IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.6.2024
COM(2024) 258 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/2161 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttivi 98/6/KE, 2005/29/KE u 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' infurzar u mmodernizzar aħjar tar-regoli tal-protezzjoni tal-Konsumatur tal-Unjoni
1.Introduzzjoni
Id-Direttiva (UE) 2019/2161 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttivi 98/6/KE, 2005/29/KE u 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar aħjar u mmodernizzar tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur (id-“Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni”) ġiet adottata fis-27 ta’ Novembru 2019. Hija emendat erba’ direttivi eżistenti dwar il-liġi tal-konsumatur — id-Direttiva 93/13/KEE dwar Termini Kuntrattwali Inġusti (il-“UCTD”, Unfair Contract Terms Directive), id-Direttiva 98/6/KE dwar l-Indikazzjoni tal-Prezzijiet (il-“PID”, Price Indication Directive), id-Direttiva 2005/29/KE dwar Prattiki Kummerċjali Żleali (il-“UCPD”, Unfair Commercial Practices Directive) u d-Direttiva 2011/83/UE dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur (“is-CRD”, Consumer Rights Directive).
Id-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni wieġbet għan-nuqqasijiet identifikati fil-Kontroll tal-Idoneità tal-2017 u fl-evalwazzjoni parallela tas-CRD. Din kellha l-għan li ssaħħaħ l-infurzar tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u li taġġorna r-regoli f’konformità mal-iżvilupp tad-diġitalizzazzjoni. Flimkien mal-proposta għad-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea għamlet proposta dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interess kollettiv tal-konsumaturi. Din saret liġi fl-2020.
Id-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni kellha tiġi trasposta fid-dritt nazzjonali sat-28 ta’ Novembru 2021 u saret applikabbli fl-Istati Membri mit-28 ta’ Mejju 2022. Tinkludi klawżola ta’ rieżami li tistipula li għandu jintbagħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tagħha sa Mejju 2024. Ir-rieżami kellu jinkludi valutazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar avvenimenti organizzati f’postijiet oħra minbarra l-post tan-negozju tal-kummerċjant, u li jikkonċernaw prodotti kkummerċjalizzati bħala identiċi iżda li jkunu differenti b’mod sinifikanti fil-kompożizzjoni jew fil-karatteristiċi (kummerċjalizzazzjoni ta’ “standard doppju ta’ kwalità”).
Dan ir-rapport ikopri perjodu ta’ sentejn wara d-data li fiha l-liġijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni kellhom isiru applikabbli (it-28 ta’ Mejju 2022). Fil-prattika, għal ħafna Stati Membri, id-data disponibbli tkopri perjodu iqsar, minħabba dewmien fit-traspożizzjoni. Id-Direttiva għalhekk għadha fi stadju relattivament bikri ta’ applikazzjoni, u dan għandu implikazzjonijiet għal kif għandha tiġi interpretata d-data dwar l-implimentazzjoni ppreżentata f’dan ir-rapport. L-għadd ta’ deċiżjonijiet jew proċedimenti formali ta’ infurzar relatati mad-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni huwa limitat. S’issa ma kien hemm l-ebda ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE dwar l-applikazzjoni tagħha, minbarra kawża waħda li għadha pendenti għal deċiżjoni preliminari dwar id-dispożizzjoni l-ġdida tal-PID dwar it-tnaqqis fil-prezzijiet.
Dan ir-rapport tħejja b’mod parallel mal-Kontroll tal-Idoneità li għaddej tal-liġi tal-konsumatur tal-UE dwar l-ekwità diġitali (il-“Kontroll tal-Idoneità”), imniedi f’Mejju 2022 biex jiddetermina jekk l-istrumenti orizzontali ewlenin tal-liġi tal-konsumatur għadhomx adegwati biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur fl-ambjent diġitali (ekwità diġitali). L-eżitu tal-Kontroll tal-Idoneità se jiġi ppreżentat f’rapport separat, li għandu jiġi ppubblikat fit-tieni nofs tal-2024.
2.Elementi ewlenin tad-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni
Id-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni għamlet emendi mmirati għall-UCPD, il-UCTD, is-CRD u l-PID. Id-Direttiva introduċiet l-emendi ewlenin li ġejjin:
·Regoli msaħħa dwar il-penali għal ksur tal-erba’ direttivi.
·Dritt ġdid tal-UE għal rimedji individwali għall-konsumaturi li jġarrbu danni minħabba prattiki kummerċjali żleali pprojbiti mill-UCPD.
·Projbizzjoni ta’ prattiki online żleali speċifiċi (żidiet għall-Anness I tal-UCPD (“blacklist”)) rigward:
oir-reċensjonijiet tal-konsumaturi;
oir-reklamar u reklami mħallsa fir-riżultati ta’ tiftix;
oil-bejgħ mill-ġdid ta’ biljetti għal avvenimenti.
·Rekwiżiti ġodda ta’ trasparenza (emendi għall-UCPD u s-CRD):
odwar il-parametri ewlenin li jiddeterminaw il-klassifikazzjoni tar-riżultati ta’ tiftix online;
odwar jekk il-kuntratt jiġix konkluż ma’ kummerċjant jew individwu f’suq online;
odwar il-miżuri meħuda biex jiġi żgurat li r-reċensjonijiet ippubblikati tal-konsumaturi joriġinaw minn konsumaturi li fil-fatt użaw jew xtraw il-prodott.
·L-estensjoni tal-applikazzjoni tas-CRD għal servizzi diġitali “b’xejn” li għalihom il-konsumaturi ma jħallsux flus iżda jipprovdu data personali, bħall-cloud storage, il-media soċjali u s-servizzi tal-email.
·Trasparenza dwar l-ipprezzar personalizzat: obbligu fis-CRD li l-konsumaturi jiġu avżati meta jiġu ppreżentati bi prezz personalizzat abbażi ta’ pproċessar awtomatizzat.
·Kummerċjalizzazzjoni ta’ “standard doppju ta’ kwalità”: emenda għall-UCPD li tipprojbixxi l-preżentazzjoni qarrieqa ta’ oġġetti bħala identiċi għal oġġetti kkummerċjalizzati fi Stati Membri oħra meta dawk il-prodotti jkollhom differenzi sinifikanti fil-kompożizzjoni jew il-karatteristiċi tagħhom.
·Trasparenza dwar it-tnaqqis fil-prezz: emenda għall-PID li tirrikjedi li l-bejjiegħa jħabbru tnaqqis fil-prezz jindikaw ukoll l-aktar prezz baxx tagħhom fl-aħħar 30 jum.
Wara l-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni, f’Diċembru 2021 il-Kummissjoni ppubblikat Avviżi ta’ gwida aġġornati dwar il-UCPD u s-CRD li jindirizzaw l-emendi li saru kif ukoll Avviż ta’ gwida ġdid separat dwar id-dispożizzjoni l-ġdida tal-PID dwar it-tnaqqis fil-prezz.
3.Traspożizzjoni u valutazzjoni tal-konformità
L-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni kien jirrikjedi li l-Istati Membri jadottaw u jippubblikaw il-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mad-Direttiva sat-28 ta’ Novembru 2021 u japplikaw il-miżuri mit-28 ta’ Mejju 2022.
Matul l-2020, il-Kummissjoni mexxiet tliet sessjonijiet ta’ ħidma dwar it-traspożizzjoni biex tassisti lill-Istati Membri jadottaw il-leġiżlazzjoni meħtieġa. Ħames Stati Membri adottaw u kkomunikaw lill-Kummissjoni miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni kompluti qabel l-iskadenza tat-traspożizzjoni tat-28 ta’ Novembru 2021. F’Jannar 2022, il-Kummissjoni bdiet proċeduri formali ta’ ksur kontra 22 Stat Membru li ma kienu nnotifikaw l-ebda miżura ta’ traspożizzjoni jew li kienu nnotifikaw biss miżuri ta’ traspożizzjoni parzjali. Matul l-2022 segwew għadd ta’ opinjonijiet motivati. Aktar minn nofs l-Istati Membri nnotifikaw it-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva wara d-data tal-applikazzjoni tagħha f’Mejju 2022. Fl-ewwel nofs tal-2023, l-Istati Membri kollha ħlief wieħed kienu nnotifikaw lill-Kummissjoni bit-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva. L-aħħar Stat Membru nnotifika t-traspożizzjoni sħiħa fid-29 ta’ Mejju 2024.
Il-Kummissjoni vvalutat il-konformità tat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni. Minn tmiem l-2023 ’il quddiem, il-Kummissjoni bdiet disa’ djalogi mmirati mal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti biex tiċċara l-kwistjonijiet ta’ traspożizzjoni identifikati u d-djalogi ma’ Stati Membri oħra se jinfetħu dalwaqt.
Fost il-kwistjonijiet identifikati, dawk l-aktar rikorrenti jikkonċernaw it-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar ir-rimedju individwali għall-konsumatur fil-UCPD u tar-regoli msaħħa dwar il-penali fil-UCTD, il-UCPD u s-CRD. Għall-kuntrarju tal-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni li normalment jiġu trasposti verbatim fir-regoli nazzjonali korrispondenti, it-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar ir-rimedji u l-penali f’ħafna każijiet kienet tinvolvi bidliet f’diversi regoli nazzjonali. Barra minn hekk, il-kontroll tat-traspożizzjoni wera xi kwistjonijiet bit-traspożizzjoni tal-Artikolu 6a ġdid tal-PID dwar l-avviżi tat-tnaqqis fil-prezz. Xi Stati Membri jidhru li estendew il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni tagħhom biex ikopru mhux biss oġġetti iżda wkoll servizzi li huma barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6a ġdid u tal-PID bħala tali. Dawn il-kwistjonijiet ta’ traspożizzjoni u oħrajn huma diskussi f’aktar dettall fit-taqsimiet tematiċi li ġejjin.
4.Applikazzjoni u infurzar
L-attivitajiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva għall-finijiet ta’ dan ir-rapport saru l-aktar fl-2023, jiġifieri fi stadju relattivament bikri tal-applikazzjoni tagħha. Għalhekk, ma jipprovdux stampa sħiħa u definittiva. Hemm ukoll esperjenza limitata tal-infurzar tad-Direttiva mill-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali.
L-analiżi tal-implimentazzjoni hija bbażata fuq diversi sorsi ta’ informazzjoni. Fir-rigward tal-konformità mill-kummerċjanti, ir-rapport jirreferi għall-“isweeps” online rilevanti mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar u kkoordinati mill-Kummissjoni fil-qafas tan-network ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (is-CPC, Consumer Protection Cooperation) stabbilit bir-Regolament (UE) 2017/2394 (in-“network CPC”). Ir-rapport juża wkoll l-informazzjoni pubblika disponibbli dwar l-attivitajiet ta’ monitoraġġ rilevanti u l-azzjonijiet formali ta’ infurzar mill-awtoritajiet nazzjonali u r-rapporti u r-riċerka pprovduti mill-partijiet ikkonċernati.
Bħala parti minn studju ta’ sostenn estern (l-“istudju ta’ sostenn”) għall-Kontroll tal-Idoneità u dan ir-rapport, twettaq stħarriġ tal-konsumaturi fuq kampjun ta’ 10 000 rispondent li jkopru 10 Stati Membri (l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, Spanja u l-Iżvezja). Barra minn hekk, sar stħarriġ immirat li jiġbor il-fehmiet ta’ diversi partijiet ikkonċernati (negozji, assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, Ministeri u awtoritajiet tal-infurzar, eċċ.) madwar l-Istati Membri kollha (“l-istħarriġ tal-partijiet ikkonċernati”) dwar mistoqsijiet speċifiċi. Saru intervisti addizzjonali ma’ assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u korpi kummerċjali, awtoritajiet tal-infurzar u ministeri magħżula. It-tħejjija tar-rapport ġiet diskussa mal-Istati Membri fil-laqgħat tal-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar il-liġi tal-konsumatur. Suġġetti speċifiċi tad-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni, speċjalment id-dispożizzjonijiet dwar it-tnaqqis fil-prezz u l-istandard doppju ta’ kwalità, ġew diskussi f’diversi laqgħat bilaterali u multilaterali mal-partijiet ikkonċernati u mal-awtoritajiet nazzjonali.
Fl-aħħar nett, bħala parti mill-istudju ta’ sostenn, twettqu testijiet ta’ konformità ta’ xi kummerċjanti online magħżula fuq suġġetti rilevanti għad-Direttiva, inklużi t-trasparenza tas-swieq online, il-klassifikazzjoni tat-trasparenza tar-riżultati ta’ tiftix, l-ipprezzar personalizzat, ir-reċensjonijiet tal-konsumaturi online, l-avviżi ta’ tnaqqis fil-prezz, u t-telefonati b’rata bażika fis-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri. Dawn it-testijiet koprew għadd limitat ta’ siti web u għalhekk huma differenti mill-“isweeps” fuq skala kbira mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali fin-network CPC.
Barra minn hekk, it-Tabelli ta’ Valutazzjoni tal-Kundizzjonijiet tal-Konsumatur tal-2021 u tal-2023 (is-“CCS tal-2021” u s-“CCS tal-2023” (Consumer Conditions Scoreboards)), li kienu bbażati, rispettivament, fuq l-Istħarriġiet dwar il-Kundizzjonijiet tal-Konsumatur tal-2020 u tal-2022, jagħtu indikazzjonijiet dwar il-perċezzjonijiet tal-konsumaturi fir-rigward ta’ diversi suġġetti rilevanti għal din l-analiżi, qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni u ftit wara d-dħul fis-seħħ tagħha (għalkemm mhux fl-Istati Membri kollha), pereżempju, dwar l-esperjenzi tal-konsumaturi bil-klassifikazzjoni tar-riżultati ta’ tiftix, ir-reċensjonijiet tal-konsumaturi u t-tnaqqis fil-prezz.
It-taqsimiet tematiċi li ġejjin ta’ dan ir-rapport (it-taqsimiet 5 sa 15) jipprovdu ħarsa ġenerali lejn l-implimentazzjoni tal-elementi ewlenin tad-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni. Ta’ min jinnota li l-attivitajiet tal-ġbir ta’ data skont l-istudju ta’ sostenn għal dan ir-rapport seħħew qabel ma bdew japplikaw ir-regoli tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali (id-“DSA”, Digital Services Act). Id-DSA ġab miegħu żviluppi importanti li huma msemmija fit-taqsimiet tematiċi rilevanti.
5.Penali
Biex issaħħaħ l-infurzar pubbliku tal-liġi tal-konsumatur tal-UE madwar l-UE u l-effett deterrenti tagħha, id-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni emendat ir-regoli eżistenti dwar il-penali fil-PID, fil-UCPD u fis-CRD li diġà kienu jirrikjedu li l-Istati Membri jipprevedu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi. Barra minn hekk, introduċiet rekwiżit ġdid għall-Istati Membri biex jipprevedu tali penali fil-UCTD fejn qabel ma kien jeżisti l-ebda rekwiżit bħal dan.
Il-karatteristika l-ġdida ewlenija kienet l-inklużjoni fil-UCPD, is-CRD u l-UCTD tar-rekwiżit li jiġu previsti multi u l-iffissar tal-ammont massimu tagħhom għal ksur mifrux u ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni meta jittieħdu miżuri ta’ infurzar b’mod koordinat skont l-Artikolu 21 tar-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi (CPC, consumer protection cooperation). F’dawn il-każijiet, l-Istati Membri jridu jipprevedu — bħala element obbligatorju tar-regoli tagħhom dwar il-penali — multi ta’ mill-anqas sa 4 % tal-fatturat annwali tal-kummerċjant jew sa EUR 2 miljun għal sitwazzjonijiet fejn il-fatturat annwali ma jistax jiġi stabbilit. Dawn huma rekwiżiti minimi u l-Istati Membri jżommu l-possibbiltà li jżommu jew jintroduċu multi massimi ogħla. Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-penali b’mod ġenerali, l-Istati Membri jżommu diskrezzjoni fir-rigward tal-proċedura għall-impożizzjoni ta’ dawn il-multi li jistgħu jkunu amministrattivi jew ġudizzjarji.
Barra minn hekk, id-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni inkorporat kriterji indikattivi u mhux eżawrjenti fil-UCPD, l-UCTD, is-CRD u l-PID li għandhom l-obbligu li jiġu kkunsidrati għall-impożizzjoni ta’ penali, kemm f’każijiet domestiċi kif ukoll f’każijiet transfruntiera.
Il-valutazzjoni tal-konformità tal-miżuri ta’ traspożizzjoni notifikati fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet uriet li kienet relattivament kumplessa. Pereżempju, bosta Stati Membri kellhom diversi regoli nazzjonali preeżistenti dwar il-penali skont id-dispożizzjoni miksura tad-Direttiva inkwistjoni. Dan kien ifisser li kienu meħtieġa diversi dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni biex jiġu emendati.
Fir-rigward tal-multi li jistgħu jiġu imposti f’każijiet transfruntiera fl-azzjonijiet ta’ koordinazzjoni skont l-Artikolu 21 tar-Regolament CPC, kważi l-Istati Membri kollha ttrasponew ir-rekwiżit li jipprevedu multa ta’ mill-anqas sa 4 % tal-fatturat annwali tal-kummerċjant jew, alternattivament, EUR 2 miljun fir-rigward ta’ ksur soġġett għal azzjonijiet ta’ koordinazzjoni tas-CPC. Is-sitwazzjoni ta’ ftit Stati Membri li qajmu kwistjonijiet jew inċertezza qed tiġi analizzata jew se tiġi analizzata fil-kuntest tad-djalogi mmirati mal-Istati Membri.
Xi pajjiżi japplikaw ukoll il-multa sa 4 % jew sa EUR 2 miljun għal tipi oħra ta’ ksur (domestiku u transfruntier): pereżempju, għall-ksur tas-CRD, l-Awstrija tapplika l-multa sa 4 % tal-fatturat annwali għal kwalunkwe ksur. Għall-ksur tal-UCPD, il-Polonja tapplika l-multa sa EUR 2 miljun għal kwalunkwe ksur jekk l-informazzjoni dwar il-fatturat ma tkunx disponibbli, u l-Latvja tapplika l-multa sa 4 % tal-fatturat annwali għal kwalunkwe ksur b’limitu massimu ta’ EUR 300 000.
Xi pajjiżi għandhom regoli aktar stretti li jmorru lil hinn mir-regola ta’ EUR 2 miljun għal ksur soġġett għall-azzjoni ta’ koordinazzjoni tas-CPC. Meta l-informazzjoni dwar il-fatturat annwali ma tkunx disponibbli, il-multi massimi għall-ksur transfruntier tal-UCPD soġġetti għal tali azzjonijiet ta’ koordinazzjoni jistgħu jkunu sa EUR 5 miljun fil-Greċja jew sa EUR 4 miljun fid-Danimarka.
Barra minn hekk, xi pajjiżi oħra diġà kellhom jew introduċew multi massimi għal kwalunkwe ksur li huma ogħla minn dawk meħtieġa mid-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni għal ksur transfruntier soġġett għall-azzjonijiet ta’ koordinazzjoni tas-CPC (4 %/EUR 2 miljun). Pereżempju, il-ksur tal-UCPD huwa ġeneralment punibbli sa 10 % tal-fatturat annwali tal-kummerċjant fin-Netherlands u fil-Polonja, sa 6 % fil-Belġju u sa 5 % f’Ċipru. Għal ksur tal-UCTD, pereżempju, il-Polonja tipprevedi multa sa 10 % tal-fatturat annwali tal-kummerċjant; Ċipru jipprevedi sa 5 %.
Ir-regoli l-ġodda dwar multi massimi għal ksur f’każijiet transfruntiera soġġetti għall-infurzar ikkoordinat tas-CPC għadhom ma ġewx applikati fil-prattika. Abbażi tal-feedback riċevut fil-kuntest ta’ azzjonijiet ta’ koordinazzjoni tas-CPC, xi awtoritajiet isibuha diffiċli li japplikaw dawn il-multi f’każijiet fejn il-kumpaniji jonqsu milli jipproponu impenji xierqa biex jindirizzaw l-allegat ksur. B’mod partikolari, la r-Regolament CPC u lanqas id-dispożizzjonijiet tal-penali fid-direttivi kkonċernati ma jipprevedu proċeduri ċari għall-koordinazzjoni tal-impożizzjoni ta’ penali u biex jiġi evitat ir-riskju ta’ sitwazzjonijiet ne-bis-in idem fejn tali miżuri jittieħdu b’mod parallel fi Stati Membri differenti. Il-Kummissjoni qed tikkunsidra li tirrevedi r-Regolament CPC, fost l-oħrajn biex iżżid l-effett ta’ deterrenza tiegħu .
L-Istati Membri adottaw approċċi differenti għat-traspożizzjoni tal-kriterji mhux eżawrjenti u indikattivi għall-impożizzjoni ta’ penali li żdiedet mid-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni mal-erba’ direttivi emendati kollha. Xi Stati Membri ttrasponew il-kriterji kollha fil-lista (kważi) verbatim, filwaqt li oħrajn, minħabba n-natura sempliċement indikattiva tal-lista, ittrasponewhom parzjalment biss jew qagħdu fuq id-dispożizzjonijiet rilevanti diġà eżistenti fil-liġi nazzjonali, li spiss jirrikjedu, pereżempju, li jiġu kkunsidrati “fatturi aggravanti jew mitiganti” meta jiġu imposti penali.
Id-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni tipprovdi għażliet regolatorji lill-Istati Membri għall-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda dwar il-penali fil-UCPD u fil-UCTD. Skont il-UCTD (l-Artikolu 8b(2)), l-Istati Membri għandhom l-għażla li japplikaw ir-regoli dwar il-penali (inkluża d-dispożizzjoni speċifika dwar multi għal ksur soġġett għall-infurzar ikkoordinat tas-CPC) biss għal waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin jew għat-tnejn li huma: (a) meta l-kummerċjant juża termini kuntrattwali li huma definiti espressament bħala inġusti fiċ-ċirkostanzi kollha fil-liġi nazzjonali, jew (b) fejn il-kummerċjant ikompli juża termini kuntrattwali li nstabu li huma inġusti f’deċiżjoni finali. Fir-rigward tal-UCPD (l-Artikolu 13(3)), l-Istati Membri jistgħu, għal raġunijiet kostituzzjonali nazzjonali, jiddeċiedu li ma japplikawx ir-regoli dwar multi għal ksur soġġett għall-infurzar ikkoordinat tas-CPC meta l-kummerċjant ikun kiser biss l-Artikolu 5 tal-UCPD dwar id-diliġenza professjonali għall-ewwel darba.
L-għażla regolatorja skont il-UCTD tintuża f’ħafna Stati Membri. Pereżempju, il-Kroazja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja u l-Portugall japplikaw il-penali fiż-żewġ sitwazzjonijiet ipprovduti fil-UCTD. Il-penali jiġu applikati biss f’każijiet fejn il-kummerċjant juża termini kuntrattwali li huma definiti espressament bħala inġusti fiċ-ċirkostanzi kollha fil-liġi nazzjonali, pereżempju fl-Awstrija, fiċ-Ċekja u fl-Estonja. Fl-aħħar nett, il-penali japplikaw biss meta il-kummerċjant ikompli juża termini kuntrattwali li jkunu nstabu inġusti f’deċiżjoni finali, pereżempju, fil-Bulgarija, fil-Litwanja, fil-Lussemburgu u fl-Iżvezja.
L-għażla regolatorja skont il-UCPD tintuża minn anqas Stati Membri, pereżempju l-Awstrija, il-Kroazja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja u l-Iżvezja.
Bħala konklużjoni, għadd ta’ Stati Membri użaw għażliet regolatorji fir-rigward tar-regoli l-ġodda dwar il-penali. Bi ftit eċċezzjonijiet, il-liġijiet nazzjonali ttrasponew b’mod korrett ir-rekwiżit il-ġdid dwar il-multi għal ksur soġġett għall-azzjonijiet ta’ koordinazzjoni tas-CPC, li f’xi każijiet imorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi, eż. billi jestendu l-applikazzjoni tagħhom għal kwalunkwe ksur — inkluż dak domestiku — tad-direttivi kkonċernati. Ir-regoli dwar multi massimi għal ksur f’każijiet transfruntiera soġġetti għall-infurzar ikkoordinat tas-CPC għadhom ma ġewx applikati fil-prattika.
6.Rimedji għall-konsumaturi skont il-UCPD
Id-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni inkorporat fil-UCPD id-dritt tal-konsumaturi għal rimedji individwali proporzjonati u effettivi meta jġarrbu danni minħabba prattiki kummerċjali żleali. L-Artikolu 11a issa jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li kemm ir-rimedji kuntrattwali kif ukoll dawk mhux kuntrattwali jkunu disponibbli għall-konsumaturi li kienu vittmi ta’ prattiki żleali, jiġifieri kumpens għad-danni, tnaqqis fil-prezz u terminazzjoni tal-kuntratt. L-Istati Membri għandhom id-diskrezzjoni li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni u l-effetti tar-rimedji. Il-konsumaturi jistgħu jinfurzaw dawn ir-rimedji permezz ta’ azzjonijiet individwali jew permezz ta’ azzjonijiet ta’ rimedju kollettiv skont id-Direttiva (UE) 2020/1828 dwar l-Azzjonijiet Rappreżentattivi l-ġdida, li tipprevedi mekkaniżmu proċedurali għall-infurzar tad-drittijiet kollettivi tal-konsumatur.
Bħal fil-każ tar-regoli dwar il-penali, il-kontroll tal-konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 11a kien pjuttost kumpless u wassal għal għadd ta’ mistoqsijiet li qed jiġu indirizzati jew li se jiġu indirizzati fid-djalogi mmirati ma’ diversi Stati Membri. Din il-kumplessità hija dovuta għall-fatt li r-rimedji tal-konsumatur ġew implimentati f’ħafna Stati Membri parzjalment bl-introduzzjoni ta’ regoli ġodda u parzjalment billi jibbażaw fuq dispożizzjonijiet preeżistenti dwar ir-rimedji tal-liġi ċivili. Barra minn hekk, l-ambitu u l-firxa tar-rimedji disponibbli f’diversi Stati Membri ma kinux ċari. Il-UCPD għandha kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ li japplika għal prattiki kummerċjali żleali li jseħħu barra minn kwalunkwe relazzjoni kuntrattwali bejn il-kummerċjant u l-konsumatur kif ukoll wara l-konklużjoni ta’ kuntratt u matul l-eżekuzzjoni tiegħu. Għaldaqstant, ir-rimedji tal-konsumatur iridu jkunu disponibbli wkoll għal ksur li jikkonċerna dawn l-istadji u t-tipi kollha ta’ relazzjonijiet min-negozju għall-konsumatur.
L-Istati Membri adottaw approċċi differenti għat-traspożizzjoni tal-Artikolu 11a tal-UCPD. Xi Stati Membri, eż. is-Slovenja, ir-Rumanija u l-Latvja introduċew (jew diġà kellhom) dispożizzjonijiet speċifiċi fil-leġiżlazzjoni tagħhom li jittrasponu l-UCPD li tipprevedi espressament id-dritt tal-konsumaturi għal rimedji f’każ ta’ ksur ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Xi Stati Membri għandhom dispożizzjonijiet speċifiċi dwar ir-rimedji fil-liġijiet tagħhom li jittrasponu l-UCPD li jirreferu espressament ukoll għal regoli addizzjonali fid-dritt ċivili ġenerali, bħal kodiċijiet ċivili, pereżempju fl-Awstrija, fil-Kroazja, fiċ-Ċekja, fl-Estonja u fil-Ġermanja. Fl-aħħar nett, xi Stati Membri nnotifikaw il-liġi ċivili ġenerali tagħhom jew dispożizzjonijiet oħra dwar ir-rimedji bħala applikabbli għal ksur tar-regoli nazzjonali li jittrasponu l-UCPD, pereżempju, Franza.
Xi Stati Membri nnotifikaw dispożizzjonijiet li, minbarra li jipprovdu d-drittijiet sostantivi għal rimedji, jiffaċilitaw ukoll l-implimentazzjoni tagħhom. Pereżempju, fil-Bulgarija, meta l-konsumaturi jitolbu rimedji skont il-liġi ġenerali quddiem qorti ċivili, ma hemmx bżonn li jagħtu prova li l-prattika hija żleali meta l-awtorità nazzjonali tal-infurzar (il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur) tkun diġà sabet, f’ordni finali, li prattika partikolari hija żleali. Spanja adottat dispożizzjonijiet li jagħtu valur evidenzjarju lil sejba preċedenti mill-awtorità jew minn qorti ta’ ksur tal-UCPD.
Bħala konklużjoni, il-biċċa l-kbira tal-liġijiet tal-Istati Membri issa jinkludu regoli li jipprovdu lill-konsumaturi d-dritt għal kumpens għad-danni, tnaqqis fil-prezz jew terminazzjoni tal-kuntratt meta jkunu vittmi ta’ prattiki żleali.
7.Avviżi ta’ tnaqqis fil-prezz
Id-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni emendat il-PID billi introduċiet l-Artikolu 6a ġdid dwar it-tnaqqis fil-prezzijiet li għandu l-għan li jiżgura li l-konsumaturi jkunu infurmati aħjar u jkunu jistgħu jivvalutaw aħjar il-merti u l-vantaġġ reali tat-tnaqqis imħabbar. Dan jirrikjedi li l-bejjiegħa ta’ oġġetti li jħabbru tnaqqis fil-prezz jindikaw il-“prezz preċedenti”, jiġifieri l-aktar prezz baxx applikat mill-istess kummerċjant matul perjodu ta’ żmien li mhuwiex iqsar minn 30 jum qabel l-applikazzjoni tat-tnaqqis fil-prezz. Bħala regola aktar speċifika, l-Artikolu 6a l-ġdid jieħu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-UCPD fir-rigward, b’mod partikolari, tal-karatteristiċi tal-prezz ta’ referenza fit-tnaqqis fil-prezz. Madankollu, il-UCPD bl-approċċ tagħha ta’ każ b’każ tibqa’ applikabbli għall-valutazzjoni ta’ aspetti oħra tat-tnaqqis fil-prezz li mhumiex regolati b’mod espliċitu fl-Artikolu 6a tal-PID, bħat-tul ta’ żmien tat-tnaqqis fil-prezz. Barra minn hekk, il-UCPD tibqa’ l-bażi legali applikabbli għall-valutazzjoni tad-diversi tipi oħra ta’ promozzjonijiet tal-prezz li huma barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6a, bħat-tqabbil tal-prezzijiet.
Il-paragrafi 3 sa 5 tal-Artikolu 6a jipprevedu għażliet regolatorji li jippermettu lill-Istati Membri jidderogaw mir-regola ġenerali fil-każ ta’: (a) oġġetti li jistgħu jiddeterjoraw jew jiskadu malajr (oġġetti “li jitħassru malajr”); (b) oġġetti li ilhom fis-suq għal anqas minn 30 jum (oġġetti li huma “wasliet ġodda”); u (c) oġġetti li għalihom it-tnaqqis fil-prezz jiżdied progressivament (“skontijiet progressivi”).
L-Istati Membri kollha ttrasponew ir-regola ġenerali dwar il-“prezz preċedenti”, filwaqt li żammew 30 jum bħala l-perjodu ta’ referenza għall-istabbiliment tal-“prezz preċedenti”. Madankollu, għalkemm il-PID u l-Artikolu 6a japplikaw biss għall-bejgħ ta’ oġġetti, xi Stati Membri estendew il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar it-tnaqqis fil-prezz biex ikopru wkoll is-servizzi. L-estensjoni tal-Artikolu 6a għas-servizzi qajmet tħassib min-naħa tal-partijiet ikkonċernati tal-industrija (ara hawn taħt) u l-Kummissjoni qed tindirizza dan permezz tad-djalogi mmirati mal-Istati Membri.
L-għażliet regolatorji fl-Artikolu 6a jagħtu lill-Istati Membri ċerta flessibbiltà fl-adattament tar-regoli nazzjonali għall-kundizzjonijiet tas-suq ta’ kategoriji speċifiċi ta’ oġġetti. Ħafna Stati Membri, iżda mhux kollha, iddeċidew li japplikawhom, u dan irriżulta f’xi differenzi nazzjonali.
L-għażla regolatorja dwar oġġetti li x’aktarx jiddeterjoraw jew jiskadu malajr (“oġġetti li jitħassru malajr”) fl-Artikolu 6a(3) tippermetti lill-Istati Membri jipprevedu regoli differenti għal tali oġġetti jew li jeżentawhom mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6a.
L-Istati Membri kollha għamlu użu minn din l-għażla regolatorja ħlief il-Kroazja, l-Irlanda u l-Lussemburgu. Id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw l-Artikolu 6a tal-PID ma japplikawx għal oġġetti “li jitħassru malajr” fl-Awstrija, fil-Belġju, fiċ-Ċekja, fil-Finlandja, fi Franza, fil-Ġermanja, fil-Greċja, fl-Ungerija, fl-Italja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fi Spanja u fl-Iżvezja. F’Ċipru, l-Estonja, Malta, in-Netherlands, il-Polonja u s-Slovenja, il-bejjiegħa jridu jindikaw, bħala prezz ta’ referenza fit-tnaqqis fil-prezz, il-prezz applikat qabel it-tnaqqis. Fl-aħħar nett, xi Stati Membri japplikaw l-Artikolu 6a għal oġġetti li jitħassru malajr iżda ppevedew perjodi ta’ referenza mqassra għall-istabbiliment tal-prezz “preċedenti”, jiġifieri fil-Bulgarija (sebat ijiem), fir-Rumanija (10 ijiem), fid-Danimarka (14-il jum) u fil-Portugall (15-il jum).
Barra minn hekk, ir-regoli nazzjonali jvarjaw fir-rigward tad-definizzjoni ta’ oġġetti meqjusa bħala “predisposti li jiddeterjoraw jew jiskadu b’mod mgħaġġel”. Pereżempju:
-Fl-Awstrija, l-għażla regolatorja tapplika “fejn it-tnaqqis fil-prezz jiġi applikat bħala riżultat tal-iskadenza tad-data tad-durabbiltà minima skont it-tifsira tal-Artikolu 2(2)(r) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011”.
-Fil-Finlandja, tapplika għal “prodotti tal-ikel li jitħassru malajr ħafna”.
-Fil-Ġermanja, tapplika għal “oġġetti li jitħassru malajr jew oġġetti li jkun għad fadal ħajja fuq l-ixkaffa qasira jekk il-prezz mitlub jitnaqqas minħabba riskju imminenti ta’ tħassir jew skadenza imminenti tal-ħajja fuq l-ixkaffa u dan ikun mgħarraf lill-konsumatur b’mod xieraq”.
-Fl-Italja, tapplika “għall-prodotti agrikoli u tal-ikel li jitħassru malajr” kif definiti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali speċifika.
-Fil-Litwanja, dan japplika għal “prodotti jew oġġetti li jitħassru malajr li jitilfu l-valur kummerċjali tagħhom”.
-Fi Spanja, tapplika għal “prodotti identiċi li jkunu qrib id-data ta’ skadenza tagħhom jew id-data ta’ ‘l-aħjar qabel’”.
-Fil-Bulgarija, tapplika għal “oġġetti li huma soġġetti għal deterjorament rapidu, jew li għandhom ħajja fuq l-ixkaffa qasira ”.
-Fl-Estonja, tapplika għal “oġġetti li, minħabba n-natura jew il-livell ta’ proċessar tagħhom, jimmaturaw jew jiddeterjoraw malajr u x’aktarx li ma jibqgħux tajbin għall-bejgħ qabel ma jkunu għaddew 30 jum mill-punt li fih jiġu offruti għall-bejgħ”.
-Fin-Netherlands, tapplika għal prodotti li “jitħassru malajr jew li għandhom ħajja fuq l-ixkaffa limitata” kif indikat b’digriet ministerjali.
-Fis-Slovenja, tapplika meta l-oġġetti jkunu eżatt qabel id-data ta’ skadenza tagħhom, u għal oġġetti li jitħassru malajr.
-Fil-Portugall, “prodotti agrikoli u tal-ikel li jitħassru” tfisser “prodotti agrikoli u tal-ikel li minħabba n-natura tagħhom jew l-istadju ta’ proċessar tagħhom x’aktarx ma jibqgħux tajbin għall-bejgħ fi żmien 30 jum wara l-ħsad, il-produzzjoni jew il-proċessar”.
L-għażla regolatorja rigward l-oġġetti li ilhom għall-bejgħ għal anqas minn 30 jum (“wasliet ġodda”) fl-Artikolu 6a(4) tippermetti lill-Istati Membri li jippermettu avviżi ta’ tnaqqis fil-prezz anki fir-rigward ta’ oġġetti li l-kummerċjant kien qed ibigħ għal anqas minn 30 jum qabel l-avviż ta’ tnaqqis fil-prezz. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu perjodu ta’ żmien iqsar minn 30 jum għall-istabbiliment tal-prezz “preċedenti”. Ħafna Stati Membri għażlu li jużaw din il-possibbiltà ħlief il-Kroazja, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Portugall u l-Iżvezja.
Fost l-Istati Membri li jużaw l-għażla regolatorja, ħafna jiddefinixxu l-“prezz preċedenti” bħala l-aktar prezz baxx applikat mill-kummerċjant minn meta l-oġġetti tqiegħdu fis-suq, mingħajr ma jistipulaw perjodu minimu, jiġifieri l-Awstrija, Ċipru, iċ-Ċekja, il-Greċja, l-Italja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovenja. Perjodi minimi huma stipulati fil-Belġju, fil-Bulgarija, fl-Estonja u fil-Latvja (għal kollha — 7 ijiem) u fl-Ungerija (15-il jum).
Fl-aħħar nett, skont l-għażla regolatorja għal każijiet fejn it-tnaqqis fil-prezz jiżdied progressivament (“skontijiet progressivi”) fl-Artikolu 6a(5), l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li, meta l-prezz jitnaqqas gradwalment mingħajr interruzzjonijiet matul l-istess kampanja ta’ bejgħ, l-aktar prezz baxx matul it-30 jum qabel l-applikazzjoni tal-ewwel avviż ta’ tnaqqis fil-prezz jibqa’ l-prezz preċedenti għall-avviżi sussegwenti kollha ta’ tnaqqis fil-prezz matul il-kampanja ta’ bejgħ. Din l-għażla tintuża minn kważi l-Istati Membri kollha, ħlief il-Polonja u Spanja.
L-implimentazzjoni tal-Artikolu 6a tal-PID uriet li hija l-aktar aspett diskuss tad-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni, u rċeviet attenzjoni konsiderevoli mill-awtoritajiet u mill-partijiet ikkonċernati tal-Istati Membri. Fi tmiem l-2021, il-Kummissjoni ħarġet gwida ddedikata dwar l-Artikolu 6a. Barra minn hekk, diversi Stati Membri adottaw linji gwida nazzjonali jew Q&As, eż. il-Belġju, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, il-Polonja u l-Iżvezja.
Il-gwida tal-Kummissjoni ċċarat, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ applikabbiltà tar-rekwiżit il-ġdid għall-benefiċċji kontinwi pprovduti fil-kuntest ta’ programmi ta’ lealtà tal-klijent (filwaqt li tnaqqis temporanju u ad hoc addizzjonali fil-prezz għall-membri ta’ tali programmi jkun soġġett għall-Artikolu 6a), u għal tnaqqis personalizzat ġenwin fil-prezz li minħabba n-natura tiegħu mhuwiex “imħabbar” lill-konsumaturi inġenerali.
Il-Kummissjoni għamlitha ċara wkoll il-pożizzjoni tagħha li, filwaqt li l-bejjiegħa jibqgħu liberi (soġġetti għar-rispett tal-UCPD) li jindikaw prezzijiet ta’ referenza addizzjonali (bħall-prezz tal-bejgħ regolari barra l-perjodi promozzjonali) biex isaħħu l-messaġġ promozzjonali, għandhom joqogħdu lura milli jużaw tekniki li jgħattu l-prezz preċedenti, u b’hekk jipprevjenu lill-konsumaturi milli jew jagħmluha aktar diffiċli għalihom li jieħdu nota tal-prezz preċedenti. Għalhekk, kwalunkwe tnaqqis perċentwali (eż. “roħs ta’ 30 %”) jew tnaqqis fl-ammont (eż. “ roħs ta’ EUR 50”) li l-bejjiegħ jista’ jagħżel li jindika bħala l-element ewlieni tal-avviż ta’ tnaqqis fil-prezz għandu jkun ibbażat fuq il-prezz “preċedenti” obbligatorju. Madankollu, din l-interpretazzjoni hija opposta minn ħafna partijiet ikkonċernati tal-industrija u bħalissa hija soġġetta għal rinviju għal deċiżjoni preliminari minn qorti Ġermaniża lill-QĠUE (Kawża C-330/23, Aldi Süd) .
Sa mill-adozzjoni tal-gwida tal-Kummissjoni, id-diskussjonijiet tal-partijiet ikkonċernati dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 6a PID, b’mod partikolari fil-qafas tas-CPC, indirizzaw eż. promozzjonijiet tal-prezzijiet ibbażati fuq ammont minimu ta’ xiri. Il-Kummissjoni spjegat fid-dokument ta’ gwida li l-Artikolu 6a ma japplikax għal offerti kkombinati jew offerti kondizzjonali marbuta, bħal “ixtri wieħed, ħu tnejn” jew “roħs ta’ 30 % meta tixtri tlieta”. Tali offerti kondizzjonali jibqgħu soġġetti għall-UCPD. Fid-dawl ta’ dan, jidher ġustifikat li l-promozzjonijiet ibbażati fuq ammont minimu ta’ xiri jiġu ttrattati b’mod simili sakemm jiksbu l-istess effett bħall-promozzjonijiet ibbażati fuq il-volum, jiġifieri japplikaw fil-prattika għal xiri ta’ aktar minn oġġett wieħed offrut mill-ħanut. L-istess bħat-tekniki promozzjonali alternattivi l-oħra, l-ammont minimu ta’ promozzjoni ma għandux jintuża biss sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni tal-Artikolu 6a.
Aspett rilevanti ieħor huwa n-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 6a għal prodotti individwali ta’ oġġetti li waslu biex jiskadu u li għalhekk għandhom jinbiegħu malajr f’sitwazzjoni fejn l-oġġett inkwistjoni ma jitħassarx minħabba n-natura tiegħu (eż. għaġin, marmellata jew kożmetiċi li ġeneralment ikollhom perjodi twal ta’ skadenza). Din il-kwistjoni hija rilevanti għall-Istat Membru li juża l-għażla regolatorja li jeżenta jew li jipprevedi regoli differenti dwar it-tnaqqis fil-prezz għal “oġġetti li x’aktarx jiddeterjoraw jew jiskadu malajr”. Peress li l-Artikolu 6a tal-PID ma jiddefinixxix dan il-kunċett, jidher iġġustifikat li tali eżenzjoni tiġi applikata wkoll għal prodotti individwali ta’ oġġetti li oġġettivament iridu jinbiegħu malajr anki jekk l-oġġett inkwistjoni ġeneralment ma “jitħassarx malajr” min-natura tiegħu. Fil-prattika dan ifisser li l-bejjiegħa għandhom ikunu jistgħu jiskontaw oġġetti speċifiċi ta’, pereżempju, kożmetiċi li jkunu waslu biex jiskadu, mingħajr ma tali tnaqqis jaffettwa t-tnaqqis fil-prezz ġenerali possibbli fil-futur tal-oġġetti kkonċernati.
Kwistjoni importanti oħra għall-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati fil-kuntest tal-Artikolu 6a tikkonċerna l-iżviluppi tas-suq rigward forom oħra ta’ promozzjonijiet tal-prezzijiet, b’mod partikolari t-tqabbil tal-prezzijiet. It-tqabbil tal-prezzijiet ma jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6a l-ġdid u jibqa’ soġġett għar-rekwiżiti ġenerali tal-ġustizzja tal-UCPD. Skont diversi awtoritajiet nazzjonali u assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, l-użu ta’ tqabbil tal-prezzijiet mill-bejjiegħa, speċjalment it-tqabbil mal-prezz bl-imnut rakkomandat mill-manifattur, żdied wara l-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda għat-tnaqqis fil-prezz skont il-PID.
Fil-qafas tas-CPC, fir-rigward tal-konformità mal-Artikolu 6a, sar sweep fuq it-tnaqqis fil-prezz f’Novembru 2022. Matul l-isweep, 13-il awtorità nazzjonali analizzaw 16 000 prodott minn 176 sit web, u mmonitorjawhom fuq perjodu ta’ xahar biex jistabbilixxu jekk il-prezz “preċedenti” indikat kienx konformi mar-rekwiżit legali l-ġdid tal-PID. L-isweep wera li aktar minn nofs il-prodotti mmonitorjati ppreżentaw tnaqqis fil-prezz. Minn dan in-numru, 23 % tal-avviżi ta’ tnaqqis fil-prezz kisru l-Artikolu 6a tal-PID. Dan il-ksur instab fuq mill-anqas 43 % tas-siti web osservati. Ta’ min jinnota li mhux l-Istati Membri kollha kkonċernati kienu ttrasponew u implimentaw l-Artikolu 6a l-ġdid tal-PID fi żmien tal-isweep, minkejja li kienu meħtieġa li jibdew l-applikazzjoni tiegħu mit-28 ta’ Mejju 2022.
Biex tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali fl-investigazzjonijiet tagħhom, il-Kummissjoni pprovditilhom għodda speċifika bbażata fuq l-IA fil-kuntest tal-e-Lab tal-UE — proġett immirat lejn l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ teknoloġiji diġitali avvanzati għall-investigazzjonijiet online tal-konsumatur bħala appoġġ tan-
network CPC
. L-għodda tippermetti lill-awtoritajiet jimmonitorjaw l-istorja tal-prezzijiet tal-prodotti magħżula u jistabbilixxu jekk il-prezz preċedenti ddikjarat fl-avviż tal-iskont huwiex fil-fatt l-aktar prezz baxx applikat għall-prodott fit-30 jum qabel l-avviż tat-tnaqqis fil-prezz.
Diversi awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar nedew azzjonijiet formali ta’ infurzar fir-rigward ta’ ksur li jikkonċerna t-tnaqqis fil-prezz. Pereżempju, fil-ħarifa tal-2023, l-Aġenzija tal-Konsumatur Żvediża (Konsumentverket) immonitorjat il-prezzijiet ta’ aktar minn 1 700 prodott f’diversi setturi differenti. Ir-rieżami kien jikkonċerna madwar 100 kumpanija, li l-maġġoranza tagħhom ikkummerċjalizzaw prodotti bi prezzijiet imraħħsa matul il-perjodu ta’ rieżami. Dan wera li 70 % tal-kumpaniji eżaminati li kkummerċjalizzaw tnaqqis fil-prezz kisru l-liġi applikabbli. B’mod speċifiku, huma: (1) ma indikawx l-aktar prezz baxx fl-aħħar 30 jum, (2) indikaw l-aktar prezz baxx preċedenti żbaljat, u (3) użaw prezz ta’ referenza differenti mill-orħos prezz preċedenti biex jikkalkulaw it-tnaqqis fil-prezz. Eżempji oħra jinkludu l-Uffiċċju Pollakk tal-Kompetizzjoni u l-Protezzjoni tal-Konsumatur (UOKiK), l-Awtorità Netherlandiża għall-Konsumaturi u s-Swieq (ACM) u l-Awtorità Regolatorja Teknika u għall-Protezzjoni tal-Konsumatur Estonjana (TTJA) li rrapportaw dwar ksur sinifikanti mill-kummerċjanti u ħabbru investigazzjonijiet formali. Fir-rigward tal-infurzar privat, f’Mejju 2023 l-assoċjazzjoni tal-konsumaturi Franċiża UFC Que Choisir ippubblikat rapport dwar il-prattiki ta’ tqabbil tal-prezzijiet ta’ tmien bejjiegħa ewlenin fis-suq Franċiż u ressqet ilmenti dwar prattiki kummerċjali żleali mal-Procureur de la République de Paris.
Fir-rigward tal-perċezzjonijiet tal-konsumaturi dwar l-affidabbiltà tat-tnaqqis fil-prezz, l-Istħarriġiet dwar il-Kundizzjonijiet tal-Konsumatur tal-2020 u tal-2022 inkludew mistoqsija dwar jekk il-konsumaturi kinux esperjenzaw skontijiet fil-prezzijiet li dehru kbar wisq biex ikunu ġenwini waqt it-tiftix jew ix-xiri online. Is-sehem ta’ konsumaturi li jirrapportaw li dejjem, ħafna drabi jew tal-anqas xi drabi ltaqgħu ma’ skontijiet fil-prezzijiet li dehrulhom li kienu kbar wisq kien simili fiż-żewġ stħarriġiet — 60 % fl-2022 u 61 % fl-2020.
Bejn Jannar u Ottubru 2023, fil-kuntest tal-istudju ta’ sostenn, twettaq test ta’ konformità fuq skala limitata fuq 95 sit web f’10 Stati Membri, li janalizza kif it-tnaqqis fil-prezz u tekniki oħra ta’ promozzjoni huma ppreżentati lill-konsumaturi. Dan l-eżerċizzju ffoka fuq il-preżentazzjoni tal-vantaġġi fil-prezz u ma segwiex il-prezz ta’ referenza matul il-perjodu ta’ 30 jum biex tiġi stabbilita l-validità tal-prezz “preċedenti”.
Mill-475 prodott osservati, deher tnaqqis fil-prezz jew promozzjonijiet oħra fir-rigward ta’ 360 prodott (fuq 75 minn 95 sit web). Il-kontroll wera wkoll li offerti kkombinati kienu preżenti fuq 27 sit web għal 88 prodott. Fl-aħħar nett, tnaqqis perċentwali ġenerali jew tnaqqis perċentwali marbut ma’ ammont minimu ta’ xiri kienu relattivament komuni (49,5 % tas-siti web osservati).
Fir-rigward tal-preżentazzjoni ta’ tnaqqis fil-prezz/promozzjonijiet għal prodotti speċifiċi (251 prodott fuq 42 sit web), f’madwar 90 % tal-każijiet, il-prezz ta’ referenza kien maqtugħ biex jiġi enfasizzat l-iskont. F’ 75,6 % tal-każijiet, il-vantaġġ fil-prezz ġie ppreżentat bħala perċentwal. Ħafna drabi, il-prezz ta’ referenza maqtugħ u l-perċentwali jew l-iskont assolut tal-valur intużaw flimkien biex jenfasizzaw il-promozzjoni.
Fir-rigward tan-natura tal-vantaġġ fil-prezz, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet (69,7 %) ir-riċerkaturi ma nnotaw l-ebda kwalifika jew spjegazzjoni tal-prezz ta’ referenza pprovdut (maqtugħ). Dan jissuġġerixxi li l-bejjiegħ kien qed joffri tnaqqis fil-prezz, li jfisser li l-prezz ta’ referenza pprovdut kellu jikkonforma mar-rekwiżiti għall-“prezz preċedenti” skont l-Artikolu 6a tal-PID. Il-bqija tal-promozzjonijiet dehru li kienu tqabbil tal-prezzijiet. Il-biċċa l-kbira minnhom użaw il-prezz bl-imnut rakkomandat bħala referenza (25,8 %) u l-bqija rreferew għall-kunċett ta’ “prezz medju” (3,1 %) u l-prezzijiet fuq siti web oħra (1,4 %).
Dawn ir-riżultati jissuġġerixxu li t-tnaqqis fil-prezz kien it-tip prevalenti tal-promozzjoni tal-prezzijiet; madankollu, wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-kwalifika speċifika tal-prezz ta’ referenza setgħet ma kinitx faċilment viżibbli u li wieħed jista’ jaraha fil-każijiet kollha. Pereżempju, ir-rapport imsemmi hawn fuq tal-assoċjazzjoni tal-konsumaturi Franċiża UFC Que Choisir minn Mejju 2023, li analizza kampjun ta’ 6 586 offerta bi prezzijiet ta’ referenza maqtugħin, ikkonkluda li 3,4 % biss ta’ dawn l-offerti kienu “tnaqqis fil-prezz” skont it-tifsira tal-Artikolu 6a PID. Aktar minn 9 minn 10 minn dawn l-offerti kienu pjuttost tqabbil tal-prezzijiet, bl-użu ta’ ħafna modi differenti ta’ kif tiġi ppreżentata r-referenza, bħal: “il-prezz bl-imnut rakkomandat”, “il-prezz oriġinali”, “prezz li kellu”, “il-prezz medju fis-suq”, “il-prezz medju fuq siti web tal-kompetituri”, “il-prezz provdut minn bejjiegħ terz”, eċċ.
L-istħarriġ tal-konsumaturi fil-kuntest tal-istudju ta’ sostenn ġabar il-perċezzjonijiet tal-konsumaturi dwar it-tipi ta’ promozzjonijiet tal-prezzijiet u l-prevalenza tagħhom. Bejn 52 % u 66 % tar-rispondenti indikaw li kienu ltaqgħu ma’ promozzjoni tal-prezzijiet mill-anqas “kultant” f’dawn l-aħħar 12-il xahar: tnaqqis fil-prezz meta jixtru aktar minn oġġett wieħed (66 %); tnaqqis meta jixtru aktar minn ċertu ammont (60 %); tnaqqis fil-prezz (56 %); prezz imraħħas għall-membri tal-“programm ta’ lealtà” (53 %); tqabbil mal-prezz rakkomandat (52 %).
Fil-kuntest tal-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, l-korpi kummerċjali u n-negozji tal-UE, filwaqt li appoġġjaw l-idea ta’ informazzjoni aħjar għall-konsumatur u trasparenza tal-promozzjonijiet tal-prezzijiet, ikkritikaw l-implimentazzjoni diverġenti tar-regola l-ġdida madwar l-Istati Membri, bħall-estensjoni tagħha lil hinn mill-bejgħ ta’ oġġetti f’xi Stati Membri u l-applikazzjoni differenti tal-għażla regolatorja dwar oġġetti li jitħassru malajr li qed tikkawża wkoll diffikultajiet għall-kummerċ transfruntier. Huma jitolbu wkoll infurzar aktar b’saħħtu tar-regoli għall-iskop ta’ kundizzjonijiet ekwi, inkluż fir-rigward ta’ kummerċjanti mhux tal-UE mmirati lejn is-suq tal-UE. F’dan ir-rigward, l-industrija qed tappella għal kooperazzjoni b’saħħitha fost l-awtoritajiet tal-protezzjoni tal-konsumatur madwar l-UE fi ħdan in-network CPC.
Għal ħafna partijiet ikkonċernati tan-negozju huwa importanti li tinżamm il-flessibbiltà attwali fir-rigward tat-tqabbil tal-prezzijiet. It-tqabbil tal-prezzijiet huwa partikolarment importanti għal networks ta’ franchise fejn il-franchisor iħabbar promozzjonijiet tal-prezzijiet abbażi tal-prezz tal-bejgħ rakkomandat tiegħu, u fis-settur tal-moda “outlet”. Il-partijiet ikkonċernati tan-negozju jqisu li l-approċċ attwali ta’ valutazzjoni każ b’każ għat-tqabbil tal-prezzijiet skont il-UCPD għandu jinżamm, inkluż fir-rigward tal-użu tal-prezz bl-imnut rakkomandat bħala referenza u tat-tekniki ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ tnaqqis perċentwali, tnaqqis fil-valur assolut u prezzijiet ta’ referenza maqtugħin. Fil-fehma tagħhom, il-kummerċjanti li jużaw tqabbil tal-prezzijiet jistgħu jiżguraw it-trasparenza meħtieġa billi jinfurmaw lill-konsumaturi b’mod xieraq; il-problemi possibbli jistgħu jiġu indirizzati billi tiġi estiża l-gwida tal-UCPD dwar it-tqabbil tal-prezzijiet biex jiġu speċifikati l-kriterji għal tqabbil ġust (filwaqt li jiġi żgurat li l-prezz ta’ referenza jkun reali, effettiv u rappreżentattiv). Ħafna partijiet ikkonċernati tan-negozju jopponu kwalunkwe regola formali ulterjuri dwar it-tqabbil tal-prezzijiet, filwaqt li fl-istess ħin jappellaw li jiġi evitat kwalunkwe approċċ differenti mill-awtoritajiet nazzjonali fi Stati Membri differenti lejn it-tqabbil tal-prezzijiet meta jinfurzaw ir-regoli ġenerali tal-UCPD f’każijiet individwali skont l-approċċ ta’ każ b’każ.
Bħala konklużjoni, l-implimentazzjoni tar-regola l-ġdida tal-PID tat lok għal mistoqsijiet importanti dwar l-interpretazzjoni tagħha, speċjalment minħabba l-firxa vasta ta’ tekniki differenti ta’ promozzjoni tal-prezzijiet użati mill-bejjiegħa. Xi wħud minnhom ġew iċċarati f’dan ir-rapport (minbarra l-gwida diġà pprovduta fl-Avviż tal-Kummissjoni tal-2021), filwaqt li l-kwistjoni importanti li tikkonċerna l-interazzjoni bejn il-prezz “preċedenti” regolat u prezzijiet ta’ referenza oħra fit-tnaqqis fil-prezz hija s-suġġett ta’ deċiżjoni futura tal-QĠUE fil-Kawża C-330/23, Aldi Süd.
L-implimentazzjoni tal-Artikolu 6a tal-PID turi ċerti diverġenzi bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u l-kategoriji ta’ oġġetti soġġetti għal forom ta’ regolazzjoni. B’mod partikolari, l-implimentazzjoni differenti tal-għażla regolatorja għal “oġġetti li jitħassru malajr” tagħti lok għal tħassib dwar in-nuqqas possibbli ta’ kundizzjonijiet ekwi u ċertezza legali għall-konsumaturi u l-kummerċjanti. Għandhom jiġu studjati soluzzjonijiet regolatorji alternattivi biex dawn il-kategoriji ta’ oġġetti jiġu indirizzati b’mod aktar armonizzat madwar l-Istati Membri kollha.
Diversi Stati Membri mhux biss ħarġu gwida formali għall-kummerċjanti tagħhom, li tikkomplementa l-Avviż tal-Kummissjoni, iżda wettqu wkoll monitoraġġ tas-suq u bdew infurzar formali, inkluż billi kkooperaw fi ħdan il-qafas tas-CPC u użaw l-għodod diġitali li jipprovdi. L-infurzar qawwi kontinwu se jkompli jkollu rwol essenzjali fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 6a tal-PID. Ħafna rappreżentanti tal-kummerċjanti jitolbu wkoll implimentazzjoni aktar uniformi u infurzar aktar b’saħħtu tar-regoli biex jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ekwi.
Ħafna rappreżentanti tal-konsumaturi u Stati Membri jenfasizzaw il-ħtieġa li jiġi indirizzat ir-riskju ta’ konfużjoni tal-konsumatur bejn tnaqqis fil-prezz “regolat” u forom oħra ta’ vantaġġi fil-prezz li huma soġġetti biss għall-valutazzjoni każ b’każ skont l-UCPD. Dawn il-formoli alternattivi jidhru li jintużaw b’mod aktar wiesa’ mid-dħul fis-seħħ tar-regoli tal-PID dwar it-tnaqqis fil-prezz, b’mod partikolari t-tqabbil tal-prezzijiet bl-użu tal-prezz bl-imnut rakkomandat bħala referenza. Min-naħa l-oħra, ir-rappreżentanti tal-kummerċjanti jappellaw li jiġi indirizzati it-tqabbil tal-prezzijiet bi gwida addizzjonali dwar il-prinċipji tagħhom fil-kuntest tal-UCPD. Fil-fehma tagħhom, l-għażla flessibbli tat-tekniki għat-tqabbil tal-prezzijiet għandha tinżamm b’applikazzjoni każ b’każ tal-UCPD. Hemm bżonn aktar riċerka biex jiġi vvalutat jekk il-prattiki kummerċjali attwali rigward il-kummerċjalizzazzjoni tat-tqabbil tal-prezzijiet jikkawżawx konfużjoni u jqarrqu bil-konsumaturi dwar in-natura reali tal-promozzjoni tal-prezzijiet u l-vantaġġ li din tinvolvi.
8.Kummerċjalizzazzjoni ta’ “standard doppju ta’ kwalità”
“Standard doppju ta’ kwalità” huwa t-terminu użat b’mod komuni li jirreferi għall-prattiki tal-kummerċjanti li jikkummerċjalizzaw oġġetti fi Stati Membri differenti bħala identiċi, minkejja li jkunu differenti b’mod sinifikanti fil-kompożizzjoni jew fil-karatteristiċi. Dawn id-differenzi mhumiex relatati mal-“kwalità” tal-oġġetti bħala tali iżda mad-differenzi fil-kompożizzjoni jew fil-karatteristiċi tal-oġġetti. Għalhekk, għalkemm jintuża b’mod komuni, it-terminu “standard doppju ta’ kwalità” ma jfissirx neċessarjament kwalità aktar baxxa tal-oġġetti. Filwaqt li tirrikonoxxi l-importanza tal-kwistjoni tal-“istandard doppju ta’ kwalità”, imqajma fil-Kunsill Ewropew, fil-Parlament Ewropew, u minn ċerti Stati Membri u partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni pproponiet it-tisħiħ tal-protezzjoni tal-konsumatur għal dawn il-każijiet permezz ta’ emenda speċifika tal-UCPD.
L-Artikolu 6(2)(c) il-ġdid tal-UCPD speċifikament jagħti s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti biex iwaqqfu u jipprojbixxu prattiki ta’ “standard doppju ta’ kwalità”, soġġetti għal valutazzjoni każ b’każ. Abbażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni, l-Istati Membri b’mod ġenerali implimentaw id-dispożizzjoni tal-“istandard doppju ta’ kwalità” b’mod korrett fil-liġi nazzjonali tagħhom. Problema possibbli ta’ traspożizzjoni qed tiġi diskussa ma’ Stat Membru wieħed biss.
L-Artikolu 6 tal-UCPD għandu l-għan li jiżgura t-trasparenza, sabiex il-konsumaturi ma jkunux imqarrqa mill-prodotti ppreżentati bħala identiċi fl-UE kollha meta fil-fatt ma jkunux. Dan japplika meta tali prattika ta’ kummerċjalizzazzjoni tista’ twassal lill-konsumaturi biex jieħdu deċiżjonijiet tranżazzjonali li ma kinux jieħdu kieku kienu jafu dwar id-differenza fil-kompożizzjoni u fil-karatteristiċi tal-oġġett. Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur ma tittrattax dwar il-kompożizzjoni u r-riċetti tal-prodott. Għalhekk, din l-emenda għall-UCPD ma għandhiex l-għan speċifiku li tarmonizza r-riċetti tal-prodotti madwar l-UE u ma teħtieġx tali armonizzazzjoni.
Il-Kummissjoni ċċarat l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2)(c) tal-UCPD f’taqsima ddedikata fil-Gwida tal-UCPD fi tmiem l-2021. Il-Gwida tispjega li, f’konformità mal-kamp ta’ applikazzjoni ġenerali wiesa’ tal-UCPD, il-“kummerċjalizzazzjoni” tkopri kemm il-preżentazzjoni tal-oġġetti fuq l-imballaġġ tagħhom, ir-reklamar relatat kif ukoll il-bejgħ tal-oġġetti lill-konsumaturi. Id-dispożizzjoni tapplika għall-kummerċjanti kollha involuti fil-provvista tal-oġġetti lill-konsumaturi, għalkemm il-grupp fil-mira ewlieni huwa b’mod ċar il-manifatturi li jiddeċiedu dwar il-kompożizzjoni, id-disinn u l-preżentazzjoni tal-oġġetti kkummerċjalizzati fi Stati Membri differenti.
Il-Gwida tal-UCPD tispjega wkoll kunċetti importanti, pereżempju “li jkunu identiċi” u s-“sinifikat” tad-differenza fil-kompożizzjoni jew fil-karatteristiċi. B’mod partikolari, tispjega li l-“importanza” tirrigwarda l-perċezzjoni ta’ konsumatur medju u għalhekk tagħmel parti mill-valutazzjoni ġenerali każ b’każ tal-impatt tal-kummerċjalizzazzjoni fuq id-deċiżjoni tranżazzjonali tal-konsumatur medju li jagħżel bejn oġġetti. Il-gwida tispjega wkoll li l-eċċezzjoni għal differenzi ġġustifikati minn “fatturi leġittimi u oġġettivi” bħad-disponibbiltà ġeografika jew staġjonali ta’ materja prima jew il-politiki volontarji ta’ riformulazzjoni nutrizzjonali tal-kummerċjanti li ma jistgħux teknikament jew ekonomikament isiru fis-swieq kollha fl-istess ħin għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv. Barra minn hekk, jekk il-kummerċjanti jsostnu li d-differenzi fl-oġġetti kkummerċjalizzati bħala identiċi huma ġġustifikati minn fatturi leġittimi u oġġettivi, huma għandhom jinfurmaw lill-konsumaturi dwarhom permezz ta’ mezzi oħra, pereżempju f’reklamar relatat, informazzjoni fil-stabbilimenti tal-bejgħ bl-imnut jew permezz ta’ mezzi online faċilment aċċessibbli.
Il-Kummissjoni qed timmonitorja b’mod attiv il-kwistjoni tal-“istandard doppju ta’ kwalità” fl-Istati Membri kollha u se tkompli tagħmel dan. Hija wettqet ukoll diversi studji dwar il-kwistjoni permezz taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tagħha.
F’Lulju 2023, il-Kummissjoni ppubblikat ir-riżultati tat-tieni studju dwar it-tqabbil tal-karatteristiċi u l-preżentazzjoni ta’ prodotti tal-ikel tal-marka madwar l-UE. Dan l-istudju kopra 26 Stat Membru (meta mqabbel mad-19-il Stat Membru koperti mill-ewwel studju ppubblikat fl-2019). Ikkonkluda li 6 % tal-prodotti tal-ikel koperti mill-istudju kellhom kompożizzjoni differenti iżda dehra identika fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett, filwaqt li 23 % tal-prodotti kienu jvarjaw fil-kompożizzjoni u sa ċertu punt indikaw id-differenzi permezz ta’ varjazzjonijiet fid-disinn fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett.
Meta mqabbel mal-ewwel studju tal-2019, dan irrappreżenta tnaqqis ta’ seba’ punti perċentwali ta’ oġġetti b’dehra identika jew simili fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett iżda b’kompożizzjoni jew karatteristiċi differenti. Ir-riżultat huwa inkoraġġanti, speċjalment peress li l-ġbir tal-kampjuni għall-analiżi sar qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjoni l-ġdida tal-UCPD. Bħal fl-ewwel studju tal-2019, fl-2023 il-Kummissjoni ma sabet l-ebda evidenza ta’ xejriet ġeografiċi konsistenti fil-kompożizzjoni u fil-karatteristiċi tal-oġġetti. Madankollu, dan l-aħħar studju wera wkoll li għad hemm każijiet ta’ prodotti b’kompożizzjoni differenti li huma kkummerċjalizzati bħala identiċi. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-kwistjoni u l-impatt tal-applikazzjoni tad-dispożizzjoni l-ġdida dwar l-UCPD fl-Istati Membri.
Fl-2023 ukoll, il-Kummissjoni ppubblikat għadd ta’ dokumenti analitiċi importanti oħra.
L-ewwel nett, l-istudju dwar il-prodotti tal-ikel inkorpora stħarriġ tal-manifatturi tal-prodotti inkwistjoni. Il-maġġoranza (60 %) tal-kumpaniji li nstabu li jikkummerċjalizzaw prodotti ta’ “standard doppju ta’ kwalità” indikaw li ħadu azzjonijiet jew li kienu qed jippjanaw li jaġixxu, inkluż billi jibdlu l-preżentazzjoni tal-prodott (jiġifieri d-dehra tal-parti ta’ quddiem tal-pakkett), jarmonizzaw ir-riċetti, jimplimentaw miżuri oħra (eż. jinfurmaw lill-konsumaturi) jew billi jikkombinaw dawn l-azzjonijiet. Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-konsumatur kienet ir-raġuni li ssemmiet l-iżjed mill-kumpaniji għaliex ħadu azzjoni (47 % tar-rispondenti li taw tweġiba). Raġunijiet bħal bidla fl-istrateġija tan-negozju (20 %), intervent mill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali (7 %) u pubbliċità negattiva (7 %) ingħataw ukoll bħala raġunijiet għaliex ġiet indirizzata l-kwistjoni. Il-kumpaniji li ma kinux qegħdin jippjanaw li jieħdu azzjoni (40 % tar-rispondenti) irrapportaw li n-nuqqas ta’ azzjoni kien dovut għal differenzi fir-regolamenti nazzjonali (80 %). Xi wħud indikaw fatturi relatati mal-produzzjoni (40 %) bħal dawk marbuta mad-disponibbiltà tal-materja prima madwar l-UE jew minħabba t-tagħmir tekniku użat fil-fabbriki. Issemmew ukoll il-preferenzi tal-konsumaturi, bħal profili tat-togħma speċifiċi (30 %), jew differenzi fl-istandards volontarji madwar l-Istati Membri (20 %). Fl-aħħar nett, “raġunijiet oħra” kienu jinkludu regoli differenti ta’ ttondjar għall-indikazzjoni tal-perċentwal ta’ ingredjenti jew prodotti mqabbla li ma jkunux mill-istess perjodu ta’ produzzjoni.
It-tieni, tlesta ttestjar empiriku tal-perċezzjonijiet tal-konsumaturi dwar id-differenzi fil-pakketti u fil-verżjonijiet tal-prodotti ta’ prodotti tal-ikel li jidhru identiċi. L-istudju sab li l-elementi tad-disinn fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett għandhom impatt fuq il-perċezzjoni tad-differenzi fl-imballaġġ u fil-prodott u fuq l-għażliet tal-konsumaturi u li, minħabba l-kumplessità tal-elementi tad-disinn, tkun meħtieġa valutazzjoni każ b’każ tal-impatt reali tagħhom fuq il-perċezzjoni u l-għażliet tal-konsumatur.
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ppubblikat ukoll studju dwar is-settur tal-kura personali u tad-dar wara li adattat il-metodoloġija eżistenti użata qabel għall-prodotti tal-ikel. Dan sab li 8 % tal-prodotti kienu differenti fil-kompożizzjoni iżda mingħajr ma kellhom dehra differenti għall-parti ta’ quddiem tal-pakkett f’mill-anqas 1 mill-20 Stat Membru mistħarreġ. 25 % tal-prodotti kienu differenti fil-kompożizzjoni u indikaw sa ċertu punt dawk id-differenzi b’varjazzjonijiet fid-disinn grafiku fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett. Is-sidien tal-marka ssottomettew li r-raġunijiet għal dawn id-differenzi kienu li t-tnedija tal-prodotti kienet saret fi żminijiet differenti fiċ-ċikli tar-riformulazzjoni tal-prodotti. Għal darba oħra, ma kien hemm l-ebda indikazzjoni ta’ differenzjazzjoni konsistenti ta’ prodotti relatati ma’ ċerti reġjuni ġeografiċi tal-Istati Membri li pparteċipaw.
Ir-riżultati preliminari ta’ dawn l-istudji differenti ġew ippreżentati matul avveniment tal-partijiet ikkonċernati f’Ottubru 2022 u r-riżultati finali quddiem il-Kumitat IMCO tal-Parlament Ewropew f’Settembru 2023.
Studju preċedenti tal-Kummissjoni fl-2020 sab li meta l-konsumaturi jiġu infurmati dwar id-differenzjazzjoni tal-prodotti tal-ikel f’diversi Stati Membri permezz tal-inklużjoni ta’ indikazzjoni “magħmul għal”, dan kellu impatti differenti fuq id-deċiżjonijiet tax-xiri tal-konsumaturi, jiġifieri f’xi każijiet dan wassal għall-għażla tal-verżjonijiet “domestiċi”, filwaqt li f’oħrajn intgħażlu l-verżjonijiet “barranin”. L-imġiba tal-konsumatur, meta jiġi kkonfrontat b’differenzjazzjoni ta’ oġġetti, tiddependi wkoll fuq l-iskala tad-differenza. Id-Deċiżjoni tranżazzjonali tal-konsumaturi medji kienet aktar probabbli li tiġi affettwata jekk kienu jafu li ingredjent wieħed jew għadd ta’ ingredjenti ewlenin jew il-kontenut tagħhom kienu jvarjaw b’mod sostanzjali. Barra minn hekk, differenzi akbar fil-kompożizzjoni huma aktar probabbli li jwasslu għal karatteristiċi ta’ sensazzjoni differenti, li jagħmlu d-differenza aktar ovvja.
F’April 2023, biex tappoġġja lill-awtoritajiet nazzjonali fl-attivitajiet tagħhom rigward l-“istandard doppju ta’ kwalità”, il-Kummissjoni organizzat, flimkien mal-Awtorità Rumena għall-Protezzjoni tal-Konsumatur, sessjoni ta’ ħidma iddedikata fil-qafas tas-CPC. Is-sessjoni ta’ ħidma pprevediet skambji utli bejn ir-rappreżentanti tal-Istati Membri u l-industrija. Filwaqt li l-awtoritajiet nazzjonali b’mod ġenerali qiesu l-kwistjoni bħala importanti, huma indikaw ukoll li jagħtuha gradi differenti ta’ prijorità, peress li l-kummerċjalizzazzjoni tal-“istandard doppju ta’ kwalità” ma taffettwax lill-konsumaturi bl-istess mod fl-Istati Membri kollha. Il-maġġoranza tal-awtoritajiet tal-Istati Membri saħqu fuq l-importanza ta’ valutazzjoni każ b’każ u rrimarkaw li, bħalissa, il-problema tal-“istandard doppju ta’ kwalità” hija ta’ anqas tħassib minn qabel l-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni, anke minħabba d-djalogi informali kostruttivi mal-manifatturi fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-regola l-ġdida tal-UCPD.
Dan ir-rapport ġie infurmat minn firxa ta’ kuntatti mal-partijiet ikkonċernati ffukati fuq l-“istandard doppju ta’ kwalità”. L-intervisti mal-Ministeri nazzjonali li jiffukaw fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni koprew l-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, permezz tal-programm usa’ ta’ intervisti għall-Kontroll tal-Idoneità, inġabar feedback dwar l-“istandard doppju ta’ kwalità” mill-partijiet ikkonċernati inklużi l-assoċjazzjonijiet tal-kummerċjanti tal-UE. Xi ministeri nazzjonali rrapportaw li huma qiesu l-kwistjoni tal-“istandard doppju ta’ kwalità” diġà ġiet indirizzata permezz tad-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni. Oħrajn qisuha bħala kwistjoni ta’ importanza komparattivament baxxa meta mqabbla ma’ prattiki problematiċi oħra. Madankollu, kien hemm ukoll Stati Membri li wrew tħassib kontinwu dwar l-“istandard doppju ta’ kwalità”.
Skont feedback milll-intervisti u bil-miktub riċevut mill-Ministeri nazzjonali, żewġ Stati Membri biss wettqu investigazzjonijiet formali dwar każijiet ta’ standard doppju ta’ kwalità. L-awtoritajiet Ċeki segwew każ ta’ “standard doppju ta’ kwalità” li jikkonċerna l-manifattur ta’ prodott tal-ikel li wera differenzi fil-kompożizzjoni meta mqabbel ma’ prodotti ekwivalenti kkummerċjalizzati fi Stati Membri oħra. L-awtoritajiet Rumeni investigaw każ li jikkonċerna kumpanija ta’ xorb mhux alkoħoliku fuq il-bażi li l-prodotti tagħhom b’marka identika kellhom kompożizzjoni differenti fi Stati Membri differenti. Il-konklużjonijiet ta’ dawn l-investigazzjonijiet ma tħabbrux pubblikament mill-awtoritajiet ikkonċernati.
Barra minn hekk, is-Slovakkja wettqet riċerka tas-suq fl-2024 u sabet każijiet ta’ prodotti li jippreżentaw differenzi fil-kompożizzjoni, speċjalment fil-każ ta’ xorb mhux alkoħoliku, prodott ta’ oriġini mill-annimali u taħwir tal-ikel. Is-Slovakkja ppreżentat dawn is-sejbiet fil-Kunsill Agrikoltura u Sajd fis-27 ta’ Mejju 2024 fejn stiednet lill-Kummissjoni biex tkompli tagħti l-attenzjoni debita lil din il-problema u lill-Istati Membri kollha biex jinfurzaw il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE.
L-istħarriġ tal-partijiet ikkonċernati inkluda wkoll mistoqsijiet speċifiċi dwar il-perċezzjoni ta’ detriment għall-konsumatur minħabba prattiki ta’ “standard doppju ta’ kwalità”, l-azzjonijiet meħtieġa biex dan jiġi indirizzat u t-tipi ta’ azzjoni leġiżlattiva potenzjali.
Fir-rigward tad-detriment għall-konsumatur, 26 rispondent qiesu li l-konsumaturi jsofru detriment minħabba prattiki ta’ “standard doppju ta’ kwalità” b’mod qawwi jew moderat. Fost 26 rispondent, disa’ Ministeri u awtoritajiet tal-infurzar minn sitt Stati Membri, u seba’ assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi (assoċjazzjonijiet nazzjonali minn sitt Stati Membri u assoċjazzjoni waħda fil-livell tal-UE) wieġbu li kien hemm detriment għall-konsumatur. L-ebda assoċjazzjoni ta’ impriżi ma esprimiet tali fehma.
Fir-rigward tal-miżuri meħtieġa biex jiġu indirizzati l-prattiki ta’ “standard doppju ta’ kwalità” mill-kummerċjanti, fost l-awtoritajiet tal-Istati Membri (Ministeri u awtoritajiet tal-infurzar), ir-rappreżentanti ta’ tliet Stati Membri wieġbu li r-regoli attwali tal-UCPD, ibbażati fuq valutazzjoni każ b’każ u b’kunsiderazzjoni tal-impatt fuq il-konsumaturi, huma adegwati u għandhom jiġu infurzati filwaqt li r-rappreżentanti tat-tliet Stati Membri l-oħra wieġbu li hemm bżonn regoli aktar stretti. Fost l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, waħda ħasset li r-regoli huma adegwati iżda għandhom jiġu infurzati aħjar filwaqt li l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw ħames Stati Membri ħassew li kien hemm bżonn regoli aktar stretti. L-assoċjazzjoni unika li wieġbet fil-livell tal-UE ma pprovdietx tweġiba għal din il-mistoqsija.
Fl-aħħar nett, ir-rispondenti li indikaw il-ħtieġa ta’ “regoli aktar stretti” ntalbu jindikaw l-għażliet għat-tisħiħ tal-qafas legali. Ir-rispondenti setgħu jindikaw aktar minn għażla waħda fformulata minn qabel u setgħu jipproponu l-għażliet alternattivi tagħhom.
Fost l-erba’ rispondenti li jirrappreżentaw ministeri u awtoritajiet tal-infurzar nazzjonali (li b’kollox jirrappreżentaw tliet Stati Membri), tlieta (li jirrappreżentaw żewġ Stati Membri) kienu favur il-projbizzjoni ta’ tali prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni fiċ-ċirkostanzi kollha u fl-Istati Membri kollha affettwati, irrispettivament mill-impatt tagħhom fuq il-konsumaturi individwali f’pajjiżi individwali. L-erba’ rispondenti mit-tliet Stati Membri kollha appoġġjaw iż-żewġ għażliet l-oħra (ukoll): ir-restrizzjoni/l-ispeċifikazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ fatturi “leġittimi u oġġettivi” li jistgħu jiġġustifikaw tali prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni, u l-adozzjoni ta’ regoli addizzjonali biex il-konsumaturi jiġu infurmati meta l-verżjonijiet nazzjonali tal-prodotti jkunu differenzjati minħabba fatturi “leġittimi u oġġettivi”.
Mill-ħames assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi (li jirrappreżentaw ħames Stati Membri), waħda kienet favur il-projbizzjoni ta’ prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ “standard doppju ta’ kwalità” fiċ-ċirkostanzi kollha. Tlieta kienu favur l-għażliet l-oħra — ir-restrizzjoni/l-ispeċifikazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ fatturi “leġittimi u oġġettivi” u l-introduzzjoni ta’ regoli addizzjonali biex il-konsumaturi jiġu infurmati. Oħra wriet li kienet favur l-għażliet kollha.
Bħala konklużjoni, l-esperjenza tal-infurzar u l-istħarriġ imwettaq għall-fini ta’ dan ir-rapport juru perċezzjonijiet differenti dwar l-importanza tal-problemi relatati mal-“istandard doppju ta’ kwalità”. Għal ċerti Stati Membri, il-kwistjoni għadha ta’ tħassib. Fir-rigward tal-emenda rilevanti introdotta mid-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni, l-Istati Membri jidhru ġeneralment kuntenti bil-possibbiltajiet li issa huma disponibbli skont l-UCPD biex jaġixxu fuq prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ “standard doppju ta’ kwalità” fejn meħtieġ biex jipproteġu lill-konsumaturi tagħhom, jiġifieri fuq bażi ta’ każ b’każ. Diversi awtoritajiet nazzjonali apprezzaw il-kooperazzjoni informali tagħhom mal-industrija fis-soluzzjoni tal-problemi identifikati.
L-aħħar stħarriġ madwar l-UE tal-prodotti tal-ikel tal-Kummissjoni juri li l-industrija kienet qed tieħu miżuri jew biex tibdel il-preżentazzjoni tal-verżjonijiet nazzjonali differenti, ħalli tevita li tqarraq bil-konsumaturi, jew biex tarmonizza r-riċetti u l-kompożizzjoni tagħhom madwar l-Istati Membri.
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, u bil-leġiżlazzjoni l-ġdida fis-seħħ għal sentejn biss sa issa, jidher li hemm bżonn li ssir enfasi fuq l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli l-ġodda.
B’kont meħud tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17–18 ta’ April 2024, il-Kummissjoni se tkompli tgħin fl-isforzi tal-Istati Membri biex jindirizzaw każijiet ta’ “standard doppju ta’ kwalità” ta’ tħassib, tappoġġja l-kooperazzjoni permezz tan-network CPC, tippromwovi l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi tal-leġiżlazzjoni l-ġdida, u tkompli tissorvelja s-sitwazzjoni fis-swieq.
9.Bejgħ bieb bieb mhux mitlub, eskursjonijiet kummerċjali u avvenimenti ta’ bejgħ
Id-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni żiedet mal-UCPD (l-Artikolu 3(5)) għażla regolatorja li tippermetti lill-Istati Membri jadottaw regoli proporzjonati u nondiskriminatorji biex jipproteġu l-interessi leġittimi tal-konsumaturi fir-rigward ta’ kummerċjalizzazzjoni jew prattiki ta’ bejgħ aggressivi jew qarrieqa fil-kuntest ta’ żjarat mhux mitluba fid-dar tal-konsumatur (“bejgħ bieb bieb mhux mitlub”) jew eskursjonijiet organizzati minn kummerċjant bl-għan jew bl-effett li jippromwovi jew ibigħ prodotti lill-konsumaturi (“eskursjonijiet kummerċjali”), fejn tali regoli jkunu ġġustifikati għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur.
Il-Premessa 55 tad-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni tispjega li tali dispożizzjonijiet nazzjonali jenħtieġ li ma jipprojbixxux dawk il-kanali tal-bejgħ bħala tali. Hija tagħti wkoll eżempji tad-dispożizzjonijiet nazzjonali possibbli, pereżempju, li jipprojbixxu żjarat mhux mitluba jekk il-konsumatur ikun indika b’mod viżibbli li tali żjarat mhumiex aċċettabbli jew li jiddefinixxu l-ħin tal-ġurnata meta tali żjarat ma jkunux permessi. Ta’ min jinnota li dawn l-għażliet regolatorji ġodda ma jaffettwawx il-miżuri tal-Istati Membri bbażati fuq raġunijiet oħra minbarra l-protezzjoni tal-konsumatur li ma humiex parti mill-kamp ta’ applikazzjoni armonizzat tal-UCPD (pereżempju, ara l-Premessa 7 tal-UCPD dwar miżuri bbażati fuq il-gosti u d-deċenza).
Barra minn hekk, is-CRD ġiet emendata biex tippermetti lill-Istati Membri jadottaw dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu regoli aktar favorevoli dwar id-dritt ta’ reċess tal-konsumatur. Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jestendu d-dritt ta’ reċess fil-każ ta’ żjarat mhux mitluba jew eskursjonijiet kummerċjali minn 14-il jum sa 30 jum (l-Artikolu 9(1a) tas-CRD), u jistgħu jidderogaw minn erbgħa mill-eċċezzjonijiet speċifiċi mid-dritt ta’ rtirar (l-ewwel paragrafu, il-punti (a), (b), (c) u (e) tal-Artikolu 16 tas-CRD).
Dawn l-għażliet regolatorji ma japplikawx għal kategorija oħra ta’ bejgħ barra mill-post tan-negozju — avvenimenti ta’ bejgħ (dimostrazzjonijiet tal-prodotti) organizzati f’postijiet oħra barra l-post tan-negozju tal-kummerċjant, bħal djar privati, kafetteriji jew ristoranti. Dawn it-tekniki ta’ bejgħ jibqgħu soġġetti għar-regoli ġenerali tal-UCPD u tas-CRD. Il-klawżola ta’ rieżami tad-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni tirrikjedi speċifikament li l-Kummissjoni tivvaluta jekk ir-regoli attwali jipprovdux livell adegwat ta’ protezzjoni tal-konsumatur fil-kuntest ta’ tali avvenimenti ta’ bejgħ.
Diversi Stati Membri użaw l-għażliet regolatorji biex jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ żjarat mhux mitluba u/jew eskursjonijiet kummerċjali skont il-UCPD (l-Awstrija, il-Belġju, il-Kroazja, iċ-Ċekja, Franza, il-Ġermanja, is-Slovakkja u Spanja). Pereżempju, il-liġi Kroata tipprevedi li żjarat mhux mitluba fid-dar tal-konsumatur jistgħu jsiru f’jiem tax-xogħol bejn it-8.00 u t-20.00. Fil-Ġermanja, meta kuntratt jiġi konkluż fil-kuntest ta’ żjara mhux mitluba fid-dar tal-konsumatur, huwa pprojbit li l-konsumatur jintalab iħallas għall-oġġett jew għas-servizz qabel tmiem il-jum li fih ikun ġie konkluż il-kuntratt (dan ma japplikax jekk il-ħlas ikun anqas minn EUR 50). Franza tipprojbixxi żjarat mhux mitluba minn kummerċjant fid-dar ta’ konsumatur bl-għan li jbigħ oġġetti jew jipprovdi servizzi fejn il-konsumatur ikun indika b’mod ċar u mhux ambigwu li ma jixtieqx ikun is-suġġett ta’ tali żjarat.
Diversi Stati Membri jużaw l-għażliet regolatorji tas-CRD rigward id-dritt ta’ reċess. Pereżempju, Ċipru, il-Greċja, l-Italja, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja jużaw iż-żewġ għażliet, jiġifieri estendew id-dritt tal-perjodu ta’ reċess għal 30 jum u rrinunzjaw l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet kollha jew ta’ xi wħud minnhom mid-dritt ta’ rtirar. Barra minn hekk, iċ-Ċekja, l-Irlanda, il-Portugall u Spanja użaw biss l-għażla li jestendu d-dritt ta’ perjodu ta’ reċess għal 30 jum, filwaqt li l-Awstrija, il-Kroazja u l-Finlandja rrinunzjaw l-applikazzjoni tal-erba’ eċċezzjonijiet jew ta’ xi wħud minnhom mid-dritt ta’ reċess.
Il-partijiet ikkonċernati li jirrappreżentaw is-settur tal-bejgħ dirett (li jinkludu l-bejgħ bieb bieb u bejgħ waqt avvenimenti) ma kkomunikawx lill-Kummissjoni tħassib speċifiku relatat mal-użu mill-Istati Membri ta’ dawn l-għażliet regolatorji. Lanqas ma hemm indikazzjonijiet ta’ impatt apprezzabbli fuq il-kummerċ transfruntier. Skont ir-rappreżentanti tal-industrija, il-bejgħ bieb bieb mhuwiex ikkaratterizzat minn dimensjoni transfruntiera qawwija. Barra minn hekk, ħafna bejjiegħa diretti qed jaqilbu għal metodi ta’ bejgħ online filwaqt li jżommu l-karatteristika tal-interazzjoni personali mal-klijenti tagħhom.
Skont l-istħarriġ ta’ Ipsos tal-2023 dwar il-bejjiegħa diretti, l-aktar metodi komuni għall-bejgħ lil klijenti eżistenti huma n-networks personali (54 %), il-festini fid-dar/id-dimostrazzjonijiet tal-prodotti (39 %) u l-media soċjali (39 %); filwaqt li l-aktar metodi komuni għall-bejgħ lil klijenti potenzjali ġodda huma r-riferimenti/bil-fomm (64 %), in-networks personali (51 %) u l-festini fid-dar/id-dimostrazzjonijiet tal-prodotti (43 %).
Avvenimenti organizzati ta’ bejgħ (jiġifieri dimostrazzjoni tal-prodott f’dar privata, lukanda jew ristorant li jinvolvu l-bejgħ tal-prodott) huma soġġetti għad-dispożizzjonijiet ġenerali tal-UCPD. Prattiki aggressivi u qarrieqa fil-kuntest ta’ avvenimenti ta’ bejgħ bħal dawn jistgħu jiġu sanzjonati mill-awtoritajiet nazzjonali abbażi ta’ valutazzjoni każ b’każ skont l-Artikoli 5 sa 9 tal-UCPD. Barra minn hekk, l-Anness I tal-UCPD jipprojbixxi prattiki fejn il-kummerċjant joħloq l-impressjoni li l-kummerċjant ma jkunx qed jaġixxi għal finijiet relatati mal-professjoni tal-kummerċjant, u prattiki li joħolqu l-impressjoni li l-konsumatur ma jistax iħalli l-post qabel ma jsir kuntratt. Barra minn hekk, l-UCPD hija mingħajr preġudizzju għar-reġimi ta’ awtorizzazzjoni u l-miżuri nazzjonali meħuda għal finijiet oħra barra l-protezzjoni tal-konsumatur (bħal raġunijiet kulturali, id-deċenza, eċċ.) u li għalhekk huma barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-UCPD.
L-istudju ta’ sostenn għal dan ir-rapport ma identifika l-ebda każ nazzjonali jew azzjoni ta’ infurzar speċifikament dwar avvenimenti ta’ bejgħ.
Fl-istħarriġ tal-konsumaturi fil-kuntest tal-istudju ta’ sostenn, minoranza biss ta’ konsumaturi rrapportaw li esperjenzaw, fl-aħħar 12-il xahar, dimostrazzjoni ta’ prodott f’dar privata, lukanda jew ristorant li jinvolvi l-bejgħ tal-prodott — 16 % (li jvarja minn 28 % fir-Rumanija għal 11 % fil-Portugall). L-istess sehem ta’ rispondenti (16 %) irrapportaw li esperjenzaw żjara mhux mitluba ta’ bejgħ bieb bieb (minn 23 % fl-Iżvezja u fi Franza għal 6 % fl-Ungerija). Numru saħansitra iżgħar kien esperjenza eskursjonijiet kummerċjali: 11 % (li jvarja minn 14 % fi Franza għal 8 % fil-Portugall u fl-Ungerija).
Madankollu, fost dawk li esperjenzaw dawn it-tekniki ta’ bejgħ, il-maġġoranza (67 % f’każijiet ta’ bejgħ bieb bieb u avvenimenti ta’ bejgħ u 70 % f’każijiet ta’ eskursjonijiet kummerċjali) indikaw li ħassew ċerta pressjoni biex jixtru. L-ogħla sehem ta’ konsumaturi li ħassew ċerta pressjoni matul żjarat mhux mitluba kien fl-Estonja (81 %) u l-aktar wieħed baxx fi Franza (50 %). Fir-rigward tal-eskursjonijiet kummerċjali, l-ogħla sehem ta’ konsumaturi li ħassew ċerta pressjoni kien fil-Polonja (78 %), u l-aktar wieħed baxx fl-Italja (63 %). Fil-każ ta’ dimostrazzjonijiet tal-prodotti f’dar privata, lukanda jew ristorant, l-ogħla sehem ta’ konsumaturi li ħassew ċerta pressjoni kien fil-Portugall (79 %) u l-aktar wieħed baxx fi Franza (59 %).
L-istħarriġ tal-partijiet ikkonċernati kien jinkludi mistoqsijiet dwar il-perċezzjoni ta’ detriment għall-konsumatur minħabba prattiki żleali potenzjali bħall-bejgħ bi pressjoni, informazzjoni qarrieqa użata fil-kuntest ta’ dawn it-tekniki ta’ bejgħ u l-miżuri meħtieġa.
Fir-rigward tal-bejgħ bieb bieb, kien hemm 128 tweġiba individwali li minnhom 87 esprimew opinjoni filwaqt li 41 wieġbu “ma nafx”. Fost it-total ta’ 23 rispondent mill-ministeri u mill-awtoritajiet tal-infurzar nazzjonali (li jirrappreżentaw 17-il Stat Membru), 17-il rispondent (li jirrappreżentaw 12-il Stat Membru) qiesu li l-bejgħ bieb bieb jikkawża detriment għall-konsumatur “b’mod qawwi” jew “b’mod moderat”. Fost it-total ta’ 13-il rispondent minn assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi (assoċjazzjonijiet nazzjonali minn tmien Stati Membri u żewġ assoċjazzjonijiet fil-livell tal-UE), 12-il rispondent qiesu li l-bejgħ bieb bieb jikkawża livelli kbar jew moderati ta’ detriment għall-konsumatur. Fost ir-rispondenti minn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi (28), l-ebda wieħed ma qies li l-bejgħ bieb bieb jikkawża livelli kbar jew moderati ta’ detriment għall-konsumatur.
Fir-rigward tal-eskursjonijiet kummerċjali, 76 rispondent esprimew opinjoni filwaqt li 52 wieġbu “ma nafx”). Fost it-total ta’ 25 rispondent mill-ministeri u mill-awtoritajiet tal-infurzar nazzjonali (li jirrappreżentaw 16-il Stat Membru), 12-il rispondent (li jirrappreżentaw 10 Stati Membri) qiesu li l-eskursjonijiet kummerċjali kkawżaw detriment għall-konsumatur “b’mod qawwi” jew “b’mod moderat”. Fost it-total ta’ 13-il rispondent minn assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi (assoċjazzjonijiet nazzjonali minn tmien Stati Membri u żewġ assoċjazzjonijiet fil-livell tal-UE), 11-il rispondent qiesu li l-bejgħ bieb bieb jikkawża livelli kbar jew moderati ta’ detriment għall-konsumatur. Fost ir-rispondenti minn 27 assoċjazzjoni ta’ impriżi, l-ebda wieħed ma qies li l-bejgħ bieb bieb jikkawża livelli kbar jew moderati ta’ detriment għall-konsumatur.
Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ avvenimenti ta’ bejgħ organizzati, fost it-total ta’ 127 rispondent, 78 esprimew opinjoni filwaqt li 49 wieġbu “ma nafx”. Fost it-total ta’ 19-il rispondent mill-ministeri u mill-awtoritajiet tal-infurzar nazzjonali (li jirrappreżentaw 13-il Stat Membru), 14-il rispondent (li jirrappreżentaw 11-il Stat Membru) qiesu li l-avvenimenti ta’ bejgħ ikkawżaw detriment għall-konsumatur “b’mod qawwi” jew “b’mod moderat”. Fost it-total ta’ 14-il rispondent minn assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi (assoċjazzjonijiet nazzjonali minn tmien Stati Membri u tliet assoċjazzjoni fil-livell tal-UE), 11 qiesu li l-avvenimenti ta’ bejgħ jikkawżaw detriment “b’mod qawwi” jew “b’mod moderat”. Fost is-27 rispondent minn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, l-ebda wieħed minnhom ma wieġeb li dawn l-avvenimenti jikkawżaw detriment kbir jew moderat.
Ir-rispondenti li qiesu li dawn it-tekniki ta’ bejgħ jikkawżaw detriment kbir jew moderat intalbu jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar liema miżuri jistgħu jittieħdu biex il-konsumaturi jiġu protetti aħjar. Kien hemm 40 tweġiba bħal dawn għall-bejgħ bieb bieb, 31 għall-eskursjonijiet kummerċjali u 34 għall-avvenimenti ta’ bejgħ organizzati.
Fir-rigward tal-bejgħ bieb bieb, fost is-16-il rispondent mill-ministeri u mill-awtoritajiet tal-infurzar nazzjonali (li jirrappreżentaw 10 Stati Membri), tmien rispondenti (li jirrappreżentaw sitt Stati Membri) appoġġjaw infurzar aħjar tar-regoli eżistenti, żewġ rispondenti (li jirrappreżentaw l-istess Stat Membru) appoġġjaw regoli nazzjonali personalizzati aktar stretti u erba’ rispondent (li jirrappreżentaw tliet Stati Membri) appoġġjaw regoli aktar stretti għall-UE kollha.
Fir-rigward tal-eskursjonijiet kummerċjali, fost is-16-il rispondent mill-ministeri u mill-awtoritajiet tal-infurzar nazzjonali (li jirrappreżentaw 10 Stati Membri), seba’ rispondenti (li jirrappreżentaw tliet Stati Membri) appoġġjaw infurzar aħjar tar-regoli eżistenti, rispondent wieħed appoġġja regoli nazzjonali personalizzati aktar stretti u żewġ rispondenti (li jirrappreżentaw żewġ Stati Membri) appoġġjaw regoli aktar stretti għall-UE kollha.
Fir-rigward tal-avvenimenti ta’ bejgħ organizzati, fost is-16-il rispondent mill-ministeri u mill-awtoritajiet tal-infurzar nazzjonali (li jirrappreżentaw 10 Stati Membri), erba’ rispondenti (li jirrappreżentaw erba’ Stati Membri) appoġġjaw infurzar aħjar tar-regoli eżistenti, żewġ rispondenti (li jirrappreżentaw żewġ Stati Membri) appoġġjaw regoli nazzjonali personalizzati aktar stretti u erba’ rispondenti (li jirrappreżentaw erba’ Stati Membri) appoġġjaw regoli aktar stretti għall-UE kollha.
Fil-livell nazzjonali, l-Awtorità Netherlandiża għall-Konsumaturi u s-Swieq (ACM, Authority for Consumers and Markets) wettqet studju dwar il-konsumaturi fl-2022. Hija kkonkludiet li l-kuntratti tal-enerġija kienu kkummerċjalizzati l-aktar bl-użu ta’ bejgħ bieb bieb, iżda wkoll biljetti tal-lotteriji, pjanijiet tat-telefon u tal-broadband, u donazzjonijiet lil organizzazzjonijiet tal-karità. L-istudju nnota li ħafna konsumaturi jesperjenzaw pressjoni biex jikkonkludu kuntratti fil-kuntest tal-bejgħ bieb bieb.
Bħala konklużjoni, abbażi tad-data miġbura għal 10 Stati Membri, minoranza relattiva biss ta’ konsumaturi huma esposti għat-tliet tekniki ta’ bejgħ inkwistjoni. Madankollu, fost dawn il-konsumaturi li esperjenzawhom fil-prattika, perċentwal kbir jirrapporta li esperjenza bejgħ bi pressjoni li jqajjem tħassib dwar kemm huma ġusti l-prattiki kummerċjali użati mill-bejjiegħa rispettivi. Diversi Stati Membri implimentaw l-għażliet regolatorji l-ġodda skont il-UCPD u s-CRD biex jimponu regoli u restrizzjonijiet addizzjonali speċifiċi u/jew biex isaħħu d-dritt ta’ reċess tal-konsumatur fil-bejgħ bieb bieb u f’eskursjonijiet kummerċjali. Għadu kmieni wisq biex jitfasslu konklużjonijiet dwar l-impatt ta’ dawn il-miżuri.
Fir-rigward tal-avvenimenti ta’ bejgħ (dimostrazzjonijiet tal-prodotti), ir-riċerka għal dan ir-rapport ma żvelatx sejħa qawwija mill-Istati Membri jew mill-partijiet ikkonċernati għal azzjoni regolatorja. Is-sitwazzjoni tal-avvenimenti ta’ bejgħ ma dehritx bħala kwistjoni ewlenija fid-dokumenti ta’ pożizzjoni riċevuti lanqas (la fil-konsultazzjonijiet pubbliċi u lanqas f’dawk immirati). Il-UCPD tippermetti lill-Istati Membri jrażżnu l-prattiki żleali fil-kuntest ta’ avvenimenti ta’ bejgħ billi japplikaw id-dispożizzjonijiet ġenerali kontra prattiki qarrieqa u aggressivi kif ukoll il-projbizzjonijiet rilevanti speċifiċi fil-blacklist.
10. Trasparenza fit-tfittxijiet online
Id-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni żiedet mal-UCPD (l-Artikolu 7 (4a)) ir-rekwiżit li l-konsumaturi jiġu infurmati dwar il-parametri ewlenin li jiddeterminaw il-klassifikazzjoni tar-riżultati ta’ tiftix online fl-ambjent B2C. Dan ikkumplementa l-obbligu parallel introdott mir-Regolament dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Pjattaformi u n-Negozji fl-ambjent B2B. Skont il-UCPD, dawk ir-rekwiżiti japplikaw għal swieq online u għodod ta’ tqabbil li jippermettu lill-konsumaturi jfittxu prodotti offruti minn partijiet terzi (jiġifieri minn kummerċjanti oħra, iżda wkoll minn konsumaturi li joffru oġġetti u servizzi fuq pjattaformi ta’ intermedjazzjoni għall-bejgħ minn konsumatur għal konsumatur (C2C)). Rekwiżit simili huwa inkluż ukoll fis-CRD (l-Artikolu 6a) li japplika biss għas-swieq online. Barra minn hekk, projbizzjoni speċifika ta’ reklamar u promozzjoni mhux żvelati ta’ prodotti fir-riżultati ta’ tiftix ġiet miżjuda mal-Anness I tal-UCPD (il-punt 11a).
Barra minn hekk, fil-każ ta’ sistemi ta’ rakkomandazzjoni, id-DSA jirrikjedi aktar trasparenza fit-termini u l-kundizzjonijiet dwar il-parametri ewlenin użati, kif ukoll informazzjoni u funzjonalitajiet rigward l-għażliet għall-konsumaturi biex jimmodifikaw jew jinfluwenzaw dawk il-parametri. Id-DSA jintroduċi wkoll obbligu għall-pjattaformi online li jipprovdu dikjarazzjoni ċara u speċifika tar-raġunijiet lil kwalunkwe riċevitur tas-servizz affettwat għal kwalunkwe restrizzjoni tal-viżibbiltà ta’ elementi speċifiċi ta’ informazzjoni pprovduti mir-riċevitur tas-servizz, inkluż it-tneħħija tal-kontenut, id-diżattivazzjoni tal-aċċess għall-kontenut, jew shadow banning. Fil-każ ta’ pjattaformi online kbar ħafna (VLOPs) u magni tat-tiftix online kbar ħafna (VLOSEs), id-DSA jirrikjedi d-disponibbiltà ta’ mill-anqas għażla waħda ta’ sistema ta’ rakkomandazzjoni mhux personalizzata.
Fir-rigward tal-perċezzjonijiet tal-konsumaturi dwar it-trasparenza tal-klassifikazzjoni online, il-perċentwal ta’ konsumaturi li indikaw li ma setgħux jifhmu l-metodu ta’ klassifikazzjoni tar-riżultati ta’ tiftix mill-anqas “kultant” kien ta’ 52 % fis-CCS tal-2023 (meta mqabbel ma’ 54 % fis-CCS tal-2021). Fl-istħarriġ tal-konsumaturi għall-istudju ta’ sostenn, għal 21 % tal-konsumaturi meta wieħed iħares lejn ir-riżultati ta’ tiftix (“ħafna drabi” jew “il-biċċa l-kbira tad-drabi”) ma kienx faċli li tinstab informazzjoni dwar il-parametri użati għall-klassifikazzjoni ta’ dawk ir-riżultati ta’ tiftix, filwaqt li 27 % addizzjonali tal-konsumaturi rrapportaw li “kultant” sabuha diffiċli biex jaċċessaw din l-informazzjoni. Fir-rigward tar-reklamar jew ir-reklami mħallsa fir-riżultati ta’ tiftix, is-CCS tal-2023 sab li 75 % tal-konsumaturi raw reklami moħbija mqiegħda fir-riżultati ta’ tiftix mill-anqas “kultant” (meta mqabbla ma’ 78 % fis-CCS tal-2021).
Sar test ta’ konformità fil-kuntest tal-istudju ta’ sostenn biex tiġi vvalutata l-informazzjoni lill-konsumaturi dwar il-parametri tal-klassifikazzjoni għar-riżultati ta’ tiftix u t-trasparenza tar-reklamar/reklami mħallsa fuq 85 sit web u apps f’10 Stati Membri.
Ir-riżultati juru li l-konsumaturi ġew infurmati dwar il-parametri li jinfluwenzaw il-klassifikazzjonijiet tar-riżultati ta’ tiftix awtomatiċi fuq 35 % tas-siti web (30 minn 85 sit web) biss. Meta ġiet ippreżentata informazzjoni dwar il-klassifikazzjoni tar-riżultati, din kienet ġeneralment ċara iżda limitata għall-ispjegazzjoni tal-prinċipji ġenerali (jiġifieri li l-klassifikazzjoni hija bbażata fuq tfittxijiet tal-prodotti, il-popolarità tal-prodott jew il-remunerazzjoni riċevuta mis-sħab). Dawn ir-riżultati ġeneralment huma konformi mar-riżultati tal-istudju preċedenti dwar il-konformità tal-pjattaformi online mar-rekwiżiti ta’ trasparenza fil-klassifikazzjoni fir-relazzjonijiet tagħhom mal-utenti kummerċjali li tħejja għar-Rapport tal-2023 tal-Kummissjoni dwar ir-Regolament dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Pjattaformi u n-Negozji. L-istudju sab li terz biss tat-termini u l-kundizzjonijiet kollha tal-pjattaformi online taħt rieżami kien fihom informazzjoni dwar il-parametri ewlenin tal-klassifikazzjoni, u anke f’dawk il-każijiet id-deskrizzjonijiet ġew ipprovduti f’termini pjuttost ġenerali.
Ir-riżultati ta’ tiftix kienu jinkludu l-ewwel riżultati indikati bħala reklami mħallsa (reklamar) f’wieħed minn kull ħames każijiet (19,7 % tat-tfittxijiet, fuq 15 minn 85 sit web). Fil-maġġoranza ta’ dawn ir-riżultati, ir-reklamar jew ir-reklam mħallas ġie mmarkat bit-tikketta “sponsorjat” (37,7 %) jew “reklam” (33,3 %). Metodi oħra ta’ identifikazzjoni kienu jinkludu ikona jew link li wieħed jista’ jikklikkja fuqu, li jew iġġib lill-utent f’paġna differenti li tipprovdi informazzjoni, jew test li jiddikjara li r-riżultat ġie sponsorjat li jidher meta l-maws ikun fuq l-ikona (26,1 % tal-każijiet).
Fir-rigward tal-infurzar fil-livell tal-UE dwar it-tikkettar ta’ reklamar mħallas, wara l-azzjoni ta’ koordinazzjoni tas-CPC fl-2022, TikTok impenjat ruħha li tidentifika r-reklami mħallsa f’vidjos b’tikketta ġdida li għandha tiġi ttestjata għall-effettività.
Bħala konklużjoni, id-data miġbura permezz tal-istħarriġ tal-konsumaturi u t-test ta’ konformità fuq selezzjoni ta’ siti web, kif ukoll it-Tabelli ta’ Valutazzjoni tal-Kundizzjonijiet tal-Konsumatur, juru li t-trasparenza dwar il-parametri tal-klassifikazzjoni tar-riżultati ta’ tiftix teħtieġ titjib. Barra minn hekk, il-fornituri tal-funzjonalitajiet tat-tiftix online li jinkludu reklamar jew reklami mħallsa fir-riżultati ta’ tiftix iridu jiżguraw li jkunu viżibbli b’mod ċar għall-konsumaturi u jintgħarfu faċilment mir-riżultati l-oħra.
11. Reċensjonijiet tal-konsumaturi
Id-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni inkludiet rekwiżit speċifiku ta’ trasparenza fil-UCPD (l-Artikolu 7(6)) — il-kummerċjanti li jagħtu aċċess għar-reċensjonijiet jeħtiġilhom jinfurmaw lill-konsumaturi dwar jekk u kif jiżguraw li r-reċensjonijiet ippubblikati joriġinaw minn konsumaturi li fil-fatt użaw jew xtraw il-prodott. Barra minn hekk, żiedet projbizzjonijiet speċifiċi dwar prattiki qarrieqa mal-Anness I (il-punti 23b u 23c). F’dawn id-dispożizzjonijiet “reċensjonijiet” għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ li jkopru mhux biss messaġġi testwali iżda wkoll, pereżempju, “klassifikazzjonijiet bl-istilel” u għodod simili fejn il-konsumaturi jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar prodott jew il-prestazzjoni ta’ kummerċjant.
Sfida ewlenija fil-qasam tar-reċensjonijiet tikkonċerna l-miżuri li l-kummerċjanti li jagħtu aċċess għar-reċensjonijiet tal-konsumaturi, b’mod partikolari l-intermedjarji online (eż. swieq online u pjattaformi ta’ reċensjonijiet ddedikati), iridu jieħdu biex jikkonformaw mal-punt 23b il-ġdid tal-Anness I li jipprojbixxi d-dikjarazzjoni li r-reċensjonijiet ta’ prodott jiġu sottomessi minn konsumaturi li fil-fatt użaw jew xtraw il-prodott mingħajr ma jieħdu passi raġonevoli u proporzjonati biex jivverifikaw li joriġinaw minn tali konsumaturi. Skont din id-dispożizzjoni, il-kummerċjanti li jagħżlu li jippreżentaw reċensjonijiet li jagħmlu disponibbli bħala reċensjonijiet tal-konsumaturi, jeħtiġilhom jieħdu miżuri li — mingħajr ma jikkostitwixxu obbligu ġenerali li jimmonitorjaw jew iwettqu tiftix tal-fatti (ara l-Artikolu 8 tad-DSA) — iżidu l-probabbiltà li tali reċensjonijiet jirriflettu l-esperjenzi reali tal-utenti. Minn naħa waħda, dan ir-rekwiżit jinvolvi obbligi minimi li l-kummerċjanti kollha li jagħtu aċċess għar-reċensjonijiet tal-konsumaturi jridu jissodisfaw, pereżempju billi jippermettu biss reċensjonijiet minn utenti li jkunu xtraw il-prodott inkwistjoni jew jirrikjedu li l-utent jipprovdi prova li jkun uża l-prodott f’każijiet oħra fejn il-kummerċjant li jagħti aċċess għar-reċensjonijiet ma jikkontrollax it-tranżazzjonijiet sottostanti. Min-naħa l-oħra, l-element “proporzjonat u raġonevoli” ta’ dan ir-rekwiżit jimplika l-obbligu għal dawn il-kummerċjanti li jieħdu miżuri addizzjonali biex jipprevjenu u jneħħu reċensjonijiet foloz li huma proporzjonati mal-mudell kummerċjali tagħhom u r-riskji identifikati (pereżempju, meta jkunu l-mira ta’ attività ta’ “sensar” ta’ reċensjonijiet foloz — ara hawn taħt). Tali miżuri jistgħu jinkludu, pereżempju, l-użu ta’ għodod diġitali u ta’ intelliġenza artifiċjali biex jiġu analizzati r-reċensjonijiet u jitwaqqfu dawk foloz.
Sa fejn huma kkonċernati l-intermedjarji online, ir-reċensjonijiet foloz jikkostitwixxu kontenut illegali u huma soġġetti għar-rekwiżiti tad-DSA rigward it-tneħħija ta’ kontenut illegali. Barra minn hekk, l-intermedjarji online huma eżentati mir-responsabbiltà, taħt ċerti kundizzjonijiet, fir-rigward tal-illegalità jew pretensjonijiet potenzjali għad-danni fir-rigward ta’ dawk ir-reċensjonijiet.
Ġew irrapportati problemi bl-awtentiċità tar-reċensjonijiet tal-konsumaturi, pereżempju fl-isweep dwar ir-reċensjonijiet tal-konsumaturi li l-awtoritajiet tas-CPC wettqu fl-2021 (jiġifieri qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni): kważi żewġ terzi tal-ħwienet online, tas-swieq online, tas-siti web tal-prenotazzjoni, tal-magni tat-tiftix u tas-siti ta’ tqabbil ta’ servizzi analizzati wasslu għal dubji dwar l-affidabbiltà tar-reċensjonijiet.
Skont is-CCS tal-2023, 69 % tal-konsumaturi kienu raw reċensjonijiet tal-konsumaturi li ma dehrux ġenwini mill-anqas “kultant” (meta mqabbla ma’ 67 % fl-2021 CCS). Fir-rigward tal-obbligu ta’ trasparenza għall-kummerċjanti li jagħtu lill-konsumaturi aċċess għar-reċensjonijiet, fl-istħarriġ tal-konsumaturi għall-istudju ta’ sostenn, 56 % tal-konsumaturi rrapportaw li mill-anqas “kultant” ma setgħux isibu informazzjoni dwar kif jinġabru r-reċensjonijiet u jekk il-kumpanija tiżgurax li r-reċensjonijiet ippubblikati jkunu ġejjin minn klijenti reali.
L-istudju ta’ sostenn kien jinkludi wkoll analiżi tal-konformità mill-kummerċjanti mar-rekwiżit il-ġdid ta’ informazzjoni skont l-UCPD. Minn 85 sit web tal-kummerċ elettroniku u tal-ivvjaġġar f’10 Stati Membri osservati, ir-reċensjonijiet tal-konsumaturi kienu preżenti fuq 52 sit web. Nofs biss minn dawk it-52 sit web ipprovdew informazzjoni dwar l-użu u l-ipproċessar tar-reċensjonijiet. Meta saret disponibbli, dik l-informazzjoni ġiet ippreżentata fit-termini u l-kundizzjonijiet tas-sit web.
Diversi organizzazzjonijiet investigaw ir-reċensjonijiet tal-konsumaturi fil-livell nazzjonali. Fl-2023, l-Aġenzija Żvediża tal-Konsumatur wettqet sweep fir-rigward tar-reċensjonijiet tal-konsumaturi fil-qasam tal-assigurazzjoni, li tkopri 20 kumpanija li ppubblikaw ir-reċensjonijiet tal-konsumaturi. Hija kkonkludiet li kważi l-kumpaniji kollha inklużi fl-isweep ma indikawx flimkien mar-reċensjonijiet jekk ir-reċensjonijiet kinux ġejjin minn konsumaturi li fil-fatt kienu użaw jew xtraw il-prodotti. Skont studju mill-Federazzjoni tal-Organizzazzjonijiet tal-Konsumaturi Ġermaniżi (Verbraucherzentrale Bundesverband — VzBv) fl-2023, il-maġġoranza tat-30 fornitur analizzati ma ssodisfawx jew issodisfaw b’mod inadegwat ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni għar-reċensjonijiet online. Dan l-aħħar studju indika wkoll tħassib relatat mal-prattiki tal-operaturi tas-siti web li jinkorporaw reċensjonijiet minn portali ta’ valutazzjoni esterna fuq il-paġni tagħhom xi drabi mingħajr ma jipprovdu informazzjoni lill-konsumaturi dwar il-verifika tal-oriġini ta’ dawk ir-reċensjonijiet esterni.
Fir-rigward tal-infurzar, fil-livell tal-UE, fl-2023 l-awtoritajiet nazzjonali ffinalizzaw azzjoni ta’ koordinazzjoni tas-CPC li tikkonċerna diversi servizzi ta’ Google (Google Store, Google Play Store, Google ads u search, Google flights u Google Hotels), li kopriet, fost kwistjonijiet oħra, prattiki relatati mar-reċensjonijiet tal-konsumaturi dwar Google Hotels. Google qabel li se jagħmel bidliet li jiċċaraw li ma jivverfikax reċensjonijiet fuq Google Hotels.
Diversi awtoritajiet tal-infurzar tal-konsumatur aġixxew fuq ir-reċensjonijiet tal-konsumaturi f’dawn l-aħħar snin. Pereżempju, fl-2022, l-Awtorità Netherlandiża għall-Konsumaturi u s-Swieq (ACM, Authority for Consumers and Markets) imponiet multa fuq ħanut online talli qarraq bil-konsumaturi fil-bejgħ ta’ diversi prodotti għall-konsumatur. Il-ħanut online ppubblika reċensjonijiet pożittivi foloz u ħeba r-reċensjonijiet negattivi. Fl-2021, l-ACM aġixxiet kontra influwenzaturi bl-użu ta’ likes foloz u segwaċi foloz. L-Uffiċċju Pollakk tal-Kompetizzjoni u l-Protezzjoni tal-Konsumatur (UOKiK) fl-2023 ħa azzjoni kontra kumpaniji involuti fil-bejgħ ta’ reċensjonijiet foloz tal-konsumaturi. Qorti Ġermaniża ddeċidiet f’sentenza tal-2022 li l-għadd totali ta’ reċensjonijiet inklużi f’punteġġ medju u l-perjodu ta’ żmien li fih ġew sottomessi r-reċensjonijiet jikkostitwixxu “tagħrif importanti” skont it-tifsira tal-Artikolu 7(1) tal-UCPD.
Ħafna problemi li jikkonċernaw il-frodi tar-reċensjonijiet joriġinaw mill-azzjonijiet ta’ “sensara” ta’ reċensjonijiet foloz — negozji illeċiti speċjalizzati li jorganizzaw (speċjalment fuq in-networks soċjali) l-ippowstjar ta’ reċensjonijiet foloz minn utenti (li jistgħu jkunu utenti jew xerrejja reali tal-prodotti inkwistjoni) għall-benefiċċju tan-negozji li jinvolvu lil dawn is-sensara biex jippromwovu n-negozju tagħhom fi swieq online jew għodod speċjalizzati ta’ reċensjonijiet. Barra minn hekk, kien hemm rapporti ta’ sensara ta’ reċensjonijiet li joffru lin-negozji li jorganizzawlhom il-provvista ta’ reċensjonijiet pożittivi foloz fuq siti ta’ reċensjoni u mbagħad jirritaljaw kontra dawk li jirrifjutaw billi jorganizzaw l-ippowstjar ta’ reċensjonijiet negattivi foloz. Xi wħud min-negozji kkonċernati fl-UE jirrapportaw li jressqu lmenti kriminali u jieħdu azzjonijiet ta’ infurzar privati kontra s-sensara tar-reċensjonijiet foloz. Sfida oħra f’dan il-qasam hija r-reċensjonijiet iġġenerati mill-IA li jistgħu jkunu aktar diffiċli biex jiġu identifikati.
Minbarra l-attivitajiet ta’ infurzar, xi Stati Membri ħarġu linji gwida li jikkontribwixxu għas-sensibilizzazzjoni dwar ir-regoli applikabbli f’dan il-qasam.
Il-Kummissjoni tippromwovi wkoll miżuri volontarji mill-operaturi tas-suq. F’Novembru 2023, 11-il pjattaforma online li joperaw fl-UE (Allegro, AliExpress, Amazon, bol.com, CDiscount, eBay, eMAG, Etsy, Joom, Rakuten France u Wish) iffirmaw il-Wegħda għall-Protezzjoni tal-Konsumatur. L-impenji volontarji japplikaw minn Lulju 2024 u jinkludu miżuri biex ir-reċensjonijiet tal-konsumaturi jsiru aktar trasparenti u affidabbli, pereżempju billi jiġu ppreżentati b’mod ċar ir-reċensjonijiet inċentivati għall-utenti. Il-firmatarji se jirrapportaw kull sitt xhur dwar it-twettiq tal-impenji. Speċifikament għall-akkomodazzjoni turistika, il-Kummissjoni qed tħejji wkoll Kodiċi ta’ Kondotta għall-Klassifikazzjonijiet u r-Reċensjonijiet Online. Hija mistennija li żżid il-konsistenza fil-forniment ta’ servizzi ta’ akkomodazzjoni ta’ kwalità u ttejjeb il-komparabbiltà u t-trasparenza għall-konsumaturi madwar l-UE.
Bħala konklużjoni, l-isfidi tar-reċensjonijiet foloz, kemm jekk “pożittivi” jew “negativi”, qed jiżdiedu. Il-kummerċjanti li jagħtu aċċess għal reċensjonijiet li jagħżlu li jippreżentaw bħala reċensjonijiet tal-konsumaturi, speċjalment dawk il-kummerċjanti li huma esposti ħafna għall-attivitajiet illeċiti ta’ sensara ta’ reċensjonijiet foloz, jeħtiġilhom jinvestu aktar fil-twaqqif ta’ reċensjonijiet foloz. Il-pjattaformi online jeħtieġ li jirrispettaw ukoll ir-regoli skont id-DSA biex jitrażżan il-kontenut illegali. Il-kummerċjanti li jagħtu aċċess għar-reċensjonijiet jeħtiġilhom ikunu trasparenti wkoll lejn il-konsumaturi, sabiex il-konsumaturi jiksbu fehim bilanċjat u realistiku tal-kundizzjonijiet li fihom jinġabru r-reċensjonijiet u l-limitazzjonijiet rigward l-affidabbiltà tagħhom. L-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar għandhom joqogħdu partikolarment attenti għal dan il-qasam u fejn xieraq jużaw is-sistema ta’ kooperazzjoni tas-CPC, speċjalment fir-rigward tal-attività illeċita ta’ sensara ta’ reċensjonijiet foloz li qed jaġixxu bi ksur ċar tal-UCPD. F’dan ir-rigward, il-kooperazzjoni mal-industrija hija importanti.
12. Trasparenza tas-swieq dwar il-partijiet kuntrattwali
Id-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni żiedet mal-UCPD (l-Artikolu 7(4)(f)) u s-CRD (l-Artikolu 6a(1)(b)) dispożizzjonijiet ġodda dwar it-trasparenza fir-rigward tal-partijiet kuntrattwali fis-swieq online. Il-fornituri tas-swieq online huma meħtieġa jipprovdu lill-konsumaturi informazzjoni dwar l-istatus tal-parti terza li toffri l-oġġetti, is-servizzi jew il-kontenut diġitali, dwar jekk tapplikax il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u liema kummerċjant (fornitur terz jew suq online) huwa responsabbli għall-iżgurar tad-drittijiet tal-konsumatur relatati mal-kuntratt (bħall-kunsinna tal-oġġetti jew id-dritt ta’ reċess).
Barra minn hekk, id-DSA jobbliga lis-swieq online biex jiġbru informazzjoni dwar l-identità tal-kummerċjant, jagħmlu l-aħjar sforzi biex jivvalutaw jekk l-informazzjoni hijiex affidabbli u kompluta, juru tali informazzjoni lill-konsumaturi u, meta jintalbu, jipprovdu tali informazzjoni lill-awtoritajiet, kif ukoll jissospendu r-relazzjonijiet kuntrattwali mal-kummerċjanti li jipprovdu informazzjoni mhux preċiża jew mhux kompluta (l-hekk imsejħa regoli “Kun af lin-Negozju—lill-Klijent Tiegħek” jew “KYBC”(Know-Your-Business-Customer)).
It-test ta’ konformità u l-istħarriġ tal-konsumaturi fil-kuntest tal-istudju ta’ sostenn, kif ukoll is-CCS tal-2023 esploraw il-konformità tal-kummerċjanti ma’ dan ir-rekwiżit ta’ trasparenza u l-perċezzjonijiet tal-konsumaturi dwar it-trasparenza fis-swieq.
Fir-rigward tal-perċezzjonijiet tal-konsumaturi, fis-CCS 2023, 7 % tal-konsumaturi mistħarrġa indikaw li kienu esperjenzaw problemi wara li xtraw prodott f’suq online u skoprew li dan inxtara minn individwu privat aktar milli bejjiegħ professjonali. Fl-istħarriġ tal-konsumaturi li sar għall-istudju ta’ sostenn, 47 % tal-konsumaturi tal-anqas xi drabi sabu li ma kienx ċar meta jixtru online min kien il-bejjiegħ u min se jkun responsabbli għall-kunsinna tal-prodotti tagħhom, filwaqt li 35 % indikaw li rari jew qatt ma ltaqgħu ma’ din l-ambigwità.
It-test ta’ konformità ta’ 50 suq online f’10 Stati Membri fl-istudju ta’ sostenn ħares ukoll lejn kwistjonijiet ta’ trasparenza għall-konsumaturi dwar il-partijiet kuntrattwali (total ta’ 212-il prodott ivvalutat). F’ 65,6 % tal-każijiet, l-informazzjoni dwar jekk il-bejjiegħ kienx is-suq innifsu jew parti oħra kienet disponibbli fuq il-paġna tar-riżultati ta’ tiftix. Fil-paġna tal-prodotti, is-sehem tal-prodotti li għandhom indikazzjoni dwar min kien il-kummerċjant żdied għal 85 % tal-prodotti fuq 46 sit web, li jindika livell raġonevolment għoli ta’ trasparenza. Barra minn hekk, f’dawn il-każijiet ta’ ttestjar, l-informazzjoni dwar l-istatus tal-bejjiegħ — professjonali jew individwu — kienet ċara u faċli biex tiġi identifikata għar-riċerkaturi f’ 65 % tal-każijiet.
Bħala konklużjoni, ir-riċerka dwar is-swieq online turi li implimentaw ir-rekwiżit il-ġdid ta’ informazzjoni rigward l-istatus tal-fornituri terzi b’mod konsiderevoli. Is-sehem ta’ konsumaturi li rrapportaw li esperjenzaw problemi minħabba li ma rrealizzawx l-istatus mhux professjonali tal-bejjiegħ huwa relattivament żgħir. Fl-istess ħin, ħafna xerrejja online jindikaw li esperjenzaw inċertezza dwar l-identità tal-bejjiegħ u l-arranġamenti għat-tranżazzjoni tagħhom.
13. Ipprezzar personalizzat
Il-kummerċjanti jistgħu jippersonalizzaw il-prezz tal-offerti tagħhom għal konsumaturi speċifiċi jew għal gruppi ta’ konsumaturi abbażi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzat u t-tfassil ta’ profil tal-konsumaturi. Id-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni żiedet mas-CRD rekwiżit ġdid ta’ informazzjoni għall-kummerċjanti biex jinfurmaw lill-konsumaturi li jixtru online li l-prezz kien personalizzat abbażi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzat (l-Artikolu 6(1) (ea)). Dan ir-rekwiżit ta’ trasparenza fil-punt tal-bejgħ jikkomplementa r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data li jistabbilixxi r-regoli għall-ġbir u l-proċessar sottostanti ta’ data personali.
Għadha qed titfaċċa evidenza dwar il-prattika tal-ipprezzar personalizzat. L-istudji tal-Kummissjoni tal-2018 u tal-2022 ma sabux evidenza konsistenti u sistematika ta’ pprezzar jew offerti personalizzati. L-istudju tal-Parlament Ewropew tal-2022 dwar l-ipprezzar personalizzat ikkonkluda li l-evidenza empirika dwar l-iskala tal-ipprezzar personalizzat mhijiex konklużiva. Ir-riċerka minn organizzazzjonijiet tal-konsumaturi sabet evidenza ta’ personalizzazzjoni tal-prezzijiet fis-setturi tal-online dating, tal-akkomodazzjoni u tal-linji tal-ajru.
L-istħarriġiet reċenti tal-konsumaturi jagħtu informazzjoni addizzjonali dwar il-perċezzjonijiet tal-konsumaturi rigward l-ipprezzar personalizzat. Fl-istħarriġ tal-konsumaturi għall-istudju ta’ sostenn, ir-rispondenti ġew mistoqsija dwar l-esperjenzi tagħhom f’dawn l-aħħar 12-il xahar meta rċevew skont jew prezz li ġie ppreżentat bħala “personalizzat” għalihom, permezz ta’ sit web jew ta’ email. Madwar nofs (55 %) ir-rispondenti ħassew li esperjenzaw dan it-tip ta’ personalizzazzjoni mill-anqas “kultant”. Bħala parti mis-CCS tal-2023, il-konsumaturi ġew mistoqsija dwar l-esperjenzi tagħhom ta’ xiri online matul l-aħħar 12-il xahar, speċifikament f’termini ta’ kemm innutaw prezzijiet differenti għal oġġetti jew servizzi meta mqabbla mal-pari tagħhom. Ir-riżultati żvelaw li 39 % tal-konsumaturi mistħarrġa ħasbu li kienu ltaqgħu ma’ sitwazzjoni bħal din mill-anqas “kultant” (meta mqabbla ma’ 38 % fis-CCS tal-2021).
Fir-rigward tal-konformità tal-kummerċjanti mal-obbligu l-ġdid ta’ informazzjoni skont is-CRD, it-test ta’ konformità għall-istudju ta’ sostenn analizza total ta’ 207 prodott fuq 85 sit web/apps. Ir-riċerkaturi fl-ebda każ ma raw indikazzjoni espliċita li l-prezz kien personalizzat abbażi ta’ pproċessar awtomatizzat. Barra minn hekk, ir-riċerkaturi ppruvaw jidentifikaw id-differenzi possibbli fil-prezzijiet billi aċċessaw is-sit bil-brawżer tas-soltu tagħhom u brawżer “nadif” bit-trackers imneħħija. B’dan il-mod, huma identifikaw differenzi fil-prezzijiet fuq 10 minn 85 sit web/apps, jew għal 6 % ta’ total ta’ 207 prodott. Huwa interessanti li, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet fejn id-differenza fil-prezz ġiet identifikata mir-riċerkaturi, it-tiftix bl-użu ta’ brawżer li jinkorpora informazzjoni personali rritorna prezz aktar baxx minn dak li sar bl-użu ta’ brawżer “nadif” bit-trackers imneħħija.
Fir-rigward tal-infurzar fil-livell tal-UE, l-awtoritajiet nazzjonali fi ħdan in-network CPC, fl-azzjoni ta’ koordinazzjoni tal-2022 immexxija mill-awtorità Netherlandiża dwar is-suq online Wish.com, sabu li ma kienx ċar jekk u kif il-kummerċjant applika l-personalizzazzjoni tal-prezzijiet. Wish iddeċida li jwaqqaf it-tekniki tal-ipprezzar personalizzati tagħhom fl-UE. Fl-2024, wara djalogu mal-Kummissjoni u mal-awtoritajiet nazzjonali tal-konsumatur fin-network CPC, Tinder impenja ruħu li jinforma lill-konsumaturi li l-iskontijiet li jipproponu għal servizzi primjum huma personalizzati b’mezzi awtomatizzati. Minbarra dawn l-azzjonijiet ta’ koordinazzjoni, s’issa, l-Istati Membri ma indikawx aktar azzjonijiet ta’ infurzar rigward ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni tas-CRD dwar l-ipprezzar personalizzat.
Bħala konklużjoni, il-bejjiegħa fl-UE ma jidhrux li jidentifikaw l-offerti tal-prezzijiet tagħhom bħala bbażati fuq ipproċessar awtomatizzat tal-profil tal-klijent fil-mira. Dan ovvjament ma jeskludix il-possibbiltà li tali personalizzazzjoni tal-prezzijiet tkun qed isseħħ; barra minn hekk, il-konsumaturi jipperċepixxu differenzi fil-prezzijiet li jistgħu jkunu bbażati fuq ipproċessar awtomatizzat u għalhekk ikunu soġġetti għar-rekwiżit il-ġdid ta’ informazzjoni tas-CRD. It-test fuq skala żgħira mwettaq għal dan ir-rapport jissuġġerixxi li l-personalizzazzjoni tal-prezzijiet tista’ tkun qed isseħħ fil-każ ta’ xi kummerċjanti, iżda dawn ir-riżultati ma jippermettux li jitfasslu konklużjonijiet ġenerali, inkluż fir-rigward tal-vantaġġ jew l-iżvantaġġ tal-prattika għall-konsumaturi kkonċernati.
14. Bejgħ mill-ġdid ta’ biljetti għal avvenimenti akkwistati b’mezzi awtomatizzati
L-iscalper bots jistgħu jintużaw biex jinxtraw prodotti f’domanda għolja awtomatikament bl-għan li jerġgħu jinbiegħu bi prezz ogħla. Id-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni żiedet mal-UCPD il-punt ġdid 23a tal-Anness I li jipprojbixxi lill-kummerċjanti milli jbigħu mill-ġdid lill-konsumaturi biljetti għal avvenimenti kulturali u sportivi li jkunu akkwistaw bl-użu ta’ software speċjalizzat (“bots”) biex jevitaw il-limiti tekniċi imposti mill-bejjiegħa primarji tal-biljetti. Dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni huma rilevanti wkoll għas-swieq sekondarji tal-biljetti, eż. ir-rekwiżit il-ġdid (fil-UCPD u fis-CRD) għas-swieq online biex jinfurmaw lill-konsumaturi jekk il-persuna li tbigħ il-biljetti hijiex kummerċjant jew konsumatur.
L-organizzaturi tal-avvenimenti jilmentaw dwar il-prattiki tal-bejjiegħa mill-ġdid u tal-pjattaformi tal-bejgħ mill-ġdid li jgħollu l-prezzijiet tal-biljetti, filwaqt li l-pjattaformi tal-bejgħ mill-ġdid huma mħassba dwar il-bejjiegħa primarji li jespandu fis-suq tal-bejgħ mill-ġdid sekondarju u li jimpedixxu l-bejgħ mill-ġdid tal-biljetti permezz ta’ pjattaformi sekondarji tal-kompetituri. Il-projbizzjoni l-ġdida tal-UCPD tapplika meta l-bejjiegħa primarji tal-biljetti jkunu implimentaw miżuri tekniċi biex jillimitaw l-akkwist bl-ingrossa tal-biljetti tagħhom għall-finijiet ta’ bejgħ mill-ġdid. Tista’ tiġi infurzata biss jekk tali bejjiegħa primarji jidentifikaw u jirrapportaw l-akkwist illeċitu ta’ biljetti. L-istudju ta’ sostenn ma identifikax eżempji ta’ ġurisprudenza u ta’ azzjonijiet ta’ infurzar li ttieħdu s’issa mill-awtoritajiet nazzjonali jew mill-organizzazzjonijiet privati kontra bejjiegħa mill-ġdid ta’ biljetti għal avvenimenti miksuba bl-użu ta’ scalping bots.
Fir-rigward tal-prattiki ta’ bejgħ mill-ġdid tal-biljetti b’mod aktar ġenerali, f’azzjoni ta’ koordinazzjoni tas-CPC, wara djalogu mal-Kummissjoni u mal-awtoritajiet nazzjonali tal-konsumatur, fl-2024 Viagogo, suq sekondarju online għall-biljetti għal avvenimenti diretti, impenja ruħu li jinforma aħjar lill-konsumaturi dwar il-kundizzjonijiet li taħthom jerġgħu jinbiegħu l-biljetti. Kien hemm ukoll xi rapporti ta’ każijiet nazzjonali relatati ma’ prattiki ta’ bejgħ mill-ġdid (żleali) tal-biljetti.
Skont l-istħarriġ tal-konsumaturi li sar għall-istudju ta’ sostenn, 33 % tal-konsumaturi indikaw li mill-anqas “kultant” esperjenzaw sitwazzjoni fejn xtaqu jixtru biljett għal avveniment, iżda raw biss biljetti minn bejjiegħa sekondarji disponibbli bi prezz ogħla. Nofs ir-rispondenti ma esperjenzawx jew ma setgħux jiftakru li esperjenzaw sitwazzjoni bħal din. Fis-CCS tal-2023, meta wieġbu għal mistoqsija aktar ġenerali relatata mal-prattiki ta’ bejgħ mill-ġdid mhux limitati għall-biljetti għal avvenimenti, 21 % tal-konsumaturi rrapportaw li xtraw, tal-anqas “kultant”, prodott ġdid bi prezz ogħla minn bejjiegħ mill-ġdid peress li nbiegħu kollha fuq is-sit web uffiċjali tal-marka.
Fil-konsultazzjoni mmirata fil-kuntest tal-istudju ta’ sostenn, diversi partijiet ikkonċernati enfasizzaw problemi fir-rigward tal-bejgħ mill-ġdid tal-biljetti b’mod ġenerali u ssuġġerew miżuri regolatorji addizzjonali, bħall-obbligu li l-bejjiegħa mill-ġdid tal-biljetti jiżvelaw informazzjoni addizzjonali (eż. il-valur par oriġinali tal-biljett, kwalunkwe tariffa jew imposta addizzjonali, u l-post), l-iffissar ta’ limiti fuq il-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid (eż. mhux aktar mill-prezz oriġinali tal-bejjiegħ tal-biljett jew l-impożizzjoni ta’ limitu massimu).
Bħala konklużjoni, l-emenda tal-UCPD li saret mid-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni tindirizza aspett speċifiku wieħed tal-bejgħ mill-ġdid tal-biljetti li għadu ma ġiex soġġett għal infurzar konkret. L-applikazzjoni prattika tagħha teħtieġ kooperazzjoni mill-qrib u l-interess tal-bejjiegħa primarji biex jitrażżan l-akkwist bl-ingrossa ta’ biljetti bl-għan li jerġgħu jinbiegħu. L-infurzar tal-UCPD, u fejn rilevanti wkoll is-CRD, jibqgħu rilevanti ħafna għall-kwistjonijiet usa’ relatati mal-bejgħ mill-ġdid tal-biljetti, bħall-indirizzar ta’ informazzjoni qarrieqa jew l-ommissjoni ta’ informazzjoni dwar in-natura tal-offerta ta’ bejgħ mill-ġdid.
15. Telefonati b’rata bażika fis-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri
L-Artikolu 21 tas-CRD jipproteġi lill-konsumaturi kontra imposti addizzjonali jekk ikollhom bżonn iċemplu lill-kummerċjant dwar kuntratt konkluż. Telefonati bħal dawn ma għandhomx jirrikjedu li l-konsumatur iħallas aktar mir-“rata bażika”. Id-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 21, li issa japplika wkoll għas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri.
It-test ta’ konformità għall-istudju ta’ sostenn jagħti xi għarfien dwar il-konformità ma’ dan ir-rekwiżit mill-kummerċjanti osservati. Hija ħarset lejn it-tipi ta’ numri tat-telefon użati mill-kumpaniji tat-trasport tal-passiġġieri (linji tal-ajru, kumpaniji tal-karozzi tal-linja u tal-ferrovija, u intermedjarji tal-biljetti, total ta’ 50 sit web), jiġifieri jekk dawn in-numri humiex linji fissi/mobbli normali, numri primjum jew numri qosra/bla ħlas. B’mod ġenerali, it-test wera li l-maġġoranza tal-hotlines tas-siti web osservati (69 %) applikaw rata domestika normali (jiġifieri rata fissa/mobbli normali), kwart offrew servizz tat-telefon b’rata primjum (f’ħafna każijiet bħal dawn, l-ispiża ġiet kkomunikata b’mod trasparenti lill-konsumatur) u madwar 6 % offrew numru tat-telefon bla ħlas. Barra minn hekk, f’dawn il-każijiet tat-test, in-numri tal-primjum normalment kienu relatati ma’ servizzi barra is-servizzi tal-konsumatur postkuntrattwali offruti mill-kumpanija tat-trasport (bħall-bejgħ).
Bħala konklużjoni, l-evidenza disponibbli s’issa tissuġġerixxi li l-kumpaniji tat-trasport tal-passiġġieri fil-biċċa l-kbira kkonformaw mar-rekwiżit il-ġdid.
16.Konklużjonijiet
Dan ir-rapport jirrifletti r-riżultati tal-konsultazzjonijiet u l-ġbir ta’ data dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni u l-esperjenza bl-applikazzjoni u l-infurzar tagħha fil-perjodu relattivament qasir mid-dħul fis-seħħ tagħha.
Fir-rigward tat-traspożizzjoni, ir-riżultati huma pjuttost inkoraġġanti. Il-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet ġew trasposti fil-liġijiet nazzjonali b’mod relattivament sempliċi, f’ħafna każijiet verbatim. Il-problemi identifikati jikkonċernaw l-aktar dispożizzjonijiet li kienu jeħtieġu integrazzjoni aktar kumplessa fil-qafas legali nazzjonali, speċjalment ir-regoli dwar il-penali għal ksur u r-rimedji tal-konsumatur f’każijiet ta’ prattiki kummerċjali żleali.
Dan ir-rapport iffoka fuq l-oqsma speċifiċi ewlenin indirizzati mid-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni, filwaqt li stabbilixxa l-evidenza disponibbli u fassal konklużjonijiet dwar dawk l-oqsma speċifiċi sa fejn possibbli f’dan l-istadju. Il-perjodu qasir ta’ rapportar ma jippermettix li jitfasslu konklużjonijiet definittivi dwar l-effettività tal-bidliet introdotti mid-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni. Madankollu, hemm sinjali pożittivi li dawn il-bidliet, li saħħew il-qafas legali, u qed jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-protezzjoni tal-konsumatur.
L-esperjenza tal-infurzar, għalkemm attwalment limitata, qed tiżviluppa tal-anqas fl-aktar oqsma kumplessi b’impatt prattiku dirett qawwi fuq il-konsumaturi u l-kummerċjanti, eż. fir-rigward tal-promozzjonijiet tal-prezzijiet u r-reċensjonijiet tal-konsumaturi, inkluż permezz ta’ azzjonijiet ta’ koordinazzjoni fin-network CPC. Min-naħa l-oħra, ir-regoli l-ġodda dwar multi għal ksur f’każijiet transfruntiera soġġetti għall-azzjonijiet ta’ koordinazzjoni tas-CPC jew ir-regoli dwar rimedji fil-UCPD għadhom ma ġewx applikati fil-prattika, skont id-data disponibbli.
L-implimentazzjoni ta’ diversi regoli tad-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni teħtieġ aktar attenzjoni. Fir-rigward tal-promozzjonijiet tal-prezzijiet, minbarra l-kwistjonijiet ta’ traspożizzjoni f’xi Stati Membri u l-implimentazzjoni diverġenti mill-Istati Membri tal-eċċezzjoni ta’ oġġetti li jitħassru malajr, is-swieq jidhru li rreaġixxew għar-regolament il-ġdid billi qalbu għal tqabbil tal-prezzijiet u b’hekk ħolqu tipi ġodda ta’ problemi ta’ trasparenza. Jidher b’mod ċar li l-problemi ta’reċensjonijiet foloz qed jiżdiedu. Il-kummerċjanti li jagħtu aċċess għal reċensjonijiet li jippreżentaw bħala reċensjonijiet tal-konsumaturi, speċjalment dawk li huma esposti ħafna għall-attivitajiet illeċiti ta’ sensara ta’ reċensjonijiet foloz, jeħtiġilhom jinvestu aktar biex iwaqqfu r-reċensjonijiet foloz. Ir-reċensjonijiet għandhom isiru wkoll prijorità akbar għall-awtoritajiet tal-infurzar, inkluż skont id-DSA.
Dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-“istandard doppju ta’ kwalità”, is-soluzzjoni leġiżlattiva adottata bbażata fuq valutazzjoni każ b’każ tippermetti li tiġi indirizzata din il-problema filwaqt li jitqiesu s-sitwazzjonijiet differenti tal-konsumaturi u tal-Istati Membri. Jidher li huwa meħtieġ li ssir enfasi fuq l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli l-ġodda. Il-Kummissjoni se tkompli l-monitoraġġ tas-sitwazzjoni u tiffaċilita l-infurzar transfruntier fin-network CPC meta jinqalgħu problemi ta’ interess komuni.
Fir-rigward tal-avvenimenti ta’ bejgħ (dimostrazzjonijiet tal-prodotti), filwaqt li l-perċezzjonijiet tal-konsumaturi jagħtu lok għal tħassib dwar kemm huma ġusti l-prattiki kummerċjali fil-kuntest ta’ din it-teknika ta’ bejgħ relattivament baxxa, il-konsultazzjonijiet li saru għal dan ir-rapport ma wrew l-ebda sejħa qawwija għal azzjoni leġiżlattiva tal-UE. Minflok, ir-regoli eżistenti tal-UCPD li japplikaw bis-sħiħ għal avvenimenti ta’ bejgħ għandhom jiġu infurzati.
B’mod ġenerali, huwa evidenti li l-evoluzzjoni tas-swieq online tal-konsumaturi u tat-teknoloġiji l-ġodda toħloq sfidi u teħtieġ monitoraġġ mill-qrib. F’dan ir-rigward, dan ir-rapport jikkomplementa l-Kontroll tal-Idoneità li għaddej tal-liġi tal-konsumatur tal-UE dwar l-ekwità diġitali, li jivvaluta b’mod usa’ l-idoneità tar-regoli eżistenti dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fil-qasam diġitali. Barra minn hekk, l-infurzar effettiv huwa kruċjali biex jinkiseb il-potenzjal sħiħ tal-bidliet li saru mid-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni.