Stati Membri oħra. It-trasferimenti federali għas-sistema tal-pensjonijiet huma pprojettati li jibqgħu sinifikanti. B'kuntrast ma' dan, l-iskemi tal-pensjoni supplimentari għadhom sottożviluppati, b'kopertura baxxa u profondità finanzjarja limitata. |
|
(19) |
Minbarra t-tixjiħ demografiku, il-frammentazzjoni u l-ineffiċjenzi tal-kostijiet jikkontribwixxu għal livelli għoljin ta' nefqa fuq il-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul, u b'hekk huma ta' piż fuq il-finanzi pubbliċi. L-infiq għadu żbilanċjat lejn il-kura in-patient fl-isptar u aderenza dgħajfa mal-miri tan-nefqa tkompli ddgħajjef il-kontroll baġitarju. Ir-riformi, inkluż l-istabbiliment ta' fond għar-riforma tal-kura tas-saħħa fl-2026, għandhom l-għan li jsaħħu l-kura primarja u d-diġitalizzazzjoni, iżda l-impatt tagħhom huwa limitat minn appoġġ regolatorju insuffiċjenti, pereżempju koordinazzjoni dgħajfa tal-perkorsi tal-pazjenti. Id-diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-kura tas-saħħa għadha mhux kompluta, u dan jillimita l-kisbiet fl-effiċjenza. Minkejja nfiq relattivament għoli fuq il-prevenzjoni tal-mard, hemm lok biex jiżdiedu l-isforzi fil-ġestjoni tal-fatturi ta' riskju komportamentali u l-prevenzjoni tal-mard mhux komunikabbli. Fil-kura fit-tul, għad hemm dgħufijiet fil-governanza, inkluż in-nuqqas ta' miri vinkolanti tan-nefqa u integrazzjoni limitata mas-servizzi tal-kura tas-saħħa. Is-sehem relattivament għoli tal-kura residenzjali u d-disparitajiet reġjonali fil-provvista, jindikaw spazju għal titjib fil-kosteffettività u l-iżgurar tal-kwalità tal-kura aktar uniformi. |
|
(20) |
Il-qafas fiskali tal-Awstrija huwa mmarkat minn sistema kumplessa ta' trasferimenti intergovernattivi bejn l-awtoritajiet federali u dawk reġjonali, u jillimita l-effiċjenza tal-infiq pubbliku. B'livell baxx ta' awtonomija fiskali, l-istati federali jiddependu ħafna fuq dħul kondiviż aktar milli fuq is-sorsi tagħhom stess – sehem żgħir biss mid-dħul pubbliku totali fl-2025 ġie minn sorsi sottonazzjonali. Fl-istess ħin, l-iffinanzjar ta' servizzi essenzjali bħall-kura tas-saħħa, il-kura tat-tfal u t-trasport pubbliku jiddependi sa ċertu punt fuq l-infiq ipprovdut mill-istati federali u l-muniċipalitajiet. L-Awstrija rrevediet il-Patt ta' Stabbiltà Awstrijak tal-2025 f'April 2026 b'effett retroattiv mill-1 ta' Jannar 2024 biex tistabbilixxi miri ta' dejn u defiċit għall-gvernijiet federali, reġjonali u lokali u biex tintroduċi rekwiżiti ta' rappurtar ta' kull xahar fil-livell reġjonali, iżda l-bidliet konkreti fl-assenjazzjonijiet tan-nefqa u l-mekkaniżmi tal-akkontabbiltà kienu modesti. Il-Patt jibni fil-biċċa l-kbira fuq arranġamenti eżistenti u ma jbiddilx b'mod fundamentali d-distribuzzjoni kumplessa tal-kompetenzi fil-livelli kollha tal-gvern. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni intermuniċipali attwali mhijiex uniformi. Ir-rabta tad-data muniċipali ma' pjattaforma interoperabbli għall-iskambju tad-data u l-promozzjoni ta' sħubijiet ta' servizzi bi skopijiet multipli (Mehrzweckverbände) fil-livell funzjonali jistgħu jagħtu spinta lill-effiċjenza, lill-kwalità tas-servizz, u lill-iffrankar fil-kostijiet. |
|
(21) |
It-taħlita ta' taxxi għadha tiddependi ħafna fuq l-introjtu mix-xogħol u l-konsum. Fl-2025, l-Awstrija kellha l-ħames l-ogħla proporzjon tat-taxxa mal-PDG fl-UE b'porzjon ta' taxxa medju sinifikanti fuq ix-xogħol (16). Mill-2023, il-livelli tat-taxxa fuq l-introjtu personali ġew indiċizzati għall-inflazzjoni, u dan ipprevjena żieda ulterjuri tal-porzjon tat-taxxa permezz taċ-ċaqliq. Madankollu, diversi sfidi strutturali li ilhom preżenti fit-taħlita ta' taxxi għadhom ma ġewx indirizzati. L-użu aħjar ta' taxxi li jiffavorixxu aktar it-tkabbir u l-impjiegi jista' jgħin biex jinħoloq l-ispazju baġitarju meħtieġ u tittejjeb l-istruttura kumplessiva tat-taxxa. |
|
(22) |
L-involviment sistematiku, sinifikattiv u f'waqtu tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra għadu essenzjali sabiex tiġi żgurata sjieda wiesgħa għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-istrumenti ta' finanzjament tal-Unjoni, kif ukoll fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. |
|
(23) |
L-implimentazzjoni, fl-Awstrija, tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, li jinkludu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF), u mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE +), hija ogħla mill-pass medju fil-livell tal-UE, kemm f'termini tal-għażla tal-proġetti kif ukoll tal-pagamenti. Huwa importanti li jinżamm il-momentum attwali, filwaqt li jiġi massimizzat l-impatt tal-investimenti fil-prattika. L-Awstrija diġà qed tieħu azzjoni fil-qafas tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni tagħha biex tagħti spinta lill-kompetittività u t-tkabbir. Madankollu, xi oqsma jistgħu jeħtieġu aktar tisħiħ fl-implimentazzjoni, inklużi dawk relatati mal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-iżvilupp territorjali u urban integrat. Huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-investimenti l-ġodda identifikati mill-Awstrija fir-rieżami ta' nofs it-terminu tagħha tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni, b'mod partikolari dawk marbuta mal-ħames prijoritajiet identifikati fir-Regolament dwar ir-Rieżami ta' Nofs it-Terminu (17), jintużaw malajr u b'mod effettiv. |
|
(24) |
L-Awstrija qed tiffaċċa diversi sfidi relatati mas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tagħha, is-suq tax-xogħol u l-iżvilupp tal-ħiliet, id-dinamiżmu tan-negozju u l-kompetittività, id-dipendenza persistenti tagħha fuq il-fjuwils fossili u l-prezzijiet għoljin tal-enerġija. |
|
(25) |
Minkejja l-passi biex jiġi ssimplifikat il-ħolqien tan-negozju u biex tiġi estiża l-firxa ta' strumenti ta' finanzjament, nuqqas ta' finanzjament tar-riskju jkompli jxekkel l-iskalar ta' ditti innovattivi. Is-swieq lokali tal-kapital ta' riskju u ta' tkabbir għadhom sottożviluppati meta mqabbla mal-pari li jinsabu fuq quddiem tal-UE, filwaqt li l-finanzjament tal-bidu naqas b'56 % fl-2025 għall-aktar livell baxx mill-2019. Id-diskrepanzi fil-finanzjament tal-kapital ta' riskju jistgħu jittaffew permezz tal-istabbiliment ippjanat tal-Fond ta' Fondi għall-istartups u l-iscaleups, u billi jiġu indirizzati l-ostakli li fadal li jfixklu lill-investituri istituzzjonali bħall-fondi tal-pensjonijiet u l-assiguraturi, milli jinvestu fi strumenti ta' ekwità fit-tul. It-tisħiħ tal-pilastru tal-pensjonijiet supplimentari jista' jikkontribwixxi wkoll għall-approfondiment tas-suq tal-ekwità tal-Awstrija u għall-mobilizzazzjoni ta' kapital addizzjonali għal kumpaniji innovattivi. |
|
(26) |
Minkejja l-livell għoli ta' investiment fir-R&Ż (fost l-aqwa tliet Stati Membri tal-UE), it-traduzzjoni fi prodotti kummerċjabbli u innovazzjoni rivoluzzjonarja għadha limitata. It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Ewropea tal-2025 turi l-prestazzjoni relattivament baxxa tal-Awstrija fl-SMEs li jintroduċu innovazzjonijiet fil-prodotti. Biex jindirizza dan, il-gvern ħabbar miżuri biex itejjeb il-kapaċitajiet tar-R&Ż fl-Istrateġija Industrijali 2035 tiegħu u adotta t-tielet Patt dwar ir-Riċerka, it-Teknoloġija u l-Innovazzjoni għall-2027 sal-2029, b'pakkett ta' finanzjament totali ta' madwar EUR 5,5 biljun. Hija meħtieġa implimentazzjoni bir-reqqa ta' dawn il-miżuri, inkluż permezz ta' koordinazzjoni aktar imsaħħa tal-kompetenzi bejn il-ministeri u monitoraġġ orjentat lejn l-impatt biex jiġi żgurat li l-infiq għoli tal-Awstrija fir-R&Ż jikseb eżiti ta' innovazzjoni kummerċjabbli komparabbli mal-istati membri li jinsabu fuq quddiem. |
|
(27) |
L-adozzjoni li għadha lura ta' teknoloġiji diġitali avvanzati mill-kumpaniji tibqa' sfida ulterjuri għat-tkabbir u l-produttività. Il-progress fid-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija tal-Awstrija għadu irregolari. L-SMEs juru livell kemxejn ogħla mill-medja tal-UE ta' intensità diġitali bażika, u l-adozzjoni tal-IA fost il-kumpaniji għandha momentum qawwi. Madankollu, l-adozzjoni mill-kumpaniji ta' teknoloġiji diġitali avvanzati oħra, b'mod partikolari l-cloud computing u l-analitika tad-data, għadha taħt il-medja tal-UE. Għad hemm bżonn ta' miżuri mmirati biex jiġi indirizzat dan id-distakk, inklużi inċentivi finanzjarji, appoġġ aktar b'saħħtu għall-adozzjoni min-negozji ta' soluzzjonijiet tal-cloud u tad-data, u investiment fil-ħiliet diġitali. |
|
(28) |
Il-piż amministrattiv u regolatorju huwa ta' piż fuq l-ambjent tan-negozju fl-Awstrija, u jnaqqas ir-ritmu tal-proċeduri għall-għoti ta' permessi u jirrikjedi li d-ditti jimpenjaw riżorsi sinifikanti fuq kompiti amministrattivi. Sar progress billi ġie permess proċess ta' reġistrazzjoni tan-negozju kompletament diġitali, iżda hija meħtieġa azzjoni ulterjuri sinifikanti. Ir-riforma proposta tal-Kodiċi tal-Kummerċ għandha l-potenzjal li taċċellera l-permessi tan-negozju u tnaqqas il-piż amministrattiv, iżda l-implimentazzjoni sħiħa teħtieġ kooperazzjoni effettiva fil-livelli lokali, provinċjali u federali. |
|
(29) |
Il-konsumaturi Awstrijaċi huma affettwati b'mod negattiv minn nuqqas ta' kompetizzjoni f'ċerti setturi, li jikkontribwixxi għal prezzijiet ogħla. Ir-restrizzjonijiet territorjali fuq il-provvista qed iħallu impatti negattivi fuq il-konsumaturi Awstrijaċi, minħabba prezzijiet ogħla b'mod sinifikanti għall-istess prodotti tal-ikel u tal-kura personali. Dan huwa aggravat aktar mill-ostakli għad-dħul fis-suq. Ir-restrizzjoni regolatorja għal ċerti professjonijiet u fornituri ta' servizzi, bħal fl-inġinerija ċivili, tkompli tillimita l-kompetizzjoni u toħloq ostakli inkluż għall-forniment transfruntier ta' servizzi. |
|
(30) |
Tfaċċaw sfidi ta' affordabbiltà tal-akkomodazzjoni minħabba, fost fatturi oħra, iż-żieda fil-kostijiet tal-kostruzzjoni u t-tnaqqis fil-provvista ta' akkomodazzjoni ġdida, li poġġew lil parteċipanti ġodda fis-suq tal-akkomodazzjoni fi żvantaġġ. Rieżami ta' standards tekniċi kumplessi magħrufa bħala “prattika kummerċjali stabbilita” bil-ħsieb li jitnaqqsu r-rekwiżiti li mhumiex strettament meħtieġa għas-sikurezza jew l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jista' jwitti t-triq għal simplifikazzjoni intelliġenti li tnaqqas il-kostijiet. |
|
(31) |
L-Awstrija ħadet diversi miżuri fl-2025 biex tindirizza l-prezzijiet għoljin tal-enerġija. Minbarra l-miżuri fuq terminu qasir immirati lejn it-tnaqqis tal-prezzijiet tal-enerġija għall-industrija intensiva fl-enerġija u t-tnaqqis tal-imposta fuq l-elettriku għas-sena 2026, ġie adottat l-Att dwar is-Suq tal-Elettriku. Dan l-Att il-ġdid jirrappreżenta bidla importanti fil-qafas regolatorju tas-suq tal-elettriku Awstrijak u ser jgħin biex tiżdied il-flessibbiltà tal-enerġija u jippermetti ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija. Madankollu, l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha tal-Att dwar is-Suq tal-Elettriku hija essenzjali biex jinkisbu prezzijiet aktar baxxi b'mod sostenibbli u strutturali. Barra minn hekk, id-dipendenza tal-pajjiż fuq il-gass naturali għall-ġenerazzjoni tal-elettriku flimkien ma' flessibbiltà limitata mhux fossili u kapaċità ta' interkonnessjoni parzjalment limitata qed ikomplu jgħollu l-prezzijiet tal-enerġija, li huma ferm ogħla mill-medja tal-UE. Filwaqt li din id-dipendenza fuq il-gass naturali għadha tippersisti, l-Awstrija ħadet azzjonijiet biex ittejjeb is-sigurtà tal-enerġija billi ddiversifikat is-sorsi tal-provvista tal-gass tagħha. |
|
(32) |
L-Awstrija qed tkompli tagħmel progress fil-perkors tagħha ta' tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, iżda l-fjuwils fossili xorta kienu jammontaw għal aktar minn nofs it-taħlita tal-enerġija tagħha fl-2024. Biex tilħaq il-miri tagħha għall-2030, l-Awstrija ser ikollha taċċellera l-pass tal-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli u l-espansjoni tal-infrastruttura, b'mod partikolari għall-enerġija mir-riħ, fejn fl-2025 żdiedu biss 0,2 GW ġodda. L-enerġija rinnovabbli kienet tammonta għal 83,9 % tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fl-2025, b'sehem għoli ta' idroenerġija. Minħabba l-varjabbiltà staġjonali tal-enerġija idroelettrika u fotovoltajka, l-enerġija mir-riħ, li kienet tirrappreżenta 11,8 % tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fl-2024, hija komplement kosteffiċjenti biex titnaqqas il-ħtieġa għall-importazzjonijiet tal-elettriku, speċjalment fix-xitwa. It-tqassir taż-żmien għall-ħruġ tal-permessi u d-deżinjazzjoni ta' biżżejjed żoni ta' aċċellerazzjoni, b'mod partikolari għall-enerġija mir-riħ ser ikunu essenzjali biex jintlaħqu l-miri stabbiliti fl-Att dwar l-Espansjoni tal-Enerġija Rinnovabbli u fil-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECP). L-aċċellerazzjoni tal-aġġornament u l-estensjoni tal-grilja tal-elettriku, inkluż dik transfruntiera, u ż-żieda fil-ħżin jibqgħu kruċjali biex tiġi xprunata t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa. Dan jirrikjedi kemm aktar investimenti kif ukoll veloċità, inkluż fl-għoti tal-permessi, sabiex il-ġenerazzjoni addizzjonali tal-enerġija rinnovabbli tkun tista' tiġi integrata fis-sistema. |
|
(33) |
Il-pass attwali tad-dekarbonizzazzjoni għadu insuffiċjenti għall-Awstrija biex tilħaq il-miri klimatiċi tagħha għall-2030 u l-għan tan-newtralità klimatika għall-2040. Fl-2024, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra naqsu bi 3 %, b'mod sinifikanti aktar bil-mod milli fl-2023, b' estimi preliminari li jindikaw żieda fl-emissjonijiet fl-2025. L-emissjonijiet industrijali naqsu dan l-aħħar, iżda s-settur għadu intensiv fl-enerġija u fl-emissjonijiet. Il-miżuri li jappoġġaw id-dekarbonizzazzjoni tal-industrija u l-iżvilupp ta' infrastruttura industrijali nadifa, inklużi l-espansjoni fiżika u l-oqfsa regolatorji tagħha, jenħtieġ li jiġu żviluppati aktar, b'enfasi fuq reġjuni b'intensità għolja ta' emissjonijiet. L-emissjonijiet mit-trasport naqsu fl-2024, primarjament minħabba inqas traffiku tal-merkanzija, iżda l-progress fil-politika għadu limitat. L-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili u l-aċċellerazzjoni tal-elettrifikazzjoni tat-trasport, inkluż it-trasport tal-merkanzija bit-triq ser ikunu importanti. It-tnaqqis ulterjuri tal-emissjonijiet ser jiddependi wkoll fuq it-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fl-industrija, fit-trasport u fil-bini, inkluż permezz ta' riformi regolatorji tar-regolamenti dwar il-kiri u l-proprjetà biex tiġi ffaċilitata r-rinnovazzjoni tal-bini. |
|
(34) |
Is-suq tax-xogħol qed jiffaċċa sfidi biex jissodisfa d-domanda għax-xogħol fi sfond ta' tixjiħ demografiku u tassazzjoni tax-xogħol u kontribuzzjonijiet soċjali relattivament għoljin li huma fost l-ogħla fl-UE. L-impjiegi komplew jespandu gradwalment, xprunati prinċipalment miż-żieda fl-età statutorja tal-irtirar għan-nisa. L-għadd medju ta' sigħat maħduma normali fil-ġimgħa baqa' baxx fil-livell ta' 35,8 siegħa (meta mqabbel ma' 37,3 fil-livell tal-UE). Ir-rata ta' attività u dik tal-impjieg tan-nisa fl-2025 kienu għoljin b'75,1 % u 74,2 % rispettivament, u ogħla mill-medji rispettivi tal-UE, iżda taħt dawk tal-irġiel (82,7 % u 81 %, rispettivament). Fl-istess ħin, madankollu, l-Awstrija għandha wkoll waħda mill-akbar differenzi bejn il-ġeneri fl-impjiegi part-time fl-UE, b'37,1 pps. fl-2025, bi kważi nofs in-nisa kollha (49,6 %) jaħdmu part-time. Il-porzjon għoli ta' taxxa fuq ix-xogħol jiskoraġġixxi l-bidla minn xogħol part-time għal xogħol full-time, u dan jikkontribwixxi għal nuqqas ta' ħaddiema u jillimita l-potenzjal ekonomiku. Minkejja t-titjib fl-espansjoni tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, il-kopertura u l-aċċess għadhom mhux uniformi fl-istati federali kollha. L-ixprunaturi ewlenin huma l-frammentazzjoni tas-sistema ta' governanza, il-finanzjament u n-nuqqas ta' persunal. Qafas ta' kwalità obbligatorju bi standards ta' kwalità ċari jista' jgħin biex tiġi indirizzata l-kwalità mhux uniformi fil-livell lokali. |
|
(35) |
Minħabba r-rwol kruċjali tal-kapital uman fit-tisħiħ tal-kompetittività u l-awtonomija strateġika tal-Unjoni, fl-2026 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jindirizzaw b'mod urġenti l-isfidi strutturali relatati mal-kapital uman fil-qasam tal-ħiliet, l-edukazzjoni u t-taħriġ, li jfixklu l-kompetittività. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2026 indirizzati lill-Awstrija jistgħu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kapital uman fl-Unjoni. |
|
(36) |
In-nuqqas ta' ħaddiema beda jonqos, iżda xorta għadu f'livell komparattivament għoli. In-nuqqas ta' ħiliet u l-ispariġġ reġjonali jkomplu jfixklu r-reklutaġġ ta' nies tas-sengħa, għal impjiegi li jeħtieġu kwalifiki ta' livell medju. Ir-rati għoljin ta' pożizzjonijiet vakanti f'xi reġjuni jikkuntrastaw mal-qgħad relattivament għoli f'oħrajn. L-ostakli għall-mobbiltà tax-xogħol reġjonali jinkludu differenzi fil-prezzijiet tal-kiri, id-disponibbiltà tal-akkomodazzjoni soċjali u d-disparitajiet fid-disponibbiltà tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal għal tfal taħt l-età ta' 3 snin. Is-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, minkejja li huma żviluppati sew, qed jiffaċċaw sfidi dejjem akbar. Madwar 24 500 apprendist aspiranti ma setgħux isibu kollokamenti fl-2025, u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) qed jiffaċċaw sfidi akbar. Il-kwalità tat-taħriġ hija wkoll ta' tħassib, inkluż l-użu ta' għodod diġitali. |
|
(37) |
L-eżiti tal-impjiegi għadhom dgħajfa meta mqabbla mal-medja tal-UE għall-persuni akbar fl-età, il-ħaddiema bi kwalifiki baxxi, u l-persuni li ġejjin minn kuntest ta' migrazzjoni. Ir-riformi reċenti biex jiżdiedu l-impjiegi jinkludu appoġġ għall-impjieg mill-ġdid ta' persuni qiegħda fit-tul akbar fl-età, aċċess aktar strett għall-irtirar bikri, l-introduzzjoni ta' pensjoni parzjali u t-tħabbir ta' inċentivi tat-taxxa għax-xogħol wara l-età statutorja tal-irtirar. Madankollu, il-politiki tal-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol għal persuni li ġejjin minn kuntest ta' migrazzjoni u persuni bi kwalifiki baxxi li qed ifittxu impjieg għadhom insuffiċjenti. Sforzi msaħħa ta' titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid, flimkien ma' koordinazzjoni msaħħa tal-“istrateġija għat-tagħlim tul il-ħajja 2040” futura bejn l-istati federali u l-livell federali, jistgħu jkomplu jtejbu l-ħiliet bażiċi u jżidu l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol taż-żewġ gruppi. |
|
(38) |
Is-sitwazzjoni soċjali tal-Awstrija marret għall-agħar fl-2025, b'żieda fis-sehem ta' persuni f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali. L-introjti baxxi żdiedu b'pass aktar bil-mod mill-introjti medji u l-impatt tat-trasferimenti soċjali fit-tnaqqis tal-faqar sar inqas effettiv. It-tfal ġew affettwati b'mod sproporzjonat, b'wieħed minn kull erbgħa f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali, żieda ta' 3,5 pps mill-2024 u li qabżet il-medja tal-UE. Il-livelli tal-AROPE żdiedu wkoll fost dawk bi kwalifiki baxxi, u fost il-persuni li twieldu barra mill-UE. Minkejja r-riformi reċenti, għad hemm il-ħtieġa li jittejbu l-aċċessibbiltà u l-adegwatezza tal-korsijiet ta' taħriġ għal persuni li ġejjin minn kuntest ta' migrazzjoni u persuni bi kwalifiki baxxi. B'mod partikolari, biżżejjed korsijiet tal-lingwa Ġermaniża jtejbu l-impjegabbiltà. Barra minn hekk, ħafna ħaddiema mhux mill-UE huma kkwalifikati żżejjed (45,4 % fl-2025) meta mqabbla mal-Awstrijaċi (23 %) u ċittadini oħra tal-UE (32,2 %), peress li l-Awstrija bħalissa ma għandhiex sistema nazzjonali standardizzata għar-rikonoxximent tal-kwalifiki barranin. Rikonoxximent aktar mgħaġġel u aktar uniformi tal-kwalifiki jista' jimmobilizza l-potenzjal mhux użat biżżejjed fis-suq tax-xogħol, iżid l-integrazzjoni tal-migranti, u jikkontribwixxi għat-tnaqqis tar-riskji tal-faqar tagħhom. |
|
(39) |
L-Awstrija għadha qed tiffaċċa sfidi biex iżżid il-livell ta' ħiliet bażiċi. Madwar wieħed minn kull erba' studenti ma għandhomx ħiliet bażiċi u dan is-sehem huwa ogħla b'mod sinifikanti fost l-istudenti li ġejjin minn kuntesti żvantaġġati u ta' migrazzjoni. L-Awstrija mhux ser jirnexxilha tilħaq il-mira taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni ta' anqas minn 15 % progress insuffiċjenti sal-2030 u għandha disparitajiet soċjoekonomiċi u reġjonali kbar. It-tluq bikri mill-iskola qed jiżdied, b'mod partikolari fost l-istudenti nattivi żvantaġġati, u dawk li ġejjin minn kuntest ta' migrazzjoni. L-eżiti edukattivi għadhom mhux uniformi fl-istati federali u n-nuqqas persistenti ta' għalliema u persunal jillimita l-kapaċità li jittejbu l-eżiti tat-tagħlim. Iż-żamma taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni ġenerali b'sistemi sistematiċi ta' segwitu, appoġġ immirat li jikkombina l-ħiliet bażiċi, it-tagħlim tal-lingwi, l-indirizzar tan-nuqqas ta' għalliema u persunal u l-promozzjoni ta' taħriġ inklużiv tal-għalliema u perkorsi flessibbli tat-tieni opportunità jistgħu jtejbu l-integrazzjoni, l-impjegabbiltà u l-koeżjoni soċjali. Biex jindirizza dawn l-isfidi, il-gvern Awstrijak stabbilixxa miżuri importanti, bħall-programm “Chancenbonus”. |
|
(40) |
Fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2026 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, fosthom permezz tal-RRPs tagħhom, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2026 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għall-Awstrija, ir-rakkomandazzjoni (1) tgħin biex jiġu implimentati l-ewwel, it-tieni, it-tielet u l-ħames rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro, ir-rakkomandazzjoni (2) tgħin biex tiġi implimentata r-raba' rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro, ir-rakkomandazzjoni (3) tgħin biex jiġu implimentati s-seba', id-disa' u l-ħdax-il rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro, ir-rakkomandazzjoni (4) tgħin biex tiġi implimentata s-seba' rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro u r-rakkomandazzjoni (5) tgħin biex tiġi implimentata l-ħames rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro. |
B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Awstrija tieħu azzjoni fl-2026 u fl-2027 biex:
|
1. |
Tkompli taderixxi mar-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta rrakkomandati mill-Kunsill fl-8 ta' Lulju 2025, bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv filwaqt li jsir użu mill-flessibbiltà skont il-klawżola liberatorja nazzjonali attivata mill-Kunsill. Issaħħaħ l-infiq u l-prontezza ġenerali għad-difiża u s-sigurtà, f'konformità mal-paragrafu 53 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 ta' Marzu 2026, filwaqt li tiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn u l-effiċjenza fl-infiq, kif ukoll tadatta gradwalment il-baġit biex isostni nfiq strutturalment ogħla għad-difiża. Tiżgura li l-miżuri li jittieħdu biex jittaffa l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu temporanji, immirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi vulnerabbli jew lejn l-indirizzar tal-ħtiġijiet tad-ditti intensivi fl-enerġija, jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija u jiżguraw li l-kost fiskali tagħhom ikun kompatibbli mal-impenji skont il-qafas fiskali tal-UE. Tkompli timplimenta s-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-perjodu ta' aġġustament estiż kif irrakkomandat mill-Kunsill fil-8 ta' Lulju 2025. Tieħu azzjoni deċiżiva biex tiġi ssalvagwardjata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, inkluż billi tittejjeb is-sostenibbiltà fiskali tas-sistemi tal-kura tas-saħħa, tal-kura fit-tul u tal-pensjonijiet, billi, fost affarijiet oħra, tiġi ssimplifikata l-infrastruttura tal-isptarijiet, tittejjeb il-kosteffettività tal-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul, jissaħħaħ il-kontroll tan-nefqa tad-diġitalizzazzjoni u l-prevenzjoni tal-mard u tiżdied b'mod sinifikanti l-età effettiva tal-irtirar. Tissimplifika u tirrazzjonalizza r-relazzjonijiet fiskali u r-responsabbiltajiet fis-saffi kollha tal-gvern u tara li tallinja r-responsabbiltajiet tal-finanzjament u tal-infiq. Ittejjeb it-taħlita tat-taxxa b'mod fiskalment newtrali biex tnaqqas il-porzjon għoli tat-taxxa fuq ix-xogħol. |
|
2. |
Tiżgura l-kontinwità tar-riformi u l-investimenti implimentati fil-qafas tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Issostni l-momentum tal-implimentazzjoni fil-qafas tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni filwaqt li tibni, fejn xieraq, fuq ir-riallokazzjoni għal prijoritajiet strateġiċi u flessibbiltajiet maqbula fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-qafas tal-politika ta' koeżjoni. |
|
3. |
Tippromwovi d-dinamiżmu tan-negozju, u l-ħolqien u t-tkabbir ta' kumpaniji ġodda, inkluż billi tipprovdi aċċess aħjar għall-kapital ta' riskju u ta' tkabbir u billi tiffaċilita l-investiment fl-ekwità minn investituri istituzzjonali u ssaħħaħ l-iskemi supplimentari tal-pensjoni. Ittejjeb il-konverżjoni tal-livelli għoljin ta' investiment fir-riċerka u l-iżvilupp f'soluzzjonijiet kummerċjabbli u żżid l-użu ta' teknoloġiji diġitali avvanzati mill-kumpaniji. Tissimplifika r-regolamentazzjoni u tnaqqas il-piż amministrattiv, b'mod partikolari għall-SMEs, inkluż billi taċċellera l-proċeduri għall-għoti tal-permessi. Tindirizza l-ostakli regolatorji fis-settur tas-servizzi u ssaħħaħ il-kompetizzjoni biex jitbaxxew il-prezzijiet. Tindirizza l-kostijiet għoljin tal-kostruzzjoni. |
|
4. |
Timplimenta l-Att dwar l-Elettriku, ittejjeb il-flessibbiltà tas-sistema tal-enerġija u tinċentiva l-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija. Ittejjeb l-effiċjenza fl-enerġija, tnaqqas id-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili u taċċellera l-introduzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-infrastruttura meħtieġa, b'mod partikolari billi tissimplifika l-proċeduri għall-għoti tal-permessi u tistabbilixxi żoni ddedikati ta' aċċellerazzjoni. Tkompli tnaqqas l-emissjonijiet, b'mod partikolari fis-settur tat-trasport u billi tavvanza d-dekarbonizzazzjoni industrijali, speċjalment f'reġjuni b'intensità għolja ta' emissjonijiet. |
|
5. |
Toħloq inċentivi biex tingħata spinta lill-għadd ta' sigħat maħduma b'mod ġenerali u l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol full-time, inkluż billi jittejbu l-kundizzjonijiet ta' qafas u speċjalment il-kwalità u d-disponibbiltà tas-servizzi tal-kura tat-tfal. Tindirizza n-nuqqas ta' ħaddiema tas-sengħa u tindirizza l-ispariġġi reġjonali inkluż billi ttejjeb l-eżiti tas-suq tax-xogħol għall-ħaddiema akbar fl-età u għall-gruppi żvantaġġati bħall-persuni li ġejjin minn kuntest ta' migrazzjoni inkluż permezz tar-rikonoxximent tal-kwalifiki tagħhom. Tgħolli l-livelli tal-ħiliet bażiċi minn età bikrija. |
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
S. HARRIS
(1) Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj).
(2) ĠU C, C/2026/2434, 28.4.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/2434/oj.
(3) Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).
(4) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2025 li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Awstrija (ĠU C, C/2025/ 3958, 20.08.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3958/oj).
(5) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill bl-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fl-Awstrija, adottata fit-8 ta' Lulju 2025. Id-dokumenti kollha relatati mal-proċedura tad-defiċit eċċessiv tal-Awstrija jinsabu hawn: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-governance-framework/stability-and-growth-pact/corrective-arm-excessive-deficit-procedure/excessive-deficit-procedures-overview/Austria_en.
(6) Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment, is-Semestru Ewropew tal-2026 – Pakkett tar-Rebbiegħa, COM(2026) 200 final.
(7) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, “Nakkomodaw żieda fin-nefqa fid-difiża fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir”, Brussell, 19.03.2025, C(2025) 2000 final.
(8) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2026 li tippermetti lill-Awstrija tiddevja mir-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill skont ir-Regolament (UE) 2024/1263 (Attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali), (ĠU C, C/2026/1158, 04.03.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/1158/oj).
(9) Ir-Rapporti ta' Progress Annwali 2026 huma disponibbli hawn: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/stability-and-growth-pact/preventive-arm/annual-progress-reports_en.
(10) Il-Eurostat-Indikaturi tal-Euro, 22 ta' April 2026.
(11) Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq perjodu medju ta' żmien u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta mill-miżuri diskrezzjonali tad-dħul u inkluża n-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni.
(12) Il-Eurostat-Indikaturi tal-Euro, 22 ta' Mejju 2026.
(13) Il-Eurostat, in-nefqa tal-gvern skont il-klassifikazzjoni tal-funzjonijiet tal-gvern (COFOG).
(14) Dan jirrifletti s-sitwazzjoni fid-data limitu tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni (4 ta' Mejju 2026).
(15) Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment, is-Semestru Ewropew tal-2026 – Pakkett tar-Rebbiegħa, COM(2026) 200 final.
(16) OECD (2026), Taxing Wages 2026.
(17) Ir-Regolament (UE) 2025/1914 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2025 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1058 u (UE) 2021/1056 fir-rigward ta' miżuri speċifiċi sabiex jiġu indirizzati sfidi strateġiċi fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3933/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)