DIGRIET TAL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

3 ta’ Ġunju 2022 ( *1 )

“Proċeduri għal miżuri provviżorji Artikolu 263 TFUE – Rikors intiż għall-annullament ta’ att tal-Unjoni – Artikolu 278 TFUE – Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ dan l-att – Trasport – Regolament (UE) 2020/1055 – Obbligu għal impriża li tirritorna l-vetturi tagħha fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħha – Urġenza – Degradazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali ta’ Stat Membru – Ħsara lill-ambjent”

Fil-Kawża C‑547/20 R,

li għandha bħala suġġett talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni skont l-Artikolu 278 TFUE, imressqa fil‑5 ta’ Jannar 2022,

Ir-Rumanija, irrappreżentata minn L.‑E. Baţagoi, E. Gane, R. I. Haţieganu, L. Liţu u A. Rotăreanu, bħala aġenti,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika tal-Estonja, irrappreżentata minn N. Grünberg u M. Kriisa, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Latvja, irrappreżentata minn J. Davidoviča, K. Pommere u I. Romanovska, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Litwanja, irrappreżentata minn K. Dieninis, R. Dzikovič u V. Kazlauskaitė-Švenčionienė, bħala aġenti,

Ir-Repubblika ta’ Malta, irrappreżentata minn A. Buhagiar, bħala aġent, assistita minn D. Sarmiento Ramírez-Escudero, abogado,

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,

intervenjenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn I. Anagnostopoulou, C. Ionescu Dima u R. van de Westelaken, bħala aġenti,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Norberg, A. Vârnav u L. Vétillard, bħala aġenti,

konvenuti,

sostnuti minn:

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn V. Pasternak Jørgensen, M. Søndahl Wolff u L. Teilgård, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller u D. Klebs, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn S. Chala, bħala aġent,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn A.‑L. Desjonquères, A. Ferrand u N. Vincent, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn A. Lipari, procuratore dello Stato, u minn G. Santini, avvocato dello Stato,

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, irrappreżentat minn A. Germeaux, bħala aġent,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. K. Bultermann u J. Langer, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn A. Posch u J. Schmoll, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn H. Eklinder, C. Meyer-Seitz, A. Runeskjöld, M. Salborn Hodgson, R. Shahsavan Eriksson, H. Shev u O. Simonsson, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

wara li sema’ lill-Avukat Ġenerali, M. Szpunar,

jagħti l-preżenti

Digriet

1

Permezz tat-talba tagħha għal miżuri provviżorji, ir-Rumanija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2020/1055 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1071/2009, (KE) Nru 1072/2009 u (UE) Nru 1024/2012 bl-għan li jiġu adattati għall-iżviluppi fis-settur tat-trasport bit-triq (ĠU 2020, L 249, p. 17), sa fejn dan jistabbilixxi l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE (ĠU 2009, L 300, p. 51).

2

Din it-talba tressqet wara l-preżentata, fit‑23 ta’ Ottubru 2020, minn dan l-Istat Membru, ta’ rikors, skont l-Artikolu 263 TFUE, intiż għall-annullament parzjali jew, jekk ikun il-każ, totali tar-Regolament 2020/1055.

Il‑kuntest ġuridiku

3

Il-punt 3 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2020/1055 jistabbilixxi li:

“l-Artikolu 5 [tar-Regolament Nru 1071/2009] huwa sostitwit b’dan li ġej:

[…]

1. Sabiex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit stabbilit fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1), fl-Istat Membru ta’ stabbiliment, l-impriża għandha:

[…]

(b)

torganizza l-attività tal-flotta tal-vetturi tagħha b’tali mod li jiġi żgurat li l-vetturi li jkunu għad-dispożizzjoni tal-impriża u użati fit-trasport internazzjonali jirritornaw lejn wieħed miċ-ċentri operazzjonali f’dak l-Istat Membru tal-inqas fi żmien tmien ġimgħat wara li jitilqu minn hemm;

[…]”

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja u t‑talbiet tal‑partijiet

4

Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑1 ta’ Frar 2022, ir-Repubblika ta’ Malta u r-Repubblika tal-Polonja ġew ammessi sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Rumanija.

5

Ir-Rumanija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 1 tar-Regolament 2020/1055, sa fejn dan jistabbilixxi l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 1071/2009, u

–

tikkundanna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

6

Il-Parlament u l-Kunsill jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad dan ir-rikors u tikkundanna lir-Rumanija għall-ispejjeż.

Fuq it‑talba għal miżuri provviżorji

7

L-Artikolu 160(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jistabbilixxi li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom “jispeċifikaw is-suġġett tal-kawża, iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza, kif ukoll il-motivi ta’ fatt u ta’ liġi li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura provviżorja mitluba”.

8

Fil-fatt, miżura provviżorja tista’ tingħata mill-Imħallef għal miżuri provviżorji biss jekk ikun stabbilit li l-għoti tagħha huwa ġġustifikat prima facie fil-fatt u fid-dritt (fumus boni juris) u li hija urġenti fis-sens li hija meħtieġa, sabiex jiġi evitat dannu serju u irreparabbli għall-interessi tar-rikorrent, illi tingħata u jkollha l-effetti tagħha qabel id-deċiżjoni fuq il-mertu. L-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jipproċedi wkoll, jekk ikun il-każ, għall-ibbilanċjar tal-interessi quddiemu. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’tali mod li t-talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi miċħuda meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tkun nieqsa (digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑791/19 R, EU:C:2020:277, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

9

Fil-kuntest tal-eżami tal-imsemmija kundizzjonijiet, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa u huwa liberu li jiddetermina, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-każ, il-mod li bih dawn id-diversi kundizzjonijiet għandhom jiġu vverifikati kif ukoll l-ordni ta’ dan l-eżami, peress li ma teżisti ebda dispożizzjoni legali tal-Unjoni li timponilu skema ta’ analiżi prestabbilita sabiex jevalwa n-neċessità li jagħti deċiżjoni provviżorja (digriet tal-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Lulju 2021, ACER vs Aquind, C‑46/21 P‑R, mhux ippubblikat, EU:C:2021:633, punt 16).

10

F’dan il-każ, għandha qabelxejn tiġi eżaminata l-kundizzjoni dwar l-urġenza.

Argumenti

11

Ir-Rumanija ssostni li l-applikazzjoni tal-obbligu għal impriża li tirritorna l-vetturi tagħha fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħha, previst fl-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 1071/2009, kif emendat bir-Regolament 2020/1055 (iktar ’il quddiem il-“miżura kontenzjuża”), twassal għal dannu gravi u irreparabbli.

12

Ir-Rumanija ssostni, fl-ewwel lok, li l-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża ser timplika t-tmiem ta’ iktar minn nofs it-trasportaturi ta’ merkanzija bit-triq stabbiliti f’dan l-Istat Membru.

13

Il-prevedibbiltà ta’ dan l-iżvilupp ekonomiku ntweriet permezz ta’ rapport maħruġ f’Ottubru 2020 wara ordni minn assoċjazzjoni Rumena ta’ professjonisti tat-trasport bit-triq (iktar ’il quddiem l-“ewwel rapport”).

14

Il-parti l-kbira tat-trasportaturi ta’ merkanzija bit-triq stabbiliti fir-Rumanija huma impriżi żgħar u ta’ daqs medju. Dawn huma vulnerabbli mill-perspettiva tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom, minħabba b’mod partikolari marġnijiet baxxi li jikkaratterizzaw is-settur tat-trasport ta’ merkanzija bit-triq fir-Rumanija.

15

Issa, l-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża timplika żieda fid-distanza koperta mill-vetturi Rumeni ddedikati għat-trasport internazzjonali ta’ merkanzija sa medja ta’ 9800 kilometru fis-sena. Sa fejn dawn il-vjaġġi addizzjonali jsiru minn trakkijiet mingħajr tagħbija (iktar ’il quddiem il-“vjaġġi mingħajr tagħbija”), dawn jiġġeneraw, kull sena, fir-Rumanija, telf ta’ qligħ ta’ EUR 524 miljun kif ukoll spejjeż addizzjonali ta’ EUR 197 miljun għax-xiri tal-karburant u ta’ EUR 150 miljun sabiex jitħallsu taxxi tat-triq. Spejjeż addizzjonali oħra jirriżultaw minn żieda fil-konġestjoni fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri li jinsabu barra miż-żona Schengen, minħabba ż-żieda, li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża, tan-numru ta’ vjaġġi mwettqa mit-trasportaturi Rumeni.

16

Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż, stmati li jammontaw għal EUR 1233 miljun fis-sena għas-settur tat-trasport Rumen, li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ regoli ġodda oħra dwar is-settur tat-trasport, li s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tagħhom ma hijiex mitluba mir-Rumanija.

17

Finalment, 55 % tal-impriżi intervistati bil-għan tar-redazzjoni tal-ewwel rapport iqisu li huma ser ikollhom iwaqqfu l-attivitajiet tagħhom fir-Rumanija, li jwassal għal telf għall-ekonomija Rumena stmat għal EUR 3 biljuni fis-sena u t-tmiem ta’ 26000 impjieg f’dan l-Istat Membru.

18

Fit-tieni lok, il-multiplikazzjoni tal-vjaġġi mingħajr tagħbija li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża hija ta’ natura li tikkawża ħsara lill-ambjent u, indirettament, lis-saħħa tal-bniedem.

19

Minn naħa, l-ewwel rapport juri li l-emissjonijiet addizzjonali tat-trasportaturi Rumeni huma evalwati għal 456886 tunnellata ta’ dijossidu tal-karbonju (CO2), jiġifieri żieda ta’ 7.7 % tal-emissjonijiet tas-settur Rumen tat-trasport u ta’ 2.4 % tal-emissjonijiet totali ta’ dan l-Istat Membru.

20

Rapport maħruġ fi Frar 2021 fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea (iktar ’il quddiem it-“tieni rapport”) jistabbilixxi, min-naħa l-oħra, li, fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea kollha, l-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża ser twassal għall-emissjoni ta’ 2.9 miljun tunnellata ta’ CO2, minn 107 tunnellata għal 619 tunnellata ta’ ossidu tan-nitroġenu (NOx) u minn 38 tunnellata sa 221 tunnellata ta’ partiċelli fini (PM2,5). L-ispejjeż ta’ dan it-tniġġis tal-arja huma stmati għal EUR 25.9 miljun.

21

Ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Malta u r-Repubblika tal-Polonja jsostnu l-argumenti tar-Rumanija dwar ir-riskju ta’ ħsara lill-ambjent kif ukoll ta’ ħsara ekonomika u soċjali. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika ta’ Malta tirreferi għal rapport dwar is-sitwazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, maħruġ f’Novembru 2020.

22

Il-Parlament u l-Kunsill jargumentaw li r-Rumanija ma wrietx li hemm riskju li jkun hemm dannu gravi u irreparabbli qabel l-għoti tas-sentenza li ttemm il-proċedura fil-Kawża C‑547/20, fil-każ ta’ applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża.

23

L-ewwel, l-ispejjeż iġġenerati mill-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża ma humiex irreparabbli u huma sopravalutati, minħabba l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fis-seħħ, ta’ obbligu li jinstalla ċ-ċentru operattiv fl-Istat Membru ta’ stabbiliment.

24

Barra minn hekk, ir-Rumanija naqset milli turi li t-telf possibbli tal-partijiet mis-suq tal-impriżi Rumeni huwa permanenti, fid-dawl tal-karatteristiċi tas-settur tat-trasport li jirriżultaw mit-tieni rapport. Barra minn hekk, huwa improbabbli li sewwieqa ta’ trakkijiet jitilfu l-impjieg tagħhom, peress li hemm nuqqas kbir ta’ tali sewwieqa fl-Unjoni.

25

It-tieni, il-Parlament u l-Kunsill jikkritikaw il-metodoloġija segwita fit-tfassil tal-ewwel u tat-tieni rapport invokati mir-Rumanija, sa fejn, b’mod partikolari, dawn huma bbażati fuq ipoteżi irrealistiċi, b’mod partikolari fir-rigward tal-volum ta’ vjaġġi mingħajr tagħbija kif ukoll tal-ispejjeż sostnuti mill-impriżi involuti f’tipi differenti ta’ servizzi ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq, u li jimplikaw estrapolazzjonijiet imwettqa abbażi ta’ data minn kampjuni li ma tantx huma rappreżentattivi. Ir-Rumanija, barra minn hekk, interpretat b’mod żbaljat diversi stimi magħmula f’dawn ir-rapporti.

26

It-tielet, l-istimi dwar l-allegata ħsara lill-ambjent huma ftit affidabbli u parzjalment kontradittorji, filwaqt li l-ispejjeż allegati ma humiex sinjifikattivi. Barra minn hekk, ir-Rumanija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Istati Membri huma suġġetti għal obbligi fil-qasam tal-emissjonijiet ta’ CO2, skont ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill‑2021 sal‑2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU 2018, L 156, p. 26), u ta’ konċentrazzjonijiet fl-arja ta’ NOx kif ukoll ta’ PM2,5, konformement mad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU 2008, L 152, p. 1).

27

Il-Parlament iżid li, sa fejn ir-Regolament 2020/1055 ġie adottat madwar sentejn ilu, l-impriżi kkonċernati diġà bdew jadattaw ruħhom u li għalhekk din it-talba għal miżuri provviżorji tressqet tard wisq sabiex jiġi evitat li l-miżura kontenzjuża tipproduċi l-effetti tagħha.

Kunsiderazzjonijiet

28

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-iskop tal-proċeduri għal miżuri provviżorji huwa li tiġi żgurata l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni definittiva futura, sabiex jiġi evitat li jkun hemm lakuna fil-protezzjoni ġuridika żgurata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa sabiex jintlaħaq dan l-għan li l-urġenza għandha tiġi evalwata fil-konfront tal-ħtieġa li tingħata deċiżjoni provviżorja, sabiex jiġi evitat li jiġi kkawżat dannu gravi u irreparabbli lill-parti li titlob il-protezzjoni provviżorja. Hija din il-parti li għandha tipproduċi l-prova li hija ma tistax tistenna l-eżitu tal-proċedura fuq il-mertu mingħajr ma ġġarrab dannu ta’ din in-natura. Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali dannu gravi u irreparabbli, ma huwiex neċessarju li l-okkorrenza tad-dannu tiġi stabbilita b’ċertezza assoluta. Huwa biżżejjed li dan ikun prevedibbli b’livell ta’ probabbiltà suffiċjenti (digriet tas‑17 ta’ Diċembru 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑619/18 R, EU:C:2018:1021, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Skont din il-ġurisprudenza, huwa dejjem l-obbligu tal-parti li titlob l-adozzjoni ta’ miżura provviżorja li tesponi u tistabbilixxi l-okkorrenza probabbli ta’ dannu gravi u irreparabbli. F’dan ir-rigward, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jkollu indikazzjonijiet konkreti u preċiżi, sostnuti minn dokumenti ddettaljati li jippermettu li jiġu eżaminati l-konsegwenzi preċiżi li jirriżultaw, probabbilment, mill-assenza tal-miżuri mitluba (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ April 2021, Il-Litwanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑541/20 R, mhux ippubblikat, EU:C:2021:264, punti 19 u 20).

30

Għalhekk, f’dan il-każ, hija r-Rumanija li għandha tistabbilixxi li l-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża fil-perijodu bejn l-iffirmar ta’ dan id-digriet u l-għoti tas-sentenza li ttemm il-proċedura fil-Kawża C‑547/20 hija ta’ natura li twassal, b’mod prevedibbli bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti, għal dannu gravi u irreparabbli.

31

Mit-talba għal miżuri provviżorji jirriżulta li dan l-Istat Membru jinvoka danni li jirriżultaw mill-effetti tal-miżura kontenzjuża fuq is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fir-Rumanija kif ukoll fuq l-ambjent.

32

Dawn id-diversi danni jistgħu validament jiġu invokati mir-Rumanija sabiex tikseb l-għoti ta’ miżuri provviżorji, peress li l-Istati Membri huma responsabbli għall-interessi meqjusa bħala ġenerali fuq livell nazzjonali u jistgħu jiżguraw id-difiża tagħhom fil-kuntest ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ April 2021, Il-Litwanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑541/20 R, mhux ippubblikat, EU:C:2021:264, punt 21).

33

Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk il-provi prodotti mir-Rumanija jippermettux li jiġi stabbilit, minn naħa, li l-okkorrenza ta’ wieħed jew iktar mill-imsemmija danni hija prevedibbli bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti u, min-naħa l-oħra, li l-istess danni għandhom natura gravi u irreparabbli.

34

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-proċeduri għal miżuri provviżorji ma humiex intiżi sabiex tiġi stabbilita r-realtà ta’ fatti kumplessi u kontroversjali ħafna. L-Imħallef għal miżuri provviżorji ma għandux il-mezzi neċessarji sabiex iwettaq il-verifiki meħtieġa u, f’ħafna każijiet, ikollu diffikultà jagħmel hekk fi żmien utli (digriet tal‑20 ta’ Novembru 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑441/17 R, EU:C:2017:877, punt 54).

Fuq l‑effetti ekonomiċi u soċjali tal‑miżura kontenzjuża

35

Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li l-effetti ekonomiċi u soċjali tal-miżura kontenzjuża fi Stati Membri oħra minbarra r-Rumanija, invokati mill-Istati Membri intervenjenti insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti, ma jistgħux, f’dan il-każ, ikunu suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita n-natura prevedibbli tal-okkorrenza ta’ dannu gravi u irreparabbli.

36

Minn naħa, għalkemm ir-Repubblika tal-Estonja u r-Repubblika tal-Polonja jsemmu effetti ekonomiċi u soċjali tal-miżura kontenzjuża fit-territorji rispettivi tagħhom, huma ma jipproduċu ebda prova intiża sabiex turi r-realtà ta’ dawn l-effetti.

37

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-Repubblika ta’ Malta, ir-rapport prodott minn dan l-Istat Membru jindika li l-applikazzjoni tal-miżuri msemmija f’dan ir-rapport x’aktarx ikollha effetti fuq is-settur tat-trasport li jvarjaw mill-ħolqien ta’ 51 impjieg ġdid sat-tmiem ta’ 96 impjieg. Barra minn hekk, din l-applikazzjoni timplika, l-iktar l-iktar, waqfien ta’ attivitajiet li jikkonċernaw 43 trakk.

38

Issa, tali effetti, anki jekk jitqiesu li huma stabbiliti, ma jippreżentawx portata suffiċjenti sabiex jitqiesu li jikkostitwixxu dannu gravi u irreparabbli.

39

Għal dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tar-Rumanija, iż-żieda fl-ispejjeż li għalihom huma esposti t-trasportaturi ta’ dan l-Istat Membru minħabba l-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża ma tikkostitwixxix, bħala tali, dannu gravi u irreparabbli.

40

Fil-fatt, l-ispejjeż hekk iġġenerati jikkostitwixxu dannu ta’ natura pekunjarja li ma jistax, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jitqies li huwa irreparabbli, peress li kumpens pekunjarju, bħala regola ġenerali, jista’ jpoġġi mill-ġdid lill-persuna leża fis-sitwazzjoni preċedenti għall-okkorrenza tad-dannu (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ April 2021, Il-Litwanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑541/20 R, mhux ippubblikat, EU:C:2021:264, punt 29).

41

Min-naħa l-oħra, dawn l-ispejjeż għandhom rilevanza, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, jekk jiġi stabbilit li huma ta’ portata tali li jimplikaw neċessarjament ristrutturazzjoni tas-settur tat-trasport fir-Rumanija ta’ natura li twassal f’dan l-Istat Membru għal tnaqqis sinjifikattiv tal-prodott domestiku gross jew għal żieda kunsiderevoli fir-rata tal-qgħad.

42

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li, bl-eċċezzjoni tal-istimi dwar il-konġestjoni fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri, l-informazzjoni msemmija mir-Rumanija sabiex tistabbilixxi n-natura prevedibbli taż-żieda fl-ispejjeż tat-trasportaturi Rumeni u tar-ristrutturazzjoni tas-settur Rumen tat-trasport tirriżulta mill-ewwel rapport.

43

Issa, l-evalwazzjoni magħmula f’dan ir-rapport ta’ dawn l-ispejjeż u ta’ din ir-ristrutturazzjoni hija bbażata fuq estrapolazzjoni tat-tweġibiet għal stħarriġ mogħtija minn 127 impriża Rumena, filwaqt li mill-imsemmi rapport jirriżulta li s-settur tat-trasport ta’ merkanzija bit-triq f’dan l-Istat Membru jinkludi 33655 impriża u li mkien ma huwa allegat fl-istess rapport li l-impriżi li pparteċipaw fl-istħarriġ jikkostitwixxu kampjun rappreżentattiv ta’ dan is-settur.

44

Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda b’mod iktar speċifiku l-ispejjeż addizzjonali li għalihom huma esposti t-trasportaturi Rumeni, mill-ewwel rapport jirriżulta li l-kalkolu ta’ dawn l-ispejjeż addizzjonali magħmul f’dan ir-rapport huwa bbażat fuq l-ipoteżi li l-vjaġġi kollha mwettqa mit-trasportaturi Rumeni sabiex jikkonformaw ruħhom mal-miżura kontenzjuża ser ikunu vjaġġi mingħajr tagħbija.

45

Din l-ipoteżi, li hija determinanti kemm sabiex jiġi evalwat it-telf ta’ qligħ iġġenerat mill-applikazzjoni ta’ din il-miżura kif ukoll sabiex jiġu ddeterminati l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw minn din l-applikazzjoni, madankollu ma hijiex iġġustifikata, filwaqt li huwa paċifiku li parti biss mill-vjaġġi attwali tat-trasportaturi Rumeni lejn ir-Rumanija huma attwalment vjaġġi mingħajr tagħbija.

46

Fir-rigward tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-konġestjoni fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li dawn l-ispejjeż ma humiex evalwati preċiżament mir-Rumanija u, min-naħa l-oħra, li ma huwiex ikkontestat li ż-żieda allegata fil-ħin ta’ stennija f’dawn il-punti ta’ qsim tirrappreżenta, l-iktar l-iktar, parti limitata taż-żmien totali tal-vjaġġ bejn ir-Rumanija u l-Istati Membri li fihom it-trasportaturi Rumeni jwettqu l-attivitajiet tagħhom.

47

Fit-tielet lok, is-sempliċi fatt li diversi impriżi tas-settur Rumen tat-trasport huma ta’ daqs żgħir u għandhom profittabbiltà limitata ma huwiex biżżejjed sabiex juri li dawn ma humiex f’pożizzjoni li jaffaċċjaw l-ispejjeż li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża u li għalhekk huma jkunu mġiegħla jieqfu mill-attività tagħhom, li jorjentawha lejn setturi oħra ta’ attivitajiet jew ukoll li jistabbilixxu ruħhom fi Stati Membri oħra.

48

Fil-fatt, mill-punti 42 sa 46 ta’ dan id-digriet jirriżulta li l-provi prodotti mir-Rumanija ma jippermettux li tiġi ddeterminata l-portata tal-ispejjeż addizzjonali li għalihom ikunu esposti t-trasportaturi Rumeni minħabba l-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża.

49

Barra minn hekk, ir-Rumanija ma kkontestatx l-affermazzjoni li tinsab fit-tieni rapport li tgħid li, anki jekk dawn l-ispejjeż addizzjonali jiġu integrati, l-impriżi tal-Istati Membri tal-Ewropa tal-Lvant iżommu vantaġġ kompetittiv fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq.

50

Fir-raba’ lok, l-istimi ppreżentati mir-Rumanija tar-riskju ta’ waqfien tal-attivitajiet ta’ trasportaturi Rumeni huma bbażati esklużivament fuq l-ewwel rapport.

51

F’dan ir-rigward, minbarra l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 43 ta’ dan id-digriet, għandu, qabelxejn, jiġi osservat li r-Rumanija twettaq interpretazzjoni żbaljata ta’ dan ir-rapport billi tafferma li 55 % tal-impriżi intervistati bil-għan tar-redazzjoni tal-imsemmi rapport iqisu li huma ser iwaqqfu l-attivitajiet tagħhom f’dan l-Istat Membru. Fil-fatt, mill-istess rapport jirriżulta li din l-istima tikkonċerna fir-realtà 55 % tal-impriżi Rumeni li joffru servizzi ta’ kabotaġġ u ta’ trasport transkonfinali minn terzi fi Stati Membri oħra, li jirrappreżentaw 39 % tas-settur Rumen tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq li hija s-suġġett tal-istħarriġ inkwistjoni.

52

Sussegwentement, l-ewwel rapport huwa espliċitament ippreżentat bħala intiż sabiex jevalwa l-effetti tal-applikazzjoni kkombinata ta’ sensiela ta’ regoli li jirrigwardaw, b’mod partikolari, ir-ritorn regolari tas-sewwieqa fl-Istat Membru ta’ stabbiliment, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ mistrieħ tas-sewwieqa kif ukoll l-eżerċizzju tal-kabotaġġ. Minħabba f’hekk, dan ir-rapport ma jippermettix li jiġi ddeterminat sa fejn l-iżviluppi ekonomiċi u soċjali li huwa jiddeskrivi huma mistennija li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża u jistgħu jiġu evitati fil-każ ta’ sospensjoni ta’ din il-miżura biss.

53

Fl-aħħar nett, għalkemm huwa minnu li l-imsemmi rapport jesponi li l-applikazzjoni tal-miżuri li huwa jsemmi ser twassal għal ristrutturazzjoni profonda tas-settur Rumen tat-trasport, huwa ma jindikax f’liema terminu għandha sseħħ din ir-ristrutturazzjoni.

54

Fil-ħames lok, għandu jiġi enfasizzat li mit-tieni rapport jirriżulta li l-konsegwenzi prevedibbli tal-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża fuq l-aċċess għall-impjieg tas-sewwieqa ser ikunu neċessarjament limitati, minħabba l-insuffiċjenza tan-numru ta’ sewwieqa disponibbli fl-Unjoni.

55

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-provi prodotti mir-Rumanija ma humiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-effetti ekonomiċi u soċjali tal-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża huma ta’ natura li jwasslu, b’mod prevedibbli, għal dannu gravi u irreparabbli.

Fuq l‑effetti ambjentali tal‑miżura kontenzjuża

56

Jidher li, sabiex tistabbilixxi riskju li sseħħ ħsara lill-ambjent, ir-Rumanija ssemmi riskju ta’ żieda fl-emissjonijiet ta’ ċerti gassijiet li jintwera, f’dan l-Istat Membru, minn elementi li jinsabu fl-ewwel rapport u, fl-Unjoni kollha, mid-data esposta fit-tieni rapport.

57

Għal dak li jirrigwarda ċ-ċifri mogħtija fl-ewwel rapport sabiex jiġi stabbilit ir-riskju ta’ ħsara lill-ambjent mit-trasportaturi Rumeni, għandu jiġi osservat li dawn jirrigwardaw biss l-emissjonijiet ta’ CO2.

58

Barra minn hekk, il-limiti metodoloġiċi ta’ dan ir-rapport imsemmija fil-punti 45 u 52 ta’ dan id-digriet ma jippermettux li wieħed jibbaża ruħu fuqu sabiex jevalwa l-effetti eventwali tal-miżura kontenzjuża fuq dawn l-emissjonijiet.

59

Fil-fatt, minn naħa, l-imsemmi rapport ma jinkludi ebda preċiżazzjoni fir-rigward tal-kontribuzzjoni prevedibbli ta’ kull waħda mill-miżuri li għalihom jirreferi għaż-żieda fl-emissjonijiet ta’ CO2 li huwa jsemmi. Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-effetti tal-miżura kontenzjuża, din iż-żieda tirriżulta allegatament mit-twettiq ta’ numru kbir ta’ vjaġġi mingħajr tagħbija. Issa, l-imsemmija żieda hija kkalkolata billi jiġi preżunt, mingħajr ġustifikazzjoni suffiċjenti, li l-vjaġġi kollha mwettqa mit-trasportaturi Rumeni sabiex jikkonformaw ruħhom mal-miżura kontenzjuża ser ikunu vjaġġi mingħajr tagħbija.

60

Fir-rigward taċ-ċifri invokati mir-Rumanija sabiex jiġi stabbilit ir-riskju ta’ ħsara lill-ambjent mit-trasportaturi tal-Unjoni kollha, għandu jiġi kkonstatat li dan l-Istat Membru jibbaża ruħu b’mod sinjifikattiv fuq waħda mill-ipoteżijiet previsti fit-tieni rapport, li tgħid li l-impriżi tas-settur tat-trasport ser jikkonformaw ruħhom mal-miżura kontenzjuża mingħajr ma dan is-settur jgħaddi minn ristrutturazzjoni.

61

Issa, uħud mill-elementi mressqa mir-Rumanija jipprekludu t-twettiq ta’ din l-ipoteżi, li l-Parlament u l-Kunsill iqisu barra minn hekk li huma purament teoretiċi. B’mod partikolari, sabiex jistabbilixxi d-dannu ekonomiku u soċjali li huwa jinvoka, dan l-Istat Membru jsostni li s-settur tat-trasport huwa mitlub jgħaddi minn ristrutturazzjoni kbira fil-każ ta’ applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża.

62

Għandu jiġi osservat ukoll li l-evalwazzjoni tan-numru ta’ vetturi użati f’ċikli tat-trasport ta’ iktar minn tmien ġimgħat, li hija determinanti sabiex jiġu kkalkolati l-emissjonijiet addizzjonali li jistgħu jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża, tirriżulta minn estrapolazzjoni tad-dikjarazzjonijiet miġbura fil-kuntest ta’ stħarriġ minn kampjun ta’ trasportaturi deskritt fit-tieni rapport bħala insuffiċjenti fid-dawl tad-daqs tas-suq tat-trasport internazzjonali bit-triq.

63

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm ma jistax jiġi eskluż li l-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża tista’ żżid l-emissjonijiet ta’ ċerti gassijiet, id-dokumenti pprovduti mir-Rumanija ma jippermettux li jiġi evalwat bi preċiżjoni l-volum ta’ din iż-żieda.

64

Fir-rigward tan-natura gravi u irreparabbli li jista’ jkollha l-imsemmija żieda, għandu jiġi osservat li, kif jenfasizzaw il-Parlament u l-Kunsill, l-emissjonijiet ta’ CO2, ta’ NOx u ta’ PM2,5 huma s-suġġett ta’ regoli speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni.

65

Għalhekk, ir-Regolament 2018/842 jistabbilixxi obbligi għal kull Stat Membru fil-qasam tal-limitazzjoni tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, fosthom is-CO2, filwaqt li d-Direttiva 2008/50 tipprevedi għanijiet nazzjonali ta’ tnaqqis tal-espożizzjoni għall-PM2,5 kif ukoll valuri limitu ta’ NOx u ta’ PM2,5.

66

Minn dan isegwi li, anki jekk wieħed jibbaża ruħu fuq iċ-ċifri l-iktar għoljin imressqa mir-Rumanija, l-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża timplika biss żieda moderata tal-emissjonijiet ta’ CO2, ta’ NOx u ta’ PM2,5, li ma ġiex stabbilit li hija ta’ natura li tipperikola, fuq żmien medju, il-protezzjoni tal-kwalità tal-arja u l-ġlieda kontra t-tisħin globali (ara, b’analoġija, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑320/03 R, EU:C:2003:543, punt 98).

67

Għall-bqija, l-ispejjeż li jirriżultaw miż-żieda tal-emissjonijiet ta’ NOx u ta’ PM2,5 li ssemmi r-Rumanija ma jistgħux, fid-dawl tal-ammont tagħhom għall-Unjoni kollha, juru n-natura gravi tad-dannu allegat mir-Rumanija.

68

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-provi prodotti mir-Rumanija ma humiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-effetti ambjentali tal-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża huma ta’ natura li jwasslu, b’mod prevedibbli, għal dannu gravi u irreparabbli.

69

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jidher li r-Rumanija ma stabbilixxietx li l-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża fil-perijodu bejn l-iffirmar ta’ dan id-digriet u l-għoti tas-sentenza li ttemm il-proċedura fil-Kawża C‑547/20 hija ta’ natura li twassal, b’mod prevedibbli bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti, għal dannu gravi u irreparabbli u, għaldaqstant, li l-kundizzjoni dwar l-urġenza hija ssodisfatta.

70

Fid-dawl tan-natura kumulattiva tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-għoti ta’ miżuri provviżorji, hemm lok, għaldaqstant, li t-talba għal miżuri provviżorji tiġi miċħuda, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet dwar il-fumus boni juris u dwar l-ibbilanċjar tal-interessi.

71

Skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza li tagħlaq l-istanza.

 

Għal dawn il-motivi, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja jordna:

 

1)

It-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda.

 

2)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.