31.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 148/50


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/848

tat-30 ta’ Mejju 2022

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1464 dwar il-promozzjoni ta’ kontrolli effettivi tal-esportazzjoni tal-armi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ Ottubru 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1464 (1).

(2)

Id-Deċiżjoni (PESK) 2020/1464 tipprevedi perjodu ta’ implimentazzjoni ta’ 24 xahar għall-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 tagħha mid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3) tagħha.

(3)

Fid-9 ta’ Frar 2022, il-Bundesamt für Wirtschaft und Ausfuhrkontrolle (BAFA), fil-kapaċità tagħha bħala l-Aġenzija ta’ Implimentazzjoni, talbet l-awtorizzazzjoni tal-Unjoni biex testendi l-perijodu għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1464 sa 36 xahar, sat-30 ta’ Novembru 2023, minħabba sfidi li jirriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19 li għadha għaddejja.

(4)

BAFA titlob ukoll li tiżdied konferenza addizzjonali għall-pajjiżi sħab b’sistemi avvanzati ta’ kontroll tal-esportazzjoni, u avveniment addizzjonali ta’ valutazzjoni ta’ nofs it-terminu.

(5)

Il-kontinwazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1464, inkluż iż-żewġ attivitajiet addizzjonali miżjuda permezz ta’ din id-Deċiżjoni tal-Kunsill, tista’ titwettaq mingħajr ebda implikazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji sat-30 ta’ Novembru 2023.

(6)

L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1464, u s-subtaqsimiet 5.2.5, 5.2.6 u t-taqsima 10 tal-Anness għal dik id-Deċiżjoni jenħtieġ li jiġu emendati skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2020/1464 hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha u għandha tiskadi fit-30 ta’ Novembru 2023.”;

(2)

L-Anness huwa emendat kif ġej:

(a)

it-test tas-subtaqsima 5.2.5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.2.5

Konferenzi għal pajjiżi sħab b’sistemi avvanzati ta’ kontroll tal-esportazzjoni

Il-proġett ser jieħu l-forma ta’ żewġ konferenzi fi Brussell li kull waħda minnhom iddum sa jumejn. Kull konferenza ser tipprovdi forum għal diskussjonijiet ta’ livell avvanzat bejn esperti tal-Unjoni u rappreżentanti ta’ livell għoli (fl-oqsma tal-politika, il-liċenzjar u l-infurzar) ta’ pajjiżi benefiċjarji b’sistemi avvanzati ta’ kontroll tal-esportazzjoni.

Kull konferenza ser tagħti lill-pajjiżi benefiċjarji parteċipanti l-opportunità li:

(a)

jirċievu informazzjoni dwar l-aħħar żviluppi relatati mal-kummerċ tal-armi (eż. il-kanali attwali tal-akkwist, l-impatt ta’ teknoloġiji ġodda, u kwistjonijiet relatati mal-politika tas-sigurtà bħal theddid ibridu); u

(b)

jiddiskutu u jiskambjaw fehmiet dwar kif il-bidliet reċenti u t-titjib fil-kontrolli tal-kummerċ tal-armi jistgħu jiġu implimentati bħala parti mis-sistema nazzjonali tagħhom stess ta’ kontroll tal-esportazzjoni.”;

(b)

It-test tas-subtaqsima 5.2.6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.2.6

Avvenimenti ta’ valutazzjoni

Sabiex jiġi evalwat u rieżaminat l-impatt tal-attivitajiet li jsiru taħt din id-Deċiżjoni, ser jiġu organizzati tliet avvenimenti ta’ valutazzjoni (tnejn f’nofs it-terminu u wieħed finali) fi Brussell, idealment eżatt wara laqgħa regolari tal-COARM.

Iż-żewġ avvenimenti ta’ valutazzjoni ta’ nofs it-terminu ser ikollhom l-forma ta’ sessjonijiet ta’ ħidma bil-parteċipazzjoni ta’ Stati Membri. Is-sessjonijiet ta’ ħidma jistgħu jdumu l-aktar jum wieħed.

L-avveniment ta’ valutazzjoni finali ser ikollu l-forma ta’ avveniment fi Brussell bil-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi benefiċjarji u ta’ Stati Membri. Ser jiġu mistiedna jattendu l-avveniment ta’ valutazzjoni finali sa żewġ rappreżentanti (uffiċjali adatti tal-gvern) ta’ kull pajjiż benefiċjarju.”;

(c)

It-test tat-taqsima 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“10.

Durata

Il-proġett ser jintemm fit-30 ta’ Novembru 2023.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Mejju 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

C. COLONNA


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1464 tat-12 ta’ Ottubru 2020 dwar il-promozzjoni ta’ kontrolli effettivi tal-esportazzjoni tal-armi (ĠU L 335, 13.10.2020, p. 3).