30.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 253/32


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1778

tad-29 ta' Settembru 2017

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 891/2009 fir-rigward ta' ċerti dispożizzjonijiet li jolqtu l-ewwel subperjodu tal-perjodu tal-kwota tariffarja tal-importazzjoni 2017-2018 fis-settur taz-zokkor u r-reġim tar-raffinaturi full-time

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikulari il-punt (e) tal-Artikolu 187 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 891/2009 (2) jipprovdi li l-kwoti tariffarji fis-settur taz-zokkor għandhom jinfetħu fuq bażi annwali, għall-perjodu bejn l-1 ta' Ottubru u t-30 ta' Settembru.

(2)

L-Artikolu 192(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistipula li l-liċenzji tal-importazzjoni għaz-zokkor maħsub għar-raffinar għandhom jingħataw, matul l-ewwel tliet xhur ta' kull kampanja ta' kummerċjalizzazzjoni, esklussivament lil raffinaturi full-time, bil-kundizzjoni li l-kwantitajiet ikkonċernati ma jaqbżux il-kwantitajiet tal-kapaċità esklussiva ta' importazzjoni għar-raffinaturi full-time stipulati fil-paragrafu 1 tal-Artikolu msemmi. Skont l-Artikolu 192(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-kapaċità esklussiva ta' importazzjoni għar-raffinaturi full-time ngħatat biss sa tmiem il-kampanja ta' kummerċjalizzazzjoni 2016-2017.

(3)

L-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 891/2009 jistipula li r-raffinaturi full-time biss jistgħu japplikaw għal liċenzji tal-importazzjoni għaz-zokkor maħsub għar-raffinar, b'data tal-bidu tal-validità li taqa' fl-ewwel tliet xhur ta' kull kampanja ta' kummerċjalizzazzjoni.

(4)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 891/2009, l-applikazzjonijiet għal liċenzji għall-ewwel subperjodu tal-perjodu tal-kwota tariffarja tal-importazzjoni 2017/2018 kellhom jitressqu bejn it-8 u l-14 ta' Settembru 2017.

(5)

Għal raġunijiet ta' ċertezza legali, fejn jidħol id-dritt ta' operaturi li mhumiex raffinaturi full-time biex iressqu applikazzjonijiet għal liċenzji tal-importazzjoni għall-ewwel subperjodu tal-perjodu tal-kwota tariffarja tal-importazzjoni 2017/2018, l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 891/2009 għandu jitħassar. Barra minn hekk, il-perjodu għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-ewwel subperjodu tal-perjodu tal-kwota tariffarja tal-importazzjoni 2017-2018 għandu jittawwal sad-9 ta' Ottubru 2017, u b'konsegwenza ta' dan, għandhom jiġu mmodifikati l-perjodu tal-ħruġ tal-liċenzji tal-importazzjoni u l-perjodu tan-notifika tal-applikazzjonijiet li jkunu rċevew l-Istati Membri.

(6)

L-operaturi għandhom jingħataw ukoll il-possibbiltà li jirtiraw applikazzjonijiet li jkunu diġà tressqu bejn it-8 u l-14 ta' Settembru 2017, f'każ li jkunu jixtiequ jerġgħu jikkunsidraw l-applikazzjoni tagħhom jew idaħħlu applikazzjoni riveduta.

(7)

Għaldaqstant, jeħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 891/2009 jiġi emendat kif xieraq.

(8)

Billi l-perjodu tal-kwota tariffarja tal-importazzjoni 2017-2018 jibda mill-1 ta' Ottubru, l-emendi proposti għandhom japplikaw sa mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(9)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 891/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fil-Kapitolu I, jiżdied l-Artikolu 10a li ġej:

“Artikolu 10a

Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-perjodu tal-kwota tariffarja 2017-2018

1.   B'deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1), l-applikazzjonijiet għal liċenzja għall-ewwel subperjodu tal-perjodu tal-kwota tariffarja 2017-2018, kif imsemmi fl-Artikolu 3(2), jistgħu jitressqu sad-9 ta' Ottubru 2017, mhux iktar tard mis-13.00 ħin ta' Brussell.

2.   Il-liċenzji tal-importazzjoni mitlubin skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jinħarġu mit-23 sal-31 ta' Ottubru 2017.

B'deroga mill-Artikolu 8(2), il-liċenzji tal-importazzjoni mitlubin skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) għall-ewwel subperjodu tal-perjodu tal-kwota tariffarja 2017-2018 għandhom jinħarġu mit-23 sal-31 ta' Ottubru 2017.

3.   B'deroga mill-Artikolu 9(1)(b), l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet totali koperti mill-applikazzjonijiet għal liċenzji tal-importazzjoni mressqin skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, sa mhux iktar tard mill-14 ta' Ottubru 2017.

4.   L-applikazzjonijiet għal liċenzja mressqin skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) għall-ewwel subperjodu tal-perjodu tal-kwota tariffarja 2017–2018 jistgħu jitressqu sad-9 ta' Ottubru 2017, mhux iktar tard mis-13.00 ħin ta' Brussell. Il-garanzija marbuta mal-applikazzjonijiet irtirati għandha tiġi rrilaxxata.”

(2)

L-Artikolu 14 jitħassar sa mill-1 ta' Ottubru 2017.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Settembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 891/2009 tal-25 ta' Settembru 2009 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta' ċerti kwoti tariffarji tal-Komunità fis-settur taz-zokkor (ĠU L 254, 26.9.2009, p. 82).