European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1124

27.5.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1124

tas-26 ta’ Mejju 2026

dwar is-sospensjoni tal-arranġamenti ta’ proċessar attiv għaz-zokkor mhux maħdum tal-kannamieli biex jinkiseb iz-zokkor abjad

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 195 u l-Artikolu 229(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 195 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistabbilixxi l-possibbiltà li l-Kummissjoni tissospendi l-arranġamenti ta’ proċessar attiv meta s-suq tal-Unjoni jkun imfixkel jew suxxettibbli li jiġi mfixkel. Il-miżura prevista minn dak l-Artikolu hi miżura ta’ applikazzjoni ġenerali, deċiża mill-Kummissjoni permezz ta’ Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni.

(2)

L-ipproċessar attiv hu proċedura doganali speċjali stabbilita fl-Artikolu 256 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li skontu l-oġġetti mhux tal-Unjoni jistgħu jintużaw mingħajr dazju u imposti fit-territorju doganali tal-Unjoni f’operazzjoni tal-ipproċessar waħda jew aktar qabel ma jiġu esportati mill-ġdid jew rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera fit-territorju doganali tal-Unjoni soġġett għad-dazji u l-imposti tal-importazzjoni applikabbli. L-operaturi tal-Unjoni jridu jitolbu awtorizzazzjoni għall-użu tal-proċedura ta’ proċessar attiv skont l-Artikolu 211(1) ta’ dak ir-Regolament.

(3)

Taħt l-ipproċessar attiv jeżistu żewġ proċeduri: l-oġġetti mhux tal-Unjoni jistgħu jiġu importati, proċessati jew eventwalment esportati mill-ġdid (IM-EX), jew inkella, l-operaturi jistgħu jitolbu awtorizzazzjoni għal esportazzjoni minn qabel ta’ prodotti proċessati miksuba minn oġġetti ekwivalenti, li jikkonsistu f’oġġetti tal-Unjoni, u wara dan, f’perjodu limitat ta’ żmien, l-oġġetti mhux tal-Unjoni sostitwiti b’oġġetti ekwivalenti, jistgħu jiġu importati fl-Unjoni mingħajr dazju u imposti u rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera fit-territorju doganali tal-Unjoni (EX-IM). Fil-każ taz-zokkor, l-Anness 71-04 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (3) jippermetti l-użu ta’ oġġetti ekwivalenti bejn iz-zokkor mhux maħdum tal-kannamieli li mhux tal-Unjoni, li jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM 1701 13 90 u 1701 14 90 , u l-pitravi taz-zokkor li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 1212 91 80 bil-kundizzjoni li jinkisbu prodotti proċessati li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 1701 99 10 (zokkor abjad).

(4)

L-importatur taz-zokkor mhux maħdum mingħajr dazju jista’ jkun operatur differenti mill-esportatur taz-zokkor raffinat u jista’ jkun ibbażat fi Stat Membru ieħor. Għalhekk, l-esportazzjoni taz-zokkor abjad jew taz-zokkor fi prodott proċessat, tista’ twassal għall-importazzjoni taz-zokkor mhux maħdum li mhux tal-Unjoni u mingħajr dazju fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn tkun seħħet l-esportazzjoni inizjali. Il-prinċipju gwida tal-ipproċessar attiv hu li l-kwantitajiet tal-oġġetti importati mingħajr dazju u imposti jkunu f’bilanċ mal-esportazzjonijiet korrispondenti tal-oġġetti proċessati li fihom ikunu inkorporati dawk l-oġġetti. Madankollu, fil-każ ta’ EX-IM fejn l-importazzjonijiet iseħħu fi Stat Membru ieħor, l-esportazzjoni taz-zokkor minn Stat Membru wieħed tista’ twassal għal żieda fid-disponibbiltà taz-zokkor f’ieħor u taffettwa l-kummerċ intra-Unjoni.

(5)

Fir-rigward tas-suq taz-zokkor tal-Unjoni kollu kemm hu, l-istatistika ta’ Eurostat dwar il-kummerċ turi li l-importazzjonijiet taħt l-ipproċessar attiv żdiedu f’dawn l-aħħar 3 snin kummerċjali. Fis-sena kummerċjali 2022/23, ġew importati 393 371 tunnellata zokkor mhux maħdum u 236 201 tunnellata zokkor abjad. Fis-sena kummerċjali 2024/25, l-importazzjonijiet taz-zokkor mhux maħdum żdiedu għal 587 472 tunnellata, filwaqt li l-importazzjonijiet taz-zokkor abjad naqsu għal 154 915, li wasslu biex l-ammont totali ta’ importazzjonijiet taz-zokkor taħt l-ipproċessar attiv ikun 742 387 tunnellata, li jikkorrispondi għal 5 % tad-domanda tas-suq tal-Unjoni.

(6)

Fl-ewwel 3 xhur tas-sena kummerċjali 2025/26, 257 405 tunnellata ta’ zokkor mhux maħdum u 61 537 tunnellata ta’ zokkor abjad ġew importati taħt l-ipproċessar attiv. Meta mqabbel mal-ewwel 3 xhur tas-sena kummerċjali 2024/25, l-użu tal-ipproċessar attiv żdied bi 43 %. Jekk l-importazzjonijiet ikomplu b’dan ir-ritmu, l-importazzjonijiet taħt l-ipproċessar attiv għas-sena kummerċjali kollha jaf eventwalment jirrappreżenta 8 % tad-domanda tal-Unjoni stmata għas-sena kummerċjali 2025/26.

(7)

L-informazzjoni li tinsab fin-notifiki tal-Istati Membri dwar il-prezzijiet taz-zokkor abjad, iż-żona kkultivata bil-pitravi taz-zokkor u l-produzzjoni taz-zokkor abjad, ippreżentata skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 (4), turi li l-perjodu riċenti ta’ prezzijiet għoljin taz-zokkor żied l-attraenza finanzjarja tal-għalla, li wasslet għal żieda fiż-żona bil-pitravi taz-zokkor bejn is-snin kummerċjali 2023/24 u 2024/25. Il-produzzjoni korrispondenzi taz-zokkor abjad żdiedet minn 15,6 miljun tunnellata fis-sena kummerċjali 2023/24 għal 16,6 miljun tunnellata fis-sena kummerċjali 2024/25. Fl-istess perjodu, id-domanda tal-Unjoni baqgħet stabbli għal 15,3 miljun tunnellata.

(8)

Iż-żieda fid-disponibbiltà, l-istaġnar fid-domanda u t-tnaqqis kbir fil-prezzijiet tas-suq dinji wasslu għal tnaqqis fil-prezz medju tal-Unjoni taz-zokkor abjad mill-bidu tas-sena 2024. L-aktar prezz medju riċenti tal-Unjoni disponibbli hu EUR 516 għal kull tunnellata f’Jannar 2025, li jfisser tnaqqis mill-ogħla livell tiegħu ta’ EUR 856 għal kull tunnellata f’Diċembru 2023.

(9)

Diversi atturi fis-suq tal-Unjoni wieġbu għall-provvista żejda billi naqqsu l-produzzjoni tal-pitravi taz-zokkor u taz-zokkor abjad fl-Unjoni. Fis-sena kummerċjali 2025/26, iż-żona għall-kultivazzjoni tal-pitravi naqset bi 12 %. Madankollu, bħala riżultat ta’ kundizzjonijiet favorevoli ta’ tkabbir, il-produzzjoni stmata tnaqqset biss bi 3 %, jiġifieri għal 16-il miljun tunnellata ta’ zokkor abjad. Meta titqies is-sitwazzjoni tas-suq dinji, parti kbira mill-produzzjoni żejda mistennija tiżdied mal-livelli diġà sinifikanti tal-istokk taz-zokkor tal-Unjoni, li skont in-notifiki tal-Istati Membri ppreżentati skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1185, kienu 2,3 miljun tunnellata fi tmiem is-sena kummerċjali 2024/25 meta mqabbla ma’ 1,5 miljun tunnellata fil-bidu tas-sena kummerċjali 2022/23.

(10)

Minbarra t-tnaqqis fiż-żona kkultivata bil-pitravi taz-zokkor, ir-rispons tas-suq kien viżibbli fl-esportazzjonijiet intensifikati taz-zokkor abjad. L-istatistika ta’ Eurostat dwar il-kummerċ għall-perjodu minn 2022/23 sa 2024/25, turi li s-suq taz-zokkor tal-Unjoni nbidel minn suq tal-importazzjonijiet netti għal wieħed tal-esportazzjonijiet netti. F’dak il-perjodu, l-esportazzjonijiet normali taz-zokkor żdiedu minn 0,6 miljun tunnellata għal 1,6 miljun tunnellata, filwaqt li l-importazzjonijiet normali naqsu minn 2,3 miljun tunnellata għal 0,6 miljun tunnellata. Dan jirrifletti l-ħtieġa mnaqqsa għaz-zokkor minn pajjiżi terzi fis-suq tal-Unjoni u l-eċċess fil-produzzjoni tal-Unjoni.

(11)

Skont l-istatistika ta’ Eurostat dwar il-kummerċ, bejn is-snin kummerċjali 2022/23 u 2024/25, l-importazzjonijiet normali u taħt l-ipproċessar attiv flimkien naqsu minn 3 miljun tunnellata għal 1,4 miljun tunnellata ta’ zokkor. Madankollu, l-importazzjonijiet taħt l-ipproċessar attiv irrappreżentaw 54 % tal-importazzjonijiet totali taz-zokkor fl-2024/25, meta mqabbla ma’ 21 % fl-2022/23. Fl-ewwel 3 xhur tas-sena kummerċjali 2025/26, is-sehem tal-importazzjonijiet taħt l-ipproċessar attiv kien 58 % tal-importazzjonijiet totali. B’konsegwenza ta’ dan, iż-żieda fl-użu tal-ipproċessar attiv biddlet dejjem aktar id-domanda għaz-zokkor li joriġina fl-Unjoni u dgħajfet l-effet tas-suq mit-tnaqqis fl-importazzjonijiet normali u miż-żieda fl-esportazzjonijiet normali.

(12)

Barra minn hekk, il-bidla minn importazzjonijiet normali taz-zokkor għal importazzjonijiet taħt l-ipproċessar attiv qed iżżid aktar il-pressjoni fuq il-prezz medju tal-Unjoni, peress li l-valur medju tal-importazzjonijiet (kost, assigurazzjoni u nol “CIF”) tal-importazzjonijiet taħt proċess attiv hu inqas mill-valur CIF medju tal-importazzjonijiet normali. Taħt l-ipproċessar attiv, l-operaturi tal-Unjoni jistgħu jimportaw zokkor mingħajr dazju u imposti minn oriġini aktar kompetittivi milli minn oriġini li għandhom aċċess preferenzjali għas-suq tal-Unjoni. B’mod partikolari, is-sehem dejjem akbar tal-importazzjonijiet taz-zokkor mhux maħdum, li fil-każ tal-proċedura ta’ proċessar attiv EX-IM jista’ jkun irfinat mill-ġdid u rilaxxat għaċ-ċirkolazzjoni libera fis-suq intern tal-Unjoni, jagħmel pressjoni fuq il-prezzijiet taz-zokkor tal-Unjoni billi jesponi aktar is-suq għall-prezzijiet baxxi tas-suq dinji u joħloq dewmien fl-irkupru tas-suq. Inaqqas ukoll l-effettività tal-arranġamenti kkalibrati bir-reqqa għall-aċċess għas-suq negozjati taħt il-ftehimiet ta’ kummerċ bilaterali u multilaterali, fejn iz-zokkor jitqies bħala prodott sensittiv, kif mitlub mill-grupp ta’ livell għoli dwar iz-zokkor fir-rapport tiegħu tal-5 ta’ Lulju 2019 (5).

(13)

Bħala eżempju, fis-sena kummerċjali 2024/25, iz-zokkor mhux maħdum tal-kannamieli li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 1701 14 90 importat taħt l-ipproċessar attiv kellu valur CIF medju ta’ EUR 469 għal kull tunnellata, meta mqabbel mal-valur CIF medju ta’ EUR 604 għal kull tunnellata għall-importazzjonijiet normali taz-zokkor mhux maħdum tal-kannamieli li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 1701 14 10 . Dawn il-prezzijiet CIF huma kkalkulati abbażi tal-valur u l-volum ta’ dawn l-importazzjonijiet skont l-istatistika ta’ Eurostat dwar il-kummerċ. Taħt l-importazzjonijiet normali, iz-zokkor mhux maħdum tal-kannamieli li jiġi importat biex jinkiseb iz-zokkor abjad jidħol taħt il-kodiċi NM 1701 14 10 , li hu soġġett għal proċedura tal-użu aħħari. Taħt il-proċedura ta’ proċessar attiv, il-kodiċi NM 1701 14 90 jintuża għaz-zokkor mhux maħdum tal-kannamieli importat biex jinkiseb iz-zokkor abjad.

(14)

Għalkemm l-importazzjonijiet taz-zokkor taħt l-ipproċessar attiv huma bilanċjati bl-esportazzjonijiet ta’ prodotti proċessati, l-użu eċċessiv tal-ipproċessar attiv, speċjalment l-importazzjoni taz-zokkor mhux maħdum tal-kannamieli biex jinkiseb iz-zokkor abjad, jibdel id-domanda għaz-zokkor li joriġina mill-Unjoni fis-suq tal-Unjoni. Dan jikkontribwixxi biex tiddgħajjef il-pożizzjoni ta’ negozjar tal-produtturi taz-zokkor tal-Unjoni, jiddewwem in-negozjar, u jżid il-probabbiltà li l-istokk jakkumula u li l-bejgħ ikun skontat. Dawn l-effetti jistgħu jbiddlu l-formazzjoni tal-prezzijiet u l-ippjanar tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni u għalhekk joħolqu tfixkil fis-suq.

(15)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li s-suq taz-zokkor tal-Unjoni hu mfixkel u suxxettibbli li jiġi mfixkel aktar mis-sehem li qed jiżdied kontinwament tal-importazzjonijiet taħt l-ipproċessar attiv, b’mod partikolari għaz-zokkor mhux maħdum tal-kannamieli użat biex jinkiseb iz-zokkor abjad li l-valur CIF tiegħu kien inqas mill-valur CIF tal-importazzjonijiet normali u ferm inqas mill-prezz medju tal-Unjoni.

(16)

Għalhekk, l-użu tal-arranġamenti ta’ proċessar attiv fis-settur taz-zokkor għaz-zokkor mhux maħdum tal-kannamieli użat biex jinkiseb iz-zokkor abjad, jenħtieġ li jkun sospiż. Meta jitqies li ż-żieda fl-importazzjonijiet taħt l-ipproċessar attiv prinċipalment tikkonċerna l-importazzjonijiet taz-zokkor mhux maħdum tal-kannamieli, li jirrappreżentaw l-akbar sehem fl-użu totali ta’ proċessar attiv u l-akbar differenza fil-prezz mal-importazzjonijiet normali, jixraq li l-użu tal-arranġamenti ta’ proċessar attiv jiġi sospiż biss parzjalment, jiġifieri biss għaz-zokkor mhux maħdum tal-kannamieli użat biex jinkiseb iz-zokkor abjad.

(17)

Għalhekk, biex jiġi evitat li s-suq jiġi mfixkel aktar, jenħtieġ li l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet ġodda għall-ipproċessar attiv ta’ zokkor mhux maħdum li jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM 1701 13 90 u 1701 14 90 użat biex jinkiseb iz-zokkor abjad u l-użu taz-zokkor bħala oġġett ekwivalenti kif deskritt fl-Anness 71-04 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446, jiġi sospiż mill-jum tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Biex tinżamm iċ-ċertezza legali u jiġi evitat it-tfixkil tal-obbligi kuntrattwali diġà fis-seħħ mill-awtorizzazzjonijiet li ngħataw diġà, jenħtieġ li jiġi previst perjodu tranżitorju ta’ 30 jum, li warajh jenħtieġ li jiġu sospiżi l-awtorizzazzjonijiet eżistenti li jagħtu d-dritt li jintuża l-ipproċessar attiv għaz-zokkor mhux maħdum tal-kannamieli jew l-użu ta’ oġġetti ekwivalenti.

(18)

Fid-dawl tal-istimi tal-produzzjoni għas-sena kummerċjali 2025/26 u l-istokkijiet akkumulati li se jiġu riportati għas-sena kummerċjali 2026/27, is-suq mistenni jibqa suxxettibbli li jiġi mfixkel mill-importazzjonijiet taħt l-ipproċessar attiv wara tmiem is-sena kummerċjali attwali 2025/26. Għalhekk, jixraq li l-arranġamenti rilevanti ta’ proċessar attiv għaz-zokkor mhux maħdum tal-kannamieli jiġu sospiżi għal perjodu ta’ 12-il xahar sas-27 ta’ Mejju 2027. Il-Kummissjoni se tirrieżamina l-impatt tas-sospensjoni fi żmien 6 xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ.

(19)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli – Għelejjel li jinħartu u Żejt taż-żebbuġa,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-użu tal-arranġamenti ta’ proċessar attiv hu sospiż fir-rigward taz-zokkor mhux maħdum tal-kannamieli li jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM 1701 13 90 u 1701 14 90 użat biex jinkisbu prodotti proċessati li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 1701 99 10 (zokkor abjad).

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għall-importazzjonijiet li jsiru taħt arranġamenti ta’ proċessar attiv waqt perjodu ta’ 30 jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, skont l-awtorizzazzjonijiet validi f’dik id-data.

Artikolu 2

Fi żmien 6 xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-impatt tas-sospensjoni prevista fl-Artikolu 1 u tieħu kwalunkwe miżura xierqa meħtieġa.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika sas-27 ta’ Mejju 2027.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Mejju 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2015/2446/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 tal-20 ta’ April 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni tal-informazzjoni u d-dokumenti u li jemendaw u jħassru diversi Regolamenti tal-Kummissjoni (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 113, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/1185/oj).

(5)   https://agriculture.ec.europa.eu/farming/crop-productions-and-plant-based-products/sugar_mt.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1124/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)