|
16.7.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 227/10 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1029
tal-15 ta’ Lulju 2020
li jistabbilixxi d-data tal-għeluq għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-ħżin privat tal-laħam tan-nagħaġ u tal-laħam tal-mogħoż skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/595
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-għajnuna għall-ħżin privat mogħtija skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/595 (2) kellha effett favorevoli fuq is-suq tal-laħam tan-nagħaġ u tal-laħam tal-mogħoż. |
|
(2) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1007 (3) issospenda l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-ħżin privat għal ħamest ijiem tax-xogħol. |
|
(3) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-għoti tal-għajnuna għall-ħżin privat tal-laħam tan-nagħaġ u tal-laħam tal-mogħoż jintemm u li tiġi ffissata data tal-għeluq għat-tressiq tal-applikazzjonijiet. |
|
(4) |
Għall-finijiet ta’ ċertezza legali, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/595 jenħtieġ li jitħassar. |
|
(5) |
Sabiex tiġi evitata l-ispekulazzjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(6) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Id-data tal-għeluq għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-ħżin privat tal-laħam tan-nagħaġ u tal-laħam tal-mogħoż skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/595 għandha tkun is-17 ta’ Lulju 2020.
Artikolu 2
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/595 jitħassar b’effett mis-17 ta’ Lulju 2020.
Madankollu, huwa għandu jibqa’ japplika għall-kuntratti li ġew konklużi skont dak ir-Regolament qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Lulju 2020.
Għall-Kummissjoni
F’isem il-President
Wolfgang BURTSCHER
Direttur Ġenerali
Id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/595 tat-30 ta’ April 2020 li jagħti għajnuna għall-ħżin privat tal-laħam tan-nagħaġ u tal-laħam tal-mogħoż u li jiffissa bil-quddiem l-ammont tal-għajnuna (ĠU L 140, 4.5.2020, p. 21).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1007 tad-9 ta’ Lulju 2020 li jissospendi t-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-ħżin privat tal-laħam tan-nagħaġ u tal-laħam tal-mogħoż skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/595 (ĠU L 223, 10.7.2020, p. 3).