12004V/AFI/DCL/35

Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - ATT FINALI - B. Dikjarazzjonijiet dwar Protokolli annessi mal-Kostituzzjoni - Dikjarazzjonijiet rigward il-Protokoll dwar it-Trattat u l-Att ta' l-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika ta' l-Estonja, tar-Repubblika ta' Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika ta' l-Ungerija, tar-Repubblika ta' Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka - 35.Dikjarazzjoni dwar l-Impjant ta' Enerġija Nukleari ta' Ignalina fil-Litwanja

Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0467 - 0468


35. Dikjarazzjoni dwar l-Impjant ta' Enerġija Nukleari ta' Ignalina fil-Litwanja

IL-KONFERENZA,

Waqt li tiddikjara li l-Unjoni lesta li tkompli tipprovdi għajnuna addizzjonali xierqa għall-isforz tal-Litwanja għad-diżattivazzjoni ukoll wara l-adeżjoni tal-Litwanja ma' l-Unjoni Ewropea għall-perjodu sal-2006 u wara, u waqt li tinnota li l-Litwanja, fid-dawl ta' din l-espressjoni ta' solidarjetà ta' l-Unjoni, impenjat ruħha li tagħlaq l-Unità 1 ta' l-Impjant ta' Enerġija Nukleari ta' Ignalina qabel l-2005 u l-Unità 2 sa l-2009;

Waqt li tirrikonoxxi li d-diżattivazzjoni ta' l-Impjant ta' Enerġija Nukleari ta' Ignalina, li jinkludi żewġ unitajiet ta' reattur tat-tip 1500 MW RBMK, miruti minn dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika, hija pass bla preċedent u jirrappreżenta għal-Litwanja piż finanzjarju eċċezzjonali mhux proporzjonat għall-qies u s-saħħa ekonomika tal-pajjiż, u li din id-diżattivazzjoni se tkompli wara l-Perspettiva Finanzjarja attwali kif definita mill-ftehim interistituzzjonali tas- 6 ta' Mejju 1999;

Wara li nnotat il-ħtieġa li jiġu adottati disposizzjonijiet ta' implimentazzjoni għall-għajnuna Komunitarja addizzjonali biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi ta' l-għeluq u d-diżattivazzjoni ta' l-Impjant ta' Enerġija Nukleari ta' Ignalina;

Wara li nnotat li l-Litwanja ser tagħti każ kif xieraq tal-ħtiġiet tar-reġjuni li l-iżjed ser jintlaqtu mill-għeluq ta' l-Impjant ta' Enerġija Nukleari ta' Ignalina, fl-użu tagħha ta' l-għajnuna ta' l-Unjoni;

Waqt li tiddikjara li ċerti miżuri li ser jiġu sostnuti b'għajnuna pubblika għandhom jiġu kkunsidrati bħala kompatibbli mar-regoli tas-suq intern, bħal ma hija d-diżattivazzjoni ta' l-Impjant ta' Enerġija Nukleari ta' Ignalina, t-titjib ta' l-ambjent skond l-acquis u l-modernizzazzjoni tal-kapaċità fil-produzzjoni konvenzjonali ta' l-elettriku meħtieġa biex tieħu post iż-żewġ reatturi ta' l-Impjant ta' Enerġija Nukleari ta' Ignalina wara li jingħalqu;

Temfasiżża li disposizzjonijiet speċjali għal dak il-għan ġew inklużi fit-Titolu IV tat-Tieni Parti tal-Protokoll dwar it-Trattat u l-Att ta' l-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika ta' l-Estonja, tar-Repubblika ta' Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika ta' l-Ungerija, tar-Repubblika ta' Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka.

--------------------------------------------------