Brussell, 6.10.2025

COM(2025) 623 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità ta’ Self għas-Settur Pubbliku skont il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta fl-2025, kif imsemmi fl-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2021/1229


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità ta’ Self għas-Settur Pubbliku skont il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta fl-2025, kif imsemmi fl-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2021/1229

1.Introduzzjoni, skop u għan ta’ dan ir-rapport

F’Diċembru 2019, il-Kummissjoni Ewropea addottat Patt Ekoloġiku Ewropew għall-Unjoni Ewropea u għaċ-ċittadini tagħha 1 , filwaqt li fakkret l-impenn tal-Kummissjoni li tindirizza l-isfidi relatati mal-klima u mal-ambjent u tiddeskrivi l-ħtieġa għal tranżizzjoni mwettqa b’mod ġust u inklużiv.

F’Jannar 2020, il-Kummissjoni elaborat Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta (JTM, Just Transition Mechanism) bħala parti mill-Pjan ta’ Investiment għall-Patt Ekoloġiku Ewropew 2 , biex tiżgura li ħadd u l-ebda reġjun ma jitħalla jibqa’ lura fit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima. L-għan primarju tal-mekkaniżmu huwa li jipprovdi appoġġ lir-reġjuni u lin-nies l-aktar milquta u li jgħinhom itaffu l-kostijiet soċjoekonomiċi tat-tranżizzjoni. Il-JTM jikkonsisti fi tliet pilastri: 1) il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, 2) skema dedikata għal Tranżizzjoni Ġusta fil-Programm InvestEU, 3) il-faċilità ta’ self għas-settur pubbliku (PSLF, Public Sector Loan Facility, jew “il-Faċilità”).

Dan ir-raba’ 3 rapport annwali ta’ implimentazzjoni, imħejji f’konformità mal-Artikolu 16(3) 4 tar-Regolament (UE) 2021/1229 5 (“ir-Regolament PSLF”), jiffoka fuq it-tielet pilastru. Dan għandu l-għan li jipprovdi informazzjoni dwar il-progress li sar s’issa fl-implimentazzjoni tal-PSLF.

Dan ir-rapport huwa kumulattiv mill-bidu tal-implimentazzjoni tal-PSLF sal-31 ta’ Lulju 2025. Il-parti li jifdal tas-sena 2025 se tiġi rrapportata fir-rapport li jmiss f’konformità mal-obbligi ta’ rapportar tal-PSLF (ara d-dettalji fit-Taqsima 1.2). Dan ir-rapport juża l-analiżijiet u l-konklużjonijiet mill-evalwazzjoni interim estensiva tal-PSLF, li huma ppreżentati fit-Taqsima 3.

Ir-rapport jipprovdi informazzjoni dwar (i) ir-riżultati tal-ewwel sejħa għal proposti tal-PSLF għad-disa’ skadenzi għas-sottomissjoni inklużi proposti għal proġetti potenzjali, (ii) assistenza teknika, (iii) komunikazzjoni, (iv) progress li sar, inklużi l-isfidi u punti pożittivi tal-PSLF, u (v) il-passi li jmiss.

Skont l-Artikolu 17 tar-Regolament PSLF, għandha titwettaq evalwazzjoni interim tal-PSLF u għandu jiġi ppreżentat rapport dettaljat separat dwar dik l-evalwazzjoni interim lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill,.



1.1.Qafas legali u baġitarju tal-faċilità ta’ self għas-settur pubbliku skont il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta

Il-PSLF ġiet stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/1229 fl-14 ta’ Lulju 2021.

L-objettiv ġenerali tal-PSLF huwa li tindirizza l-isfidi soċjali, ekonomiċi u ambjentali serji li jirriżultaw mit-tranżizzjoni lejn il-miri tal-klima u tal-enerġija tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika fl-Unjoni sa mhux aktar tard mill-2050, stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119 6 , għall-benefiċċju tat-territorji tal-Unjoni identifikati fil-pjanijiet territorjali għal tranżizzjoni ġusta (TJTP, Territorial Just Transition Plan) 7 .

L-objettiv speċifiku tal-PSLF huwa li timmobilizza l-investimenti tas-settur pubbliku li jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ żvilupp tat-territorji identifikati fit-TJTP. Dan tagħmlu billi tiffaċilita l-finanzjament ta’ proġetti li ma jiġġenerawx biżżejjed flussi ta’ dħul biex ikopru l-kostijiet ta’ investiment tagħhom, u b’hekk tevita l-effett ta’ evizzjoni ta’ appoġġ u ta’ investiment potenzjali minn riżorsi alternattivi.

L-appoġġ huwa disponibbli għal firxa wiesgħa ta’ investimenti. Il-PSLF tista’ tappoġġa investimenti fl-enerġija rinnovabbli u fil-mobilità ekoloġika u sostenibbli, il-promozzjoni ta’ idroġenu ekoloġiku, networks effiċjenti tat-tisħin distrettwali, ir-riċerka pubblika, id-diġitalizzazzjoni, l-infrastruttura ambjentali għall-immaniġġjar intelliġenti tal-iskart u tal-ilma u inizjattivi tas-saħħa pubblika. Il-PSLF tista’ tappoġġa wkoll l-enerġija sostenibbli, l-effiċjenza enerġetika u l-miżuri ta’ integrazzjoni, inklużi r-rinnovazzjonijiet u l-konverżjonijiet tal-bini, it-tiġdid u r-riġenerazzjoni urbani, it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, ir-restawr u d-dekontaminazzjoni tal-art u tal-ekosistemi, filwaqt li jitqies il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, il-bijodiversità, kif ukoll it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, it-taħriġ u l-infrastruttura soċjali, inklużi l-faċilitajiet tal-kura u l-akkomodazzjoni soċjali 8 .

Ir-Regolament PSLF jipprovdi baġit massimu totali ta’ EUR 1,525 biljun f’appoġġ tal-Unjoni għall-komponent tal-għotja tal-PSLF (inklużi l-assistenza teknika u l-appoġġ konsultattiv). Fi Frar 2024, il-Parlament Ewropew ta l-kunsens tiegħu u l-Kunsill qabel b’unanimità dwar ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-limiti massimi tan-nefqa fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP), li rriżultat fit-tnaqqis tal-baġit tal-PSLF b’EUR 150 miljun. Wara dawn ir-riallokazzjonijiet, il-baġit massimu disponibbli għall-PSLF huwa ta’ EUR 1,375 biljun.

Skont il-PSLF, is-self ipprovdut mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) bħala sieħeb finanzjarju huwa kkombinat ma’ għotjiet ipprovduti mill-Unjoni biex tappoġġa proġetti ppreżentati minn entitajiet tas-settur pubbliku wara sejħa għal proposti. Il-BEI se jipprovdi sa EUR 7 biljun għall-komponent tas-self tal-PSLF. Il-BEI joffri tliet tipi ta’ self skont il-PSLF: self ta’ investiment (proġetti awtonomi ffinanzjati direttament mill-BEI), qafas ta’ self (imsejħa wkoll skemi ta’ self, li jiffinanzjaw direttament sett ta’ proġetti predeterminati) u self intermedjat li jiffinanzja proġetti iżgħar permezz ta’ intermedjarji finanzjarji tal-BEI.

Il-komponent tal-għotja jieħu l-forma ta’ finanzjament mhux marbut mal-kostijiet u l-ammont tiegħu jiġi ddeterminat bħala perċentwal tas-self. Dan il-perċentwal jammonta għal 15 %, jew għal 25 % jekk il-proġett ikun jinsab f’reġjun inqas żviluppat 9 . Konsegwentement, l-għoti ta’ sussidju jiddependi mill-finanzjament approvat mill-BEI jew mill-intermedjarji finanzjarji tiegħu 10 . L-ewwel sejħa għal għotjiet, miftuħa sa tmiem l-2025, taqsam il-baġit disponibbli f’ishma nazzjonali, abbażi tal-proporzjonijiet tal-allokazzjonijiet tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (“JTF”, Just Transition Fund). It-tieni sejħa, li sservi l-perjodu 2026-2027, se tiġbor flimkien l-allokazzjonijiet nazzjonali mhux użati

Minbarra l-BEI, il-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Klima, għall-Infrastruttura u għall-Ambjent (CINEA, Climate Infrastructure and Environment Executive Agency) dwar l-implimentazzjoni tal-PSLF. Is-CINEA hija responsabbli għall-aspetti baġitarji, legali, finanzjarji u operazzjonali tal-implimentazzjoni tal-għotjiet, filwaqt li l-Kummissjoni għadha kompletament responsabbli għall-aspetti kollha relatati mal-politika.

2.L-implimentazzjoni tal-PSLF

2.1.Riżultati tal-ewwel sejħa għal proposti tal-PSLF wara disa’ skadenzi għas-sottomissjoni

Mill-aħħar rapport ta’ implimentazzjoni tal-PSLF, għaddew tliet skadenzi għas-sottomissjoni għas-sejħa għal proposti. Ġew ippreżentati ħdax-il proposta eliġibbli f’dawn it-tliet skadenzi, u l-kumitat ta’ evalwazzjoni għażel tmienja minnhom għall-finanzjament. L-iffirmar tal-ftehim ta’ self huwa pendenti għall-biċċa l-kbira ta’ dawn il-proġetti 11 . Il-proposti sottomessi jirrappreżentaw total stmat ta’ EUR 96 miljun f’għotjiet mitluba mill-Kummissjoni u madwar EUR 658 miljun f’self mill-BEI 12 . Barra minn hekk, proposta waħda kienet inammissibbli u tliet proposti miċ-Ċekja, mil-Latvja u mill-Irlanda ma ntgħażlux għall-finanzjament minħabba li naqsu milli jiksbu l-punteġġ minimu meħtieġ skont il-kriterji għall-aġġudikazzjoni.

B’kollox, mit-tnedija tal-ewwel sejħa għal proposti tal-PSLF 13 fid-19 ta’ Lulju 2022, ġew ippreżentati 49 proposta, li minnhom 32 ġew iddikjarati eliġibbli u 24 minnhom intgħażlu għall-finanzjament mill-kumitat tal-evalwazzjoni. Ir-riżultati ta’ kull data limitu tas-Sejħa jidhru fl-Anness I. Skont l-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjonijiet magħżula għall-finanzjament u fil-ftehimiet ta’ għotja, dawn jirrappreżentaw ammont stmat ta’ EUR 225 miljun f’għotjiet mill-Kummissjoni u ammont stmat ta’ EUR 1,83 biljun f’self mill-BEI 14 . Fiż-żmien tat-tħejjija ta’ dan ir-rapport, jiġu ffirmati għaxar ftehimiet ta’ għotja tal-PSLF (ara aktar dettalji fit-Taqsima 2.2), it-tħejjijiet ta’ 3 ftehimiet ta’ għotja ġew ikkanċellati 15 , 12-il ftehim ta’ għotja ġew sospiżi sakemm jiġi approvat is-self u proposta waħda ġiet irtirata wara l-għażla.

Il-kwadri finanzjarji nazzjonali għal Franza, għal Spanja u għall-Iżvezja ntużaw kollha jew kważi kollha. L-applikanti minn dawn l-Istati Membri se jkunu jistgħu jerġgħu jissottomettu proposti għall-appoġġ tal-PSLF meta titnieda t-tieni sejħa għal proposti tal-PSLF fil-ħarifa tal-2025. L-ewwel skadenza tagħha għas-sottomissjoni se tkun f’Jannar 2026.

Illustrazzjoni 1 Ishma nazzjonali (riżervati sal-31 ta’ Diċembru 2025) u l-konsum tagħhom minn għotjiet mogħtija jew taħt valutazzjoni 16

2.2.Proġetti ffinanzjati mill-PSLF

Il-proposti tal-proġetti magħżula għall-finanzjament mill-kumitat ta’ evalwazzjoni tal-PSLF s’issa jkopru setturi bħall-effiċjenza enerġetika, il-kultura, l-akkomodazzjoni soċjali, il-kura tas-saħħa, l-infrastruttura tat-trasport sostenibbli, it-tisħin u t-tkessiħ distrettwali, jew it-tiġdid u r-riġenerazzjoni urbani. Lista dettaljata ta’ proġetti ffinanzjati s’issa tista’ tinstab fl-Anness 2. Fir-rigward tat-tip ta’ self li jikkorrispondi għall-għaxar ftehimiet ta’ għotja ffirmati, sebgħa mill-proġetti huma self ta’ investiment awtonomu u tnejn huma bbażati fuq skema ta’ self. F’Ġunju 2025, ġie ffirmat l-ewwel ftehim ta’ għotja marbut ma’ self intermedjat ipprovdut mir-riżorsi tal-BEI mill-Bank Nazzjonali tal-Iżvilupp fiċ-Ċekja.

Ir-Regolament PSLF jirrikjedi li l-Kummissjoni tirrapporta dwar l-Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni (KPIs, Key Performance Indicators) li ġejjin: it-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2, in-numru ta’ impjiegi maħluqa, u n-numru ta’ persuni milħuqa. Abbażi tal-informazzjoni sottomessa mill-benefiċjarji tal-PSLF, l-iffrankar tal-emissjonijiet tas-CO2 huwa stmat għal 179 156 tunnellata fis-sena. Il-proġetti ffinanzjati minn din il-faċilità huma mistennija jiġġeneraw kważi 12 000 impjieg u jibbenefikaw lil aktar minn 4 miljun persuna billi jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ żvilupp reġjonali. Fl-Anness 3 hija pprovduta ċart li turi l-KPIs aggregati, strutturati skont l-Anness II tar-Regolament PSLF.

2.3.Proposti għal proġetti potenzjali

Abbażi ta’ skambji mal-BEI u ma’ partijiet ikkonċernati oħra tal-PSLF, qed jitħejjew proposti għal proġetti li jinsabu f’erbatax-il Stat Membru u jistgħu jiġu ppreżentati xorta waħda fl-ewwel jew fit-tieni sejħa għal proposti tal-PSLF. Dawn il-proposti potenzjali huma relatati mal-enerġija rinnovabbli, mal-effiċjenza enerġetika, mal-kura tas-saħħa, mal-infrastruttura ferrovjarja, mal-immaniġġjar tal-ilma, mal-akkomodazzjoni affordabbli, jew mal-kultura. L-użu tal-PSLF fil-futur diffiċli biex jiġi vvalutat. Filwaqt li l-assorbiment sħiħ tal-baġit tal-għotjiet x’aktarx li ma jseħħx fl-ewwel sejħa, it-tieni sejħa (2026-2027) tippreżenta opportunità. Il-Kummissjoni bħalissa hija konxja ta’ proġetti potenzjali ppjanati tal-BEI li jistgħu jirrappreżentaw sa EUR 400 miljun f’għotjiet. Xi wħud mill-proposti tal-proġetti mistennija bħalissa qed jibbenefikaw mis-servizzi ta’ konsulenza offruti miċ-Ċentru ta’ Konsulenza InvestEU. Aktar dettalji dwar dawn l-assenjazzjonijiet jistgħu jinstabu fit-Taqsima 4 u fl-Anness 4.

Barra minn hekk, id-domanda għall-appoġġ konsultattiv fl-ambitu tal-PSLF tista’ tiġi osservata fl-Istati Membri li diġà użaw l-allokazzjonijiet nazzjonali tagħhom. Il-proposti minn dawn l-Istati Membri jistgħu jkunu mistennija li jiġu ppreżentati taħt it-tieni sejħa għal proposti tal-PSLF.

3.TAGĦLIMIET MEĦUDA MILL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PSLF

Matul l-implimentazzjoni tal-PSLF, il-Kummissjoni identifikat xi sfidi u punti b’saħħithom u ħadet azzjonijiet biex tindirizza l-isfidi biex tavvanza l-implimentazzjoni, kif deskritt fit-taqsimiet li ġejjin.

3.1.Sfidi

Wara kważi 3 snin mill-pubblikazzjoni tal-ewwel sejħa għal proposti tal-PSLF, ir-rata ta’ assorbiment tammonta għal 17 % tal-baġit totali. Dan huwa prinċipalment ikkawżat mill-fatt li t-tnedija ħabtet mal-ipprogrammar ta’ fondi oħra (jiġifieri, il-JTF, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 17 , il-Fond ta’ Koeżjoni 18 jew il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza 19 ) li joffru finanzjament għal proġetti simili b’kundizzjonijiet aktar attraenti (rati ogħla ta’ kofinanzjament). Barra minn hekk, ġie rrikonoxxut li l-implimentazzjoni tal-PSLF tista’ tvarja ħafna fost l-Istati Membri abbażi ta’ parametri bħall-volum ta’ sorsi alternattivi disponibbli ta’ finanzjament fil-livell nazzjonali, id-disponibbiltà ta’ proġetti maturi, l-istrateġiji ta’ tranżizzjoni ġusta li jvarjaw, u l-approċċ differenti tal-benefiċjarji eliġibbli tal-Istati Membri għall-istrumenti bbażati fuq id-dejn. Kien hemm ukoll livell differenti ta’ appoġġ mill-awtoritajiet nazzjonali biex jippromwovu l-użu tal-PSLF, b’pajjiżi bħaċ-Ċekja, il-Greċja jew Franza jkunu attivi ħafna f’dan ir-rigward.

Il-biċċa l-kbira tar-restrizzjonijiet iffaċċjati mill-PSLF u spjegati fid-dettall fir-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni preċedenti għadhom jippersistu. Dan huwa b’mod partikolari l-każ għall-Istati Membri bl-akbar kwadri finanzjarji nazzjonali (il-Ġermanja, il-Polonja, ir-Rumanija), f’liema każ ma ġie ppreżentat l-ebda proġett jew kważi ma ġie ppreżentat l-ebda proġett. Fatturi speċifiċi li ġew identifikati bħala li jwasslu għal rata bil-mod ta’ użu f’dawn l-Istati Membri jinkludu:

- l-allokazzjonijiet nazzjonali tal-PSLF isegwu l-proporzjonijiet tal-allokazzjonijiet tal-fondi tar-Regolament dwar il-JTF. B’riżultat ta’ dan, l-Istati Membri bl-akbar allokazzjonijiet huma identiċi għaż-żewġ strumenti. Għalhekk, l-enfasi tagħhom titqiegħed fi prijorità fuq l-infiq tal-fondi disponibbli permezz tal-JTF minħabba ż-żmien limitat għall-assorbiment tal-fondi tiegħu 20 . Barra minn hekk, il-JTF joffri proporzjon ogħla ta’ finanzjament b’għotjiet fil-baġits ġenerali tal-proġetti (il-Ġermanja, il-Polonja, ir-Rumanija);

- dawn l-Istati Membri huma wkoll tipikament l-akbar benefiċjarji ta’ fondi oħra, għalhekk il-kapaċità tagħhom li jassorbu riżorsi addizzjonali u li jidentifikaw pipelines ta’ proġetti addizzjonali tista’ tkun limitata (il-Polonja, ir-Rumanija);

- hemm finanzjament aktar attraenti u aċċessibbli mir-riżorsi nazzjonali fl-Istat Membru (il-Ġermanja);

- il-livell tad-dejn ta’ benefiċjarji żgħar jagħmilha diffiċli li jsir użu mill-istrumenti bbażati fuq id-dejn (il-Polonja) jew ir-regolamenti nazzjonali dwar is-self pubbliku jipprevjenu lill-benefiċjarji eliġibbli milli jissellfu (is-Slovakkja, il-Ġermanja);

- l-ammont minimu ta’ self (EUR 12,5 miljun) meħtieġ mill-BEI għal operazzjonijiet ta’ self dirett, flimkien ma’ nuqqas ta’ opportunitajiet għal self intermedjat (iċ-Ċekja) li jservi proġetti iżgħar;

- proċeduralment, it-tħejjija tal-proġetti setgħet tibda biss mal-adozzjoni tat-TJTPs, li ħadu żmien addizzjonali għal xi Stati Membri. Barra minn hekk, dan l-istrument ġdid taħt ġestjoni diretta ma setax jiddependi fuq appoġġ sistemiku tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni kondiviża.

Analiżi u valutazzjoni aktar dettaljati tal-isfidi ffaċċjati matul l-implimentazzjoni tal-PSLF jitwettqu mill-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-PSLF maħruġa f’Ġunju 2025.

3.2.Punti pożittivi

Minkejja dawn l-isfidi, l-interess fil-PSLF żdied b’mod sinifikanti. L-aktar punt pożittiv sinifikanti tal-PSLF huwa l-flessibbiltà topika tagħha meta mqabbla mas-settijiet ta’ kriterji tal-għażla tas-sejħiet għal għotjiet taħt il-fondi ewlenin tal-politika ta’ koeżjoni. Dan jippermetti lill-promoturi ta’ proġetti jiffinanzjaw proġetti mfasslin apposta għall-ħtiġijiet ta’ żvilupp tar-reġjuni rispettivi. Dan huwa partikolarment il-każ ta’ Franza, fejn il-PSLF ikkontribwiet biex tkopri l-ħtiġijiet ta’ finanzjament li ma kinux appoġġati minn programmi oħra ta’ finanzjament tal-UE. Barra minn hekk, il-prefinanzjament immedjat li jammonta għal 70 % tal-ammont tal-għotja ffirmat jitqies ukoll bħala element attraenti għall-benefiċjarji tal-PSLF.

Barra minn hekk, numru kbir ta’ proposti ġew ippreżentati u għadhom mistennija miċ-Ċekja. Ir-raġunijiet possibbli għal din ir-rata għolja ta’ użu fiċ-Ċekja jistgħu jiġu spjegati mill-possibbiltà li jiġu ffinanzjati investimenti iżgħar permezz ta’ finanzjament intermedjat ipprovdut mill-ftehim iffirmat bejn il-BEI u l-Bank Nazzjonali Ċek għall-Iżvilupp, id-disponibbiltà ta’ assistenza teknika biex tiġi promossa l-PSLF, kif ukoll it-tħejjija ġenerali tal-pajjiż sabiex jassorbi l-finanzjament tal-JTM. Ġew ippreżentati proġetti oħra minn applikanti mill-Greċja, min-Netherlands, mill-Irlanda, mill-Polonja u mill-Iżvezja u għadhom mistennija aktar proġetti minn Stati Membri addizzjonali qabel tmiem is-sejħa għal proposti kurrenti fl-2025. L-istabbiltà tas-sejħa pluriennali li ma hijiex soġġetta għal bidliet f’daqqa qed tikkontribwixxi għall-interess dejjem akbar fil-finanzjament tal-PSLF maż-żmien.

Għat-tieni sejħa tal-PSLF, li se titnieda fil-ħarifa tal-2025, l-użu mistenni jkompli jiżdied hekk kif sorsi oħra ta’ finanzjament li joffru kundizzjonijiet aħjar suppost ikunu ġew ipprogrammati jew eżawriti aktar u l-familjarità mal-istrument tkompli tiżdied. B’mod partikolari, il-programmi tal-UE appoġġati min-NextGenerationEU jiffaċċjaw restrizzjonijiet speċifiċi relatati maż-żmien. Barra minn hekk, it-tieni sejħa tal-PSLF mhux se tibqa’ ristretta minn ishma nazzjonali, u għalhekk (i) l-Istati Membri li eżawrew jew huma mistennija li jkunu eżawrew l-ishma nazzjonali tagħhom sa tmiem l-2025 jistgħu jkomplu jagħmlu użu minnha, b’aktar żmien għall-ippjanar meta mqabbel ma’ meta tnieda l-istrument, (ii) l-Istati Membri bl-aktar ishma nazzjonali baxxi issa se jkollhom inċentiv addizzjonali biex jużawha peress li l-għotja mitluba mhux se tibqa’ limitata għall-ammont stabbilit skont l-ishma nazzjonali. Dan se jippermetti lill-PSLF taqdi aħjar lir-reġjuni li jkollhom l-ogħla domanda u proġetti maturi.

Barra minn hekk, wara kważi sentejn mill-bidu tal-implimentazzjoni tal-PSLF, ġie kkonfermat li l-komponent tal-għotja tal-PSLF huwa ta’ valur miżjud ċar għad-domanda tas-self tal-BEI (bħala alternattiva għat-trasferimenti baġitarji) minn entitajiet tas-settur pubbliku li altrimenti jkunu f’sitwazzjoni ta’ investiment subottimali, biex jappoġġaw investimenti pubbliċi importanti fir-reġjuni l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika. Il-PSLF toffri kundizzjonijiet ta’ finanzjament ġeneralment attraenti meta mqabbla ma’ strumenti normalment disponibbli fis-suq li huma ta’ rilevanza partikolari biex jingħelbu r-restrizzjonijiet ekonomiċi li rriżultaw mill-kriżi ekonomika tal-COVID-19 u l-konsegwenzi ekonomiċi li qed jinħassu bħalissa minħabba l-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.

L-effiċjenza tal-komponent tal-għotja hija appoġġata mill-multiplikatur għoli tiegħu, kif ikkalkulat mill-ewwel investimenti approvati. Il-proporzjon medju tal-investimenti totali mobilizzati u tal-għotja tal-PSLF huwa ta’ 12, li jvarja minn minimu ta’ 5,5 u jitla’ sa 21,3. Dan ifisser li EUR 1 tal-għotja tal-PSLF timmobilizza medja ta’ EUR 12-il f’investimenti fil-livell tal-benefiċjarji, inkluż is-self tal-BEI.

3.3.Azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni biex tindirizza l-isfidi

Il-Kummissjoni, bl-appoġġ tas-CINEA u tal-BEI, tkompli tqajjem kuxjenza dwar il-PSLF. L-Istati Membri kollha ġew avviċinati u ngħataw il-possibbiltà li jibbenefikaw minn sessjoni ta’ informazzjoni dedikata dwar il-PSLF, li fiha l-karatteristiċi ġenerali tal-PSLF u l-proċess ta’ applikazzjoni ġew ippreżentati mill-Kummissjoni, mis-CINEA u mill-BEI. Ġew organizzati diversi laqgħat mar-rappreżentanti tal-Istati Membri kollha.

Wara l-fażi inizjali tal-attivitajiet ta’ promozzjoni mmirati lejn l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, il-Kummissjoni ffukat fuq is-sensibilizzazzjoni fost l-applikanti potenzjali f’diversi setturi relatati mas-servizzi pubbliċi. Il-Kummissjoni indirizzat diversi assoċjazzjonijiet ibbażati fi Brussell li jirrappreżentaw istituzzjonijiet mill-Ewropa kollha attivi f’setturi bħall-kultura, it-tisħin u t-tkessiħ distrettwali, l-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni, is-saħħa, l-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni, jew l-immaniġġjar tal-iskart, u ppreżentat il-PSLF lill-membri tagħhom.

Ġiet osservata xejra pożittiva f’termini tal-għarfien tal-benefiċjarji potenzjali dwar il-PSLF. Dan huwa muri l-ewwel nett mill-użu tal-PSLF u mill-pipeline ta’ proġetti li qed jiżviluppa tagħha, iżda wkoll min-numru dejjem jikber ta’ promoturi ta’ proġetti li jikkuntattjaw lill-Kummissjoni b’mistoqsijiet speċifiċi dwar il-PSLF. Is-servizzi ta’ konsulenza mmexxija mill-BEI implimentati taħt iċ-Ċentru ta’ Konsulenza InvestEU għandhom rwol kruċjali fl-iżvilupp ta’ proġetti xierqa għall-finanzjament tal-PSLF madwar l-Unjoni. Aktar dettalji dwar dawn l-isforzi huma ppreżentati fit-taqsima li jmiss ta’ dan ir-rapport.

Barra minn hekk, l-isforzi biex tiġi ffaċilitata l-aċċessibbiltà tal-PSLF għal benefiċjarji u għal proġetti iżgħar, kif ukoll biex ikun hemm aktar self intermedjat ma’ Banek u Istituzzjonijiet Promozzjonali Nazzjonali (NPBIs, National Promotional Banks and Institutions) twettqu b’mod konġunt mill-Kummissjoni u mill-BEI billi ġew riveduti r-regoli eżistenti. L-ewwel nett, minn Settembru 2023 il-Kummissjoni, bi qbil mal-BEI, naqqset l-ammont minimu ta’ self intermedjat tnaqqas minn EUR 2 miljun għal EUR 1 miljun 21 . It-tieni, il-limitazzjoni inkluża fil-ftehim amministrattiv relatat mal-involviment tal-NPBIs fl-implimentazzjoni tal-PSLF bħala intermedjarji finanzjarji tal-BEI tneħħiet bl-emenda tal-Ftehim Amministrattiv mal-BEI f’Settembru 2024. F’konformità ma’ dawn l-isforzi, l-ewwel proġetti marbuta ma’ self intermedjat ġew sottomessi għas-sejħa għal proposti tal-PSLF fl-2024, bl-involviment tal-Bank Nazzjonali Ċek għall-Iżvilupp. Il-Kummissjoni u l-BEI kkomunikaw ukoll ma’ NPBIs oħra (eż. DE, PL, SK, NL, SI, BG, IT, FR) dwar l-involviment potenzjali tagħhom fl-implimentazzjoni tal-PSLF. Madankollu, l-istituzzjonijiet finanzjarji fir-Rumanija u fi Franza biss bħalissa qed jippjanaw li jsiru intermedjarji tal-BEI u jiffinanzjaw proġetti eliġibbli. Il-BEI u l-Kummissjoni indirizzaw ħafna banek tal-iżvilupp nazzjonali u reġjonali biex jiddiskutu l-involviment potenzjali tagħhom. Skont l-evalwazzjoni interim, ir-raġuni għall-użu batut tal-intermedjarji finanzjarji hija d-domanda baxxa għal prodott bħal dan fl-Istati Membri jew il-kundizzjonijiet tal-BEI.

Għal kull ftehim ta’ għotja ffirmat, il-Kummissjoni, f’koordinazzjoni mal-BEI, tippubblika stqarrija għall-istampa. Barra minn hekk, is-CINEA tippubblika dashboard pubbliku online li jiġbor flimkien il-programmi kollha li timmaniġġja, inkluża l-PSLF. Id-dashboard fih informazzjoni aġġornata dwar il-proġetti appoġġati f’kull programm, jagħmel kontroreferenzi għalihom u jislet data biex potenzjalment terġa’ tintuża. Aktar viżibbiltà għall-proġetti tal-PSLF hija pprovduta wkoll minn Kohesio 22 u mill-Portal tal-UE għall-Finanzjament u għall-Offerti 23 fejn jiġu ppubblikati l-iskedi tal-proġetti.

4.Assistenza Teknika

Is-servizzi ta’ Konsulenza tal-BEI huma disponibbli taħt iċ-Ċentru ta’ Konsulenza InvestEU għat-tħejjija, għall-iżvilupp u għall-implimentazzjoni ta’ proġetti eliġibbli 24 . Sal-aħħar ta’ Lulju 2025, ġiet ipprovduta assistenza konsultattiva b’appoġġ għall-PSLF lill-benefiċjarji fil-Bulgarija, f’Ċipru, fiċ-Ċekja, fil-Greċja, fi Franza, fir-Rumanija, fi Spanja u fl-Iżvezja 25 . Il-lista ta’ assenjazzjonijiet konsultattivi tista’ tinkiseb mill-Anness 4. Barra minn hekk, fl-2025 qed titnieda assenjazzjoni orizzontali madwar l-UE kollha bl-għan li titqajjem kuxjenza qabel it-tieni sejħa tal-PSLF, biex jiġi ġġenerat pipeline ta’ proġetti eliġibbli u jiġu appoġġati l-promoturi ta’ proġetti madwar l-Unjoni (ħlief il-Greċja u Ċipru li jibbenefikaw minn assenjazzjoni konsultattiva mmirata) biex jitfasslu proġetti ta’ suċċess għall-appoġġ tal-PSLF. L-iskop tal-assenjazzjoni proposta madwar l-Unjoni kollha huwa li tipprovdi qafas għat-tfassil, għall-akkwist u għat-twassil ta’ tipi differenti ta’ appoġġ konsultattiv għall-PSLF fil-livell nazzjonali u reġjonali, u b’hekk timmassimizza l-effiċjenza fl-użu tas-servizzi ta’ konsulenza matul it-3 snin li ġejjin.

L-appoġġ tas-Servizzi ta’ Konsulenza tal-BEI jiġi vvalutat u adattat skont il-ħtiġijiet speċifiċi tal-promoturi tal-proġetti individwali u kien ivarja minn gwida ġenerali fl-identifikazzjoni ta’ proġetti xierqa, appoġġ upstream fit-tħejjija ta’ programmi ta’ investiment, sa pariri dwar l-iżvilupp tal-proġetti u appoġġ għall-applikazzjonijiet għall-għotjiet tal-PSLF. Barra minn hekk, il-BEI kien involut f’attivitajiet ta’ disseminazzjoni, ta’ orjentazzjoni u ta’ skrinjar sabiex jidentifika u jappoġġa proġetti li jistgħu jibbenefikaw minn finanzjament mill-PSLF.

Abbażi ta’ din l-esperjenza inizjali u biex tiġi appoġġata l-ħtieġa li tingħata spinta lid-domanda għall-appoġġ tal-PSLF fil-futur (ara d-dettalji fit-Taqsima 5), il-BEI jipprevedi li jsir progress b’attivitajiet konsultattivi tul ħames flussi ta’ ħidma:

I.Konsulenza diretta lill-promoturi individwali, lill-mutwatarji ta’ self ta’ investiment awtonomu, permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ servizzi ta’ konsulenza fil-fażijiet ta’ tħejjija u ta’ implimentazzjoni, inkluża l-assistenza fl-applikazzjonijiet għall-għotjiet;

II.Appoġġ għall-bini tal-kapaċitajiet għal istituzzjonijiet mhux bankarji, li tipikament jaġixxu bħala aggregaturi ta’ proġetti ta’ daqs iżgħar, biex jiżviluppaw kapaċità amministrattiva u operazzjonali biex b’mod effettiv jiskrinjaw, jagħżlu, jipprijoritizzaw, jimmonitorjaw jew inkella jikkoordinaw numru ta’ sottoproġetti;

III.Appoġġ konsultattiv “indirett” lill-benefiċjarji aħħarin ta’ self intermedjat jew ta’ qafas ta’ self permezz ta’ pakketti ta’ appoġġ standardizzati mmirati biex itejbu s-solidità u l-konformità tal-proposti mal-politiki ta’ self applikabbli;

IV.Konsulenza dwar l-iżvilupp tas-suq fil-livell tal-Istati Membri biex tiġi identifikata d-domanda potenzjali għall-appoġġ tal-PSLF u jiġi stabbilit jekk il-prodotti finanzjarji disponibbli tal-PSLF humiex xierqa;

V.Skrinjar, orjentazzjoni u disseminazzjoni biex jiġi promoss l-użu tal-faċilità, jiġu identifikati u prijoritizzati proġetti xierqa u tiġi pprovduta gwida ġenerali dwar l-applikazzjonijiet għall-għotjiet tal-PSLF.

F’komplementarjetà mas-servizzi offruti mill-BEI permezz taċ-Ċentru ta’ Konsulenza InvestEU, il-Kummissjoni varat servizzi ta’ konsulenza fuq talba taċ-Ċekja, tal-Greċja u tas-Slovakkja bl-għan li żżid l-għarfien dwar il-PSLF u li jiġu identifikati u żviluppati proposti għal proġetti. Il-Kummissjoni pprovdiet l-assistenza teknika liċ-Ċekja u l-appoġġ lis-Slovakkja huwa pprovdut permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (TSI, Technical Support Instrument) 26 . Firxa wiesgħa ta’ servizzi hija pprovduta taħt iż-żewġ kuntratti, fost l-oħrajn is-sensibilizzazzjoni, il-mobilizzazzjoni ta’ benefiċjarji potenzjali fir-reġjuni tat-TJTP, kif ukoll l-iskrinjar tal-ideat tal-proġetti.

Il-Greċja qed tibbenefika minn appoġġ usa’ taħt it-TSI għall-implimentazzjoni tat-tliet pilastri tal-JTM kollha kemm huma. Barra minn hekk, il-Greċja talbet appoġġ disponibbli permezz tal-Pjattaforma għal Tranżizzjoni Ġusta (JTP, Just Transition Platform) Groundwork 27 għall-identifikazzjoni tal-proġetti u għat-tħejjija sussegwenti tal-proposti għal proġetti li għandhom jiġu ppreżentati għall-finanzjament tal-PSLF fir-reġjun tal-Peloponnese.

Il-Kummissjoni u l-BEI jipparteċipaw fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ assenjazzjonijiet konsultattivi biex jiżguraw il-komplementarjetà tagħhom ma’ attivitajiet konsultattivi oħra fl-Istati Membri benefiċjarji.

5.Il-passi li jmiss

It-tieni sejħa għal proposti se titnieda fit-tieni nofs tal-2025, f’konformità mar-Regolament PSLF. Il-ħidma preparatorja neċessarja għall-pubblikazzjoni tas-sejħa bdiet fil-bidu tal-2025. Il-Kummissjoni tipprevedi tliet skadenzi għas-sottomissjoni fl-2026 u l-aħħar skadenza għas-sottomissjoni se ssir fi Frar 2027 sabiex ikun hemm biżżejjed żmien biex il-ftehimiet ta’ għotja kollha jiġu ffirmati qabel tmiem l-2028.

Il-Kummissjoni f’koordinazzjoni mas-CINEA u mal-BEI se tkompli żżid l-għarfien dwar il-PSLF biex tiżgura li l-applikanti potenzjali jifhmu l-offerta tagħha u jkunu jistgħu japplikaw għall-appoġġ. Se jiġi organizzat Jum ta’ Informazzjoni ftit wara l-pubblikazzjoni tat-tieni sejħa.

Taħt il-mandat tiegħu taċ-Ċentru ta’ Konsulenza InvestEU, il-BEI se jkompli l-implimentazzjoni tal-PSLF permezz tal-identifikazzjoni u l-iskrinjar ta’ proġetti potenzjali, l-għoti ta’ appoġġ konsultattiv lill-promoturi ta’ proġetti u lill-awtoritajiet rilevanti, kif ukoll permezz ta’ laqgħat u avvenimenti dedikati fil-livelli tal-UE, nazzjonali u reġjonali.

6.Konklużjonijiet

Il-faċilità ta’ self għas-settur pubbliku hija strument li jfittex li jiżgura li t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima sseħħ b’mod ġust u soċjalment sostenibbli, fid-dawl tar-rwol ewlieni tas-settur pubbliku fl-indirizzar tal-fallimenti tas-suq. L-adozzjoni relattivament reċenti tat-TJTPs flimkien mar-rieżami ta’ nofs it-terminu li għaddej bħalissa tal-politika ta’ koeżjoni (inklużi t-TJTPs) jappoġġaw ir-rilevanza kontinwa tal-PSLF biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet attwali tar-reġjuni l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika.

Il-firxa kbira ta’ setturi li l-PSLF tista’ tappoġġa tagħmilha rilevanti għall-ilħuq tal-miri klimatiċi tal-Unjoni għall-2030 u tal-objettiv tan-newtralità klimatika fl-Unjoni sal-2050 filwaqt li tiżgura li ħadd u l-ebda reġjun ma jitħalla jibqa’ lura, li ġie kkonfermat mill-evalwazzjoni.

Għaddew kważi 3 snin minn meta tnediet l-ewwel sejħa għal proposti tal-PSLF u qed jiġi ppreżentat numru dejjem akbar ta’ proposti ta’ proġetti, b’aktar proġetti potenzjali li qed jitħejjew. Barra minn hekk, it-tfassil tal-PSLF, kif muri minn xi proġetti diġà approvati, jippermetti li jiġu indirizzati wkoll xi prijoritajiet ta’ politika ġodda tal-Kummissjoni l-ġdida, bħall-indirizzar tal-kriżi tal-akkomodazzjoni. Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tal-proġetti magħżula jikkontribwixxu direttament għall-għanijiet tal-Unjoni dwar il-klima u l-enerġija billi jiffrankaw l-emissjonijiet tas-CO2.

Sal-31 ta’ Lulju 2025, il-kumitat ta’ evalwazzjoni tal-PSLF għażel proposti ta’ proġetti li jirrappreżentaw ammont stmat tal-għotja ta’ madwar EUR 225 miljun. B’kollox ġew iffirmati għaxar ftehimiet ta’ għotja u bdiet l-implimentazzjoni tal-proġetti korrispondenti.

Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mas-CINEA u mal-BEI, se tkompli taħdem biex tilħaq il-potenzjal sħiħ tal-PSLF matul it-tieni sejħa, li tintemm fl-2027, billi tindirizza wkoll is-sejbiet tal-evalwazzjoni.

(1)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Il-Patt Ekoloġiku Ewropew – COM(2019)640 final, 11.12.2019 .
(2)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – il-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli-Il-Pjan ta’ Investiment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew – COM(2020) 21 final, 14.1.2020 .
(3)    L- ewwel rapport ta’ implimentazzjoni ġie ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fis-7 ta’ Frar 2023, it- tieni rapport fil-21 ta’ Novembru 2023, u t- tielet wieħed fit-30 ta’ Settembru 2024.
(4)    Skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament PSLF, “sal-31 ta’ Ottubru ta’ kull sena kalendarja, li tibda mill-2022, il-Kummissjoni għandha tħejji rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità. Dak ir-rapport għandu jipprovdi informazzjoni dwar il-livell ta’ implimentazzjoni tal-Faċilità fir-rigward tal-objettivi, il-kondizzjonijiet u l-indikaturi tal-prestazzjoni tagħha.”
(5)    Ir-Regolament (UE) 2021/1229 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2021 dwar il-faċilità ta’ self għas-settur pubbliku taħt il-mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta (ĠU L 274, 30.7.2021).
(6)    Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021).
(7)    Kif definiti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond ghal Tranżizzjoni Ġusta (ĠU L 231, 30.6.2021).
(8)    Ara l-Premessa (6) tar-Regolament PSLF.
(9)    Ara l-Artikolu 11 tar-Regolament PSLF.
(10)    L-Artikolu 18 tal-Mudell tal-Ftehim ta’ Għotja tal-JTM, disponibbli fuq il-portal Funding & tenders (europa.eu) .
(11)    L-applikanti japplikaw separatament għal self mal-BEI/intermedjarju finanzjarju; għalhekk, il-proċess ta’ applikazzjoni għal self jimxi b’mod parallel mal-applikazzjoni għall-għotja. L-iffirmar tal-ftehim ta’ għotja huwa soġġett għall-approvazzjoni tas-self. Ara aktar dettalji fid-dokument tas-sejħa għal proposti tal-PSLF: call-fiche_jtm-2022-2025-pslf_en.pdf (europa.eu)
(12)    L-ammont ma jinkludix proposti mqiegħda f’lista ta’ riżerva.
(13)    https://cinea.ec.europa.eu/funding-opportunities/calls-proposals/just-transition-mechanism-public-sector-loan-facility-call-proposals_mt
(14)    L-ammont ma jinkludix proposti mqiegħda f’lista ta’ riżerva.
(15)    Fuq talba tal-applikanti jew talli ma kisbux self mill-BEI.
(16)    L-allokazzjonijiet nazzjonali jirrappreżentaw valuri wara r-reviżjoni tal-QFP 2021-2027.
(17)     European Regional Development Fund (ERDF) (europa.eu) .
(18)     Cohesion Fund (CF) (europa.eu) .
(19)     Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (europa.eu) .
(20)    Il-baġit tal-JTF jikkonsisti f’riżorsi li ġejjin mill-QFP u mill-Istrument Ewropew għall-Irkupru jew minn “NextGenerationEU” (NGEU). Fi ħdan il-programmi adottati tal-JTF, ir-riżorsi tal-NGEU huma kkonċentrati fl-impenji baġitarji għall-2022 u għall-2023, filwaqt li r-riżorsi tal-QFP huma mifruxa bejn l-2021 u l-2027. B’riżultat ta’ dan, 70 % tal-baġit tal-JTF huwa kkonċentrat fl-ewwel żewġ segmenti annwali. Il-Kummissjoni se tiddiżimpenja l-ammonti li ma jkunux intużaw għall-prefinanzjament jew li għalihom ma tkunx ġiet ippreżentata applikazzjoni għall-pagament sal-31 ta’ Diċembru tat-tielet sena kalendarja wara s-sena tal-impenji baġitarji, l-hekk imsejħa regola “N+3”; aktar informazzjoni dwar il-JTF: Inforegio - Just Transition Fund (europa.eu) .
(21)    Ara l-emenda għas-sejħa għal proposti tal-PSLF introdotta fil-25 ta’ Settembru 2023.
(22)    Ara l- Proġetti kofinanzjati mill-UE .
(23)    Ara l- Portal tal-UE għall-Finanzjament u għall-Offerti .
(24)    Ara aktar dettalji fit-Taqsima 2.1.4 tal-ewwel rapport ta’ implimentazzjoni tal-PSLF u fit-Taqsima 2.2 tat-tieni rapport ta’ implimentazzjoni tal-PSLF.
(25)    Xi wħud mill-attivitajiet konsultattivi f’Ċipru, fil-Greċja, u fi Franza tnedew qabel ma l-PSLF kienet fis-seħħ u għalhekk ġew iffinanzjati minn sorsi oħra, bħaċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti (il-Greċja) u t-Tieqa għall-Infrastruttura Sostenibbli taċ-Ċentru ta’ Konsulenza InvestEU (Ċipru u Franza).
(26)     Technical Support Instrument (TSI) (europa.eu) .
(27)     Inforegio - Just Transition Fund (europa.eu) .