52014PC0386

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1215/2009 li jintroduċi ċerti miżuri kummerċjali eċċezzjonali għal pajjiżi u territorji li jipparteċipaw fil-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea jew li huma marbutin miegħu u li jissospendi l-applikazzjoni tiegħu fir-rigward tal-Bosnja-Ħerzegovina /* COM/2014/0386 final - 2014/0197 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Il-politika tal-UE għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent hija definita fil-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mniedi f’Mejju 1999 mill-Kummissjoni Ewropea. Fil-laqgħa tiegħu f'Lisbona fit-23 u l-24 ta’ Marzu 2000, il-Kunsill Ewropew ikkonkluda li l-Ftehimiet ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għandhom ikunu preċeduti minn liberalizzazzjoni asimetrika tal-kummerċ. Il-liberalizzazzjoni asimetrika tal-kummerċ kienet prevista permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1215/2009 li jintroduċi miżuri kummerċjali eċċezzjonali għal pajjiżi u territorji li jipparteċipaw fil-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jew li huma marbutin miegħu. Ir-Regolament (KE) Nru 1215/2009 japplika sal-31 ta' Diċembru 2015.

Minn meta tnieda l-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, ġew konklużi Ftehimiet ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u l-pajjiżi kollha kkonċernati tal-Balkani tal-Punent, bl-eċċezzjoni tal-Bosnja-Ħerzegovina u l-Kosovo.[1] Il-Bosnja-Ħerzegovina ġiet rikonoxxuta bħala pajjiż kandidat potenzjali għall-adeżjoni mal-UE fl-2003 u ffirmat Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fl-2008, filwaqt li qablet mal-kundizzjonijiet tal-UE għas-sħubija. Minn dakinhar, beda japplika Ftehim Interim dwar il-kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ mal-Bosnja-Ħerzegovina, sakemm jiġi ffinalizzat il-proċess ta’ ratifika tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

Wara li kkunsidrat id-differenzi fil-kamp ta' applikazzjoni tal-liberalizzazzjoni tariffarja skont ir-reġimi kuntrattwali li ġew żviluppati bejn l-Unjoni u l-parteċipanti kollha għall-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u l-preferenzi mogħtija skont ir-Regolament (KE) Nru 1215/2009, ġie ssuġġerit li ż-żmien tar-Regolament (KE) Nru 1215/2009 jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2020, sabiex jippermettu lill-benefiċjarji tal-miżuri eċċezzjonali kummerċjali u lill-Unjoni Ewropea biżżejjed żmien biex jallinjaw, fejn xieraq, il-preferenzi mogħtija skont ir-Regolament (KE) Nru 1215/2009 ma’ dawk preveduti skont il-Ftehimiet ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Wara t-tkabbir tal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Lulju 2013, il-Bosnja-Ħerzegovina għadha ma aċċettatx li tadatta l-konċessjonijiet kummerċjali mogħtija skont il-Ftehim Interim sabiex tqis il-kummerċ tradizzjonali preferenzjali bejn il-Kroazja u l-Bosnja-Ħerzegovina skont il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA). F'każ li l-Bożnja-Ħerzegovina u l-Unjoni Ewropea ma jilħqux ftehim dwar l-adattament tal-konċessjonijiet kummerċjali, il-preferenzi mogħtija lill-Bosnja-Ħerzegovina skont ir-Regolament (KE) Nru 1215/2009 għandhom jiġu sospiżi mill-1 ta’ Jannar 2016. Ladarba l-Bosnja-Ħerżegovina u l-Unjoni Ewropea jiffirmaw u japplikaw provviżorjament ftehim dwar l-adattament tal-konċessjonijiet kummerċjali fil-Ftehim Interim, dawn il-preferenzi jiġu stabbiliti mill-ġdid.

L-Artikolu 21(1) tat-Trattat UE jipprovdi li l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali tkun iggwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tagħha stess u li hija tfittex li tippromwovi fil-bqija tad-dinja, inklużi d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u r-rispett għad-dinjità tal-bniedem. L-Unjoni trid tirrispetta u tippromwovi dawn il-prinċipji anke fl-azzjoni esterna tagħha, inkluża l-politika kummerċjali komuni tagħha. Ir-Regolament (KE) Nru 1215/2009 ma jipprovdi l-ebda possibbiltà biex temporanjament tiġi sospiża l-għotja ta’ miżuri kummerċjali eċċezzjonali f’każ ta’ ksur serju u sistematiku tal-prinċipji fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt mill-benefiċjarji tagħha. Huwa xieraq li tkun introdotta din il-possibbiltà, sabiex jiġi żgurat li tkun tista’ tittieħed azzjoni malajr f’każ li jseħħ ksur serju u sistematiku tal-prinċipji fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt f’wieħed mill-pajjiżi u t-territorji li jipparteċipaw fil-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, jew li huma marbutin miegħu.

Fl-aħħar nett, ġie inkluż aġġustament tekniku rigward l-aċċess tal-Montenegro għall-kwota addizzjonali globali għall-importazzjonijiet tal-inbid.

2.           ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

Il-bażi ġuridika għall-proposta hija l-Artikolu 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

3.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Ir-Regolament propost ma jġarrabx spejjeż addizzjonali lill-baġit tal-UE. Għas-snin 2015 sa 2020 ma hu se jkun hemm l-ebda telf addizzjonali ta’ dħul mit-tariffi fir-rigward ta’ prodotti li joriġinaw minn benefiċjarji attwali. Dħul ipotetiku li seta' ġie ġġenerat mill-esportazzjonijiet futuri mhuwiex meqjus bħala telf ta' dħul ta' tariffa.

2014/0197 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1215/2009 li jintroduċi ċerti miżuri kummerċjali eċċezzjonali għal pajjiżi u territorji li jipparteċipaw fil-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea jew li huma marbutin miegħu u li jissospendi l-applikazzjoni tiegħu fir-rigward tal-Bosnja-Ħerzegovina

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva,

Billi:

(1)       Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1215/2009[2] jipprevedi liberalizzazzjoni asimetrika kummerċjali bejn l-Unjoni u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u t-territorji kkonċernati, u jagħtihom il-benefiċċju ta’ aċċess eċċezzjonali u illimitat bla dazju għas-suq tal-Unjoni għal kważi l-prodotti kollha tagħhom sal-31 ta’ Diċembru 2015.

(2)       Ir-Regolament (KE) Nru 1215/2009 ma jipprovdi l-ebda possibbiltà biex temporanjament tiġi sospiża l-għotja ta’ miżuri kummerċjali eċċezzjonali f’każ ta’ ksur serju u sistematiku tal-prinċipji fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt mill-benefiċjarji tagħha. Huwa xieraq li tkun introdotta din il-possibbiltà, sabiex jiġi żgurat li tkun tista’ tittieħed azzjoni malajr f’każ li jseħħ ksur serju u sistematiku tal-prinċipji fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt f’wieħed mill-pajjiżi u t-territorji li jipparteċipaw fil-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, jew li huma marbutin miegħu.

(3)       Wara li kkunsidrat id-differenzi fil-kamp ta' applikazzjoni tal-liberalizzazzjoni tariffarja skont ir-reġimi kuntrattwali li ġew żviluppati bejn l-Unjoni u l-parteċipanti kollha għall-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u l-preferenzi mogħtija skont ir-Regolament (KE) Nru 1215/2009, ġie ssuġġerit li l-perjodu ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1215/2009 jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2020, sabiex jippermettu lill-benefiċjarji tal-miżuri eċċezzjonali kummerċjali u lill-Unjoni Ewropea biżżejjed żmien biex jallinjaw - fejn xieraq - il-preferenzi mogħtija skont ir-Regolament (KE) Nru 1215/2009 ma’ dawk preveduti skont il-Ftehimiet ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

(4)       Ir-Regolament (KE) Nru 1215/2009 jipprevedi kwota globali għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ nbid bil-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda (NM) 220421 93-220421 98 u 220429 93-220429 98. Din il-kwota hija aċċessibbli għall-pajjiżi jew it-territorji kollha tal-Balkani tal-Punent sakemm tiġi eżawrita l-kwota individwali tal-inbid tagħhom, kif stipulat fil-Ftehimiet ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bilaterali tagħhom, bl-eċċezzjoni tal-Montenegro. Il-Protokoll dwar l-inbid miftiehem mal-Montenegro jinkludi kwota tal-inbid għall-kodiċi NM ex220410 u ex220421 biss, u huma ma kinux f’pożizzjoni li jilħquha. Dan effettivament jipprevjeni lill-Montenegro milli taċċessa kwota tal-inbid bla dazju għall-prodotti mhux koperti mill-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tagħha. Sabiex jiġi żgurat li l-pajjiżi kollha kkonċernati u t-territorji tal-Balkani tal-Punent ikunu trattati bl-istess mod, huwa xieraq li jkun hemm provvediment li l-Montenegro tingħata wkoll aċċess għall-kwota globali tal-inbid għall-prodotti tal-kodiċi NM 220429, mingħajr il-ħtieġa li teżawrixxi l-kwota individwali.

(5)       Minn meta tnieda l-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, ġew konklużi Ftehimiet ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-pajjiżi kollha kkonċernati tal-Balkani tal-Punent, bl-eċċezzjoni tal-Bosnja-Ħerzegovina u l-Kosovo.[3] F’Ġunju 2013, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tibda n-negozjati għal Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-Kosovo.

(6)       Il-Bosnja-Ħerzegovina ġiet rikonoxxuta bħala pajjiż kandidat potenzjali għall-adeżjoni mal-Unjoni fl-2003 u fis-16 ta’ Ġunju 2008 ffirmat Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (“il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni”), fejn qablet mal-kundizzjonijiet għas-sħubija fl-Unjoni. Minn dakinhar, beda japplika Ftehim Interim dwar il-kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ mal-Bosnja-Ħerzegovina[4] ("il-Ftehim Interim"), sakemm jiġi ffinalizzat il-proċess ta’ ratifika tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

(7)       Madankollu, il-Bosnja-Ħerzegovina għadha ma aċċettatx li tadatta l-konċessjonijiet kummerċjali mogħtija skont il-Ftehim Interim sabiex tqis il-kummerċ tradizzjonali preferenzjali bejn il-Kroazja u l-Bosnja-Ħerzegovina skont il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA). F'każ li, sal-mument tal-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, ma jkunx ġie ffirmat u applikat provviżorjament ftehim dwar l-adattament tal-konċessjonijiet kummerċjali stipulati fil-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u fil-Ftehim Interim mill-Unjoni Ewropea u l-Bosnja-Ħerzegovina, il-preferenzi mogħtija lill-Bosnja-Ħerzegovina għandhom jiġu sospiżi mill-1 ta’ Jannar 2016. Ladarba l-Bosnja-Ħerzegovina u l-Unjoni Ewropea jiffirmaw u japplikaw provviżorjament ftehim dwar l-adattament tal-konċessjonijiet kummerċjali fil-Ftehim Interim, dawn il-preferenzi jiġu stabbiliti mill-ġdid.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1215/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)          Fl-Artikolu 2(1) jiżdied il-punt (d) li ġej:

“(d) l-astensjoni tal-pajjiżi u t-territorji msemmija fl-Artikolu 1 milli jinvolvu ruħhom fi ksur serju u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ewlenin tax-xogħol, il-prinċipji fundamentali tad-demokrazija u l-istat tad-dritt.”

(2)          Fl-Artikolu 12, it-tieni u t-tielet paragrafi jinbidlu b'dan li ġej:

"Tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2020."

(3)          Fl-Anness I, in-nota 5 ta' qiegħ il-paġna tiġi sostitwita bit-test li ġej:

"(5) L-aċċess għall-inbid li joriġina mill-Montenegro għall-kwota tariffarja globali, sakemm jikkonċerna l-prodotti tal-kodiċi NM 2204 21, huwa soġġett għall-eżawriment preċedenti tal-kwota tariffarja individwali stipulata fil-Protokoll dwar l-inbid konkluż mal-Montenegro. Din il-kwota tariffarja individwali tinfetaħ skont in-Nru tal-ordni 09.1514."

Artikolu 2

L-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1215/2009 rigward il-Bosnja-Ħerzegovina hija sospiża b’effett mill-1 ta’ Jannar 2016.

Artikolu 3

1.           Minkejja l-Artikolu 2, l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1215/2009 fir-rigward tal-Bosnja-Ħerzegovina ma tiġix sospiża jekk, qabel l-1 ta’ Jannar 2016, l-Unjoni Ewropea u l-Bosnja-Ħerzegovina jiffirmaw u japplikaw provviżorjament ftehim dwar l-adattament tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u l-Ftehim Interim biex titqies l-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea.

2.           F’każ li l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 1 ma jiġix iffirmat u applikat provviżorjament qabel l-1 ta’ Jannar 2016, ir-Regolament (KE) Nru 2115/2009 jkun applikabbli mill-ġdid rigward il-Bosnja-Ħerzegovina mid-data li fiha dan il-Ftehim ikun iffirmat u applikat provviżorjament.

3.           Il-Kummissjoni tippubblika avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea hekk kif jiġi ffirmat il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 1.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                            Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               Dan l-isem huwa bla preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar status, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni ta’ indipendenza tal-Kosovo.

[2]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1215/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 li jintroduċi ċerti miżuri kummerċjali eċċezzjonali għal pajjiżi u territorji li jipparteċipaw fil-proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea jew li huma marbutin miegħu (ĠU L 328, 15.12.2009, p. 1).

[3]               Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

[4]               Ftehim Temporanju dwar il-kummerċ u materji relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa, u l-Bożnja-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra (ĠU L 233, 30.8.2008, p. 6).