European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2539

14.11.2023

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/2539

tat-13 ta’ Novembru 2023

li tappoġġa proġett dwar il-promozzjoni ta’ kontrolli effettivi tal-esportazzjoni tal-armi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

L-istrateġija Globali għall-politika estera u ta’ sigurtà tal-Unjoni, bit-titolu “Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa aktar b’Saħħitha”, li kienet ġiet ippreżentata mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-’Rappreżentant Għoli’) fit-28 ta’ Ġunju 2016, tikkonferma l-appoġġ tal-Unjoni għall-universalizzazzjoni, l-implimentazzjoni sħiħa u l-infurzar ta’ trattati u reġimi multilaterali dwar id-diżarm, in-nonproliferazzjoni u l-kontroll tal-armi.

(2)

Fid-19 ta’ Novembru 2018, il-Kunsill adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-armi tan-nar, armi ħfief u ta’ kalibru żgħir illeċiti u l-munizzjon tagħhom (‘‘Aktar Sigurtà fuq l-Armi biex Nipproteġu liċ-Ċittadini’’). L-Istrateġija tiddikjara, fost l-oħrajn, li l-Unjoni ser tkompli tippromwovi kontroll responsabbli u effettiv tal-esportazzjoni tal-armi u tappoġġa l-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (it-’TKA’).

(3)

Fil-5 ta’ Ġunju 1998, l-Unjoni adottat il-Kodiċi ta’ Kondotta dwar l-Esportazzjoni tal-Armi, li huwa politikament vinkolanti, li jistabbilixxi kriterji komuni biex jirregola l-kummerċ legali tal-armi konvenzjonali.

(4)

Il-Kodiċi ta’ Kondotta dwar l-Esportazzjoni tal Armi ġie sostitwit fit-8 ta’ Diċembru 2008 bil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (1), li tistabbilixxi tmien kriterji li fuqhom jiġu vvalutati l-applikazzjonijiet għall-esportazzjoni tal-armi konvenzjonali. Għadd ta’ pajjiżi terzi allinjaw ruħhom ma’ dik il-Pożizzjoni Komuni. Fl-2019 rieżami tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK rriżulta fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1560 (2).

(5)

L-Artikolu 11 tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK jistipula li l-Istati Membri għandhom jagħmlu mill-aħjar sabiex iħeġġu lil Stati oħra li jesportaw teknoloġija jew tagħmir militari biex japplikaw il-kriterji stabbiliti f’dik il-Pożizzjoni Komuni.

(6)

It-TKA daħal fis-seħħ fl-24 ta’ Diċembru 2014. It-TKA għandu l-għan li jsaħħaħ it-trasparenza u r-responsabbiltà fil-kummerċ tal-armi. L-Unjoni tappoġġa l-implimentazzjoni effettiva u l-universalizzazzjoni tat-TKA permezz tal-programmi ddedikati tagħha adottati skont id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2013/768/PESK (3), (PESK) 2017/915 (4), u (PESK) 2021/2309 (5). Dawk il-programmi jgħinu għadd ta’ pajjiżi terzi, fuq talba tagħhom, biex isaħħu s-sistemi tagħhom ta’ kontroll tat-trasferiment tal-armi f’konformità mar-rekwiżiti tat-TKA.

(7)

Għaldaqstant huwa importanti li tiġi żgurata l-komplementarjetà bejn l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ assistenza previsti f’din id-Deċiżjoni u dawk previsti fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/2309. Għal dak il-għan, jenħtieġ li jsiru skambji regolari ta’ informazzjoni bejn l-aġenziji ta’ implimentazzjoni għall-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi, kif ukoll mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. Dan il-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni ser jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni ta’ esperti minn Stati Membri oħra kull meta jkun rilevanti.

(8)

Mill-2008 ‘l hawn, l-attivitajiet tal-Unjoni li jippromwovu kontrolli effettivi u trasparenti tal-esportazzjoni tal-armi żviluppaw fil-qafas tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/230/PESK (6) u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/1012/PESK (7), 2012/711/PESK (8), (PESK) 2015/2309 (9), (PESK) 2018/101 (10), u (PESK) 2020/1464 (11). L-attivitajiet imwettqa appoġġaw notevolment aktar kooperazzjoni reġjonali u aktar trasparenza kif ukoll responsabbiltà akbar, f’konformità mal-prinċipji tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK u l-kriterji ta’ valutazzjoni tar-riskju stabbiliti fiha. L-attivitajiet inkwistjoni tradizzjonalment indirizzaw pajjiżi terzi tal-viċinat tal-Lvant u ta’ dak tan-Nofsinhar tal-Unjoni. Id-Deċiżjoni (PESK) 2018/101 espandiet il-grupp ta’ pajjiżi sħab li jirċievu assistenza biex jinkludi wkoll l-Asja Ċentrali. Skont id-Deċiżjoni (PESK) 2020/1464, il-Mongolja żdiedet ukoll mal-grupp ta’ pajjiżi sħab, wara talba speċjali minn dak il-pajjiż.

(9)

F’dawn l-aħħar snin, l-Unjoni pprovdiet ukoll assistenza biex jittejbu l-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju f’pajjiżi terzi. Jenħtieġ li tiġi żgurata koordinazzjoni effettiva ma’ dawk l-attivitajiet rilevanti għall-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju.

(10)

L-Uffiċċju Federali Ġermaniż għall-Ekonomija u l-Kontroll tal-Esportazzjoni (Bundesamt für Wirtschaft und Ausfuhrkontrolle, (“BAFA”) ġie inkarigat mill-Kunsill bl-implimentazzjoni teknika tad-Deċiżjonijiet 2009/1012/PESK, 2012/711/PESK, (PESK) 2015/2309, (PESK) 2018/101 u (PESK) 2020/1464. Il-BAFA huwa wkoll aġenzija ta’ implimentazzjoni għal proġetti li jappoġġaw l-implimentazzjoni effettiva tat-TKA taħt id-Deċiżjonijiet 2013/768/PESK, (PESK) 2017/915 u (PESK) 2021/2309. Il-BAFA ilu mill-2005 involut fl-implimentazzjoni ta’ għadd ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju. Il-BAFA huwa l-awtorità kompetenti għall-kontroll tal-esportazzjoni tal-Ġermanja, u żviluppa korp kbir ta’ għarfien u kompetenzi esperti dwar attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni, barra milli jikkondividi l-kompetenzi ewlenin mal-awtoritajiet kompetenti ta’ stati oħra.

(11)

L-attivitajiet appoġġati permezz ta’ din id-Deċiżjoni jikkontribwixxu għall-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 16 tal-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Bil-ħsieb tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-armi tan-nar, armi ħfief u ta’ kalibru żgħir illeċiti u l-munizzjon tagħhom (“Aktar sigurtà fuq l-armi biex nipproteġu liċ-ċittadini”) u l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK, l-Unjoni għandha tkompli tappoġġa proġett dwar il-promozzjoni ta’ kontrolli effettivi tal-esportazzjoni tal-armi.

2.   L-objettivi tal-proġett imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu li:

(a)

jippromwovi kontrolli effettivi fuq l-esportazzjoni tal-armi minn pajjiżi terzi f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK u fit-TKA;

(b)

jappoġġa l-isforzi ta’ pajjiżi terzi fil-livelli nazzjonali u reġjonali biex il-kummerċ internazzjonali tal-armi konvenzjonali jsir aktar responsabbli u trasparenti, u biex jiġi mitigat ir-riskju tad-devjazzjoni tal-armi lejn utenti mhux awtorizzati.

3.   L-attivitajiet tal-proġett għandhom jiġu implimentati f’komplementarjetà u sinerġija ma’ proġetti ta’ assistenza tal-Unjoni fil-qasam tal-kontrolli tal-esportazzjoni tal-armi konvenzjonali u oġġetti b’użu doppju, u, fejn xieraq, ma’ proġetti ta’ assistenza ta’ donaturi oħra fil-qasam tal-kontrolli tal-esportazzjoni.

4.   Deskrizzjoni dettaljata ta’ dawn il-proġetti tinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni tal-proġett imsemmija fl-Artikolu 1 għandha titwettaq mill-Uffiċċju Federali Ġermaniż għall-Ekonomija u l-Kontroll tal-Esportazzjoni (Bundesamt für Wirtschaft und Ausfuhrkontrolle, (“BAFA”).

3.   Il-BAFA għandu jwettaq il-kompiti tiegħu taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli. Għal dak il-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-BAFA.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun ta’ EUR 682 464,03.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont ta’ referenza finanzjarja stabbilit fil-paragrafu 1 għandha tiġi amministrata f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni tajba tal-ammont ta’ referenza finanzjarja msemmi fil-paragrafu 1. Għal dan il-għan, hija għandha tikkonkludi l-ftehim meħtieġ mal-BAFA. Il-ftehim għandu jistipula li l-BAFA għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, adatta skont id-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tgħarraf lill-Kunsill dwar kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u dwar id-data tal-konklużjoni tal-ftehim.

Artikolu 4

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti regolari mħejjija mill-BAFA. Dawk ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Għandha tiskadi 14-il xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 3(3), jew sitt xhur wara d-data tal-adozzjoni tagħha jekk il-ftehim meħtieġ ma jkunx ġie konkluż qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Novembru 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1560 tas-16 ta’ Settembru 2019 li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 239, 17.9.2019, p. 16).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/768/PESK tas-16 ta’ Diċembru 2013 dwar l-attivitajiet tal-UE f’appoġġ għall-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà (ĠU L 341, 18.12.2013, p. 56).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/915 tad-29 ta’ Mejju 2017 dwar attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni tal-Unjoni b’appoġġ għall-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (ĠU L 139, 30.5.2017, p. 38).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/2309 tat-22 ta’ Diċembru 2021 dwar attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni tal-Unjoni b’appoġġ għall-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (ĠU L 461, 27.12.2021, p. 78).

(6)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/230/PESK tas-17 ta’ Marzu 2008 dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-UE sabiex issir promozzjoni tal-kontroll tal-armi għall-esportazzjoni u l-prinċipji u l-kriterji tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-UE dwar l-Esportazzjoni tal-Armi bejn pajjiżi terzi (ĠU L 75, 18.3.2008, p. 81).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/1012/PESK tat-22 ta’ Diċembru 2009 dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-UE għall-promozzjoni tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi u l- prinċipji u l-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK fost pajjiżi terzi (ĠU L 348, 29.12.2009, p. 16).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/711/PESK tad-19 ta’ Novembru 2012 dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-Unjoni sabiex issir promozzjoni, fost pajjiżi terzi, tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi u tal-prinċipji u l-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK (ĠU L 321, 20.11.2012, p. 62).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/2309 tal-10 ta’ Diċembru 2015 dwar il-promozzjoni ta’ kontrolli effettivi tal-esportazzjoni tal-armi (ĠU L 326, 11.12.2015, p. 56).

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/101 tal-22 ta’ Jannar 2018 dwar il-promozzjoni ta’ kontrolli effettivi tal-esportazzjoni tal-armi (ĠU L 17, 23.1.2018, p. 40).

(11)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1464 tat-12 ta’ Ottubru 2020 dwar il-promozzjoni ta’ kontrolli effettivi tal-esportazzjoni tal-armi (ĠU L 335, 13.10.2020, p. 3).


ANNESS

PROĠETT GĦALL-PROMOZZJONI TA’ KONTROLLI EFFETTIVI TAL-ESPORTAZZJONI TAL-ARMI

1.   Objettivi

L-għan ta’ din id-Deċiżjoni huwa li tippromwovi l-obbligu ta’ rendikont u r-responsabbiltà fir-rigward tal-kummerċ legali tal-armi f’konformità mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, biex b’hekk tikkontribwixxi għall-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà fil-pajjiżi ġirien tal-Unjoni. L-objettivi ta’ din id-Deċiżjoni huma li tippromwovi kontrolli mtejba fuq it-trasferimenti ta’ armi minn pajjiżi terzi u tappoġġa l-isforzi ta’ pajjiżi terzi, fil-livelli nazzjonali u reġjonali, biex il-kummerċ internazzjonali tal-armi konvenzjonali jsir aktar responsabbli u trasparenti, u biex jiġi mitigat ir-riskju tad-devjazzjoni ta’ armi lejn utenti mhux awtorizzati. Jenħtieġ li dawk l-objettivi jinkisbu bil-promozzjoni tal-prinċipji u l-kriterji stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK u fit-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (TKA). Jenħtieġ li l-eżiti jkollhom l-għan li jżidu l-effettività tas-sistemi nazzjonali tal-esportazzjoni tal-armi fil-pajjiżi fil-mira: l-aġenzija ta’ implimentazzjoni ser tirrapporta dwar bidliet legali, istituzzjonali u bidliet rilevanti oħra u dwar l-allinjament tagħhom mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK u, fejn xieraq, mat-TKA. Jenħtieġ li dawk l-eżiti jiġu segwiti biex jinkisbu komplementarjetà u sinerġiji ma’ proġetti ta’ assistenza tal-Unjoni li għaddejjin bħalissa b’appoġġ għall-implimentazzjoni tat-TKA, kif ukoll fil-qasam tal-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju. Jenħtieġ li l-ambitu tal-benefiċjarji skont din id-Deċiżjoni jenħtieġ li ma jikkoinċidix mal-benefiċjarji koperti taħt id-Deċiżjoni (PESK) 2021/2309, għajr kif deskritt skont 6.2.

Sabiex jinkisbu l-objettivi msemmija hawn fuq, jenħtieġ li l-Unjoni tkompli tippromwovi l-istandards tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, abbażi ta’ dak li nkiseb permezz tal-implimentazzjoni tal-Azzjoni Konġunta 2008/230/PESK u tad-Deċiżjonijiet 2009/1012/PESK, 2012/711/PESK, (PESK) 2015/2309, (PESK) 2018/101 u (PESK) 2020/1464. Għal dak il-għan, jenħtieġ li tiġi pprovduta assistenza lill-pajjiżi terzi benefiċjarji għall-abbozzar, l-aġġornament u l-implimentazzjoni, kif xieraq, ta’ miżuri leġiżlattivi, amministrattivi u istituzzjonali, li jkunu rilevanti, li jappoġġaw sistema effettiva ta’ kontrolli tat-trasferiment ta’ armi konvenzjonali.

Jenħtieġ li jingħata appoġġ ukoll għat-taħriġ tal-uffiċjali tal-liċenzjar u l-infurzar li huma responsabbli għall-implimentazzjoni u l-infurzar tal-kontrolli tat-trasferiment tal-armi, u għal miżuri nazzjonali u reġjonali li jippromwovu t-trasparenza u l-iskrutinju adatt tal-esportazzjoni ta’ armi konvenzjonali. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-kuntatti mas-settur privat (inklużi l-industrija, l-istituti tar-riċerka u s-settur akkademiku) jiġu promossi sabiex tiġi żgurata konformità mal-leġiżlazzjoni u r-regolamenti dwar il-kontroll tat-trasferiment tal-armi, b’enfasi partikolari fuq il-programmi ta’ konformità interna (ICPs, internal compliance programmes).

2.   Għażla tal-aġenzija ta’ implimentazzjoni

Il-BAFA huwa inkarigat mill-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Fejn xieraq, il-BAFA ser jissieħeb mal-aġenziji ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal-Istati Membri, ma’ organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali rilevanti, gruppi ta’ riflessjoni, istituti tar-riċerka u NGOs.

Il-BAFA għandu esperjenza mill-aktar estensiva fl-għoti ta’ assistenza għall-kontroll tal-esportazzjoni u f’attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni. Huwa żviluppa tali esperjenza fl-oqsma rilevanti kollha ta’ kontroll strateġiku tal-esportazzjoni, fl-indirizzar tal-oġġetti b’użu doppju u oġġetti militari, relatati mas-CBRN. Permezz ta’ dawk il-programmi u l-attivitajiet, il-BAFA kiseb għarfien profond tas-sistemi ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-pajjiżi inklużi f’din id-Deċiżjoni.

Fir-rigward tal-assistenza għall-kontroll tal-esportazzjoni ta’ armi u għall-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni, il-BAFA lesta b’suċċess l-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet 2009/1012/PESK, 2012/711/PESK, (PESK) 2015/2309, (PESK) 2018/101 u (PESK) 2020/1464. Il-BAFA huwa wkoll inkarigat mill-implimentazzjoni teknika tal-programm ta’ appoġġ tal-implimentazzjoni tat-TKA stabbilit bid-Deċiżjonijiet 2013/768/PESK, (PESK) 2017/915 u (PESK) 2021/2309.

Il-BAFA għalhekk jinsab f’pożizzjoni unika biex jidentifika l-punti qawwija u d-dgħufiji fis-sistemi ta’ kontroll tal-esportazzjoni ta’ pajjiżi li ser ikunu l-benefiċjarji tal-attivitajiet previsti f’din id-Deċiżjoni. Għaldaqstant huwa wkoll fl-aħjar pożizzjoni biex jiffaċilita sinerġiji bejn id-diversi programmi ta’ assistenza għall-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi u l-programmi ta’ sensibilizzazzjoni u biex jevita d-duplikazzjoni. Dan huwa partikolarment rilevanti għall-pajjiżi benefiċjarji li rċevew appoġġ taħt programmi preċedenti ta’ kooperazzjoni tal-Unjoni għat-tisħiħ tal-kapaċità lokali fir-rigward tal-applikazzjoni u l-aġġornament tas-sistema nazzjonali ta’ kontroll tal-kummerċ tal-armi f’konformità mal-istandards internazzjonali u l-iżviluppi reċenti.

3.   Koordinazzjoni ma’ proġetti oħra ta’ assistenza tal-Unjoni fil-qasam tal-kontrolli tal-esportazzjoni

Abbażi tal-esperjenza miksuba minn attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni preċedenti tal-Unjoni fil-qasam tal-kontrolli tal-esportazzjoni li jkopru kemm oġġetti b’użu doppju kif ukoll armi konvenzjonali, jenħtieġ li jsiru sforzi biex jinkisbu sinerġija u komplementarjetà. Għal dak il-għan, l-attivitajiet imsemmija fit-taqsima 5 jenħtieġ li jitwettqu biss f’pajjiżi li mhumiex diġà fil-mira permezz ta’ attivitajiet taħt il-proġett ta’ assistenza għall-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni tat-TKA, għajr f’każijiet eċċezzjonali kif deskritt fit-taqsima 6.2. Fejn xieraq, jistgħu jsiru sforzi biex tinkiseb sinerġija ma’ attivitajiet oħra ffinanzjati permezz tal-baġit tal-PESK jew ma’ attivitajiet oħra relatati mal-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju ffinanzjati permezz ta’ strumenti finanzjarji tal-Unjoni u mhux mill-baġit tal-PESK. Dan jenħtieġ li jsir b’rispett sħiħ għal-limitazzjonijiet legali u finanzjarji stabbiliti għall-użu tal-istrumenti finanzjarji rilevanti tal-Unjoni.

Għal dak il-għan, ser isiru skambji regolari ta’ informazzjoni bejn l-aġenziji ta’ implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kontroll tal-esportazzjoni, kif ukoll mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna permezz tal-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni stabbilit u formalizzat. Il-parteċipazzjoni ta’ esperti minn Stati Membri oħra jenħtieġ li tiġi mħeġġa, kull meta jkun rilevanti.

4.   Koordinazzjoni ma’ proġetti ta’ assistenza minn donaturi oħra fil-qasam tal-kontrolli tal-esportazzjoni

Fejn xieraq, jenħtieġ li jsiru sforzi biex jinkisbu sinerġija u komplementarjetà ma’ proġetti ta’ assistenza minn donaturi oħra fil-qasam tal-kontroll tal-esportazzjoni. Kif jissemma fit-taqsima 3, jenħtieġ li ssir koordinazzjoni ma’ donaturi oħra, b’mod speċjali għall-attivitajiet imsemmija fis-subtaqsimiet 5.2.1 sa 5.2.2 u 5.2.4.

5.   Deskrizzjoni tal-attivitajiet tal-proġett

5.1.   Objettivi tal-proġett

L-objettiv ewlieni huwa li tiġi pprovduta assistenza teknika lil għadd ta’ pajjiżi benefiċjarji li wrew ir-rieda tagħhom li jiżviluppaw l-istandards u l-prattiki tagħhom fir-rigward tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi. Għal dan l-għan, l-attivitajiet li ser jitwettqu ser iqisu l-istatus tal-pajjiżi benefiċjarji, b’mod partikolari fir-rigward ta’:

—

l-adeżjoni possibbli tagħhom, jew l-applikazzjoni għall-adeżjoni, ma’ reġimi internazzjonali ta’ kontroll tal-esportazzjoni relatati mat-trasferiment ta’ armi konvenzjonali u oġġetti u teknoloġiji b’użu doppju;

—

il-kandidaturi tagħhom għall-adeżjoni mal-Unjoni u jekk il-pajjiżi benefiċjarji humiex kandidati uffiċjali jew kandidati potenzjali;

—

il-kapaċità tagħhom bħala produttur, importatur jew bħala ċentru ta’ negozju relattivament għall-kummerċ ta’ tagħmir u teknoloġiji militari konvenzjonali,;

—

il-livell ta’ maturità tas-sistema nazzjonali eżistenti ta’ kontroll tal-esportazzjoni, b’kunsiderazzjoni partikolari tal-progress li sar bħala riżultat tal-appoġġ riċevut taħt programmi preċedenti ta’ kooperazzjoni fil-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi ffinanzjati mill-Unjoni; u

—

il-pożizzjoni tagħhom fir-rigward tat-TKA.

Fejn il-pajjiżi benefiċjarji indirizzati jkunu firmatarji biss tat-TKA, jenħtieġ li l-attivitajiet — fejn ikun fattibbli — jippruvaw jiddeterminaw aħjar x’inhuma l-ostakli għar-ratifika tat-TKA, b’mod partikolari fejn dawk l-ostakli jkunu ta’ natura ġuridika jew regolatorja u jkunu relatati ma’ lakuni jew ħtiġijiet fil-kapaċitajiet ta’ implimentazzjoni. Fejn il-pajjiżi indirizzati ma jkunu ħadu l-ebda pass lejn it-TKA (la l-iffirmar, la r-ratifika u lanqas l-adeżjoni), l-attivitajiet jenħtieġ li jippromwovu l-adeżjoni miegħu, possibbilment bl-appoġġ ta’ pajjiżi benefiċjarji oħra li jkunu rratifikaw it-TKA.

5.2.   Deskrizzjoni tal-proġett

5.2.1.   Sessjonijiet ta’ ħidma reġjonali

Il-proġett ser jieħu l-forma ta’ mhux aktar minn erba’ sessjonijiet ta’ ħidma reġjonali fuq jumejn, li jipprovdu taħriġ teoretiku u prattiku kif ukoll opportunità għal djalogu biex jiġu kkonsolidati approċċi reġjonali f’oqsma rilevanti marbuta mal-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ armi konvenzjonali.

Il-parteċipanti fis-sessjonijiet ta’ ħidma ser jinkludu uffiċjali tal-gvern tal-pajjiżi benefiċjarji koperti. Jistgħu wkoll jiġu mistiedna, fejn xieraq, rappreżentanti minn parlamenti nazzjonali, mill-industrija u mis-soċjetà ċivili, fost oħrajn.

It-taħriġ ser jitmexxa minn esperti mill-amministrazzjonijiet nazzjonali (inkluż ex uffiċjali) tal-Istati Membri, rappreżentanti ta’ pajjiżi li allinjaw ruħhom mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/CFSP, dawk li pparteċipaw fit-taħriġ tas-sessjonijiet ta’ ħidma għal min iħarreġ (organizzati u mwettqa abbażi tal-kunċett elaborat mill-BAFA) taħt din id-Deċiżjoni jew id-Deċiżjonijiet (PESK) 2020/1464, u (PESK) 2021/2309, u minn rappreżentanti tas-settur privat u s-soċjetà ċivili.

Is-sessjonijiet ta’ ħidma jistgħu jsiru f’pajjiż benefiċjarju jew f’post ieħor u fejn ikun xieraq, joffru l-għażla ta’ parteċipazzjoni ibrida.

Is-sessjonijiet ta’ ħidma reġjonali ser jiġu organizzati biex tinkiseb kopertura wiesgħa tal-istati benefiċjarji. Jenħtieġ li kull pajjiż benefiċjarju jiġi offrut l-opportunità li jattendi tal-inqas sessjoni ta’ ħidma reġjonali waħda. Is-sinerġiji ma’ attivitajiet oħra ta’ sensibilizzazzjoni fir-rigward tal-kontroll tal-esportazzjoni jistgħu jinkisbu billi jiġu organizzati avvenimenti back-to-back.

5.2.2.   Attivitajiet Multilaterali u Taħriġ għall-Iskambju tal-Għarfien

Il-proġett ser jieħu l-forma ta’ attivitajiet multilaterali li jinvolvu mill-inqas żewġ pajjiżi benefiċjarji li huma interessati fi kwistjoni ta’ interess komuni għall-fini tal-iskambju ta’ għarfien u esperjenza dwar din il-kwistjoni partikolari. Dawn l-attivitajiet jistgħu jiġu organizzati għal mhux aktar minn jumejn f’wieħed mill-pajjiżi benefiċjarji ta’ din id-Deċiżjoni, fi Stat Membru jew online.

It-taħriġ ser jitmexxa minn esperti mill-amministrazzjonijiet nazzjonali (inkluż ex uffiċjali) tal-Istati Membri, rappreżentanti ta’ pajjiżi li allinjaw ruħhom mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/CFSP, dawk li pparteċipaw fit-taħriġ tas-sessjonijiet ta’ ħidma għal min iħarreġ (organizzati u mwettqa abbażi tal-kunċett elaborat mill-BAFA) taħt din id-Deċiżjoni jew id-Deċiżjonijiet (PESK) 2020/1464, u (PESK) 2021/2309, u minn rappreżentanti tas-settur privat u s-soċjetà ċivili.

5.2.3.   Assistenza individwali u remota lill-pajjiżi benefiċjarji

Il-proġett ser jieħu l-forma ta’ sessjonijiet ta’ ħidma u fuq talba tal-pajjiżi benefiċjarji individwali ser joffrilhom assistenza fl-oqsma ta’ interess nazzjonali speċifiku . Uffiċjali tal-Istat mill-pajjiżi benefiċjarji, inkluż uffiċjali tal-gvern, tal-liċenzjar u tal-infurzar, kif ukoll, fejn xieraq, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, ser jipparteċipaw fis-sessjonijiet ta’ ħidma. Jenħtieġ li l-avvenimenti jkollhom, bħala minimu, format ta’ jumejn. Dawn l-attivitajiet jistgħu jiġu organizzati f’wieħed mill-pajjiżi benefiċjarji ta’ din id-Deċiżjoni, fi Stat Membru jew online.

Is-sessjonijiet ta’ ħidma ta’ assistenza individwali ser isiru fuq it-talba tal-pajjiżi benefiċjarji. Dawn huma maħsuba biex jindirizzaw kwistjoni speċifika relatata mal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi mqajma minn pajjiż benefiċjarju, pereżempju fil-marġini ta’ sessjoni ta’ ħidma reġjonali jew matul kuntatti regolari ma’ esperti tal-Unjoni u mal-BAFA. Dawn is-sessjonijiet ta’ ħidma jistgħu jindirizzaw, fost kwistjonijiet oħra, miżuri nazzjonali diretti lejn it-tisħiħ tal-kapaċitajiet, azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni għall-industrija u/jew għall-akkademja, u strateġiji nazzjonali ta’ taħriġ fil-qasam tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi.

Barra minn hekk, jista’ jingħata appoġġ individwali, fejn xieraq u effettiv, permezz ta’ assistenza mill-bogħod.

Esperti mill-amministrazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri (inklużi ex uffiċjali), rappreżentanti ta’ pajjiżi li allinjaw ruħhom mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, u rappreżentanti tas-settur privat ser jaqsmu l-għarfien tagħhom. Individwi li pparteċipaw f’sessjonijiet ta’ ħidma ta’ taħriġ għal min iħarreġ (organizzati u mwettqa abbażi tal-kunċett elaborat mill-BAFA) skont din id-Deċiżjoni jew id-Deċiżjonijiet (PESK) 2020/1464 u (PESK) 2021/2309, ser jiġu mħeġġa wkoll jaqsmu l-għarfien espert tagħhom permezz ta’ tali avvenimenti, fejn xieraq.

5.2.4.   Miżuri ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali u dawk ta’ livell avvanzat

Il-proġett ser jieħu l-forma ta’ mhux aktar minn żewġ korsijiet magħmula minn tliet moduli ta’ mhux aktar minn erbat ijiem kull wieħed. Dawn ser jipprovdu appoġġ lill-pajjiżi benefiċjarji b’sistemi ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal-armi fil-livell avvanzat għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet nazzjonali tagħhom stess abbażi tal-applikazzjoni kontinwa tal-approċċ “ħarreġ lil min iħarreġ”. Il-ħiliet żviluppati f’dan it-taħriġ ser jinkludu d-didattika, it-trasferiment tal-għarfien u l-memorja istituzzjonali fil-pajjiż benefiċjarju. Il-miżuri ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali offruti skont din id-Deċiżjoni jistgħu jieħdu wkoll il-forma ta’ appoġġ lill-ħarrieġa mħarrġa fl-organizzazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ taħriġ nazzjonali f’pajjiżhom. Barra minn hekk, l-appoġġ skont dan l-Artikolu jista’ jieħu wkoll il-forma ta’ organizzazzjoni ta’ eżerċizzji bejn il-pari li minnhom, fejn xieraq, pajjiżi benefiċjarji oħra jistgħu jibbenefikaw ukoll billi jipparteċipaw bħala grupp fil-mira.

Fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet deskritti minn din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li l-ħarrieġa mħarrġa jiġu mħeġġa aktar biex jipparteċipaw f’attivitajiet bħala multiplikaturi jew fornituri ta’ għarfien u għarfien espert fil-livell reġjonali, transreġjonali u dak internazzjonali. L-għan huwa li jingħata appoġġ lill-pajjiżi biex jitbiegħdu mill-assistenza individwali u jsiru aktar awtonomi u proattivi fl-implimentazzjoni nazzjonali u reġjonali tagħhom tal-kontrolli kummerċjali strateġiċi.

Il-pajjiżi li rċevew il-miżuri ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet u dawk ta’ livell avvanzat deskritti hawn fuq ser ikollhom l-opportunità li jiġu sponsorjati biex jipparteċipaw f’konferenza internazzjonali ddedikata dwar il-kontroll tal-esportazzjoni, fejn fattibbli u xieraq. Dawn il-konferenzi ser jipprovdu lill-pajjiżi sħab parteċipanti b’aċċess għal forum għal diskussjonijiet ta’ livell avvanzat relatati ma’ suġġetti aktar sofistikati u kwistjonijiet attwali ta’ kontroll tal-esportazzjoni. Fejn xieraq, konferenza jew laqgħa ta’ din in-natura tista’ wkoll tiġi organizzata speċifikament taħt din id-Deċiżjoni, sabiex jiġi pprovdut skambju bejn l-esperti tal-Unjoni u r-rappreżentanti ta’ livell għoli tal-pajjiżi sħab. L-avveniment jista’ jitwettaq f’format ibridu u flimkien ma’ avvenimenti oħra ta’ sensibilizzazzjoni għall-pajjiżi benefiċjarji avvanzati.

Din il-konferenza ser tagħti lill-pajjiżi benefiċjarji parteċipanti l-opportunità li:

(a)

jirċievu informazzjoni dwar l-aħħar żviluppi relatati mal-kontrolli tal-kummerċ tal-armi (eż. il-kanali attwali tal-akkwist, l-impatt ta’ teknoloġiji ġodda, u kwistjonijiet relatati mal-politika tas-sigurtà);

(b)

jiddiskutu u jiskambjaw fehmiet dwar kif il-bidliet reċenti u t-titjib fil-kontrolli tal-kummerċ tal-armi jistgħu jiġu implimentati bħala parti mis-sistema nazzjonali tagħhom stess ta’ kontroll tal-esportazzjoni;

(c)

jiddiskutu u jirrieżaminaw suġġetti li jkunu tgħallmu matul is-sessjonijiet ta’ ħidma ta’ taħriġ għal min iħarreġ.

5.2.5.   Avvenimenti ta’ valutazzjoni

Sabiex jiġi evalwat u rieżaminat l-impatt tal-attivitajiet skont din id-Deċiżjoni, ser jiġi organizzat avveniment ta’ valutazzjoni finali online. Il-pajjiżi benefiċjarji u l-Istati Membri kollha ser jiġu mistiedna jipparteċipaw fl-avveniment ta’ valutazzjoni finali.

6.   Benefiċjarji

6.1.   Pajjiżi benefiċjarji taħt din id-Deċiżjoni

Jenħtieġ li l-ambitu tal-benefiċjarji skont din id-Deċiżjoni ma jikkoinċidix mal-benefiċjarji koperti mid-Deċiżjoni (PESK) 2021/2309 dment li ma jkunx previst mod ieħor bħala parti mill-eċċezzjonijiet mogħtija skont 6.2.

Il-pajjiżi benefiċjarji skont din id-Deċiżjoni huma:

a)

il-Pajjiżi tal-Ewropa tax-Xlokk (l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, il-Montenegro, is-Serbja u l-Kosovo (1))

b)

il-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant u l-Kawkasu li huma parti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat (l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja (2), il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova);

c)

il-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq, tal-Mediterran u tal-Viċinat tan-Nofsinhar li huma parti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat (l-Alġerija, l-Eġittu, il-Marokk, it-Tuneżija, il-Ġordan u l-Libanu);

d)

il-pajjiżi tal-Asja Ċentrali (il-Każakistan, it-Taġikistan, l-Użbekistan, il-Kirgistan, it-Turkmenistan u l-Mongolja).

e)

l-Ukrajna

6.2.   Emenda għal-lista tal-pajjiżi benefiċjarji

Il-COARM jista’, wara konsultazzjonijiet mal-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni msemmi fit-taqsima 3, jiddeċiedi li jżid pajjiżi mal-lista ta’ benefiċjarji, dment li ma jkunux benefiċjarji taħt id-Deċiżjoni (PESK) 2021/2309. F’każijiet eċċezzjonali, fejn jitqies sinifikanti, il-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni jista’ jaqbel ukoll li jittratta mal-benefiċjarji koperti mid-Deċiżjoni (PESK) 2021/2309. Jenħtieġ li l-modifiki li jsiru jiġu kkomunikati b’mod formali bejn il-BAFA u l-Unjoni permezz tal-President tal-COARM.

Riżultati tal-proġett u indikaturi tal-implimentazzjoni

Il-valutazzjoni tar-riżultati tal-proġett ser tqis dan li ġej:

6.3.   Valutazzjoni individwali tal-pajjiżi benefiċjarji

Hekk kif jitlestew l-attivitajiet previsti, il-BAFA ser jipprovdi lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni rapport ta’ progress dwar kull wieħed mill-pajjiżi benefiċjarji msemmija fis-subtaqsima 6.1. Ir-rapport ser jiġbor fil-qosor l-attivitajiet li seħħew fil-pajjiż benefiċjarju matul id-durata ta’ din id-Deċiżjoni u jivvaluta u jiddeskrivi l-kapaċità tal-pajjiż benefiċjarju fil-qasam tal-kontrolli tat-trasferiment tal-armi abbażi tal-informazzjoni disponibbli għall-BAFA. Il-bażi tal-valutazzjoni ser tkun l-applikazzjoni mill-pajjiż benefiċjarju ta’ strumenti ta’ kontroll kif stipulat fil-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, sa fejn dawn ma jkunux japplikaw biss għall-Istati Membri.

6.4.   Valutazzjoni tal-impatt u indikaturi tal-implimentazzjoni

L-impatt tal-attivitajiet previsti minn din id-Deċiżjoni għall-pajjiżi benefiċjarji jenħtieġ li jiġi vvalutat wara li jitwettqu l-attivitajiet. Il-valutazzjoni tal-impatt ser issir mir-Rappreżentant Għoli, f’kooperazzjoni mal-COARM u, fejn xieraq, mad-delegazzjonijiet tal-Unjoni fil-pajjiżi benefiċjarji, kif ukoll ma’ partijiet ikkonċernati oħra rilevanti.

Għal dak il-fini, ser jintużaw l-indikaturi ta’ implimentazzjoni li ġejjin:

—

jekk hemmx fis-seħħ regolamenti nazzjonali rilevanti dwar kontrolli tat-trasferiment tal-armi u jekk/sa liema punt dawn jikkonformaw mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK (inklużi l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ valutazzjoni, l-implimentazzjoni tal-lista militari komuni tal-UE u r-rappurtar);

—

fejn disponibbli, informazzjoni dwar każijiet ta’ infurzar;

—

jekk il-pajjiżi benefiċjarji jistgħux jirrappurtaw l-esportazzjonijiet u/jew l-importazzjonijiet tal-armi (eż. ir-Reġistru tan-NU, ir-rappurtar annwali taħt it-TKA, l-Arranġament ta’ Wassenaar, l-OSKE u rapporti lill-parlamenti nazzjonali);u

—

jekk il-pajjiż benefiċjarju allinjax, jew għandux l-intenzjoni jallinja, ruħu uffiċjalment mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK.

Ir-rapporti ta’ valutazzjoni individwali msemmija fis-subtaqsima 7.1 jenħtieġ li jirreferu għal dawk l-indikaturi ta’ implimentazzjoni skont kif ikun adatt.

7.   Promozzjoni tal-użu tal-portal web P2P tal-UE (3)

Il-portal web P2P tal-UE previst fid-Deċiżjoni 2012/711/PESK ġie żviluppat bħala riżorsa proprja tal-Unjoni. Huwa jopera bħala pjattaforma konġunta għall-programmi kollha ta’ sensibilizzazzjoni tal-Unjoni (użu doppju u armi). L-attivitajiet elenkati fit-taqsima 5.2 għandhom l-għan li jżidu l-għarfien dwar il-portal web tal-Unjoni għas-sensibilizzazzjoni u jippromwovu l-użu tiegħu. Il-parteċipanti fl-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni jenħtieġ li jiġu infurmati dwar il-parti privata tal-portal web, li toffri aċċess permanenti għal riżorsi, dokumenti u kuntatti. Bl-istess mod, l-użu tal-portal web jenħtieġ li jiġi promoss lil uffiċjali oħra li ma jkunux jistgħu jipparteċipaw direttament f’attivitajiet ta’ assistenza u sensibilizzazzjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-attivitajiet jiġu promossi permezz tal-Bullettin P2P tal-UE.

8.   Viżibbiltà tal-Unjoni

Il-BAFA ser jieħu l-miżuri adatti kollha biex jippubbliċizza l-fatt li l-azzjoni hija ffinanzjata mill-Unjoni. Tali miżuri ser jiġu implimentati skont il-manwal dwar il-komunikazzjoni u l-viżibbiltà għal azzjonijiet esterni tal-Unjoni ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea. B’hekk il-BAFA ser jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni permezz ta’ marki u pubbliċità adatti, filwaqt li jenfasizza r-rwol tal-Unjoni u jżid l-għarfien tar-raġunijiet għal din id-Deċiżjoni, kif ukoll l-appoġġ tal-Unjoni għal din id-Deċiżjoni u r-riżultati ta’ dak l-appoġġ. Il-materjal prodott mill-proġett ser juri b’mod prominenti l-bandiera tal-Unjoni f’konformità mal-linji gwida rilevanti tal-Unjoni, kif ukoll il-logo ‘Programm dwar il-Kontroll tal-Esportazzjoni EU P2P’. Jenħtieġ li d-delegazzjonijiet tal-Unjoni jiġu involuti f’avvenimenti f’pajjiżi terzi biex jissaħħu s-segwitu politiku u l-viżibbiltà.

Peress li l-attivitajiet ippjanati jvarjaw ħafna fl-ambitu u fil-karattru tagħhom, jenħtieġ li tintuża firxa ta’ għodod promozzjonali, inkluż il-mezzi ta’ informazzjoni tradizzjonali, siti web, mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali, materjali informattivi u promozzjonali (inkluż l-infografika, fuljetti, bullettini, stqarrijiet għall-istampa u oħrajn, kif adatt). Il-pubblikazzjonijiet u l-avvenimenti pubbliċi akkwistati taħt il-proġett ser jingħataw marka skont dan.

9.   Rappurtar

L-entità ta’ implimentazzjoni ser tħejji rapporti regolari kull tliet xhur fejn jingħataw dettalji fil-qosor dwar il-progress tal-proġett, kif ukoll rapporti ta’ missjonijiet wara t-tlestija ta’ kull attività. Ir-rapporti ser jiġu ppreżentati lir-Rappreżentant Għoli mhux aktar tard minn sitt ġimgħat wara li jitlestew l-attivitajiet rilevanti.


(1)  Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

(2)  Il-parteċipazzjoni tal-Belarussja għadha sospiża

(3)   https://cbrn-risk-mitigation.network.europa.eu/eu-p2p-export-control-programme_en u https://circabc.europa.eu/


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2539/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)