|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/4404 |
5.8.2025 |
Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika, f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)
(C/2025/4404)
KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD
(Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)
“Graves de Vayres”
PDO-FR-A0927-AM03 — 2.7.2025
1. Isem il-prodott
Graves de Vayres
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
|
☒ |
Denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP) |
|
☐ |
Indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP) |
|
☐ |
Indikazzjoni ġeografika (IĠ) |
3. Settur
|
☐ |
Prodotti agrikoli |
|
☒ |
Inbejjed |
|
☐ |
Xarbiet spiritużi |
4. Pajjiż terz li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika
Franza
5. Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard
Il-Ministru tal-Agrikoltura, is-Settur Agroalimentari u l-Forestrija, id-Direttorat Ġenerali għall-Prestazzjoni Ekonomika u Ambjentali tal-Intrapriżi, l-Uffiċċju għall-Inbejjed u Xarbiet Oħrajn
6. Kwalifika bħala emenda standard
L-awtoritajiet Franċiżi jqisu li l-applikazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u (UE) 2024/1143.
L-emendi tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott huma emendi standard skont id-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 24(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143.
L-applikazzjoni għall-emenda tal-DOP Graves de Vayrest ma tinvolvi l-ebda waħda mit-tliet sitwazzjonijiet li jikkostitwixxu emenda tal-Unjoni, jiġifieri:
|
(a) |
ma tinkludix bidla fl-isem jew fl-użu tal-isem, jew fil-kategorija ta’ prodott jew prodotti identifikati bl-indikazzjoni ġeografika; |
|
(b) |
ma tirriskjax li tannulla r-rabta maż-żona ġeografika; |
|
(c) |
ma tinvolvix aktar restrizzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott. |
Għalhekk, l-awtoritajiet Franċiżi jqisu li l-applikazzjoni hija għal emenda standard.
7. Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i
1. Żona ġeografika
Iż-żona ġeografika ġiet aġġornata abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tal-Istitut Nazzjonali tal-Istatistika u l-Istudji Ekonomiċi 2024 (INSEE, Institut national de la statistique et des études économique).
Referenza għall-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali, li tirrikonoxxi u telenka l-muniċipalitajiet skont id-département fil-livell nazzjonali, żdiedet fit-Taqsima IV “Żona ġeografika u żona fi prossimità immedjata” tal-Kapitolu I tal-Ispeċifikazzjoni. Din l-emenda editorjali tippermetti li ż-żona ġeografika tiġi identifikata b’referenza għall-verżjoni attwali tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali, li jinħareġ mill-INSEE, u tagħti ċertezza legali lid-definizzjoni taż-żona ġeografika.
Iż-żona ġeografika ma nbidlitx.
Din l-emenda taffettwa t-taqsima bl-intestatura “Żona ġeografika demarkata” tad-Dokument Uniku.
2. Żona fi prossimità immedjata
Iż-żona fi prossimità immedjata ġiet aġġornata abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tal-INSEE tal-2024.
Referenza għall-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali, li tirrikonoxxi u telenka l-muniċipalitajiet skont id-département fil-livell nazzjonali, żdiedet fit-Taqsima IV “Żona ġeografika u żona fi prossimità immedjata” tal-Kapitolu I tal-Ispeċifikazzjoni. Din l-emenda editorjali tippermetti li ż-żona ġeografika tiġi identifikata b’referenza għall-verżjoni attwali tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali, li jinħareġ mill-INSEE, u tagħti ċertezza legali lid-definizzjoni taż-żona fi prossimità immedjata.
Iż-żona fi prossimità immedjata ma nbidlitx.
Din l-emenda taffettwa t-taqsima bl-intestatura “Rekwiżiti addizzjonali – Żona fi prossimità immedjata” tad-Dokument Uniku.
3. Metodu ta’ tħarriġ
Żdiedet l-intestatura “Metodu ta’ tħarriġ”.
Żdied rekwiżit biex jitneħħew id-dwieli mejta mill-irqajja’.
Żdiedu prattiki tal-kultivazzjoni marbuta ma’ miżuri agroambjentali.
Dawn l-emendi huma mfassla biex iqisu aħjar l-ambjent, il-pajsaġġ u d-domanda tas-soċjetà biex jintużaw inqas prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Dawn jippermettu li jittieħed vantaġġ sħiħ mill-prattiki ekoloġiċi stabbiliti mill-operaturi.
Dawn l-emendi ma jaffettwawx id-Dokument Uniku.
4. Data għaċ-ċirkolazzjoni bejn l-imħażen awtorizzati
Din ir-regola tneħħiet mill-Ispeċifikazzjoni sabiex l-inbejjed ikunu jistgħu jiċċirkolaw bejn l-operaturi kollha u sabiex jitneħħa kull riskju ta’ kompetizzjoni inġusta.
Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.
5. Miżuri tranżizzjonali
Il-miżura tranżizzjonali li tikkonċerna l-irqajja’ tal-vinji b’densità ta’ tħawwil ta’ bejn 3 300 u 4 000 pjanta għal kull ettaru ġiet estiża b’10 snin (sal-2035) u hija akkumpanjata bi tnaqqis ta’ rendiment ta’ 27 % meta mqabbla mar-rendiment stabbilit għal ħsad partikolari. It-tagħbija massima medja tal-għelejjel ukoll ġiet stabbilita għal dawk l-irqajja’.
Din l-emenda se tippermetti biex dwieli li jinsabu fl-aqwa tagħhom minn perspettiva ta’ kwalità jinżammu fil-produzzjoni.
Tneħħiet il-miżura tranżizzjonali li tikkonċerna l-irqajja’ tal-vinji b’densità ta’ tħawwil taħt l-4 000 pjanta għal kull ettaru.
Dawn l-emendi ma jaffettwawx id-Dokument Uniku.
6. Referenzi
Id-dettalji ta’ kuntatt tal-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u l-Kwalità (INAO, Institut national de la qualité et de l’origine) ġew aġġornati.
L-arranġamenti għall-ispezzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ġew emendati.
Dawn l-emendi ma jaffettwawx id-Dokument Uniku.
7. Rabta
Saru emendi editorjali sabiex ir-rabta tkun iktar faċli biex tinftiehem.
Dawn l-emendi jaffettwaw it-taqsima bl-intestatura “Rabta maż-żona ġeografika” tad-Dokument Uniku.
DOKUMENT UNIKU
1. Isem/Ismijiet
Graves de Vayres
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
DOP – Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta
3. Kategoriji ta’ prodotti tad-dwieli
|
1. |
Inbid |
3.1. Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda
22 — XARBIET, SPIRTI U ĦALL
2204 — Inbid tal-għeneb frisk, inkluż l-inbejjed imqawwija; most tal-għeneb għajr dak tal-intestatura 2009
4. Deskrizzjoni tal-inbid jew tal-inbejjed
1. Inbid aħmar
DESKRIZZJONI QASIRA
L-inbejjed ħomor għandhom qawwa alkoħolika minima skont il-volum ta’ 10,5 %. Wara l-arrikkiment, il-qawwa alkoħolika totali skont il-volum tal-inbejjed ħomor ma tistax taqbeż it-13,5 %. Kull lott ta’ nbid mibjugħ (bl-ingrossa jew imballat) għandu kontenut ta’ aċidu maliku ta’ 0,3 grammi għal kull litru. L-inbejjed ħomor għandhom kontenut ta’ zokkor fermentabbli (glukożju + fruttożju) ta’ mhux aktar minn 4 grammi għal kull litru. L-inbejjed ħomor huma magħmula minn taħlita ta’ Cabernet Franc N, Cabernet Sauvignon N, Merlot N u Cot N. Il-Merlot N huwa predominanti fit-taħlita, li jagħti lill-inbejjed karattru tond, bellusi, spiss bi fwieħa aromatika qawwija ta’ frott aħmar. Il-Cabernet Sauvignon N jipproduċi struttura robusta iżda li qatt ma tkun ħarxa u tannika, filwaqt li l-Cabernet Franc N joffri finezza. L-inbejjed ħomor huma fini u jistgħu jitgawdew mingħajr ma jitqaddmu meta jkollhom karattru tal-frott. Madanakollu, għandhom potenzjal ta’ tqaddim eċċellenti ta’ bejn 5 u 10 snin skont il-proporzjon tal-Cabernet Sauvignon N fit-taħlita. Il-valuri analitiċi l-oħrajn jikkonformaw, awtomatikament, mal-leġiżlazzjoni tal-UE.
Karatteristiċi analitiċi ġenerali:
|
— |
Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum) - |
|
— |
Qawwa alkoħolika effettiva minima (f’% tal-volum) - |
|
— |
Aċidità totali minima f’milliekwivalenti għal kull litru |
|
— |
Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru) - |
|
— |
Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru) - |
2. Inbid abjad xott
DESKRIZZJONI QASIRA
L-inbejjed bojod xotti għandhom qawwa alkoħolika minima skont il-volum ta’ 10,5 %. L-inbejjed bojod xotti għandhom kontenut ta’ zokkor fermentabbli (glukożju + fruttożju) ta’ mhux aktar minn 4 grammi għal kull litru. Wara l-arrikkiment, il-qawwa alkoħolika totali skont il-volum tal-inbejjed bojod xotti ma tistax taqbeż it-13 %. L-inbejjed bojod xotti huma fil-biċċa l-kbira magħmula mill-varjetajiet Sémillon B u Sauvignon B. Għandhom ċerta vivaċità li tiġi mis-Sauvignon B. Is-Sémillon B iġib rikkezza, filwaqt li meta jitħallat mal-varjetà Muscadelle B joħorġu l-aromi ta’ frott. Il-valuri analitiċi l-oħrajn jikkonformaw, awtomatikament, mal-leġiżlazzjoni tal-UE.
Karatteristiċi analitiċi ġenerali:
|
— |
Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum) - |
|
— |
Qawwa alkoħolika effettiva minima (f’% tal-volum) - |
|
— |
Aċidità totali minima f’milliekwivalenti għal kull litru |
|
— |
Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru) - |
|
— |
Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru) - |
3. Inbejjed bojod oħrajn
DESKRIZZJONI QASIRA
Dawn l-inbejjed bojod għandhom qawwa alkoħolika minima skont il-volum ta’ 11 %. Għandhom kontenut ta’ zokkor fermentabbli (glukożju + fruttożju) ta’ aktar minn 4 grammi għal kull litru. Wara l-arrikkiment, il-qawwa alkoħolika totali tagħhom skont il-volum ma tistax taqbeż il-15 %. L-inbejjed bojod, li fihom zokkrijiet fermentabbli, huma magħmula b’mod predominanti mill-varjetà Sémillon B li ta’ spiss tinħasad meta tkun misjura żżejjed u xi drabi jitħalltu mal-Merlot B, varjetà lokali antika. L-inbejjed huma ħelwin mezzani u mhux wisq tanniċi. Il-valuri analitiċi l-oħrajn jikkonformaw, awtomatikament, mal-leġiżlazzjoni tal-UE.
Karatteristiċi analitiċi ġenerali:
|
— |
Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum) - |
|
— |
Qawwa alkoħolika effettiva minima (f’% tal-volum): 10,5 |
|
— |
Aċidità totali minima f’milliekwivalenti għal kull litru |
|
— |
Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru) - |
|
— |
Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru) - |
5. Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid
5.1. Prattiki enoloġiċi speċifiċi
1.
Metodu ta’ kultivazzjoni
Id-densità minima tat-tħawwil tad-dwieli hija ta’ 4 500 pjanta għal kull ettaru. L-ispazju bejn il-flanni tal-vinji ma jistax jaqbeż iż-2,5 metri, u l-ispazju bejn il-pjanti fl-istess flann irid ikun mill-inqas 0,85 metru.
2.
Metodu ta’ kultivazzjoni
Iż-żbir huwa obbligatorju. Dan isir mhux aktar tard mill-istadju tal-weraq miftuħ (l-istadju 9 ta’ Lorenz).
Id-dwieli jinżabru b’massimu ta’ 14-il raħsa għal kull pjanta, bit-tekniki li ġejjin:
|
— |
żbir Guyot doppju, singolu jew imħallat; |
|
— |
żbir qasir bl-istil ta’ cordon baxx jew imrewħa. |
3.
Prattika enoloġika speċifika
It-tekniki tal-arrikkiment sottrattiv huma permessi għall-inbejjed ħomor sa rata ta’ konċentrazzjoni ta’ 15 %.
Wara l-arrikkiment, il-qawwa alkoħolika totali skont il-volum tal-inbejjed ħomor ma tistax taqbeż it-13,5 %.
Wara l-arrikkiment, il-qawwa alkoħolika totali skont il-volum tal-inbejjed bojod xotti ma tistax taqbeż it-13 %.
Wara l-arrikkiment, il-qawwa alkoħolika totali skont il-volum tal-inbejjed bojod l-oħrajn ma tistax taqbeż il-15 %.
5.2. Rendimenti massimi għal kull ettaru
1.
65 ettolitru għal kull ettaru
2.
72 ettolitru għal kull ettaru
3.
55 ettolitru għal kull ettaru
6. Żona ġeografika demarkata
L-għeneb jinħasad u l-inbejjed isiru, jiġu żviluppati u jitqaddmu fit-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin fid-département ta’ Gironde, abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2024: Arveyres u Vayres.
7. Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid / jinkisbu l-inbejjed
Cabernet Franc N
Cabernet Sauvignon N
Carménère N
Cot N — Malbec
Merlot N
Merlot Blanc B
Muscadelle B
Petit Verdot N
Sauvignon B — Sauvignon blanc
Sauvignon Gris G — Fié gris
Semillon B
8. Deskrizzjoni tar-rabta jew tar-rabtiet
Ix-xmara Dordogne li sserrep, li hija sors ta’ frisk sajfi u ċpar tal-ħarifa, toħloq meżoklima fiż-żona ġeografika li tgħin ħafna lill-għeneb iswed biex isir u l-għeneb abjad isir iżżejjed. Il-meżoklima toħroġ l-aromi ta’ frott aħmar fl-inbejjed ħomor u vivaċità karatteristika li ssostni struttura aromatika ta’ frott fl-inbejjed bojod.
Id-denominazzjoni ta’ oriġini protetta, li tagħmel referenza f’isimha għall-karatteristika ewlenija tal-ħamrija tal-vitikultura, kellha għal żmien twil irqajja’demarkati abbażi tal-kriterji oġġettivi li ġejjin: “kull roqgħa fejn ikun hemm iż-żrar inqas minn 50 cm mill-wiċċ titqies li hija biż-żrar”. Għalhekk iż-żona tar-roqgħa tinkludi biss dawk l-irqajja’ li jinsabu f’għelieqi mtarrġa tat-tafal u ż-żrar.
Minħabba l-fertilità baxxa tal-ħamrija biż-żrar, hija meħtieġa ġestjoni selettiva tal-vinja. Id-densità tat-tħawwil hija adattata għall-karatteristiċi tal-ħamrija, b’regoli dwar l-ispazju massimu bejn il-flanni, u limiti fuq it-tagħbija massima tal-għelejjel għal kull roqgħa u n-numru massimu ta’ għenieqed għal kull pjanta.
L-influwenza Ingliża permezz taż-żwieġ ta’ Eleanor ta’ Aquitaine ma’ Henry Plantagenet u t-tmiem tal-Gwerra ta’ Mitt Sena għenu biex tiġi stabbilita r-reputazzjoni ta’ dawn l-inbejjed fuq in-naħa l-oħra tal-Kanal Ingliż. Minħabba l-pożizzjoni ta’ Vayres f’salib it-toroq ġeografiku, dan sar punt ta’ waqfien importanti u regolari għar-rejiet ta’ Franza, li ħadu l-inbejjed lejn il-pajjiżi tal-Peniżola Iberika.
Sa minn nofs is-seklu 19, l-edizzjonijiet ta’ Bordeaux et ses vins [Bordeaux u l-inbejjed tiegħu] ta’ Cocks u Féret iddikjaraw: “Mingħajr ma jippretendu li huma rivali għal dawk ta’ Médoc jew Saint-Emilion, l-inbejjed ħomor ta’ Graves de Vayres huma madankollu mimlijin delikatezza. Il-premiers crus [l-ewwel tkabbir] tiegħu huma mfittxija ħafna fis-suq għall-korpożità u l-finezza tagħhom, u jistgħu jiġu kklassifikati fost l-aqwa nbejjed tal-Libournais, direttament wara d-deuxièmes crus [it-tieni tkabbir] ta’ Pomerol. L-inbejjed bojod tiegħu jibqgħu meqjusa ħafna mill-esperti mit-Tramuntana ta’ Franza u saru jokkupaw post sinifikanti f’diversi swieq barranin”.
L-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta, li jissemma wkoll fil-listi tal-prezzijiet ta’ Horeau Beylot et Cie (1890), Jacquet et Fils (1895) u Legendre et Cie (1898), negozjanti tal-inbid f’Libourne, u fl-inventarju u r-rekords kummerċjali ta’ bosta taverni tal-inbid, ilu jidher mill-1904 fuq it-tikketti stampati u kienet saret referenza għalih fi stand ta’ Monsieur Béchaud waqt il-Fiera tal-Inbid ta’ Bordeaux f’Novembru 1909.
Fis-snin 50, l-inbejjed stabbilew pożizzjoni b’saħħitha fis-swieq barranin, b’mod partikolari fil-Ġermanja.
Bħala riżultat tal-interazzjoni bejn ambjent ġeografiku għani u oriġinali u komunità umana li wriet b’suċċess l-inbejjed tagħha, l-inbejjed Graves de Vayres qed ikomplu jattiraw bosta konsumaturi madwar id-dinja.
9. Rekwiżiti oħra applikabbli (imballaġġ, tikkettar, rekwiżiti addizzjonali)
Żona fi prossimità immedjata
Qafas legali:
Leġiżlazzjoni nazzjonali
Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:
Deroga li tikkonċerna il-produzzjoni fiż-żona ġeografika ddefinita
Deskrizzjoni tar-rekwiżit:
Iż-żona fi prossimità immedjata, iddefinita bid-deroga għall-produzzjoni, l-iżvilupp u t-tqaddim tal-inbejjed, tinkludi t-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin tad-département ta’ Gironde, abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tal-1 ta’ Jannar 2024:
Beychac-et-Caillau, Cadarsac, Fronsac, Génissac, Izon, Libourne, Nérigean, Saint-Germain-du-Puch, Saint-Michel-de-Fronsac u Saint-Sulpice-et-Cameyrac.
Unità ġeografika usa’
Qafas legali:
Leġiżlazzjoni nazzjonali
Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:
Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mat-tikkettar
Deskrizzjoni tar-rekwiżit:
It-tikketti tal-inbejjed bid-denominazzjoni ta’ oriġini protetta jistgħu jispeċifikaw l-unità ġeografika usa’ “Vin de Bordeaux” jew “Grand Vin de Bordeaux”.
Id-daqs tal-ittri tal-unità ġeografika usa’ ma jridx ikun ikbar, la mill-għoli u lanqas mill-wisa’, minn żewġ terzi tad-daqs tal-ittri li jiffurmaw l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta.
Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott
https://info.agriculture.gouv.fr/boagri/document_administratif-90b207a5-859a-41a9-8097-d0147bb91aa5
(1) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/4404/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)