SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla)
15 ta’ Mejju 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kummerċ elettroniku – Direttiva 2000/31/KE – Komunikazzjonijiet kummerċjali – Artikolu 6(ċ) – Kunċett ta’ ‘offerti promozzjonali’ – Reklamar online li jagħmel riferiment għal modalità speċifika ta’ ħlas – Xiri b’fattura li jimplika posponiment tal-ħlas tal-prezz tal-bejgħ – Informazzjoni dwar il-ħtieġa ta’ evalwazzjoni minn qabel tas-solvenza tal-konsumatur biss matul il-proċess ta’ ordni online”
Fil-Kawża C‑100/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Frar 2024, fil-proċedura
Verbraucherzentrale Hamburg e.V.
vs
bonprix Handelsgesellschaft mbH,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla),
komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat‑Tieni Awla, M. Gavalec (Relatur), Z. Csehi u F. Schalin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Emiliou,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal bonprix Handelsgesellschaft mbH, minn M. Ringer u M. Sahner, Rechtsanwälte, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. von Rintelen u J. Szczodrowski, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(ċ) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Verbraucherzentrale Hamburg e.V., assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi (iktar ’il quddiem l-“assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi”), u bonprix Handelsgesellschaft mbH dwar messaġġ ta’ reklamar, li jidher fuq is-sit internet ta’ din tal-aħħar, li jirrigwarda modalità speċifika ta’ ħlas. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2000/31
|
3 |
Il-premessi 7, 10, 29 u 60 tad-Direttiva 2000/31 jaqraw kif ġej:
[…]
[…]
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Għan u qasam ta’ applikazzjoni”, jipprevedi: “1. Din id-Direttiva tfittex li tikkontribwixxi għal funzjonament sewwa tas-suq intern billi tassigura l-moviment liberu bejn l-Istati Membri ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni. […]” |
|
5 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Definizzjonijiet”, jipprovdi: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, dawn it-termini li ġejjin għandu jkollhom dawn it-tifsiriet: […]
[…]” |
|
6 |
L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/31, bit-titolu “Informazzjoni li għandha tkun provduta”, li jinsab fit-Taqsima 2 tagħha ddedikata għall-“Komunikazzjonijiet kummerċjali”, jipprovdi: “Minbarra l-ħtiġijiet oħra għall-informazzjoni stabbiliti b’liġi tal-Komunità, Stati Membri għandhom jassiguraw li komunikazzjonijiet kummerċjali li huma parti minn, jew jikkostitwixxu, servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni, li jkunu konformi mill-anqas ma’ dawn il-kundizzjonijiet: […]
|
Id-Direttiva 2005/29
|
7 |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2019/2161 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2019 (ĠU 2019, L 328, p. 7) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2005/29”), bit-titolu “Ambitu ta’ applikazzjoni” jipprevedi fil-paragrafu 4 tiegħu: “Fil-każ ta’ konflitt bejn id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u regoli [tal-Unjoni] oħra li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiċi kummerċjali żleali, dawn ta’ l-aħħar għandhom jipprevalixxu u japplikaw għal dawk l-aspetti speċifiċi.” |
|
8 |
L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva bit-titolu “Ommissjonijiet qarrieqa” jipprovdi: “1. Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa meta, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha u tal-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni, tħalli barra tagħrif importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, skond il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni transazzjonali informata u għalhekk tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra. 2. Prattika kummerċjali għandha titqies wkoll bħala ommissjoni qarrieqa meta kummerċjant jaħbi jew jipprovdi b’manjiera mhux ċara, mhux intelliġibbli, ambigwa u/jew mhux f’waqtha dak it-tagħrif importanti msemmi fil-paragrafu 1, b’kont meħud tal-kwistjonijiet deskritti f’dak il-paragrafu, jew ma jonqos milli jidentifika l-intenzjoni kummerċjali wara l-prattika kummerċjali jekk din ma tkunx diġà apparenti mill-kuntest u fejn, fi kwalunkwe każ, din tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra. […] 4. F’każ ta’ stedina għax-xiri, it-tagħrif li ġej għandu jitqies bħala importanti, jekk ma jkunx diġà apparenti mill-kuntest: […]
[…]” |
Id-Direttiva 2011/83
|
9 |
Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64, rettifika fil-ĠU L, 2024/90093), tipprovdi, fl-Artikolu 6 tagħha, bit-titolu “Rekwiżiti ta’ informazzjoni għal kuntratti mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju”: “1. Qabel ma l-konsumatur jintrabat b’ kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, jew bi kwanlunkwe offerta korrispondenti, il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni li ġejja b’mod ċar u komprensibbli: […]
[…] 8. Ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni stabbiliti f’din id-Direttiva jiżdiedu mar-rekwiżiti ta’ informazzjoni li jinsabu fid-Direttiva [2000/31] u ma jimpedixxux lill-Istati Membri milli jimponu rekwiżiti ta’ informazzjoni supplementari skont dawk id-Direttivi. […]” |
Id‑dritt Ġermaniż
|
10 |
Il-punt 3 tal-Artikolu 6(1) tat-Telemediengesetz (il-Liġi dwar il-Mezzi ta’ Komunikazzjoni Elettroniċi), tas‑26 ta’ Frar 2007 (BGBl. 2007 I, p. 179), huwa intiż li jittrasponi l-Artikolu 6(ċ) tad-Direttiva 2000/31 u jipprevedi li, fir-rigward tal-obbligi tal-fornituri ta’ servizzi fil-qasam tal-komunikazzjonijiet kummerċjali li jikkostitwixxu mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi jew elementi ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi, l-offerti promozzjonali, bħall-iskontijiet, il-primjums u r-rigali, għandhom ikunu identifikabbli b’mod ċar bħala tali u l-kundizzjonijiet għall-ibbenefikar minnhom għandhom ikunu faċilment aċċessibbli u ppreżentati b’mod preċiż u inekwivoku. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
11 |
bonprix hija kumpannija li teżerċita attività ta’ kummerċ online. F’Diċembru 2021, fuq is-sit internet tagħha deher il-messaġġ ta’ reklamar segwenti: “Xiri faċli b’fattura”. |
|
12 |
L-assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi kkontestat din il-prattika ta’ reklamar billi qieset li din hija qarrieqa sa fejn ma tippermettix lill-konsumatur jifhem li l-modalità ta’ ħlas hekk proposta hija suġġetta għal evalwazzjoni minn qabel tas-solvenza tiegħu. |
|
13 |
Permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2022, il-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg, il-Ġermanja) ċaħdet ir-rikors ta’ din l-assoċjazzjoni intiż li bonprix tiġi ordnata twaqqaf l-imsemmija prattika. |
|
14 |
L-appell ippreżentat mill-assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi kontra dik is-sentenza quddiem il-Hanseatisches Oberlandesgericht (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg, il-Ġermanja) ġie miċħud. Dik il-qorti qieset li l-prattika ta’ reklamar inkwistjoni ma hijiex qarrieqa u li bonprix ma kisritx l-obbligu ta’ informazzjoni previst fil-punt 3 tal-Artikolu 6(1) tal-Liġi dwar il-Mezzi ta’ Komunikazzjoni Elettroniċi. Fil-fatt, il-messaġġ ta’ reklamar inkwistjoni ma jikkostitwixxix “offerta promozzjonali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li x-xiri ta’ oġġett b’fattura ma jagħtix lix-xerrej vantaġġ monetarju speċifiku għal tali offerta promozzjonali. Peress li l-uniku vantaġġ għax-xerrej huwa l-possibbiltà li jħallas b’mod iddifferit, dan tal-aħħar ma jibbenefika minn ebda vantaġġ li jmur lil hinn mix-xiri nnifsu. |
|
15 |
Adita bl-appell għal reviżjoni ippreżentat mill-assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, tistaqsi dwar il-portata tal-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 6(ċ) tad-Direttiva 2000/31. Peress li l-messaġġ ta’ reklamar inkwistjoni jikkostitwixxi komunikazzjoni kummerċjali u jifforma parti integrali minn servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, hija tistaqsi jekk dan il-messaġġ jaqax taħt il-kunċett ta’ “offerta promozzjonali” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
16 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li, għalkemm interpretazzjoni letterali ta’ dan il-kunċett tista’ titlob li tingħata risposta fl-affermattiv, analiżi kuntestwali li tieħu inkunsiderazzjoni l-eżempji illustrattivi tal-imsemmi kunċett imsemmija f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri “skonti, primjum jew rigali”, tista’ madankollu tagħti x’tifhem li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni jipprevedi sempliċi modalitajiet ta’ ħlas minħabba n-natura eċċezzjonali tal-miżuri hekk elenkati. |
|
17 |
Madankollu, din il-qorti tqis li l-posponiment tal-ħlas tal-prezz tal-bejgħ marbut ma’ xiri b’fattura jirrappreżenta, fi kwalunkwe każ, vantaġġ monetarju, anki minimu. Bl-istess mod, is-sempliċi wegħda ta’ trattament preferenzjali tista’ titqies bħala suffiċjenti sabiex tikkaratterizza offerta promozzjonali. |
|
18 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li l-fatt li messaġġ ta’ reklamar li jagħmel riferiment għal modalità ta’ ħlas partikolari jista’ jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “offerta promozzjonali” huwa konformi mal-għan tad-Direttiva 2000/31 intiż li jipproteġi lill-konsumaturi, peress li l-possibbiltà ta’ xiri b’fattura tippreżenta għax-xerrej vantaġġi kemm ta’ natura ġuridika kif ukoll ta’ ċertezza. |
|
19 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Riklam li jagħmel riferiment għal modalità tal-ħlas (f’dan il-każ: ‘xiri faċli b’fattura’) li, għalkemm għandha biss valur pekunjarju żgħir ħafna, toffri lill-konsumatur vantaġġi kemm f’termini ta’ sigurtà kif ukoll ta’ natura legali (f’dan il-każ: l-assenza ta’ żvelar ta’ data sensittiva dwar il-ħlas u, fil-każ ta’ xoljiment tal-kuntratt, l-assenza ta’ talba ta’ rkupru ta’ prestazzjoni preċedenti), jikkostitwixxi offerta promozzjonali fis-sens tal-Artikolu 6(ċ) tad-Direttiva 2000/31 […]?” |
Fuq id-domanda preliminari
|
20 |
Permezz tad-domanda unika tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(ċ) tad-Direttiva 2000/31 għandux jiġi interpretat fis-sens li messaġġ ta’ reklamar li jidher fuq is-sit internet ta’ impriża attiva fil-kummerċ online u li jagħmel riferiment għal modalità ta’ ħlas partikolari jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “offerta promozzjonali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
21 |
L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/31 jipprevedi li, minbarra r-rekwiżiti l-oħra fil-qasam tal-informazzjoni previsti mid-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-komunikazzjonijiet kummerċjali li jkunu jifformaw parti minn servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni jew li jkunu jikkostitwixxu tali servizz ikunu jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet minimi B’hekk, skont il-punt (ċ) ta’ dan l-artikolu, meta l-offerti promozzjonali, bħall-iskontijiet, il-primjums u r-rigali, ikunu awtorizzati fl-Istat Membru li fih ikun stabbilit il-fornitur, dawn l-offerti għandhom ikunu identifikabbli b’mod ċar bħala tali u l-kundizzjonijiet għall-ibbenefikar minnhom għandhom ikunu faċilment aċċessibbli u ppreżentati b’mod preċiż u inekwivoku. |
|
22 |
Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6(ċ) tad-Direttiva 2000/31, li jinsab fit-Taqsima 2 tagħha bit-titolu “Komunikazzjonijiet kummerċjali”, jirriżulta li l-kunċett ta’ “offerta promozzjonali” jaqa’ huwa stess taħt il-kunċett ġeneriku ta’ “komunikazzjoni kummerċjali”, li huwa ddefinit fl-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva bħala li jkopri, bħala prinċipju, kull forma ta’ komunikazzjoni intiża li tippromwovi, direttament jew indirettament, oġġetti, servizzi, jew l-immaġni ta’ impriża, ta’ organizzazzjoni jew ta’ persuna li jkollha attività kummerċjali, industrijali, artiġjanali jew li teżerċita professjoni rregolata. |
|
23 |
Madankollu, peress li d-Direttiva 2000/31 ma tiddefinixxix b’mod preċiż x’għandu jinftiehem b’“offerta promozzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 6(ċ) tagħha, hemm lok li jiġu ddeterminati l-kontenut u l-portata ta’ dan il-kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni konformement mas-sens abitwali tiegħu fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih dan jintuża u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha dan jagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 2022, Porsche Inter Auto u Volkswagen, C‑145/20, EU:C:2022:572, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑30 ta’ April 2024, Trade Express‑L u DEVNIA TSIMENT, C‑395/22 u C‑428/22, EU:C:2024:374, punt 65). |
|
24 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tas-sens abitwali fil-lingwa ta’ kuljum tal-kliem “offerta promozzjonali”, minn analiżi tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 6(ċ) tad-Direttiva 2000/31 jirriżulta li dan il-kunċett jista’, b’mod ġenerali, jinftiehem bħala li jkopri kull forma ta’ komunikazzjoni li permezz tagħha fornitur ifittex li jippromwovi oġġetti jew servizzi mad-destinatarju tiegħu billi jagħti lil dan tal-aħħar vantaġġ. Madankollu, is-sempliċi interpretazzjoni letterali ta’ dan il-kunċett ma tippermettix li jiġu ddeterminati b’mod inekwivoku l-kundizzjonijiet li tali vantaġġ għandu jissodisfa sabiex dan jiġi kkaratterizzat. |
|
25 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest li fih jintuża l-kunċett ta’ “offerta promozzjonali”, għandu jiġi rrilevat li dan huwa akkumpanjat, fl-Artikolu 6(ċ) tad-Direttiva 2000/31 stess, minn elenku mhux eżawrjenti ta’ eżempji bħal “skonti, primjum jew rigali”. Għal raġunijiet ta’ koerenza, il-komunikazzjonijiet li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni għandhom għalhekk jissodisfaw il-karatteristiċi li huma komuni għall-iskontijiet, għall-primjums u għar-rigali. |
|
26 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-iskontijiet, il-primjums u r-rigali msemmija f’din id-dispożizzjoni jagħtu lid-destinatarju tagħhom vantaġġ ta’ natura oġġettiva, b’mod li r-realtà ta’ dan il-vantaġġ ma tistax titħalla għall-evalwazzjoni suġġettiva tiegħu. |
|
27 |
It-tieni nett, dawn l-istess raġunijiet ta’ koerenza jimplikaw li l-karatteristiċi li huma komuni għall-komunikazzjonijiet kummerċjali relatati mal-kompetizzjonijiet u mal-logħob promozzjonali, previsti fl-Artikolu 6(d) tad-Direttiva 2000/31, għandhom jiġu distinti minn dawk li jaqgħu taħt l-Artikolu 6(ċ) ta’ din id-direttiva. Għalhekk, b’differenza mill-kompetizzjonijiet u mil-logħob promozzjonali, l-offerti promozzjonali jagħtu vantaġġ ċert li ma huwiex dipendenti fuq ix-xorti jew fuq għażla. |
|
28 |
It-tielet nett, l-iskontijiet, il-primjums u r-rigali msemmija fl-Artikolu 6(ċ) tad-Direttiva 2000/31 huma kkaratterizzati min-natura ta’ inċentiv tagħhom fis-sens li dawn jistgħu jinfluwenzaw l-aġir tad-destinatarju fl-għażla tiegħu ta’ oġġett jew ta’ servizz, u min-natura oġġettiva u ċerta tal-vantaġġ li dawn jagħtuh. Minn dan isegwi li, sabiex tikkostitwixxi “offerta promozzjonali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, kull komunikazzjoni intiża li tippromwovi oġġetti jew servizzi għandha twassal, favur id-destinatarju tagħha, għall-għoti ta’ vantaġġ oġġettiv, ċert, u li jkun jista’ jinfluwenza l-aġir ta’ konsum tiegħu. |
|
29 |
Kuntrarjament għal dak li sostniet bonprix fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ma jistax jiġi dedott mill-kliem “skonti, primjum jew rigali,” li “offerta promozzjonali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hija ddefinita neċessarjament mill-eżistenza ta’ vantaġġ monetarju sostanzjali għad-destinatarju tagħha. |
|
30 |
Fil-fatt, minn naħa, kemm l-iskontijiet kif ukoll il-primjums u r-rigali jista’ jkollhom valur monetarju żgħir, jew saħansitra negliġibbli. Min-naħa l-oħra, għalkemm jista’ ċertament jiġi aċċettat li skont jimplika tnaqqis fil-korrispettiv finanzjarju dovut mid-destinatarju u, għaldaqstant, vantaġġ monetarju kwantifikabbli għalih, dan madankollu ma huwiex neċessarjament il-każ fil-każ ta’ primjum jew ta’ rigal, li l-valur monetarju tiegħu jista’ jirriżulta impossibbli, fil-prattika, li jiġi stabbilit b’mod oġġettiv. L-importanza tal-vantaġġ ikkonċernat fuq is-sitwazzjoni patrimonjali tad-destinatarju tagħha għalhekk ma hijiex l-uniku element li jista’ jikkaratterizza l-kunċett ta’ “offerta promozzjonali”. Hekk kif jirriżulta mill-punt 28 ta’ din is-sentenza, huma biss in-natura intrinsikament ta’ inċentiv tal-offerta promozzjonali fir-rigward ta’ oġġett jew servizz u n-natura oġġettiva u ċerta tal-vantaġġ li hija tagħti lid-destinatarju tagħha li huma determinanti. |
|
31 |
Barra minn hekk, sa fejn bonprix sostniet ukoll, f’dan il-kuntest, li “offerta promozzjonali” hija ddefinita min-natura eċċezzjonali tagħha, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li miżuri bħall-iskontijiet, il-primjums u r-rigali ma humiex neċessarjament limitati fiż-żmien, iżda jistgħu, skont il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali applikabbli, jiġu integrati b’mod sistematiku u permanenti fil-politiki promozzjonali tal-fornituri. Għaldaqstant, in-natura allegatament eċċezzjonali ta’ tali miżuri ma tistax tittieħed bħala argument sabiex jiġu esklużi l-modalitajiet ta’ ħlas mill-kunċett ta’ “offerta promozzjonali”. |
|
32 |
Għalhekk, minn interpretazzjoni letterali u kuntestwali tal-kunċett ta’ “offerta promozzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 6(ċ) tad-Direttiva 2000/31, jirriżulta li dan għandu jinftiehem bħala li tkopri kull komunikazzjoni kummerċjali li permezz tagħha fornitur ifittex li jippromwovi oġġetti jew servizzi billi jagħti lid-destinatarju tagħha vantaġġ li jkun oġġettiv, ċert u li jkun jista’ jinfluwenza l-aġir tiegħu fl-għażla ta’ tali oġġetti jew servizzi. Il-forma ta’ dan il-vantaġġ, l-istess bħall-importanza tiegħu, hija irrilevanti, peress li dan jista’ jkun, b’mod partikolari, monetarju, ġuridiku jew ikopri sempliċi konvenjenza, b’tali mod li d-destinatarju tiegħu jkun jista’ jiffranka l-ħin. |
|
33 |
Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni li tinsab fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza hija kkorroborata minn interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 6(ċ) tad-Direttiva 2000/31, peress li l-għan tagħha jikkonsisti, hekk kif jirriżulta minn qari flimkien tal-Artikolu 1(1) tagħha u tal-premessi 7, 10 u 60 tagħha, fil-kontribuzzjoni għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi jiġi żgurat il-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri u billi jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi mingħajr madankollu ma jiġu ostakolati l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku u l-kompetittività tal-industrija Ewropea. Mill-premessa 29 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li r-rekwiżiti fil-qasam tat-trasparenza previsti fl-Artikolu 6 tagħha huma stabbiliti fl-interess tal-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-lealtà tat-tranżazzjonijiet. |
|
34 |
Issa, il-fatt li, fil-kuntest ta’ attività ta’ kummerċ online, messaġġ ta’ reklamar li jagħmel riferiment għal modalità ta’ ħlas ikun suġġett għall-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(ċ) tad-Direttiva 2000/31 jikkontribwixxi għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, mingħajr madankollu ma jimplika piżijiet ekonomiċi mhux raġonevoli għall-fornituri. |
|
35 |
Fil-fatt, l-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-fornitur skont l-Artikolu 6(ċ) tad-Direttiva 2000/31 jimplika li, mill-mument li fih id-destinatarju ta’ messaġġ ta’ reklamar li jagħmel riferiment għal modalità ta’ ħlas speċifika jaċċedi għas-sit internet ta’ bejgħ li jkun jurih, dan għandu jiġi informat bil-kundizzjonijiet partikolari li jkunu jippermettulu jibbenefika mill-offerta promozzjonali, u b’hekk jitqiegħed f’pożizzjoni li jevalwa minn qabel l-eliġibbiltà tiegħu għaliha fid-dawl, jekk ikun il-każ, tas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu. Tali interpretazzjoni hija, barra minn hekk, konformi mar-rekwiżit, inerenti għad-Direttiva 2000/31, li skontu l-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi għandha tiġi żgurata f’kull stadju tal-kuntatti bejn il-fornitur u d-destinatarju ta’ servizz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2008, Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände,C‑298/07, EU:C:2008:572, punt 22). |
|
36 |
Minn dan isegwi li, meta l-vantaġġ marbut ma’ offerta promozzjonali relatata ma’ modalità ta’ ħlas partikolari jkun suġġett għal riżultat favorevoli tal-evalwazzjoni minn qabel tas-solvenza tal-konsumatur, huwa għandu jiġi informat b’dan, b’mod sempliċi, preċiż u inekwivoku, sabiex huwa jkun jista’ jinduna li, billi jirrikorri għal din l-offerta, huwa probabbilment ikun ser jiġi rrifjutat il-konklużjoni ta’ kuntratt fil-każ ta’ riżultat sfavorevoli ta’ din l-evalwazzjoni. |
|
37 |
Sabiex tingħata risposta kompleta lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat ukoll li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/31, ir-rekwiżiti fil-qasam tat-trasparenza li jinsabu f’din id-dispożizzjoni jiżdiedu mar-rekwiżiti l-oħra fil-qasam tal-informazzjoni previsti mid-dritt tal-Unjoni. Issa, l-interpretazzjoni li tinsab fil-punt 32 ta’ din is-sentenza hija kompletament kompatibbli mar-rekwiżiti fil-qasam tal-informazzjoni dwar il-modalitajiet ta’ ħlas previsti mid-Direttivi 2005/29 u 2011/83. |
|
38 |
Fil-fatt, fir-rigward tad-Direttiva 2005/29, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 3(4) tagħha, fil-każ ta’ kunflitt bejn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u regoli oħra tal-Unjoni li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiki kummerċjali żleali, dawn ir-regoli l-oħra għandhom jipprevalixxu u għandhom japplikaw għal dawn l-aspetti speċifiċi. Għalhekk, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/31 jipprevalu fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29. |
|
39 |
Fi kwalunkwe każ, mill-Artikolu 7(1), (2) u (4)(d) tad-Direttiva 2005/29 jirriżulta li, meta ssir stedina għax-xiri, l-informazzjoni dwar il-modalitajiet ta’ ħlas għandha titqies li hija importanti, b’tali mod li l-ommissjoni, il-ħabi jew il-provvista tagħha b’mod mhux ċar, mhux intelliġibbli, ambigwa jew mhux f’waqtha tikkostitwixxi prattika kummerċjali meqjusa qarrieqa. L-obbligu ta’ fornitur li jindika skont id-Direttiva 2000/31, sa mill-istadju tar-reklamar online relatat ma’ modalità ta’ ħlas partikolari, il-kundizzjonijiet għall-ibbenefikar minn tali offerta ma jippreżenta ebda inkoerenza fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
40 |
Għall-kuntrarju, l-Artikolu 6(1)(g) tad-Direttiva 2011/83 jipprevedi li, qabel ma l-konsumatur jintrabat b’kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju jew b’offerta tal-istess tip, il-kummerċjant għandu jinforma lil dan il-konsumatur dwar il-modalitajiet ta’ ħlas. Skont din id-dispożizzjoni, il-kummerċjant huwa għalhekk obbligat jinforma lill-konsumatur bil-kundizzjonijiet li jippermettulu jirrikorri għal modalità ta’ ħlas partikolari biss fil-mument meta, waqt il-proċess ta’ ordni online, dan ikun ser jagħmel l-għażla tiegħu, filwaqt li, hekk kif jirriżulta mill-punt 35 ta’ din is-sentenza, l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(ċ) tad-Direttiva 2000/31 għall-messaġġi ta’ reklamar li jagħmlu riferiment għal modalità ta’ ħlas partikolari timplika li, fir-rigward tal-kuntratti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/83, il-kummerċjant għandu jinforma lill-konsumatur b’dan meta huwa jaċċedi għas-sit ta’ bejgħ online li juri dan it-tip ta’ messaġġ. |
|
41 |
Madankollu, tali sitwazzjoni ma hijiex inkompatibbli mad-Direttiva 2011/83, peress li, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(8) tagħha, ir-rekwiżiti fil-qasam tal-informazzjoni previsti minn din id-direttiva jikkompletaw dawk li jinsabu fid-Direttiva 2000/31 u ma jipprekludux lill-Istati Membri jimponu rekwiżiti addizzjonali fil-qasam tal-informazzjoni konformement ma’ din l-aħħar direttiva. |
|
42 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali tirrigwarda messaġġ ta’ reklamar fuq is-sit internet ta’ bonprix li jagħmel riferiment għall-possibbiltà ta’ xiri b’fattura. |
|
43 |
Sabiex jiġi evalwat jekk tali komunikazzjoni kummerċjali tissodisfax il-kundizzjonijiet li jinsabu fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat, hekk kif għamlet il-qorti tar-rinviju, li l-posponiment tal-ħlas marbut max-xiri ta’ oġġett b’fattura jirrappreżenta vantaġġ monetarju, għalkemm minimu, sa fejn is-somma dovuta abbażi tal-prezz tal-bejgħ tibqa’ disponibbli għax-xerrej għal żmien itwal, u b’hekk tagħtih flus bil-quddiem. Ebda regola de minimis ma tista’ tiġi dedotta mill-Artikolu 6(ċ) tad-Direttiva 2000/31 sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ vantaġġ monetarju li jista’ jikkaratterizza “offerta promozzjonali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
44 |
Barra minn hekk, fil-każ ta’ tħassir tal-kuntratt wara, b’mod partikolari, l-eżerċizzju ta’ dritt ta’ rtirar jew ta’ xoljiment, ix-xerrej ma jkollux bżonn jitlob ir-rimbors tal-prezz. |
|
45 |
Bla ħsara għall-verifiki mill-qorti tar-rinviju, tali ċirkustanzi vantaġġużi għax-xerrej jidhru li huma ta’ natura li jħajruh jagħmel kuntatt ma’ bejjiegħ li jkun joffri online xiri b’fattura minflok ieħor li jkun jipprevedi ħlas immedjat mill-mument tal-ordni. Minn dan isegwi li tali modalità ta’ ħlas tista’ titqies li tagħti lil xerrej vantaġġ li huwa oġġettiv, ċert u li jista’ jinfluwenza l-aġir tiegħu fl-għażla ta’ oġġett jew ta’ servizz, b’tali mod li messaġġ ta’ reklamar li jagħmel riferiment għal din il-modalità jista’ jiġi kklassifikat bħala “offerta promozzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 6(ċ) tad-Direttiva 2000/31. |
|
46 |
Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 6(ċ) tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li messaġġ ta’ reklamar li jidher fuq is-sit internet ta’ impriża attiva fil-kummerċ online u li jagħmel riferiment għal modalità ta’ ħlas partikolari, sakemm din tal-aħħar tkun tagħti lid-destinatarju ta’ dan il-messaġġ vantaġġ li jkun oġġettiv, ċert u li jkun jista’ jinfluwenza l-aġir tiegħu fl-għażla ta’ oġġett jew ta’ servizz, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “offerta promozzjonali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
Fuq l-ispejjeż
|
47 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 6(ċ) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku), |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
messaġġ ta’ reklamar li jidher fuq is-sit internet ta’ impriża attiva fil-kummerċ online u li jagħmel riferiment għal modalità ta’ ħlas partikolari, sakemm din tal-aħħar tkun tagħti lid-destinatarju ta’ dan il-messaġġ vantaġġ li jkun oġġettiv, ċert u li jkun jista’ jinfluwenza l-aġir tiegħu fl-għażla ta’ oġġett jew ta’ servizz, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “offerta promozzjonali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.