52012PC0116

Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni 2011/734/UE indirizzata lill-Greċja bl-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv /* COM/2012/0116 final - 2012/ () */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-miżuri li jikkonċernaw il-koordinazzjoni u s-sorveljanza tad-dixxiplina baġitarja tal-Greċja u l-istabbiliment ta’ linji gwida għall-politika ekonomika għall-Greċja huma ddefiniti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/734/UE abbażi tal-Artikoli 126(9) u 136 tat-TFUE.

Il-konformità mad-deċiżjoni mhijiex rilevanti biss fil-kuntest tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, iżda wkoll fil-kuntest tal-finanzjamant lill-Greċja mill-Istati Membri taż-żona euro, permezz tal-EFSF.

Il-limitu tad-defiċit tal-gvern (abbażi tal-ESA95) għall-2011 stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill inqabeż. Għall-2012, il-gvern adotta baġit li kellu l-għan li jżomm mal-mira stabbilita fid-Deċiżjoni tal-Kunsill u adotta miżuri li jiżguraw tnaqqis addizzjonali fid-defiċit fis-snin sussegwenti.

L-attività ekonomika fl-2011-2014 attwalment hija stmata u pprojettata li se tkun, ħafna iktar dgħajfa minn dak li kien mistenni qabel meta ġew adottati d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/320/UE u 2011/734/UE. Fi Frar 2012, il-gvern Grieg ħabbar miżuri li kellhom l-għan li jnaqqsu d-defiċit primarju fl-2012, inkluża l-adozzjoni ta’ baġit supplementari. F’Marzu 2012, il-Greċja wettqet operazzjoni ta’ skambju ta’ dejn li naqqset sostanzjalment l-infiq fuq l-imgħax fl-2012 u fis-snin ta’ wara, u kkontribwiet għas-sostenibbiltà tad-dejn tal-gvern.

Meta jitqies dan kollu jeħtieġ li l-miri annwali jiġu riveduti filwaqt li tinżamm l-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv. Il-miri espressi f’termini ta’ surplus primarju bħala perċentwal tal-PDG ta’ -1.0 fl-2012, +1.8 fl-2013 u +4.5 fl-2014, jidhru xierqa meta titqies l-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2014, u l-ħtieġa li tittejjeb is-sostenibbiltà tad-dejn.

Kien hemm diskussjonijiet intensivi bejn il-Greċja u s-servizzi tal-Kummissjoni, il-persunal tal-BĊE u tal-FMI, dwar l-aġġornament tal-kundizzjonalità tal-politika fil-Memorandum ta’ Qbil tal-programm ta’ aġġustament ekonomiku tal-Greċja. Dawn id-diskussjonijiet ma qisux biss il-miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali, iżda wkoll il-ħtieġa li tissaħħaħ il-karatterisitika favur it-tkabbir ta’ dawn il-miżuri u li jiġi mminimizzat kwalunkwe impatt soċjali.

Il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni 2011/734/UE u bagħtitha lill-Kunsill.

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni 2011/734/UE indirizzata lill-Greċja bl-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-Artikolu 126(9) u l-Artikolu 136 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)       L-Artikolu 136(1)(a) tat-TFUE jipprevedi l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri speċifiċi għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro bil-ħsieb li jsaħħu l-koordinazzjoni u s-sorveljanza tad-dixxiplina baġitarja tagħhom.

(2)       L-Artikolu 126 tat-TFUE jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jevitaw defiċits tal-gvern eċċessivi u għal dan il-għan jistabbilixxi l-proċedura dwar defiċit eċċessiv. Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, li fil-parti korrettiva tiegħu jimplimenta l-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, jipprovdi l-qafas li jsostni l-politiki tal-gvern biex jerġgħu lura minnufih għal pożizzjonijiet baġitarji sodi filwaqt li jqisu l-qagħda ekonomika.

(3)       Fis-27 ta’ April 2009, il-Kunsill iddeċieda, skont l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (it-TKE), li fil-Greċja kien hemm defiċit eċċessiv.

(4)       Fl-10 ta' Mejju 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/320/UE[1] indirizzata lill-Greċja skont l-Artikolu 126(9) u l-Artikolu 136 tat-TFUE bl-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv mhux aktar tard mill-iskadenza tal-2014. Il-Kunsill stabbilixxa l-2014 bħala l-iskadenza għall-korrezzjoni tas-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv, u miri annwali għad-defiċit tal-gvern.

(5)       Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/320/UE ġiet emendata sostanzjalment diversi drabi. Minħabba li kien meħtieġ li jsiru aktar emendi, fl-interessi taċ-ċarezza ġiet irriformulata, fit-12 ta’ Lulju 2011, mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/734/UE[2].

(6)       L-attività ekonomika fl-2011-2014 attwalment hija stmata u pprojettata li se tkun, ħafna iktar dgħajfa minn dak li kien mistenni qabel meta ġew adottati d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/320/UE u 2011/734/UE. L-attività ekonomika hija stmata li fl-2011 naqset b’6.8 %. Attwalment, il-Kummissjoni tipprevedi li l-PDG reali Grieg se jonqos b’4.7 % fl-2012, se jistaġna fl-2013, qabel ma jerġa’ jibda jikber b'2.5 % fl-2014. F’termini nominali, il-PDG naqas b’5.2 % fl-2011, u huwa mistenni li jonqos b’5.4 u 0.4 % fl-2012 u l-2013, rispettivament, qabel ma jespandi b’2.5 % fl-2014.

(7)       Fi Frar 2012, il-gvern Grieg ħabbar miżuri li kellhom l-għan li jnaqqsu d-defiċit primarju fl-2012, inkluża l-adozzjoni ta’ baġit supplementari. Saru diskussjonijiet estensivi dwar dawn il-miżuri bejn l-awtoritajiet Griegi u s-servizzi tal-Kummissjoni. Dawn id-diskussjonijiet ma qisux biss il-miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali, iżda wkoll il-ħtieġa li tissaħħaħ il-karatterisitika favur it-tkabbir ta’ dawn il-miżuri u li jiġi mminimizzat kwalunkwe impatt soċjali.

(8)       F’Marzu 2012, il-Greċja niedet u wettqet operazzjoni ta’ skambju ta’ dejn li tnaqqas sostanzjalment il-livell tad-dejn u l-infiq fuq l-imgħax fl-2012 u fis-snin ta’ wara, u tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà tad-dejn tal-gvern.

(9)       Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, jidher xieraq li d-Deċiżjoni 2011/734/UE tiġi emendata f’għadd ta’ aspetti, inkluż il-perkors għall-aġġustament fiskali, filwaqt li l-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv titħalla kif inhi,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2011/734/UE hija b’dan emendata kif ġej:

1.         Fl-Artikolu 1, il-paragrafi (2) u (3) għandhom jinbidlu b'dan li ġej:

            '(2)       Il-perkors ta’ aġġustament li jwassal għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv għandu jkollu l-għan li jikseb defiċit primarju tal-amministrazzjoni pubblika (id-defiċit li jeskludi n-nefqa fuq l-imgħax) li ma jaqbiżx EUR 2 037 miljun (1.0 % tal-PDG) fl-2012, u surpluses primarji ta’ mill-anqas EUR 3 652 miljun (1.8 % tal-PDG) fl-2013 u EUR 9 352 miljun (4.5 % tal-PDG) fl-2014. B’segwitu għall-iskambju ta’ dejn, dawn il-miri għad-defiċit/surplus primarju huma konsistenti ma’ defiċit kumplessiv ta' EUR 14 811 miljun (7.3 % tal-PDG) fl-2012, EUR 9 462 miljun (4.7 % tal-PDG) fl-2013 u EUR 4 499 miljun (2.2 % tal-PDG) fl-2014. Għal dan il-għan, tul il-perjodu 2009-2014, ikun inkiseb titjib fil-bilanċ strutturali ta’ mill-inqas 10 % tal-PDG. Ir-rikavat mill-privatizzazzjoni tal-assi (assi finanzjarji u mhux finanzjarji), kif ukoll l-ammonti mħallsa lill-Greċja mill-Istati Membri taż-żona tal-euro minn introjtu futur dovut lill-bankijiet ċentrali nazzjonali tagħhom fuq il-parteċipazzjonijiet tagħhom fil-bonds tal-gvern Grieg ma għandhomx inaqqsu l-isforz tal-konsolidazzjoni fiskali meħtieġ u ma għandhomx jitqiesu fil-valutazzjoni ta' dawn il-miri.

            (3)        Il-perkors ta’ aġġustament imsemmi fil-paragrafu 2 huwa konsistenti ma’ bidla annwali fid-dejn ikkonsolidat tal-amministrazzjoni pubblika ta’ EUR -26 954 miljun fl-2012, ta’ EUR 6 775 miljun fl-2013 u ta’ EUR 1 492 miljun fl-2014.”

2.         Fl-Artikolu 2, għandu jiddaħħal il-paragrafu li gej wara l-paragrafu 7:

            “7a.      Il-Greċja għandha tadotta l-miżuri li ġejjin mingħajr dewmien:

(a)        tnaqqis fin-nefqa farmaċewtika tal-anqas b’EUR 1 076 miljun, fl-2012;

(b)        tnaqqis fi ħlas għas-sahra lit-tobba fl-isptarijiet tal-anqas b’EUR 50 miljun fl-2012;

(c)        tnaqqis fl-akkwist ta’ materjal militari b’EUR 300 miljun (ħlasijiet u konsenji) fl-2012);

(d)        tnaqqis b’10 % fir-rimunerazzjoni ta’ persunal elett u relatat fil-livell lokali fl-2012 u tnaqqis fl-għadd ta’ viċi sindki u persunal assoċjat fl-2013 bil-għan li jiġu ffrankati tal-anqas EUR 9 miljun fl-2012 u 28 miljun mill-2013 ‘il quddiem;

(e)        tnaqqis fin-nefqa operazzjonali tal-gvern ċentrali, u nfiq relatat mal-elezzjonijiet, tal-anqas b’EUR 370 miljun (meta mqabbel mal-baġit tal-2012), li minnhom tal-anqas EUR 100 miljun f’nefqa operazzjonali b’rabta militari, u tal-anqas EUR 70 miljun f’infiq elettorali;

(f)         tnaqqis fin-nefqa operazzjonali mill-gvern lokali bil-għan li jiġu ffrankati tal-anqas EUR 50 miljun fl-2012;

(g)        tnaqqis f’sussidji lil residenti f’żoni remoti, u tnaqqis f’għotjiet lil diversi entitajiet taħt is-superviżjoni tal-ministeri, bl-għan li fl-2012 in-nefqa titnaqqas tal-anqas b’EUR 190 miljun;

(h)        tnaqqis fil-baġit tal-investiment pubbliku (PIB) b’EUR 400 miljun fl-2012. Dan it-tnaqqis fil-baġit tal-PIB mhuwa se jkollu l-ebda impatt fuq proġetti li huma kkofinanzjati mill-fondi strutturali (inklużi l-proġetti TEN-T);

(i)         bidliet f’fondi ta’ pensjonijiet supplementari u f’fondi ta’ pensjonijiet b’pensjonijiet medji elevati jew li jirċievu sussidji għoljin mill-baġit, u tnaqqis f’pensjonijiet għoljin oħra, bl-għan li jiġu ffrankati tal-anqas EUR 450 miljun fl-2012 (netti wara li jitqies l-impatt fuq it-taxxi u l-kontribuzzjonijiet soċjali);

(j)         tnaqqis fil-benefiċċji lill-familji għal dawk l-unitajiet domestiċi li għandhom introjtu għoli, bl-għan li jiġu ffrankati EUR 43 miljun fl-2012;

(k)        deċiżjonijiet ministerjali biex tiġi kkompletata l-implimentazzjoni sħiħa tal-istruttura l-ġdida tal-pagi fl-entitajiet pertinenti kollha, u l-leġiżlazzjoni dwar il-modalitajiet għall-irkupru tal-pagi mħallsa żejda minn Novembru 2011 ‘il quddiem.

(l)         l-emenda tal-Artikolu 3 u 21 tal-Liġi 4038/2012 sabiex jiġu riveduti l-kundizzjonijiet biex jiġu estiżi l-pjanijiet tal-ħlasijiet akkont ta' taxxi u kontribuzzjonijiet soċjali dovuti: il-pjanijiet tal-ħlasijiet akkont se japplikaw biss għall-ammonti eżistenti dovuti taħt EUR 10 000 għall-individwi u EUR 75 000 għall-korporazzjonijiet. Il-kontribwenti li japplikaw għal pjan estiż ta' ħlasijiet akkont għandhom jiżvelaw id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kollha tagħhom lill-awtoritajiet tat-taxxi.

(m)       liġi ta’ qafas, b’reviżjoni profonda tal-funzjonament tal-fondi tal-pensjonijiet pubbliċi sekondarji/supplementari bl-għan li tiġi stabbilizzata n-nefqa tal-pensjonijiet, tiġi ggarantita n-newtralità baġitarja ta’ dawn l-iskemi, u tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-sistema fuq perjodu ta’ żmien medju u twil.”

3.         Fl-Artikolu 2, il-paragrafu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)        il-punti (a) u (b) għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

“(a)      riforma tal-iskemi tal-pensjonijiet sekondarji/supplementari mfassla b’konsultazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, il-BĊE u l-IMF, u vvalidata mill-Kumitat tal-Politika Ekonomika tal-UE fir-rigward tal-impatt stmat tagħha fuq is-sostenibbiltà fuq perjodu ta’ żmien twil. Il-parametri tas-sistema nazzjonali sekondarja l-ġdida tal-kontribuzzjonijiet iddefiniti jiżguraw bilanċ attwarjali fuq perjodu ta’ żmien twil, kif ivvalutat mill-Awtorità Attwarjali Nazzjonali.

(b)        aġġustament fil-marġnijiet ta’ profitt tal-ispiżeriji u l-introduzzjoni ta’ marġnijiet ta’ profitt rigressiv bl-għan li l-marġni ta’ profitt kumplessiv jitnaqqas għal taħt il-15 %.”

(b)        jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(c)      il-finalizzazzjoni tal-analiżi funzjonali li tinsab għaddejja bħalissa dwar il-programmi soċjali;

(d)        deċiżjonijiet biex isir provvediment għar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-AUAP (l-Awtorità Unika għall-Akkwist Pubbliku); l-AUAP tibda topera biex tissodisfa l-mandat, l-għanijiet, il-kompetenzi u s-setgħat tagħha kif iddefiniti fil-liġi dwar l-AUAP u l-Pjan ta’ Azzjoni maqbul mal-Kummissjoni Ewropea f’Novembru 2010; ħatra tal-membri tal-AUAP;

(e)        l-identifikazzjoni tal-iskemi li għalihom l-ammonti b’rata fissa mħallsa malli wieħed jirtira ma jirriflettux il-kontribuzzjonijiet imħallsa, u aġġustament tal-ħlasijiet.

(f)         tnaqqis fil-marġnijiet ta’ profitt tal-bejjiegħa farmaċewtiċi bl-ingrossa biex jikkonverġu lejn il-limitu massimu ta’ 5 %.

(g)        il-proċeduri meħtieġa ta’ sejħiet għall-offerti biex tiġi implimentata sistema tal-informazzjoni tal-kura tas-saħħa komprensiva u uniformi (sistema tas-saħħa-e).

(h)        il-ħatra tal-konsulenti kollha legali, tekniċi u finanzjarji għall-privatizzazzjonijiet ippjanati għall-2012 u l-2013.”

4.         Fl-Artikolu 2, il-paragrafu 9, il-punt (a) għandu jinbidel bi:

“(a)      il-finalizzazzjoni tal-analiżi tal-programmi tal-infiq pubbliku. Din l-analiżi għandha tissejjes fuq assistenza teknika esterna u tiffoka fuq il-pensjonijiet u t-trasferimenti soċjali (b’mod li jippreserva l-protezzjoni soċjali bażika), infiq fuq id-difiża mingħajr preġudizzju għall-kapaċità tad-difiża tal-pajjiż u r-ristrutturar tal-amministrazzjonijiet ċentrali u lokali; razzjonalizzazzjoni ulterjuri tal-infiq farmaċewtiku u operazzjonali tal-isptarijiet, u tal-benefiċċji fi flus għall-benessri se jiġu speċifikati wkoll;

(b)        l-adozzjoni ta’ riforma fit-taxxi li tissimplifika s-sistema tat-taxxi, telimina l-eżenzjonijiet u l-iskemi preferenzjali, li tinkludi t-twessigħ tal-bażijiet, biex b’hekk tippermetti tnaqqis gradwali fir-rati tat-taxxi hekk kif il-prestazzjoni tad-dħul titjieb. Din ir-riforma hija relatata mat-taxxi fuq id-dħul personali, it-taxxi fuq id-dħul korporattivi u l-VAT, it-taxxi fuq il-proprjetajiet, kif ukoll il-kontribuzzjonijiet soċjali, u se żżomm il-piż relattiv tat-taxxi mit-taxxi indiretti;

(c)        ir-reviżjoni tal-valuri legali tal-beni immobbli biex jiġu allinjati aħjar mal-prezzijiet tas-suq;

(d)        id-diskontinwazzjoni tal-ħlasijiet fi flus u f’ċekkijiet fl-uffiċċji tat-taxxi li għandhom jinbidlu bit-trasferimenti bankarji, sabiex il-persunal jinħeles biex jiffoka fuq xogħol ta’ valur miżjud akbar (awditjar, infurzar tal-ġbir u l-għoti ta’ pariri lill-kontribwenti);

(e)        tnaqqis ta’ medja ta’ 12 % fil-“pagi speċjali” tas-settur pubbliku, li għalihom l-istruttura l-ġdida tal-pagi ma tapplikax. Dan se japplika mill-1 ta’ Lulju 2012 ‘il quddiem u se jirriżulta f’iffrankar ta’ mill-anqas EUR 205 miljun (netti wara li jitqies l-impatt fuq it-taxxi u l-kontribuzzjonijiet soċjali).”

5.         Fl-Artikolu 2, għandhom jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

            '(10)     Il-Greċja għandha tadotta l-miżuri li ġejjin sal-aħħar ta’ Settembru 2012:

(a)        abbozz ta’ baġit għall-2013 skont il-mira ta’ surplus primarju stabbilit fl-Artikolu 1(2);

(b)        regoli u proċeduri għal kuntratti ta’ akkwist/qafas ċentralizzati għal provvisti jew servizzi li jiġu akkwistati ta’ spiss fil-livell tal-gvern ċentrali bl-obbligu għall-ministeri u l-korpi tal-gvern ċentrali li r-rifornimenti jsiru skont dawn il-kuntratti u użu fakultattiv għall-entitajiet reġjonali.

            (11)      Il-Greċja għandha tadotta l-miżuri li ġejjin sal-aħħar ta’ Diċembru 2012:

(a)        l-adozzjoni finali tal-baġit għall-2013 skont il-mira ta’ surplus primarju stabbilita fl-Artikolu 1(2);

(b)        leġiżlazzjoni li tissimplifika l-proċedura għas-sottomissjoni u l-approvazzjoni tal-baġits supplementari.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva dakinhar tan-notifika tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Magħmula fi Brussel,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 145, 11.6.2010, p. 6.

[2]               ĠU L 296, 15.11.2011, p. 38.