SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

4 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika kummerċjali komuni – Ftehimiet internazzjonali – Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra – Modifika tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju – Regolament (UE) Nru 1169/2011 – Artikolu 9 – Artikolu 26(2) – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 – Artikolu 3(1) u (2) – Artikolu 5(1) u (2) – Artikolu 8 – Artikolu 15(1) u (4) – Anness I – Anness IV – Regolament (UE) Nru 1308/2013 – Artikolu 76 – Informazzjoni lill-konsumaturi dwar il-prodotti tal-ikel – Indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza ta’ prodott tal-ikel – Frott u ħaxix maħsuda fis-Saħara tal-Punent – Talba magħmula lil Stat Membru sabiex jipprojbixxi unilateralment l-importazzjonijiet ta’ dawn il-prodotti fuq it-territorju tiegħu – Indikazzjoni obbligatorja tas-Saħara tal-Punent bħala l-post ta’ provenjenza tat-tadam u tal-bettieħ maħsud fuq dan it-territorju”

Fil-Kawża C‑399/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Ġunju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Ġunju 2022, fil-proċedura

Confédération paysanne

vs

Ministère de l’Agriculture et de la Souveraineté alimentaire,

Ministre de l’Économie, des Finances et de la Souveraineté industrielle et numérique,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi-President, A. Arabadjiev, C. Lycourgos, E. Regan, Z. Csehi u O. Spineanu-Matei, Presidenti ta’ Awla, S. Rodin, I. Jarukaitis, A. Kumin, N. Jääskinen (relatur), M. L. Arastey Sahún u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑24 ta’ Ottubru 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għall-Confédération paysanne, minn G. Devers, avocat,

–

għall-Gvern Franċiż, minn G. Bain, J.-L. Carré, B. Herbaut, T. Stéhelin u B. Travard, bħala aġenti,

–

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn F. Naert u V. Piessevaux, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouquet, D. Calleja Crespo, F. Clotuche-Duvieusart u M. Konstantinidis, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑24 ta’ Ottubru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU 2011, L 304, p. 18, rettifiki fil-ĠU 2014, L 331, p. 40, fil-ĠU 2016, L 266, p. 7, fil-ĠU 2022, L 35, p. 26, fil-ĠU 2023, L 142, p. 41, u fil-ĠU 2023, L 214, p. 229), b’mod partikolari tal-Artikoli 9 u 26 tiegħu, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671, rettifiki fil-ĠU 2013, L 189, p. 261, fil-ĠU 2016, L 130, p. 8, fil-ĠU 2020, L 1, p. 5, fil-ĠU 2022, L 195, p. 106, u fil-ĠU 2023, L 200, p. 51), b’mod partikolari l-Artikolu 76 tiegħu, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas‑7 ta’ Ġunju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (ĠU 2011, L 157, p. 1), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 594/2013 tal‑21 ta’ Ġunju 2013 (ĠU 2013, L 170, p. 43) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011”), tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90, u fil-ĠU 2013, L 267, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Unjoni”), u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/217 tat‑28 ta’ Jannar 2019 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (ĠU 2019, L 34, p. 1), kif ukoll dwar il-validità ta’ din id-deċiżjoni fid-dawl tal-Artikolu 3(5) u tal-Artikolu 21 TUE kif ukoll tal-Artikolu 1 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, iffirmata f’San Francisco fis‑26 ta’ Ġunju 1945.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Confédération paysanne, sindakat agrikolu Franċiż, u l-ministre de l’Agriculture et de la Souverainèité alimentaires (il-Ministru għall-Agrikoltura u għas-Sovranità tal-Ikel, Franza) kif ukoll il-ministre de l’Économie, des Finances et de la Souverainèité industrielle et numérique (il-Ministru għall-Ekonomija, għall-Finanzi u għas-Sovranità Industrijali u Diġitali, Franza) dwar il-legalità ta’ deċiżjoni impliċita ta’ rifjut meħuda minn dawn tal-aħħar fuq talba tiegħu li jagħtu ordni għall-projbizzjoni tal-importazzjoni tat-tadam cherry u tal-bettieħ tal-varjetà Charentais maħsud fit-territorju tas-Saħara tal-Punent (iktar ’il quddiem il-“prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali”).

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Ir‑Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011

3

Il-premessi 4, 8, 12 u 16 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 jistipulaw:

“(4)

L-Artikolu 113(1) (b) u (c) tar-Regolament [tal-Kunsill] (KE) Nru 1234/2007 [tat‑22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU 2007, L 299, p. 1),] jawtorizza lill-Kummissjoni [Ewropea] tipprovdi għal standards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-frott u l-ħaxix u għall-frott u l-ħaxix ipproċessat rispettivament. Skont l-Artikolu 113a(1) ta’ dak ir-Regolament, il-frott u l-ħaxix intiż biex jinbiegħ frisk lill-konsumatur jista’ jiġi kkummerċjalizzat biss jekk ikun ta’ kwalità tajba, ġusta u li tista’ tiġi kkummerċjalizzata u jekk ikun indikat il-pajjiż tal-oriġini biss. Sabiex tiġi armonizzata l-implimentazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni, huwa xieraq li jiġu stabbiliti d-dettalji ta’ standard ġenerali tal-kummerċjalizzazzjoni għall-frott u l-ħaxix frisk kollu u li ssir dispożizzjoni dwaru.

[…]

(8)

Id-dettalji tat-tagħrif meħtieġa skont l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għandhom jintwerew b’mod ċar fuq l-imballaġġ u/jew fuq it-tikketta. Sabiex tiġi evitata l-frodi u sabiex jiġu evitati każijiet fejn il-konsumatur jiġi ngannat, id-dettalji tat-tagħrif meħtieġa skont l-istandards għandhom ikunu disponibbli għall-konsumatur qabel ma jseħħ ix-xiri, speċjalment fil-każ tal-bejgħ mill-bogħod, fejn l-esperjenza wriet li hemm riskju ta’ frodi u riskju li jiġi evitat il-ħarsien tal-konsumaturi mogħti mill-istandards.

[…]

(12)

Kull Stat Membru għandu jaħtar l-entitajiet ta’ spezzjoni li huma responsabbli għat-twettiq tal-verifiki tal-konformità f’kull stadju tal-kummerċjalizzazzjoni. Waħda minn dawk l-entitajiet għandha tkun responsabbli għall-kuntatti mal-entitajiet maħtura l-oħra kollha u għall-koordinazzjoni bejniethom.

[…]

(16)

L-importazzjonijiet ta’ frott u ħaxix minn pajjiżi terzi għandhom iħarsu l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni jew standards li huma ekwivalenti għalihom. Għalhekk il-verifiki tal-konformità jridu jitwettqu qabel ma dawn l-oġġetti jidħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni, ħlief fil-każ ta’ lottijiet żgħar li l-entitajiet ta’ spezzjoni jqisu li huma ta’ riskju żgħir. F’ċerti pajjiżi terzi li jipprovdu garanziji ta’ konformità sodisfaċenti, jistgħu jsiru verifiki mill-entitajiet ta’ spezzjoni ta’ dawn il-pajjiżi terzi qabel ma l-prodotti jiġu esportati. Meta jintuża dan il-metodu, l-Istati Membri għandhom jivverifikaw b’mod regolari l-effettività u l-kwalità tal-verifiki mwettqin mill-entitajiet ta’ spezzjoni tal-pajjiżi terzi qabel l-esportazzjoni.”

4

Taħt it-titolu “Standards tal-kummerċjalizzazzjoni; min ikollu f’idejh il-prodotti”, l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni jipprovdi:

“1.   Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 113a(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandhom iservu bħala l-istandard ġenerali tal-kummerċjalizzazzjoni. Id-dettalji tal-istandard ġenerali tal-kummerċjalizzazzjoni huma mogħtija fil-Parti A tal-Anness I għal dan ir-Regolament.

Il-frott u l-ħaxix li mhux kopert minn standard speċifiku tal-kummerċjalizzazzjoni għandu jikkonforma mal-istandard ġenerali tal-kummerċjalizzazzjoni. […]

2.   L-istandards speċifiċi tal-kummerċjalizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 113(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 huma mogħtija fil-Parti B tal-Anness I għal dan ir-Regolament għall-prodotti li ġejjin:

[…]

j) it-tadam.

[…]”

5

L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dettalji tat-tagħrif”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Id-dettalji tat-tagħrif meħtieġa skont dan il-Kapitolu għandhom jidhru b’mod li jkunu jistgħu jinqraw u f’pożizzjoni ovvja fuq il-ġenb tal-imballaġġ, u għandhom jew ikunu stampati b’mod li ma jitħassarx direttament fuq il-pakkett jew fuq tikketta li tkun parti integrali minnu jew li tkun imwaħħla sewwa miegħu.

2.   Għal oġġetti ttrasportati fi kwantitajiet kbar u mgħobbija direttament fuq mezz tat-trasport, id-dettalji tat-tagħrif imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jingħataw f’dokument li jakkompanja l-oġġetti jew jintwerew fuq nota mpoġġija f’pożizzjoni ovvja ġewwa l-mezz tat-trasport.”

6

It-Titolu II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 jinkludi Kapitolu II, intitolat “Verifiki dwar il-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni”, li jinkludi l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, intitolat “Ambitu”, li huwa fformulat kif ġej:

“Dan il-Kapitolu jistabbilixxi r-regoli dwar il-verifiki tal-konformità, li għandhom ifissru l-verifiki li jitwettqu fuq il-frott u l-ħaxix fl-istadji kollha tal-kummerċjalizzazzjoni sabiex jiġi vverifikat li dan jikkonforma mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni u mad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan it-Titolu u tal-Artikoli 113 u 113a tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.”

7

L-Artikolu 15 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, intitolat “Approvazzjoni ta’ verifiki tal-konformità mwettqin minn pajjiżi terzi qabel l-importazzjoni fl-Unjoni”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu:

“1.   Fuq talba ta’ pajjiż terz, il-Kummissjoni tista’ tapprova, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 195(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, verifiki tal-konformità mal-istandards speċifiċi tal-kummerċjalizzazzjoni mwettqin minn dak il-pajjiż terz qabel l-importazzjoni fl-Unjoni.

[…]

4.   Il-pajjiżi terzi li l-verifiki tal-konformità tagħhom ġew approvati skont dan l-Artikolu, u l-prodotti kkonċernati, għandhom jingħataw fl-Anness IV.

[…]”

8

Skont l-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(3) ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni:

“Meta l-oġġetti ma jikkonformawx mal-istandards, l-entità ta’ spezzjoni għandha toħroġ riżultat ta’ nuqqas ta’ konformità lin-negozjanti jew lir-rappreżentanti tagħhom. L-oġġetti li għalihom ikun inħareġ riżultat ta’ nuqqas ta’ konformità ma jistgħux jiġu mċaqalqin mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-entità ta’ spezzjoni li tkun ħarġet dak ir-riżultat. Din l-awtorizzazzjoni tista’ tkun suġġetta għat-tħaris tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-entità ta’ spezzjoni.

[…]

Meta l-oġġetti la jkunu jistgħu jinġabu konformi u lanqas ma jkunu jistgħu jintbagħtu bħala għalf għall-annimali, għall-ipproċessar industrijali jew għal kwalunkwe użu ieħor iżda mhux għall-ikel, l-entità ta’ spezzjoni tista’, jekk ikun hemm bżonn, titlob lin-negozjanti jieħdu l-miżuri x-xierqa sabiex jiżguraw li l-prodotti kkonċernati ma jiġux ikkummerċjalizzati. In-negozjanti għandhom jipprovdu t-tagħrif kollu li l-Istati Membri jqisu li huwa meħtieġ sabiex jiġi applikat dan il-paragrafu.”

9

L-Artikolu 18(2) tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni jipprevedi:

“Stat Membru li fih lott ta’ oġġetti minn pajjiż terz jiġi rrifjutat milli jinħareġ għaċ-ċirkolazzjoni libera minħabba nuqqas ta’ konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għandu jgħarraf minnufih lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri li x’aktarx ikunu kkonċernati u lill-pajjiż terz ikkonċernat u mniżżel fl-Anness IV.”

10

L-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, dwar l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, isemmi, bħala standard ġenerali ta’ kummerċjalizzazzjoni, fil-punt 4 tal-Parti A tiegħu, l-immarkar tal-oriġini tal-prodotti, b’mod iktar partikolari tal-isem sħiħ tal-pajjiż ta’ oriġini tal-prodotti. L-istandard ta’ kummerċjalizzazzjoni applikabbli għat-tadam, li jinsab fil-Parti 10 tal-Parti B tal-Anness I tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni jipprevedi li kull pakkett għandu jkollu ittri miġbura flimkien fuq l-istess naħa, leġġibbli, li ma jitħassrux u viżibbli minn barra, indikazzjonijiet dwar il-pajjiż ta’ oriġini u, eventwalment, iż-żona ta’ produzzjoni.

11

Il-Marokk jinsab fl-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 fost il-pajjiżi terzi li l-kontrolli ta’ konformità tagħhom ġew approvati skont l-Artikolu 15 għall-“frott u ħaxix frisk”.

Ir‑Regolament Nru 1169/2011

12

L-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 1169/2011 jipprovdi li:

“Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ tikkettar previsti f’dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni applikabbli għal ikel partikolari.”

13

L-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Lista ta’ dettalji obbligatorji”, jipprevedi, fil-paragrafu 1(i) tiegħu, li:

“Konformement mal-Artikoli 10 sa 35 u skont l-eċċezzjonijiet li hemm f’dan il-Kapitolu, hija obbligatorja l-indikazzjoni tad-dettalji li ġejjin:

[…]

i) il-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta’ provenjenza meta previst fl-Artikolu 26”.

14

L-Artikolu 26 tal-imsemmi regolament, intitolat “Pajjiż tal-oriġini jew post ta’ provenjenza”, jipprovdi, fil-paragrafu 2(a) tiegħu:

“Indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini jew tal-post ta’ provenjenza għandu jkun obbligatorju:

a)

fejn in-nuqqas ta’ din l-indikazzjoni jista’ jiżgwida lill-konsumatur fir-rigward tal-pajjiż veru tal-oriġini jew il-post veru ta’ provenjenza tal-ikel, b’mod partikolari jekk l-informazzjoni li jkun hemm mal-ikel jew it-tikketta b’mod globali tista’ b’xi mod ieħor timplika li l-ikel għandu pajjiż differenti tal-oriġini jew post differenti ta’ provenjenza”.

Il‑Kodiċi Doganali tal‑Unjoni

15

L-Artikolu 59 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jipprovdi:

“L-Artikoli 60 u 61 jistabbilixxu r-regoli għad-determinazzjoni tal-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija għall-għanijiet tal-applikazzjoni ta’ dan li ġej:

[…]

c) miżuri oħrajn tal-Unjoni marbutin mal-oriġini tal-merkanzija.”

16

L-Artikolu 60 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “L-akkwiżizzjoni tal-oriġini”, huwa fformulat hekk:

“1.   Merkanzija ottenuta kollha kemm hi f’pajjiż jew territorju wieħed għandha titqies bħala li toriġina minn dak il-pajjiż jew territorju.

2.   Merkanzija li l-produzzjoni tagħha tinvolvi aktar minn pajjiż jew territorju wieħed għandha titqies li toriġina fil-pajjiż jew territorju fejn tkun għaddiet mill-aħħar proċessar jew xogħol sostanzjali, ekonomikament ġustifikat, f’impriża mgħammra għal dak l-għan, u li jirriżulta fil-manifattura ta’ prodott ġdid jew li jirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura.”

17

L-Artikolu 134 tal-imsemmi kodiċi, intitolat “Is-superviżjoni doganali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Merkanzija li tiddaħħal fit-territorju doganali tal-Unjoni għandha, minn meta tidħol, tkun soġġetta għal superviżjoni doganali u tista’ tkun soġġetta għal kontrolli doganali. Fejn applikabbli, huma għandhom ikunu soġġetti għall-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet ġustifikati skont, inter alia, il-moralità pubblika, il-politika pubblika jew is-sigurtà pubblika, il-ħarsien ta’ saħħet u ħajjet il-bniedem, l-annimali jew il-pjanti, il-ħarsien tal-ambjent, il-ħarsien ta’wirt nazzjonali li jkollu valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku u l-ħarsien ta’ proprjetà industrijali jew kummerċjali, inklużi kontrolli dwar prekursuri tad-drogi, merkanzija li tikser ċeru drittijiet ta’ proprjetà intelletwali u flus kontanti, kif ukoll għall-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni tas-sajd u ta’ miżuri ta’ politika kummerċjali.

Hija għandha tibqa’ taħt tali superviżjoni sakemm ikun meħtieġ biex ikun determinat l-istatus doganali tagħha u m’għandhiex titneħħa minn hemm mingħajr il-permess tal-awtoritajiet doganali.

Mingħajr ħsara għall-Artikolu 254, merkanzija tal-Unjoni m’għandhiex tkun soġġetta għal superviżjoni doganali ladarba l-istatus doganali tagħha jkun stabbilit.

Merkanzija mhux tal-Unjoni għandha tibqa’ taħt is-superviżjoni doganali sakemm jinbidel l-istatus doganali tagħha, jew sakemm tinħareġ ’il barra mit-territorju doganali tal-Unjoni jew tinqered.”

Ir‑Regolament Nru 1308/2013

18

L-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 1308/2013, intitolat “Prinċipju Ġenerali”, jipprovdi:

“Il-prodotti li għalihom ġew stabbiliti standards għall-kummerċjalizzazzjoni skont is-settur jew skont il-prodott f’konformità ma’ din it-Taqsima ma jistgħux jitqiegħdu fis-suq fl-Unjoni ħlief jekk jikkonformaw ma’ dawk l-istandards.”

19

L-Artikolu 75 ta’ dan ir-regolament jipprovdi li:

“1.   L-Istandards tat-tqegħid fis-suq jistgħu japplikaw għal wieħed jew iktar mis-setturi u l-prodotti li ġejjin:

[…]

b) frott u ħxejjex;

[…]

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 26 tar-[Regolament Nru 1169/2011], l-istandards għall-kummerċjalizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jkopru wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin jew aktar stabbiliti skont is-settur jew il-prodott u skont il-karatteristiċi ta’ kull settur, il-ħtieġa li jiġi rregolat it-tqegħid fis-suq u l-kundizzjonijiet iddefiniti fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu:

[…]

j)

il-post agrikolu u/jew l-oriġini, eskluż il-laħam tat-tjur u x-xaħmijiet li jistgħu jiddelku;

[…]”

20

L-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1308/2013, intitolat “Rekwiżiti addizzjonali għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti fis-settur tal-frott u l-ħxejjex”, kien jipprevedi li:

“1.   Barra minn hekk, fejn rilevanti għall-istandards ta’ kummerċjalizzazzjoni applikabbli msemmija fl-Artikolu 75, il-prodotti tas-settur tal-frott u l-ħxejjex li huma maħsuba li jinbigħu friski lill-konsumatur, jistgħu jiġu kummerċjalizzati biss jekk ikunu ta’ kwalità tajba, ġusta u kummerċjabbli u jekk il-pajjiż ta’ oriġini huwa indikat.

2.   L-istandards għall-kummerċjalizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, kif ukoll kwalunkwe standard tal-kummerċjalizzazzjoni applikabbli għas-settur tal-frott u l-ħxejjex f’konformità ma’ din is-subtaqsima, għandhom japplikaw f’kull stadju tal-kummerċjalizzazzjoni inkluż l-importazzjoni u l-esportazzjoni, u jistgħu ikopru l-kwalità, il-kategorizzazzjoni, il-piż, id-daqs, l-ippakkjar, l-imballaġġ, il-ħażna, it-trasport, il-preżentazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni.

3.   Id-detentur ta’ prodotti tas-settur tal-frott u l-ħxejjex koperti mill-istandards għall-kummerċjalizzazzjoni ma għandux jesponi tali prodotti, joffrihom għall-bejgħ, jew iqassamhom jew jikkummerċjalizzahom bi kwalunkwe mod ieħor fl-Unjoni ħlief f’konformità ma’ dawk l-istandards u għandu jkun responsabbli għall-iżgurar ta’ tali konformità.

[…]”

21

Il-Parti III ta’ dan ir-regolament, intitolata “Kummerċ ma’ Pajjiżi Terzi”, tinkludi l-Artikolu 194, intitolat “Miżuri ta’ salvagwardja”, li jipprevedi:

“1.   Miżuri ta’ salvagwardja kontra importazzjonijiet fl-Unjoni għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni, suġġetti għall-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, skont ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 260/2009 [tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU 2009, L 84, p. 1)] u (KE) Nru 625/2009 [tas‑7 ta’ Lulju 2009 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi (JO 2009, L 185, p. 1)].

2.   Għajr jekk ma jkunx previst mod ieħor fi kwalunkwe att ieħor tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u kwalunkwe att ieħor tal-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri ta’ salvagwardja, f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, kontra importazzjonijiet fl-Unjoni previsti fi ftehimiet internazzjonali u konklużi skont it-TFUE.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu fuq talba ta’ Stat Membru jew fuq inizjattiva proprja. […]

Meta l-Kummissjoni tirċievi talba minn Stat Membru, hija għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tieħu deċiżjoni dwarha fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol wara li tkun irċeviet it-talba. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 229(2).

Għal raġunijiet importanti ħafna ta’ urġenza ġustifikati b’mod adatt, il-Kummissjoni għandha tadotta immedjatament atti ta’ implimentazzjoni applikabbli skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 229(3).

Il-miżuri adottati għandhom jiġu kkomunikati lill-Istati Membri u għandhom jidħlu fis-seħħ immedjatament.

4.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jirrevokaw jew jemendaw il-miżuri ta’ salvagwardja tal-Unjoni adottati skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 229(2). Għal raġunijiet importanti ħafna ta’ urġenza ġustifikati b’mod adatt, il-Kummissjoni għandha tadotta immedjatament atti ta’ implimentazzjoni applikabbli skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 229(3).”

Ir‑Regolament (UE) 2015/478

22

L-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 2015, L 83, p. 16, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku dwar is-salvagwardja”), jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament japplika għall-importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw minn pajjiżi terzi, ħlief għal:

a)

prodotti tat-tessuti suġġetti għal regoli speċifiċi ta’ importazzjoni taħt ir-Regolament [tal-Kunsill] (KE) Nru 517/94 (KE) tas‑7 ta’ Marzu 1994 dwar regoli komuni għall-importazzjoni ta’ prodotti tessili minn għadd ta’ pajjiżi terzi mhux koperti minn ftehim bilaterali, Protokoll jew arranġamenti oħra, jew minn regoli tal-importazzjoni speċifika tal-Komunità (ĠU L 1994, 10.3.67, p. 1).

b)

prodotti li joriġinaw minn ċerti pajjiżi terzi elenkati fir-[Regolament Nru 625/2009].

2.   Il-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu importati liberament ġewwa l-Unjoni u għaldaqstant, mingħajr preġudizzju għall-miżuri tas-salvagwardja li jistgħu jittieħdu taħt il-Kapitolu V, m’għandhomx ikunu suġġetti għal restrizzjonijiet kwantitattivi.”

23

L-Artikolu 15 tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardja jipprovdi:

“1.   Meta prodott jiġi importat ġewwa l-Unjoni fi kwantitajiet miżjuda tant u/jew taħt it-termini u l-kondizzjonijiet hekk li jikkawżaw, jew jheddu li jikkawżaw, dannu serju lill-produtturi tal-Unjoni, il-Kummissjoni, sabiex tissalvagwardja l-interessi tal-Unjoni, tista’, filwaqt li taġixxi fuq it-talba ta’ Stat Membru jew fuq inizjattiva tagħha stess:

a)

tagħmel limitu għall-perjodu taż-żmien tal-validità tad-dokumenti tas-sorveljanza fis-sens tal-Artikolu 11 li jridu jinħarġu wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-miżura;

b)

tibdel ir-regoli tal-importazzjoni għall-prodott fil-kwistjoni billi tagħmel ir-rilaxx tiegħu fiċ-ċirkolazzjoni libera bil-kondizzjoni li tiġi ppreżentata l-awtorizzazzjoni għall-importazzjoni, li l-konċessjoni tagħha għandha tkun irregolata minn dawn id-dispożizzjonijiet u bla ħsara għal dawk il-limiti li l-Kummissjoni tista’ timponi.

Il-miżuri msemmija fil-punti (a) u (b) għandhom jidħlu fis-seħħ minnufih.

2.   Rigward il-Membri [tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO)], il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jittieħdu biss meta ż-żewġ kondizzjonijiet indikati fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jiġu sodisfatti.

[…]

5.   Il-miżuri msemmija f’dan l-Artikolu għandhom japplikaw għal kull prodott li jiġi mqiegħed f’ċirkolazzjoni ħielsa wara d-dħul tagħhom fis-seħħ. Taħt l-Artikolu 17 dawn jistgħu jiġu ristretti għal reġjun tal-Unjoni jew iktar.

Madankollu, tali miżuri ma għandhomx jipprevjenu r-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni libera tal-prodotti li jkunu diġà fi triqthom lejn l-Unjoni sakemm id-destinazzjoni ta’ tali prodotti ma tkunx tista’ tiġi mibdula u li dawk il-prodotti li, skont l-Artikoli 10 u 11, jistgħu jinħarġu fiċ-ċirkolazzjoni libera biss jekk meta jiġi ppreżentat dokument tas-sorveljanza jkunu fil-fatt akkumpanjati minn tali dokument.

6.   Fejn l-intervent mill-Kummissjoni jkun intalab minn Stat Membru, il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 3(3), jew f’każijiet ta’ urġenza, skont l-Artikolu 3(4), għandha tieħu deċiżjoni fi żmien mhux iktar minn ħamest ijiem tax-xogħol minn mid-data meta tirċievi tali talba.”

24

L-Artikolu 24(2)(a) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra tal-Unjoni, dan ir-Regolament ma għandux jipprekludi l-adozzjoni jew l-applikazzjoni mill-Istati Membri ta’:

a)

projbizzjonijiet, restrizzjonijiet kwantitattivi jew miżuri tas-sorveljanza għal raġunijiet ta’ moralità pubblika, politika pubblika jew sigurtà pubblika; il-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni umani, tal-annimali jew tal-pjanti, il-protezzjoni tat-teżori nazzjonali li jkollhom valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku, jew il-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali.”

Id-Deċiżjoni 2019/217

25

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2019/217 jipprovdi li l-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (ĠU 2019, L 34, p. 4, iktar ’il quddiem il-“Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri) huwa approvat f’isem l-Unjoni.

26

Il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri jipprovdi:

“L-[Unjoni] u r-Renju tal-Marokk qablu li jinkludu d-dikjarazzjoni konġunta li ġejja wara l-Protokoll Nru 4 tal-[Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, li ġie ffirmat fi Brussell fis‑26 ta’ Frar 1996 (ĠU 2000, L 70, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”)]:

“Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-applikazzjoni tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-[Ftehim ta’ Assoċjazzjoni]

1. Il-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent li huma suġġetti għall-kontroll tal-awtoritajiet doganali tar-Renju tal-Marokk għandhom jibbenefikaw mill-istess preferenzi kummerċjali bħal dawk mogħtija mill-[Unjoni] għall-prodotti koperti mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

2. Il-Protokoll Nru 4 għandu japplika mutatis mutandis għall-iskop li tiġi jiġi ddefinit il-karattru tal-oriġini tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 inkluż fir-rigward tal-provi tal-oriġini.

3. L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tal-[Unjoni] u tar-Renju tal-Marokk għandhom ikunu responsabbli għall-applikazzjoni tal-Protokoll Nru 4 għal dawn il-prodotti [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.

Id‑dritt Franċiż

27

Skont l-Artikolu 23bis tal-Kodiċi Doganali Franċiż:

“Bla ħsara għall-applikazzjoni tal-ftehim internazzjonali, l-importazzjoni tal-prodotti, materjali u prodotti ta’ kull tip u ta’ kull oriġini, li ma jissodisfawx l-obbligi leġiżlattivi jew regolamentari imposti fil-qasam tal-kummerċjalizzazzjoni jew tal-bejgħ, fuq il-prodotti, materjali jew prodotti simili nazzjonali, tista’ tiġi pprojbita jew irregolata minn ordnijiet konġunti tal-ministru tal-[E]konomija u tal-[F]inanzi, tal-Ministru responsabbli għar-[R]iżorsa u tal-Ministru tal-[A]grikultura responsabbli għar-repressjoni tal-frodi.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

28

Fit-2 ta’ Ottubru 2020, il-Confédération paysanne adixxa lill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), li huwa l-qorti tar-rinviju, b’rikors intiż, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni impliċita tal-ministre de l’Agriculture et de la Souveraineté alimentaire (il-Ministru għall-Agrikoltura u għas-Sigurtá Alimentari) kif ukoll tal-ministre de l’Économie, des Finances et de la Souveraineté industrielle et numérique (il-Ministeru għall-Ekonomija, għall-Finanzi u għas-Sovranità Industrijali u Diġitali, Franza) li jiċħdu t-talba tiegħu li jadottaw ordni li tipprojbixxi l-importazzjoni tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali skont l-Artikolu 23a tal-Kodiċi Doganali Franċiż u, min-naħa l-oħra, sabiex dawn il-Ministri jiġu ordnati jadottaw l-imsemmija ordni. Huwa jsostni, essenzjalment, li t-territorju tas-Saħara tal-Punent ma jagħmilx parti mit-territorju tar-Renju tal-Marokk u li, konsegwentement, l-ittikkettjar li jindika li l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali joriġinaw mill-Marokk jikser id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar l-informazzjoni lill-konsumaturi dwar l-oriġini tal-frott u tal-ħaxix offruti għall-bejgħ.

29

Il-qorti tar-rinviju tfakkar, fl-ewwel lok, li mil-leġiżlazzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta li r-rekwiżit li jiġi indikat il-pajjiż jew it-territorju ta’ oriġini ta’ prodott għandu, bħala prinċipju, jiġi osservat sa mill-istadju tal-importazzjoni ta’ dan il-prodott. Hija tosserva wkoll li din il-leġiżlazzjoni ma tagħtix espressament kompetenza lill-Istati Membri sabiex jadottaw miżuri ta’ projbizzjoni ta’ importazzjonijiet ta’ prodotti li ma jikkonformawx ma’ dan ir-rekwiżit. Madankollu, hija tqis li tali miżura tista’ tiġi ġġustifikata b’mod partikolari fil-każ fejn il-ksur tal-imsemmija leġiżlazzjoni jkun ta’ natura “massiva” li jagħmel diffiċli t-twettiq ta’ kontrolli ladarba l-prodotti kkonċernati jinxterdu fit-territorju tal-Unjoni.

30

Konsegwentement, din il-qorti tistaqsi dwar il-possibbiltà li l-istess leġiżlazzjoni tiġi interpretata fis-sens li tawtorizza lil Stat Membru jadotta miżura nazzjonali ta’ projbizzjoni ta’ importazzjonijiet, li ġejjin minn pajjiż terz, ta’ prodotti li l-ittikkettjar tagħhom ma jindikax b’mod korrett il-pajjiż jew it-territorju li minnu joriġinaw, meta din il-prattika jkollha natura “massiva” li trendi l-kontroll ta’ dawn il-prodotti diffiċli ladarba jkunu jinsabu fit-territorju tal-Unjoni.

31

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tfakkar li, permezz tas-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973), u tas‑27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK (C‑266/16, EU:C:2018:118), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mill-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u mill-prinċipju ta’ effett relattiv tat-trattati jirriżulta li t-territorju tas-Saħara tal-Punent ma setax jitqies bħala li jagħmel parti mit-territorju tar-Renju tal-Marokk, fis-sens tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni kif ukoll mill-ftehimiet subordinati għalih. Madankollu, hija tosserva li, wara dawn is-sentenzi, ir-Renju tal-Marokk u l-Unjoni kkonkludew il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri, li ġie approvat bid-Deċiżjoni 2019/217. Dan il-ftehim jestendi għall-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent il-benefiċċju tal-preferenzi tariffarji mogħti lill-prodotti ta’ oriġini Marokkina esportati lejn l-Unjoni.

32

Din il-qorti żżid li, għalkemm id-Deċiżjoni 2019/217 ġiet annullata permezz tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑29 ta’ Settembru 2021, Front Polisario vs Il‑Kunsill (T‑279/19, EU:T:2021:639), l-effetti tagħha madankollu nżammu sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni kontra l-imsemmija sentenza. Konsegwentement, hija tindika li, fil-każ fejn Stat Membru jkun jista’ jiġi awtorizzat jadotta miżura nazzjonali ta’ projbizzjoni tal-importazzjonijiet ta’ prodotti li l-ittikkettjar tagħhom ma jindikax b’mod korrett il-pajjiż jew it-territorju li minnu joriġinaw, tqum il-kwistjoni dwar, minn naħa, jekk il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri għandux jiġi interpretat fis-sens li l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom bħala pajjiż ta’ oriġini r-Renju tal-Marokk u, min-naħa l-oħra, jekk l-awtoritajiet Marokkini humiex kompetenti sabiex joħorġu ċ-ċertifikati ta’ konformità previsti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011.

33

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tqis li, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, għandu jiġi mistoqsi wkoll jekk id-Deċiżjoni 2019/217 hijiex konformi mal-Artikolu 3(5) u mal-Artikolu 21 TUE, kif ukoll mal-prinċipju konswetudinarju ta’ awtodeterminazzjoni mfakkar b’mod partikolari fl-Artikolu 1 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

34

Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fid-dawl tal-evalwazzjonijiet dwar is-sitwazzjoni tat-territorju tas-Saħara tal-Punent li jinsabu fis-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973), u tas‑27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK (C‑266/16, EU:C:2018:118), il-leġiżlazzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, fl-istadju tal-importazzjoni tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll f’dak tal-bejgħ tagħhom lill-konsumatur, l-ittikkettjar tal-imsemmija prodotti jistax jindika r-Renju tal-Marokk bħala l-pajjiż ta’ oriġini jew jekk għandux jindika biss it-territorju tas-Saħara tal-Punent.

35

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dispożizzjonijiet tar-[Regolament Nru 1169/2011], tar-[Regolament Nru 1308/2013], tar-[Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011] u tal-[Kodiċi Doganali tal-Unjoni] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw lil Stat Membru li jadotta miżura nazzjonali li tipprojbixxi l-importazzjonijiet, minn pajjiż speċifiku, ta’ frott u ħaxix li jiksru l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1169/2011 u l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1308/2013 minħabba li ma jindikawx il-pajjiż jew it-territorju li minnu dawn effettivament joriġinaw, b’mod partikolari meta dan in-nuqqas ikun sinjifikattiv u meta jkun diffiċli li jiġi kkontrollat ladarba l-prodotti jkunu daħlu fit-territorju tal-Unjoni?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri, approvat bid-[Deċiżjoni 2019/217], għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-applikazzjoni tal-Artikoli 9 u 26 tar-[Regolament Nru 1169/2011] u tal-Artikolu 76 tar-[Regolament Nru 1308/2013], minn naħa, il-frott u l-ħaxix maħsud fit-territorju tas-Saħara tal-Punent għandhom il-Marokk bħala l-pajjiż ta’ oriġini tagħhom u, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet Marokkini huma kompetenti sabiex joħorġu ċ-ċertifikati ta’ konformità previsti mir-Regolament Nru 543/2011 għall-frott u għall-ħaxix maħsud f’dan it-territorju?

3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, id-[Deċiżjoni 2019/217] hija konformi mal-Artikolu 3(5) TUE [u] mal-Artikolu 21 TUE [kif ukoll] mal-prinċipju konswetudinarju ta’ awtodeterminazzjoni mfakkar b’mod partikolari fl-Artikolu 1 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti?

4)

L-Artikoli 9 u 26 tar-[Regolament Nru 1169/2011] u l-Artikolu 76 tar-[Regolament Nru 1308/2013] għandhom jiġu interpretati fis-sens li fl-istadju tal-importazzjoni u tal-bejgħ lill-konsumatur, l-imballaġġ tal-frott u tal-ħaxix maħsud fit-territorju tas-Saħara tal-Punent ma jistax isemmi l-Marokk bħala l-pajjiż ta’ oriġini iżda għandu jsemmi t-territorju tas-Saħara tal-Punent?”

Fuq id‑domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

36

Id-Deċiżjoni 2019/217 ġiet annullata permezz tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad‑29 ta’ Settembru 2021, Front Polisario vs Il‑Kunsill (T‑279/19, EU:T:2021:639).

37

Permezz tas-sentenza tal-lum, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑779/21 P u C‑799/21 P), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appelli ppreżentati kontra din is-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

38

Kif jirriżulta mis-sentenza tal-lum, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑779/21 P u C‑799/21 P), l-effetti ta’ din id-deċiżjoni għandhom jinżammu sal‑4 ta’ Ottubru 2025. Minn dan isegwi li l-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, kif emendati bil-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri, jistgħu jkomplu, sa din id-data, jirregolaw l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

39

Għaldaqstant, l-importazzjonijiet ta’ dawn il-prodotti ma kinux u għadhom ma humiex, f’dan l-istadju, affettwati mill-konstatazzjoni ta’ invalidità tad-Deċiżjoni 2019/217. Għalhekk jibqa’ neċessarju li jiġi ddeterminat, b’risposta għall-ewwel u għar-raba’ domanda, liema indikazzjoni tal-oriġini għandha takkumpanja dawn il-prodotti u liema tip ta’ miżura ta’ salvagwardja tista’ tittieħed minn Stat Membru meta jirriżulta li l-imsemmija prodotti huma sistematikament akkumpanjati minn indikazzjoni ta’ oriġini żbaljata.

Fuq l‑ewwel domanda

40

Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża li titressaq quddiemha. Fid-dawl ta’ dan, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li, jekk ikun il-każ, għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domanda tagħha. Effettivament, il-fatt li qorti nazzjonali tkun, formalment, ifformulat domanda preliminari billi tirreferi għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil din il-qorti l-punti kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża mressqa quddiemha, irrispettivament minn jekk għamlitx riferiment għalihom jew le meta għamlet id-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet, mill-informazzjoni kollha pprovduta mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fir-rigward tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Ministre de la Transition écologique u Premier ministre (Responsabbiltà tal-Istat għat-tniġġis tal-arja), C‑61/21, EU:C:2022:1015, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41

F’dan il-każ, mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-Confédération paysanne, essenzjalment, talab lill-ministre de l’Agriculture et de la Souveraineté alimentaire (il-Ministru għall-Agrikoltura u għas-Sovranità tal-Ikel) kif ukoll lill-ministre de l’Économie, des Finances et de la Souveraineté industrielle et numérique (il-Ministru tal-Ekonomija, tal-Finanzi u tas-Settur Industrijali u Diġitali) sabiex jadottaw ordni li tipprojbixxi l-importazzjoni, mit-territorju tas-Saħara tal-Punent, tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali minħabba li l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini li kienet tidher fuq l-ittikkettjar tal-imsemmija prodotti kienet żbaljata. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, ir-Regolament Nru 1169/2011, ir-Regolament Nru 1308/2013, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 kif ukoll il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jawtorizzawx l-adozzjoni ta’ tali miżura minn Stat Membru.

42

Kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 21 tal-konklużjonijiet tagħha, l-importazzjoni tal-merkanzija fl-Unjoni taqa’ fil-kamp tar-relazzjonijiet kummerċjali li din għandha mal-pajjiżi terzi jew mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, li huma rregolati mill-politika kummerċjali komuni, konformement mal-Artikolu 207(1) TFUE.

43

Fil-fatt, minn din id-dispożizzjoni, u b’mod partikolari mit-tieni sentenza ta’ dan il-paragrafu 1 li jipprovdi li l-politika kummerċjali komuni taqa’ fil-kuntest tal-“azzjoni esterna tal-Unjoni”, jirriżulta li l-imsemmija politika tirrigwarda l-kummerċ mal-Istati terzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Daiichi Sankyo u Sanofi‑Aventis Deutschland, C‑414/11, EU:C:2013:520, punt 50, kif ukoll tat‑22 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑137/12, EU:C:2013:675, punt 56).

44

Issa, peress li l-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-importazzjoni tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali fi Stat Membru u mhux il-kundizzjonijiet tal-bejgħ tagħhom, din għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-atti tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw il-politika kummerċjali komuni, jew tad-dispożizzjonijiet dwar strumenti ta’ politika kummerċjali li jinsabu f’atti oħra tad-dritt tal-Unjoni, li għandhom jiġu eżaminati.

45

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 207 TFUE, ir-Regolament bażiku dwar is-salvagwardja u r-Regolament Nru 1308/2013 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lil Stat Membru jadotta unilateralment miżura li tipprojbixxi l-importazzjoni ta’ prodotti agrikoli li l-ittikkettjar tagħhom huwa sistematikament mhux konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-indikazzjoni tal-pajjiż jew tat-territorju ta’ oriġini.

46

Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Artikolu 3(1)(e) TFUE jagħti lill-Unjoni kompetenza esklużiva fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni. Skont l-Artikolu 207(1) TFUE, din il-politika hija bbażata fuq prinċipji uniformi u għandha titwettaq fil-kuntest tal-prinċipji u tal-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni.

47

Min-naħa l-oħra, abbażi tal-Artikolu 2(1) TFUE, meta t-Trattati jagħtu kompetenza esklużiva lill-Unjoni f’qasam speċifiku, l-Unjoni biss tista’ tilleġiżla u tadotta atti legalment vinkolanti u l-Istati Membri jistgħu jilleġiżlaw u jadottaw atti legalment vinkolanti f’tali qasam biss jekk jingħataw is-setgħa mill-Unjoni jew sabiex jimplimentaw l-atti tal-Unjoni.

48

Minn dan isegwi li l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw unilateralment miżura li tipprojbixxi l-importazzjoni ta’ kategorija ta’ prodotti li joriġinaw minn territorju jew minn pajjiż terz, peress li l-imsemmija importazzjoni hija barra minn hekk permessa u rregolata minn ftehim kummerċjali konkluż mill-Unjoni, sakemm ma humiex espressament awtorizzati jagħmlu dan mid-dritt tal-Unjoni.

49

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 1 tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardja jipprevedi, essenzjalment, li, bl-eċċezzjoni tal-prodotti tessili u tal-prodotti li ġejjin minn ċerti pajjiżi terzi, li fosthom ma hemm la r-Renju tal-Marokk u lanqas is-Saħara tal-Punent, l-importazzjoni fl-Unjoni ta’ prodotti li joriġinaw minn pajjiżi terzi hija libera u għalhekk ma hija suġġetta għal ebda restrizzjoni kwantitattiva, filwaqt li żżid li dan huwa bla ħsara għall-miżuri ta’ salvagwardja li jistgħu jittieħdu skont il-Kapitolu V ta’ dan ir-regolament. Mill-Artikolu 15(1) tal-imsemmi regolament jirriżulta li, fil-każ ta’ riskju ta’ dannu serju kkawżat lill-produtturi tal-Unjoni, għandhom jiġu adottati miżuri ta’ salvagwardja mill-Kummissjoni fuq talba ta’ Stat Membru jew fuq inizjattiva tagħha stess.

50

Barra minn hekk, l-Artikolu 194 tar-Regolament Nru 1308/2013, li jinsab fil-Parti III ta’ dan ir-regolament iddedikata għall-kummerċ mal-pajjiżi terzi, jistabbilixxi sistema ta’ salvagwardja analoga għal dik li tirriżulta mill-Artikolu 15 tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardja, sa fejn huwa bbażat ukoll fuq miżuri meħuda mill-Kummissjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ prodotti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1308/2013.

51

Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet dwar il-miżuri ta’ salvagwardja li jistgħu jiġu adottati skont iż-żewġ regolamenti msemmija fil-punti 49 u 50 ta’ din is-sentenza ma jippermettux lil Stat Membru jadotta unilateralment miżura li tipprojbixxi ċerti importazzjonijiet ta’ prodotti fl-Unjoni.

52

Ċertament, l-Artikolu 24(2)(a) tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardja jipprovdi li dan ir-regolament ma jipprekludix l-adozzjoni jew l-applikazzjoni mill-Istati Membri ta’ “projbizzjonijiet, restrizzjonijiet kwantitattivi jew miżuri tas-sorveljanza għal raġunijiet ta’ moralità pubblika, politika pubblika jew sigurtà pubblika; il-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni umani, tal-annimali jew tal-pjanti, il-protezzjoni tat-teżori nazzjonali li jkollhom valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku, jew il-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali”. Kif irrilevat, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tagħha, din id-dispożizzjoni tippermetti, għal raġunijiet komparabbli ma’ dawk stabbiliti fl-Artikolu 36 TFUE fir-rigward tal-aspett intern tas-suq uniku (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2002, Expo Casa Manta,C‑296/00, EU:C:2002:316, punt 34), interferenza mal-libertà tal-importazzjonijiet fl-Unjoni prevista fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardja.

53

Madankollu, kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 24(2)(a) ta’ dan ir-regolament, din id-dispożizzjoni hija bla ħsara għal dispożizzjonijiet rilevanti oħra tad-dritt tal-Unjoni. F’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, li jikkonċerna l-importazzjoni ta’ prodotti agrikoli, dawn id-dispożizzjonijiet l-oħra rilevanti jinkludu, b’mod partikolari, l-Artikolu 194 tar-Regolament Nru 1308/2013, li jirriżerva, kif ġie rrilevat fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, lill-Kummissjoni l-kompetenza sabiex tieħu miżuri ta’ salvagwardja fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ prodotti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1308/2013. L-Artikolu 24(2)(a) tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardja ma jistax, konsegwentement, jinftiehem fis-sens li jawtorizza lill-Istati Membri jadottaw, unilateralment, miżuri ta’ salvagwardja fir-rigward tal-importazzjoni ta’ prodotti agrikoli.

54

Barra minn hekk, il-miżura ġenerali ta’ projbizzjoni tal-importazzjoni tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali li l-adozzjoni tagħha mir-Repubblika Franċiża hija mitluba, f’dan il-każ, mill-Confédération paysanne hija intiża, skont dan tal-aħħar, sabiex tiżgura l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar l-informazzjoni lill-konsumaturi dwar l-oriġini tal-frott u tal-ħaxix imqiegħda għall-bejgħ. Madankollu, fil-każ ta’ ksur ġeneralizzat tal-imsemmija dispożizzjonijiet mill-esportaturi, ma huwiex, jekk ikun il-każ, Stat Membru, iżda l-Kummissjoni li għandha tintervjeni fil-kuntest stabbilit mill-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni previsti mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

55

Fid-dawl tal-motivi kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 207 TFUE, ir-Regolament bażiku dwar is-salvagwardja u r-Regolament Nru 1308/2013 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jippermettux lil Stat Membru jadotta unilateralment miżura li tipprojbixxi l-importazzjoni ta’ prodotti agrikoli li l-ittikkettjar tagħhom huwa sistematikament mhux konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-indikazzjoni tal-pajjiż jew tat-territorju ta’ oriġini.

Fuq it-tieni u t-tielet domanda

56

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tagħmel it-tieni u t-tielet domanda fil-każ biss li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li għandha tirrispondi fl-affermattiv għall-ewwel domanda.

57

Issa, kif ġie konkluż fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, din l-ewwel domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv.

58

Konsegwentement, ma hemmx lok li tingħata risposta la għat-tieni u lanqas għat-tielet domanda.

Fuq ir-raba’ domanda

Fuq l‑ammissibbiltà

59

Il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni jqisu, essenzjalment, li, jekk mir-risposta għall-ewwel domanda jirriżulta li l-adozzjoni ta’ miżura bħal dik li ntalbet mir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma tistax tkun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, il-kwistjoni dwar jekk il-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali josservawx effettivament il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-indikazzjoni tal-oriġini tal-prodotti tal-ikel ma hijiex rilevanti sabiex tiġi deċiża l-kawża li tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju.

60

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq it-tilwima u li jkollha tieħu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tiddeċiedi (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2023, Mercedes-Benz Group (Responsabbiltà tal-manifatturi ta’ vetturi li għandhom apparat ta’ manipulazzjoni), C‑100/21, EU:C:2023:229, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2023, Mercedes-Benz Group (Responsabbiltà tal‑manifatturi ta’ vetturi li għandhom apparat ta’ manipulazzjoni), C‑100/21, EU:C:2023:229, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

F’dan il-każ, għalkemm l-ewwel domanda tirrigwarda biss l-importazzjoni tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-raba’ domanda tirrigwarda, min-naħa l-oħra, kemm l-istadju tal-importazzjoni tal-imsemmija prodotti kif ukoll dak tal-bejgħ tagħhom lill-konsumaturi. Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Confédération paysanne tinvoka fil-fatt, diversi drabi, in-neċessità ta’ indikazzjoni korretta tal-oriġini tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-finijiet tal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom.

63

Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tindika li r-risposta għall-motivi mqajma fir-rikors fil-kawża prinċipali timplika li jiġi ddeterminat jekk, kemm fl-istadju tal-importazzjoni tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll f’dak tal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom, l-ippakkjar tal-imsemmija prodotti għandux jindika t-territorju tas-Saħara tal-Punent u mhux dak tar-Renju tal-Marokk bħala pajjiż ta’ oriġini.

64

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raba’ domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għandhom rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali. F’dan il-kuntest, l-imsemmija domanda għandha titqies li hija rilevanti, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 60 ta’ din is-sentenza.

65

Minn dan isegwi li l-ewwel domanda hija ammissibbli.

Fuq il‑mertu

66

Mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 40 ta’ din is-sentenza jirriżulta, essenzjalment, li, sabiex tingħata risposta utli li tippermetti lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, meta dan ikun neċessarju, tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha u, jekk ikun il-każ, tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha.

67

F’dan il-każ, ir-raba’ domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 9 u 26 tar-Regolament Nru 1169/2011 kif ukoll tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1308/2013, li jipprevedu b’mod partikolari obbligi dwar l-indikazzjoni tal-provenjenza tal-prodotti tal-ikel ikkonċernati.

68

F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma ħaxix u frott. Issa, minn naħa, mill-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 1169/2011 jirriżulta li dan ir-regolament japplika bla ħsara għar-rekwiżiti ta’ ttikkettjar previsti minn dispożizzjonijiet partikolari tal-Unjoni applikabbli għal ċerti prodotti tal-ikel, kif jikkonferma, essenzjalment, l-Artikolu 26(1) tal-imsemmi regolament. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 75(1)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 75(3)(j) tiegħu, jindika li l-istandards ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-frott u tal-ħaxix jistgħu jirrigwardaw il-post ta’ oriġini tagħhom, filwaqt li l-Artikolu 76 ta’ dan ir-regolament jispeċifika li l-frott u l-ħaxix frisk intiż għall-konsumatur finali jista’ jiġi kkummerċjalizzat biss jekk il-pajjiż ta’ oriġini jkun indikat, peress li dawn l-istandards japplikaw fl-istadji kollha ta’ kummerċjalizzazzjoni, inkluż għall-importazzjoni u għall-esportazzjoni.

69

Parallellalment, l-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 jipprevedi l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1234/2007, li tħassar bir-Regolament Nru 1308/2013. Il-premessa 4 ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni tistabbilixxi li l-frott u l-ħaxix li huma intiżi li jinbiegħu friski lill-konsumatur jistgħu jiġu kkummerċjalizzati biss jekk il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom ikun indikat. B’mod iktar speċifiku, il-bettieħ charentais huwa suġġett għall-istandards ġenerali ta’ kummerċjalizzazzjoni previsti fil-Parti A tal-Anness I tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni, filwaqt li t-tadam cherry huwa suġġett għall-istandards speċifiċi ta’ kummerċjalizzazzjoni previsti fil-Parti 10 tal-Parti B tal-Anness I tal-istess regolament ta’ implimentazzjoni, fejn dawn iż-żewġ tipi ta’ standards ta’ kummerċjalizzazzjoni jinkludu, barra minn hekk, rekwiżiti dwar l-indikazzjoni tal-provenjenza tal-prodotti li huma jkopru. Għalhekk, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, peress li r-Regolament Nru 1308/2013 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 jipprevedu rekwiżiti speċifiċi fil-qasam ta’ indikazzjoni tal-oriġini tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-Regolament Nru 1169/2011 ma huwiex rilevanti sabiex tingħata risposta għar-raba’ domanda.

70

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1308/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, għandux jiġi interpretat fis-sens li, fl-istadji tal-importazzjoni u tal-bejgħ lill-konsumatur, l-ittikkettjar tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jindika s-Saħara tal-Punent, mingħajr ma jista’ jindika r-Renju tal-Marokk, bħala l-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

71

Fl-ewwel lok, kif jirriżulta mill-punti 68 u 69 ta’ din is-sentenza, l-istandards ta’ kummerċjalizzazzjoni rilevanti għall-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jipprevedu li, fl-istadji kollha ta’ kummerċjalizzazzjoni, inklużi l-importazzjoni u l-esportazzjoni, l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom hija obbligatorja.

72

Il-premessa 8 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, li fid-dawl tagħha għandhom jinqraw ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, tipprovdi, essenzjalment, li l-indikazzjoni meħtieġa mir-regoli ta’ kummerċjalizzazzjoni għandha tidher b’mod ċar fuq l-imballaġġ u/jew fuq it-tikketta tal-prodotti kkonċernati, b’mod partikolari sabiex jiġi evitat li l-konsumatur jiġi mqarraq.

73

Minn dak li jippreċedi jirriżulta li l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini li għandha neċessarjament tidher fuq il-prodotti bħall-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandhiex tkun qarrieqa (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Organisation juive européenne u Vignoble Psagot, C‑363/18, EU:C:2019:954, punt 25).

74

Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward tar-Regolament Nru 1308/2013, li l-kunċett ta’ “pajjiż ta’ oriġini” li huwa msemmi fl-Artikolu 76 ta’ dan ir-regolament għandu jiġi ddefinit b’riferiment għall-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2019, Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main,C‑686/17, EU:C:2019:659, punt 46).

75

Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 59(c) ta’ dan il-kodiċi, ir-regoli previsti fl-Artikoli 60 u 61 tiegħu dwar id-determinazzjoni tal-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija huma applikabbli għal miżuri oħra tal-Unjoni relatati mal-oriġini tal-merkanzija, bħall-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1308/2013 u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011.

76

Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “pajjiż ta’ oriġini” li jinsab kemm fil-punt 4 tal-Parti A tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, dwar b’mod partikolari l-bettieħ charentais, kif ukoll fit-Taqsima VI tal-Parti 10 tal-Parti B tal-istess anness, dwar b’mod partikolari t-tadam cherry, għandu jiġi ddefinit b’riferiment għall-Kodiċi Doganali tal-Unjoni Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2019, Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main,C‑686/17, EU:C:2019:659, punt 50).

77

F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 60 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, għandha titqies li toriġina minn “pajjiż” jew minn “territorju” partikolari l-merkanzija li tkun jew inkisbet kollha kemm hi f’dan il-pajjiż jew f’dan it-territorju, jew li tkun għaddiet mill-aħħar ipproċessar jew ħidma sostanzjali fl-imsemmi pajjiż jew fl-imsemmi territorju.

78

Konsegwentement, il-pajjiż ta’ oriġini tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa l-pajjiż jew it-territorju fejn ġew maħsuda.

79

Fir-rigward tal-kelma “pajjiż”, għandu jiġi osservat, minn naħa, li din tintuża diversi drabi mit-Trattat UE u mit-Trattat FUE bħala sinonimu tal-kelma “Stat”. Għaldaqstant, sabiex tingħata interpretazzjoni koerenti tad-dritt tal-Unjoni, għandu jingħata l-istess sens lil dan it-terminu fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, fir-Regolament Nru 1308/2013 kif ukoll fil-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Organisation juive européenne u Vignoble Psagot, C‑363/18, EU:C:2019:954, punt 28).

80

Fir-rigward, sussegwentement, tal-kunċett ta’ “Stat”, dan għandu min-naħa tiegħu jinftiehem fis-sens li jidentifika entità sovrana li teżerċita, fi ħdan il-fruntieri ġeografiċi tagħha, il-ġurisdizzjoni kollha rrikonoxxuta mid-dritt internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Organisation juive européenne u Vignoble Psagot, C‑363/18, EU:C:2019:954, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

81

Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-kelma “territorju”, mill-formulazzjoni alternattiva stess tal-Artikolu 60 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jirriżulta li din tirreferi għal entitajiet li ma humiex “pajjiżi” u, għalhekk, li ma humiex “Stati” (sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Organisation juive européenne u Vignoble Psagot (C‑363/18, EU:C:2019:954, punt 30).

82

Kif diġà osservat il-Qorti tal-Ġustizzja, tali entitajiet jinkludu b’mod partikolari spazji ġeografiċi li, filwaqt li jinsabu taħt il-ġurisdizzjoni jew taħt ir-responsabbiltà internazzjonali ta’ Stat, ikollhom xorta waħda, fir-rigward tad-dritt internazzjonali, status individwali u distint minn dak ta’ dan l-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK,C‑266/16, EU:C:2018:118, punti 62 sa 64, u tat‑12 ta’ Novembru 2019, Organisation juive européenne u Vignoble Psagot, C‑363/18, EU:C:2019:954, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

83

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fid-dawl tal-Artikolu 60 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, l-obbligu li jiġi indikat il-pajjiż ta’ oriġini tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jirriżulta, minn naħa, mir-regoli ġenerali ta’ kummerċjalizzazzjoni previsti fil-Parti A tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, kif ukoll mill-istandards speċifiċi ta’ kummerċjalizzazzjoni li jinsabu fil-Parti 10 tal-Parti B ta’ dan l-anness, u, min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 76(1), ir-Regolament Nru 1308/2013 japplika mhux biss għall-prodotti li joriġinaw minn “pajjiż”, kif mifhuma fil-punti 79 u 80 ta’ din is-sentenza, iżda wkoll għal dawk li joriġinaw minn “territorji”, kif imsemmija fil-punti 81 u 82 ta’ din is-sentenza.

84

Fit-tielet lok, f’din il-kawża, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali nħasdu fit-territorju tas-Saħara tal-Punent.

85

Issa, it-territorju tas-Saħara tal-Punent jikkostitwixxi territorju distint minn dak tar-Renju tal-Marokk (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario, C‑104/16 P, EU:C:2016:973, punt 92, u tas‑27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK,C‑266/16, EU:C:2018:118, punt 62).

86

Barra minn hekk, l-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1470 tat‑12 ta’ Ottubru 2020 dwar in-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji għall-istatistika Ewropea dwar il-kummerċ internazzjonali tal-merkanzija u dwar it-tqassim ġeografiku għal statistika oħra tan-negozju (ĠU 2020, L 334, p. 2, rettifika fil-ĠU 2021, L 104, p. 55) applikabbli għall-qasam tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni, jipprovdi kodiċi u testi distinti għas-Saħara tal-Punent u għar-Renju tal-Marokk.

87

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-territorju tas-Saħara tal-Punent għandu jiġi kkunsidrat bħala territorju doganali, fis-sens tal-Artikolu 60 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u, konsegwentement, tar-Regolament Nru 1308/2013 kif ukoll tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011. Għaldaqstant, l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini li għandha tidher fuq il-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tindika biss is-Saħara tal-Punent bħala tali, peress li l-imsemmija prodotti jinħasdu f’dan it-territorju.

88

Kull indikazzjoni oħra tkun qarrieqa, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 73 ta’ din is-sentenza. Hija tista’, fil-fatt, tqarraq bil-konsumaturi fir-rigward tal-oriġini vera tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn din tista’ tagħti x’tifhem li dawn tal-aħħar joriġinaw minn post li ma huwiex it-territorju fejn ġew maħsuda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Organisation juive européenne u Vignoble Psagot, C‑363/18, EU:C:2019:954, punt 51).

89

Fid-dawl tal-motivi kollha preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1308/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-istadji tal-importazzjoni u tal-bejgħ lill-konsumatur, l-ittikkettjar tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jindika biss is-Saħara tal-Punent bħala l-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

Fuq l‑ispejjeż

90

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 207 TFUE, ir-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet, u r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jippermettux lil Stat Membru jadotta unilateralment miżura li tipprojbixxi l-importazzjoni ta’ prodotti agrikoli li t-tikkettjar tagħhom huwa sistematikament mhux konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-indikazzjoni tal-pajjiż jew tat-territorju ta’ oriġini.

 

2)

L-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1308/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas‑7 ta’ Ġunju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 594/2013 tal‑21 ta’ Ġunju 2013,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

fl-istadji tal-importazzjoni u tal-bejgħ lill-konsumatur, l-ittikkettjar tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jindika biss is-Saħara tal-Punent bħala l-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.