|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/952 |
23.5.2025 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/952
tat-22 ta’ Mejju 2025
li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tas-S-metopren għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,
Wara li kkonsultat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,
Billi:
|
(1) |
Is-S-metopren ġiet approvata bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 91/2014 (2), soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness ta’ dak ir-Regolament. |
|
(2) |
L-approvazzjoni tas-S metopren għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18 (“l-approvazzjoni”) se tiskadi fil-31 ta’ Awwissu 2025. Fit-28 ta’ Frar 2024, tressqet applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-tiġdid tal-approvazzjoni (“l-applikazzjoni”). |
|
(3) |
Fid-19 ta’ Ġunju 2024, l-awtorità kompetenti li tevalwa tal-Irlanda infurmat lill-Kummissjoni li kienet iddeċidiet, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, li kienet meħtieġa evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni. Skont l-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti li tevalwa trid twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni fi żmien 365 jum mill-validazzjoni tagħha. |
|
(4) |
L-awtorità kompetenti li tevalwa tista’, skont il-każ, teżiġi li l-applikant jipprovdi biżżejjed data biex titwettaq l-evalwazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. F’dak il-każ, il-perjodu ta’ 365 jum jiġi sospiż għal perjodu li ma jistax jisboq total ta’ 180 jum sakemm ma tkunx iġġustifikata sospensjoni itwal min-natura tad-data rikjesta jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali. |
|
(5) |
Fi żmien 270 jum minn meta tirċievi rakkomandazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi trid tħejji u tippreżenta lill-Kummissjoni opinjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva f’konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. |
|
(6) |
Għaldaqstant, għal raġunijiet li mhumiex fil-kontroll tal-applikant, l-approvazzjoni x’aktarx li se tiskadi qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni. Għalhekk jixraq li d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tiġi posposta għal perjodu ta’ żmien twil biżżejjed biex tiġi eżaminata l-applikazzjoni. Wara li tqiesu l-limiti ta’ żmien għall-evalwazzjonijiet mill-awtorità kompetenti li tevalwa, għat-tħejjija u għall-preżentazzjoni mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi tal-opinjoni tagħha u ż-żmien meħtieġ biex il-Kummissjoni tiddeċiedi jekk iġġeddidx l-approvazzjoni, jenħtieġ li d-data tal-iskadenza tiġi posposta għad-29 ta’ Frar 2028. |
|
(7) |
Wara l-posponiment tad-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni, is-S metopren tibqa’ approvata għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 91/2014, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tas-S metopren għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18, stabbilita fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 91/2014, hija posposta għad-29 ta’ Frar 2028.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Mejju 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/528/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 91/2014 tal-31 ta’ Jannar 2014 li japprova s-S-metopren bħala sustanza attiva eżistenti għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodotti tat-tip 18 (ĠU L 32, 1.2.2014, p. 13; ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/91/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/952/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)