European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2780

29.10.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/2780

tad-29 ta’ Jannar 2024

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-tielet sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 33, 113, 114 u l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk (1) (“il-Protokoll”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2016/1749 (2) u daħal fis-seħħ fil-25 ta’ Settembru 2018.

(2)

Skont l-Artikolu 33(5) tal-Protokoll, il-Laqgħa tal-Partijiet (“MOP”) għandha tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex tippromwovi l-implimentazzjoni effettiva tal-Protokoll.

(3)

Fit-tielet sessjoni tagħha mit-12 sal-15 ta’ Frar 2024, il-MOP hija mistennija tadotta ċerti atti li jkollhom effetti legali. Għalhekk, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-tielet sessjoni tal-MOP, skont l-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(4)

Sabiex tippermetti t-tħejjija u r-rappreżentanza xierqa tal-pożizzjonijiet tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Unjoni tipproponi emenda għar-Regoli ta’ Proċedura tal-MOP biex titlob lis-Segretarjat iqassam id-dokumenti uffiċjali tal-laqgħat mill-inqas 120 jum qabel kull MOP.

(5)

Għall-fini tas-simplifikazzjoni tal-ħidma tal-MOP u biex isiru arranġamenti għal sessjonijiet virtwali tal-MOP, kif ukoll biex tiġi prevista l-possibbiltà li jinħatar aġent Kap tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni, jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġja wkoll l-emendi għar-Regoli ta’ Proċedura tal-MOP, li huma proposti b’dawn l-għanijiet.

(6)

Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġja t-titjib tal-proċess għall-għażla u l-ħatra tal-Kap tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni, b’mod partikolari biex tissimplifika l-proċedura għal tiġdid wieħed tal-mandat ta’ dik il-persuna appuntata, filwaqt li tirrispetta l-kriterji oġġettivi tal-prestazzjoni,

(7)

Fid-dawl tal-10 sessjoni preċedenti tal-Konferenza tal-Partijiet (COP) għall-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk , u sabiex tiġi żgurata koerenza bejn ir-Regoli ta’ Proċedura applikabbli għas-COP u l-MOP, aġġustamenti tar-Regoli ta’ Proċedura tas-COP jenħtieġ li jkunu riflessi fir-Regoli ta’ Proċedura tal-MOP,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-tielet sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk (“il-Protokoll”)_hija stabbilita fl-Anness.

Artikolu 2

Waqt laqgħat ta’ koordinazzjoni fuq il-post, ir-rappreżentanti tal-Unjoni, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, jistgħu jilħqu qbil dwar bidliet tekniċi żgħar u aġġustamenti żgħar tal-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1, fid-dawl tal-iżviluppi fit-tielet sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll, u fl-10 sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa għall-Kontroll tat-Tabakk, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Jannar 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)   ĠU L 268, 1.10.2016, p. 10.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1749 tas-17 ta’ Ġunju 2016 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk għall-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 268, 1.10.2016, p. 1).


ANNESS

Il-pożizzjoni tal-Unjoni dwar il-punti 7.6 tal-aġenda “emendi possibbli għar-regoli ta’ proċedura” u 7.7 “ħatra tal-Kap tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni”, li għandhom jiġu diskussi fit-tielet sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet (“MOP”) għall-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk (“il-Protokoll”), fil-Panama mit-12 sal-15 ta’ Frar 2024.

I.   Emendi possibbli għar-regoli ta’ proċedura tal-Laqgħa tal-Partijiet (dokument FCTC/MOP/3/13)

L-Unjoni għandha:

1.

Tappoġġja l-emendi proposti biex il-ħidma tal-MOP tiġi ssimplifikata u razzjonalizzata, bħall-aċċettazzjoni tal-approvazzjoni tar-rekords verbatim wara l-għeluq tas-sessjoni (l-Artikolu 60 tar-Regoli ta’ Proċedura) jew l-introduzzjoni tal-possibbiltà ġenerali ta’ webcasting dirett tal-punti tal-aġenda tas-sessjonijiet tal-MOP, soġġett għal approvazzjoni mill-MOP fil-bidu ta’ kull sessjoni (Artikolu 15, b ġdid).

2.

Taqbel li tiċċara, mingħajr ma temenda r-Regoli ta’ Proċedura tal-MOP, li r-rekords verbatim tal-laqgħat plenarji huma mifhuma li jinkludu files awdjo (Artikolu 60).

3.

Tappoġġja l-emenda relatata mal-arranġament għal sessjonijiet virtwali tal-MOP (Artikolu 15, c ġdid); madankollu, is-sessjonijiet virtwali ma għandhomx ikunu strettament limitati għal ċirkostanzi eċċezzjonali, u b’hekk titqies ukoll il-ħtieġa li jiġu bbilanċjati l-kostijiet ambjentali tas-sessjonijiet bil-preżenza fiżika kull meta jkun possibbli.

4.

Tappoġġja l-emenda biex tiġi definita b’mod aktar ċar il-parteċipazzjoni tal-membri tal-Bureau tal-MOP fil-ħatra tal-Kap tas-Segretarjat, kif ukoll l-emenda li tipprevedi l-possibbiltà li jinħatar aġent Kap tas-Segretarjat, meta jkun meħtieġ (l-Artikolu 24 b).

5.

Tappoġġja l-emenda relatata mal-preżenza ta’ media akkreditata f’sessjonijiet pubbliċi (Artikolu 2, paragrafu 13), peress li din l-emenda twassal għal konsistenza aħjar bejn l-Artikoli 2 u 32.

6.

Tappoġġja l-korrezzjoni tal-inkonsistenzi, inkluż it-tħassir tal-kelma “riżoluzzjoni” (Artikolu 60) u l-allinjament tad-dispożizzjonijiet dwar “organizzazzjonijiet ekonomiċi reġjonali” (Artikoli 2 u 29).

7.

Tipproponi emenda għall-Artikolu 8 li attwalment jobbliga lis-Segretarjat iqassam l-aġenda proviżorja, flimkien ma’ dokumenti oħra tal-konferenzi, lill-Partijiet mill-inqas sittin jum qabel il-jum tal-ftuħ tas-sessjoni. Dan il-perjodu għandu jiġi estiż sa 120 jum qabel il-ftuħ tas-sessjoni sabiex l-organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika u l-pajjiżi federali jkunu jistgħu jħejju u jistabbilixxu l-pożizzjonijiet tagħhom b’mod xieraq. Mill-inqas għandu jiġi żgurat perjodu ta’ 90 jum għal dokumenti tal-konferenza għal deċiżjonijiet tal-MOP li huma legalment vinkolanti fuq il-Partijiet jew li għandhom implikazzjonijiet politiċi jew legali importanti.

[pożizzjoni ta’ riżerva: L-Unjoni Ewropea tista’ taqbel ma’ kwalunkwe estensjoni tal-perjodu ta’ distribuzzjoni lil hinn minn dak attwali ta’ 60 jum qabel il-ftuħ tas-sessjoni, u mill-inqas għal dokumenti tal-konferenza għal deċiżjonijiet tal-MOP li huma legalment vinkolanti fuq il-Partijiet jew li għandhom implikazzjonijiet politiċi jew legali importanti.]

8.

Fid-dawl tal-10 sessjoni preċedenti tal-Konferenza tal-Partijiet (COP) għall-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk (WHO FCTC) u sabiex tiġi żgurata koerenza bejn ir-regoli proċedurali applikabbli għall-Konferenza tal-Partijiet u l-Laqgħa tal-Partijiet, l-aġġustamenti tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Konferenza tal-Partijiet (COP) ser jiġu riflessi mutatis mutandis fir-Regoli ta’ Proċedura (ROP) tal-Laqgħa tal-Partijiet.

II.   Ħatra tal-Kap tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni: rapport tal-Bureau (id-dokument FCTC/COP/3/14)

L-Unjoni għandha:

(1)

Tirringrazzja lill-Bureau għar-rapport, li fih rakkomandazzjonijiet konġunti tal-Bureau tal-COP u tal-Bureau tal-MOP biex jittejjeb il-proċess tal-għażla u l-ħatra tal-Kap tas-Segretarjat u l-kriterji għall-għażla tal-kandidati għall-kariga ta’ Kap tas-Segretarjat.

(2)

Tappoġġja t-titjib propost tal-proċess għall-għażla u l-ħatra tal-Kap tas-Segretarjat, stabbilit bid-deċiżjonijiet FCTC/COP8(8) u FCTC/MOP1(12), inkluż modifiki biex jiġi ssimplifikat tiġdid wieħed tal-mandat tal-Kap tas-Segretarjat għal erba’ snin oħra, dment li l-prestazzjoni tiegħu/tagħha tiġi evalwata minn qabel u vvalutata b’mod pożittiv.

(3)

Tappoġġja l-kriterji mtejba għall-għażla tal-kandidati għall-pożizzjoni tal-Kap tas-Segretarjat; madankollu, l-Unjoni għandha titlob li aspetti relatati mal-Protokoll tal-FCTC jiżdiedu mal-kriterji tal-għażla. B’mod partikolari, il-kriterji dokumentarji 1 għandhom jinkludu sfond b’saħħtu, għarfien u esperjenza sostantiva fil-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu, u l-kriterji dokumentarji 2 għandhom jinkludu esperjenza fil-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu u rabtiet b’saħħithom mal-komunità internazzjonali kontra l-frodi.

(4)

Fid-dawl tal-10 sessjoni preċedenti tal-Konferenza tal-Partijiet (COP) għall-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk (WHO FCTC) u sabiex tiġi żgurata koerenza bejn ir-regoli proċedurali applikabbli għall-Konferenza tal-Partijiet u l-Laqgħa tal-Partijiet, l-emendi tar-regoli li jirregolaw il-ħatra tal-Kap tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni kif maqbulin fil-Konferenza tal-Partijiet ser ikunu riflessi mutatis mutandis fir-regoli li jirregolaw il-ħatra tal-Kap tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni li għandhom jiġu maqbulin fil-Laqgħa tal-Partijiet.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2780/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)