SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
22 ta’ Ġunju 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-kapital – Artikolu 63 TFUE – Taxxa korporattiva – Kalkolu tal-bażi ta’ din it-taxxa – Modalitajiet ta’ kalkolu – Dividendi li ġejjin minn holdings ta’ inqas minn 10 % fil-kapital ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju residenti u mhux residenti – Inklużjoni fil-bażi tat-taxxa korporattiva – Mument tal-inklużjoni – Differenza fit-trattament – Restrizzjoni – Assenza”
Fil-Kawża C‑258/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Novembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ April 2022, fil-proċedura
Finanzamt Hannover-Nord
vs
H Lebensversicherung,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn P. G. Xuereb, President tal-Awla, T. von Danwitz u I. Ziemele (Relatriċi), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal H Lebensversicherung, minn J. Diedrich u J. Reineke, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Pethke, W. Roels u V. Uher, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE. |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn H Lebensversicherung u l-Finanzamt Hannover-Nord (l-Amministrazzjoni Fiskali ta’ Hannover-Nord, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni fiskali”) dwar il-kalkolu tal-bażi tat-taxxa korporattiva dovuta għas-sena 2001. |
Id‑dritt Ġermaniż
Il‑Liġi dwar it‑Taxxa fuq id‑Dħul
|
3 |
Skont il-punt 1 tal-Artikolu 20(1) tal-Einkommensteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul), kif emendata mill-Gesetz zur Fortentwicklung des Unternehmenssteuerrechts (il-Liġi dwar l-Iżvilupp tat-Tassazzjoni tal-Impriżi), tal‑20 ta’ Diċembru 2001 (BGBl. 2001 I, p. 3858): “(1) Jagħmlu parti mid-dħul mill-kapital:
|
Il‑Liġi dwar it‑Taxxa fuq il‑Kumpanniji
|
4 |
L-Artikolu 8b(1) u (3) tal-Körperschaftsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji), kif emendat bil-Liġi dwar l-Iżvilupp tat-Tassazzjoni tal-Impriżi (iktar ’il quddiem il-“KStG”), jipprevedi: “(1) Il-qligħ fis-sens tal-punti 1, 2, 9 u 10(a) tal-Artikolu 20(1) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul ma jittieħdux inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tad-dħul. […] […] (3) It-tnaqqis fil-profitt marbut mis-sehem imsemmi fil-paragrafu 2 ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-profitt.” |
|
5 |
Il-punt 1 tal-Artikolu 34(4) tal-KStG huwa fformulat kif ġej: “(4) L-Artikolu 8b huwa applikabbli għall-ewwel darba għal 1. qligħ fis-sens tal-punti 1 u 2 tal-Artikolu 20(1) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, li għalih ir-raba’ parti tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji, kif emendata bl-Artikolu 4 tal-Liġi tal‑14 ta’ Lulju 2000 (BGBl. 2000 I, p. 1034), ma għadhiex tapplika għall-kumpannija distributriċi”. |
|
6 |
L-Artikolu 34(7) tal-KStG, kif emendat mill-Gesetz zur Umsetzung der Protokollerklärung der Bundesregierung zur Vermittlungsempfehlung zum Steuervergünstigungsabbaugesetz (il-Liġi dwar l-Implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni tal-Gvern Federali dwar ir-Rakkomandazzjoni ta’ Konċiljazzjoni rigward il-Liġi dwar it-Tnaqqis tal-Vantaġġi Fiskali), tat‑22 ta’ Diċembru 2003 (BGBl. 2003 I, p. 2840) (iktar ’il quddiem il-“KStG fil-verżjoni l-ġdida”) jipprovdi: “(7) L-Artikolu 8b huwa applikabbli għall-ewwel darba għal: […] [tmien sentenza] L-Artikolu 8b(8) u l-ewwel sentenza tal-punt 1 tal-Artikolu 21(1) huma applikabbli: […] 2. fuq talba unika u irrevokabbli li għandha titressaq qabel it‑30 ta’ Ġunju 2004, mill-perijodi ta’ tassazzjoni 2001 sa 2003, u, fil-każ ta’ sena finanzjarja differenti mis-sena kalendarja, mill-perijodi ta’ tassazzjoni 2002 sa 2004 (perijodu ta’ retroattività). L-Artikolu 8b(8) huwa applikabbli f’dan ir-rigward fil-verżjoni li ġejja: ‘(8) Il-paragrafi 1 sa 7 japplikaw għall-holdings li, fl-impriżi tal-assigurazzjoni tal-ħajja u tal-assigurazzjoni għall-mard, jikkorrispondu għal investimenti, bil-kundizzjoni li l-qligħ, il-profitti u t-tnaqqis fil-profitti jittieħdu inkunsiderazzjoni b’rata ta’ 80 % fil-kalkolu tad-dħul. […] ’” |
Il‑Liġi dwar it‑Taxxa Korporattiva
|
7 |
Il-Gewerbesteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa Korporattiva), kif emendata bil-Liġi dwar l-Iżvilupp tat-Tassazzjoni tal-Impriżi (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-Taxxa Korporattiva”), tipprevedi, fl-Artikolu 6 tagħha, li l-bażi tat-taxxa korporattiva hija kkostitwita mill-profitt mill-operat għall-finijiet tat-taxxa korporattiva. |
|
8 |
L-Artikolu 7 tal-Liġi dwar it-Taxxa Korporattiva jipprovdi li l-profitt mill-operat għall-finijiet tat-taxxa fuq in-negozju huwa l-profitt li jirriżulta minn attività industrijali jew kummerċjali, stabbilit skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul jew tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġi ddeterminat id-dħul relatat mal-perijodu taxxabbli għall-finijiet tat-taxxa fuq il-kumpanniji li jikkorrispondi għall-perijodu taxxabbli għall-finijiet tat-taxxa korporattiva, miżjud u mnaqqas bl-ammonti msemmija fl-Artikoli 8 u 9 tal-Liġi dwar it-Taxxa Korporattiva. |
|
9 |
Skont l-Artikolu 8 tal-Liġi dwar it‑Taxxa Korporattiva: “L-ammonti li ġejjin, sakemm ikunu tnaqqsu fil-kalkolu tal-profitti, għandhom jiġu miżjuda lura mal-profitti li jirriżultaw minn attività industrijali jew kummerċjali (Artikolu 7): […] 5. l-eċċess ta’ partijiet tal-profitti (dividendi) li ma tteħidx inkunsiderazzjoni skont il-punt 40 tal-Artikolu 3 tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul jew skont l-Artikolu 8b(1) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji u d-dħul assimilat u r-remunerazzjonijiet li ġejjin minn holdings miżmuma f’kumpannija, f’assoċjazzjoni ta’ persuni jew f’korp patrimonjali fis-sens tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, sakemm dawn ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stipulati fil-punti 2a jew 7 tal-Artikolu 9, wara li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-operat li jkollhom rabta ekonomika ma’ dan id-dħul, ir-remunerazzjonijiet u s-servizzi, sa fejn dawn ma jittieħdux inkunsiderazzjoni skont l-Artikolu 3c tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul u skont l-Artikolu 8b(5) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji. […]” |
|
10 |
L-Artikolu 9 tal-Liġi dwar it‑Taxxa Korporattiva huwa fformulat kif ġej: “Is-somma tal-profitt u tar-reintegrazzjonijiet titnaqqas: […] 7. mill-profitti li ġejjin minn azzjonijiet ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju li għandha s-sede tagħha u l-korp ċentrali ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tagħha barra mit-territorju ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi, li fil-kapital azzjonarju tagħha l-impriża għandha, mill-bidu tal-perijodu taxxabbli u b’mod mhux interrott, mill-inqas 10 % (sussidjarja) […]” |
|
11 |
L-Artikolu 36(4) tal-Liġi dwar it‑Taxxa Korporattiva jipprevedi: “Il-punt 5 tal-Artikolu 8 japplika għall-ewwel darba għall-perijodu ta’ tassazzjoni 2001.” |
Il‑Liġi dwar il‑Kumpanniji ta’ Investiment
|
12 |
L-Artikolu 40(2) tal-Gesetz über Kapitalanlagegesellschaften (il-Liġi dwar il-Kumpanniji ta’ Investiment), kif emendata bil-Liġi dwar l-Iżvilupp tat-Tassazzjoni tal-Impriżi, jipprovdi: “Il-punt 40 tal-Artikolu 3 tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul kif ukoll l-Artikolu 8b(1) u l-Artikolu 37(3) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji japplikaw għad-dħul nazzjonali u barrani tal-fond komuni ta’ investiment f’titoli trasferibbli li huwa ddistribwit u għal dak li ma jintużax bl-għan ta’ distribuzzjoni jew sabiex jiġu koperti spejjeż.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
|
13 |
H Lebensversicherung hija stabbiliment irregolat mid-dritt pubbliku li huwa suġġett għat-taxxa fuq il-kumpanniji u għat-taxxa korporattiva, li topera impriża ta’ assigurazzjoni tal-ħajja. Matul il-perijodu ta’ tassazzjoni 2001, dan l-istabbiliment irċieva dividendi minn diversi kumpanniji b’kapital azzjonarju mhux residenti, li fihom huwa kellu holdings diretti ta’ inqas minn 10 % tal-kapital, kif ukoll dividendi mill-holdings tiegħu f’fondi komuni ta’ investiment f’titoli trasferibbli. Id-distribuzzjonijiet magħmula minn dawn tal-aħħar kienu ġejjin minn dividendi ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju mhux residenti li fihom dawn il-fondi kellhom holdings ta’ inqas minn 10 % tal-kapital. |
|
14 |
Permezz ta’ talba tax-xahar ta’ April 2004, H Lebensversicherung eżerċitat id-dritt ta’ għażla li jibbenefikaw minnu l-impriżi ta’ assigurazzjoni tal-ħajja u tal-assigurazzjoni għall-mard skont il-punt 2 tat-tmien sentenza tal-Artikolu 34(7) tal-KStG fil-verżjoni l-ġdida. |
|
15 |
Fil-kuntest tal-kalkolu tal-bażi tat-taxxa korporattiva ta’ H Lebensversicherung, l-amministrazzjoni fiskali kkunsidrat bħala profitt mill-operat, abbażi tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7 tal-Liġi dwar it‑Taxxa Korporattiva, il-profitt li għandu jiġi ddeterminat skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji. Minħabba l-eżerċizzju tad-dritt ta’ għażla previst fil-punt 2 tat-tmien sentenza tal-Artikolu 34(7) tal-KStG fil-verżjoni l-ġdida, mill-perijodu ta’ tassazzjoni 2001, skont l-Artikolu 8b(1) tal-KStG, 20 % tad-dividendi riċevuti mill-holdings ta’ inqas minn 10 % fil-kapital ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju mhux residenti ma kellhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-profitt suġġett għat-taxxa fuq il-kumpanniji ta’ H Lebensversicherung. Madankollu, dawn l-20 % ta’ dividendi, li ma ttiħdux inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni ta’ dan il-profitt taxxabbli, ġew reintegrati f’dan tal-aħħar mill-amministrazzjoni fiskali b’applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-punt 5 tal-Artikolu 8 tal-Liġi dwar it‑Taxxa Korporattiva. Fuq din il-bażi, din l-amministrazzjoni ddeterminat separatament it-telf trasferibbli ta’ H Lebensversicherung fil‑31 ta’ Diċembru 2001. |
|
16 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem in-Niedersächsische Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Niedersachsen, il-Ġermanja), H Lebensversicherung ikkontestat l-applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-punt 5 tal-Artikolu 8 tal-Liġi dwar it‑Taxxa Korporattiva u r-reintegrazzjoni ta’ 20 % tad-dividendi li jirriżultaw minnha, billi invokat differenza fit-trattament meta mqabbla mad-dividendi li ġejjin minn kumpanniji residenti. Fil-fatt, l-Artikolu 8b(1) tal-KStG kien għadu mhux applikabbli, matul is-sena 2001, għad-distribuzzjonijiet ta’ dividendi magħmula minn kumpanniji b’kapital azzjonarju residenti, u dan kien jeskludi, fir-rigward ta’ dawn id-dividendi msemmija l-aħħar, tali reintegrazzjoni taħt il-punt 5 tal-Artikolu 8 tal-Liġi dwar it‑Taxxa Korporattiva. Id-differenza fl-applikabbiltà ratione temporis ta’ din id-dispożizzjoni skont is-sede tal-kumpannija distributriċi tad-dividendi wasslet, skont H Lebensversicherung, għal diskriminazzjoni fis-sitwazzjonijiet li jinvolvu element barrani u tikkostitwixxi ksur tal-moviment liberu tal-kapital. |
|
17 |
Peress li din il-qorti laqgħet ir-rikors ta’ H Lebensversicherung permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2018, l-amministrazzjoni fiskali ppreżentat rikors għal reviżjoni quddiem il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju. |
|
18 |
Il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) tindika, fl-ewwel lok, li r-rikors għal reviżjoni għandu jintlaqa’ abbażi tad-dritt nazzjonali u li d-dividendi rċevuti minn H Lebensversicherung matul il-perijodu ta’ tassazzjoni 2001 fir-rigward ta’ holdings ta’ inqas minn 10 % fil-kapital ta’ kumpanniji mhux residenti għandhom ikunu kompletament suġġetti għat-taxxa korporattiva, l-istess bħad-distribuzzjonijiet tal-fondi komuni ta’ investiment f’titoli trasferibbli, sa fejn dawn kienu huma nfushom jirriżultaw minn distribuzzjonijiet li ġejjin minn holdings ta’ inqas minn 10 %. |
|
19 |
Dik il-qorti tispjega li, skont l-Artikolu 6 tal-Liġi dwar it‑Taxxa Korporattiva, il-bażi tat-taxxa korporattiva hija kkostitwita mill-profitt mill-operat għall-finijiet tat-taxxa korporattiva u li, skont l-Artikolu 7 ta’ din il-liġi, dan il-profitt huwa stabbilit skont kalkolu f’żewġ stadji. |
|
20 |
Fl-ewwel stadju ta’ dan il-kalkolu, il-profitt li jirriżulta minn attività industrijali jew kummerċjali huwa ddeterminat skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul jew tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji. Fit-tieni stadju, isiru r-reintegrazzjonijiet u t-tnaqqis, rispettivament, skont l-Artikoli 8 u 9 tal-Liġi dwar it‑Taxxa Korporattiva. |
|
21 |
B’hekk, peress li H Lebensversicherung eżerċitat id-dritt ta’ għażla, previst fil-punt 2 tat-tmien sentenza tal-Artikolu 34(7) tal-KStG fil-verżjoni l-ġdida, għandu jiġi applikat l-Artikolu 8b(1) tal-KStG għad-dividendi li H Lebensversicherung irċeviet, matul il-perijodu ta’ tassazzjoni 2001, minn kumpanniji b’kapital azzjonarju mhux residenti direttament jew indirettament, permezz ta’ holdings f’fondi ta’ investiment, b’tali mod li, fl-ewwel stadju tal-kalkolu, biss 80 % ta’ dawn id-dividendi jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-profitt li jirriżulta mill-attività industrijali jew kummerċjali. |
|
22 |
Fil-kuntest tat-tieni stadju tal-kalkolu, l-20 % tad-dividendi ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju mhux residenti li ma ttiħdux inkunsiderazzjoni fl-ewwel stadju għandhom jiġu reintegrati. Fil-fatt, skont il-punt 5 tal-Artikolu 8 tal-Liġi dwar it‑Taxxa Korporattiva, applikabbli għall-ewwel darba għall-perijodu ta’ tassazzjoni 2001, id-dividendi li ma ttiħdux inkunsiderazzjoni skont l-Artikolu 8b(1) tal-KStG jiġu reintegrati fil-profitt mill-operat li jirriżulta mill-attività kummerċjali jew industrijali, sa fejn dawn ikunu tnaqqsu waqt id-determinazzjoni ta’ dan il-profitt. Tali reintegrazzjoni għandha bħala konsegwenza li d-dividendi kollha li ġejjin minn holdings f’dawn il-kumpanniji huma suġġetti għat-taxxa korporattiva. |
|
23 |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tispeċifika li, matul il-perijodu ta’ tassazzjoni 2001, id-dispożizzjonijiet li jipprovdu li, fl-ewwel stadju tal-kalkolu tal-bażi tat-taxxa korporattiva, 20 % tad-dividendi mħallsa lil H Lebensversicherung ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni, kienu japplikaw biss għad-dividendi li ġejjin minn holdings f’kumpanniji mhux residenti. Fir-rigward tad-dividendi mħallsa minn kumpanniji b’kapital azzjonarju residenti, l-Artikolu 8b(1) tal-KStG kien applikabbli għall-ewwel darba matul il-perijodu ta’ tassazzjoni 2002. Konsegwentement, id-dividendi li ġejjin minn holdings f’kumpanniji residenti mħallsa matul il-perijodu ta’ tassazzjoni 2001 kellhom jittieħdu kompletament inkunsiderazzjoni f’dan l-ewwel stadju. Konsegwentement, fit-tieni stadju ta’ dan il-kalkolu, ma kienx hemm lok li ssir reintegrazzjoni skont il-punt 5 tal-Artikolu 8 tal-Liġi dwar it-Taxxa Korporattiva. Fil-fatt, din l-aħħar dispożizzjoni tapplika biss jekk u sa fejn id-dividendi inkwistjoni ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni skont l-Artikolu 8b(1) tal-KStG. Id-dividendi li ġejjin minn holdings f’kumpanniji residenti u mħallsa matul il-perijodu ta’ tassazzjoni 2001 kienu għalhekk, fl-aħħar mill-aħħar, kompletament suġġetti għat-taxxa korporattiva. |
|
24 |
Fit-tielet lok, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) tindika li, permezz ta’ sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2013, hija qieset, f’każ komparabbli, li l-fatt li, b’mod differenti mid-dividendi li jirriżultaw minn holdings f’kumpanniji residenti, ir-regola tar-reintegrazzjoni prevista fil-punt 5 tal-Artikolu 8 tal-Liġi dwar it-Taxxa Korporattiva kienet tapplika għall-ewwel darba għall-perijodu ta’ tassazzjoni 2001, fir-rigward tad-dividendi li ġejjin minn holdings f’kumpanniji mhux residenti, kien imur kontra l-moviment liberu tal-kapital iggarantit mid-dritt tal-Unjoni. |
|
25 |
Madankollu, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, dik il-qorti tiddubita li r-reintegrazzjoni ta’ dividendi li ġejjin minn holdings f’kumpanniji mhux residenti, intaxxata għall-perijodu ta’ tassazzjoni 2001 mill-punt 5 tal-Artikolu 8 tal-Liġi dwar it-Taxxa Korporattiva, tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital. Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għad-dividendi li ġejjin minn holdings ta’ inqas minn 10 % fil-kapital ta’ kumpanniji mhux residenti ma kellhiex bħala effett li dawn id-dividendi jiġu ttrattati fiskalment b’mod inqas favorevoli mid-dividendi li ġejjin minn holdings komparabbli f’kumpanniji residenti. Fiż-żewġ każijiet, jingħad li d-dividendi li rriżultaw minn holdings ta’ inqas minn 10 % kienu totalment inklużi fil-bażi tat-taxxa korporattiva. Ir-reintegrazzjoni ta’ dividendi li ġejjin minn holdings f’kumpanniji mhux residenti twassal sempliċement għal trattament fiskali ugwali bejn l-investimenti nazzjonali u l-investimenti transkonfinali, peress li, mingħajr l-imsemmija reintegrazzjoni, id-dividendi rċevuti matul il-perijodu ta’ tassazzjoni 2001 fir-rigward ta’ holdings ta’ inqas minn 10 % f’kumpanniji mhux residenti kienu jibbenefikaw minn trattament iktar favorevoli fil-qasam tat-taxxa korporattiva minn dawk miġbura fir-rigward ta’ holdings komparabbli f’kumpanniji residenti. Konsegwentement, ftit li xejn jidher probabbli li tali differenzi fiż-żewġ stadji tal-kalkolu tal-bażi tat-taxxa korporattiva, li ma għandhomx effett fuq l-ammont tat-taxxa, jistgħu jkunu tali li jiddisswadu lill-investituri suġġetti għal din it-taxxa milli jinvestu f’kumpanniji mhux residenti. |
|
26 |
Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tindika li hija ma għadhiex iżżomm il-pożizzjoni adottata fis-sentenza tagħha tas‑6 ta’ Marzu 2013, imsemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, li tgħid li sitwazzjoni fattwali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija komparabbli għas-sitwazzjoni fattwali li kienet inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2009, STEKO Industriemontage (C‑377/07, EU:C:2009:29). Huwa minnu li din l-aħħar sitwazzjoni kienet tirrigwarda wkoll l-applikazzjoni, għall-perijodu ta’ tassazzjoni 2001, tal-Artikolu 8b tal-KStG għad-dħul li ġej minn holdings f’kumpanniji b’kapital azzjonarju mhux residenti. Madankollu, b’mod differenti mis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fil-kawża li tat lok għal is-sentenza msemmija l-aħħar, il-holdings f’kumpanniji mhux residenti kienu suġġetti, matul il-perijodu ta’ tassazzjoni 2001, għal taxxa fuq il-kumpanniji ogħla mill-holdings korrispondenti f’kumpanniji residenti. Issa, f’dan il-każ, ir-reintegrazzjoni mwettqa skont il-punt 5 tal-Artikolu 8 tal-Liġi dwar it-Taxxa Korporattiva għall-finijiet tat-taxxa korporattiva ma tagħtix lok, b’mod definittiv, għal trattament fiskali inqas favorevoli ta’ sitwazzjonijiet li għandhom element barrani. |
|
27 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 56(1) [KE] (li sar l-Artikolu 63(1) [TFUE]) għandu jiġi intepretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li, waqt il-kalkolu tal-bażi taxxabbli tat-taxxa korporattiva ta’ kumpannija, id-dividendi li joriġinaw minn holdings ta’ inqas minn 10 % f’kumpanniji b’kapital azzjonarju barranin (‘holdings mifruxa’) għandhom jiġu inklużi mill-ġdid fil-bażi taxxabbli jekk u sa fejn dawn id-dividendi jkunu tnaqqsu mill-bażi taxxabbli fi stadju preċedenti tal-kalkolu, filwaqt li, fil-każ ta’ tali dividendi li joriġinaw minn holdings mifruxa f’kumpanniji b’kapital azzjonarju li għandhom is-sede tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat, ebda tnaqqis u, konsegwentement, ebda inklużjoni (mill-ġdid) tad-dividendi ma għandha ssir waqt il-kalkolu tal-bażi taxxabbli tat-taxxa korporattiva?” |
Fuq id‑domanda preliminari
|
28 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 63 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li, fil-kalkolu tal-bażi tat-taxxa korporattiva ta’ kumpannija, id-dividendi li ġejjin minn holdings ta’ inqas minn 10 % f’kumpanniji b’kapital azzjonarju mhux residenti għandhom jiġu reintegrati f’din il-bażi taxxabbli, jekk u sa fejn dawn id-dividendi jkunu tnaqqsu minn din tal-aħħar fi stadju preċedenti ta’ dan il-kalkolu, filwaqt li d-dividendi li ġejjin minn holdings komparabbli f’kumpanniji b’kapital azzjonarju residenti huma mill-bidu integrati fl-imsemmija bażi taxxabbli, mingħajr ma jitnaqqsu minn din tal-aħħar u, għaldaqstant, lanqas ma huma reintegrati fl-istess bażi taxxabbli. |
|
29 |
L-Artikolu 63(1) TFUE jipprojbixxi b’mod ġenerali r-restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri kif ukoll bejn l-Istati Membri u l-Istati terzi. |
|
30 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, jikkostitwixxu, b’mod partikolari, restrizzjonijiet għal-libertà ta’ moviment ta’ kapital il-miżuri li huma tali li jiddiswadu lill-persuni mhux residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew li jiddiswadu lir-residenti ta’ Stat Membru milli jinvestu fi Stati oħra (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2022, ACC Silicones, C‑572/20, EU:C:2022:469, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
Il-miżuri nazzjonali li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “restrizzjonijiet” fis-sens tal-Artikolu 63(1) TFUE jinkludu, b’mod partikolari, miżuri li jintroduċu differenza fit-trattament li, meta twassal għal trattament inqas vantaġġuż tad-dħul ta’ resident ta’ Stat Membru li joriġina minn Stat Membru ieħor, meta mqabbel mat-trattament tad-dħul li joriġina mill-ewwel Stat Membru, tista’ tiddiswadi lil tali resident milli jinvesti l-kapital tiegħu fi Stat ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö (Dħul imħallas minn UCITS), C‑480/19, EU:C:2021:334, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
32 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, matul il-perijodu ta’ tassazzjoni 2001, modalitajiet ta’ tassazzjoni differenti kienu japplikaw, fil-kalkolu tal-bażi tat-taxxa korporattiva, għad-dividendi rċevuti minn kumpanniji residenti u għad-dividendi rċevuti minn kumpanniji mhux residenti. |
|
33 |
Fil-fatt, kif tindika l-qorti tar-rinviju, matul il-perijodu ta’ tassazzjoni 2001, id-dispożizzjonijiet li jipprovdu li, fl-ewwel stadju ta’ dan il-kalkolu, 20 % tad-dividendi rċevuti ma kinux inklużi f’din il-bażi kienu japplikaw biss għad-dividendi li ġejjin minn holdings f’kumpanniji mhux residenti. Għaldaqstant, fit-tieni stadju tal-imsemmi kalkolu, kienu biss dawn id-dividendi msemmija l-aħħar li kienu koperti mill-punt 5 tal-Artikolu 8 tal-Liġi dwar it‑Taxxa Korporattiva, skont liema d-dividendi li ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni skont l-Artikolu 8b(1) tal-KStG ġew reintegrati fil-profitt mill-operat li jirriżulta mill-attività kummerċjali jew industrijali inkwistjoni, sa fejn dawn kienu tnaqqsu waqt id-determinazzjoni ta’ dan il-profitt. Dan kellu bħala konsegwenza li 20 % tad-dividendi li preċedentement kienu tnaqqsu mill-imsemmija bażi kienu ġew reintegrati fiha. |
|
34 |
Fir-rigward tad-dividendi mħallsa minn kumpanniji b’kapital azzjonarju residenti, l-Artikolu 8b(1) tal-KStG kien applikabbli għall-ewwel darba matul il-perijodu ta’ tassazzjoni 2002. Dan kien ifisser li, fil-kalkolu tal-bażi tat-taxxa korporattiva ta’ kumpannija, it-totalità ta’ dawn id-dividendi, imħallsa matul il-perijodu ta’ tassazzjoni 2001, kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sa mill-ewwel stadju ta’ dan il-kalkolu. Peress li l-Artikolu 8b(1) tal-KStG ma kienx applikabbli, ebda parti mill-imsemmija dividendi ma ġiet eskluża. Konsegwentement, fit-tieni stadju tal-imsemmi kalkolu, lanqas ma kien hemm lok li ssir reintegrazzjoni skont il-punt 5 tal-Artikolu 8 tal-Liġi dwar it-Taxxa Korporattiva, peress li din id-dispożizzjoni kienet tapplika biss jekk u sa fejn dividendi ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni skont l-Artikolu 8b(1) tal-KStG. |
|
35 |
Kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, ir-riżultat ta’ tali differenza fit-trattament fiż-żewġ stadji tal-kalkolu tal-bażi tat-taxxa korporattiva kien li kemm id-dividendi mħallsa minn kumpanniji residenti kif ukoll dawk imħallsa minn kumpanniji mhux residenti kienu kompletament inklużi f’din il-bażi ta’ taxxa u kienu suġġetti għall-istess piż fiskali. Fil-fatt, għalkemm id-dividendi mħallsa minn kumpanniji residenti kienu inklużi fl-imsemmija bażi ta’ taxxa sa mill-bidu, id-dividendi mħallsa minn kumpanniji mhux residenti kienu inklużi fl-istess bażi ta’ taxxa sa 80 %, fl-ewwel stadju ta’ dan il-kalkolu, filwaqt li l-20 % l-oħra ġew reintegrati fit-tieni stadju tal-imsemmi kalkolu, b’tali mod li kienu suġġetti 100 % għat-taxxa korporattiva għall-perijodu ta’ tassazzjoni 2001. |
|
36 |
Għaldaqstant, din id-differenza fit-trattament, fiż-żewġ stadji tal-kalkolu tal-bażi tat-taxxa korporattiva, bejn id-dividendi mqassma minn kumpanniji residenti u dawk imħallsa minn kumpanniji mhux residenti ma twassalx għal trattament żvantaġġuż tat-tieni meta mqabbla ma’ tal-ewwel, peress li d-dividendi kollha huma, fiż-żewġ każijiet, inklużi f’din il-bażi ta’ taxxa. |
|
37 |
Għall-kuntrarju, l-imsemmija differenza fit-trattament u, b’mod partikolari, ir-reintegrazzjoni ta’ 20 % tad-dividendi fil-bażi tat-taxxa korporattiva, ikkontestata minn H Lebensversicherung, huma intiżi sabiex jiggarantixxu li d-dividendi mqassma minn kumpanniji mhux residenti jiġu suġġetti għall-istess piż fiskali bħal dawk imħallsa minn kumpanniji residenti, billi jiġu kompletament inklużi f’din il-bażi ta’ taxxa. |
|
38 |
F’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija differenti minn dik li kienet inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2009, STEKO Industriemontage (C‑377/07, EU:C:2009:29), li fiha l-applikazzjoni, għad-dividendi mqassma minn kumpanniji residenti u minn kumpanniji mhux residenti, ta’ żewġ sistemi ta’ tassazzjoni differenti fir-rigward tat-taxxa fuq il-kumpanniji għall-perijodu ta’ tassazzjoni 2001 kellha l-konsegwenza li kienu biss il-kumpanniji li għandhom holdings f’kumpanniji residenti li setgħu jibbenefikaw minn vantaġġ fiskali. |
|
39 |
Fil-fatt, permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, minħabba l-applikazzjoni, għad-dividendi mqassma minn kumpanniji residenti u minn kumpanniji mhux residenti, ta’ żewġ sistemi ta’ tassazzjoni differenti skont it-taxxa fuq il-kumpanniji għall-perijodu ta’ tassazzjoni 2001, il-kumpanniji residenti li għandhom holdings li sofrew deprezzament f’kumpanniji mhux residenti kienu jinsabu, matul dan il-perijodu ta’ tassazzjoni, f’sitwazzjoni inqas vantaġġuża minn dawk li għandhom tali holdings f’kumpanniji residenti, peress li kumpannija residenti setgħet tnaqqas mid-dħul taxxabbli tagħha t-tnaqqis fil-profitti dovut għal deprezzament parzjali ta’ holdings f’kumpanniji residenti, iżda ma setgħetx tnaqqas mid-dħul taxxabbli tagħha tali tnaqqis ta’ profitti, meta dan kien relatat ma’ holdings f’kumpanniji mhux residenti. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2009, STEKO Industriemontage, C‑377/07, EU:C:2009:29, punti 25 u 26). |
|
40 |
Min-naħa l-oħra, fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif ġie rrilevat fil-punti 35 u 37 ta’ din is-sentenza, kemm id-dividendi rċevuti minn kumpanniji residenti kif ukoll dawk miġbura minn kumpanniji mhux residenti huma kompletament inklużi fil-bażi tat-taxxa korporattiva u huma suġġetti għall-istess piż fiskali. |
|
41 |
L-argument ta’ H Lebensversicherung li restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital tirriżulta mill-kumplessità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll min-natura imprevedibbli ta’ din tal-aħħar, minħabba r-riforma u l-fatt li inċertezza fir-rigward tar-riżultati ta’ investiment kienet teżisti biss fir-rigward tal-investimenti f’kumpanniji mhux residenti, ma jistax jintlaqa’. Minn naħa, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta, kif ġie rrilevat fil-punt 14 ta’ din is-sentenza, li l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni tirriżulta mill-eżerċizzju ta’ dritt minn H Lebensversicherung. Min-naħa l-oħra, l-argumenti ta’ H Lebensversicherung dwar il-kumplessità tal-imsemmija leġiżlazzjoni ma humiex tali li juru li r-regoli previsti minn din kienu impossibbli jew eċċessivament diffiċli li jiġu osservati fl-investiment f’kumpanniji mhux residenti. |
|
42 |
Fl-aħħar nett, huwa ċertament minnu li l-miżuri nazzjonali li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “restrizzjonijiet” fis-sens tal-Artikolu 63(1) TFUE jinkludu mhux biss miżuri li jistgħu jipprekludu jew jillimitaw l-akkwist ta’ ishma ta’ kumpanniji stabbiliti fi Stati oħra, iżda wkoll miżuri li jistgħu jiddisswadu ż-żamma ta’ tali holdings f’kumpanniji stabbiliti fi Stati oħra (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2009, STEKO Industriemontage, C‑377/07, EU:C:2009:29, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
43 |
F’dan ir-rigward, l-argumenti ta’ H Lebensversicherung huma intiżi sabiex juru li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għamlet iktar interessanti l-bejgħ mill-ġdid ta’ holdings f’kumpannija mhux residenti milli ż-żamma tagħhom, peress li, fil-każ ta’ bejgħ mill-ġdid ta’ dawn il-holdings, il-qligħ kapitali li jirriżulta minnhom ma kienx jiġi suġġett għat-taxxa korporattiva. Madankollu, tali argumenti ma jippermettux li jintwera żvantaġġ li d-dividendi ddistribwiti minn kumpannija mhux residenti sofrew meta mqabbla ma’ dawk imqassma minn kumpannija residenti minħabba ż-żamma ta’ tali holdings. |
|
44 |
Konsegwentement, peress li d-differenza fit-trattament magħmula mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, fl-istadji tal-kalkolu tal-bażi tat-taxxa korporattiva, bejn id-dividendi mqassma minn kumpanniji residenti u dawk imħallsa minn kumpanniji mhux residenti ma twassalx għal trattament żvantaġġuż tat-tieni meta mqabbla ma’ tal-ewwel, peress li d-dividendi kollha huma, fiż-żewġ każijiet, inklużi f’din il-bażi ta’ taxxa u suġġetti għall-istess piż fiskali, tali differenza fit-trattament ma tistax tiddisswadi lir-residenti ta’ dan l-Istat Membru milli jinvestu l-kapital tagħhom fi Stat ieħor u, għaldaqstant, ma tikkostitwixxix restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital. |
|
45 |
Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li, fil-kalkolu tal-bażi tat-taxxa korporattiva ta’ kumpannija, id-dividendi li ġejjin minn holdings ta’ inqas minn 10 % f’kumpanniji b’kapital azzjonarju mhux residenti għandhom jiġu reintegrati f’din il-bażi ta’ taxxa, jekk u sa fejn dawn id-dividendi jkunu tnaqqsu minn din tal-aħħar fi stadju preċedenti ta’ dan il-kalkolu, filwaqt li d-dividendi li ġejjin minn holdings komparabbli f’kumpanniji b’kapital azzjonarju residenti huma sa mill-bidu integrati fl-imsemmija bażi ta’ taxxa, mingħajr ma jitnaqqsu minn din tal-aħħar u, għaldaqstant, lanqas ma jiġu reintegrati fl-istess bażi ta’ taxxa. |
Fuq l‑ispejjeż
|
46 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li, fil-kalkolu tal-bażi tat-taxxa korporattiva ta’ kumpannija, id-dividendi li ġejjin minn holdings ta’ inqas minn 10 % f’kumpanniji b’kapital azzjonarju mhux residenti għandhom jiġu reintegrati f’din il-bażi ta’ taxxa, jekk u sa fejn dawn id-dividendi jkunu tnaqqsu minn din tal-aħħar fi stadju preċedenti ta’ dan il-kalkolu, filwaqt li d-dividendi li ġejjin minn holdings komparabbli f’kumpanniji b’kapital azzjonarju residenti huma sa mill-bidu integrati fl-imsemmija bażi ta’ taxxa, mingħajr ma jitnaqqsu minn din tal-aħħar u, għaldaqstant, lanqas ma jiġu reintegrati fl-istess bażi ta’ taxxa. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.