SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
3 ta’ Settembru 2009 ( *1 )
“Appelli — Akkordji — Suq tal-karta saħħara — Nuqqas ta’ qbil bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata — Ksur tad-drittijiet tad-difiża — Konsegwenzi — Żnaturament tal-provi — Parteċipazzjoni fil-ksur — Tul tal-ksur — Regolament Nru 17 — Artikolu 15(2) — Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi — Prinċipju ta’ trattament ugwali — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Obbligu ta’ motivazzjoni — Tul raġonevoli tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza”
Fil-Kawżi magħquda C-322/07 P, C-327/07 P u C-338/07 P,
li għandhom bħala suġġett tliet appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentati fid-9, fil-11 u fis-16 ta’ Lulju 2007 rispettivament,
Papierfabrik August Koehler AG, stabbilita f’Oberkirch (il-Ġermanja), irrappreżentata minn I. Brinker u S. Hirsbrunner, avukati, u minn J. Schwarze, professeur,
Bolloré SA, stabbilita f’Ergue Gaberic (Franza), irrappreżentata minn C. Momège u P. Gassenbach, avukati, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
Distribuidora Vizcaína de Papeles SL, stabbilita f’Derio (Spanja), irrappreżentata minn E. Pérez Medrano u T. Díaz Utrilla, avukati,
appellanti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre u W. Mölls, bħala aġenti, assistiti minn H.-J. Freund u N. Coutrelis, avukati, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, J. Klučka (Relatur), U. Lõhmus u P. Lindh, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Settembru 2008,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ April 2009,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appelli tagħhom, Papierfabrik August Koehler AG (iktar ’il quddiem “Koehler”) (C-322/07 P), Bolloré SA (iktar ’il quddiem “Bolloré”) (C-327/07 P) u Distribuidora Vizcaína de Papeles SL, (iktar ’il quddiem “Divipa”) (C-338/07 P) qed jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-26 ta’ April 2007, Bolloré et vs Il-Kummissjoni (T-109/02, T-118/02, T-122/02, T-125/02, T-126/02, T-128/02, T-129/02, T-132/02 u T-136/02, Ġabra p. II-947, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-imsemmija Qorti ċaħdet ir-rikorsi tagħhom, ippreżentati b’mod partikolari minn Koehler, Bolloré u Divipa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/337/KE, tal-20 ta’ Diċembru 2001, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E 1/36.212 — Karta saħħara) (ĠU 2004, L 115, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej imponiet multa ta’ EUR 33.07 miljun fuq Koehler, ta’ EUR 22.68 miljun fuq Bolloré u ta’ EUR 1.75 miljun fuq Divipa. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
2 |
Il-fatti li wasslu għal din il-kawża, kif jinsabu esposti fil-punti 1 sa 13 tas-sentenza appellata, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. |
|
3 |
Fil-ħarifa tas-sena 1996, il-grupp produttur tal-karti Sappi, li l-kumpannija parent tiegħu hija Sappi Ltd (iktar ’il quddiem “Sappi”), ipprovdiet lill-Kummissjoni informazzjoni u dokumenti li tawha raġuni għalfejn tissuspetta li kien jeżisti jew eżista akkordju moħbi fuq l-iffissar tal-prezzijiet fis-settur tal-karta saħħara, li fih Sappi kienet topera bħala produttriċi. |
|
4 |
Minħabba l-informazzjoni kkomunikata minn Sappi, il-Kummissjoni wettqet xi verifiki ma’ ċertu numru ta’ produtturi tal-karta saħħara, skont l-Artikolu 14(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3). B’hekk, verifiki previsti mill-Artikolu 14(3) tar-Regolament saru fit-18 u d-19 ta’ Frar 1997 fl-uffiċċji ta’ diversi impriżi, fosthom ta’ Papeteries Mougeot SA (iktar ’il quddiem “Mougeot”), kif ukoll ta’ Sappi u ta’ impriżi oħrajn, fosthom Koehler u Arjo Wiggins Appleton plc (iktar ’il quddiem “AWA”), matul il-perijodu bejn ix-xahar ta’ Lulju u x-xahar ta’ Diċembru tas-sena 1997. |
|
5 |
Fl-1999, il-Kummissjoni bagħtet ukoll talbiet għal informazzjoni, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, lil diversi impriżi, fosthom AWA, Mougeot, Divipa, Koehler u Copigraph SA (iktar ’il quddiem “Copigraph”). Din tal-aħħar hija kumpannija sussidjarja ta’ Bolloré. F’dawn it-talbiet, l-impriżi ntalbu jagħtu indikazzjonijiet dwar id-dikjarazzjonijet tagħhom dwar żidiet fil-prezzijiet, il-volumi ta’ bejgħ tagħhom, il-klijenti tagħhom, id-dħul mill-bejgħ tagħhom u l-laqgħat tagħhom ma’ kompetituri. |
|
6 |
Fir-risposti tagħhom għal dawn it-talbiet għal informazzjoni, AWA, Copigraph u impriża oħra ammettew il-parteċipazzjoni tagħhom f’laqgħat multilaterali ta’ akkordju li saru bejn il-produtturi ta’ karta saħħara. Huma pprovdew diversi dokumenti u informazzjoni lill-Kummissjoni f’dan ir-rigward. |
|
7 |
Mougeot, min-naħa tagħha, ikkuntattjat lill-Kummissjoni fl-14 ta’ April 1999 fejn iddikjarat li kienet lesta li tikkoopera fl-investigazzjoni skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar ’il quddiem il-“ komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni”). Hija rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ akkordju li kellu bħala għan l-iffissar tal-prezzijiet tal-karta saħħara u pprovdiet informazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-istruttura tal-akkordju, u b’mod partikolari dwar il-laqgħat differenti li għalihom ir-rappreżentanti tagħha kienu preżenti. |
|
8 |
Fis-26 ta Lulju 2000, il-Kummissjoni bdiet il-proċeduri fil-kawżi li taw lok għad-deċiżjoni kkontestata u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet”) li indirizzatha lil 17-il impriża, fosthom Copigraph, Bolloré, bħala kumpannija parent ta’ Copigraph, kif ukoll AWA, Divipa, Mougeot, Koehler u Sappi. |
|
9 |
L-impriżi kollha destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ħlief tlieta minnhom, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub sabiex iwieġbu għall-oġġezzjonijiet imqajma mill-Kummissjoni. |
|
10 |
Saret seduta fit-8 u d-9 ta’ Marzu 2001 u l-Kummissjoni, fl-20 ta’ Diċembru 2001, adottat id-deċiżjoni kkontestata. |
|
11 |
Fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkonstata li ħdax-il impriża kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3), billi pparteċipaw f’numru ta’ akkordji u ta’ prattiċi miftiehma fis-settur tal-karta saħħara. |
|
12 |
Fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkonstata li AWA, Bolloré, Koehler, Sappi, u tliet impriżi oħra pparteċipaw fil-ksur mix-xahar ta’ Jannar tal-1992 sa dak ta’ Settembru tal-1995, Divipa mix-xahar ta’ Marzu tal-1992 sa dak ta’ Jannar tal-1995 u Mougeot mix-xahar ta’ Mejju tal-1992 sa dak ta’ Settembru tal-1995. |
|
13 |
Fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġi rrakkomandat lill-impriżi msemmija fl-Artikolu 1 tal-istess deċiżjoni sabiex itemmu l-ksur imsemmi f’dan l-Artikolu msemmi l-aħħar, jekk huma għadhom ma ġabuhx fi tmiem, u sabiex jibqgħu lura, fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom marbuta mal-karta saħħara, milli jikkonkludu kull ftehim jew prattika miftiehma li jista’ jkollu għan jew effett identiku jew simili għal dak tal-ksur. |
|
14 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni, ġew imposti, inter alia, il-multi li ġejjin fuq l-impriżi kkonċernati:
|
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata
|
15 |
Permezz ta’ atti separati ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza matul ix-xahar ta’ April 2002, Bolloré, AWA, Koehler, Divipa u ħames impriżi oħra ppreżentaw rikorsi kontra d-deċiżjoni kkontestata. |
|
16 |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikorsi ppreżentati b’mod partikolari minn Bolloré, Koehler u Divipa. |
It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
17 |
Koehler titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
18 |
Bolloré titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
19 |
Divipa titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
20 |
Il-Kummissjoni titlob li l-appelli jiġu miċħuda u li l-appellanti jiġu kkundannati għall-ispejjeż. |
|
21 |
Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Ġunju 2008, il-Kawżi C-322/07 P, C-327/07 P u C-338/07 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċudera orali u tas-sentenza. |
Fuq l-appelli
|
22 |
Għall-finijiet ta’ kjarezza, ċerti aggravji invokati mill-appellanti ser jiġu eżaminati separatament u oħrjan ser jiġu eżaminati flimkien. |
Fuq l-ewwel aggravju invokat minn Bolloré, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża minħabba nuqqas ta’ qbil bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata
|
23 |
Fl-ewwel istanza, Bolloré sostniet li, billi ma tathiex l-opportunità tieħu pożizzjoni, matul il-proċeduri amministrattivi, fuq l-oġġezzjoni bbażata fuq l-involviment personali u awtonomu tagħha fl-akkordju, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha. |
|
24 |
Wara li fakkret, fil-punti 66 sa 68 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza relatata mal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punt 79 tal-istess sentenza, li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mibgħuta lil Bolloré ma ppermettietx lil din tal-aħħar issir taf bl-oġġezzjoni bbażata fuq l-involviment dirett tagħha fil-ksur, u lanqas bil-fatti kkunsidrati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata insostenn ta’ din l-oġġezzjoni, b’mod li Bolloré, kif jirriżulta minn qari tar-risposta tagħha għal din id-dikjarazzjoni, ma setgħetx validament tiddefendi ruħha, fil-proċedimenti amministrattivi, fir-rigward ta’ din l-oġġezzjoni u dawn il-fatti. |
|
25 |
Il-Qorti tal-Prim’Istanza żiedet, fil-punti 80 u 81 tas-sentenza appellata, dan li ġej:
|
L-argumenti tal-partijiet
|
26 |
Fl-appell tagħha, Bolloré tikkontesta l-punti 79 sa 81 tas-sentenza appellata, billi taqsam l-aggravju tagħha f’żewġ partijiet. |
|
27 |
Għal dak li jirrigwarda l-ewwel parti, il-Qorti tal-Prim’Istanza allegatament kisret il-prinċipju fundamentali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, billi rrifjutat li tissanzjona l-konstatazzjoni li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kinitx kompluta bin-nullità tad-deċiżjoni kkontestata. Bolloré tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-qasam tal-prattiki antikompetittivi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, 89/85, 104/85, 114/85, 116/85, 117/85 u 125/85 sa 129/85, Ġabra p. I-1307; tas-16 ta’ Marzu 2000, Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, C-395/96 P u C-396/96 P, Ġabra p. I-1365; tat-2 ta’ Ottubru 2003, ARBED vs Il-Kummissjoni, C-176/99 P, Ġabra p. I-10687, kif ukoll tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Frar 1994, CB u Europay vs Il-Kummissjoni, T-39/92 u T-40/92, Ġabra p. II-49) kif ukoll fil-qasam tal-liġi dwar il-konċentrazzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni, T-310/01, Ġabra p. II-4071). |
|
28 |
Il-Kummissjoni twieġeb li l-bażi tad-deċiżjoni kkontestata kif ġiet ivvalidata mill-Qorti tal-Prim’Istanza hija, għal dak li jikkonċerna lil Bolloré, biss ir-responsabbiltà ta’ din tal-aħħar għall-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha. Bolloré setgħet tippretendi li l-imsemmija deċiżjoni tiġi annullata biss li kieku ma kinitx f’pożizzjoni li tifhem, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni timputa fil-konfront tagħha l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha. |
|
29 |
Il-Kummissjoni żżid li l-ġurisprudenza invokata minn Bolloré jew hija irrilevanti (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tal-Qorti tal-Ġustizzja Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni kif ukoll tal-Qorti tal-Prim’Istanza CB u Europay vs Il-Kummissjoni), jew turi kemm kien fondat il-mod kif il-Qorti tal-Prim’Istanza mxiet fis-sentenza appellata (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tal-Qorti tal-Ġustizzja Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni kif ukoll ARBED vs Il-Kummissjoni). |
|
30 |
Għal dak li jikkonċerna t-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha, Bolloré ssostni li l-Qorti tal-Prim’istanza kisret il-prinċipju fundamentali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, billi kkunsidrat li l-vizzju kkonstatat ma kienx affettwa l-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata. Skont Bolloré, il-ġurisprudenza li fuqha bbażat ruħha l-Qorti tal-Prim’Istanza hija irrilevanti. Minn naħa, l-ewwel sensiela ta’ sentenzi msemmija fil-punt 80 tas-sentenza appellata tikkonċerna sitwazzjoni differenti minn dik tal-każ preżenti inkwantu hawnhekk hija implikata din l-impriża. F’dawn is-sentenzi, in-nuqqas ta’ preċiżjoni kkonstatata fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kkonċernax id-determinazzjoni u l-identifikazzjoni preċiża tar-responsabbiltajiet, iżda biss l-aġir allegat. Min-naħa l-oħra, it-tieni sensiela ta’ sentenzi wkoll imsemmija fil-punt 80 hija saħansitra iktar estranja għall-kontestazzjonijiet, billi dawn is-sentenzi jikkonċernaw il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet kif ukoll il-qasam tal-għajnuna mill-Istat u, b’hekk, evalwazzjoni fuq il-mertu tal-kompatibbiltà ta’ operazzjoni fil-kuntest ta’ kontroll ex ante, filwaqt li din il-kawża tikkonċerna kontroll a posteriori tal-kwistjoni jekk proċedura kinitx regolari jew le. |
|
31 |
Bolloré tikkontesta wkoll “l-approċċ finalist” tad-drittijiet tad-difiża li, skont hi, adottat il-Qorti tal-Prim’Istanza. Skont il-liġi, l-approċċ li skontu n-nullità ta’ deċiżjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ regola proċedurali ma tiġix ordnata ħlief jekk il-ksur tar-regola inkwistjoni jkun effettivament ikkomprometta l-interessi tal-parti kkonċernata, ma japplikax għal kull ksur proċedurali, u, b’mod partikolari, tali approċċ ma japplikax għal din il-kawża. Fil-fatt, billi ma ġietx informata bl-oġġezzjonijiet allegati kontriha personalment, id-drittijiet ta’ Bolloré ġew affettwati b’mod effettiv u prattiku. |
|
32 |
Il-Kummissjoni ssostni li d-distinzjoni li għamlet Bolloré bejn il-kontroll ex ante u l-kontroll a posteriori mhijiex ċara. Il-ġurisprudenza fir-rigward tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet u tal-għajnuna mill-Istat turi pjuttost li ksur tar-regoli proċedurali ma jistax jinvalida deċiżjoni awtomatikament. Il-Qorti tal-Prim’Istanza sempliċement applikat b’mod klassiku ħafna l-ġurisprudenza Komunitarja fuq dan is-suġġett. |
|
33 |
Fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-ksur tad-drittijiet tad-difiża kellux effett fuq il-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata u, f’dan il-każ, fuq l-ammont tal-multa imposta fuq Bolloré, il-Kummissjoni ssostni li dan l-argument huwa inammissibbli billi jirriproduċi argument li diġà ntuża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u, fi kwalunkwe każ, mhuwiex fondat inkwantu ġie imputat fil-konfront ta’ din il-kumpannija l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha, jiġifieri Copigraph, u din l-imputazzjoni mhijiex ikkontestata. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
34 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura li tista’ twassal għal penali, b’mod partikolari għal multi jew għal pagamenti ta’ penalità, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju, li għandu jiġi osservat anki jekk tkun proċedura ta’ natura amministrattiva (sentenzi tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-Laroche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punt 9, u ARBED vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19). |
|
35 |
F’dan is-sens, ir-Regolament Nru 17 jipprovdi li għandha tintbagħat lill-partijiet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li għandha turi, b’mod ċar, il-fatturi essenzjali kollha li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni f’dan l-istadju tal-proċeduri. Din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tikkostitwixxi l-garanzija proċedurali li tapplika l-prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li jeżiġi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 10). |
|
36 |
Dan il-prinċipju jirrikjedi b’mod partikolari li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata mill-Kummissjoni lil impriża li fil-konfront tagħha hija għandha l-intenzjoni timponi sanzjoni għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tinkludi l-elementi essenzjali meqjsua kontriha, bħall-fatti allegati, il-kwalifika li tingħatalhom u l-provi li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha, sabiex din l-impriża tkun f’pożizzjoni li ssostni l-argumenti tagħha b’mod effikaċi fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva mressqa kontriha (ara, f’dan is-sens sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punt 26; tat-3 ta’ Lulju 1991, AKZO vs Il-Kummissjoni, C-62/86, Ġabra p. I-3359, punt 29, kif ukoll Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 135, u ARBED vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20). |
|
37 |
F’dan is-sens, tali prinċipju jeskludi li deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni timponi multa fuq impriża fir-rigward tal-kompetizzjoni mingħajr ma, qabel, ikunu ġew ikkomunikati lilha l-oġġezzjonijiet ikkunsidrati kontriha, tista’ tiġi kkunsidrata leċita. |
|
38 |
Fid-dawl tal-importanza tagħha, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tispeċifika b’mod inekwivoku l-persuna ġuridika li fuqha jistgħu jiġu imposti multi u għandha tiġi indirizzata lil din tal-aħħar (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, punti 143 u 146, kif ukoll ARBED vs Il-Kummissjoni, punt 21). |
|
39 |
Huwa importanti wkoll li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tindika f’liema kwalità impriża tkun qed tiġi akkużata bil-fatti allegati. |
|
40 |
F’dan il-każ u hekk kif irrilevat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 72 u 77 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, timputa fil-konfront ta’ Bolloré l-ksur allegat minħabba r-responsabbiltà tagħha, bħala kumpannija parent ta’ Copigraph li kienet iżżomm 100% tal-ishma tagħha fiż-żmien meta seħħ il-ksur, għall-parteċipazzjoni ta’ Copigraph fl-akkordju. Bolloré ma setgħetx tipprevedi, abbażi tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni timputa fil-konfront tagħha, fid-deċiżjoni kkontestata, il-ksur ukoll minħabba l-involviment personali u dirett tagħha fl-attivitajiet tal-akkordju. |
|
41 |
Il-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk kellha raġun tikkunsidra, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kinitx ippermettiet lil Bolloré ssir taf bl-oġġezzjoni bbażata fuq tali involviment u lanqas bil-fatti kkunsidrati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata insostenn ta’ din l-oġġezzjoni, b’mod li din l-impriża ma setgħetx tipprepara d-difiża tagħha, matul il-proċeduri amministrattivi, fuq din l-oġġezzjoni u fuq dawn il-fatti. |
|
42 |
Madankollu, fil-punti 80 u 81 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-vizzju kkonstatat jagħti lok għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata biss jekk l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni ma jistgħux jiġu stabbiliti suffiċjentement skont il-liġi abbażi ta’ provi oħrajn ikkunsidrati fid-deċiżjoni u li fir-rigward tagħhom l-impriżi kkonċernati kellhom l-okkażjoni jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom. Hija żiedet li, li kieku kellu jirriżulta, mill-eżami tal-mertu, li l-Kummissjoni, kellha raġun iżżomm lil Bolloré responsabbli għall-parteċipazzjoni tal-kumpannija sussidjarja tagħha Copigraph fl-akkordju, l-illegalità kommessa mill-Kummissjoni ma tistax tkun biżżejjed sabiex tiġġustifika l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni peress li ma setgħetx ikollha influwenza determinanti fir-rigward tal-parti operattiva tagħha. |
|
43 |
Dawn il-kunsiderazzjonijiet wasslu lill-Qorti tal-Prim’Istanza, wara l-eżami tal-mertu, sabiex tiddeċiedi, fil-punt 150 tas-sentenza appellata, li Bolloré kellha tinżamm responsabbli għall-aġir infrazzjonali tal-kumpannija sussidjarja tagħha, indipendentement mill-involviment dirett tal-kumpannija parent, u sabiex tikkonferma, skont l-istess sentenza, id-deċiżjoni kkontestata inkwantu tikkundanna lil Bolloré għall-ħlas tal-multa imposta mill-Kummissjoni, minkejja l-fatt li element essenzjali tad-drittijiet tad-difiża ta’ din il-kumpannija nkiser. |
|
44 |
Il-fatt li fid-deċiżjoni kkontestata ġiet iddikjarata r-responsabbiltà ta’ Bolloré għall-involviment tagħha bħala kumpannija parent ta’ Copigraph, minbarra l-involviment personali ta’ din il-kumpannija parent, ma jeskludix il-possibbiltà li l-imsemmija deċiżjoni hija bbażata fuq aġir li fir-rigward tiegħu Bolloré ma kinitx f’pożizzjoni li tiddefendi ruħha. |
|
45 |
Il-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk wettqet żball ta’ liġi meta ma siltet ebda konklużjoni legali mid-deċiżjoni tagħha li d-drittijiet tad-difiża ta’ Bolloré ma ġewx irrispettati. B’hekk, l-ewwel aggravju invokat minn din tal-aħħar insostenn tal-appell tagħha għandu jiġi ddikjarat fondat. |
|
46 |
Peress li l-imsemmi aggravju huwa fondat, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata inkwantu tikkonċerna lil Bolloré, mingħajr mhuwa neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra invokati minnha. |
|
47 |
B’mod konformi mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tista’ hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Dan huwa l-każ hawnhekk. |
|
48 |
Mill-punti 34 sa 46 ta’ din is-sentenza jirriżulta li r-rikors huwa fondat u li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn tikkonċerna lil Bolloré. |
Fuq l-ewwel aggravju invokat minn Divipa, dwar il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur
|
49 |
Divipa tikkontesta l-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-5 ta’ Marzu 1992 u tad-19 ta’ Ottubru 1994, dwar is-suq Spanjol, kif ukoll il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju dwar is-suq Ewropew. Hija taqsam l-aggravju tagħha dwar il-parteċipazzjoni tagħha fi tliet partijiet li għandhom jiġu analizzati waħda wara l-oħra. |
Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju ta’ Divipa, dwar il-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħa tal-5 ta’ Marzu 1992
|
50 |
Divipa ssostni, partikolarment, li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat in-nota tal-impjegat ta’ Sappi, tad-9 ta’ Marzu 1992, minħabba li ma ħaditx inkunsiderazzjoni u lanqas ma ċċitat fis-sentenza appellata parti minn din in-nota fejn hemm indikat li huwa permezz tal-klijenti u mhux direttament, li Sappi saret taf bil-prezzijiet ta’ Divipa. Fil-fehma tagħha, mhuwiex loġiku li impriża li allegatament ipparteċipat f’laqgħa tal-akkordju, li fiha ġiet diskussa l-kwistjoni tal-prezzijiet, ma tipprovdix hija stess il-prezzijiet tagħha direttament waqt dik il-laqgħa. B’hekk il-parteċipazzjoni ta’ Divipa fil-laqgħa tal-5 ta’ Marzu 1992 ma ġietx stabbilita. |
|
51 |
Il-Kummissjoni twieġeb li kull dokument għandu jiġi eżaminat flimkien mad-dokumenti l-oħra tal-proċess. Peress li l-Kummissjoni u l-Qorti tal-Prim’Istanza huma marbutin iwettqu eżami globali, l-argument li dokument partikolari ma jistax jagħti prova ta’ fatt partikolari ma jreġġix jekk jeżistu atti oħrajn fil-proċess li jistgħu jagħtu tali prova. Divipa ma tqajjimx dubji dwar il-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet ta’ AWA u ta’ Sappi jew l-interpretazzjoni tagħhom mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tenfasizza b’mod partikolari li fl-imsemmija nota, l-impjegat ta’ Sappi jafferma biss li Divipa ma kinitx żiedet il-prezzijiet tagħha u li huwa kien jaf b’dan il-fatt peress li klijent kien bagħatlu lista tal-prezzijiet. Hija ħaġa normali li impriża li ma tirrispettax il-prezzijiet miftiehma f’akkordju ma tinformax lill-parteċipanti l-oħra b’dan, iżda dan ma jfissirx li hija ma tipparteċipax fih. Barra minn hekk, huwa loġiku li l-impriżi li jipparteċipaw f’akkordju jorganizzaw follow-up tiegħu u li jikkritikaw lil dawk fosthom li ma jirrispettawx dak li jkun ġie deċiż bi ftehim. |
|
52 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala regola, sabiex teżamina l-provi li l-Qorti tal-Prim’Istanza qieset insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, ladarba dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari u l-prinċipji ġenerali tal-liġi u r-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u l-produzzjoni tal-prova jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti tal-Prim’Istanza li tista’ tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi li jkunu ġew prodotti quddiemha. Din l-evalwazzjoni għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament ta’ dawn il-provi, kwistjoni legali suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni, C-551/03 P, Ġabra p. I-3173, punt 52; tat-22 ta’ Mejju 2008, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni, C-266/06 P, punt 73, kif ukoll tat-18 ta’ Diċembru 2008, Coop de France bétail et viande et vs Il-Kummissjoni, C-101/07 P u C-110/07 P, Ġabra p. I-10193, punt 59). |
|
53 |
Żnaturament tal-fatti u tal-provi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza għandu jidher b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq General Motors vs Il-Kummissjoni, punt 54, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 74, kif ukoll Coop de France bétail et viande et vs Il-Kummissjoni, punt 60). |
|
54 |
Għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li Divipa kienet ipparteċipat fil-laqgħa tal-5 ta’ Marzu 1992, wara li kkonstatat, fil-punti 162 sa 164, 171, 192, 194 u 197 tas-sentenza appellata, dan li ġej:
[…]
[…]
[…]
[…]
|
|
55 |
Minn qari tal-imsemmija punti tas-sentenza appellata, jidher li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza saru abbażi ta’ diversi fatti u indizji, jiġifieri b’mod partikolari d-dikjarazzjonijiet ta’ AWA kif ukoll in-nota tad-9 ta’ Marzu tal-aġent ta’ Sappi, u ma jirriżultax mill-eżami tad-dokumenti li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet xi konstatazzjonijiet li kienu ineżatti sostanzjalment. |
|
56 |
Tali ineżattezza lanqas ma tista’ tiġi ddeterminata mill-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli ssemmi li l-informazzjoni li tirrigwarda l-prezzijiet applikati minn Divipa mogħtija fl-imsemmija laqgħa ma kinitx toriġina minn informazzjoni mogħtija minn din l-impriża, iżda mill-klijenti tagħha. Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 165 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan in-nuqqas mhuwiex tali li juri li sar żball ta’ interpretazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ Divipa fil-laqgħa tal-5 ta’ Marzu 1992. |
|
57 |
Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju invokat minn Divipa insostenn tal-appell tagħha għandha tiġi ddikjarata infondata. |
Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju ta’ Divipa, dwar il-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħa tad-19 ta’ Ottubru 1994
|
58 |
Divipa tindika li d-dikjarazzjonijiet ta’ Mougeot li l-Qorti tal-Prim’Istanza użat biex tiġġustifika l-allegata parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħa tad-19 ta’ Ottubru 1994 saru wara l-fatti u saru sabiex tkun tista’ tiġi invokata l-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Skont il-ġurisprudenza, id-dikjarazzjoni ta’ impriża li hija akkużata bil-parteċipazzjoni f’akkordju, li l-eżattezza tagħha hija kkontestata minn numru ta’ impriżi akkużati oħra, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur kommess minn dawn tal-aħħar mingħajr ma tiġi sostnuta minn provi oħrajn. |
|
59 |
Il-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-provi meta bbażat ruħha prinċipalment fuq il-ġurisprudenza tagħha biex tuża kontra Divipa l-parteċipazzjoni tagħha f’dik il-laqgħa, ħaġa li tikkostitwixxi ksur ċar tal-prinċipju ta’ smigħ xieraq u żball ċar fl-evalwazzjoni tal-fatti. |
|
60 |
Il-Kummissjoni twieġeb li AWA semmiet lil Divipa wkoll fost il-parteċipanti fl-akkordju fl-1994, bħala risposta għal talba għal informazzjoni. Peress li Divipa ma tikkunsidrax li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball fl-evalwazzjoni ta’ din ir-risposta, il-parti tal-aggravju li tirrigwarda l-laqgħa tad-19 ta’ Ottubru 1994 hija irrilevanti. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiġi kkritikata talli tat interpretazzjoni żbaljata tad-dikjarazzjonijiet ta’ Mougeot. Barra minn hekk, l-imsemmija Qorti ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dikjarazzjonijiet inkwistjoni saru wara l-fatti inkwistjoni f’din il-kawża. |
|
61 |
F’dan ir-rigward, lanqas ma jidher li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-fatti f’dak li jikkonċerna l-parteċipazzjoni ta’ Divipa fil-laqgħa tad-19 ta’ Ottubru 1994. |
|
62 |
Fil-fatt, bħalma ġara fil-każ tal-eżami li għamlet fir-rigward tal-laqgħa tal-5 ta’ Marzu 1992, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li Divipa kienet ipparteċipat wara li għamlet xi aċċertamenti abbażi ta’ sensiela ta’ indizji. |
|
63 |
Hija ħadet inkunsiderazzjoni, kif ġie indikat fil-punti 163, 164 u 192 tas-sentenza appellata, id-dikjarazzjonijiet ta’ AWA, li mhumiex ikkontestati minn Divipa. Barra minn hekk, ikkonstatat dan li ġej fil-punti 165 u 166 tas-sentenza appellata:
|
|
64 |
Il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet evalwazzjoni tal-fatti kollha, evalwazzjoni li ma tistax tiġi appellata, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-valur probatorju tad-diversi indizji li kienu għad-dispożizzjoni tagħha, li l-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti tistħarreġ, u ma jirriżultax li din l-evalwazzjoni hija bbażata fuq qari manifestament żbaljat tad-dokumenti ta’ prova. |
|
65 |
It-tieni parti tal-ewwel aggravju invokat minn Divipa insostenn tal-appell tagħha għandha għalhekk tiġi ddikjarata infondata. |
Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju ta’ Divipa, dwar il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju dwar is-suq Ewropew
|
66 |
Divipa ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat u skartat ċerti provi. Hija tenfasizza li hija mhix produttriċi tal-karta saħħara, li hija kienet tbigħ biss fuq is-suq nazzjonali, li hija kienet l-unika kumpannija li ma tipproduċix li ġiet akkużata bl-allegata parteċipazzjoni f’ċerti laqgħat fuq is-suq nazzjonali u li ma tappartjeni għal ebda netwerk ta’ distribuzzjoni, fi Spanja, tal-produtturi Ewropej il-kbar tal-karta saħħara. Ebda dokument ma juri li, waqt il-laqgħat li hija allegatament ħadet sehem fihom, sar riferiment għall-eżistenza ta’ pjan ta’ kollużjoni iktar wiesa’. |
|
67 |
Il-Kummissjoni twieġeb fl-ewwel lok li hija kellha turi mhux li Divipa kienet taf bl-eżistenza ta’ akkordju iktar wiesa’, iżda biss li hija “jmissha kienet taf bih”. Fit-tieni lok, din il-kumpannija ma tispeċifikax f’liema punti tal-argumentazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza din tal-aħħar żnaturat il-fatti. Fit-tielet lok, il-fatt li Divipa hija preżenti biss fis-suq nazzjonali ma jeskludix li “jmissha kienet taf” li kien hemm akkordju iktar wiesa’. Fir-raba’ lok, peress li kienu jeżistu indizji li juru li l-imsemmija kumpannija setgħet tkun informata bid-dimensjoni Ewropea tal-akkordju, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma setgħetx tinjorhom. Fl-aħħar lok, in-nota ta’ Mougeot wara l-laqgħa tad-19 ta’ Ottubru 1994 tindika li, matul din il-laqgħa, issemmew il-“volumi AEMCP [Assoċjazzjoni tal-produtturi Ewropej tal-karta saħħara] imħabbra fir-rigward ta’ Spanja”, ħaġa li turi li l-parteċipanti fil-laqgħa kienu konxji tad-dimensjoni Ewropea tal-akkordju. |
|
68 |
Hekk kif diġà ġie mfakkar fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti sabiex tikkonstata l-fatti, lanqas, bħala regola, sabiex teżamina l-provi li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat insostenn ta’ dawn il-fatt, sakemm dawn il-provi ma jkunux ġew żnaturati. |
|
69 |
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti sabiex teżamina t-tielet parti tal-ewwel aggravju invokat minn Divipa inkwantu hija intiża biex turi mhux li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-fatt, iżda biex tipprova li l-imsemmija Qorti, żbaljatament, ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċerti fatti sabiex tikkonkludi li din l-impriża ma kinitx ipparteċipat fl-akkordju fis-suq Ewropew. |
|
70 |
L-imsemmija parti għandha għalhekk tiġi respinta bħala inammissibbli. |
|
71 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel aggravju invokat minn Divipa, dwar il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, għandu jiġi miċħud. |
Fuq it-tieni aggravju invokat minn Divipa, dwar l-allegazzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha fuq sempliċi indizji
L-argumenti tal-partijiet
|
72 |
Divipa tinvoka l-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), kif ukoll ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innonċenza. Hija tindika li ma teżisti ebda prova diretta li hija kapaċi turi l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fuq il-livell Ewropew. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma rrispettatx żewġ kundizzjonijiet fundamentali f’dan ir-rigward. Fil-fatt, minn naħa, ir-rabta kawżali bejn l-indizji u l-fatti li jikkostitwixxu l-ksur mhijiex immotivata biżżejjed u, min-naħa l-oħra, meta jeżistu dubji, dawn għandhom jiġu eżaminati u jekk ma jistgħux jiġu kkjarifikati, dawn id-dubji għandhom jaħdmu favur il-persuna inkwistjoni. |
|
73 |
Il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li t-tieni aggravju invokat minn Divipa insostenn tal-appell tagħha huwa manifestament inammissibbli, peress li la l-punti kkontestati tas-sentenza appellata u lanqas l-indizji, il-preżunzjonijiet jew il-fatti inkwistjoni mhuma speċifikati. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
74 |
Billi ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet ta’ Divipa, sostnuti mill-atti ppreżentati minnha, sabiex tispjega l-portata tal-indizji li fuqhom kienet ibbażat ruħha, l-imsemmija kumpannija qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-verità, sabiex teżamina mill-ġdid l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-fatti, l-indizji u l-elementi l-oħra ppreżentati quddiemha. |
|
75 |
Hekk kif ġie mfakkar fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti sabiex tagħmel tali eżami, peress li l-evalwazzjoni tal-fatti taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Qorti tal-Prim’Istanza, sakemm dawn ma jkunux ġew żnaturati. |
|
76 |
It-tieni aggravju invokat minn Divipa insostenn tal-appell tagħha huwa għalhekk inammissibbli. |
Fuq it-tieni aggravju invokat minn Koehler, dwar it-tul tal-ksur
L-argumenti tal-partijiet
— L-argumenti ta’ Koehler
|
77 |
Koehler issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma eżaminatx il-provi b’mod suffiċjenti u li żnaturathom. Il-Qorti tal-Prim’Istanza siltet konklużjonijiet żbaljati għal dak li jirrigwarda t-tul tal-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża fil-ksur. Koehler taqsam l-aggravju tagħha f’żewġ partijiet li jinkludu diversi argumenti. |
|
78 |
Fir-rigward tal-ewwel parti tal-imsemmi aggravju, dwar l-allegati laqgħat tal-akkordju fil-kuntest tal-AEMCP qabel ix-xahar ta’ Settemrbu jew Ottubru tal-1993, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq tliet kategoriji ta’ provi, jiġifieri d-dikjarazzjonijiet ta’ Mougeot, ix-xhieda tal-impjegat ta’ Sappi u l-provi li jattestaw l-organizzazzjoni ta’ laqgħat nazzjonali jew reġjonali ta’ dan l-akkordju. |
|
79 |
Koehler tindika, l-ewwel nett, li l-ittra ta’ Mougeot tal-14 ta’ April 1999 ma fiha ebda ammissjoni dwar il-laqgħat tal-akkordju għall-perijodu ta’ qabel ix-xahar ta’ Ottubru 1993. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat, fil-punt 279 tas-sentenza appellata, li ma ġiex ippruvat li l-akkordji kollużivi fuq il-prezzijiet kienu ġew konklużi sa minn Jannar tal-1992, u għaldaqstant qabel ix-xahar ta’ Ottubru 1993. L-argumenti tal-Qorti tal-Prim’Istanza rigwardanti l-allegati akkordji fuq il-prezzijiet fil-kuntest tal-laqgħat uffiċjali tal-AEMCP qabel ix-xahar ta’ Ottubru 1993 huma insuffiċjenti u huma kontradittorji fil-motivazzjoni tagħhom, u b’hekk jikkostitwixxu żball ta’ liġi. Il-Qorti tal-Prim’Istanza lanqas ma rrispettat il-preżunzjoni tal-innoċenza meta fid-dikjarazzjonijiet ta’ Mougeot ippruvat tara ammissjoni ta’ ksur għall-perijodu ta’ qabel ix-xahar ta’ Ottubru 1993. |
|
80 |
Koehler issostni mbagħad li, fir-rigward tal-impjegat ta’ Sappi, ix-xhieda tiegħu ma tgħid xejn fuq il-perijodu li fih seħħew il-laqgħat tal-akkordju. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tikkunsidra legalment li, bil-fatt li ma pproduċiex “indikazzjoni li turi l-kuntrarju”, dan l-impjegat ried jikkonferma impliċitament li l-ksur beda qabel ix-xahar ta’ Settembru 1993. Il-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk żnaturat il-kontenut tax-xhieda ta’ dan l-impjegat. Dan jikser id-dritt għal smigħ xieraq, protett mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB kif ukoll mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea pproklamata f’Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU C 364, p. 1). |
|
81 |
Finalment, Koehler issostni li ma jistgħux jitwemmnu d-dikjarazzjonijiet ta’ xhud tal-prosekuzzjoni pentit ħlief jekk dawn ikunu kkorroborati bi provi oħra. F’din il-kawża, ma teżisti ebda prova li tikkonferma dawn id-dikjarazzjonijiet. |
|
82 |
Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni aggravju ta’ Koehler, dwar il-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat nazzjonali jew reġjonali tal-akkordju qabel ix-xahar ta’ Ottubru tal-1993, il-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-provi li suppost urew din il-parteċipazzjoni. |
|
83 |
Fir-rigward tal-laqgħa tas-17 ta’ Frar 1992 dwar is-suq Spanjol, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kellhiex tikkonkludi li Koehler kienet ipparteċipat f’din il-laqgħa, inkwantu l-impjegat ta’ Sappi, fin-nota tiegħu tas-17 ta’ Frar 1992, jagħmel biss riferiment għal-laqgħa tal-“partijiet interessati”, mingħajr ma jsemmi l-isem ta’ dawn il-partijiet. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tispjegax b’mod preċiż ir-raġunijiet għalfejn Koehler tqieset li pparteċipat fl-akkordju. |
|
84 |
Għal dak li jirrigwarda l-laqgħa tal-5 ta’ Marzu 1992 dwar is-suq Spanjol, il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha b’mod partikolari fuq l-osservazzjonijiet ta’ AWA b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kontra din l-impriża sabiex tikkonkludi li Koehler kienet ipparteċipat f’din il-laqgħa. Dawn l-osservazzjonijiet ma ġewx ikkomunikati lil din tal-aħħar u b’hekk il-Qorti tal-Prim’Istanza ppreġudikat id-drittijiet tad-difiża ta’ din l-impriża. |
|
85 |
Dwar il-laqgħat li nżammu matul ir-rebbiegħa tas-snin 1992 u 1993 dwar is-suq Franċiż, ma teżisti ebda prova li wieħed mill-impjegati tagħha mar Pariġi biex jipparteċipa f’laqgħa tal-akkordju fir-rebbiegħa tas-sena 1993. L-argumenti tal-Qorti tal-Prim’Istanza f’dan ir-rigward tant huma vagi li ma jistgħux jissodisfaw l-obbligu ta’ motivazzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza imkien ma tikkonstata li Koehler ipparteċipat f’laqgħa li tirrigwarda s-suq Franċiż fir-rebbiegħa tas-sena 1992. |
|
86 |
Fir-rigward tal-laqgħa tas-16 ta’ Lulju 1992 rigwardanti s-suq Spanjol, ma rriżultax li Koehler kienet ipparteċipat fl-istess laqgħa, u dan b’kuntrast ma’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza, peress li AWA, b’mod partikolari, ma rrikonoxxietx espressament tali parteċipazzjoni. |
— Ir-risposta tal-Kummissjoni
|
87 |
Il-Kummissjoni tikkunsidra li Koehler mhijiex qed tinvoka żnaturament tal-provi, iżda qed tipprova tikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza. B’hekk, l-aggravju huwa inammissibbli. |
|
88 |
Fir-rigward tal-ewwel parti tal-aggravju, dwar il-laqgħat tal-akkordju fil-kuntest tal-AEMCP qabel ix-xahar ta’ Ottubru tal-1993, il-kwistjoni jekk il-kontenut tal-ittra ta’ Mougeot huwiex ċar jew ambigwu hija kwistjoni ta’ interpretazzjoni u evalwazzjoni tal-provi, li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Din tal-aħħar ma affermatx li Mougeot irrikonoxxiet ksur fil-perijodu ta’ qabel l-1 ta’ Ottubru 1993. |
|
89 |
Barra minn hekk, is-sentenza appellata ma fiha ebda kontradizzjoni u mhijiex ivvizzjata minn insuffiċjenza ta’ motivi. Fil-punt 279 tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma qalitx li “ma ġiex ippruvat” li l-akkordji kollużivi fuq il-prezzijiet ġew konklużi sa mix-xahar ta’ Jannar tal-1992 fil-kuntest tal-laqgħat tal-AEMCP, iżda spjegat biss li d-dikjarazzjonijiet ta’ Sappi mhumiex biżżejjed, waħedhom, sabiex jiġi ddeterminat il-mument eżatt li minnu l-imsemmija laqgħat jistgħu jiġu kkunsidrati bħala laqgħat tal-akkordju. Il-punt 308 tal-istess sentenza huwa bbażat fuq diversi provi li l-maġġoranza tagħhom mhijiex ikkontestata minn Koehler u l-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma indikatx liema huma l-laqgħat li servew bħala qafas għal akkordji kollużivi fuq il-prezzijiet fuq il-livell Ewropew ma jrendix il-motivazzjoni tagħha insuffiċjenti. Barra minn hekk, sa fejn din l-impriża pparteċipat fil-laqgħat kollha tal-AEMCP li nżammu matul il-perijodu inkwistjoni, huwa irrilevanti fil-każ tagħha li jsir magħruf matul liema laqgħat preċiżi feġġet in-natura kollużiva tas-sistema. |
|
90 |
Skont il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet inkunsiderazzjoni kif suppost il-preżunzjoni tal-innoċenza, peress li eżaminat jekk l-aġir allegat setax jistrieħ fuq prova waħda biss jew jekk din il-prova kinitx tikkostitwixxi biss indizju li kellu jiġi kkompletat u kkonfermat minn indizji oħrajn. |
|
91 |
Għal dak li jirrigwarda d-dikjarazzjonijiet tal-impjegat ta’ Sappi, il-Kummissjoni tikkontesta li dawn ġew żnaturati. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat fil-punt 270 tas-sentenza appellata, li dan l-impjegat ma jagħti ebda indikazzjoni taż-żmien li għalih jirreferu d-dikjarazzjonijiet tiegħu u, jekk din il-Qorti kkonkludiet li dawn id-dikjarazzjonijiet ikopru l-perijodi li ġew qabel u wara x-xahar ta’ Ottubru tal-1993, dan kien riżultat ta’ evalwazzjoni tal-provi li taqa’ taħt il-kompetenza tagħha. Id-dikjarazzjonijiet ta’ Sappi huma barra minn hekk ikkorroborati minn provi oħrajn, elenkati fil-punti 261 sa 307 tal-imsemmija sentenza. |
|
92 |
Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni aggravju ta’ Koehler, dwar il-laqgħat nazzjonali jew reġjonali tal-akkordju qabel ix-xahar ta’ Ottubru tal-1993, il-Kummissjoni tikkunsidra qabel kollox li l-argumenti ta’ din l-impriża ma jreġġux jekk l-argumenti invokati minn din tal-aħħar fir-rigward tal-laqgħat tal-AEMCP jiġu miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-konstatazzjonijiet f’dan ir-rigward huma biżżejjed sabiex il-ksur jiġi imputat kontra l-impriżi kkonċernati għall-perijodu inkwistjoni. Barra minn hekk, peress li Koehler ma tikkontestax il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha f’laqgħat oħrajn tal-akkordju, jiġifieri dawk tal-14 ta’ Jannar 1993 dwar is-suq Britanniku u dak Irlandiż kif ukoll tat-30 ta’ Settemrbu 1993 dwar is-suq Spanjol, il-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża f’dan l-akkordju mix-xahar ta’ Jannar tal-1993 ġiet stabbilita. Fl-aħħar nett, l-argument ta’ Koehler huwa inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat. |
|
93 |
Għal dak li jirrigwarda l-laqgħa tas-17 ta’ Frar 1992, il-Kummissjoni tirreferi għall-punt 321 tas-sentenza appellata sabiex tinnega kwalunkwe żnaturament tal-provi u ssostni li dan il-punt jissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward. |
|
94 |
F’dak li jirrigwarda l-laqgħa tal-5 ta’ Marzu 1992, il-Kummissjoni tenfasizza b’mod partikolari li Koehler ma kkontestatx il-punt 284 tas-sentenza appellata u żżid li r-riferiment, li sar f’dan il-punt, għad-dikjarazzjonijiet ta’ AWA sar biss b’mod addizzjonali. Il-Qorti tal-Prim’Istanza rrikorriet għal din ir-risposta biss fit-tieni lok. Il-Kummissjoni tistrieħ fuq il-punt 323 tal-istess sentenza f’dan ir-rigward. |
|
95 |
Għal dak li jirrigwarda l-laqgħat li seħħew fir-rebbiegħa tas-snin 1992 u 1993, il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li, fil-punti 285 sa 293 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza stabbiliet li seħħew laqgħat bejn kompetituri matul dawn il-perijodi kif ukoll l-għan antikompetittiv ta’ dawn il-laqgħat, mingħajr ma dan ġie kkontestat fil-kuntest ta’ dan l-appell. |
|
96 |
Għal dak li jirrigwarda l-laqgħa tas-16 ta’ Lulju 1992, il-Kummissjoni tenfasizza li fil-punt 332 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ B. G. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjonijiet ta’ AWA biss bħala konferma. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għall-punti 333 sa 335 tal-imsemmija sentenza. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
— Fuq il-laqgħat tal-akkordju, fil-kuntest tal-AEMCP, matul il-perijodu ta’ qabel ix-xahar ta’ Settembru jew Ottubru tal-1993
|
97 |
Fil-punti 261 sa 280 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza analizzat il-motivi invokati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, fosthom Koehler, dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-AEMCP qabel ix-xahar ta’ Settembru jew Ottubru tas-sena 1993. |
|
98 |
Minn dawn il-punti jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza vvalidat il-konstatazzjonijiet li l-Kummissjoni kienet għamlet abbażi ta’ sensiela ta’ indizji kkostitwiti minn diversi xhieda u dikjarazzjonijiet, fosthom in-nota tal-impjegat ta’ Sappi tad-9 ta’ Marzu 1992 kif ukoll id-dikjarazzjonijiet ta’ AWA u ta’ Mougeot li jinsabu fil-proċess. |
|
99 |
Billi għamlet hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet evalwazzjoni li ma tistax tiġi appellata ta’ dawn l-indizji u siltet xi konklużjonijiet minnhom li l-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti tistħarriġhom. |
|
100 |
Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tieni aggravju invokat minn Koehler għandha tiġi ddikjarata bħala parzjalment infondata u parzjalment inammissibbli. |
— Fuq il-laqgħat nazzjonali jew reġjonali tal-akkordju qabel ix-xahar ta’ Ottubru tal-1993
|
101 |
Fir-rigward tal-laqgħa tas-17 ta’ Frar 1992, minn naħa, ma jirriżultax mill-punt 321 tas-sentenza appellata li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha mill-Artikolu 36 u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara sentenza tat-2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni, C-431/07 P, Ġabra p. I-2665), punt 42). Fil-fatt, l-imsemmija Qorti tirrileva f’dak il-punt li, sabiex tikkonstata li Koehler kienet ipparteċipat f’din il-laqgħa, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq in-nota interna ta’ Sappi tal-istess data, li ssemmi laqgħa tal-“partijiet interessati” u li din l-indikazzjoni, ikkunsidrata flimkien ma’ dawk, li jinsabu f’din l-istess nota, rigward l-inċertezzi mnissla mill-aġir ta’ Koehler b’mod partikolari fuq is-suq Spanjol, tawtorizza lill-Kummissjoni tikkonstata li din l-impriża kienet fost il-“partijiet interessati” li ħadu sehem f’din il-laqgħa, intiża sabiex teżamina l-problemi marbuta man-nuqqas ta’ osservanza minnha, kif ukoll minn impriża oħra, tal-akkordju li kienet parti fih, kif jirriżulta min-nota ta’ Sappi tad-9 ta’ Marzu 1992. Il-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk tispjega b’mod ċar biżżejjed ir-raġunament li l-Kummisjoni segwiet sabiex tiddeduċi mill-indizji differenti li hija kellha li Koehler ipparteċipat fil-laqgħa tas-17 ta’ Frar 1992. |
|
102 |
Min-naħa l-oħra, lanqas ma jirriżulta mill-istess punt 321 li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat bi kwalunkwe mod il-fatti. Tali żnaturament ma jirriżultax b’mod manifest u l-evalwazzjoni tal-fatti kif ukoll tal-indizji differenti li kellha quddiemha l-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li Koehler kienet ipparteċipat fil-laqgħa tas-17 ta’ Frar 1992 taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti sabiex teżamina tali evalwazzjoni. |
|
103 |
Għaldaqstant, l-argument invokat f’dan ir-rigward minn Koehler għandu jiġi respint bħala parzjlament infondat u parzjalment inammissibbli. |
|
104 |
Fir-rigward tal-laqgħa tal-5 ta’ Marzu 1992, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk jitqies li l-argument ta’ Koehler ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża huwa fondat, għar-raġuni li, sabiex tikkonkludi li din l-impriża pparteċipat f’din il-laqgħa, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 324 tas-sentenza appellata bbażat ruħha fuq l-osservazzjonijiet ta’ AWA bħala risposta għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, filwaqt li Koehler ma kinitx taf b’dawn l-osservazzjonijiet, dan l-argument waħdu ma jippermettix li tiġi kkonstatata l-parteċipazzjoni ta’ Koehler fil-ksur matul il-perijodu bejn ix-xahar ta’ Jannar tal-1992 u dak ta’ Settembru tal-1995, hekk kif jippreċiża t-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li Koehler ma kinitx f’pożizzjoni li tikkontesta l-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħa tas-17 ta’ Frar 1992, kif jirriżulta mill-punti 101 u 102 ta’ din is-sentenza. |
|
105 |
Għaldaqstant, l-argument invokat minn Koehler għandu jiġi respint bħala irrilevanti. |
|
106 |
Fir-rigward tal-laqgħat li nżammu fir-rebbiegħa tas-snin 1992 u 1993 dwar is-suq Franċiż kif ukoll tal-laqgħa tas-16 ta’ Lulju 1992, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 285 sa 293 u 332 sa 334 rispettivament tas-sentenza appellata, tfakkar id-diversi fatti u indizji li l-Kummissjoni użat sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni fl-imsemmija laqgħat tal-impriżi kkonċernati, fosthom Koehler. Ma jirriżultax minn dan li l-Qorti tal-Prim’Istanza b’xi mod żnaturat il-fatti. |
|
107 |
L-argument invokat minn Koehler f’dan ir-rigward b’hekk għandu jiġi respint bħala infondat u, konsegwentement, it-tieni aggravju tal-appell ta’ din tal-aħħar ma jistax jintlaqa’. |
Fuq l-ewwel aggravju invokat minn Koehler u t-tielet aggravju invokat minn Divipa, dwar l-iffissar u l-ammont tal-multi
|
108 |
Koehler u Divipa jaqsmu l-aggravji tagħhom dwar l-iffissar u l-ammont tal-multi f’diversi partijiet li għandhom jiġu eżaminati waħda wara l-oħra. |
Fuq il-parti tal-ewwel aggravju invokat minn Koehler, dwar il-prinċipju ta’ trattament ugwali
|
109 |
B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat, fil-punti 473 sa 478 tas-sentenza appellata, jekk il-Kummissjoni kinitx ħadet inkunsiderazzjoni b’mod żbaljat id-dħul mill-bejgħ ta’ Koehler meta jitqies dak li hija għamlet fir-rigward ta’ impriżi oħra kkonċernati u, fil-punti 505 sa 522 tal-istess sentenza, jekk il-klassifikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ Koehler u tal-impriżi l-oħra kkonċernati f’kategoriji, sabiex jiġi ffissat l-ammont tal-multi, tirrispettax il-prinċipju ta’ trattament ugwali. |
|
110 |
Fl-appell tagħha, Koehler tikkritika l-punti 477, 478 u 496 tas-sentenza appellata. Hija ssostni li t-trattament li hija subiet huwa differenti minn dak li ngħata lil impriżi ikbar u li jappartjenu għal grupp. Hija tenfasizza b’mod partikolari l-fatt li hija impriża familjari ta’ daqs medju u li huma l-proprjetarji tagħha li jmexxuha. Hija tindika li l-kapital azzjonarju tagħha huwa ta’ EUR 43.2 miljun u d-dħul mill-bejgħ tagħha kien ta’ madwar EUR 447000 għas-sena 2000. Hija ssemmi l-każijiet ta’ AWA, ta’ M-real Zanders GmbH u ta’ Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld GmbH sabiex tipprova turi d-differenza fit-trattament li hija subiet għal dak li jirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ tagħha. |
|
111 |
Il-Kummissjoni twieġeb b’mod partikolari li hija għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa għal dak li jirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu tal-multi. Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kisritx il-prinċipju ta’ trattament ugwali meta ma rrilevat ebda żball ta’ liġi fil-metodu applikat fil-klassifikazzjoni tal-impriżi f’ħames kategoriji abbażi tad-dħul mill-bejgħ tal-prodott fiż-Żona Ekonomika Ewropea. |
|
112 |
F’dan ir-rigward, huwa minnu, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa għal dak li jirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu tal-multi. Dan il-metodu, hekk kif spjegat mil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15 (2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65 (5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171), fih elementi differenti ta’ flessibbiltà li jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita d-diskrezzjoni tagħha skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C-308/04 P, Ġabra p. I-5977, punti 46 u 47, kif ukoll tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni, C-407/04 P, Ġabra p. I-829, punt 133). |
|
113 |
F’dan il-kuntest, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza evalwatx korrettament l-eżerċizzju, mill-Kummissjoni, ta’ din id-diskrezzjoni (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, punt 48, u Dalmine vs Il-Kummissjoni, punt 134). |
|
114 |
Għandu jingħad ukoll li huwa possibbli, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża, liema dħul jikkostitwixxi indikazzjoni, anki jekk approssimattiva u imperfetta, tad-daqs u tas-saħħa ekonomika tagħha, kif ukoll il-parti minn dan id-dħul li tirriżulta mill-bejgħ tal-prodotti li jkunu s-suġġett tal-ksur u li għaldaqstant tista’ tagħti indikazzjoni tal-portata tiegħu. Jirriżulta minn dan li la lil waħda u lanqas lill-oħra minn dawn il-figuri ma għandu jiġi attribwit importanza sproporzjonata meta mqabbla mal-fatturi l-oħra ta’ evalwazzjoni, b’mod li l-iffissar tal-ammont xieraq ta’ multa ma jistax ikun ir-riżultat ta’ sempliċi kalkolu bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ globali. Dan huwa partikolarment il-każ meta l-merkanzija kkonċernata tirrappreżenta biss porzjon żgħir ta’ dan id-dħul (ara sentenzi Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 121; tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 111, kif ukoll tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 243). |
|
115 |
F’dan il-każ, ma jidhirx li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta rrespinġiet l-argument invokat minn Koehler li jirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ globali tagħha. |
|
116 |
Fil-fatt, hekk kif ġustament ikkonstatat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 476 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, għamlet distinzjoni bejn l-impriżi kkonċernati skont l-importanza relattiva tagħhom fis-suq inkwistjoni, billi ħadet bħala l-bażi ta’ din id-distinzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-prodott fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Tali metodu huwa intiż biex jevita li l-multi jiġu ffissati abbażi ta’ sempliċi kalkolu bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ globali ta’ kull impriża u b’hekk li jkun hemm differenzi fit-trattament. |
|
117 |
Il-Kummissjoni b’hekk ma qabżitx is-setgħa diskrezzjonali tagħha u l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kisritx il-prinċipju ta’ trattament ugwali. |
|
118 |
Fir-rigward tal-argumenti invokati minn Koehler kontra l-punti 477 u 478 tas-sentenza appellata, biżżejjed jingħad li dawn huma lmenti kontra motivi li saru għall-finijiet ta’ kompletezza u għalhekk għandhom jiġu respinti. |
|
119 |
Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad tali lmenti a priori, peress li l-ikkontestar ta’ motivi magħmulin għall-finijiet ta’ kompletezza biss ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-25 ta’ Marzu 1996, SPO et vs Il-Kummissjoni, C-137/95 P, Ġabra p. I-1611, punt 47; sentenzi tas-16 ta’ Settembru 1997, Blackspur DIY et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-362/95 P, Ġabra p. I-4775, punt 23, kif ukoll tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni, C-403/04 P u C-405/04 P, Ġabra p. I-729, punt 106). |
|
120 |
L-imsemmija parti tal-ewwel aggravju invokat minn Koehler għandha b’hekk tiġi ddikjarata infondata. |
Fuq il-parti tal-aggravji invokati minn Koehler u Divipa dwar il-prinċipju ta’ proporzjonalità
|
121 |
Koehler issostni essenzjlament li, fid-dawl tal-istruttura tagħha bħala impriża familjari mhux ikkwotata fil-Borża, il-kalkolu mill-Kummissjoni tal-multa li ġiet imposta fuqha jmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
122 |
Il-Kummissjoni twieġeb b’mod partikolari li hija, b’mod konformi mal-prassi stabbilita tagħha, ħadet inkunsiderazzjoni l-importanza relattiva ta’ kull waħda mill-impriżi fis-suq ikkonċernat mill-ksur, imbagħad għolliet l-ammont inizjali tal-multa ffisat b’dan il-mod billi qieset id-daqs kif ukoll ir-riżorsi globali tal-impriżi differenti, u li b’hekk hija eżaminat il-kwistjoni jekk l-ammont tal-multa stabbilit inizjlament kellux jiġi korrett minħabba l-effett dissważiv neċessarju tal-multa. |
|
123 |
Divipa ssostni wkoll li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika tagħha u lanqas il-fatt li hija ma timmanifatturax il-karta saħħara, bid-differenza tal-impriżi kkonċernati l-oħra. Id-dħul mill-bejgħ reali li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-multi huwa ammont ugwali għad-differenza bejn il-bejgħ tal-karta saħħara mmanifatturata lil klijenti finali u x-xiri tagħha mingħand min jimmanifatturaha. |
|
124 |
Il-Kummissjoni twieġeb li l-argument li jirrigwarda l-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa inammissibbli, għar-raġuni li s-sitwazzjoni ekonomika ta’ Divipa kif ukoll dak li jmissu ttieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-multi qatt ma ġew invokati minn din l-impriża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. L-argument marbut mal-kwalità tal-impriża lanqas mhuwa ammissibbli, peress li Divipa ma tikkontestax il-punti rilevanti tas-sentenza appellata. Fi kwalunkwe każ, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni mhijiex obbligata, għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa, tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ impriża. |
|
125 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-appell, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu bħala għan, minn naħa, li jeżamina sa fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod ġuridikament korrett, il-fatturi essenzjali kollha sabiex tevalwa l-gravità ta’ aġir speċifiku fid-dawl tal-Artikolu 81 KE kif ukoll tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 u, min-naħa l-oħra, li jivverifika jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza tatx risposta suffiċjenti skont il-liġi għall-argumenti kollha invokati mill-appellant intiżi għat-tneħħija jew għat-tnaqqis tal-multa (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 128; tad-29 ta’ April 2004, British Sugar vs Il-Kummissjoni, C-359/01 P, Ġabra p. I-4933, punt 47, kif ukoll Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 244). |
|
126 |
Jidher li, fil-kawżi li kienet adita bihom, il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet sewwa sew inkunsiderazzjoni l-fatturi essenzjali kollha sabiex tevalwa l-gravità tal-aġir ta’ Koehler kif ukoll ta’ Divipa u li tat risposta suffiċjenti skont il-liġi għall-argumenti kollha ta’ dawn l-impriżi. |
|
127 |
Fir-rigward ta’ Koehler, peress li l-iffissar ta’ multa ma jistax ikun ir-riżultat ta’ sempliċi kalkolu bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ globali, kif ġie mfakkar fil-punt 114 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet ġustament tikkonstata, fil-punt 494 tas-sentenza appellata, li tqabbil tal-perċentwali li jirrappreżentaw il-multi imposti mill-Kummissjoni b’relazzjoni mad-dħul mill-bejgħ globali tal-impriżi kkonċernati ma kienx biżżejjed sabiex tiġi stabbilita n-natura sproporzjonata tal-multa imposta fuq l-imsemmija impriża. Lanqas ma jidher li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-differenzi strutturali u finanzjarji li jeżistu bejn Koehler u l-impriżi l-oħra ssanzjonati, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 277 tal-konklużjonijiet tiegħu. |
|
128 |
Fir-rigward ta’ Divipa, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ħadet inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża fl-akkordji differenti u ma jista’ jintwera ebda ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità f’dan ir-rigward. Għandu jingħad ukoll li l-argument ta’ din l-impriża bbażat fuq l-allegazzjoni li ma tteħdux inkunsiderazzjoni l-kapaċitajiet finanzjarji tagħha mhuwiex ammissibbli, inkwantu tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni, C-167/04 P, Ġabra p. I-8935, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
129 |
Il-partijiet tal-aggravji invokati minn Koehler u Divipa dwar il-prinċipju ta’ proporzjonalità b’hekk għandhom jiġu ddikjarati infondati kif ukoll, għal dak li jirrigwarda lil Divipa, parzjalment inammissibbli. |
|
130 |
Barra minn hekk, Divipa ssostni li fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-ksur, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li, minn naħa, din l-impriża ma pparteċipatx f’akkordju Ewropew, ħaġa li timplika li l-ksur ma jistax jiġi kkunsidrat bħala serju ħafna, u li, min-naħa l-oħra, hija ma pparteċipatx fil-laqgħat kollha dwar is-suq Spanjol, peress li l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju damet inqas minn sena. |
|
131 |
Fuq dan il-punt, il-Kummissjoni twieġeb li l-imsemmi argument mhuwiex fondat, inkwantu akkordju, inkluż meta jkun ta’ dimensjoni nazzjonali biss, ġeneralment jitqies bħala serju ħafna u anki jekk l-ammont inizjali tal-multa jkun pjuttost moderat għal dan it-tip ta’ ksur. Barra minn hekk, it-tul tal-ksur ma għandux x’jaqsam mas-serjetà tiegħu. |
|
132 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat il-kriterji adottati mill-Kummissjoni għall-kalkolu tal-ammont tal-multi u ma jidhirx li kkommettiet xi żball ta’ liġi f’dan ir-rigward, billi l-Kummissjoni eżerċitat is-setgħa diskrezzjonali tagħha skont il-linji gwida msemmija fil-punt 112 ta’ din is-sentenza u kif iddefinita fl-istess punt 112. |
|
133 |
Il-parti tat-tielet aggravju mqajjem minn Divipa, dwar il-klassifikazzjoni tal-ksur, b’hekk għandha tiġi ddikjarata infondata. |
Fuq il-parti tat-tielet aggravju invokat minn Divipa, dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni
|
134 |
Divipa ssostni li, fil-punt 629 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni billi ddikjarat is-segwenti: “[…] [I]s-sempliċi fatt li [Divipa] setgħet ma aġixxietx b’mod li kien pjenament konformi ma’ l-akkordji miftiehma, li kieku dan kellu jiġi stabbilit, mhuwiex biżżejjed biex il-Kummissjoni tkun obbligata takkordalha ċirkustanzi attenwanti. Fil-fatt, [Divipa] tista’, permezz tal-politika tagħha ftit jew wisq indipendenti fis-suq, sempliċement tipprova tuża l-akkordju favuriha […]” |
|
135 |
Skont Divipa, dawn iż-żewġ sentenzi tal-punt 629 ma jikkostitwixxux motivazzjoni suffiċjenti. Filwaqt li hija ppreżentat provi insostenn tat-talba tagħha sabiex jiġu applikati ċirkustanzi attenwanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wrietx l-eżistenza ta’ vantaġġ miksub minnha li tippermettilha tiċħad tali talba. |
|
136 |
Il-Kummissjoni twieġeb b’mod partikolari li l-argument huwa irrilevanti, peress li s-sentenzi kkritikati tal-punt 629 tas-sentenza appellata sempliċement jirrepetu fatturi li fuqhom ibbażat ruħha l-Qorti tal-Prim’Istanza. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li Divipa, eventwalment, aġixxiet b’mod li mhuwiex kompletament konformi mal-ftehim konklużi fil-kuntest tal-akkordju mhuwiex biżżejjed sabiex jobbliga lill-Kummissjoni takkordalha ċirkustanzi attenwanti. Kulma għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt ikkontestat huwa li rriproduċiet motivazzjoni użata diversi drabi mill-qrati Komunitarji. |
|
137 |
F’dan ir-rigward, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 287 u 288 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sentenzi tal-punt 629 tas-sentenza appellata li qed jiġu kkritikati minn Divipa jikkostitwixxu sempliċement motiv mogħti għall-finijiet ta’ kompletezza u din tal-aħħar ma tikkontestax il-motivi l-oħra li fuqhom ibbażat ruħha l-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta’ applikazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti favur din l-impriża. |
|
138 |
Il-parti tat-tielet aggravju invokat minn Divipa, dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni, għandha għalhekk tiġi ddikjarata infondata. |
|
139 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-aggravji ta’ Koehler u ta’ Divipa dwar l-iffissar u l-ammont tal-multi għandhom jiġu miċħuda. |
Fuq ir-raba’ aggravju invokat minn Divipa, dwar ksur tad-dritt għal smigħ xieraq, fid-dawl tat-tul tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza
L-argumenti tal-partijiet
|
140 |
Divipa ssostni li d-dritt għal proċeduri dwar ksur fi żmien raġonevoli japplika fil-qasam tal-kompetizzjoni kemm għall-proċeduri amministrattivi kif ukoll għal dawk ġudizzjarji. Dan id-dritt inkiser peress li t-tul tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kien ta’ ħames snin bejn il-preżentata tar-rikors, fit-18 ta’ April 2002, u l-għoti tas-sentenza appellata, fis-26 ta’ April 2007. |
|
141 |
Il-Kummissjoni twieġeb li n-natura raġonevoli tat-tul għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi individwali ta’ kull każ u, b’mod partikolari, l-importanza tal-kawża, il-kumplessità tagħha kif ukoll skont l-aġir tar-rikorrent u dak tal-awtoritajiet kompetenti. |
|
142 |
Fir-rigward tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, hija tenfasizza li għaxar impriżi kkontestaw id-deċiżjoni kkontestata, f’erba’ lingwi, li diversi fatti ġew innegati u li kellu jiġi evalwat il-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet u d-dokumenti dwar ir-rikorrenti fl-ewwel istanza sabiex tiġi stabbilità r-realtà tagħhom, li l-motivi invokati minn dawn tal-aħħar kienu simili, iżda kellhom ukoll differenzi, li kienu jirrigwardaw kwistjonijiet sostantivi u proċedurali kif ukoll l-ammont tal-multa. B’hekk it-tul tal-proċeduri ma kienx eċċessiv. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tikkunsidra li irregolarità proċedurali bħal dik li qed isir ilment dwarha, anki jekk tiġi ppruvata, ma tistax twassal għall-annullament tas-sentenza appellata fl-intier tagħha. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
143 |
Għandu jitfakkar li l-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li jgħid li kull persuna għandha dritt għal smigħ xieraq, li huwa ispirat mill-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea, u b’mod partikolari d-dritt għal smigħ fi żmien raġonevoli, huwa applikabbli fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi fuq impriża multi għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (sentenzi Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 20 u 21; tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punt 179; tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C-194/99 P, Ġabra p. I-10821, punt 154, kif ukoll Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 115). |
|
144 |
In-natura raġonevoli tat-tul hija evalwata skont iċ-ċirkustanzi proprji ta’ kull kawża, u b’mod partikolari, skont l-importanza tal-kawża għall-parti kkonċernata, skont il-kumplessità tal-kawża kif ukoll skont l-aġir tar-rikorrent u dak tal-awtoritajiet kompetenti (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, punt 29; Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, punt 155, kif ukoll Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni, punt 116). |
|
145 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li l-lista ta’ dawn il-kriterji mhijiex eżawrjenti u li l-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tat-tul ma teżiġix eżami sistematiku taċ-ċirkustanzi tal-kawża fid-dawl ta’ kull wieħed minnhom meta t-tul tal-proċedura jidher iġġustifikat fir-rigward ta’ wieħed biss. B’hekk, il-kumplessità tal-kawża tista’ tiġi stabbilita sabiex tiġġustifika tul prima facie twil wisq (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 188; Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, punt 156, kif ukoll Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni, punt 117). |
|
146 |
F’dan il-każ, il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza damu ħames snin, mill-preżentata, bejn il-11 u t-18 ta’ April 2002, tar-rikorsi ta’ disa’ impriżi sas-26 ta’ April 2007, id-data meta ngħatat is-sentenza appellata. |
|
147 |
Tali tul tal-proċeduri għandu jiġi eżaminat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża. Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 145 sa 148 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan it-tul jista’ jiġi ġġustifikat meta titqies il-kumplessità tal-kawża u l-fatt li, b’mod partikolari, il-fatti kważi kollha li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni kkontestata ġew ikkontestati fl-ewwel istanza u kellhom jiġu vverifikati. Barra minn hekk, disa’ impriżi ppreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata, f’erba’ lingwi differenti, u Stat Membru, ir-Renju tal-Belġju, talab li jintervjeni. Wara li dawn ir-rikorsi ngħaqdu, is-sentenza appellata ngħatat fir-rigward tad-disa’ kawżi. |
|
148 |
Minħabba dawn iċ-ċirkustanzi differenti, kien meħtieġ li jsir eżami parallel tad-disa’ rikorsi u t-tul tal-proċeduri jista’ jiġi spjegat faċilment mill-investigazzjoni approfondita tal-proċess li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza u mil-limitazzjonijeit lingwistiċi imposti mir-Regoli tal-Proċeudra applikabbli quddiemha. |
|
149 |
Fid-dawl tal-fatturi preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ma qabżux ir-rekwiżiti marbutin mal-osservanza ta’ tul raġonevoli. |
|
150 |
Mill-punti [49] sa [149] ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-ebda wieħed mill-aggravji invokati minn Koehler u Divipa insostenn tal-appelli tagħhom ma jista’ jintlaqa’ u li, għaldaqstant, dawn għandhom jiġu miċħuda. |
Fuq l-ispejjeż
|
151 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 69(2) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell taħt l-Artikolu 118 tal-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. |
|
152 |
Il-Kummissjoni tilfet għal dak li jirrigwarda l-appell ippreżentat minn Bolloré, li talbet li din l-istituzzjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Għaldaqstnat, hemm lok li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti kemm quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kif ukoll fil-kuntest tal-appell għal dak li jirrigwarda lil din l-impriża. |
|
153 |
Peress li Koehler u Divipa tilfu u l-Kummissjoni talbet li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, huma għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż ta’ din l-istanza għal dak li jirrigwarda r-rikorsi rispettivi tagħhom. |
|
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwi tal-kawża: il-Ġermaniż, il-Franċiż u l-Ispanjol.