12.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 94/4


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/562

tad-9 ta' April 2018

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1354/2011 li jiftaħ il-kwoti tariffarji annwali tal-Unjoni għan-nagħaġ, għall-mogħoż, għal-laħam tan-nagħaġ u għal-laħam tal-mogħoż

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikulari l-punti (a) u (b) tal-Artikolu 187 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1354/2011 (2) jipprevedi l-ftuħ ta' kwoti tariffarji annwali tal-Unjoni fuq l-importazzjoni għan-nagħaġ, għall-mogħoż, għal-laħam tan-nagħaġ u għal-laħam tal-mogħoż, fosthom għal dawk li ġejjin mill-Iżlanda.

(2)

Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1354/2011, il-kwoti tariffarji li dak ir-Regolament jiftaħ iridu jkunu ġestiti skont l-Artikoli 308a, 308b u 308c(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (3). Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 ġie sostitwit bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (4) u tħassar bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/481 (5) b'effett mill-1 ta' Mejju 2016. Għalhekk jenħtieġ li r-referenzi għar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 jiġu aġġornati.

(3)

Barra minn hekk, l-Artikolu 5(2)(b) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1354/2011 jipprevedi prova tal-oriġini fil-forma ta' ċertifikat tal-oriġini maħruġ skont l-Artikolu 47 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 fil-każ ta' kwoti tariffarji oħrajn minbarra dawk li huma parti minn ftehim dwar tariffa preferenzjali. Jidher li ma għadx hemm bżonn ta' ċertifikat tal-oriġini minħabba li, skont l-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), l-awtoritajiet doganali jistgħu jeħtieġu lid-dikjarant iġib prova dwar l-oriġini tal-merkanzija b'mezzi oħrajn minbarra ċertifikat formali tal-oriġini. Madankollu, iċ-ċertifikat tal-oriġini maħruġ skont l-Artikolu 47 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 kien fih ukoll informazzjoni li għad hemm bżonnha biex issir distinzjoni bejn il-prodotti għall-finijiet tal-kalkolu tal-ekwivalenti tal-piż tal-karkassi, kif previst fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1354/2011. Għalhekk jenħtieġ li jintalab dokument ġdid li jkun fih dik l-informazzjoni.

(4)

Fit-23 ta' Marzu 2017, l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda ffirmaw Ftehim fil-forma ta' skambju ta' ittri li jikkonċerna preferenzi kummerċjali addizzjonali fi prodotti agrikoli (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”). Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2087 (7) awtorizzat l-iffirmar tal-Ftehim f'isem l-Unjoni, filwaqt li d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1913 (8) awtorizzat il-konklużjoni tiegħu.

(5)

Skont l-Anness V tal-Ftehim, l-Unjoni trid iżżid kwantità totali ta' 1 200 tunnellata mal-kwota attwali ħielsa mid-dazju li għandha l-Iżlanda għal-laħam tan-nagħaġ u għal-laħam tal-mogħoż li jidħol fil-kodiċijiet tat-tariffi 0204 u 0210, u trid tiftaħ kwota annwali ġdida tal-Unjoni ta' 300 tunnellata ħielsa mid-dazju għal-laħam tan-nagħaġ ipproċessat li jidħol fil-kodiċi 1602 90. Il-kwantità addizzjonali ta' 1 200 tunnellata u l-kwantità l-ġdida ta' 300 tunnellata jridu jintlaħqu kif speċifikat fit-tabella mogħtija fl-Anness V tal-Ftehim.

(6)

Il-kwantitajiet tal-prodotti li jridu jiġu importati skont il-kwoti tariffarji li fetaħ ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1354/2011 huma mogħtija f'ekwivalenti ta' piż tal-karkassi, ikkalkulat permezz tal-koeffiċjenti mogħtija fl-Artikolu 3 ta' dak ir-Regolament. Jenħtieġ li jiġi stabbilit il-koeffiċjent biex il-laħam tan-nagħaġ ipproċessat jinqaleb f'ekwivalenti ta' piż tal-karkassi għall-kwota l-ġdida għal dan it-tip ta' laħam.

(7)

Għalhekk jeħtieġ li r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1354/2011 jiġi emendat kif xieraq.

(8)

Il-Ftehim jipprevedi d-dħul fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2018. Jenħtieġ li, għall-2018, il-kwantitajiet addizzjonali ta' laħam tan-nagħaġ u ta' laħam tal-mogħoż u l-kwantitajiet tal-kwota l-ġdida għal-laħam tan-nagħaġ ipproċessat li jridu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni skont il-Ftehim jiġu kkalkulati fuq bażi pro rata, billi titqies id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim.

(9)

Sabiex id-dispożizzjonijiet il-ġodda tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1354/2011 ikunu jistgħu jiġu implimentati bla xkiel, jenħtieġ li l-miżuri kollha stabbiliti f'dan ir-Regolament jibdew japplikaw fl-istess data, li trid tkun id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim.

(10)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1354/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 3(2) jiżdied il-punt (e) li ġej:

“(e)

għal-laħam tan-nagħaġ ipproċessat: 1,00.”;

(2)

l-Artikolu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 4

B'deroga mit-Titolu II(A) u (B) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1439/95, il-kwoti tariffarji stabbiliti f'dan ir-Regolament għandhom ikunu ġestiti skont l-Artikoli 49 sa 54 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (*1). Ma għandha tkun meħtieġa l-ebda liċenzja tal-importazzjoni.

(*1)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).”;"

(3)

jiddaħħal l-Artikolu 4a li ġej:

“Artikolu 4a

1.   L-oriġini tal-prodotti li għalihom ikun hemm kwota tariffarja minbarra dawk li ġejjin minn ftehimiet dwar tariffa preferenzjali għandha tiġi stabbilita skont id-dispożizzjonijiet li jkunu fis-seħħ fl-Unjoni.

2.   L-oriġini tal-prodotti li għalihom ikun hemm kwota tariffarja li tkun parti minn ftehim dwar tariffa preferenzjali għandha tiġi stabbilita skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dak il-ftehim.”;

(4)

l-Artikolu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 5

1.   Biex wieħed jibbenefika mill-kwoti tariffarji stabbiliti fl-Anness, għandha tintbagħat prova valida tal-oriġini lill-awtoritajiet doganali tal-Unjoni, flimkien ma' dikjarazzjoni doganali għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera għall-prodotti kkonċernati.

2.   Fil-każ ta' kwota tariffarja li tkun parti minn ftehim dwar tariffa preferenzjali, il-prova tal-oriġini msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun il-prova tal-oriġini stabbilita f'dak il-ftehim.

Fil-każ ta' kwoti tariffarji oħrajn minbarra dawk li ġejjin minn ftehimiet dwar tariffa preferenzjali, għandu japplika l-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2).

Meta jingħaqdu l-kwoti tariffarji li jkunu ġejjin mill-istess pajjiż terz u li jkunu jidħlu fl-ewwel u fit-tieni sottoparagrafu, il-prova tal-oriġini stabbilita fil-ftehim rilevanti għandha tintbagħat lill-awtoritajiet doganali tal-Unjoni flimkien mad-dikjarazzjoni doganali għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera għall-prodotti kkonċernati.

3.   Fil-każ ta' kwoti tariffarji oħrajn minbarra dawk li ġejjin minn ftehimiet dwar tariffa preferenzjali, id-dikjarazzjoni doganali għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera għall-prodotti kkonċernati għandha tintbagħat lill-awtoritajiet doganali tal-Unjoni flimkien ma' dokument li jinħareġ mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz tal-oriġini jew mill-aġenzija kompetenti tiegħu. Dan id-dokument għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja:

(a)

isem min qed jagħmel il-konsenja;

(b)

it-tip ta' prodott u l-kodiċi tan-NM tiegħu;

(c)

l-għadd ta' pakketti, in-natura tagħhom u l-marki u n-numri li jkollhom;

(d)

in-numru jew in-numri tas-serje tal-kwota tariffarja kkonċernata;

(e)

il-piż nett totali maqsum skont il-kategorija tal-koeffiċjenti kif stipulat fl-Artikolu 3(2) ta' dan ir-Regolament.

(*2)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).”;"

(5)

l-Anness huwa sostitwit bit-test mogħti fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mill-1 ta' Mejju 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' April 2018.

Għall-Kummissjoni

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1354/2011 tal-20 ta' Diċembru 2011 li jiftaħ il-kwoti tariffarji tal-Unjoni għan-nagħaġ, għall-mogħoż, għal-laħam tan-nagħaġ u għal-laħam tal-mogħoż (ĠU L 338, 21.12.2011, p. 36).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/481 tal-1 ta' April 2016 li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 87, 2.4.2016, p. 24).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2087 tal-14 ta' Novembru 2016 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim fil-forma ta' skambju ta' ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda li jikkonċerna preferenzi kummerċjali addizzjonali fi prodotti agrikoli (ĠU L 324, 30.11.2016, p. 1).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1913 tad-9 ta' Ottubru 2017 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta' skambju ta' ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda li jikkonċerna preferenzi kummerċjali addizzjonali fi prodotti agrikoli (ĠU L 274, 24.10.2017, p. 57).


ANNESS

“ANNESS

IL-KWOTI TARIFFARJI TAL-UNJONI GĦAL-LAĦAM TAN-NAGĦAĠ U GĦAL-LAĦAM TAL-MOGĦOŻ (f'tunnellati ta' ekwivalenti ta' piż tal-karkassi)

Kodiċijiet tan-NM

Dazju “ad valorem” f'perċentwali

Dazju speċifiku

f'EUR għal kull 100 kg

Numru tas-serje skont il-prinċipju li min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel

Oriġini

Volum annwali f'tunnellati ta' ekwivalenti ta' piż tal-karkassi

Annimali ħajjin

(koeffiċjent ta' 0,47)

Laħam tal-ħaruf bla għadam (1)

(koeffiċjent ta' 1,67)

Laħam tal-muntun u laħam tan-nagħaġ bla għadam (2)

(koeffiċjent ta' 1,81)

Karkassi u laħam bl-għadam

(koeffiċjent ta' 1,00)

Laħam tan-nagħaġ ipproċessat

(koeffiċjent ta' 1,00)

0204

Żero

Żero

—

09.2101

09.2102

09.2011

—

L-Arġentina

23 000

—

09.2105

09.2106

09.2012

—

L-Awstralja

19 186

—

09.2109

09.2110

09.2013

—

New Zealand

228 254

—

09.2111

09.2112

09.2014

—

L-Urugwaj

5 800

—

09.2115

09.2116

09.1922

—

Iċ-Ċilì (3)

8 000

—

09.2121

09.2122

09.0781

—

In-Norveġja

300

—

09.2125

09.2126

09.0693

—

Greenland

100

—

09.2129

09.2130

09.0690

—

Il-Gżejjer Faeroe

20

—

09.2131

09.2132

09.0227

—

It-Turkija

200

—

09.2171

09.2175

09.2015

—

Pajjiżi oħrajn (4)

200

—

09.2178

09.2179

09.2016

—

Erga omnes  (5)

200

0204 ,

0210 99 21 ,

0210 99 29 ,

ex 0210 99 85

Żero

Żero

—

09.2119

09.2120

09.0790

—

L-Iżlanda

Fl-2018

2 117

Fl-2019

2 783

Mill-2020 'il quddiem

3 050

0104 10 30

0104 10 80

0104 20 90

10 %

Żero

09.2181

—

—

09.2019

—

Erga omnes  (5)

92

ex 1602 90 10 ,

1602 90 91

Żero

Żero

—

—

—

—

09.2118

L-Iżlanda

Mill-1 ta' Mejju 2018

67

Fl-2019

233

Mill-2020 'il quddiem

300

”

(1)  U laħam tal-gidi.

(2)  U laħam tal-mogħoż minbarra dak tal-gidi.

(3)  Il-kwota tariffarja għaċ-Ċilì tiżdied b'200 tunnellata fis-sena.

(4)   “Pajjiżi oħrajn” għandha tirreferi għall-membri kollha tad-WTO minbarra l-Arġentina, l-Awstralja, New Zealand, l-Urugwaj, iċ-Ċilì, Greenland u l-Iżlanda.

(5)   “ Erga omnes ” għandha tirreferi għall-pajjiżi kollha tal-oriġini, inklużi dawk imsemmijin f'din it-tabella.