|
14.7.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 183/1 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1266
tal-11 ta' Lulju 2017
li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2494/96 dwar il-klassifika ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda (“NM”) annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti. |
|
(2) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2494/96 (3) ikklassifika “folja ta' terephthalate ta' politin, ta' ħxuna ta' mhux iktar minn 10 mikrometri, miksija b'linka termali u ppreżentata f'rollijiet ta' wisa' ta' 62 ċm” taħt l-intestatura 3215 tan-Nomenklatura Magħquda bħala “Linka tal-istampar, linka għall-kitba jew għat-tpinġija u linek oħrajn, kemm jekk konċentrati jew solidi jew le”. Il-klassifikazzjoni tal-prodott taħt l-intestatura 3215 hija bbażata fuq ir-Regola Ġenerali 3(b) għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, iżda r-raġunament ma jidħolx fid-dettall fir-rigward tal-intestaturi possibbi li jridu jitqiesu meta tiġi applikata r-Regola Ġenerali 3(b). B'mod partikolari, ma jingħatawx ir-raġunijiet għall-esklużjoni tal-intestatura 9612 li, minbarra l-inkpads, tkopri “żigarelli tat-tajprajter jew bħalhom, bil-linka jew imħejjijin mod ieħor biex jistampaw, kemm fuq irkiekel jew f'kartriġis kif ukoll jekk le”. |
|
(3) |
Ir-Regolament (KE) Nru 2494/96 jikkonċerna l-hekk imsejħa “rombli jumbo” li mhumiex prodotti lesti għall-użu iżda li, fil-fatt, huma rombli ta' tul konsiderevoli li ma jistgħux jitqiegħdu f'tajprajter jew f'magna simili mingħajr stadju ieħor ta' manifattura. Din l-informazzjoni hija nieqsa fid-deskrizzjoni tal-prodott fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2494/96 u fin-nuqqas ta' dik l-informazzjoni tista' twassal għal klassifikazzjoni tariffarja żbaljata taż-żigarelli tal-linka lesti għall-użu. Iż-żigarelli tal-linka li huma lesti għall-użu se jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 9612. |
|
(4) |
Billi l-prodott ikkonċernat mir-Regolament (KE) Nru 2494/96 ma għadux disponibbli fis-suq, dak ir-Regolament ma għadux meqjus meħtieġ. Il-biċċa l-kbira taż-żigarelli tal-linka li hemm disponibbli bħalissa fis-suq, anki dawk li għandhom wisa' u tul konsiderevoli, jistgħu jintużaw direttament meta jitqiegħdu fit-tajprajters jew f'magna simili mingħajr stadju ta' proċess ieħor ta' manifattura. Barra minn hekk, se tinħoloq nota ta' spjegazzjoni għas-subintestaturi tan-NM 9612 10 10 sa 9612 10 80 (“żigarelli”) biex tipprovdi gwida dwar il-klassifikazzjoni tariffarja taż-żigarelli tal-linka. |
|
(5) |
B'konsegwenza ta' dan, jinħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 2494/96 jitħassar sabiex jiġu evitati d-diverġenzi potenzjali fil-klassifikazzjoni tariffarja taż-żigarelli tal-linka u biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda fl-Unjoni. |
|
(6) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KE) Nru 2494/96 jitħassar.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Lulju 2017.
Għall-Kummissjoni,
F'isem il-President,
Stephen QUEST
Direttur Ġenerali
Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali
(1) ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2494/96 tat-23 ta' Diċembru 1996 dwar il-klassifika ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 338, 28.12.1996, p. 38).